Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0329

    Green Paper Il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ

    /* KUMM/2009/0329 finali */

    52009DC0329




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 8.7.2009

    KUMM(2009) 329 finali

    GREEN PAPER

    Il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ

    GREEN PAPER

    Il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ

    Id-daħla

    L-importanza dejjem tiżdied tal-mobilità għat-tagħlim

    Il-mobilità għat-tagħlim, jiġifieri l-mobilità transnazzjonali għall-iskop tal-kisba ta' ħiliet ġodda hija wieħed mill-modi fundamentali li bih l-individwi, partikolarment iż-żgħażagħ, jistgħu jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jimpjegaw ruħhom kif ukoll isaħħu l-iżvilupp personali tagħhom[1]. L-istudji jikkonfermaw li l-mobilità għat-tagħlim iżżid mal-kapital uman, hekk kif l-istudenti jiksbu aċċess għall-għarfien u jiżviluppaw ħiliet lingwistiċi u kompetenzi interkulturali ġodda. Barra dan, min jimpjega jagħraf u japprezza dawn il-benefiċċji[2]. L-Ewropej li huma mobbli bħala studenti żgħażagħ huma aktar probabbli li jkunu mobbli bħala ħaddiema iktar tard f'ħajjithom. Il-mobilità għat-tagħlim kellha rwol importanti biex għamlet is-sistemi u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ aktar miftuħa, aktar Ewropej u internazzjonali, aktar aċċessibbli u effiċjenti[3]. Hija tista' ssaħħaħ ukoll il-kompetittività tal-Ewropa billi tgħin biex tibni soċjetà ta' intensità għolja fl-għerf, u b'hekk tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet stipulati fl-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

    Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika internazzjonali attwali, il-Kummissjoni enfasizzat li l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, huwa kruċjali. Hija enfasizzat ukoll li għalkemm jista' jkun hemm tentazzjoni f'ċirkustanzi bħal dawn biex ir-riżorsi jiġu żvijati minn fuq attivitajiet bħal dawn, huwa preċiżament fi żminijiet ta' diffikultà ekonomika li l-investiment fl-għerf u fil-ħiliet jeħtieġ li jiġi salvagwardjat[4]. Għalhekk il-mobilità ta' min jitgħallem għandha tifforma parti minn spinta mġedda għall-bini tal-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-Ewropa biex tagħmel innovazzjonijiet u tikkompeti f'livell internazzjonali. Hija tista' tgħin ukoll biex tegħleb il-paradoss tal-immobilità li permezz tagħha saħansitra llum, meta hemm kriżi kritika, jeżistu karigi vakanti f'uħud mill-pajjiżi u s-setturi, minħabba nuqqasijiet ta' ħiliet.

    Il-mobilità għat-tagħlim għandha karatteristiċi pożittivi oħra. Tista', pereżempju, tgħin biex tiġġieled kontra r-riskji tal-iżolazzjoniżmu, il-protezzjoniżmu u l-ksenofobija li jqumu fi żminijiet ta' kriżi ekonomika. Hija tista' trawwem sens aktar profond tal-identità u ċ-ċittadinanza Ewropea fost iż-żgħażagħ. Tista' wkoll tagħti spinta ċ-ċirkolazzjoni tal-għerf li hija l-qofol għal ġejjieni tal-Ewropa bbażat fuq l-għerf.

    Minflok tkun l-eċċezzjoni, kif inhu l-każ bħalissa, il-mobilità għat-tagħlim għandha tkun karatteristika naturali ta' li tkun Ewropew u opportunità miftuħa għaż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa. B'dan il-mod hija tista’ tagħmel kontribut importanti biex tiżgura kompetittività u koeżjoni futura tal-Unjoni Ewropea.

    Għaliex Green Paper?

    Il-mobilità għat-tagħlim u l-potenzjal li għandha li tikkontribwixxi għall-istrateġiji Ewropej għat-tagħlim u l-ħiliet kienu s-suġġett ta' riflessjoni riċenti konsiderevoli. L-20 anniversarju tal-programm Erasmus fl-2007 pproduċa bosta dibattiti dwar il-benefiċċji tal-mobilità fl-edukazzjoni ogħla u l-ħtieġa li l-mobilità titwessgħa għal oqsma oħra. Il-Kunsill ikkonkluda li l-mobilità, partikolarment fl-edukazzjoni ogħla, kienet prijorità ewlenija[5]. Ir-Rapport ta' Liżbona tal-Kummissjoni Ewropea f'Diċembru 2007 għamel sejħa għal mobilità tat-tip tal-Erasmus biex issir norma tal-edukazzjoni tal-università[6]

    F'Jannar 2008, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet Forum Espert ta' Livell Għoli bil-mandat li jesplora kif għandha titwessgħa l-mobilità, mhux biss fis-settur tal-università, iżda fost iż-żgħażagħ b'mod aktar ġenerali. Il-Forum ippreżenta r-rapport tiegħu f'Ġunju 2008 li sejjaħ għal mobilità tat-tagħlim biex issir ir-regola, mhux l-eċċezzjoni fost iż-żgħażagħ tal-Ewropa. [7] F'Lulju 2008, il-"Verżjoni mġedda tal-aġenda soċjali: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-Seklu 21"[8] ħabbret li l-Kummissjoni għandha tissokta l-iżvilupp tal-"ħames libertà" billi tneħħi l-ostakoli għall-moviment ħieles tal-għerf u tippromwovi l-mobilità ta' gruppi speċifiċi bħalma huma ż-żgħażagħ. Hija indikat li kienet ippjanata Green Paper għall-2009 dwar din il-kwistjoni msemmija l-aħħar.

    Il-Kunsill ikkonkluda f'Novembru 2008 li "kull żgħażugħ/a għandu/għandha jkollu/jkollha l-opportunità li jieħu/tieħu sehem f'xi forma ta' mobilità, sew jekk din tkun tul l-istudji jew it-taħriġ tiegħu/tagħha, fil-forma ta' kollokazzjoni f'impjieg u sew jekk tkun fil-kuntest ta' attivitajiet volontarji." Huwa stieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea b'mod partikolari biex jiżviluppaw b'mod ulterjuri l-kunċett ta' mobilità għaż-żgħażagħ, matul l-istudji jew it-taħriġ tagħhom, fil-forma ta' kollokazzjoni f'impjieg, jew fil-kuntest ta' attivitajiet volontarji[9].

    Fl-aħħar, il-Leuven Communiqué, adottata fid-29 ta' April 2009 mill-Ministri inkarigati mill-edukazzjoni ogħla fil-pajjiżi li jieħdu sehem fil-Proċess ta' Bologna, tistipula li fl-2020, mill-inqas 20 % ta' dawk li ggradwaw fil-Qasam Ewropew tal-Edukazzjoni Ogħla għandhom ikunu għaddew minn perjodu ta' studju jew taħriġ barra l-pajjiż tagħhom[10].

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-impjieg ta' Ġunju 2009 elenkat il-promozzjoni ta' mobilità bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin biex tegħleb ir-riċessjoni attwali u tagħti spinta l-ħolqien tal-impjiegi. B'mod partikolari hija enfasizzat li l-mobilità tista' titqies bħala opportunità għaż-żgħażagħ qiegħda biex itejbu l-ħiliet tagħhom[11].

    Fi ftit kliem, saret ħafna riflessjoni fiċ-ċrieki politiċi u esperti dwar il-benefiċċji tal-mobilità għat-tagħlim u l-mod kif tista' titwessgħa. Jeżisti kunsens ċar li jappoġġja l-għan ta' twessigħ tal-opportunitajiet ta' mobilità u li dawn jiġu estiżi b'mod usa' liż-żgħażagħ. Issa li jinħtieġ huwa li tissokta l-elaborazzjoni ta' dan il-kunsens u jiġu ddefiniti strateġiji għall-kisba ta' dawn l-ambizzjonijiet L-iskop ta' din il-Green Paper huwa li d-dibattitu jiġi żvelat lill-partijiet interessati u lill-pubbliku ġenerali u jinkisbu l-opinjonijiet dwar l-aħjar mod kif jingħataw spinta sostanzjali l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex ikollhom esperjenza ta' mobilità.

    Liema tip ta' mobilità?

    L-ambitu tad-Dokument huwa wiesgħa; huwa jimmira li jindirizza l-qagħda taż-żgħażagħ kollha fil-kuntesti differenti kollha ta' tagħlim, jiġifieri l-iskola; fil-livelli ta' baċellerat, masters u dottorat fi ħdan l-istudji tal-università, kif ukoll apprendistati interni, apprendistati, skambji taż-żgħażagħ, xogħol ta' volontarjt jew taħriġ vokazzjonali, ġewwa l-Unjoni Ewropea jew 'il barra minnha. Huwa jqis il-mobilità għat-tagħlim bħala rilevanti fid-dixxiplini u l-oqsma kollha, bħalma huma l-kultura, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-arti, l-isport, kif ukoll l-intraprendituri żgħażagħ. Huwa jimmira li jħajjar esplorazzjoni tal-modi kif mekkaniżmi u strumenti eżistenti jistgħu jiġu mmobilizzati aħjar biex jippromwovu l-mobilità taż-żgħażagħ u l-modi kif livelli differenti ta' awtoritajiet pubbliċi - L-UE, dawk nazzjonali, reġjonali u lokali - flimkien mal-partijiet interessati l-oħra - in-negozju, is-soċjetà ċivili, l-individwi privati - jistgħu jiġu mobilizzati.

