IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.4.2018
COM(2018) 237 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa
{SWD(2018) 137 final}
EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018DC0237
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE EUROPEAN COUNCIL, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Artificial Intelligence for Europe
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa
COM/2018/237 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.4.2018
COM(2018) 237 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa
{SWD(2018) 137 final}
1.Introduzzjoni – nilqgħu l-bidla
L-intelliġenza artifiċjali (IA) diġà saret parti minn ħajjitna – mhix fantaxjenza. Mill-użu ta’ assistent personali virtwali biex jorganizzalna l-ġurnata tax-xogħol, sal-ivvjaġġar f’vettura mingħajr sewwieq, sal-mowbajls tagħna li jissuġġerixxu diski jew ristoranti li jistgħu jogħġbuna, l-IA saret realtà.
X’inhi l-intelliġenza artifiċjali?
L-Intelliġenza artifiċjali (IA) tirreferi għal sistemi li juru mġiba intelliġenti billi janalizzaw l-ambjent tagħhom u jieħdu azzjonijiet – b’ċertu grad ta’ awtonomija – biex jiksbu għanijiet speċifiċi.
Is-sistemi bbażati fuq l-IA jistgħu jkunu purament ibbażati fuq softwer, billi jaġixxu fid-dinja virtwali (eż. assistenti bil-leħen, softwer ta’ analiżi tal-immaġnijiet, magni tat-tiftix, sistemi ta’ rikonoxximent tad-diskors u tal-wiċċ) jew inkella l-IA tista’ tkun inkorporata f’apparati ħardwer (eż. robots avvanzati, karozzi awtonomi, droni jew applikazzjonijiet tal-Internet tal-Oġġetti).
Aħna qed nużaw l-IA fuq bażi ta’ kuljum, eż. biex nittraduċu l-lingwi, niġġeneraw is-sottotitli fil-filmati jew nimblokkaw l-ispam tal-posta elettronika.
Minbarra li tagħmlilna ħajjitna eħfef, l-IA qed tgħinna nsolvu wħud mill-akbar sfidi tad-dinja: mit-trattament ta’ mard kroniku jew it-tnaqqis tar-rati ta’ fatalità fl-inċidenti tat-traffiku 1 sal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jew l-antiċipazzjoni tat-theddidiet għaċ-ċibersigurtà.
Fid-Danimarka, l-IA qed tgħinna nsalvaw il-ħajjiet billi tippermetti lis-servizzi ta’ emerġenza jiddjanjostikaw l-attakki tal-qalb jew kundizzjonijiet oħra fuq il-bażi tal-ħoss tal-leħen min iċempel. Fl-Awstrija, din qed tgħin lir-radjologi jidentifikaw it-tumuri b’aktar preċiżjoni billi minnufih tqabbel ir-raġġi X ma’ ammont kbir ta’ dejta medika oħra.
Ħafna azjendi agrikoli fl-Ewropa kollha diġà qed jużaw l-IA biex jissorveljaw il-moviment, it-temperatura u l-konsum ta’ għalf tal-annimali tagħhom. Is-sistema tal-IA mbagħad tista’ awtomatikament tadatta l-makkinarju tat-tisħin u tal-għalf biex tgħin lill-bdiewa jimmonitorjaw il-benessri tal-annimali u jkollhom aktar ħin biex jagħmlu xogħol ieħor. L-IA tgħin lill-manifatturi Ewropej biex isiru aktar effiċjenti u biex il-fabbriki jerġgħu jiġu lura fl-Ewropa wkoll 2 .
Dawn huma biss uħud mill-ħafna eżempji ta’ dak li nafu li tista’ tagħmel l-IA fis-setturi kollha, mill-enerġija sal-edukazzjoni, mis-servizzi finanzjarji sal-kostruzzjoni. Biżibilju eżempji oħra li ma jistgħux jiġu immaġinati llum se jfeġġu matul id-deċennju li jmiss.
Bħall-magna li taħdem bl-istim jew id-dawl fl-imgħoddi, l-IA qed tbiddel id-dinja, is-soċjetà u l-industrija tagħna 3 . It-tkabbir fil-qawwa komputazzjonali, id-disponibbiltà ta’ dejta u l-progress fl-algoritmi biddlu l-IA f’waħda mill-aktar teknoloġiji strateġiċi tas-seklu 21. Ninsabu fi żmien li jħoll u jorbot. Il-mod kif nittrattaw l-IA se jiddefinixxi d-dinja li ngħixu fiha. F’kuntest ta’ kompetizzjoni globali ħarxa, huwa meħtieġ qafas Ewropew solidu.
L-Unjoni Ewropea (UE) jenħtieġ li jkollha approċċ koordinat biex tisfrutta l-opportunitajiet offruti mill-IA u tindirizza l-isfidi l-ġodda li din iġġib magħha. L-UE tista’ tkun pijuniera fl-iżvilupp u fl-użu tal-IA għat-tajjeb u għal kulħadd, filwaqt li tibni fuq il-valuri tagħha u fuq l-qawwiet tagħha. Tista’ tisfrutta l-fatt li għandha:
- riċerkaturi, laboratorji u negozji ġodda tal-ogħla klassi. L-UE hija b’saħħitha wkoll fir-robotika u għandha industrija minn ta’ quddiem nett, b’mod partikolari fis-setturi tat-trasport, tal-kura tas-saħħa u tal-manifattura li jenħtieġ li jkunu minn ta’ quddiem nett fl-adozzjoni tal-IA;
- is-Suq Uniku Diġitali. Regoli komuni, pereżempju dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-fluss liberu tad-dejta fl-UE, iċ-ċibersigurtà u l-konnettività, jgħinu lill-kumpaniji jinnegozjaw, jespandu b’mod transfruntiera u jħeġġu l-investimenti; u
- ammont kbir ta’ dejta industrijali, mir-riċerka u mis-settur pubblikuli tista’ tiġi rilaxxata biex tikkontribwixxi fis-sistemi tal-IA. B’mod parallel għal din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni biex tagħmel il-qsim tad-dejta aktar faċli u biex tiftaħ aktar dejta– il-materja prima għall-IA – għall-użu mill-ġdid. Din tinkludi dejta mis-settur pubbliku, b’mod partikolari, bħal pereżempju d-dejta dwar l-utilitajiet pubbliċi u l-ambjent, kif ukoll id-dejta mir-riċerka u dwar is-saħħa.
Il-mexxejja Ewropej tellgħu l-IA fuq nett fl-aġendi tagħhom. Fl-10 ta’ April 2018, 24 Stat Membru 4 u n-Norveġja ħadu impenn li jaħdmu flimkien fuq l-IA. Filwaqt li nibnu fuq din l-approvazzjoni politika b’saħħitha, wasal iż-żmien li nagħmlu sforzi sinifikanti biex niżguraw li:
- L-Ewropa tkun kompetittiva fil-kuntest tal-IA, b’investimenti kuraġġużi li jżommu l-pass mal-piż ekonomiku tagħha. Din tirrigwarda l-għoti ta’ appoġġ lir-riċerka u lill-innovazzjoni biex tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ teknoloġiji tal-IA, u l-iskjerament biex jiġi żgurat li l-kumpaniji – b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji li jifformaw 99 % min-negozji fl-UE – ikunu jistgħu jadottaw l-IA.
- Ħadd ma jitħalla lura fit-trasformazzjoni diġitali. L-IA qed tbiddel in-natura tax-xogħol: se jinħolqu impjiegi, oħrajn se jgħibu, ħafna minnhom se jiġu ttrasformati. Il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni, fil-livelli kollha, jenħtieġ li tkun prijorità għall-gvernijiet. L-Ewropej kollha jenħtieġ li jkollhom kull opportunità biex jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu. It-talent jenħtieġ li jitrawwem u l-bilanċ bejn is-sessi u d-diversità jenħtieġ li jitħeġġu.
- It-teknoloġiji l-ġodda jkunu bbażati fuq il-valuri. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta se jsir realtà fil-25 ta’ Mejju 2018. Dan huwa pass kbir għall-bini tal-fiduċja, essenzjali fit-tul kemm għan-nies kif ukoll għall-kumpaniji. Dan huwa fejn l-approċċ sostenibbli tal-UE għat-teknoloġiji joħloq vantaġġ kompetittiv, billi jilqa’ l-bidla fuq il-bażi tal-valuri tal-Unjoni 5 . Bħal kull teknoloġija transformattiva, xi applikazzjonijiet tal-IA jistgħu joħolqu kwistjonijiet etiċi u legali ġodda, pereżempju marbuta mar-responsabbiltà jew it-teħid ta’ deċiżjonijiet potenzjalment preġudikat. Għaldaqstant, l-UE trid tara li l-IA tiġi żviluppata u applikata f’qafas xieraq li jippromwovi l-innovazzjoni u jirrispetta l-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni kif ukoll il-prinċipji etiċi bħar-responsabbiltà u t-trasparenza. L-UE tinsab ukoll f’pożizzjoni tajba biex tieħu rwol ta’ mexxej f’dan id-dibattitu fix-xena globali.
