Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Pjan għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Pjan għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa

Dan huwa pjan tal-Kumissjoni Ewropea mfassal sabiex jgħin lill-industrija Ewropea tal-azzar tistabbilixxi l-pedamenti għall-kompetittività futura billi jinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-ħolqien tat-tkabbir u tal-impjiegi.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa (COM(2013) 407 final tal-11.6.2013 - mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

Il-pjan huwa r-rispons tal-Kummissjoni għall-kriżi fis-settur tal-azzar u jistipula azzjonijiet illi jgħinu biex jiżguraw li l-industrija tal-azzar Ewropea tibqa’ kompetittiva u sostenibbli. Huwa jfittex ukoll li jiżgura li l-industrija Ewropea tal-azzar tkun tista’ tikkompeti b’mod globali u tiżviluppa l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ prodotti tal-azzar li huma essenzjali għal industriji ewlenin oħrajn Ewropej bħall-industriji tal-karozzi, tal-kostruzzjoni, tal-elettronika, tal-inġinerija mekkanika u elettrika.

Settur tal-azzar b’saħħtu u kompetittiv huwa għalhekk importanti għall-bażi industrijali tal-Ewropa. L-UE hija t-tieni l-akbar produttur tal-azzar fid-dinja, b’output ta’ aktar minn 177 miljun tunnellata ta’ azzar fis-sena, li jammonta għal 11 % tal-output globali. Hemm madwar 500 sit ta’ produzzjoni maqsumin bejn 24 pajjiż tal-UE, li jagħmilha industrija verament Ewropea.

Tnaqqis ekonomiku

Illum, is-settur tal-azzar Ewropew jinsab f’sitwazzjoni diffiċli ħafna. Il-kriżi ekonomika li għaddejja wasslet għal tnaqqis sostanzjali fl-attività tal-manifattura u talba għall-azzar assoċjata magħha. B’riżultat ta' dan, diversi siti ta’ produzzjoni kellhom jagħlqu jew inaqqsu l-output b’telf korrispondenti ta’ impjiegi.

Il-pjan ikopri numru kbir ta’ oqsma tekniċi. Dan is-sommarju jagħti togħma tal-oqsma koperti.

Aċċess għas-suq

Fost affarijiet oħrajn, il-pjan tal-Kummissjoni jipproponi l-appoġġ għal talba għal azzar prodott fl-UE kemm hawnhekk kif ukoll barra billi jaġixxi sabiex jassigura li l-produtturi tal-azzar fl-UE jkollhom aċċess għas-swieq tal-pajjiżi mhux tal-UE permezz ta’ prattiċi ta’ negozju ġust.

Impjiegi u ħiliet

Fir-rigward tal-impjiegi, il-Kummissjoni qiegħda tfittex li tippromwovi miżuri għall-iżvilupp tal-ħiliet u miżuri li jimmiraw l-impjiegi taż-żgħażagħ fis-settur sabiex isaħħu l-kompetittività tas-settur. Idea oħra hija li tiġi esplorata l-possibilità li jintużaw fondi relevanti tal-UE sabiex jgħinu lill-ħaddiema sabiex isibu impjiegi alternattivi f’każijiet ta’ għeluq tas-siti tal-produzzjoni. Il-Kummissjoni sejra tinkoraġġixxi wkoll il-ħolqien ta’ Kunsill tal-Ħiliet Ewropew għall-industrija tal-azzar sabiex ilaqqa’ flimkien organizzazzjonijiet nazzjonali eżisenti li jaħdmu fl-iżvilupp tal-ħiliet u l-impjiegi tas-settur tal-azzar.

Koordinazzjoni

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi grupp ta’ livell għoli dwar l-azzar b’laqgħa annwali għal diskussjonijiet li huma ddiżinjati sabiex jappoġġjaw l-isforzi tas-settur Ewropew tal-azzar illi jżomm u jtejjeb il-kapaċità illi jikkompeti fis-suq dinji.

L-aħħar aġġornament: 15.05.2014

Top