    Din il-Green Paper għandha, b'mod partikolari:

    - tfittex li tippromwovi mobilità għat-tagħlim organizzata . Dan ifisser li l-mobilità għandha tkun marbuta mar-riżultati speċifiċi tat-tagħlim u twassal għall-kisba ta' kwalifiki, credits u/jew esperjenza professjonali. Din tista' tinkludi wkoll ix-xogħol volontarju u t-tagħlim mhux formali - it-tnejn li huma jistgħu jkunu modi effettivi ħafna biex jilħqu ż-żgħażagħ li kieku mhux għal dawn ikunu fil-periklu li jsibu ruħhom 'il barra mill-ambitu tal-programmi tal-mobilità - bil-kundizzjoni li l-attivitajiet ikunu vvalidati kif suppost. Minbarra li jittratta l-mobilità appoġġjata mill-programmi Ewropej, id-Dokument ikopri wkoll forom oħra ta' mobilità għat-tagħlim appoġġjati fl-Istati Membri kif ukoll dawk imwettqa fuq bażi privata;

    - tittratta l-ewwel u qabel kollox il-mobilità bejn il-pajjiżi li bħalissa qed jieħdu sehem fil-programmi tal-UE, filwaqt li tirrifletti x-xewqat tal-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu ta' Novembru 2008, u fl-istess waqt tfittex li tiżviluppa skambji mad-dinja inġenerali. Il-konċentrazzjoni hija fuq mobilità transnazzjonali abbażi li ċaqliqa lejn pajjiż ieħor probabbli se tkun iżjed esiġenti u iżjed elevanti u hija konċentrazzjoni xierqa għal konsultazzjoni tal-UE ta' din in-natura;

    - tippromwovi mhux biss mobilità "inter pares" transkonfinali iżda fi ħdan setturi (skejjel, universitajiet, intrapriżi eċċ.). tittratta wkoll ċaqliq trans-settorjali minn madwar id-dinja tal-edukazzjoni għad-dinja tan-negozju u bil-maqlub; minn edukazzjoni sa azzjoni volontarja; minn edukazzjoni vokazzjonali għad-dinja tal-akkademiċi; minn korpi pubbliċi ta' riċerka għal negozju;

    - tikkonċentra fuq mobilità fiżika , filwaqt li tagħraf ukoll il-valur tal- mobilità virtwali - l-użu tat-TIK għall-ġemellaġġ u l-iskambju bejn iż-żgħażagħ f'ambjenti ta' tagħlim - kemm bħala mezz biex tħejji, tkattar u ssegwi ċ-ċaqliq tal-mobilità fiżika kif ukoll bħala attività li twassal mill-inqas uħud mill-benefiċċji tal-mobiltà fiżika minnha nfisha. Il-mobilità virtwali, bħal dik appoġġjata permezz tal-Comenius eTwinning, tista' b'mod partikolari tkun indispensabbli biex tesponi ż-żgħażagħ fl-età tal-iskola għal kuntatti u kulturi ġodda;

    - tikkonċentra fuq il-mobilità taż- żgħażagħ , li ma jfissirx li l-mobilità għat-tagħlim mhijiex importanti għall-gruppi kollha tal-età; fl-ispirtu ta' Tagħlim li Jissokta matul il-Ħajja mhu qed jiġi stipulat l-ebda limitu ta' età iżda l-grupp ewlieni viżwalizzat huwa dawk li għandhom bejn 16-il sena u 35 sena.

    Fejn ninsabu?

    L-UE għandha storja twila ta' appoġġ għall-mobilità għat-tagħlim permezz tal-programmi u inizjattivi varji, u b'mod partikolari permezz tal-Programm tat-Tagħlim li Jissokta matul il-Ħajja 2007-2013, li jkopri firxa wiesgħa ta' oqsma[12]. Il-Fondi Strutturali jappoġġjaw ukoll il-mobilità għat-tagħlim. Il-mobilità u l-iskambji tal-istaff u l-istudenti tal-edukazzjoni ogħla bejn universitajiet Ewropej u barra l-Ewropa hija appoġġjata mill-programmi Erasmus Mundus u Tempus.

    Barra minn dan, il-Kummissjoni għenet biex tiżviluppa għadd ta' għodod biex jiffaċilitaw il-mobilità, bħalma huma l-Europass, is-Sistema tat-Trasferiment u Akkumulazzjoni tal-Credits (ECTS, għal edukazzjoni ogħla), is-Supplement tad-Diploma, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-Tagħlim li Jissokta matul il-Ħajja, is-Sistema tal-Credits Ewropej għall-Edukazzjoni Vokazzjonali u t-Taħriġ (ECVT), il-Youthpass, EURAXESSS, id-"Direttiva tal-visa tal-istudenti"[13] u l-pakkett tal-"visa xjentifika"[14].

    Kollha flimkien, il-programmi, l-għodod u l-inizjattivi attwali tal-mobilità jilħqu l-istrata differenti tal-popolazzjoni żagħżugħa tal-Ewropa. Minkejja dan, il-mobilità tibqa' l-eċċezzjoni aktar milli r-regola u hija aktar aċċessibbli minn ċerti gruppi, pereżempju studenti, aktar minn oħrajn, pereżempju persuni li qed jieħdu taħriġ vokazzjonali u apprendisti li għalihom jifdal bosta ostakoli prattiċi. Fl-2006, madwar 310 000 żagħżugħ irnexxielhom igawdu mill-mobilità fil-programmi Ewropej, u dan in-numru jirrappreżenta sempliċiment 0,3 % tal-grupp tal-età ta' dawk li għandhom bejn 16 u 29 sena fl-UE. Ċertament, jista' jsir ħafna iżjed f'dan il-qasam.

    L-istruttura

    Il-Green Paper hija strutturata fi tliet taqsimiet. It-Taqsima 1 titratta kwistjonijiet li jikkonċernaw il-preparazzjoni tal-perjodu tal-mobilità, jiġifieri informazzjoni, motivazzjoni, preparazzjoni lingwistika eċċ. It-Taqsima 2 tittratta l-perjodu nnifsu li l-persuna tqatta' barra minn pajjiżha (inklużi l-kwistjonijiet ta' akkomodazzjoni u ta' mentoring) u tinvestiga s-segwitu għal perjodu ta' mobilità, bħalma huma l-validazzjoni tal-esperjenza u li tkun rikonoxxuta. It-Taqsima 3 tippreżenta proposti għal sħubija ġdida dwar il-mobilità taż-żgħażagħ.

    1. It-tħejjija għal Perjodu ta' Mobilità għat-Tagħlim

    Tħejjija bir-reqqa hija l-qofol għal mobilità għat-tagħlim li tirnexxi u trid tkun fil-qalba ta' kull proġett jew programm. Meta ż-żgħażagħ ikunu qed jesploraw l-opportunitajiet ta' mobilità, jeħtieġ li jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar l-alternattivi, dwar il-finanzjament u gwida fir-rigward tal-għażla tagħhom u dwar kwistjonijiet prattiċi.

    1.1. L-Informazzjoni u l-Gwida

    L-internet u l-forom elettroniċi l-oħra ta' informazzjoni u komunikazzjoni jippermettu li ż-żgħażagħ jippreparaw il-mawra tagħhom, jitgħallmu l-lingwa, jiffamiljarizzaw ruħhom mal-pajjiż li qed jospitahom u l-kultura tiegħu, jikkultivaw kuntatti diretti eċċ. Hemm abbundanza ta' informazzjoni u gwida disponibbli dwar kwistjonijiet relatati mal-mobilità li jistgħu jinġabru fi tliet oqsma ewlenin:

    - opportunitajiet ta' finanzjament : il-programmi tal-Unjoni Ewropea għall-appoġġ tal-mobilità, bosta minnhom miġbura taħt il-kappa tal-Programm ta' Tagħlim li Jissokta matul il-Ħajja jew permezz tal-Programm Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni, diġà ġew elenkati. L-inizjattivi tal-Kummissjoni huma komplementati minn attivitajiet numerużi fil-livell nazzjonali u reġjonali, inklużi programmi mmexxija min-negozji, il-fondazzjonijiet eċċ.

    - opportunitajiet ta' tagħlim għaż-żgħażagħ (il-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ) : il-Kummissjoni waqqfet bosta portali ta' informazzjoni, bħalma huma PLOTEUS, il-Portal dwar Opportunitajiet ta' tagħlim madwar l-Ispazju Ewropew[15], il-portal taż-Żgħażagħ[16], Study in Europe[17], Euraxess – Researchers in motion[18], il-websajt ta' Marie Curie għall-Azzjonijiet kollha ta' Marie Curie[19], YourEurope[20], Euroguidance[21], EURES[22] u Eurodesk[23], Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ [24]u appoġġ għat-taħriġ u l-mobilità għall-SMEs[25].

    - gwida prattika dwar akkomodazzjoni, finanzjament, spejjeż tal-ħajja, aspetti legali, pereżempju regolamenti tal-visa, permessi tax-xogħol, assikurazzjoni, eċċ.

    Dawn is-sorsi tal-informazzjoni jittrattaw mhux biss individwi iżda wkoll istituzzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jorganizzaw il-mobilità taż-żgħażagħ bħala parti minn kors ta' taħriġ, programm ta' studju, proġett ta' volontarjat, eċċ.

    Filwaqt li l-inizjattivi attwali tal-informazzjoni jgħinu ħafna, jidher ċar li l-għodod u l-programmi eżistenti għadhom imperfetti u hemm nuqqas ta' fehma tal-opportunitajiet u l-appoġġ għall-mobilità taż-żgħażagħ bħala entità sħiħa. L-informazzjoni teħtieġ li tiġi aġġornata aħjar u tkun aċċessibbli b'mod aktar faċli; dan ġie enfasizzat ħafna u ħafna drabi, dan l-aħħar mill-Kunsill f'Novembru 2008. Iż-żgħażagħ spiss mhumiex konxi mill-opportunitajiet li jeżistu. Dan jgħodd għall-istudenti ta' edukazzjoni ogħla u r-riċerkaturi, iżda saħansitra aktar għaż-żgħażagħ fl-iskejjel, fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, l-attivitajiet volontarji, l-apprendistati, eċċ.

    Il-prassi t-tajba: Studja fil-Ġermanja Il-websajt study-in-germany.de isservi ta' one-stop-shop fi tmien ilsna li tinforma dwar possibilitajiet ta' studji u boroż ta' studju fil-Ġermanja u tipprovdi informazzjoni relevanti dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien bħalma huma akkomodazzjoni, ikel u sports. www.study-in-germany.de Euronaver Euronaver.net huwa netwerk Ewropew għat-tisħiħ tal-mobilità transnazzjonali fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET). Huwa joffri aċċess għal pjattaforma Ewropea ta' għarfien espert u l-iskambju tal-aqwa prassi fil-mobilità. Huwa jiffoka fuq ħtiġijiet speċifiċi ta' apprendistat u Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali Inizjali fl-ambitu tas-snajja' u l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju. Huwa fil-biċċa l-kbira dirett lejn organizzazzjonijiet tan-negozju, fornituri tal-VET, intermdjarji u intrapriżi. www.euronaver.net |

    Kif tista' tittejjeb id-disponibilità tal-informazzjoni u l-gwida relatata mal-mobilità?

    Jekk jogħġbok agħti eżempji tal-prassi t-tajba, inklużi l-għodod xierqa u l-modi kif din it-tip ta' informazzjoni ssir disponibbli.

    1.2. Il-promozzjoni u l-motivazzjoni

    Jeżisti kunsens fost bosta persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet li l-mobilità għat-tagħlim tagħmel tajjeb għaż-żgħażagħ. Minkejja dan, il-benefiċċji tal-mobilità għat-tagħlim jista' jkun li mhumiex apprezzati biżżejjed miż-żgħażagħ infushom.

