Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
ECO/470
Fiscalis 2021-2027
OPINJONI
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-programm ‘Fiscalis’ għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni
[COM(2018) 443 final – 2018/0233 (COD)]
Relatur: Krister ANDERSSON
|
Konsultazzjoni
|
Parlament Ewropew, 14/06/2018
Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 04/07/2018
|
|
Bażi legali
|
Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
03/10/2018
|
|
Adottata fil-plenarja
|
17/10/2018
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
538
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)
|
194/2/0
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-programm Fiscalis ġdid. L-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa għadhom ibatu minn nuqqas ta’ kapaċità u kooperazzjoni insuffiċjenti u l-KESE jaqbel li hemm ħtieġa urġenti li tittejjeb l-operazzjoni tal-politika tat-taxxa, inkluża l-kooperazzjoni amministrattiva u appoġġ lill-awtoritajiet tat-taxxa.
1.2Il-KESE jaqbel li l-effiċjenza ogħla bejn l-awtoritajiet tat-taxxa hija importanti għall-koerenza u l-funzjonament tas-suq uniku u l-KESE jaqbel li tali livelli ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni jistgħu jinkisbu biss fil-livell tal-UE.
1.3Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-baġit propost ta’ EUR 270 miljun jista’ ma jkunx biżżejjed, meta wieħed iqis il-programm estensiv propost mill-Kummissjoni u d-diġitalizzazzjoni li għaddejja b’mod rapidu. Il-KESE għalhekk jirrakkomanda reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-adegwatezza tal-finanzjament.
1.4Il-KESE jemmen li huwa importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp diġitali u huwa sodisfatt bl-għan tal-Kummissjoni li tiżgura l-koordinazzjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej ma’ azzjonijiet oħra rilevanti fir-rigward ta’ gvern elettroniku fil-livell tal-UE.
1.5Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinvolvi ruħha mal-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ kors ta’ taħriġ bażiku komuni għall-awtoritajiet tat-taxxa sabiex jitjieb il-funzjonament tas-suq uniku. Il-KESE jemmen li sforz edukattiv komuni jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ Akkademja tat-Taxxa tal-UE futura għall-awtoritajiet tat-taxxa.
1.6Il-KESE jinnota l-eżitu tal-evalwazzjoni tal-programm attwali li l-azzjonijiet dwar l-awditi konġunti, gruppi ta’ proġetti, żjarat ta’ ħidma u timijiet ta’ esperti għal kollaborazzjoni tal-IT kienu fost l-aktar għodod ta’ suċċess u jħeġġeġ lill-Kummissjoni li tagħti prijorità lil dawn l-azzjonijiet fil-programm Fiscalis il-ġdid.
1.7Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni tal-programmi ta’ ħidma pluriennali sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri.
1.8Il-KESE jemmen li huwa importanti li s-soċjetà ċivili inġenerali ssir parti attiva tal-programm Fiscalis.
2.Introduzzjoni u kuntest
2.1Fi ħdan il-pakkett tagħha dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss 2021-2027, adottat fit-2 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal tiġdid tal-impenn finanzjarju tal-programm Fiscalis.
2.2Il-proposta tal-Kummissjoni tikkonċerna l-estensjoni tal-programm Fiscalis 2020 attwali li ġiet stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u hija implimentata mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati.
2.3Il-proposta tal-Kummissjoni timmira biex tiffaċilita s-simplifikazzjonijiet u l-aġġustamenti: (1) l-użu estiż ta’ somom f’daqqa/spejjeż unitarji (2) is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis fit-tipoloġija ta’ azzjonijiet biex tiġi pprovduta aktar flessibbiltà (3) definizzjoni aħjar tal-komponenti komuni u l-komponenti nazzjonali li jirriflettu aħjar ir-realtà ta’ proġetti tal-IT, u l-integrazzjoni tal-karatteristiċi tagħhom u (4) il-possibbiltà li jiġu adottati programmi ta’ ħidma pluriennali sabiex jiġi evitat il-piż amministrattiv annwali tal-komitoloġija.
