Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 4ee076d6-9c72-11eb-b85c-01aa75ed71a1

Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/489 tat-2 ta’ April 2020 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent

02020D0489 — MT — 18.03.2021 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/489

tat-2 ta’ April 2020

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent

(ĠU L 105 3.4.2020, p. 3)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1313 tal-21 ta’ Settembru 2020

  L 308

4

22.9.2020

►M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/470 tat-18 ta’ Marzu 2021

  L 96

13

19.3.2021




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/489

tat-2 ta’ April 2020

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent



▼M2

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Miroslav LAJČÁK bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent huwa estiż sal-31 ta’ Awwissu 2022. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).

▼B

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni li ġejjin fil-Balkani tal-Punent u għandu jkun konformi mal-politiki stabbiliti tal-Unjoni:

(a) 

l-ewwel u qabel kollox, li tinkiseb normalizzazzjoni komprensiva tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo, li hija essenzjali għall-perkorsi Ewropej rispettivi tagħhom;

(b) 

li jitjiebu r-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat u wkoll li tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni;

(c) 

li jissaħħu l-viżibbiltà u l-effikaċja tal-Unjoni permezz tad-diplomazija pubblika;

(d) 

li jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni fil-Balkani tal-Punent, kif adatt

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun:

(a) 

fir-rigward tal-qofol tal-mandat, li jiffaċilita f’isem ir-RGħ, id-Djalogu bejn Belgrad u Pristina f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, li jaħdem fuq in-normalizzazzjoni komprensiva tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim legalment vinkolanti li jindirizza l-kwistjonijiet pendenti kollha bejn il-partijiet f’konformità mad-dritt internazzjonali u li jikkontribwixxi għall-istabilità reġjonali, u li jissorvelja u jassisti kif meħtieġ il-ħidma tal-partijiet dwar l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet preċedenti li ntlaħqu fi ħdan il-qafas tad-Djalogu ffaċilitat mill-UE;

(b) 

barra minn hekk, kif adatt, li jaħdem lejn it-titjib tar-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat u r-rikonċiljazzjoni bejn is-sħab fil-Balkani tal-Punent, filwaqt li jgħin biex jingħeleb il-legat tal-passat;

(c) 

li jimpenja ruħu b’mod attiv fit-tisħiħ tal-effikaċja u l-viżibbiltà tal-Unjoni fil-Balkani tal-Punent permezz tad-diplomazija pubblika, kif ukoll li jikkomunika u jippromwovi l-valuri tal-Unjoni u l-aġenda usa’ tal-Unjoni għar-reġjun, kif adatt, filwaqt li jikkontribwixxi għal fehim usa’ tal-kwistjonijiet relatati mal-Unjoni u l-appoġġ għalihom;

(d) 

li jaħdem b’mod koordinat u koerenti mal-isforzi kollha tal-Unjoni u mal-politiki ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tar-reġjun, kif ukoll ma’ delegazzjonijiet tal-Unjoni, uffiċċji tal-Unjoni u b’mod partikolari ma’ RSUE oħrajn fil-Balkani tal-Punent, u li jżomm kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri;

(e) 

li jappoġġa l-ħidma tar-RGħ u l-attivitajiet tal-Unjoni fir-reġjun.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.  
Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.
2.  
Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
3.  
Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

Artikolu 5

Finanzjament

▼M1

1.  
L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mit-2 ta’ April 2020 sal-31 ta’ Marzu 2021 għandu jkun ta’ EUR 1 350 000 .

▼M2

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta’ April 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2022 għandu jkun ta’ EUR 2 580 000 .

▼B

2.  
In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3.  
L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.  
Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli li jifforma tim. It-tim għandu jinkludi kompetenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif rikjest mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.
2.  
L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jiġi kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, rispettivament (l-“awtorità emittenti”). L-esperti ssekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew għas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati biex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.
3.  
Il-persunal kollu ssekondat għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-awtorità emittenti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tar-RSUE

Dawk il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji l-oħra relatati mar-RSUE u l-membri tal-persunal tar-RSUE li huma meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni għandhom jiġu miftehmin mal-partijiet ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE ( 1 ).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u sostenn loġistiku

1.  
L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2.  
Delegazzjonijiet u uffiċċji tal-Unjoni, jew l-Istati Membri, jew it-tnejn li huma, kif adatt, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal stazzjonat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tar-RSUE u abbażi tas-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b’mod partikolari billi:

(a) 

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, inkluż miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn iż-żona ta’ responsabbiltà u ġewwa fiha, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni;

(b) 

jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona ta’ responsabbiltà;

(c) 

jiżgura li l-membri kollha tal-persunal tar-RSUE li jkunu ser jiġu stazzjonati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jew kif jaslu fiż-żona ta’ responsabbiltà, abbażi tal-livelli tar-riskju assenjati għal dik iż-żona mis-SEAE;

(d) 

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet maqbula kollha li jkunu saru wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà jiġu implimentati u jipprovdi lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ progress u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rapporti

Ir-RSUE għandu jipprovdi rapporti b’mod regolari lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu wkoll jirrapporta lil gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill, kif ikun neċessarju. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. Ir-RSUE jista’ jkun involut fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni u koerenza

1.  
Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jitħaddmu b’mod konsistenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. Għandu jfittex kuntatt mal-Istati Membri fejn ikun adatt. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati kif adatt ma’ dawk tal-Kummissjoni, l-ir-RSUE fil-Bożnija-Ħerzegovina u r-RSUE fil-Kosovo u l-Missjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) fir-reġjun, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kummissjoni, il-Kap tad-Delegazzjoni tar-RSUE u tal-Kap tal-Uffiċċju tar-RSUE. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni b’mod regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet u l-uffiċċji tal-Unjoni.
2.  
Fuq il-post, ir-RSUE għandu jżomm kuntatt mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet u l-uffiċċji tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kapijiet tal-missjonijiet tal-Istati Membri. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma’ atturi internazzjonali u reġjonali fil-kamp.

Artikolu 13

Rieżami

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu rieżaminati regolarment. ►M2  Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress regolari u rapport komprensiv finali dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sal-31 ta’ Mejju 2022. ◄

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.



( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

Top