    Għadd ta' fatturi jistgħu jikkontribwixxu biex iwaqqfu bosta żgħażagħ milli saħansitra jikkunsidraw li jsiefru fit-tul. il-pressjoni tal-ħin biex ilestu l-istudji jew it-taħriġ tagħhom, l-impjiegi, in-nuqqas ta' finanzjament, in-nuqqas ta' ħiliet lingwistiċi u għarfien interkulturali, kif ukoll tnikkir ġenerali li jitilqu "darhom". Iż-żgħażagħ għandu jkollhom perspettiva aktar miftuħa għall-mobilità jekk il-benefiċċji tal-mobilità għat-tagħlim ikunu spjegati lilhom aħjar. B'mod partikolari l-għalliema, min iħarreġ, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, u l-maniġers għandhom rwol ewlieni biex iħeġġu u jippromwovu l-mobilità u li jagħtu eżempju pożittiv billi jagħrfu l-valur miżjud tal-mobilità għat-tagħlim fl-attivitajiet tagħhom. Kwistjoni oħra hija l-mod kif iżżid il-motivazzjoni ta' dawk li jospitaw il-parteċipanti fil-programmi ta' mobilità, inklużi intraprendituri żgħażagħ u apprendisti.

    Iż-żgħażagħ jeħtieġu wkoll il-fiduċja li se jkollhom riżultat pożittiv tal-perjodu tagħhom ta' mobilità. Kwistjoni kruċjali oħra hija l-għarfien li huma jistgħu jistennew għaż-żmien li qattgħu msifrin. Il-credits se jkunu rikonoxxuti formalment, permezz tal-ECTS, l-ECVET jew sistemi ta' credits simili? Il-ħiliet ġodda li nkisbu se jkunu dokumentati b'mod xieraq, pereżempju fis-Supplement tad-Diploma, l-Europass jew il-Youthpass? Il-valutazzjonijiet juru li, minkejja l-arranġamenti li ilhom imwaqqfa, ħafna drabi l-istudenti li għamlu perjodi ta' mobilità għall-istudju jkollhom diffikultajiet biex jiksbu l-għarfien li stennew. Dan jagħmel ħsara għal dawk direttament konċernati u żgur li jnaffar l-entużjażmu għall-mobilità għat-tagħlim b'mod aktar wiesa'. Il-kwistjonijiet relatati mal-għarfien huma diskussi fit-Taqsima 2.2 hawn taħt.

    In-netwerks Ewropej tar-reġjuni, il-kumpaniji, l-istituzzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet professjonali u dawk tal-istudenti Ewropej u netwerks oħra rilevanti jistgħu jiġu mistiedna biex isiru attivi fil-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ u biex isaħħu mill-ġdid ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni u l-appoġġ tal-mobilità. Iż-żgħażagħ għandhom ikunu informati dwar il-benefiċċji li jistgħu jiksbu minn esperjenza ta' mobilità, mil-lat ta' żvilupp personali, kapaċità li jsibu impjieg, kompetenzi interkulturali u ħiliet lingwistiċi. L-isforzi tal-motivazzjoni jeħtieġ li jitfasslu għal benefiċċji u sfidi differenti ħafna relatati mal-gruppi varji, minn studenti tal-iskejjel għal intraprendituri żgħażagħ.

    X'jista' jsir biex issir promozzjoni aqwa u biex iż-żgħażagħ jiġu mmotivati biex isiru mobbli? Kif għandu jsir dan biex jiżgura l-ikbar effett? Jekk jogħġbok agħti eżempji konkreti tal-prassi t-tajba f'dan il-qasam.

    X'tara li huma l-ostakoli ewlenin għall-motivazzjoni taż-żgħażagħ biex isiru mobbli?

    1.3. L-ilsna u l-kultura

    Uħud mill-komptenzi ewlenin li għandhom jinkisbu permezz tal-mobilità għat-tagħlim huma l-ilsna barranin u l-ħiliet interkulturali. Li tgħix, tistudja u taħdem f'pajjiż barrani jagħti opportunità gaħl immersjoni totali f'ilsien u kultura oħra. Il-ħiliet ta' lsien barrani u tal-kompetenzi interkulturali jwessgħu l-alternattivi professjonali tal-individwu, javvanzaw il-ħiliet tal-ħaddiema Ewropej u huma elementi essenzjali ta' identità Ewropea ġenwina. Strument ewlieni huwa l-għan ta' Barċellona, stabbilit mill-Kunsill Ewropew fl-2002 li mill-inqas għandhom jiġu mgħallma żewġ ilsna barranin minn età bikrija ħafna. Il-progress lejn dan l-għan, kif ukoll il-konnessjonijiet bejn il-ħiliet tal-ilsna u l-mobilità għat-tagħlim, ġew investigati fil-Komunikazzjoni strateġika dwar multilingwiżmu mill-2008[26].

    It-tagħlim usa' tal-ilsna ffaċilita mobilità li mingħajru kienet tkun impossibli; iżda, dan il-progress huwa żbilanċjat u għal xi gruppi ta' żgħażagħ l-ilsien għadu ostakolu ewlieni, pereżempju fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Barra dan, id-diversità lingwistika tal-Ewropa hija parti ewlenija tal-għana tagħha u huwa importanti li pajjiżi b'inqas ilsna mitkellma jkunu huma wkoll promossi bħala destinazzjonijiet ta' mobilità.

    Il-prassi t-tajba: Glossomuseums Il-proġett Glossomuseums jikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-tagħlim tal-ilsna u d-diversità lingwistika fl-Ewropa. Hija sħubija interattiva ta' 12-il organizzazzjoni mill-Greċja, il-Ġermanja, id-Danimarka, Spanja, Franza, l-Italja u l-Portugall. L-għanijiet ewlenin tal-proġett huma li jiffamiljarizza l-istudenti tal-iskejjel mal-karatteristiċi kulturali ta' wħud mill-ilsna uffiċjali tal-UE - speċjalment dawk l-inqas użati b'mod mifrux u dawk l-inqas mgħallma - filwaqt li jħeġġiġhom jitgħallmu t-tieni lsien. Il-programm iħeġġeġ ukoll it-tagħlim li jissokta matul il-ħajja u l-iskoperta tal-patrimonju kulturali kollettiv Ewropew. www.ecose.org |

    X'inhu l-aħjar mod kif jistgħu jiġu ttrattati l-ostakoli lingwistiċi u kulturali għall-mobilità?

    Jekk jogħġbok agħti eżempji possibbli ta' prassi tajba.

    1.4. Kwistjonijiet legali

    Aspett wieħed importanti matul il-fażi ta' tħejjija jirrigwarda l-istatus legali taż-żgħażagħ mobbli fil-pajjiż li qed jospitahom. It-tkabbir tal-UE żied bil-kbir l-ambitu ġeografiku għall-mobilità taż-żgħażagħ. Minkejja dan, fadal bosta ostakoli fl-oqsma ta' amministrazzjoni u leġiżlazzjoni. Filwaqt li l-istatus legali ta' xi ħadd li qiegħed jistudja jew li ġie kkollokat f'impjieg barra l-pajjiż għandu normalment ikun pjuttost ċar, dan ma japplikax dejjem għaż-żgħażagħ li huma mobbli iżda li ma jaqgħux b'mod preċiż f'waħda miż-żewġ kategoriji msemmija hawn fuq (pereżempju professjonisti żgħażagħ bħalma huma artisti, disinjaturi, intraprendituri, li jħaddnu l-mobilità għat-tagħlim).

    Ir-regolamenti legali f'uħud mill-pajjiżi jistgħu jnaffru l-mobilità, speċjalment fil-livell skolastiku sekondarju kif ukoll fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Jista' jservi ta' għajnuna li jitwaqqaf qafas għall-mobilità tal-persuni taħt l-età. Statut Ewropew Għal Min Qed Jitħarrreġ jista' jgħin biex jegħleb id-diffikultajiet speċifiċi marbuta mal-kollokazzjonijiet f'impjiegi barra l-pajjiż li jinqalgħu mir-regolamenti differenti ħafna li japlikaw din it-tip ta' attività, pereżempju fir-rigward ta' aspetti bħalma huma pagi jew kuntratti ta' impjieg. Fis-settur tal-università tibqa' problema speċifika għall-istudenti tad-dottorat/riċerkaturi żgħażagħ li l-istatus tagħhom jista' jvarja bejn student/benefiċjarju ta' borża ta' studju u impjegat. In-nuqqas ta' ċarezza dwar l-istatus tagħhom ikollu implikazzjonijiet għal-klejms tagħhom ta' sigurtà soċjali u jista' jiskoraġġihom milli jsiru mobbli[27].

    X'inhuma l-ostakoli legali ewlenin għal mobilità li ltqajt magħhom? Jekk jogħġbok agħti eżempji konkreti.

    Tista’ tagħti eżempji tal-aqwa prassi biex jingħelbu ostakoli legali għall-mobilità?

    1.5. It-transferibilità ta' Għotjiet u Self

    Li tgħix barra l-pajjiż tiegħek jirrikjedi wkoll tħejjija finanzjarja. Minbarra l-boroż ta' studju, il-benefiċċji soċjali u s-self mill-pajjiż ta' oriġini jistgħu jkunu sors importanti. Iżda, dawn kif ukoll sussidji diretti u indiretti spiss mhumiex trasferibbli, f'ċerti każijiet bi ksur tal-liġi tal-Komunità, u b'hekk jiskoraġġixxu ż-żgħażagħ milli jsiefru. Pereżempju, fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla, huma ftit ħafna l-pajjiżi li jippermettu t-trasferibilità sħiħa tal-għojiet u s-self, u erba' Stati Membri ma jawtorizzaw l-ebda trasferibilità kompletament[28].

    Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-1990 iddikjarat li t-tfal tal-ħaddiema migranti, jekk jiddeċiedu li jistudjaw fi Stat Membru differenti minn dak li qed jospitahom, huma intitolati għall-istess benefiċċji li kieku jgawdu minnhom fil-pajjiż li qed jospitahom[29]. F'deċiżjoni tal-2007[30] il-Qorti estendiet din il-ġurisprundenza lil hinn mill-familji tal-ħaddiema migranti billi ddikjarat li, jekk Stat Membru joffri ċ-ċittadini tiegħu sostenn għal skopijiet ta' edukazzjoni u taħriġ u jekk dawn iridu li jwettqu din l-edukazzjoni jew dan it-taħriġ fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru ta' oriġini ma jistax jirrikjedi li l-programm li jissegwa barra l-pajjiż ikun kontinwazzjoni ta' dak meħud fl-istat ta' oriġini. Il-Kummissjoni għandha tissokta tieħu azzjoni kontra Stati Membri li jiksru l-liġi tal-Komunità f'dan il-qasam.

