Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2010/110/04

Sejħa għal proposti 2010 – Proġett pilota dwar l-iżvilupp tal-attivitajiet ta' prevenzjoni sabiex titwaqqaf id-deżertifikazzjoni fl-Ewropa

ĠU C 110, 29.4.2010, p. 4–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/4


Sejħa għal proposti 2010 – Proġett pilota dwar l-iżvilupp tal-attivitajiet ta' prevenzjoni sabiex titwaqqaf id-deżertifikazzjoni fl-Ewropa

2010/C 110/04

1.

L-Unità għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Ilma fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea, qiegħda tniedi Sejħa għal Proposti bil-għan li jiġu identifikati 3 sa 5 proġetti eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju, li jħeġġu l-azzjoni rigward id-deżertifikazzjoni u n-nixfiet fil-baċiri tax-xmajjar fuq bażi sperimentali, u li jikkontribwixxu għall-iskambju tal-aqwa prattiki fuq il-livell lokali fir-rigward ta' erba′ kwistjonijiet, bħalma huma l-konservazzjoni tal-ilma tax-xita u l-ilma tal-wiċċ, forom alternattivi ta' tisqija, miżuri għall-iffrankar tal-ilma/effiċjenza tal-ilma u għelejjel li jikkunsmaw inqas ilma. Il-proġetti pilota huma proġetti ta' wiri maħsuba biex jittestjaw teknoloġiji, tekniki jew prattiki ddiżinjati speċifikament. Se jkollhom juru l-potenzjal għall-iffrankar tal-ilma għat-titjib tal-kundizzjonijiet umani u ambjentali f'reġjuni differenti tal-Unjoni Ewropea, bl-użu ta' approċċi b'kostijiet baxxi.

2.

Il-kriterji għall-eliġibbiltà, ir-reġjuni ta' prijorità, is-setturi ekonomiċi kkonċernati, it-tul taż-żmien kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-finanzjament huma stipulati fil-Gwida tal-Applikazzjoni għall-Għotja rilevanti li fiha wkoll struzzjonijiet dettaljati dwar fejn u meta għandha titressaq proposta. Il-gwida, kif ukoll il-formoli tal-applikazzjoni rilevanti għall-għotja jistgħu jitniżżlu mill-websajt Europa:

http://ec.europa.eu/environment/funding/grants_en.htm

3.

Il-proposti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni fl-indirizz indikat fil-Gwida dwar l-Applikazzjoni għall-Għotja sat-30 Ġunju 2010. Il-proposti għandhom jitwasslu bil-posta jew bil-courier privat mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2010 (l-evidenza għandha tkun id-data ta' meta ntbagħtet, il-marka tal-posta jew id-data tal-formola tad-depożitu). Jistgħu wkoll jitwasslu personalment fl-indirizz speċifiku indikat fil-Gwida mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2010 fil-17.00 (l-evidenza għandha tkun il-konferma tal-irċevuta ddatata u ffirmata mill-uffiċjal responsabbli).

Mhumiex se jiġu aċċettati l-proposti mibgħuta bil-feks, bil-posta elettronika, applikazzjonijiet mhux kompluti, applikazzjonijiet mibgħuta f’diversi partijiet, kif ukoll applikazzjoni mibgħuta wara d-data tal-għeluq għat-tressiq.

4.

Il-proċedura għall-allokazzjoni tal-għotjiet hija skedata kif ġej:

il-wasla, ir-reġistrazzjoni tal-wasla u l-konferma tal-wasla min-naħa tal-Kummissjoni;

valutazzjoni tal-proposti mill-Kummissjoni;

id-deċiżjoni dwar l-għotja u n-notifika tar-riżultat lill-applikanti.

Il-benefiċjarji se jintgħażlu abbażi tal-kriterji stipulati fil-gwida u fil-limiti tal-baġit disponibbli.

Fil-każ ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-għotja (imħejji f'Euro) bejn il-Kummissjoni u l-parti li tkun ressqet il-proposta.

Il-proċedura hija strettament kunfidenzjali.


Top