Dan hu kif l-UE tista’ tagħmel id-differenza – u tkun il-promotur ta’ approċċ għall-IA li jibbenefika lin-nies u lis-soċjetà sħiħa.
It-tnedija ta’ inizjattiva Ewropea dwar l-IA
F’Mejju 2017, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħha tal-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali 6 . Enfasizzat l-importanza li tibni fuq il-qawwiet xjentifiċi u industrijali tal-Ewropa, kif ukoll fuq in-negozji ġodda innovattivi tagħha biex tkun f’pożizzjoni minn ta’ quddiem fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji, pjattaformi u applikazzjonijiet tal-IA.
Il-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2017 iddikjara li l-UE teħtieġ sens ta’ urġenza biex tindirizza x-xejriet emerġenti bħal pereżempju l-IA “waqt li fl-istess ħin jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, ta’ drittijiet diġitali u ta’ standards etiċi” u stieden “lill-Kummissjoni biex tippreżenta approċċ Ewropew għall-intelliġenza artifiċjali” 7 . Il-Parlament Ewropew għamel rakkomandazzjonijiet ferm mifruxa dwar ir-regoli tad-dritt ċivili dwar ir-robotika u anki l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħareġ opinjoni dwar is-suġġett 8 .
Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi inizjattiva Ewropea dwar l-IA, li għandha l-għan li:
·Tagħti spinta lill-kapaċità teknoloġika u industrijali tal-UE u lill-adozzjoni tal-IA fi ħdan l-ekonomija, kemm mis-settur privat kif ukoll minn dak pubbliku 9 . Dan jinkludi investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni u aċċess aħjar għad-dejta.
·Tipprepara għall-bidliet soċjoekonomiċi li ġġib magħha l-IA billi tħeġġeġ il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ, tappoġġa t-talent, tantiċipa l-bidliet fis-suq tax-xogħol, tappoġġa t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol u l-adattament tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali.
·Tiżgura qafas etiku u legali xieraq, ibbażat fuq il-valuri tal-Unjoni u f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Dan jinkludi gwida imminenti dwar ir-regoli eżistenti fuq ir-responsabbiltà għal dannu minn prodotti, analiżi dettaljata tal-isfidi emerġenti, u kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, permezz ta’ Alleanza Ewropea għall-IA, għall-iżvilupp ta’ linji gwida dwar l-etika fl-IA 10 .
Dan kollu jeħtieġ ħidma konġunta. Abbażi tal-approċċ stabbilit f’din il-Komunikazzjoni u fid-dikjarazzjoni 11 ta’ kooperazzjoni ffirmata minn 24 Stat Membru fl-10 ta’ April 2018, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri fuq pjan koordinat dwar l-IA. Id-diskussjoni se sseħħ fil-qafas tal-pjattaforma Ewropea eżistenti ta’ inizjattivi nazzjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim dwar dan il-pjan sa tmiem l-2018. L-għanijiet ewlenin se jkunu li jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti, fil-livelli tal-UE u nazzjonali, jitħeġġu sinerġiji u kooperazzjoni fl-UE kollha, jiġu skambjati l-aħjar prattiki u tiġi ddefinita flimkien it-triq ’il quddiem biex jiġi żgurat li l-UE kollha kemm hi tkun tista’ tikkompeti globalment.
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni se toħroġ Komunikazzjoni dwar il-ġejjieni tal-mobbiltà konnessa u awtomatizzata fl-Ewropa u Komunikazzjoni dwar l-ambizzjonijiet futuri tar-riċerka u tal-innovazzjoni għall-Ewropa. L-IA se tkun element importanti ta’ dawn l-inizjattivi.
2.Il-pożizzjoni tal-UE f’kuntest internazzjonali kompetittiv
Ħafna mill-ekonomiji żviluppati jagħrfu n-natura rivoluzzjonarja tal-IA u adottaw approċċi differenti li jirriflettu s-sistemi politiċi, ekonomiċi, kulturali u soċjali tagħhom stess 12 .
Il-gvern tal-Istati Uniti ppreżenta strateġija għall-IA u fl-2016 investa madwar EUR 970 miljun f’riċerka mhux klassifikata fl-IA. Bil-“Pjan ta’ Żvilupp tal-Intelliġenza Artifiċjali tal-Ġenerazzjoni li Jmiss” tagħha, iċ-Ċina qed timmira li ssir mexxej globali sal-2030 u qed tagħmel investimenti enormi 13 . Pajjiżi oħra bħall-Ġappun u l-Kanada wkoll adottaw strateġiji għall-IA.
Fl-Istati Uniti u fiċ-Ċina, kumpaniji kbar qed jinvestu b’mod sinifikanti fl-IA u qed jisfruttaw ammonti kbar ta’ dejta 14 .
B’mod ġenerali l-Ewropa għadha lura fl-investimenti privati fl-IA, li laħħqu total ta’ madwar EUR 2,4-3,2 biljun fl-2016, meta mqabbla mas-EUR 6,5-9,7 biljun fl-Asja u mat-EUR 12,1-18,6 biljun fl-Amerika ta’ Fuq 15 .
Għaldaqstant huwa kruċjali li l-UE tkompli bil-ħidma tagħha biex toħloq ambjent li jistimola l-investimenti u tuża l-finanzjament pubbliku għall-ingranaġġ ta’ investimenti privati. Biex tagħmel dan, l-UE trid tippreserva u tibni fuq l-assi tagħha.
L-Ewropa tilqa’ l-aqwa komunità ta’ riċerka dwar l-IA fid-dinja kif ukoll imprendituri innovattivi u negozji ġodda tad-deep-tech (ibbażati fuq l-iskoperta xjentifika jew l-inġinerija) 16 . Għandha industrija b’saħħitha, li tipproduċi aktar minn kwart tar-robots tas-servizzi industrijali u professjonali tad-dinja (eż. għall-biedja ta’ preċiżjoni, għas-sigurtà, għas-saħħa u għal-loġistika) 17 , u hi minn ta’ quddiem nett fit-teknoloġiji tal-manifattura, tal-kura tas-saħħa, tat-trasport u tal-ispazju – li lkoll qed jiddependu dejjem aktar fuq l-IA. L-Ewropa taqdi rwol importanti wkoll fl-iżvilupp u fl-użu ta’ pjattaformi li jipprovdu servizzi lil kumpaniji u lil organizzazzjonijiet (negozju għal negozju), applikazzjonijiet għall-progress lejn “l-intrapriża intelliġenti” u l-gvern elettroniku.
Waħda mill-isfidi ewlenin għall-UE biex tkun kompetittiva hija li tiżgura l-użu tat-teknoloġija tal-IA fl-ekonomija tagħha. L-industrija Ewropea ma tistax titlef din l-opportunità. Sehem żgħir biss mill-kumpaniji Ewropej diġà adottaw teknoloġiji diġitali. Din ix-xejra hija partikolarment kritika fin-negozji żgħar u medji. Fl-2017, 25 % tal-intrapriżi kbar tal-UE u 10 % tal-intrapriżi żgħar u medji użaw l-analitika tal-big data. Intrapriża waħda biss minn kull ħames intrapriżi żgħar u medji kienet diġitalizzata ħafna, filwaqt li terz tal-forza tax-xogħol għad ma għandux il-ħiliet diġitali bażiċi 18 . Fl-istess ħin, il-benefiċċji tal-adozzjoni tal-IA huma rikonoxxuti b’mod mifrux. Pereżempju, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-2018 dwar it-Trasformazzjoni Diġitali turi li n-negozji fis-setturi agroalimentari u tal-kostruzzjoni li adottaw l-IA jikkonfermaw impatti pożittivi fid-dħul ta’ swieq ġodda, fit-titjib tal-prodotti jew tas-servizzi, u fil-kisba ta’ klijenti ġodda 19 .
L-isforzi tal-UE sa issa: twitti t-triq biex tisfrutta l-IA kemm jista’ jkun
Il-proġetti ffinanzjati mill-UE żviluppaw, pereżempju:
·vettura agrikola mingħajr sewwieq li tista’ taqta’ l-ħaxix ħażin b’mod mekkaniku, biex b’hekk jonqos il-bżonn ta’ pestiċidi;
·proġett pilota tal-awtostradi li juża l-IA u l-Internet tal-Oġġetti biex jipprovdi rakkomandazzjonijiet għas-sewqan sikur u jitnaqqsu l-fatalitajiet tat-triq;
·ortoproteżi robotika biex tiġi restawrata l-mobbiltà lill-persuni b’amputazzjonijiet;
·robots li jieħdu ħsieb kompiti ripetittivi għall-ħaddiema f’impjanti tal-manifattura tal-karozzi u jtejbu l-effiċjenza tal-proċess tal-manifattura.
L-IA ilha tidher fil-programmi qafas tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp sa mill-2004, b’enfasi speċifika fuq ir-robotika. L-investimenti żdiedu sa EUR 700 miljun għall-2014-2020, ikkumplementati b’EUR 2,1 biljun f’investimenti privati bħala parti minn sħubija pubblika-privata fuq ir-robotika 20 . Dawn l-isforzi kkontribwixxew b’mod sinifikant għat-tmexxija Ewropea fir-robotika.