    Tagħrif: Il-każijiet konġunti C-11/06 Rhiannon Morgan v Bezirksregierung Köln u C-12/06 Iris Bucher v Landrat des Kreises Düren, is-sentenza tat-23 ta' Ottubru 2007 Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddikjarat li għalkemm l-Istati Membri huma kompetenti li jiddeterminaw il-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi rispettivi tagħhom ta' edukazzjoni, dik il-kompetenza trid tiġi eżerċitata f'konformità mal-Liġi Komunitarja u, b'mod partikolari, f'konformità mal-libertà tal-moviment għaċ-ċittadini tal-Unjoni, kif konferit permezz tal-Artikolu 18 tal-KE. Fid-dawl ta' dan, meta SM jipprevedi sistema ta' għotjiet tal-edukazzjoni jew it-taħriġ li tippermetti li l-istudenti jirċievu għotjiet bħal dawn jekk isegwu l-istudji tagħhom fi Stat Membru ieħor, irid jiżgura li r-regoli ddettaljati tat-tqassim ta' dawk l-għotjiet ma joħolqux restrizzjoni mhux ġustifikata fuq il-libertà taċ-ċaqliq. |

    Filwaqt li l-Istati Membri ġeneralment huma konxji mill-acquis f'dan il-qasam u li l-ksur għandu tendenza li jkun l-eċċezzjoni aktar milli r-regola, il-Kummissjoni temmen li għandu jkun ta' benefiċċju li tiġi ppubblikata gwida għall-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati fl-Istati Membri, li testrapola l-implikazzjonijiet tal-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti sa llum. Din il-gwida tista' tkopri suġġetti bħalma huma aċċess għall-istituzzjonijiet edukattivi, għarfien tad-diplomi, it-trasferibilità ta' għotjiet u drittijiet oħra ta' studenti fil-pajjiż li jospitahom jew fil-pajjiż ta' oriġini.

    X'tip ta' ostakoli ltqajt magħhom fir-rigward rat-trasferibilità ta' għotjiet u self u aċċess għall-benefiċċji? Jekk jogħġbok agħti eżempji konkreti.

    1.6. Il-mobilità mill-Unjoni Ewropea u lejha

    Il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ Ewropej kif ukoll li tiġbed żgħażagħ lejn l-Ewropa minn pajjiż terzi huma element importanti tal-kompetittività Ewropea tal-ġejjieni. Il-ħruġ tal-visas kienu ostakolu sinifikanti għall-mobilità bla skossi tal-istudenti tal-Erasmus Mundus lejn l-UE fl-ewwel fażi tal-programm[31]. Skont id-Direttiva 2004/114/KE ("Id-Direttiva tal-Istudenti")[32], l-Istati Membri tal-UE għandhom jiffaċilitaw il-proċedura ta' dħul għal studenti, inkluż billi joħorġu l-visa neċessarja fi żmien opportun. Hemm ukoll dispożizzjoni biex tippermetti studenti ta' nazzjonalità ta' pajjiż terz biex jistudja f'bosta Stati Membri. Id-Direttiva ġiet trasposta fil-liġi nazzjonali minn kważi l-pajjiżi kollha tal-UE u l-istudenti ta' pajjiżi terzi jistgħu jinvokaw id-dispożizzjonijiet tagħha meta jesperjenzaw dewmien gravi fil-ħruġ tal-visas tagħhom jew il-permessi.

    Ostakoli speċifiċi - l-iktar problemi ta' visas - jeżistu wkoll għal gruppi oħra fir-rigward ta' mobilità barra l-UE, pereżempju partiċipanti fil-programmi ta' volontarjat tal-UE, skambji tal-istudenti jew taħriġ li ma titħallasx tiegħu. Għalhekk l-Istati Membri tal-UE jistgħu jagħmlu użu mill-alternattiva li japplikaw id-Direttiva tal-istudenti 2004/114/KE għal dawn il-gruppi wkoll. Il-Kummissjoni għandha tivvlauta l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri u tirrapporta dwarha matul l-2010.

    Id-Direttiva tal-Kusnill 2005/71/KE[33] tipprevedi permess speċifiku ta' residenza għar-riċerkaturi barranin, indipendentement mill-istatus kuntrattwali tagħhom (persuna impjegata, għal rasha, benefiċjarja ta' għotja). Kuntratt sempliċi ("ftehim ta' kif tilqa'") ma' organizzazzjoni pubblika jew privata Ewropea akkreditata ta' riċerka li tispeċifika l-ħiliet xjentifiċi, il-mezzi finanzjarji u l-assikurazzjoni tas-saħħa tar-riċerkatur huwa l-bażi ta' ħruġ rapidu tal-permess tar-residenza. L-iskema għandha bosta vantaġġi, bħalma huma r-rinunzja tal-permessi tax-xogħol, rijunjoni aktar faċli tal-familja, proċeduri amministrattivi aktar rapidi, u mobilità intra- UE b'inqas skossi[34].

    Il-prassi t-tajba: Rotta rapida għal persuni li qed jitħarrġu tal-AIESEC fid-Danimarka Il-kapitolu tad-Danimarka tal-assoċjazzjoni internazzjonali tal-istudenti AISEC qabel mal-Ministeru Daniż tal-Affarijiet Barranin dwar proċedura ta' rotta rapida fir-rigward tar-regolamenti tal-visa għall-membri tal-AIESEC minn pajjiżi li mhumiex membri tal-UE li ġejjin id-Danimarka għal perjodu ta' taħriġ. B'riżultat ta' dan iż-żmien biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet tal-visa għall-membri tal-AIESEC jitnaqqas minn 2-3 xhur għal 3-4 ġimgħat. http://www.aiesec.org |

    X'għandu jsir iżjed biex tiġi promossa l-mobilità mill-Unjoni Ewropea u lejha? Kif għandu jsir dan?

    Jekk jogħġbok agħti eżempji possibbli ta' prassi tajba.

    1.7. It-tħejjija tal-perjodu tal-mobilità u l-kwistjonijiet ta' żgurar tal-kwalità

    Jidher ċar li l-mobilità se taħdem l-aħjar għaż-żgħażagħ u li huma se jiġu konvinti b'mod aktar faċli mill-valur tagħha, fejn hemm tħejjija u ġestjoni ġenerali tajba tal-esperjenza. L-organizzaturi tal-mobilità tat-tagħlim jeħtieġ li jwaqqfu mekkaniżmi xierqa għall-għażla tal-parteċipanti. L-għażla għandha tkun ġusta u trasparenti. L-istituzzjonijiet li qed jibagħtu u dawk li qed jirċievu jeħtieġ li jikkooperaw biex iqabblu l-parteċipanti u l-istituzzjonijiet li qed jirċievu. It-tħejjija xierqa tal-parteċipanti, inkluż mil-lat ta' ħiliet lingwistiċi u għarfien kulturali, għandha tkun parti minn din il-fażi. Perjodu ta' mobilità fl-esteru għandu jintegra kemm jista' jkun mar-rotot personali ta' tagħlim, ħiliet u motivazzjoni tal-parteċipant individwali, u għandu jiżviluppahom jew jissuplementahom. Il-Karta Ewropea tal-Kwalità għall-Mobilità tista' tagħti gwida f'dan il-punt minħabba li tagħti lista ta' prinċipji ġenerali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara l-kaxxa ta' Tagħrif hawn taħt). Karti oħra ġew żviluppati għal setturi partikolari pereżempju taħriġ vokazzjonali (L-Impenn ta' Kwalità tal-Mobilità Leonardo da Vinci), ir-riċerka (Il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi tal-Kondotta[35]) l-edukazzjoni ogħla (Il-Karta tal-Istudenti tal-Erasmus[36]), ix-xogħol ta' volontarjat (Il-Karta tas-Servizz Ewropew ta' Volontarjat[37]) u l-intrapriża (L-Impenn tal-Erasmus għal Intraprendituri Żgħażagħ[38]). B'mod ġenerali, għandu jkun hemm impenn ċar lejn il-kwalità kemm mill-istituzzjoni/organizzazzjoni li qed tibgħat kif ukoll minn dik li qed tilqa'.

    Huwa rakkomandat ukoll li jitfassal ftehim ta' tagħlim jew ta' taħriġ, li jieħu inkunsiderazzjoni l-livell tal-għerf u l-ħiliet kif ukoll it-tħejjija lingwistika tal-parteċipant, u li dwaru jsir qbil mill-organizzazzjoni li qed tibgħat u li qed tilqa' kif ukoll il-parteċipant. Il-ftehim għandu jiddeskrivi fil-qosor l-għanijiet u r-riżultati ta' tagħlim mistennija, kif ukoll il-mod kif dawn għandhom jinkisbu u jiġu implimentati u rikonoxxuti.

    It-Tagħrif: Il-Karta Ewropea ta’ Kwalità għall-Mobilità Ir-Rakkomandazzjoni 2006 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-mobilità transnazzjonali fil-Komunità għal skopijiet ta' edukazzjoni u taħriġ tagħti deskrizzjoni konċiża tal-kwistjonijiet relatati ma' din it-tip ta' mobilità. Il-Karta Ewropea ta' Kwalità għall-Mobilità, li tagħmel parti mir-rakkomandazzjoni, toffri "elenku ta' verifika" tal-iktar kwistjonijiet importanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-organizzazzjoni tal-mobilità għat-tagħlim u li jistgħu jiġu adattati għal xenarji differenti, minn skejjel sa apprendistati eċċ. B'mod partikolari hija tiddeskrivi l-ħtieġa ta' "pjan ta' tagħlim", li dwar għandhom jaqblu l-partijiet kollha (l-istituzzjoni li qed tibgħat, l-istituzzjoni li qed tilqa', il-persuna mobbli). http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/oj/2006/l_394/l_39420061230en00050009.pdf |

    Il-prassi t-tajba: Ap n’ go Ap ‘n go hija pjattaforma fejn studenti u apprendisti jistgħu jitolbu għal kollokazzjoni fl-esteru, u fejn il-kumpaniji interessati biex jospitaw żgħażagħ fuq kollokazzjoni jistgħu jiddeskrivu r-rekwiżiti tagħhom. Il-websajt jiffaċilita biex ilaqqa' t-talba mal-offerta. Barra dan il-websajt jagħti parir u tagħrif prattiku għall-istudenti/l-apprendisti u l-kumpaniji, għodod onlajn f'bosta ilsna u jippermetti l-qsim tal-esperjenzi u l-aqwa prassi minn apprendisti u kumpaniji. www.ap-and-go.eu |

    X'miżuri jistgħu jittieħdu biex jiżguraw li l-perjodu ta' mobilità jkun ta' kwalità għolja?

    Jekk jogħġbok agħti eżempji possibbli ta' prassi tajba.

