Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku: il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp

Kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku: il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp

 

SOMMARJU TA’:

Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jiżgura li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) jiffinanzja attivitajiet ta’ kooperazzjoni skont it-termini tal-Ftehim ta’ Cotonou*.
  • L-objettiv primarju tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) huwa t-tnaqqis u l-qerda eventwali tal-faqar.
  • Il-kooperazzjoni trid tikkontribwixxi wkoll għall-aspetti li ġejjin:
    • it-trawwim ta’ żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli u inklużiv;
    • il-konsolidazzjoni u s-sostenn tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali;
    • l-implimentazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jinkludi d-drittijiet kollha tal-bniedem.

PUNTI EWLENIN

  • Il-FEŻ huwa ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet diretti mill-Istati Membri tal-UE skont ishma ta’ kontribuzzjoni speċifiċi (“koeffiċjenti”) u huwa kopert mir-regoli finanzjarji tiegħu stess. Dan mhuwiex parti mill-baġit tal-UE.
  • Ir-riżorsi finanzjarji totali tal-11-il FEŻ jammontaw għal EUR 30.5 biljun għall-perjodu 2014-2020. (Għandu jiġi nnotat li, mill-2021, il-FEŻ ġie integrat fil-baġit tal-UE.)
  • Il-Bank Ewropew tal-Investiment se jagħmel disponibbli EUR 2.6 biljun addizzjonali fl-għamla ta’ self mir-riżorsi tiegħu stess.
  • Taħt il-11-il FEŻ, il-“koeffiċjenti tal-kontribuzzjoni” tal-Istati Membri ġew allinjati mal-koeffiċjent użat għall-baġit tal-UE (abbażi tal-introjtu nazzjonali gross per capita).
  • Il-11-il FEŻ ġie preċedut mill-10 FEŻ, li dam għaddej sitt snin mill-2008 sal-2013, b’baġit ta’ EUR 22.7 biljun. Dan kien jirrappreżenta madwar 30 % tal-infiq tal-UE fuq l-għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, filwaqt li l-bqija kienet ġejja direttament mill-baġit tal-UE.
  • Il-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi l-allokazzjonijiet finanzjarji għal kull reġjun u pajjiż Afrikan, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) skont kriterji stabbiliti fil-Ftehim ta’ Cotonou. Il-pajjiżi tal-AKP jiksbu kooperazzjoni speċifika u mfassla apposta għalihom abbażi:
    • tal-bżonnijiet tagħhom;
    • tal-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw u jaċċessaw riżorsi finanzjarji, flimkien mal-kapaċità tal-assorbiment tagħhom;
    • l-impenji u l-prestazzjoni tagħhom; u
    • l-impatt potenzjali tal-assistenza tal-UE.
  • Il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, b’mod partikolari l-pajjiżi bl-inqas żvilupp u l-pajjiżi b’introjtu baxx, kif ukoll il-pajjiżi fi stati ta’ kriżi, ta’ wara kriżi u f’sitwazzjoni fraġli u vulnerabbli, għandhom jingħataw prijorità fil-proċess tal-allokazzjoni tar-riżorsi.

Kriżi tas-sigurtà tal-ikel u xokk ekonomiku fil-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

  • Il-fondi tal-FEŻ jistgħu jerġgħu jintużaw wara d-diżimpenn tagħhom b’Deċiżjoni unanima tal-Kunsill (UE) 2022/1223. Dan kien il-każ fl-ambitu tal-11-il FEŻ biex jiffinanzja l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika u biex jindirizza l-kriżi tas-sigurtà tal-ikel u x-xokk ekonomiku fil-pajjiżi tal-AKP wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
  • Dawn il-fondi se jappoġġaw lill-pajjiżi AKP permezz ta’ assistenza umanitarja (EUR 150 miljun), il-produzzjoni sostenibbli u r-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel (EUR 350 miljun) u l-appoġġ makroekonomiku (EUR 100 miljun).
  • Il-finanzjament huwa parti mir-rispons globali tal-UE għas-sigurtà tal-ikel biex jgħin ħalli tiġi indirizzata l-kriżi tal-ikel. Dan jikkomplementa l-assistenza umanitarja diġà mmobilizzata madwar id-dinja u l-fondi mill-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali ddedikat għal proġetti dwar l-agrikoltura sostenibbli, in-nutrizzjoni bażika, l-ilma u s-sanità, u l-protezzjoni tas-sikurezza soċjali.

MINN META JIBDA JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mis-6 ta’ Marzu 2015, u se jibqa’ japplika sad-data tal-applikazzjoni finali tal-ftehim intern tal-11-il FEŻ.

SFOND

Għal iktar informazzjoni ara:

TERMINI EWLENIN

Il-Ftehim ta’ Cotonou. Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati AKP — issa magħruf bħala l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku — u l-UE, iffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2000 f’Cotonou, Benin, li jipprovdi l-qafas għar-relazzjonijiet tal-UE ma’ 79 pajjiż AKP. Is-sħubija hija bbażata fuq tliet pilastri komplementari:
  • il-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
  • il-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali; u
  • id-dimensjoni politika.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta’ Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 58, 3.3.2015, pp. 1-16).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, pp. 1-78).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2021/947 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni korretta għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li jħassar ir-Regolament (UE) 2015/323 (ĠU L 307, 3.12.2018, p. 1-21).

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2007 tal-14 ta’ Mejju 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (ĠU L 152, 13.6.2007, pp. 1-13).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 24.08.2022

Top