B’mod ġenerali, ġew investiti madwar EUR 1,1 biljun fir-riċerka u fl-innovazzjoni relatati mal-IA matul il-perjodu 2014-2017 taħt il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni Orizzont 2020, inkluż fil-big data, fis-saħħa, fir-riabilitazzjoni, fit-trasport u fir-riċerka orjentata lejn l-ispazju.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet inizjattivi ewlenin li huma kruċjali għall-IA. Dawn jinkludu l-iżvilupp ta’ komponenti u sistemi elettroniċi aktar effiċjenti, bħal pereżempju ċipep mibnija speċifikament biex imexxu l-operazzjonijiet tal-IA (ċipep newromorfiċi) 21 ; kompjuters ta’ prestazzjoni għolja fost l-aqwa fid-dinja 22 kif ukoll proġetti ewlenin fuq it-teknoloġiji tal-kwantum u fuq l-immappjar ta’ moħħ il-bniedem 23 .
3.It-triq ’il quddiem: inizjattiva tal-UE dwar l-IA
3.1. Tingħata spinta lill-kapaċità teknoloġija u industrijali tal-UE u lill-użu tal-IA fl-ekonomija
Is-setturi pubbliċi u privati jridu jaħtfu l-opportunitajiet li jiġu kemm mill-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi tal-IA kif ukoll mill-applikazzjoni ta’ dawn għal firxa ta’ oqsma 24 .
L-UE jenħtieġ li tkun avangardista fl-iżviluppi teknoloġiċi fl-IA u tiżgura li dawn jiġu adottati minnufih fl-ekonomija tagħha. Dan jimplika żieda fl-investimenti biex tissaħħaħ ir-riċerka fundamentali u biex isiru kisbiet xjentifiċi kbar, tiġi aġġornata l-infrastruttura tar-riċerka tal-IA, jiġu żviluppati l-applikazzjoni tal-IA f’setturi importanti mis-saħħa sat-trasport, jiġu ffaċilitati l-użu tal-IA u l-aċċess għad-dejta.
Huwa meħtieġ sforz konġunt kemm mis-settur pubbliku (il-livelli nazzjonali u tal-UE) kif ukoll minn dak privat biex l-investimenti ġenerali jiżdiedu b’mod gradwali sal-2020 u wara din is-sena, f’konformità mal-piż ekonomiku tal-UE u mal-investimenti f’kontinenti oħra.
Ġie stmat li s-sena l-oħra fl-UE l-investimenti pubbliċi u privati għar-riċerka u għall-iżvilupp fl-IA laħqu total ta’ EUR 4-5 biljun 25 . Jenħtieġ li l-UE kollha kemm hi (is-settur pubbliku u s-settur privat flimkien) timmira biex iżżid dan l-investiment sa mill-inqas EUR 20 biljun sa tmiem l-2020. Imbagħad jenħtieġ li timmira għal aktar minn EUR 20 biljun fis-sena fid-deċennju ta’ wara (dan l-objettiv ma tippreġudika l-ebda deċiżjoni li trid tittieħed fir-rigward tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE li jmiss).
Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri fuq pjan koordinat biex tgħin fl-allinajment u fiż-żieda tal-investimenti, filwaqt li tibni fuq id-dikjarazzjoni ta’ kooperazzjoni ffirmata fl-10 ta’ April 2018.
Mingħajr sforzi bħal dawn, l-UE tirriskja li titlef l-opportunitajiet li ġġib magħha l-IA, taffaċċja eżodu ta’ mħuħ u tkun konsumatur ta’ soluzzjonijiet żviluppati xi mkien ieħor. Għaldaqstant, l-UE jenħtieġ li ssaħħaħ l-istatus tagħha bħala potenza tar-riċerka filwaqt li ġġib aktar innovazzjoni fis-suq. Maġġoranza kbira tal-kumpaniji Ewropej – sew jekk kbar jew inkella żgħar – jenħtieġ li tadotta teknoloġiji tal-IA.
It-tisħiħ tal-investimenti
2018-2020
Biex tappoġġa l-isforzi konġunti, il-Kummissjoni qed iżżid l-investimenti fl-IA taħt il-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 għal madwar EUR 1,5 biljun sa tmiem l-2020 (medja ta’ madwar EUR 500 miljun fis-sena, li tirrappreżenta żieda ta’ 70%). Taħt is-sħubijiet pubbliċi-privati eżistenti (pereżempju fir-robotika u fil-big data), dan l-investiment se jiskatta ammont addizzjonali ta’ EUR 2,5 biljun tul l-istess perjodu.
Dawn l-investimenti se jkollhom l-għan li jikkonsolidaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-IA, iħeġġu l-ittestjar u l-esperimentazzjoni, isaħħu ċ-ċentri ta’ riċerka ta’ eċċellenza fl-IA u jniedu sforzi biex l-IA titwassal lill-utenti potenzjali kollha, b’enfasi fuq l-intrapriżi żgħar u medji.
Jekk l-Istati Membri 26 u s-settur privat (lil hinn minn sħubijiet stabbiliti) jagħmlu sforzi simili ta’ investiment, l-investimenti totali fl-UE jiżdiedu għal madwar EUR 7 biljun fis-sena, u jlaħħqu total ta’ aktar minn EUR 20 biljun sa tmiem l-2020. Dan se jqiegħed lill-UE f’pożizzjoni tajba biex tkompli żżid l-isforzi tul id-deċennju li jmiss.
It-tisħiħ tar-riċerka u tal-innovazzjoni mil-laboratorju għas-suq
Il-Kummissjoni se tappoġġa t-teknoloġiji tal-IA fir-riċerka bażika u industrijali 27 . Dan jinkludi investimenti fi proġetti f’oqsma ta’ applikazzjoni importanti bħas-saħħa, is-sewqan konness u awtomatizzat, l-agrikoltura, il-manifattura, l-enerġija, it-teknoloġiji tal-internet tal-ġenerazzjoni li jmiss, is-sigurtà u l-amministrazzjonijiet pubbliċi (inkluża l-ġustizzja). Il-finanzjament se jsaħħaħ ukoll l-qawwiet tal-Ewropa fl-IA/fir-robotika inkorporata.
Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-innovazzjoni rivoluzzjonarja li toħloq swieq bħall-IA permezz tal-pilota tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni 28 . Tqiegħed għad-dispożizzjoni baġit ta’ EUR 2,7 biljun għall-2018-2020 biex jagħti appoġġ lil 1 000 proġett potenzjalment rivoluzzjonarji u lil 3 000 premju tal-fattibbiltà. Din l-iskema pilota tista’ tkun partikolarment siewja għall-iżvilupp tal-IA peress li t-teknoloġija tal-IA hija mistennija tkun parti minn ħafna proġetti, għall-applikazzjonijiet, eż. fis-saħħa, fl-agrikoltura u fil-manifattura.
Il-finanzjament fir-riċerka fundamentali huwa mistenni jiġi pprovdut mill-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, fuq il-bażi tal-eċċellenza xjentifika. L-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie jipprovdu għotjiet għall-istadji kollha tal-karrieri tar-riċerkaturi u appoġġaw ir-riċerka fl-IA fl-imgħoddi.
L-għoti ta’ appoġġ liċ-ċentri ta’ eċċellenza fir-riċerka dwar l-IA fl-Ewropa kollha
Abbażi tal-isforzi tal-Istati Membri biex jistabbilixxu b’mod konġunt ċentri ta’ riċerka ffokati fuq l-IA, il-Kummissjoni se tappoġġa u ssaħħaħ iċ-ċentri ta’ eċċellenza fl-IA fl-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ u tiffaċilita wkoll il-kollaborazzjoni u l-bini ta’ netwerks tagħhom.
It-twassil tal-IA lin-negozji żgħar u lill-utenti potenzjali kollha
Iċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali jgħinu lill-kumpaniji (speċjalment lill-intrapriżi żgħar u medji) biex jaħtfu l-opportunitajiet diġitali. Dawn joffru għarfien espert dwar it-teknoloġiji, l-ittestjar, il-ħiliet, il-mudelli kummerċjali, il-finanzjament, l-informazzjoni dwar is-suq u n-netwerking.
Pereżempju, kumpanija żgħira li tipproduċi partijiet tal-metall għall-industrija awtomobilistika tista’ tikkonsulta liċ-ċentru reġjonali (li jista’ jkun park xjentifiku, pereżempju) u titlob parir dwar kif ittejjeb il-proċess tal-manifattura bl-IA. Imbagħad, esperti miċ-ċentru jżuru l-fabbrika, janalizzaw il-proċess tal-produzzjoni, jikkonsultaw ma’ esperti oħra dwar l-IA fin-netwerk ta’ ċentri, jagħmlu proposta, u mbagħad jimplimentawha. Dawn l-attivitajiet ikunu parzjalment iffinanzjati minn flus tal-UE.