    1.8. Jintlaħqu l-Gruppi Żvantaġġati

    Hemm il-ħtieġa li jintlaħqu gruppi li għandhom tendenza li jiġu esklużi mill-opportunitajiet tal-mobilità. L-argumenti favur il-mobilità tat-tagħlim - li tgħin biex tlaħħaq mal-globalizazzjoni, iżżid il-kompetittività u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali - japplikaw saħansitra iżjed għall-gruppi żvantaġġati minħabba li dawn huma l-iktar vulnerabbli. Kull miżura maħsuba biex iżżid il-mobilità għandha timmira b'mod partikolari li tinkludi lil dawk li diġà qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet speċifiċi, pereżempju gruppi ekonomikament jew soċjalment żvantaġġati, persuni bi bżonnijiet speċjali, u popolazzjonijiet migranti żvantaġġati. Il-Programmi tat-Tagħlim li Jissokta Matul il-Ħajja, iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni u l-Erasmus Mundus jagħtu appoġġ speċifiku għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Il-prassi tista' titwessgħa biex tinkludi programmi u azzjonijiet ta' mobilità oħra minħabba li l-aspett ta' benefiċċju tal-iżvilupp tal-personalità ta' persuna permezz tal-mobilità għat-tagħlim hija partikolarment importanti għal dawn il-gruppi.

    Il-prassi t-tajba: Spread the sign

    L-ilsien bis-sinjali hija għodda assolutament neċessarja għall-komunikazzjoni fost it-torox jew dawk li jbatu min-nuqqas tas-smigħ. Minkejja dan, għal kuntrarju ta' x'taħseb il-biċċa l-kbira tan-nies, l-ilsien bis-sinjali mhuwiex universali u kienet diffiċli għall-istudenti torox biex isiefru u jistudjaw. "Spread the sign", dizzjunarju tal-ilsien bis-sinjali bbażat fuq l-internet, għall-ewwel darba jagħti appoġġ viżwali lil persuni kkonċernati dwar kif jesprimu termini speċifiċi f'ilsna oħra bis-sinjali. Dan id-dizzjunarju ġie żviluppat biex jappoġġja persuni f'taħriġ vokazzjonali li se jsiefru għall-kollokazzjoni. Ilsna minn 11-il pajjiż differenti huma bħalissa disponibbli.

    www.spreadthesign.com

    Liema huma l-iktar diffikultajiet importanti li jiltaqgħu magħhom gruppi żvantaġġati fir-rigward tal-mobilità?

    Jekk jogħġbok agħti eżempji tal-aqwa prassi u kif jistgħu jingħelbu dawn it-tipi ta' diffikultajiet.

    2. IL-PERJODU MQATTA' BARRA L-PAJJIż U S-SEGWITU

    Li tibgħat aktar żgħażagħ barra l-pajjiż hija biss naħa waħda tal-munita. Għandu jkun hemm ukoll arranġamenti stabbiliti biex dawn jintlaqgħu kif suppost. In-nuqqas ta' akkomodazzjoni bi prezz mhux projbittiv, speċjalment fl-ibliet il-kbar, kif ukoll ta' faċilitajiet ta' merħba (uffiċċji għal pariri, canteens, servizzi tas-saħħa, eċċ.) għadu problema, u jista' jiżdied jekk l-ispinta mbassra fiċ-ċifri tal-mobilità tiżdied.

    2.1. It-Tutela u l-Integrazzjoni

    L-organizzazzjoni li qed tilqa' (l-istabbiliment edukattiv, l-organizzazzjoni taż-żgħażagħ, il-kumpanija, eċċ.) għandha tipprovdi skemi bħalma hija t-tutela biex jingħataw pariri lill-parteċipanti u tgħin fl-integrazzjoni effettiva tagħhom fl-ambjent li qed jilqagħhom, u għandha sservi ta’ punt ta’ kuntatt biex tinkiseb għajnuna kontinwa.

    Tista' tagħti eżempji konkreti tal-prassi t-tajba f'dan il-qasam?

    2.2. L-Għarfien u l-Validazzjoni

    Huwa kruċjali li l-perjodi ta' mobilità jiġu ddokumentati, rikonoxxuti u vvalidati f'mod xieraq. Il-Proċess ta' Bologna (għall-edukazzjoni ogħla), il-Proċess ta' Kopenħagen (għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali) u ż-Żona Ewropea ta' Riċerka għinu biex itejbu t-trasparenza u jiffaċilitaw l-għarfien tal-kwalifiki u l-credits għal skopijiet edukattivi, li jibqgħu kompetenza nazzjonali. L-istrumenti Ewropej disponibbli llum jinkludu:

    - Is-Sistema Ewropea ta' Trasferiment u Akkumulazzjoni tal-Credits (European Credit Transfer and Accumulation System - ECTS) (għall-edukazzjoni ogħla)

    - Is-Sistema Ewropea ta’ Credits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (European Credit System for Vocational Education and Training - ECVET) (adottata fl-2009).

    - Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (European Qualifications Framework - EQF)

    - qafas uniku tal-Komunità għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-komoetenzi, Europass (Id-Deċiżjoni 2241/2004/KE). Huwa jinkludi l-Mobilità tal-Europass, reġistrazzjoni tal-esperjenzi tal-mobilità, Is-Supplement tad-Diploma għall-edukazzjoni ogħla (żviluppat b'mod konġunt mill-UNESCO-CEPES, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni Ewropea), kif ukoll is-Supplement taċ-Ċertifikat għat-taħriġ vokazzjonali

    - iċ-ċertifikat tal-Europass għall-iskambji u l-volontarjat taż-żgħażagħ

    - Il-Karta Ewropea ta’ Kwalità għall-Mobilità.

    Għall-edukazzjoni ogħla hemm ukoll il-Konvenzjoni dwar l-Għarfien tal-Kwalifiki fir-rigward tal-Edukazzjoni Ogħla fir-Reġjun Ewropew (Il-Konvenzjoni tal-Għarfien ta' Liżbona) li ġiet żviluppata mill-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO fl-1997.

    Ir-responsabilità għall-implimentazzjoni xierqa tal-biċċa l-kbira ta' dawn l-istrumenti tibqa' mal-awtoritajiet nazzjonali. Il-progress fl-għarfien tal-kwalifiki jista' jitħaffef jekk l-istrumenti eżistenti kellhom jintużaw biex jintlaħqu ftehimiet ta' għarfien fil-livelli reġjonali u settorjali. L-orjentazzjoni kontinwa ta' tagħlim u taħriġ lejn riżultati ta' tagħlim[39] u d-dehra ta' oqfsa ta' kwalifiki se jagħmluha aktar faċli għall-iskejjel, l-universitajiet, in-negozji, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ eċċ. biex jifformolaw ftehimiet għall-għarfien tal-perjodi ta' mobilità. Il-politiki għall-iżgurar tal-għarfien huma l-iktar żviluppati fl-edukazzjoni ogħla, iżda anki hawn jippersistu l-problemi.

    Minkejja dan, segwitu xieraq tal-mobilità jista' jmur lil hinn minn sempliċiment għarfien formali tal-kwalifiki. Mhux biss l-għarfien formali li nkiseb għandu jiġi ddokumentat kif xieraq, pereżempju fil-Mobilità tal-Europass, il-Youth Pass jew is-Supplement tad-Diploma, iżda fl-ispirtu tat-Tagħlim li Jissokta Matul il-Ħajja, it-tagħlim mhux formali u informali wkoll għandu jiġi vvalidat[40].

    Tagħrif: Sistema Ewropea ta’ Trasferiment u Akkumulazzjoni ta’ Credits ECTS L-ECTS hija għodda li tippermetti lill-istudenti biex jiġbru credits mit-tagħlim li jiksbu permezz tal-edukazzjoni ogħla. L-ECTS hija sistema li tiffoka fuq min qed jitgħallem li timmira li żżid it-trasparenza tar-riżultati tat-tagħlim u l-proċessi tat-tagħlim. Hija timmira li tiffaċilita l-ippjanar, il-kisba, il-valutazzjoni, l-għarfien u t-tisħiħ ta' kwalifiki u unitajiet tat-tagħlim kif ukoll il-mobilità tal-istudenti. L-ECTS hija użata b'mod mifrux fl-edukazzjoni ogħla formali u tista' tkun applikata għal attivitajiet oħra ta' tagħlim li jissokta matul il-ħajja. Oriġinarjament hija kienet żviluppata fil-Programm Erasmus, u issa saret waħda mill-għodod ewlenin tal-Qasam Ewropew tal-Edukazzjoni Ogħla (Il-Proċess ta' Bologna). http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc48_en.htm |

    Fl-esperjenza tiegħek, il-validazzjoni u l-għarfien ta' kemm it-tagħlim formali kif ukoll dak mhux formali għadhom ostakolu sinifikanti għall-mobilità?

    Jekk jogħġbok agħti eżempji konkreti u l-opinjoni tiegħek dwar x'jista' jsir biex tittejjeb il-qagħda.

    3. SħUBIJA ġDIDA GħALL-MOBILITÀ

    3.1. Il-mobilizzazzjoni tal-Operaturi u r-Riżorsi

    It-twessigħ b'mod sinifikanti tal-opportunitajiet għall-mobilità taż-żgħażagħ lil hinn mill-programmi eżistenti ma jistax isir minn operatur wieħed biss, ikun min ikun. Biex jingħelbu l-ostakoli kontinwi għall-mobilità hemm bżonn ta' strateġija kkoordinata mis-setturi kollha, mit-tagħlim tal-ilsna għas-servizzi tal-volontarjat. Hemm bżonn ta' sħubija ġdida, bl-awtoritajiet pubbliċi jingħaqdu flimkien ma' kollaboraturi bi sħab mill-oqsma tas-soċjetà ċivili u n-negozju. L-assoċjazzjonijiet tal-professjonisti, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jistgħu jitħeġġu biex isiru attivi fil-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ. Il-mobilità tista' tiġi integrata fl-oqsma kollha ta' politika, mill-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kultura, għal riċerka, intrapriża u innovazzjoni[41]. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jitħeġġi li jingħaqdu tnejn tnejn, u jsegwu l-eżempju ta' ġemellaġġ tal-lokalitajiet, u jwaqqfu oqfsa ta' djalogu. Dan jista' jiġi stimulat permezz tal-programmi eżistenti Ewropej. Ir-reġjunijiet Ewropej għandhom il-potenzjal li jieħdu rwol importanti f'dan il-partenarjat il-ġdid għall-mobilità. Bosta huma diġà operaturi ewlenin fl-appoġġ tal-mobilità, billi jipprovdu inter alia l-finanazjament, il-faċilitajiet biex jilqgħu n-nies, u servizzi ta' pariri dwar problemi legali.

