Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2011/344A/01

Post Vakanti ta' Direttur Eżekuttiv (Grad AD14) għal Aġenzija għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja — COM/2011/10318

ĠU C 344A, 24.11.2011, pp. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 344/1


Post Vakanti ta' Direttur Eżekuttiv (Grad AD14) għal Aġenzija għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja

COM/2011/10318

(2011/C 344 A/01)

Min aħna

Fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea (1), fil-25 ta' Otturbu 2011 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw Regolament li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja (2) (minn hawn 'il quddiem “l-Aġenzija”). Ir-Regolament ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Novembru 2011 u daħal fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

Skont ir-Regolament, l-Aġenzija għandha tkun korp tal-Unjoni b'personalità legali. L-Aġenzija se tkun responsabbli għat-tmexxija operattiva fit-tul tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (3), tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (4) u tal-EURODAC (5). Fil-futur, l-Aġenzija tista' wkoll tingħata r-responsabblità għat-tħejjija, l-iżvilupp u t-tmexxija operattiva ta' sistemi oħrajn tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja, jekk jiġu fdati jagħmlu dan permezz ta' strumenti legali separati.

Il-kompitu ewlieni tal-Aġenzija se jkun li tiżgura t-tmexxija operattiva fit-tul tas-SIS II, tal-VIS u tal-EURODAC, billi żżomm is-sistemi jaħdmu 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, b'hekk tiżgura l-operat effettiv, sigur u kontinwu tas-sistemi tal-IT. L-Aġenzija se tkun responsabbli wkoll għall-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà tas-sistemi u s-sigurtà tad-dejta. Lil hinn minn dawn il-kompiti operattivi, l-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-kompiti relatati ma' rappurtar, pubblikazzjoni, monitoraġġ, organizzazzjoni ta' taħriġ speċifiku dwar l-użu tekniku tas-sistemi, implimentazzjoni ta' skemi pilota fuq talba speċifika u preċiża tal-Kummissjoni u monitoraġġ ta' riċerka relevanti għat-tmexxija operattiva tas-sistemi.

Is-sede tal-Aġenzija se tkun f'Tallinn, l-Estonja. Il-kompiti relatati mal-iżvilupp u mat-tmexxija operattiva tas-sistemi ta' bħalissa u futuri se jitwettqu fi Strasburgu, Franza. Se jkun hemm sit ta' riżerva f'Sankt Johann im Pongau, l-Awstrija.

Huwa mistenni li sal-2013 l-Aġenzija se timpjega madwar 120 persuna bħala persunal.

L-impenn ta' approprjazzjonijiet għall-perjodu 2011-2013 ġie stmat fil-livell ta' EUR 107,8 miljun. Iċ-ċifra finali se tiġi stabbilita mill-Awtorità Baġitarja bħala parti tal-eżerċizzju annwali tal-baġit.

Nipproponu

Il-persuna fil-kariga ta' Direttur Eżekuttiv se tmexxi u tirrappreżenta lill-Aġenzija. Hija għandha tkun ir-rappreżentanta legali u l-wiċċ pubbliku tal-Aġenzija. Hija għandha tkun indipendenti fit-twettiq ta' dmirijietha u għandha tkun responsabbli mill-attivitajiet tagħha lill-Bord ta' Tmexxija. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni.

Il-persuna fil-kariga ta' Direttur Eżekuttiv se jkollha rwol ċentrali fl-istabbiliment tal-Aġenzija. Hija se tkun responsabbli li tistabbilixxi l-miżuri amministrattivi, operattivi u finanzjarji meħtieġa għall-operat xieraq tal-Aġenzija, inkluż ir-reklutaġġ tal-persunal prinċipali.

Bla ħsara għas-setgħat tal-Bord ta' Tmexxija, il-persuna fil-kariga ta' Direttur Eżekuttiv għandha tassumi r-responsabbiltà sħiħa għall-kompiti fdati lill-Aġenzija u għandha tkun suġġetta għall-proċedura annwali ta' kwittanza mill-Parlament Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jistiednu lill-persuna fil-kariga ta' Direttur Eżekuttiv biex tirrapporta dwar it-twettiq tal-kompiti tagħha.