L-Ewropa tista’ tisfrutta l-benefiċċji sħaħ tal-IA biss jekk din tkun disponibbli u aċċessibbli għal kulħadd. Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-aċċess tal-utenti potenzjali kollha, speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji, kumpaniji minn setturi mhux teknoloġiċi u amministrazzjonijiet pubbliċi, għall-aħħar teknoloġiji u tħeġġiġhom jittestjaw l-IA. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta’ “pjattaforma tal-IA fuq talba”. Din se tipprovdi punt uniku ta’ aċċess għall-utenti kollha għar-riżorsi rilevanti tal-IA fl-UE, fosthom l-għarfien, ir-repożitorji tad-dejta, il-qawwa komputazzjonali (cloud, komputazzjoni ta’ prestazzjoni għolja), l-għodod u l-algoritmi. Se toffri servizzi u tagħti appoġġ lill-utenti potenzjali tat-teknoloġija, tanalizza l-argument għall-vijabbiltà wara l-IA fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom u tgħinhom jintegraw is-soluzzjonijiet tal-IA fil-proċessi, fil-prodotti u fis-servizzi tagħhom.
Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-pjattaforma, in-netwerk eżistenti ta’ aktar minn 400 Ċentru tal-Innovazzjoni Diġitali 29 se jkun strumentali. Se jitlestew Ċentri oħra u se jinħoloq netwerk dedikat ta’ Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali ffukati fuq l-IA.
Il-Kummissjoni se tanalizza wkoll it-tibdil sistemiku fil-ktajjen tal-valur biex tantiċipa l-opportunitajiet tal-IA għal intrapriżi żgħar u medji, applikazzjonijiet kritiċi pilota tal-IA industrijali f’setturi mhux teknoloġiċi, u ssaħħaħ iċ-ċentru avvanzat Ewropew ta’ appoġġ għall-manifattura għall-intrapriżi żgħar u medji.
L-għoti ta’ appoġġ għall-ittestjar u għall-esperimentazzjoni
L-ittestjar ta’ prodotti u ta’ servizzi tal-IA u l-esperimentazzjoni b’dawn huma kruċjali biex dawn ikunu lesti għas-suq, tiġi żgurata l-konformità mal-istandards u mar-regoli dwar is-sikurezza kif ukoll is-sigurtà ppjanata u biex dawk li jfasslu l-politiki jkunu jistgħu jiksbu esperjenza b’teknoloġiji ġodda biex ifasslu oqfsa legali xierqa. Il-Kummissjoni se tappoġġa t-twaqqif ta’ infrastrutturi għall-ittestjar u għall-esperimentazzjoni li huma miftuħa għal negozji ta’ kull daqs u minn kull reġjun. Filwaqt li tibni fuq in-netwerk stabbilit ta’ Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali, se titwaqqaf l-ewwel sensiela ta’ infrastrutturi għall-ittestjar u għall-esperimentazzjoni għall-prodotti u għas-servizzi tal-IA fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, tat-trasport, tal-ispezzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastrutturi, tal-produzzjoni agroalimentari u aġili.
Jiġu attirati l-investimenti privati
Minbarra l-investimenti taħt il-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjon, livell suffiċjenti ta’ investimenti privati fit-trasformazzjoni tal-IA huwa kruċjali. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi se jkompli jiġi mmobilizzat biex jattira l-investiment privat biex jappoġġa l-iżvilupp u l-użu tal-IA, bħala parti mill-isforzi usa’ għall-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment bl-għan li jintlaħaq mill-inqas total ta’ EUR 500 miljun f’investimenti f’dak il-qasam fil-perjodu 2018-2020. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Ewropew tal-Investiment għadhom kif varaw programm Pan-Ewropew ta’ EUR 2,1 biljun għal Fondi ta’ Fondi tal-Kapital ta’ Riskju – VentureEU – biex tingħata spinta lill-investiment fin-negozji ġodda u fil-kumpaniji li qed jespandu innovattivi fl-Ewropa. Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll appoġġ bħala parti mill-inizjattivi tagħha għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija 30 .
Fl-2018-20 31 , il-Kummissjoni se tinvesti madwar EUR 1,5 biljun:
·fir-riċerka u fl-innovazzjoni f’teknoloġiji tal-IA biex issaħħaħ it-tmexxija industrijali Ewropea, l-eċċellenza fix-xjenza, u tagħti appoġġ lill-applikazzjonijiet tal-IA li jindirizzaw sfidi soċjetali f’setturi bħas-saħħa, it-trasport u s-settur agroalimentari. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-innovazzjoni rivoluzzjonarja li toħloq swieq permezz tal-fażi pilota tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni;
·fit-tisħiħ taċ-ċentri ta’ eċċellenza fir-riċerka dwar l-IA; u
·fl-użu tal-IA fl-Ewropa kollha, permezz ta’ sett ta’ għodod għall-utenti potenzjali, b’enfasi fuq intrapriżi żgħar u medji, kumpaniji mhux teknoloġiċi u amministrazzjonijiet pubbliċi: dan se jinkludi pjattaforma tal-IA fuq talba li tagħti appoġġ u aċċess faċli għall-aħħar algoritmi u għarfien espert; f’netwerk ta’ Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali ffukati fuq l-IA li jiffaċilitaw l-ittestjar u l-esperimentazzjoni; u fit-twaqqif ta’ pjattaformi tad-dejta industrijali li joffru settijiet ta’ dejta ta’ kwalità għolja.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha l-għan li tistimola aktar investimenti privati fl-IA taħt l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (mill-inqas EUR 500 miljun fl-2018-20).
Wara l-2020
Il-proposti tal-Kummissjoni taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2021-2027) se jwittu t-triq għall-investimenti:
·fit-titjib tan-netwerk pan-Ewropew ta’ ċentri ta’ eċċellenza fl-IA;
·fir-riċerka u fl-innovazzjoni f’oqsma bħall-IA spjegabbli 32 , fit-tagħlim awtomatiku mhux issorveljat u fl-effiċjenza tal-enerġija u tad-dejta 33 ;
·f’Ċentri addizzjonali tal-Innnovazzjoni Diġitali, f’faċilitajiet għall-ittestjar u għall-esperimentazzjoni li jkunu l-aqwa fid-dinja f’oqsma bħat-trasport, il-kura tas-saħħa, il-qasam agroalimentari u l-manifattura, sostnuti minn ambjenti ta’ sperimentazzjoni regolatorja 34 ;
·fl-appoġġ tal-adozzjoni tal-IA minn organizzazzjonijiet f’kull settur, inklużi l-applikazzjonijiet ta’ interess pubbliku, permezz ta’ koinvestiment mal-Istati Membri;
·fl-esplorazzjoni tal-akkwist konġunt tal-innovazzjoni għall-użu u għall-iżvilupp tal-IA; u
·f’ċentru ta’ appoġġ għall-qsim tad-dejta, li se jkun marbut mill-qrib mal-pjattaforma tal-IA fuq talba biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet għan-negozji u għas-settur pubbliku.
Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll tkompli tagħti appoġġ għal teknoloġiji u għal infrastruttura li huma l-bażi tal-IA u li jippermettu t-tħaddim tal-IA, bħall-komputazzjoni ta’ prestazzjoni għolja, il-mikroelettronika, il-fotonika, it-teknoloġiji tal-kwantum, l-Internet tal-Oġġetti u l-cloud.
B’hekk, il-Kummissjoni se tappoġġa aktar teknoloġiji u infrastrutturi effiċjenti fl-enerġija biex il-katina tal-valur tal-IA ssir aktar ekoloġika.
Iż-żieda tad-dejta disponibbli
L-IA teħtieġ l-iżvilupp ta’ ammonti kbar ta’ dejta. It-tagħlim awtomatiku, tip ta’ IA, jaħdem bl-identifikazzjoni ta’ xejriet fid-dejta disponibbli u mbagħad japplika l-għarfien fuq id-dejta l-ġdida 35 . Aktar ma jkun kbir is-sett ta’ dejta, aktar ma jkunu jistgħu jiġu skoperti aħjar ir-relazzjonijiet fid-dejta, anki dawk sottili. F’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tal-IA, l-ambjenti rikki fl-ammont ta’ dejta jipprovdu aktar opportunitajiet ukoll. Dan għaliex id-dejta hija l-mod li bih l-algoritmu jitgħallem dwar l-ambjent tiegħu u jinteraġixxi miegħu. Pereżempju, jekk il-magni u l-proċessi kollha f’fabbrika jipproduċu dejta kontinwament, x’aktarx li jistgħu jinkisbu awtomatizzazzjoni u ottimizzazzjoni ulterjuri bl-għajnuna tal-IA. F’kuntest analogu, eż. f’operazzjoni bbażata fuq karti mingħajr dejta diġitalizzata dwar x’inhu jseħħ, dan mhuwiex il-każ.
It-tagħlim fil-fond huwa rivoluzzjonarju għall-IA b’titjib enormi fil-prestazzjoni għal kompiti speċifiċi bħar-rikonoxximent tal-istampi jew tad-diskors, jew għat-traduzzjoni awtomatizzata.
It-tħarriġ ta’ algoritmu b’tagħlim fil-fond biex jikklassifika oġġetti jaħdem billi dan jiġi espost għal numru kbir ta’ eżempji ttikkettati (eż. stampi) li huma katergorizzati kif suppost (eż. stampi ta’ ajruplani).