    Il-prassi t-tajba: Il-Kooperazzjoni Interreġjonali Ir-reġjuni tat-Toscana, il-Catalonia, u Västra Götaland iffirmaw ftehimiet bilaterali biex jippromwovu l-mobilità bejniethom f'setturi differenti, jiġifieri fi skejjel, f'apprendistati, fil-livell postsekondarju, għal żgħażagħ iggradwati jew għall-intraprendituri. Dawn ir-reġjuni stipulaw Karta tal-Kwalità għall-mobilità interreġjonali, biex jagħtu trasparenza aqwa għall-kwistjonijiet ta' kwalità fl-ippjanar tal-flussi tal-mobilità. http://www.mob-reg.eu |

    L-iskejjel u l-universitajiet jietgħu b'mod konġunt jiżviluppaw azzjonijiet li jgħinu biex jippreparaw lill-istudenti żgħar isiru mobbli meta jikbru, pereżempju universitajiet tas-sajf għall-situdenti tal-iskejjel fil-livell postsekondarju f'oqsma speċifiċi ta' suġġett. Filwaqt li tibni fuq l-inizjattiva Comenius-Regio initiative[42] u l-mobilità fi ħdan il-programm Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni, l-interazzjoni ma' operaturi oħrajn mis-settur tal-edukazzjoni mhux formali tista' tiżdied.

    It-Tagħrif: Il-Partenarjati Comenius Regio: Dawn il-Partenarjati joffru finanzjament għall-appoġġ ta' kooperazzjoni reġjonali fl-edukazzjoni tal-iskejjel u l-iskambju ta' esperjenza u prassi tajba bejn ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet fl-Ewropa. Flimkien ma' skejjel u msieħba rilevanti oħra mir-reġjun jew il-muniċipalità tagħhom, l-awtoritajiet reġjonali li għandhom rwol fl-edukazzjoni tal-iskejjel huma mistiedna li jwaqqfu partenarjati ma' reġjuni oħra u li jikkollaboraw dwar kwalunkwe suġġett ta' interess komuni. Waħda mill-attivitajiet fi ħdan il-Partenarjati Comenius Regio tista' tkun l-appoġġ tal-mobilità bejn iż-żewġ reġjuni bi sħab u l-iżvilupp tal-iskemi sostenibbli ta' mobilità għall-istudenti. L-ewwel Partenarjati Comenius Regio se jibdew fil-Ħarifa 2009. http://ec.europa.eu/education/comenius/doc1002_en.htm |

    Aspett importanti tal-mobilità taż-żgħażagħ huwa l-finanzjament. Filwaqt li d-disponibilità tal-finanzjament mhuwiex l-unika ostaklu - u spiss l-anqas mhuwa l-iktar wieħed sinifikanti - biex titwessa' l-mobilità, jidher ċar li biex jiġu offerti opportunitajiet ta' mobilità lill-gruppi kollha ta' żgħażagħ il-bażi ta' finanzjament trid titwessa' b'mod konsiderevoli, lil hinn mill-ambitu eżistenti u dak potenzjali tal-programmi Ewropej ta' mobilità. Uħud mir-reġjuni diġà qed jużaw il-Fond Soċjali Ewropew biex jappoġġjaw il-mobilità, notevolment fis-settur vokazzjonali. Taħt il-kappa tal-Azzjonijiet Marie Curie, ġie żviluppat mekkaniżmu ġdid ta' finanzjament (COFUND) biex jappoġġja programmi reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali eżistenti jew li għandhom kemm inħolqu biex jagħti spinta il-mobilità transnazzjonali għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera. Il-Fondi Strutturali jistgħu joffru possibilitajiet oħra biex jappoġjaw il-mobilità fil-ġejjieni. Il-bank Ewropew tal-Investiment bħalissa jappoġġja għadd ta' inizjattivi fil-livell nazzjonali u reġjonali għall-forniment tas-self lill-istudenti fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla. Jeżisti l-potenzjal li jintużaw ir-riżorsi tal-bank biex jespandu l-finanzjament disponibbli għall-mobilità. Dawn is-sorsi kollha differenti ta' finanzjament jgħinu lill-UE biex tieħu rwol ewlieni biex tistimula l-mobilità għat-tagħlim. Minkejja dan, biex tntlaħaq l-ambizzjoni ta' espansjoni ta' din l-opportunità għal grupp ħafna usa', il-finanzjament Ewropew jista' jkollu bżonn li jiġi strutturat mill-ġdid u l-istrumenti eżistenti jiġu orjentati mill-ġdid biex jagħtu dawn l-attivitajiet iktar viżibilità u effettività. Minkejja dan, il-finanzjament Ewropew mhuwiex se jkun biżżejjed u se jkollha tinstab bażi finanzjarja ħafna usa'. L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Ewropej jeħtieġ li jikkooperaw ma' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, korpi tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet legali involuti fil-mobilità biex jgħaqqdu l-kapaċitajiet tagħhom biex jiffinanzjaw il-mobilità.

    Kif jistgħu l-operaturi u r-riżorsi kollha fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali jiġu mobilizzati aħjar fl-interess tal-mobilità taż-żgħażagħ?

    Tista' tagħti eżempji ta' partenarjati territorjali li rnexxew?

    Tista' tagħti eżempji tajbin u ideat innovattivi dwar il-finanzjament tal-mobilità taż-żgħażagħ?

    3.2. Involviment aktar attiv fid-dinja tan-negozju

    Jeżisti potenzjal għal tisħiħ ulterjuri tal-motivazzjoni u l-involviment tan-negozju fil-mobilità taż-żgħażagħ. Apprendistati, programmi ta' riċerka, u proġetti ta' kolaborazzjoni li jippermettu liż-żgħażagħ li jaħdmu ma' kumpanija jew fiha, waħidhom jew fi gruppi interdixxiplinari, għandhom jitħeġġu fid-dixxiplini u s-setturi kollha. In-negozju għandhom bżonn li jiġu konvinti mill-valur tal-mobilità għat-tagħlim biex iwettqu l-isforz supplementari meħtieġ biex jiġu offruti aktar kollokazzjonijiet liż-żgħażagħ. In-negozji jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-finanzjament tal-mobilità taż-żgħażagħ, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali[43].

    Il-mobilità tal-intraprendituri żgħażagħ tikkontribwixxi biex issaħħaħ l-internazzjonalizzazzjoni u l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej. L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) għandu, ladarba jkun kompletament operattiv, jagħti eżempji ta' mobilità miżjuda ta' studenti, akademiċi u riċerkaturi fl-oqsma varji tiegħu ta' attività[44].

    It-Tagħrif: L-Azzjonijiet Marie Curie

    L-Azzjonijiet Marie Curie joffru firxa wiesgħa ta' opportunitajiet għall-mobilità ġeografika u intersettorjali tar-riċerkaturi. Pereżempju, in-Netwerks ta' Taħriġ Inizjali (NTI) joffru riċerkaturi li qegħdin fi stadju bikri l-opportunità li jtejbu l-ħiliet ta' riċerka tagħhom, jingħaqdu ma' timijiet stabbiliti ta' riċerka organizzati f'netwerks internazzjonali u jsaħħu l-prospetti tagħhom ta' karriera. In-netwerks jirreklutaw u jimpjegaw riċerkaturi, u jipprovdu modules speċjalizzati ta' taħriġ u espożizzjoni għas-settur privat. Eżempju ieħor huma l-Partenarjati u r-Rotot Marie Curie bejn l-Industrija u l-Akademiċi (IAPP) li jistgħu jinkludu universitajiet u kumpaniji ta' kull għamla u daqs li jiffukaw fuq proġetti konġunti ta' riċerka. L-IAPP jimmira li jagħti spinta lill-iskambju ta' ħiliet bejn is-seturi kummerċjali u mhux kummerċjali permezz ta' secondments ta' persunal.

    http://ec.europa.eu/mariecurieactions/

    Il-prassi t-tajba: Go for Europe Din l-inizjattiva konġunta ta' kmamar tal-kummerċ u s-snajja' kif ukoll l-industriji tal-metall u l-elettriku ta' Baden-Württemberg/il-Ġermanja timmira li tappoġġja qpprendistati 'l barra mill-pajjiż u li tinternazzjonalizza t-taħriġ tal-apprendisti biex tħejjijhom aħjar għas-suq Ewropew tax-xogħol. http://www.goforeurope.de/home.html |

    Kif jistgħu n-negozji jiġu mmotivati biex ikunu involuti ħafna aktar fil-mobilità taż-żgħażagħ? Jekk jogħġbok agħti eżempji possibbli ta' prassi tajba.

    3.3. In-Netwerking Virtwali u l-Ġemellaġġ Elettroniku

    Il-mobilità virtwali, jiġifieri l-użu tal-internet u forom elettroniċi oħra ta' informazzjoni u komunikazzjoni, sipss isservi ta' vettura biex persuna tidħol għal perjodu ta' mobilità fiżika. Għalkemm ma tissostitwix il-mobilità fiżika, hija tgħin liż-żgħażagħ biex jippreparaw għall-mawra tagħhom barra minn pajjiżhom u tista' toħloq kundizzjonijiet għal mobilità fiżika futura billi tiffaċilita l-ħbiberija, il-kuntatti u n-netwerking soċjali eċċ. Hija tagħti wkoll mezz biex tibqa' f'kuntatt mal-pajjiż li laqgħek ladarba jispiċċa l-perjodu ta' mobilità. Hija tista' tipprovdi wkoll dimensjoni internazzjonali għal dawk il-persuni li qed jitgħallmu li, għal raġunijiet differenti, ma jistgħux jew ma jridux isiefru. F'dak il-kuntest, it-TIK tista' tintuża għall-"ġemellaġġ elettroniku" u għal pjattaformi virtwali, għall-għalliema, "multiplikaturi" oħra, individwi interessati, komunitajiet interattivi, inizjattivi open source eċċ. Il-mobilità virtwali tista' tkun ukoll forma xierqa u prattika ta' mobilità għall-istudenti żgħar, fejn li ssifer ma tkunx alternattiva. Il-ġemellaġġ elettroniku jista' jsaħħaħ il-kwalità tal-iniżjattivi tal-mobilità (pereżempju permezz ta' preparazzjoni aqwa) u jagħmilhom aktar sostenibbli.

