Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Lejn tkabbir aktar soċjalment inklużiv fl-UE

Lejn tkabbir aktar soċjalment inklużiv fl-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2016) 127 final) — konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Din tniedi konsultazzjoni wiesgħa dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bl-għan li jintroduċi prinċipji essenzjali biex jappoġġaw swieq tax-xogħol ġusti u li jaħdmu tajjeb kif ukoll is-sistemi ta’ assistenza soċjali.
  • L-oqsma ewlenin koperti huma:
    • ugwaljanza fl-opportunitajiet u fl-aċċess għas-suq tax-xogħol,
    • kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u
    • protezzjoni soċjali.
  • L-inizjattiva hija mmirata lejn iż-żona tal-euro, filwaqt li tippermetti lil pajjiżi tal-UE oħrajn jissieħbu jekk ikunu jixtiequ.

PUNTI EWLENIN

Ugwaljanza fl-opportunitajiet u fl-aċċess għas-suq tax-xogħol

Dan jitqies bħala kruċjali sabiex jissaħħu l-opportunitajiet tal-impjieg u tittejjeb l-impjegabbiltà tal-individwi. L-oqsma koperti jinkludu:

  • ħiliet bħal-lingwa, il-litteriżmu u n- numeriżmu, kif ukoll l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja;
  • kuntratti tax-xogħol flessibbli u siguri biex jiffaċilitaw id-dħul fis-suq tax-xogħol u jippromwovu t-tranżizzjonijiet fil-karriera, filwaqt li jippermettu lil min iħaddem iwieġeb għaċ-ċaqliq fid-domanda;
  • tranżizzjonijiet professjonali siguri, inkluż impjiegi multipli u interruzzjonijiet tal-karriera;
  • appoġġ attiv għall-impjiegi għal dawk li jkunu jeħtieġu jiżviluppaw il-ħiliet u l-kwalifiki jew jiksbu esperjenza ta’ xogħol;
  • ugwaljanza bejn is-sessi u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inkluż liv adegwat u arranġamenti ta’ indukrar tat-tfal;
  • opportunitajiet indaqs, inkluż għal gruppi żvantaġġati li mhumiex diġà koperti mil-leġiżlazzjoni.

Kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti

Hemm ħtieġa li jiġi stabbilit bilanċ ta’ drittijiet u obbligi kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem biex jiġu żgurati l-flessibbiltà u s-sigurtà li jistgħu jiffaċilitaw il-ħolqien tal-impjiegi u r-reklutaġġ. L-oqsma koperti jinkludu:

  • il-kundizzjonijiet tal-impjieg, inklużi forom ta’ impjiegi deċentralizzati u awtoorganizzati u l-evitar tal-abbużi fil-perjodi ta’ prova;
  • pagi li jiżguraw standard tal-għajxien deċenti u jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-faqar fost dawk li jaħdmu;
  • is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, mhux l-inqas fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg inqas stabbli, mudelli tax-xogħol ġodda u tat-tixjiħ tal-forza tax-xogħol;
  • djalogu soċjali u l-involviment tal-ħaddiema: sħubijiet awtonomi u rappreżentattivi bil-kapaċitajiet li jilħqu ftehimiet kollettivi.

Protezzjoni soċjali adegwata u sostenibbli

Din tinkludi l-aċċess għal servizzi li huma essenzjali biex tiġi żgurata d-dinjità fil-ħajja u l-protezzjoni kontra r-riskji tal-ħajja. Din tippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol, u fis-soċjetà nnifisha. L-oqsma koperti jinkludu:

  • is-servizzi u l-benefiċċji soċjali integrati — il-konnessjoni tal-benefiċċji soċjali, l-appoġġ attiv u s-servizzi soċjali hija kruċjali għall-appoġġ effettiv;
  • il-kura tas-saħħa u l-benefiċċji tal-mard — popolazzjoni li qed tixjiħ u l-ispejjeż għoljin għat-trattamenti jqiegħdu pressjoni fuq is-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tas-saħħa;
  • pensjonijiet — l-isfida doppja taż-żieda fil-lonġevità t-tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol;
  • benefiċċji tal-qgħad li jippermettu t-tfittix tal-impjiegi u jipprovdu sigurtà u stabbiltà ekonomika matul il-perjodi ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku;
  • dħul minimu — l-isfidi attwali jinkludu livelli baxxi tal-benefiċċji u n-nuqqas ta’ ksib minħabba l-kumplessità;
  • diżabbiltà — il-persuni b’diżabbiltajiet huma f’riskju ħafna ogħla ta’ faqar u esklużjoni soċjali mill-popolazzjoni ġenerali;
  • il-kura fit-tul — l-istrutturi tal-familja li qed jinbidlu u ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol jikkontribwixxu għal żieda fid-domanda;
  • l-indukrar tat-tfal — kwistjoni ewlenija għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li jħeġġeġ l-impjieg tal-ġenituri, speċjalment għan-nisa;
  • l-abitazzjoni — in-nuqqas ta’ abitazzjoni adegwata u l-insigurtá tal-abitazzjoni huma ta’ tħassib kbir fl-UE;
  • l-aċċess għas-servizzi essenzjali, bħall-komunikazzjoni elettronika, it-trasport u s-servizzi finanzjarji.

Il-komunikazzjoni hija akkumpanjata minn żewġ dokumenti ta’ ħidma tal-persunal li jiddeskrivu x-xejriet ewlenin tal-ekonomija, tas-suq tax-xogħol u tas-soċjetà li fuqhom jissejjes il-Pilastru, u li jiddeskrivu l-kisbiet rilevanti tal-UE sa issa.

Proċess ta’konsultazzjoni

Il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu tliet għanijiet ewlenin:

  • 1.

    Li jiġu evalwati l-kisbieti eżistenti tal-UE, sa fejn id-drittijiet jibqgħu rilevanti għall-isfidi tal-lum u ta’ għada, u jekk għandhomx jiġu kkunsidrati metodi ġodda.

  • 2.

    Li ssir riflessjoni dwar xejriet ġodda fil-mudelli tax-xogħol u s-soċjetajiet, minħabba l-impatt tal-bidla demografika, tekonloġiji ġodda u fatturi oħra, u li jidentifika l-aħjar prattiki.

  • 3.

    Li jinġabru l-fehmiet dwar il-forma li għandu jieħu l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u dwar il-bżonnijiet partikolari taż-żona tal-euro. Il-konsultazzjoni għandha tgħin ukoll lill-pajjiżi tal-UE li mhumiex fiż-żona tal-euro jiddeterminaw jekk jipparteċipawx fil-Pilastru.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Tnedija ta’ konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2016) 127 final tat-8.3.2016)

ATTI RELATATI

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: L-acquis soċjali tal-UE li Jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Tnedija ta’ konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (SWD(2016) 50 final tat-8.3.2016)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Ix-xejriet ewelenin tal-ekonomija, tal-impjieg u soċjali ewlenin wara l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali Li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Tnedija ta’ konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (SWD(2016) 51 final tat-8.3.2016)

l-aħħar aġġornament 27.06.2016

Top