Ir-responsabbilitajiet tad-Direttur Eżekuttiv se jinkludu, b'mod partikolari:

Żgurar tal-amministrazzjoni ta' kuljum tal-Aġenzija;

Żgurar tal-operat tal-Aġenzija skont ir-Regolament tat-twaqqif tagħha;

Tħejjija u implimentazzjoni tal-proċeduri, d-deċiżjonijiet, l-istrateġiji, l-programmi u l-attivitajiet adottati mill-Bord ta' Tmexxija, fil-limiti speċifikati mir-Regolament tat-twaqqif, ir-regoli ta' implimetazzjoni tiegħu u kull liġi applikabbli;

Stabbiliment u implimentazzjoni ta' sistema effettiva biex tippermetti monitoraġġ u evalwazzjonijiet regolari tas-sistemi tal-IT, inklużi l-istatistiki, u tal-Aġenzija, anke f'termini ta' kisba effettiva u effiċjenti tal-għanijiet tal-Aġenzija;

Parteċipazzjoni, mingħajr id-dritt għall-vot, fil-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija;

Eżerċitazzjoni, fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija, is-setgħat hekk kif stabbiliti fir-regolament tat-twaqqif u tal-ġestjoni tal-kwistjonijiet tal-persunal, b'mod partikolari r-reklutaġġ u s-superviżjoni tal-persunal, filwaqt li jiżgura ġestjoni tal-persunal li tkun, effiċjenti, motivanti u ffukata fuq it-tim;

Stabbiliment tar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-istrumenti legali li jirregolaw is-sistemi tal-IT;

Negozjar u, wara approvazzjoni mill-Bord ta' Tmexxija, jiffirma Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u Ftehimiet dwar siti Tekniċi u ta' Riżerva mal-gvernijiet tal-Istati Membri ospitanti;

Żgurar li l-baġit jiġi ġestit b'mod effiċjenti u skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba;

Sottomissjoni, għall-adozzjoni mill-Bord ta' Tmexxija, inter alia l-abbozzi għal dawn li ġejjin:

ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija;

il-baġit tal-Aġenzija għas-sena li ġejja, u l-Pjan multiannwali ta' Politika tal-Persunal;

il-programm multiannwali tal-kompiti tal-Aġenzija u r-rapport annwali tagħha tal-attività, u jimplimenta l-programm annwali tax-xogħol;

Komunikazzjoni mal-partijiet interessati relevanti, inkluż il-pubbliku ġenerali, fl-oqsma tal-attività tal-Aġenzija;

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi t-test tar-Regolament.

Qegħdin infittxu

L-applikanti għandu jkollhom:

Ħiliet amministrattivi u maniġerjali tajbin u flimkien prova ta' dan, b'mod partikolari esperjenza tal-ġestjoni tal-baġit, tal-finanzi u tar-riżorsi umani f'kuntest nazzjonali, Ewropew u/jew internazzjonali;

Kapaċità li jistabbilixxu u li jmexxu Aġenzija ta' ca. 120 persunal kemm fuq livell ta' ġestjoni strateġika u interna;

Għarfien tajjeb fil-kuntest tal-UE u tal-interazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u tal-istituzzjonijiet tal-UE. Għarfien tajjeb tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fuq l-iskambju tal-informazzjoni u sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja jkun vantaġġ.

Esperjenza professjonali tajba fil-qasam tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira, idealment akkwistata f'amministrazzjoni nazzjonali, Ewropea jew pubblika;

Għarfien fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta;

Kapaċità li jmexxu u jimmotivaw tim kbir f'ambjent Ewropew, multikulturali u multilingwi;

Kapaċità li jikkomunikaw mal-pubbliku u jikkooperaw mal-partijiet interessati (Awtoritajiet Ewropej, internazzjonali, nazzjonali u lokali, organizzazzjonijiet internazzjonali, eċċ);

Ħiliet eċċellenti fil-kitba, fil-komunikazzjoni orali u fin-negozjar.

L-applikanti għandhom

L-applikanti se jiġu kkunsidrati għall-fażi ta' selezzjoni fuq il-bażi tal-kriterji formali li ġejjin li jridu jiġu sodisfatti qabel id-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Ċittadinanza: Ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

Grad Universitarju jew Diploma: Ikollhom:

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikati b'diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' erba' snin jew aktar,

jew inkella livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikat minn diploma u esperjenza professjonali xierqa ta' mill-inqas sena meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja tkun tal-inqas tliet snin (din is-sena ta' esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali wara l-kisba tal-lawrja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali: Ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali post-universitarja wara l-kisba tal-kwalifiki msemmija hawn fuq;

Esperjenza Professjonali Relevanti: Mill-15-il sena ta' esperjenza professjonali, mill-inqas 5 snin għandhom ikunu nkisbu f'qasam ta' relevanza diretta mal-attivitajiet tal-Aġenzija, preferibbilment fil-qasam tal-iskambju tal-informazzjoni jew sistemi tal-IT fuq skala kbira.