    It-Tagħrif: Comenius eTwinning Fi ħdan il-programm Comenius, il-ġemellaġġ elettroniku qed jiġi żviluppat biex jitegra l-użu tat-teknoloġiji ta' Informazzjoni u Komunikazzjoni biex jippromwovu it-tagħlim f'kollaborazzjoni, id-dimensjoni Ewropea, il-kondiviżjoni tar-riżorsi u l-prassi u l-użu pedagoġiku tat-TIK fl-iskejjel mal-Ewropa kollha. Fil-ġemellaġġ elettroniku, l-iskejjel primarji u sekondarji jistabbilixxu konnessjoni ta' ġemellaġġ tal-Internet ma' skola x'imkien ieħor fl-Ewropa. Ir-riżultat ewlieni tal-ġemellaġġ elettroniku huma l-proġetti pedagoġiċi konġunti żviluppati mill-iskejjel li jieħdu sehem bl-użu tal-għodod u l-ispazji tal-Internet li huma disponibbli għalihom permezz tal-Portal Ewropew tal-ġemellaġġ elettroniku. L-iktar karatteristika oriġinali tal-ġemellaġġ elettroniku hija li, minflok jiġu ffinanzjati proġetti individwali, huwa joffri appoġġ, servizzi, ideat, għodod u għarfien għall-iffaċilitar tal-kolaborazzjoni tal-iskejjel. Aktar minn 50 000 skola huma involuti fil-ġemellaġġ elettroniku madwar l-Ewropa kollha. http://www.etwinning.net/en/pub/index.htm |

    Il-prassi t-tajba: Il-Campus Virtwali għall-Istudenti Diġitali In-netwerk Ewropew ta' fornituri ta' tagħlim miftuħ u mill-bogħod qed jibni campus virtwali għal "studenti diġitali" mmirat biex jipprovdi sorsi u għodod edukattivi open source u li jiżgura l-kompatibilità tal-ambjenti differenti ta' ambjenti differenti ta' tagħlim elettroniku użati fl-universitajiet ta' partenarjat. www.vicadis.net |

    Kif nistgħu nagħmlu l-aqwa użu mit-TIK biex nipprovdu opportnitajiet ta' mobilità virtwali biex tissuplementa l-mobilità fiżika?

    Tista' l-istrateġija tal-ġemellaġġ elettroniku tintuża f'oqsma oħra ta' tagħlim pereżempju servizz volontarju, settur vokazzjonali?

    3.4. Ninvolvu l-"multiplikaturi"

    Kif imsemmi fil-qosor fit-taqsima 1.2, persuna entużjasta li tgħallem, tħarreġ jew li taħdem maż-żgħażagħ li kienet mobbli hija stess, tista' tkun ta' motivazzjoni importanti għaż-żgħażagħ biex jagħmlu perjodu ta' mobilità barra minn pajjiżhom. Individwi bħal dawn għandhom il-kredibilità biex jispjegaw il-benefiċċji tal-mobilità taż-żgħażagħ u jaġixxu bħala ambaxxaturi għaliha.

    Minkejja dan, li jkunu mobbli huma stess u li jgħinu liż-żgħażagħ isiefru, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jirrikjedi investiment personali konsiderevoli min-naħa tal-persuna li tgħallem, tħarreġ jew taħdem maż-żgħażagħ. Il-perjodi ta' mobilità għall-għalliema u għall-persuni li jħarrġu fl-iskola, l-università u l-edukazzjoni vokazzjonali għandhom jitħeġġu u jingħarfu bħala parti integrali tal-iżvilupp tal-karriera tagħhom, kif ukoll il-mobilità ta' dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

    Bl-istess mod, iż-żmien u l-isforz tal-persuna li tgħallem, tħarreġ u taħdem maż-żgħażagħ tinvesti biex tgħin liż-żgħażagħ jippreparaw il-perjodu tagħhom barra min pajjiżhom jeħtieġ li jingħarfu kif xieraq fid-dsekrizzjonijiet tad-doveri u l-pjan ta' xogħol tagħhom. Spiss ħafna l-opportunitajiet ta' mobilità huma r-riżultat tal-impenn personali ta' persuna li tgħallem, tħarreġ jew li taħdem maż-żgħażagħ li tinvesti l-ħin liberu tagħha u r-riżorsi privati biex toħloq dawn l-opportunitajiet. Dan il-grupp jeħtieġlu inċentivi u għarfien għax-xogħol indispensabbli li jwettqu.

    Dan jista' jinkludi l-iżvilupp ta' opportunitajiet ta' mobilità għall-edukaturi u dawk li jħarrġu fl-oqsma kollha mmirati pereżempju skemi ta' skambju reċiproku tal-għalliema. Tista' tingħata attenzjoni partikolari għat-taħriġ ta' min iħarreġ f'oqsma ta' importanza strateġika u ta' skarsezza ta' ħiliet identifikati f'"Inizjattiva ta' Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda[45].

    L-għalliema tal-ilsna huma grupp partikolarment importanti ta' multiplikaturi. Minkejja dan, filwaqt li għandha tidher bażika li l-għalliema tal-ilsna kellhom iqattgħu żmien fil-pajjiż li jgħallmu l-ilsien tiegħu, din mhijiex ir-regola kullimkien fl-Ewropa. Bl-istess mod, l-għalliema tal-ilsna għandu jkollhom l-opportunità li jgħallmu ilsien twelidhom barra minn pajjiżhom.

    Grupp ieħor ta' persuni li jistgħu jintużaw f'dan il-kuntest huma dawk li kienu mobbli, jiġifieri ex studenti tal-edukazzjoni ogħla u bosta netwerks ta' studenti u voluntiera tal-passat.

    Il-prassi t-tajba: Marie Curie Fellows Association L-MCFA hija l-assoċjazzjoni tax-xjenzati żgħażagħ li bbenefikaw minn għotja tal-Komunità Ewropea għall-mobilità bl-iskop ta' riċerka. Hija tipprovdi tagħrif u forum ta' diskussjoni lir-riċerkaturi żgħażagħ Ewropej. http://mcfa.eu In-Netwerk tal-Istudenti tal-Erasmus In-Netwerk tal-Istudenti tal-Erasmus (ESN) huwa organizzazzjoni internazzjonali tal-istudenti li ma għandhiex l-iskop ta' qligħ. Il-missjoni tagħha hija li trawwem il-mobilità tal-istudenti fl-Edukazzjoni Ogħla taħt il-prinċipju ta' "Studenti Jgħinu Studenti". In-netwerk jipprovdi servizzi u tagħrif lil 150 000 student. www.esn.org Assoċjazzjoni tal-ex Studenti tal-Erasmus Mundus Il-missjoni tal-Assoċjazzjoni tal-ex Studenti tal-Erasmus Mundus (EMA) hija li tipprovdi forum għal netwerking, komunikazzjoni u kollaborazzjoni u li tippromwovi l-Erasmus Mundus bħala programm Ewropew ta' eċċellenza fl-edukazzjoni internazzjonali. L-ex Studenti tal-Erasmus Mundus urew li huma l-iktar ambaxxaturi effettivi biex jippromwovu l-programm tal-Erasmus Mundus fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom minħabba l-għerf li jkunu kisbu huma stess tal-ħtiġijiet, il-problemi u l-ilsna. www.em-a.eu |

    L-opportunitajiet ta' mobilità għall-"multipilkaturi" (għalliema, min iħarreġ, min jaħdem maż-żgħażagħ eċċ) għandhom jingħataw appoġġ u prominenza ulterjuri fil-programmi Ewropej?

    X'tara bħala l-ostakli ewlenin għal involviment aqwa tal-għalliema u min iħarreġ fil-promozzjoni tal-mobilità?

    3.5. Il-Miri tal-mobilità

    Il-Ministri tal-Kunsill tal-Edukazzjoni ta' Novembru 2008 indika l-appoġġ wiesa' tagħhom għal mobilizzazzjoni ġdida biex iżżid il-mobilità; l-isforzi issa għandhom jiffukaw fuq it-trasformazzjoni ta' dan l-appoġġ wiesa' f'għanijiet preċiżi. Miri konkreti li għandhom jinkisbu f'qasam speċifiku jistgħu jkunu għodda qawwija biex tħeġġeġ l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet biex jiffukaw l-istrateġija tagħhom. Bħalissa jeżistu miri fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala parti mill-istrateġija ta' Liżbona, iżda s'issa ma jinkludux il-mobilità. Il-miri eżistenti taw prova li huma għodda utli fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta' koordinazzjoni, partikolarment biex jimmotivaw lill-partijiet interessati biex jilħqu għanijiet ġodda. Miri speċifiċi ta' mobilità bħalissa qed jiġu diskussi fil-kuntest tal-Istrateġija mġedda tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ. Inkiseb avvanz sinifikanti f'April 2009 meta mira tal-mobilità fl-edukazzjoni ogħla ġiet adottata fil-kuntest tal-Proċess ta' Bologna. Din tistipula li sal-2020, mill-inqas 20 % ta' dawk li jiggradwaw fil-Qasam Ewropew tal-Edukazzjoni Ogħla għandu jkolhom perjodu ta' studju jew ta' taħriġ barra minn pajjiżhom (ara n-nota tal-qiegħ 10). Abbażi ta' dan, f'Mejju 2009, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tistudja l-possibilità li testendi dan it-tip ta' punt ta' referenza biex jinkludi l-mobilità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tal-għalliema[46].

    Barra punti ta' referenza Ewropej u nazzjonali, jista' jkun utli għar-reġjuni, l-universitajiet, l-iskejjal, in-negozji u l-assoċjazzjonijiet li jistipulaw punti ta' referenza strateġiċi tagħhom infushom, skont l-istrateġiji tagħhom stess tal-edukazzjoni u l-ħiliet. Dan jiżviluppa sena ta' sjieda u ta' motivazzjoni biex jintlaħqu l-ounti ta' referenza.

    Il-prassi t-tajba: il-miri nazzjonali u organizzazzjonali ta' mobilità fl-edukazzjoni ogħla "L-Istrateġija għall-Internazzjonalizzazzjoni tal-Edukazzjoni Ogħla fil-Finlandja 2009-2015"li għadha kemm ġiet żviluppata tistipula miri għall-2015: għalhekk ir-riżultat tal-mobilità tal-istudenti u min jitħarreġ għandha tilħaq is-6 % (2007:3,8 %) u fil-polytechnics 8 % (2007: 6,1 %). Il-Gvern Awstrijakk stipula l-għan li 50 % ta' min jiggradwa għandu jkollu esperjenza ta' mobilità relatata mal-istudju tiegħu/tagħha sal-2020. Il-miri ma jeżistux biss fil-livell tal-Gvern: Is-Servizz Ġermaniż ta' Skambju Akademiku DAAD isejjaħ ukoll għal mill-inqas 50 % ta' min jiggradwa li jkollu/jkollha esperjenza ta' mobilità "fuq medda medja ta' żmien". |

    Inti tqis li l-miri huma għodda utli biex tiddefinixxi l-mobilità u jekk iva, f'liema livell (Ewropew, nazjonali, istituzzjonali, settorjali, eċċ)?

    Jekk jogħġbok agħti eżempji possibbli ta' prassi tajba.

    IL-KONKLUżJONIJIET

    Din il-Green Paper qiegħda tiġi ppreżentata bil-ħsieb li jitqajmu għadd kbir ta' kwistjonijiet marbuta mal-mobilità għat-tagħlim taż-żgħażagħ Ewropej fid-dixxiplini u l-kuntesti kollha.

    Il-Kummissjoni Ewropea issa qed issejjaħ lill-partijiet interessati, minn gvernijiet sa individwi, biex jappoġġjaw l-isforzi tagħha biex jagħmlu l-mobilità taż-żgħażagħ ir-regola aktar milli l-eċċezzjoni.. Filwaqt li tagħraf li dan huwa għan diffiċli fil-kuntest ekonomiku attwali, il-mobilità għat-tagħlim hija element ewlieni fl-istrateġija globali biex l-Ewopa titgħammar bil-ħiliet meħtieġa għall-ġejjieni.