2.4Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-programm se jiġi aġġustat ukoll u se jkun miftuħ għal parteċipazzjoni tal-Istati Membri, il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali kif ukoll il-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u pajjiżi terzi jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.
2.5Il-Kummissjoni tipproponi baġit ta’ EUR 270 miljun għall-perjodu 2021-2027 għall-programm Fiscalis, żieda minn EUR 223,2 miljun fil-perjodu 2014-2020. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-baġit propost se jintefaq fuq attivitajiet li jibnu l-kapaċità fl-IT.
2.6Il-Programm għandu l-għan ġenerali li jappoġġa l-awtorità tat-taxxa u t-tassazzjoni biex jissaħħaħ il-funzjonament tas-suq uniku, jitrawwem il-kompetittività tal-Unjoni u jiġu protetti l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
2.7Il-Kummisssjoni temmen li dan il-programm se jappoġġja l-politika tat-tassazzjoni permezz tat-teknoloġija amministrattiva u tal-informazzjoni (IT) attivitajiet tal-bini ta’ kapaċità u l-kooperazzjoni operazzjonali; b’hekk jipprovdi rispons mgħaġġel u konġunt għall-problemi emerġenti bħalma huma l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, id-diġitalizzazzjoni u l-mudelli kummerċjali ġodda, u fl-istess ħin jevitaw il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa għaċ-ċittadini u n-negozji fit-tranżazzjonijiet transfruntiera.
3.Kummenti ġenerali
3.1Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-programm Fiscalis l-ġdid. L-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa għadhom ibatu minn nuqqas ta’ kapaċità u kooperazzjoni insuffiċjenti, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll ma’ pajjiżi terzi, u l-KESE jaqbel li hemm ħtieġa urġenti li tittejjeb l-operazzjoni tal-politika tat-taxxa, inkluża l-kooperazzjoni amministrattiva u l-appoġġ lill-awtorità tat-taxxa.
3.2Il-KESE jaqbel li l-effiċjenza ogħla bejn l-awtoritajiet tat-taxxa hija importanti għall-koerenza u l-funzjonament tas-suq uniku u l-KESE jaqbel li tali livelli ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni jistgħu jinkisbu biss fil-livell tal-UE. Il-KESE jemmen ukoll li qafas tal-Unjoni x’aktarx li jżid ir-rata ta’ parteċipazzjoni u b’hekk jiżdiedu l-potenzjal u l-kompetittività tas-suq uniku.
3.3Il-KESE jaqbel li approċċ fil-livell tal-Unjoni b’orjentament ġdid li jiffoka fuq l-għoti ta’ appoġġ lill-awtorità tat-taxxa nazzjonali se tikkontribwixxi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa u fl-istess ħin inaqqas il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa għaċ-ċittadini u n-negozji fi tranżazzjonijiet transkonfinali. Il-KESE jaqbel li se jsaħħaħ ukoll il-funzjonament tas-suq uniku, irawwem il-kompetittività tal-Unjoni u jipproteġi l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
3.4Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-baġit propost ta’ EUR 270 miljun jista’ ma jkunx biżżejjed, meta wieħed iqis il-programm estensiv propost mill-Kummissjoni u d-diġitalizzazzjoni li għaddejja b’mod rapidu. Il-KESE għalhekk jirrakkomanda reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-adegwatezza tal-finanzjament.
3.5Il-KESE jemmen li huwa importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp diġitali u huwa sodisfatt bil-għan tal-Kummissjoni li tiżgura l-koordinazzjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej ma’ azzjonijiet oħra rilevanti fir-rigward ta’ gvern elettroniku fil-livell tal-UE.
3.6Il-KESE jinnota mill-eżitu tal-evalwazzjoni tal-programm attwali li l-azzjonijiet dwar l-awditi konġunti, gruppi ta’ proġetti, żjarat ta’ ħidma u timijiet ta’ esperti għal kollaborazzjoni tal-IT kienu fost l-aktar għodod ta’ suċċess. Konsegwentement, il-KESE jixtieq li dawn l-azzjonijiet jingħataw prijorità fil-programm Fiscalis il-ġdid.