Esperjenza ta' Tmexxija: ikollhom mill-inqas 5 snin esperjenza professjonali miksuba f'kariga għolja ta' ġestjoni (6);

Lingwi: Ikollhom għarfien eċċellenti ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni u għarfien adegwat ta' lingwa uffiċjali oħra;

Limitu tal-età: Ikunu jistgħu jlestu l-mandat sħiħ ta' ħames snin qabel l-età tal-pensjoni. Għal persunal temporanju tal-Unjoni Ewropea, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq il-65 sena.

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Il-persuna fil-kariga ta' Direttur se tkun mitluba tagħmel dikjarazzjoni ta' impenn li se taġixxi b'mod indipendenti fl-interess tal-pubbliku u tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward ta' kull tip ta' interess li jista' jitqies li jippreġudika l-independenza tagħha. L-applikanti jridu jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu dan fl-applikazzjoni tagħhom.

Il-persuna applikati rebbieħa, se tkun meħtieġa li tgħaddi minn proċedura ta' kontroll tas-sigurtà u approvazzjoni.

Is-selezzjoni u l-ħatra

Din il-proċedura ta' reklutaġġ titwettaq skont id-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Aġenzija u l-karigi relevanti fit-tabella tal-persunal tagħha.

Se jiġi stabbilit kumitat ta' preselezzjoni għall-proċess ta' selezzjoni. Dan il-bord se jistieden għal intervista lill-applikanti li għandhom l-aħjar profil għar-rekwiżiti speċifiċi ta' din il-kariga. Dawn l-applikanti se jintgħażlu abbażi tal-merti tagħhom fi ħdan il-kriterji stabbiliti hawn fuq. Il-kandidati li jintgħażlu mill-kumitat ta' preselezzjoni se jissejħu biex jattendu intervista mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet tal-Kummissjoni (CCA) u jkollhom joqgħodu għall-eżaminazzjoni minn ċentru ta' evalwazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ. Il-kandidati li jintgħażlu mis-CCA mbagħad ikollhom intervista mill-Kummissarji relevanti.

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni se tadotta lista qasira tal-kandidati eleġibbli, li se tiġi kkomunikata lill-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija. Dan tal-aħħar se jintervista lill-kandidati magħżula u jagħżel kandidat minn fosthom. L-inklużjoni fil-lista mhijiex garanzija tal-ħatra. Il-kandidati jistgħu jintalbu jagħmlu iktar intervisti u/jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jeħtieġ proċedura ripetuta tas-selezzjoni jekk ma jkunx sodisfatt mid-disponibbiltà ta' kwalunkwe kandidat meqjus fl-ewwel lista.

Qabel il-ħatra, il-persuna kandidata magħżula mill-Bord ta' Tmexxija għandha tiġi mistiedna tagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat(i) kompetenti tal-Parlament Ewropew u twieġeb mistoqsijiet li jagħmlulha l-membri tiegħu/tagħhom. Wara din id-dikjarazzjoni, il-Parlament Ewropew jista' jadotta opinjoni li fiha jispjega l-opinjoni tiegħu dwar il-persuna kandidata magħżula. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bil-mod li fih tqieset din l-opinjoni. L-opinjoni għandha titqies bħala personali u kunfidenzjali sal-mument tal-ħatra tal-kandidat.

Il-Bord ta' Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjoni finali dwar il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv.

Mandat

Il-persuna fil-kariga ta' Direttur Eżekuttiv se tinħatar mill-Bord ta' Tmexxija bħala membru tal-persunal tal-Aġenzija, bħala aġent temporanju fil-grad ta' AD14 skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Ħaddiema l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (7) għal perjodu ta' ħames snin. Matul id-disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin il-Bord ta' Tmexxija, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, għandu jwettaq evalwazzjoni. Fl-evalwazzjoni, il-Bord ta' Tmexxija għandu jeżamina b'mod partikolari r-riżultati miksuba fl-ewwel mandat u kif inkisbu.

Il-Bord ta' Tmexxija jista' jġedded il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għal darba u sa mhux aktar minn tliet snin, b'kunsiderazzjoni tar-rapport ta' evalwazzjoni u f'dawk il-każijiet biss fejn jista' jiġi ġġustifikat mid-dmirijiet u mir-rekwiżiti tal-Aġenzija. F'tali każ, il-Bord ta' Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv. Fi żmien xahar qabel l-estensjoni tal-mandat tagħha, il-persuna fil-kariga ta' Direttur Eżekuttiv għandha tiġi mistiedna tagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat(i) kompetenti tal-Parlament Ewropew u twieġeb mistoqsijiet li jagħmlulha l-membri tiegħu/tagħhom.

Il-persuna fil-kariga ta' Direttur Eżekuttiv għandha tkun marbuta li tagħti rendikont lill-Bord ta' Tmexxija.

Tkeċċija

Il-persuna fil-kariga ta' Direttur Eżekuttiv tista' titneħħa mill-uffiċċju tagħha mill-Bord ta' Tmexxija. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjoni b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri kollha li jkollhom id-dritt tal-vot.