    Din il-Green Paper tenfasizza għadd ta' oqsma fejn jinħtieġu sforzi supplementari. Bosta minn dawn l-isforzi jimplikaw azzjoni f’livell nazzjonali, reġjonali u istituzzjonali, kif ukoll l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili, in-negozju u partijiet oħra interessati.

    Qed jitressqu suġġerimenti għal rortot possibbli ta' azzjoni li jistgħu jiġu esplorati fil-livelli differenti. Dawn għandhom l-għan li jistimulaw reazzjoni u mhumiex intenzjonati li jkunu eżawrjenti. Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna jikkontribwixxu għal dan id-dibattitu u jressqu l-alternattivi tagħhom għall-ġejjieni. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta bir-reqqa r-reazzjoni għall-konsultazzjoni u tħejji proposta għal segwitu prattiku.

    Kif tieħu parti fil-Konsultazzjoni

    IT-TWEġIBIET GħAL DIN IL-GREEN PAPER SE JINġABRU F’żEWġ LIVELLI.

    L-ewwel, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jipprovdu tweġibiet għall-mistoqsijiet miftuħa li hemm fit-test, kif ukoll aktar riflessjonijiet u eżempji ta’ prassi tajba.

    Id-dejta rigward individwi tinżamm anonima. Jekk inti qed twieġeb f’isem, jekk jogħġbok indika l-isem u n-natura tal-organizzazzjoni li tirrappreżenta. Organizzazzjonijiet professjonali huma mistiedna jirreġistraw fir-Reġistru tal-Kummissjoni għar-Rappreżentanti b’Interess. (http://ec.europa.eu/transparency/regrin).

    Inti tista’ tibgħat il-kontribuzzjonijiet tiegħek permezz tal-e-mail lil

    EAC-GREEN-PAPER-MOBILITY@ec.europa.eu.

    jew permezz tal-posta lil:

    EAC GREEN PAPER MOBILITY

    DG EAC/B3

    MADO 11/14

    European Commission

    B-1049 Brussels

    It-tieni, hemm kwestjonarju onlajn b’għażla multipla, imfasal għal udjenza usa’, fuq:

    http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/consult/index_en.html

    Il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika għal konsultazzjonijiet fiż-żewġ livelli jintemm fil- 15 ta ’ Diċembru 2009 .

    [1] Din il-Green Paper ma tinkludix il-mobilità fis-suq tax-xogħol iżda tiffoka fuq il-mobilità għal skopijiet ta' tagħlim.

    [2] Pereżempju kien hemm studju li wera li 54 % ta’ dawk li kienu studenti tal-Erasmus jemmnu li l-perjodu li qattgħu msifrin kien ta' għajnuna biex kisbu l-ewwel xogħol tagħhom. Ara Friedhelm Maiworm u Ulrich Teichler: L-Istudju fl-Esteru u l-Bidu tal-Karriera: L-esperjenzi ta' dawk li kienu Studenti tal-Erasmus, 2004; stħarriġiet annwali tan-Netwerk tal-Istudenti tal-Erasmus; Valutazzjoni Finali tal-Programmi tal-Komunità Socrates II, Leonardo da Vinci II u eLearning; Analiżi tal-Effetti tal-Miżuri ta' Mobilità ta' Leonardo da Vinci fuq Apprendisti Żgħażagħ, Impjegati u l-influwenza tal-fatturi soċjoekonomiċi, 2007.

    [3] Għas-settur tal-edukazzjoni ogħla dan il-benefiċċju sistematiku ġie ppruvat permezz ta' studju dwar "The impact of Erasmus on European higher education: quality, openness and internationalisation", Diċembru 2008, http://ec.europa.eu/education/erasmus/doc/publ/impact08.pdfAra wkoll il-valutazzjoni Interim tal-Erasmus Mundus minn SEEK (Spazju Ekonomiku Ewropew Komuni), Ġunju 2007,http://ec.europa.eu/education/programmes/mundus/doc/evalreport_en.pdf.Fil-qasam tar-riċerka, l-Azzjonijiet Marie Curie, billi jsaħħu l-mobilità tar-riċerkaturi, jikkontribwixxu għal ċirkulazzjoni bilanċjata ta' talenti speċifiċi, mhux biss madwar l-Ewropa, iżda mad-dinja kollha.

    [4] Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku- COM(2008) 800, 26.11.2008, p. 15.

    [5] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-immodernizzar ta' universitajiet għall-kompetittività tal-Ewropa f'ekonomija globali tal-għerf.

    [6] Rapport Strateġiku dwar il-verżjoni mġedda tal-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi: it-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010) - COM(2007) 803.

    [7] Rapport tal-Forum Espert ta' Livell Għoli dwar il-Mobilità, Ġunju 2008,http://ec.europa.eu/education/doc/2008/mobilityreport_en.pdf

    [8] COM(2008) 412.

    [9] Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri dwar il-mobilità taż-żgħażagħ, l-20 u l-21 ta' Novembru 2008 (ĠU C 320, 16.12.2008), http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/educ/104249.pdf

    [10] http://www.ond.vlaanderen.be/hogeronderwijs/bologna/conference/documents/Leuven_Louvain-la-Neuve_Communiqué_April_2009.pdf

    [11] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Impenn Komuni għall-Impjiegi"- COM(2009) 257

    [12] Dawn jinkludu dan li ġej: edukazzjoni ogħla (Erasmus, Erasmus Mundus, Marie Curie) għal studenti, kandidati tad-dottorat u staff; edukazzjoni ogħla u riċerka (Marie Curie, mobilità fi ħdan Netwerks ta' Eċċellenza u Pjattaformi ta' Teknoloġija); minn edukazzjoni ogħla għal negozju (kollokazzjonijiet f’Erasmus u Marie Curie); edukazzjoni u apprendistati vokazzjonali (Leonardo); edukazzjoni fit-tieni livell (Comenius) tagħlim tal-adulti u volontarjat superjuri (Grundtvig); l-isfera kulturali (il-Programm Kultura); l-iskambji u l-volontarjat taż-żgħażagħ (iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni); il-volontarjat (Is-Servizz Volontarju Ewropew fil-Programm taż-Żgħażagħ fl-Azzjoni); is-soċjetà ċivili (il-Programm l-Ewropa għaċ-Ċittadini) u l-azzjoni preparatorja "Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ".

    [13] Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni ta' cittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju.

    [14] Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta' Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka xjentifika ('Visa xjentifika').

    [15] http://ec.europa.eu/ploteus/home.jsp?language=en

    [16] http://europa.eu/youth/index.cfm?l_id=en

    [17] http://www.study-in-europe.org/

    [18] http://ec.europa.eu/euraxess

    [19] http://ec.europa.eu/mariecurieactions/

    [20] http://ec.europa.eu/youreurope/index_en.html

    [21] http://www.euroguidance.net/

    [22] http://ec.europa.eu/eures

    [23] http://www.eurodesk.org

    [24] http://www.erasmus-entrepreneurs.eu

    [25] http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/craft/craft-skills_training/skills_training_main_en.htm

    [26] Il-Multilingwiżmu - Vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni - COM(2008) 566.

    [27] Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Karrieri aħjar u aktar mobbiltà: sħubija Ewropea għar-riċerkaturi" - COM(2008) 317.

    [28] Ara r-Rapport tal-Eurydice tal-Edukazzjoni ogħla 2009: L-iżviluppi fil-Proċess ta' Bologna.

    [29] Il-Każ C-308/89, di Leo, Ir-Rapporti tal-Qorti Ewropea 1990, p. I-4185.

    [30] Il-Każijiet Konġunti C-11/06 Morgan u C-12/06 Bucher, Ir-Rapporti tal-Qorti Ewropea 2007, p. I-9161.

    [31] Il-valutazzjoni interim tal-Erasmus Mundus minn SEEK, Ġunju 2007http://ec.europa.eu/education/programmes/mundus/doc/evalreport_en.pdf

    [32] Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni ta' cittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju.

    [33] Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta' Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka xjentifika (ĠU L 289, 3.11.2005, p. 15).

    [34] http://ec.europa.eu/euraxess/index_en.cfm?l1=17&l2=0&l3=1&CFID=88944&CFTOKEN=69293189

    [35] http://ec.europa.eu/euraxess/index_en.cfm?l1=0&l2=3

    [36] http://ec.europa.eu/education/archive/million/charter_en.html

    [37] http://ec.europa.eu/youth/pdf/doc716_en.pdf

    [38] Ara l-anness tal-Gwida għall-Utenti tal-Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ fuqhttp://www.erasmus-entrepreneurs.eu/upload/H840-290%20Erasmus%20Guide.pdf

    [39] Ir-riżultat tat-tagħlim: dikjarazzjoni ta' dak li jaf, jifhem u li kapaċi jwettaq min qed jitgħallem meta jitlesta l-proċess ta' tagħlim.

    [40] Fil-livell Ewropew, jintużaw id-definizzjonijiet li ġejjin: Tagħlim formali jingħata tipikament minn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni jew ta' taħriġ, b'għanijiet ta' tagħlim, bi żmien ta' tagħlim u b'appoġġ ta' tagħlim strutturati. Huwa intenzjonat min-naħa ta' min qed jitgħallem u jwassal għal ċertifikazzjoni. Tagħlim mhux formali ma jingħatax minn istituzzjoni ta' edukazzjoni jew ta' taħriġ u tipikament ma jwassalx għal ċertifikazzjoni. Minkejja dan, huwa intenzjonat min-naħa ta' min qed jitgħallem u għandu għanijiet, ħinijiet u appoġġ strutturati. Tagħlim informali jirriżulta mill-attivitajiet ta' kuljum relatati max-xogħol, il-ħajja tal-familja jew iż-żmien ta' mistrieħ. Mhuwiex strutturat u fil-biċċa l-kbira ma jwassalx għal ċertifikazzjoni. Fil-biċċa l-kbira, mhuwiex intenzjonat min-naħa ta' min qed jitgħallem.

    [41] Fil-qasam tar-riċerka qed tiġi implimentata sħubija, ibbażata fuq il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Karrieri aħjar u aktar mobbiltà: Sħubija Ewropea għar-riċerkaturi tas-26 ta' Settembru 2008,

    http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/08/st13/st13671.en08.pdf

    [42] Il-Partenarjati Comenius Regio: opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni reġjonaliu fl-edukazzjoni tal-iskejjel, 3.11.2008, http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/08/1621&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=fr

    [43] Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji " - COM(2009) 158.

    [44]

    [45] Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda: L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa - SEC(2008) 3058, http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc/com868_en.pdf

    [46] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill f'qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ,

    Top