Ladarba jitħarrġu, l-algoritmi jkunu jistgħu jikklassifikaw kif suppost oġġetti li qatt ma jkunu raw, f’ċerti każijiet bi preċiżjonijiet li jisbqu dawk tal-bniedem.
Avvanzi sinifikanti f’dawn it-teknoloġiji saru bl-użu ta’ settijiet ta’ dejta kbar u b’qawwa komputazzjonali mingħajr preċedenti.
Fid-dawl ta’ dan, l-aċċess għad-dejta huwa element importanti għal kuntest kompetittiv tal-IA, li l-UE jenħtieġ li tiffaċilita.
L-UE għamlet sforzi sinifikanti tul l-aħħar 15-il sena biex tiftaħ l-informazzjoni mis-settur pubbliku u r-riżultati mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku għall-użu mill-ġdid, bħad-dejta ġġenerata mill-programmi tal-UE dwar l-ispazju (Copernicus 36 , Galileo). Bl-inizjattiva tagħha biex ittejjeb l-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid tat-tali dejta, dan il-corpus ta’ dejta se jkompli jikber.
Il-politika pubblika jenħtieġ li tħeġġeġ ukoll id-disponibbiltà usa’ ta’ dejta miżmuma privatament, filwaqt li tiżgura r-rispett sħiħ għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali. Il-Kummissjoni tistieden lill-kumpaniji biex jagħrfu l-importanza tal-użu mill-ġdid ta’ dejta mhux personali, inkluż għall-finijiet ta’ taħriġ tal-IA.
Ċentru tal-assistenza ġdid għall-qsim tad-dejta se jipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-kumpaniji b’appoġġ legali u tekniku meta jippruvaw jaċċessaw dejta mingħand korpi tas-settur pubbliku u mingħand kumpaniji.
Il-Kummissjoni se tkompli tistudja kif tista’ titqiegħed aktar dejta għad-dispożizzjoni.
Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni pproponiet sett ta’ inizjattivi biex tkabbar l-ispazju tad-dejta Ewropew 37 . Dawn huma:
·Direttiva aġġornata dwar informazzjoni mis-settur pubbliku, eż. dejta dwar it-traffiku, meteoroloġika, ekonomika u finanzjarja jew reġistri kummerċjali;
·gwida dwar il-qsim tad-dejta mis-settur privat fl-ekonomija (inkluża dejta industrijali);
·Rakkomandazzjoni aġġornata dwar l-aċċess għal informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha; u
·Komunikazzjoni dwar it-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u tal-kura, inkluż il-qsim ta’ settijiet ta’ dejta ġenomiċi u ta’ settijiet ta’ dejta oħra dwar is-saħħa.
3.2.It-tħejjija għall-bidliet soċjoekonomiċi
Tul l-istorja, l-emerġenza ta’ teknoloġiji ġodda – mill-elettriku sal-internet – biddlet in-natura tax-xogħol. Din ġabet benefiċċji kbar għas-soċjetà u għall-ekonomija tagħna, iżda qajmet ukoll tħassib. L-emerġenza tal-awtomatizzazzjoni, tar-robotika u tal-IA qed tbiddel is-suq tax-xogħol, u huwa essenzjali li l-UE timmaniġġa din il-bidla.
Dawn it-teknoloġiji jistgħu jħaffu ħajjet il-ħaddiema. Pereżempju, jistgħu jgħinuhom fil-kompiti ripetittivi, f’dawk li jirrikjedu sforz kbir u saħansitra f’dawk perikolużi (pereżempju it-tindif ta’ postijiet mhux sikuri jew b’aċċess diffiċli bħal pereżempju l-pajpijiet industrijali). Jistgħu jgħinu wkoll biex jiġbru fil-qosor ammonti kbar ta’ dejta, jipprovdu informazzjoni aktar preċiża u jissuġġerixxu deċiżjonijiet, fosthom l-użu tal-IA biex tgħin lit-tobba fid-dijajożi tagħhom. Finalment dawn jgħinu biex isaħħu l-kapaċitajiet tan-nies. Fil-kuntest ta’ soċjetà li qiegħda tixjiħ, l-IA tista’ tipprovdi soluzzjonijiet ġodda biex jiġu appoġġati aktar nies biex jipparteċipaw u jibqgħu fis-suq tax-xogħol, inklużi l-persuni b’diżabbiltà. Se jkun hemm impjiegi u kompiti ġodda bħala riżultat tal-IA, li wħud minnhom huma diffiċli, jew kważi impossibbli li jitbassru. Impjiegi u kompiti oħra se jiġu sostitwiti. Filwaqt li l-kwantifikazzjoni eżatta tal-impatt tal-IA fuq l-impjiegi diffiċilment tista’ tiġi ddeterminata f’dan l-istadju, il-ħtieġa li tittieħed azzjoni hija ċara.
B’mod ġenerali, hemm tliet sfidi ewlenin għall-UE – li jixħtu dawl fuq ir-rwol fundamentali tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inklużi l-għalliema u min iħarreġ innifishom, li huma responsabbli għalihom l-Istati Membri. L-ewwel sfida hija li titħejja s-soċjetà kollha kemm hi. Dan ifissser li l-Ewropej kollha jingħataw l-għajnuna biex jiżviluppaw ħiliet diġitali bażiċi kif ukoll ħiliet li jkunu komplementari għal kwalunkwe magna u li ma jistax jiġu sostitwiti minnha bħal pereżempju l-ħsieb kritiku, il-kreattività jew il-ġestjoni. It-tieni, l-UE trid tiffoka l-isforzi biex tgħin lill-ħaddiema f’impjiegi li aktarx se jiġu ttrasformati l-aktar jew jisparixxuminħabba l-awtomatizzazzjoni, ir-robotika u l-IA. Dan jikkonċerna wkoll l-iżgurar tal-aċċess għaċ-ċittadini kollha, inklużi l-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom 38 , għall-protezzjoni soċjali 39 , f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Finalment, l-UE trid tħarreġ aktar speċjalisti fl-IA, filwaqt li tibni fuq it-tradizzjoni twila tagħha ta’ eċċellenza akkademika, toħloq l-ambjent it-tajjeb għalihom biex jaħdmu fl-UE u tattira aktar talent minn barra l-pajjiż.
Ħadd ma jitħalla lura
Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea nediet pjan komprensiv biex tgħin lin-nies ikunu attrezzati bil-ħiliet it-tajba għas-suq tax-xogħol li qed jevolvi: Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 40 . Bħala parti minn din l-aġenda, il-Kummissjoni ħarġet Rakkomandazzjoni għall-Istati Membri dwar “Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti” biex dawn itejbu l-litteriżmu bażiku, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali bażiċi tagħhom. Ġiet adottata wkoll Rakkomandazzjoni dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, li tiffoka b’mod partikolari fuq il-kisba tal-kompetenzi fix-xjenzi, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM), tal-kompetenzi diġitali, tal-intraprenditorija u tal-kreattività. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 41 li għandu l-għan li jrawwem il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali taċ-ċittadini kollha. Dan il-pjan jesplora l-impatt tal-IA fl-edukazzjoni u fit-taħriġ permezz ta’ piloti.
Filwaqt li d-diġitalizzazzjoni qed taffettwa l-istruttura tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari permezz tal-awtomatizzazzjoni ta’ impjiegi b’ħiliet medji, l-IA jista’ jkollha impatt aktar sinifikanti fuq impjiegi b’livell baxx ta’ ħiliet 42 . Jekk ma tiġix indirizzata minn kmieni u b’mod proattiv, din tista’ tgħarraq l-inugwaljanzi bejn in-nies, ir-reġjuni u l-industriji fl-UE.
Biex jimmaniġġaw it-trasformazzjoni tal-IA, il-ħaddiema li l-impjiegi tagħhom qed jinbidlu minħabba l-awtomatizzazzjoni jrid ikollhom kull opportunità biex jiksbu l-ħiliet u l-għarfien li jeħtieġu, biex jitgħallmu teknoloġija ġdida u jkunu appoġġati matul it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. L-approċċ antiċipatorju u l-fokus fuq l-investiment fin-nies jinsabu fil-qalba ta’ approċċ iċċentrat fuq il-bniedem u inklużiv għall-IA, u se jkunu jeħtieġu investiment sinifikanti. Skemi nazzjonali se jkunu essenzjali biex jiġu pprovduti titjib tal-ħiliet u taħriġ bħal dawn. Dawn se jibbenefikaw minn appoġġ mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (li jappoġġa l-iżvilupp tal-ħiliet bi EUR 27 biljun tul il-perjodu 2014-2020, li minnhom il-Fond Soċjali Ewropew jinvesti EUR 2,3 biljun b’mod speċifiku fil-ħiliet diġitali) u għandhom jibbenefikaw ukoll minn appoġġ mis-settur privat. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa wkoll ir-riċerka fl-interazzjoni u fil-kooperazzjoni bejn il-bniedem u l-IA.