3.7Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinvolvi ruħha mal-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ kors ta’ taħriġ bażiku komuni għall-awtoritajiet tat-taxxa sabiex jitjieb il-funzjonament tas-suq uniku. Il-KESE jemmen li sforz edukattiv komuni jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ Akkademja tat-Taxxa tal-UE futura għall-awtoritajiet tat-taxxa.
3.8Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ programmi ta’ ħidma multiannwali biex tittejjeb l-effikaċja tas-suq uniku u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri.
3.9Il-KESE jifhem li bħalissa, l-iskambju ta’ informazzjoni jikkonċerna biss il-bgħit ta’ informazzjoni mhux l-ipproċessar tal-informazzjoni. Biex tinkiseb riforma profonda u kooperazzjoni b’suċċess bejn l-Istati Membri, fir-rigward tal-bini tal-kapaċità tal-IT, il-KESE jemmen li l-funzjoni tal-proċessar ta’ skambju ta’ informazzjoni jeħtieġ li tiġi żviluppata aktar.
3.10Il-KESE jemmen li huwa importanti li s-soċjetà ċivili inġenerali issir parti attiva tal-programm Fiscalis biex timpenja ruħha ma’ u timmonitorja l-progress huwa u jevolvi l-programm.
3.11Il-KESE jirrikonoxxi n-novità, u huwa pożittiv rigward il-mekkaniżmu aktar dirett u aktar faċli għall-adattament jew għall-estensjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.
3.12Il-KESE jinsab sodisfatt li l-Proposta hija konsistenti ma’ programmi ta’ azzjoni tal-UE oħra proposti li jaġixxu fuq l-objettivi relatati bl-għan li titnaqqas l-imġiba frodulenti, l-insegwiment ta’ istituzzjonijiet aktar effettivi u miżuri ta’ appoġġ biex jinkiseb funzjonament aħjar tas-suq uniku.
3.13Il-KESE jappoġġja l-biċċa l-kbira tal-baġit propost li se jintefaq fuq attivitajiet tal-bini ta’ kapaċità fl-IT. Il-KESE ukoll jaċċetta l-għażla ta’ arkitettura tal-IT b’taħlita ta’ komponenti komuni u nazzjonali aktar milli waħda totalment ċentralizzata . Mudell elettroniku Ewropew ibbażat fuq il-preferenzi nazzjonali, ir-rekwiżiti u r-restrizzjonijiet se jiffaċilita l-kisba tal-interoperabbiltà u l-interkonnettività għal finijiet tas-suq intern b’mod proporzjonat.
3.14Il-KESE jenfasizza d-diviżjoni tar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni bejnha u bejn l-Istati Membri bħala prinċipju importanti biex flimkien jiżguraw l-iżvilupp u t-tħaddim tas-sistemi elettroniċi Ewropej. Din tiffaċilita s-sejba ta’ soluzzjoni xierqa kemm għal perspettiva iktar olistika tal-UE kif ukoll għal dak li hu applikabbli u funzjonali għal kull Stat Membru, bit-tama li tirriżulta f’kooperazzjoni ottimizzata bejn il-parteċipanti.
3.15Mhux biss l-amministrazzjonijiet fiskali se jibbenefikaw minn amministrazzjoni aktar effettiva. Il-KESE jemmen li ambjent fiskali aktar favorevoli se jagħti spinta wkoll lill-komunità tan-negozju tal-UE u jippromovi t-tkabbir. Billi jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità u l-piżijiet amministrattivi n-negozji jistgħu jiffokaw fuq l-attivitajiet prinċipali tagħhom, joħolqu t-tkabbir u opportunitajiet ta’ xogħol.
Brussell, 17 ta’ Ottubru 2018
Luca JAHIER
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
_____________