Opportunitajiet indaqs

L-Aġenzija tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolamenti tal-Persunal (7).

Kundizzjonijiet tal-impjieg

Il-post tal-impjieg huwa Tallinn, fejn se tiġi lokalizzata s-sede tal-Aġenzija.

Il-persuna fil-kariga ta' Direttur Eżekuttiv mistennija li tassumi l-kariga tagħha fil-ħarifa tal-2012.

Proċedura tal-applikazzjoni

Sabiex l-applikazzjonijiet ikunu validi, il-kandidati għandhom iressqu:

1.

ittra ta' introduzzjoni;

2.

u Curriculum Vitae (CV) b'format liberu. Preferibbilment, is-CV għandu jitfassal bil-format tas-CV Europass (8). L-applikanti huma espliċitament mitluba jenfasizzaw u jagħtu rendikont qasir tal-esperjenza u l-kompetenza relevanti għall-impjieg kif ukoll dettalji tad-daqstan-numru ta' persunal- baġit u natura tad-dipartimenti li amministraw qabel.

L-applikazzjonijiet mhux kompluti jiġu rrifjutati.

Id-dokumenti ta' prova (pereżempju kopji ċċertifikati ta' lawrji/diplomi, referenzi, provi tal-esperjenza, eċċ.) m'għandhomx jintbagħtu għalissa imma fi stadju ulterjuri tal-proċedura jekk mitluba.

L-applikazzjonijiet, preferibbilment bl-Ingliż, bil-Franċiz jew bil-Germaniż, għandhom jintbagħtu permezz tal-email lil:

HOME-selections-IT-AGENCY-ED@ec.europa.eu

L-applikanti li ma jkunux jistgħu jibagħtu l-applikazzjonijiet tagħhom bl-email jistgħu jibagħtuhom permezz tal-posta rreġistrata jew permezz ta' servizz ta' kurjer express lil:

European Commission

“Home Affairs” Directorate General

Shared Resources Directorate, Unit 02 (Human Resources)

B. 1049 Brussels

Belgium

L-applikanti huma mitluba li jirrappurtaw kull bdil tal-indirizz bil-miktub u mingħajr dewmien fl-indirizz ta' hawn fuq.

Il-persuna ta' kuntatt għal informazzjoni addizzjonali:

Ioan-Dragos Tudorache

Kap tal-Unità

Unità C 2 — Proġetti tal-IT: Infrastruttura u kwistjonijiet legali

Direttorat Ġenerali tal-Affarijiet Interni

Kummissjoni Ewropea

Ioan-Dragos.Tudorache@ec.europa.eu

Data tal-għeluq

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu jew bl-email jew bil-posta rreġistrata sa mhux aktar tard mill-Ħamis, it-22 ta' Diċembru 2011 (id-data tal-email jew id-data tat-timbru postali għall-posta rreġistrata).

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bis-servizz espress tal-kurjer jaslu fl-indirizz imniżżel hawn fuq qabel il-17:00 (ħin ta' Brussell) fl-istess data.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ttawwal id-data tal-għeluq ta' dan il-post vakanti permezz ta' pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea biss.

Informazzjoni importanti għall-applikanti

L-applikanti huma mfakkra li x-xogħol tal-kumitati tal-għażla huwa kunfidenzjali. Kull kuntatt dirett jew indirett mill-kandidati jew minn xi ħadd ieħor li jaġixxi f'isimhom mal-kumitat ta' selezzjoni huwa pprojbit.

Protezzjoni tad-dejta personali

Il-Kummissjoni u l-Aġenzija se jiżguraw li d-dejta personali tal-kandidati se tkun ipproċessata kif meħtieġ mir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (9).


(1)  Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, COM(2010)93 finali.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, (ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1)

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta' Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta' Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta' Eurodac għat-tqabbil ta' marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin (ĠU L 316, 15.12.2000, p. 1).

(6)  Fis-CVs tagħhom l-applikanti għandhom jindikaw għall-inqas għal dawn il-ħames snin x'tip ta' esperjenza ta' amministrazzjoni f'livell għoli ġiet miksuba: (1) it-titlu u r-rwol tal-karigi ta' amministrazzjoni li kienu jokkupaw, (2) in-numru ta' persunal li kellhom taħthom f'dawn il-karigi, (3) id-daqs tal-baġits li kienu jamministraw, u (4) in-numri ta' saffi ġerarkiċi fuqhom u taħthom u n-numru ta' kollegi fl-istess livell.

(7)  ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1.

(8)  Is-CV Europass jista' jitniżżel minn fuq is-sit: http://europass.cedefop.europa.eu/htm/index.htm

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


Top