It-trawwim tat-talent, tad-diversità u tal-interdixxiplinarità
L-IA ġabet magħha profili ta’ impjiegi ġodda, fost affarijiet oħra fil-qasam tal-iżvilupp ta’ algoritmi għat-tagħlim awtomatiku u innovazzjonijiet diġitali oħra 43 . B’mod ġenerali, in-numru ta’ speċjalisti fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fl-UE kiber ta’ kull sena b’5 % mill-2011 ’l hawn, hekk kif inħolqu 1,8 miljun impjieg u s-sehem ta’ dawn l-impjiegi mill-impjiegi totali żdied rapidament minn 3 % għal 3,7 % f’ħames snin biss. Hemm tal-anqas 350 000 post vakanti għal professjonisti bħal dawn fl-Ewropa, sitwazzjoni li tindika diskrepanza sinifikanti fil-ħiliet 44 . Għalhekk jenħtieġ li l-Ewropa tagħmel sforz biex iżżid in-numru ta’ persuni mħarrġa fl-IA u tħeġġeġ id-diversità. Aktar nisa u persuni ġejjin minn sfondi diversi, inklużi l-persuni b’diżabbiltà, iridu jkunu involuti fl-iżvilupp tal-IA, mill-edukazzjoni u t-taħriġ inklużivi tal-IA, sabiex jiġi żgurat li l-IA ma tkunx diskriminatorja u li tkun inklużiva. Jenħtieġ li tiġi appoġġata wkoll l-interdixxiplinarità (billi jitħeġġu l-lawrji konġunti, pereżempju fil-liġi jew il-psikoloġija u l-IA). L-importanza tal-etika fl-iżvilupp u fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda jenħtieġ li tintwera wkoll fil-programmi u fil-korsijiet. U dan ma jikkonċernax biss it-tħarriġ tal-aqwa talenti, iżda anki l-ħolqien ta’ ambjent attraenti biex dawn jibqgħu fl-UE.
L-inizjattivi li jħeġġu aktar żgħażagħ jagħżlu suġġetti dwar l-IA u oqsma relatati bħala karriera jenħtieġ li jiġu promossi. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni nediet it-“Taħriġ Prattiku għall-Opportunità Diġitali” 45 , li jappoġġa internships immirati lejn il-kisba ta’ ħiliet diġitali avvanzati, u diversi azzjonijiet tal-Koalizzazzjoni għall-Ħiliet u għall-Impjiegi Diġitali 46 għandhom l-għan li jferrxu l-ħiliet tal-kodifikazzjoni u jżidu n-numru ta’ esperti fil-qasam diġitali.
L-iżgurar li l-ħaddiema jingħataw il-possibbiltà li jadattaw u jkollhom aċċess għal opportunitajiet ġodda se jkun kruċjali biex in-nies jaċċettaw l-IA. Bħal kwalunkwe teknoloġija oħra, l-IA mhijiex xi ħaġa li tiġi imposta biss fuq is-soċjetà. Huwa f’idejn il-gvernijiet, fid-djalogu mas-sħab soċjali u mal-korpi tas-soċjetà ċivili, li flimkien imexxu l-proċess biex jiżguraw li l-benefiċċji tagħha jinqasmu b’mod mifrux u li ċ-ċittadini kollha jkunu attrezzati kif xieraq biex jisfruttaw bis-sħiħ il-vantaġġi ta’ din it-teknoloġija u jiżguraw li qed isseħħ riflessjoni usa’ dwar il-bidliet soċjetali potenzjalment aktar profondi.
Fl-2018, biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri li huma responsabbli għall-politiki relatati max-xogħol u mal-edukazzjoni, il-Kummissjoni se:
·tistabbilixxi skemi ddedikati ta’ taħriġ (mill-ġdid) b’rabta mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet 47 – li jiġbor fih negozji, trade unions, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u awtoritajiet pubbliċi – għal profili professjonali li jinsabu f’riskju li jiġu awtomatizzati, b’appoġġ finanzjarju mill-Fond Soċjali Ewropew 48 ;
·tiġbor analiżi dettaljata u inputs mingħand esperti biex tantiċipa l-bidliet fis-suq tax-xogħol u l-ispariġġ fil-ħiliet fl-UE kollha, u tinforma t-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni se (i) tippubblika rapport ta’ previżjoni dwar l-impatt tal-IA fuq l-edukazzjoni; (ii) tniedi proġetti piloti biex tbassar ir-rekwiżiti ta’ taħriġ għall-profili ta’ kompetenza tal-ġejjieni; u (iii) tippubblika rapport espert li jindirizza l-impatti tal-IA fuq is-suq tax-xogħol, b’rakkomandazzjonijiet;
·tappoġġa t-Traineeships għall-Opportunità Diġitali (2018-20) fil-ħiliet diġitali avvanzati għall-istudenti u għall-gradwati ġodda;
·tħeġġeġ, permezz tal-Koalizzazzjoni għall-Ħiliet u għall-Impjiegi Diġitali, sħubijiet bejn in-negozji u l-edukazzjoni biex jittieħdu passi biex jiġbdu u jżommu aktar talent fl-IA u jrawmu kollaborazzjoni ssoktata; u
·jistiednu lis-sħab soċjali biex jinkludu lill-IA u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija u l-impjiegi, inkluż l-importanza tad-diversità u l-bilanċ bejn is-sessi fl-impjiegi tal-IA, fil-programmi ta’ ħidma konġunti tagħhom fil-livell settorjali u transsettorjali fejn xieraq.
L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija se jintegra l-IA bejn il-kurrikuli fil-korsijiet tal-edukazzjoni li jappoġġa, biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ grupp ta’ talenti għall-IA fl-Ewropa.
Il-proposti skont il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2021-2027) se jinkludu l-appoġġ imsaħħaħ għall-kisba tal-ħiliet diġitali avvanzati inkluż l-għarfien espert speċifiku għall-IA.
Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond Ewropew kurrenti ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) lil hinn mis-sensji kkawżati mid-delokalizzazzjoni, inkluż għal dawk li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni u mill-awtomatizzazzjoni.
3.3.L-iżgurar ta’ qafas etiku u legali xieraq
Hemm bżonn ta’ ambjent ta’ fiduċja u ta’ responsabbiltà fl-iżvilupp u fl-użu tal-IA.
Il-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jikkonsistu fil-fondazzjoni tad-drittijiet li jgawdu dawk li jgħixu fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiġbor flimkien f’test wieħed id-drittijiet personali, ċiviċi, politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha li jgawdu n-nies fl-UE.
L-UE għandha qafas regolatorju b’saħħtu u bbilanċjat fuq xiex tibni, li jista’ jistabbilixxi l-istandard globali għal approċċ sostenibbli għal din it-teknoloġija. L-Unjoni għandha standards għoljin f’termini ta’ sikurezza u ta’ responsabbiltà għall-prodotti difettużi. L-ewwel regoli li jkopru l-UE dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta’ informazzjoni u regoli msaħħa dwar il-protezzjoni tad-dejta personali se jsiru realtà f’Mejju 2018.
Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta jiżgura standard għoli ta’ protezzjoni tad-dejta personali, inklużi l-prinċipji ta’ protezzjoni tad-dejta mid-disinn u prestabbilita. Dan jiggarantixxi l-moviment liberu ta’ dejta personali fi ħdan l-Unjoni. Fih dispożizzjonijiet dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet abbażi tal-ipproċessar awtomatizzat biss, inkluż il-ħolqien ta’ profili. F’każijiet bħal dawn, is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt li jiġu pprovduti b’informazzjoni sinifikattiva dwar il-loġika involuta fid-deċiżjoni 49 . Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta jagħti wkoll lill-individwi d-dritt li ma jkunux soġġetti għal teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod awtomatizzat biss, ħlief f’ċerti sitwazzjonijiet 50 . Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-applikazzjoni tar-Regolament fil-kuntest tal-IA u tistieden lill-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta u lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta biex jagħmlu l-istess.
Il-Kummissjoni ressqet ukoll sensiela ta’ proposti taħt l-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali li se tkun abilitant importanti għall-iżvilupp tal-IA, bħar-Regolament dwar il-moviment liberu ta’ dejta mhux personali, u li se jssaħħaħ il-fiduċja fl-ambjent online, bħar-Regolament dwar il-Privatezza elettronika u l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà. Dawn il-proposti jridu jiġu adottati malajr kemm jista’ jkun. Dan huwa essenzjali peress li ċ-ċittadini u n-negozji wkoll iridu jkunu jistgħu jafdaw it-teknoloġija li jinteraġixxu magħha, ikollhom ambjent legali prevedibbli u jiddependu fuq salvagwardji effettivi li jħarsu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom.
Sabiex tissaħħaħ aktar il-fiduċja, in-nies iridu jifhmu wkoll kif taħdem it-teknoloġija, u għalhekk ir-riċerka fil-kapaċità li jkunu jistgħu jiġu spjegati s-sistemi tal-IA hija importanti. Fil-fatt, biex tiżdied it-trasparenza u jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ preġudizzju jew ta’ żball, is-sistemi tal-IA jenħtieġ li jiġu żviluppati b’mod li jippermetti lill-bniedem jifhem (il-bażi ta’) l-azzjonijiet tagħhom.
Bħal kull teknoloġija jew għodda oħra, l-IA tista’ tintuża għal finijiet pożittivi iżda anki malizzjużi. Filwaqt li l-IA tiġġenera opportunitajiet ġodda ċari, din iġġib magħha sfidi u riskji wkoll, pereżempju fl-oqsma tas-sikurezza u tar-responsabbiltà, tas-sigurtà (użu kriminali jew attakki), tal-preġudizzju 51 u tad-diskriminazzjoni.
Se jkun hemm bżonn li ssir riflessjoni fuq l-interazzjonijiet bejn l-IA u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, kemm mill-perspettiva tal-uffiċji tal-proprjetà intellettwali kif ukoll minn dik tal-utenti, bl-għan li jitrawmu l-innovazzjoni u ċ-ċertezza legali b’mod ibbilanċjat 52 .
Abbozz tal-linji gwida dwar l-etika fl-IA
Bħala l-ewwel pass biex jiġi indirizzat it-tħassib etiku, se jiġi żviluppat abbozz ta’ linji gwida dwar l-etika fl-IA sa tmiem din is-sena, bl-attenzjoni xierqa għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tiġbor flimkien lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex dawn jgħinu fl-iżvilupp ta’ dan l-abbozz ta’ linji gwida.
L-abbozz tal-linji gwida se jindirizza kwistjonijiet bħal pereżempju l-ġejjieni tax-xogħol, tal-ġustizzja, tas-sikurezza, tas-sigurtà, tal-inklużjoni soċjali u tat-trasparenza algoritmika. B’mod usa’, se jeżamina l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, inkluża l-privatezza, id-dinjità, il-protezzjoni tal-konsumatur u n-nondiskriminazzjoni. Se jibni fuq il-ħidma tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda 53 u se jkun ispirat minn sforzi simili oħra 54 . Il-kumpaniji, l-istituzzjonijiet akkademiċi u organizzazzjonijiet oħra minn korpi tas-soċjetà ċivili se jkunu mistiedna jikkontribwixxu. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli bil-ħidma tagħha biex isir progress fl-etika fil-livell internazzjonali 55 .
Filwaqt li l-awtoregolamentazzjoni tista’ tipprovdi l-ewwel sett ta’ parametri referenzjarji li fuq il-bażi tiegħu jistgħu jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet u l-eżiti, l-awtoritajiet pubbliċi jridu jiżguraw li l-oqfsa regolatorji għall-iżvilupp u għall-użu tat-teknoloġiji tal-IA jkunu konformi ma’ dawn il-valuri u d-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-iżviluppi u, jekk ikun hemm bżonn, tirrieżamina l-oqfsa legali eżistenti biex tadattahom aħjar għal sfidi speċifiċi, b’mod partikolari biex tiżgura r-rispett tal-valuri bażiċi u tad-drittijet fundamentali tal-Unjoni.
Is-sikurezza u r-responsabbiltà
L-emerġenza tal-IA, b’mod partikolari l-ekosistema abilitanti kumplessa u l-karatteristika ta’ teħid awtonomu ta’ deċiżjonijiet, teħtieġ riflessjoni dwar l-adegwatezza ta’ ċerti regoli stabbiliti dwar kwistjonijiet tas-sikurezza u tal-liġi ċivili dwar ir-responsabbiltà.
Pereżempju, ir-robots avvanzati u l-prodotti tal-Internet tal-Oġġetti mħaddma bl-IA jistgħu jaġixxu b’modi li ma kinux previsti fiż-żmien meta s-sistema bdiet topera għall-ewwel darba. Fid-dawl tal-użi mifruxa tal-IA, kemm ir-regoli orizzontali kif ukoll dawk settorjali jaf ikollhom bżonn jiġu rieżaminati 56 .
Il-qafas tal-UE dwar is-sikurezza 57 diġà jindirizza l-użu maħsub u l-użu (ħażin) prevedibbli tal-prodotti meta jitqiegħdu fis-suq. Dan wassal għall-iżvilupp ta’ korp solidu ta’ standards fil-qasam ta’ apparati li jaħdmu bl-IA li l-ħin kollu qiegħed jiġi adattat skont il-progress tekniku.
L-iżvilupp ulterjuri u l-promozzjoni tat-tali standards dwar is-sikurezza u l-appoġġ fl-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni tal-UE u internazzjonali se jgħinu biex in-negozji Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġ kompetittiv, u jżidu l-fiduċja tal-konsumatur 58 .
Bħalissa l-Kummissjoni qed tivvaluta jekk il-qafas dwar is-sikurezza u l-oqfsa tal-UE u nazzjonali dwar ir-responsabbiltà humiex adatti għall-iskop tagħhom fid-dawl ta’ dawn l-isfidi l-ġodda jew jekk jenħtieġx li jiġu indirizzati xi diskrepanzi. Livell għoli ta’ sikurezza u mekkaniżmu effiċjenti ta’ rimedju għall-vittmi fil-każ ta’ ħsarat jgħin biex tinbena l-fiduċja fost l-utenti u, ma’ din, l-aċċettazzjoni soċjali ta’ dawn it-teknoloġiji.
Diġà saru evalwazzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għal Dannu minn Prodotti 59 u tad-Direttiva dwar il-Makkinarju 60 . Saret ukoll valutazzjoni inizjali fuq l-oqfsa kurrenti ta’ responsabbiltà fid-dawl tal-IA u tat-teknoloġiji emerġenti 61 . Grupp ta’ esperti se jgħin lill-Kummissjoni tanalizza aktar dawn l-isfidi 62 .
L-għoti tas-setgħa lill-individwi u lill-konsumaturi biex jisfruttaw l-IA bis-sħiħ
L-użu fuq skala kbira ta’ għodod imħaddma bl-IA fi tranżazzjonijiet min-negozju għall-konsumatur irid ikun ġust, trasparenti u konformi mal-leġiżlazzjoni dwar il-konsumatur. Il-konsumaturi jenħtieġ li jirċievu informazzjoni ċara dwar l-użu, il-karatteristiċi u l-proprjetajiet tal-prodotti mħaddma bl-IA. Jenħtieġ li l-individwi jkunu jistgħu jikkontrollaw id-dejta ġġenerata billi jużaw dawn l-għodod u jenħtieġ li jkunu jafu jekk hux qed jikkomunikaw ma’ magna jew ma’ bniedem ieħor. B’mod partikolari, meta jinteraġixxu ma’ sistema awtomatizzata, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni dwar meta l-utenti għandhom jiġu informati dwar kif jistgħu jitkellmu ma’ bniedem u kif jiżguraw li d-deċiżjonijiet ta’ sistema jkunu jistgħu jiġu vverifikati jew ikkoreġuti.
Il-Kummissjoni se:
·tistabbilixxi qafas għall-partijiet ikkonċernati u għall-esperti – l-Alleanza Ewropea għall-IA – għall-iżvilupp ta’ abbozz ta’ linji gwida dwar l-etika fl-IA, b’kunsiderazzjoni dovuta għad-drittijiet fundamentali, sa tmiem is-sena, f’kooperazzjoni mal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda;
·toħroġ dokument ta’ gwida dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għal Dannu minn Prodotti fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi sa nofs l-2019. L-għan ta’ dan huwa li jiżgura ċ-ċertezza legali għall-konsumaturi u għall-produtturi fil-każ ta’ prodotti difettużi;
·tippubblika, sa nofs l-2019, rapport dwar l-implikazzjonijiet usa’ għal diskrepanzi u orjentazzjonijiet potenzjali għall-oqfsa dwar ir-responsabbiltà u s-sikurezza għall-IA, għall-Internet tal-Oġġetti u għar-robotika;
·tappoġġa r-riċerka fl-iżvilupp ta’ IA spjegabbli u timplimenta proġett pilota propost mill-Parlament Ewropew dwar is-Sensibilizzazzjoni Algoritmika 63 , biex tiġbor bażi ta’ evidenza solida u ssostni t-tfassil ta’ risponsi tal-politika għall-isfidi miġjuba mit-teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet, li jinkludi preġudizzji u diskriminazzjoni (2018-2019); u
·tappoġġa lill-organizzazzjonijet tal-konsumatur u lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta fil-livell nazzjonali u tal-UE fil-bini ta’ fehim tal-applikazzjonijiet imħaddma bl-IA bil-kontribut tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Konsumaturi u tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.
3.4.Il-ħidma konġunta
L-involviment tal-Istati Membri
Diversi Stati Membri żviluppaw jew qed jaħdmu fuq strateġiji biex jappoġġjaw l-IA. Fid-29 ta’ Marzu 2018, Franza ppreżentat l-istrateġija nazzjonali tagħha għall-IA, li tibni fuq ir-rapport ta’ Villani 64 . Il-Ġermanja, billi segwiet l-eżempju ta’ “Industrie 4.0”, stabbilixxiet pjattaforma dwar is-sistemi ta’ tagħlim biex tippermetti li jsir djalogu strateġiku bejn id-dinja akkademika, l-industrija u l-gvern, u ressqet rapport dwar l-etika fis-sewqan awtomatizzat u konness 65 . Il-Finlandja pproponiet l-istrateġija “Tekoälyaika” tagħha biex tieħu rwol ta’ mexxej fil-qasam 66 . Kull Stat Membru hu mħeġġeġ li jkollu strateġija tal-IA li tinkludi l-investimenti fl-IA.
Il-qsim tal-aħjar prattiki, l-identifikazzjoni tas-sinerġiji u l-allinjar tal-azzjoni, fejn rilevanti, se jimmassimizzaw l-impatt tal-investimenti fl-IA u jgħinu lill-UE kollha kemm hi biex tikkompeti fil-livell globali. Il-kooperazzjoni fl-interoperabbiltà u fis-settijiet ta’ dejta, u l-ħidma konġunta fuq soluzzjonijiet legali se jipprevjenu frammentazzjoni fis-suq uniku u, b’hekk, jixprunaw l-emerġenza ta’ negozji ġodda ffokati fuq l-IA. 24 Stat Membru u n-Norveġja diġà ħadu impenn li jaħdmu flimkien fuq l-IA billi jappoġġaw l-Alleanza Ewropea għall-IA u billi jidħlu fi djalogu strateġiku mal-Kummissjoni 67 . Il-Kummissjoni se tiffaċilita dan id-djalogu u timmira li tilħaq qbil fuq pjan koordinat dwar l-IA mal-IstatI Membri sa tmiem is-sena.
L-involviment tal-partijiet ikkonċernati: it-twaqqif ta’ Alleanza Ewropea għall-IA
Fid-dawl tal-iskala tal-isfida assoċjata mal-IA, il-mobilizzazzjoni sħiħa ta’ sett varjat ta’ parteċipanti, li jinkludi negozji, organizzazzjonijiet tal-konsumatur, trade unions, u rappreżentanti oħra ta’ korpi tas-soċjetà ċivili hija essenzjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tiffaċilita l-ħolqien u t-tħaddim ta’ pjattaforma mifruxa ta’ diversi partijiet ikkonċernati, l-Alleanza Ewropea għall-IA, biex din taħdem fuq kull aspett tal-IA 68 . Il-Kummissjoni se tiffaċilita wkoll l-interazzjonijiet tal-Alleanza mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, mal-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Alleanza se tkun spazju għall-qsim tal-aħjar prattiki, tħeġġeġ l-investimenti privati u l-attivitajiet relatati mal-iżvilupp tal-IA.
Il-monitoraġġ tal-iżvilupp u tal-adozzjoni tal-IA
Ħafna mid-dibattiti li jsiru llum il-ġurnata dwar l-IA huma bbażati fuq opinjonijiet, għajdut u suppożizzjonijiet – mhux dejjem fuq fatti u xjenza. Biex tiżgura kontribut ta’ kwalità u tinforma t-tfassil tal-politika, il-Kummissjoni se tissorvelja l-adozzjoni ta’ applikazzjonijiet tal-IA fi ħdan l-ekonomija u tidentifika l-bidliet potenzjali fil-ktajjen tal-valur industrijali kkawżati mill-IA kif ukoll l-iżviluppi soċjetali u legali u s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol. Se tagħmel parametraġġ referenzjarju wkoll tal-kapaċitajiet tekniċi tal-komponenti u tas-sistemi tal-IA biex tagħti fehim realistiku ta’ fejn waslet it-teknoloġija, u tgħin biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku 69 . Il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress lejn l-objettivi u l-inizjattivi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni b’mod regolari.
Il-komunikazzjoni internazzjonali
Id-diskussjonijiet internazzjonali dwar l-IA intensifikaw wara li l-Presidenza tal-Ġappun fil-G7 xeħtet dawl fuq din il-kwistjoni fl-2016. L-Unjoni appoġġat dawn id-diskussjonijiet kemm fil-laqgħat ministerjali tal-G7 kif ukoll fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, li qed issir spazju internazzjonali importanti għad-diskussjonijiet dwar dan is-suġġett. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni ħeġġet id-diskussjonijiet dwar l-etika fl-IA fi ħdan il-G7.
Billi l-IA hija faċilment kummerċjabbli b’mod transfruntiera, soluzzjonijiet globali biss se jkunu sostenibbli f’dan il-qasam. Il-G7/G20, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi bdew jindirizzaw ir-rwol tal-IA, inkluż fid-dominju militari. L-UE se tkompli tħeġġeġ diskussjonijiet dwar l-IA u d-diversi dimensjonijiet tagħha – inkluża l-kooperazzjoni fir-riċerka u fl-innovazzjoni kif ukoll il-kompetittività – f’fora bħal dawn. Se tħeġġeġ l-użu tal-IA u tat-teknoloġiji b’mod ġenerali, biex jiġu solvuti sfidi globali, tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.
L-UE tista’ tagħti kontribuzzjoni unika għad-dibattitu dinji dwar l-IA fuq il-bażi tal-valuri u tad-drittijiet fundamentali tagħha.
·Sa tmiem is-sena, il-Kummissjoni se taħdem, bħala parti mill-pjattaforma Ewropea eżistenti ta’ inizjattivi nazzjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, fuq pjan koordinat mal-Istati Membri biex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti fil-livelli tal-UE u nazzjonali, jiġu skambjati l-aħjar modi għall-gvernijiet biex jippreparaw lill-Ewropej għat-trasformazzjoni tal-IA u jiġu indirizzati l-kunsiderazzjonijiet legali u etiċi. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tissorvelja b’mod sistematiku l-iżviluppi relatati mal-IA, eż. l-inizjattivi tal-politika fl-Istati Membri, l-adozzjoni tal-IA u l-impatt ta’ din fuq is-swieq tax-xogħol kif ukoll il-kapaċitajiet tal-IA, inklużi l-parametraġġ referenzjarju ta’ livell għoli, il-wiri tal-ħiliet kurrenti u l-iżvilupp ta’ indiċi tal-IA biex jiġu informati aħjar id-diskussjonijiet.
·Sa Lulju 2018, se titwaqqaf l-Alleanza Ewropea għall-IA. Din se tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha għall-ġbir tal-kontributi, għall-iskambju tal-fehmiet, għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta’ miżuri komuni biex jitħeġġu l-iżvilupp u l-użu tal-IA.
4.Konklużjoni
L-UE għandha bażi xjentifika u industrijali b’saħħitha fuq xiex tibni, b’laboratorji u universitajiet mill-aqwa, b’pożizzjoni rikonoxxuta fuq quddiem nett fir-robotika kif ukoll negozji ġodda innovattivi. Għandha qafas legali komprensiv li jipproteġi lill-konsumaturi filwaqt li jippromwovi l-innovazzjoni u qed tagħmel progress fil-ħolqien ta’ Suq Uniku Diġitali. L-elementi ewlenin qegħdin hemm biex l-UE ssir mexxej fir-rivoluzzjoni tal-IA, bil-mod tagħha u fuq il-bażi tal-valuri tagħha.
L-approċċ għall-IA deskritt f’dan id-dokument juri t-triq ’il quddiem u jixħet dawl fuq il-ħtieġa li ssir ħidma konġunta fil-livell Ewropew, biex jiġi żgurat li l-Ewropej kollha jkunu parti mit-trasformazzjoni diġitali, li jiġu ddedikati r-riżorsi adegwati għall-IA u li l-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni jingħataw prijorità fil-kuntest tal-IA.
Flimkien, aħna nistgħu nisfruttaw is-saħħa tal-IA għas-servizz tal-progress tal-bniedem.
Hu stmat li madwar 90 % tal-inċidenti tat-triq huma kkawżati minn żbalji tal-bniedem. Ara r-rapport tal-Kummissjoni dwar Insalvaw il-Ħajjiet: Insaħħu s-Sikurezza tal-Karozzi fl-UE (COM(2016) 0787 final).
10 imperatives for Europe in the age of AI and automation, McKinsey, 2017.
Għal kwalunkwe proposta regolatorja ġdida li għandha tkun meħtieġa biex jiġu indirizzati kwistjonijiet emerġenti mill-IA u minn teknoloġiji relatati, il-Kummissjoni tapplika l-Prinċipju tal-Innovazzjoni, sett ta’ għodod u ta’ linji gwida li ġie żviluppat biex jiġi żgurat li l-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni jkunu favorevoli għall-innovazzjoni: https://ec.europa.eu/epsc/publications/strategic-notes/towards-innovation-principle-endorsed-better-regulation_en
L-istandards jenħtieġ li ikopru wkoll l-interoperabbiltà, li hija kruċjali biex jiġu offruti għażliet akbar lill-konsumaturi u biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta.
L-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Makkinarju tindika li ċerti dispożizzjonijiet ma jindirizzawx b’mod espliċitu ċerti aspetti tat-teknoloġiji diġitali emerġenti, u l-Kummissjoni se teżamina jekk din teħtieġx tibdiliet leġiżlattivi. Dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għal Dannu minn Prodotti, il-Kummissjoni se toħroġ dokument interpretattiv ta’ gwida, li jiċċara l-kunċetti importanti fid-Direttiva.