Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62026TN0037

Kawża T-37/26: Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Jannar 2026 – Spanja vs Il-Kummissjoni

ĠU C, C/2026/1357, 16.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1357/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1357/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1357

16.3.2026

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Jannar 2026 – Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-37/26)

(C/2026/1357)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: S. Núñez Silva, aġent)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2334 tad-19 ta’ Novembru 2025 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa mġarrba minn ċerti Stati Membri fl-ambitu tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u fl-ambitu tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn din tikkonċerna lir-Renju ta’ Spanja, u sa fejn teskludi żewġ miljuni seba’ mija u disa’ u disgħin elf seba’ mija u sitta u tmenin Euro u ċenteżmu (EUR 2 799 786,01);

tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka s-segwenti:

Motivi bbażati fuq il-kontrolli relatati mal-konformità mad-definizzjoni ta’ bidwi żagħżugħ u ma dik ta’ bidwi li għadu jibda l-attività agrikola tiegħu.

A –

Kontroll relatat mal-istabbiliment għall-ewwel darba f’impriża agrikola bħala kap tal-impriża.

Id-deċiżjoni kkontestata tagħti interpretazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni li tinsab fir-Regolamenti Nru 1307/2013 (1) u Nru 639/2014 (2) sa fejn din tinterpreta b’mod restrittiv il-kunċett ta’ “bidwi żagħżugħ” b’tali mod li timplika kontroll iktar strett tal-installazzjoni tiegħu bħala kap tal-impriża. Dan l-ewwel motiv huwa kompost miż-żewġ fergħat li ġejjin li, min-naħa tagħhom, juru l-ksur li l-Kummissjoni wettqet permezz tad-Deċiżjoni 2025/2334.

(a)

Ksur tal-Artikoli 30(6) u (11), u 50 tar-Regolament Nru 1307/2013 kif ukoll tal-Artikoli 49 u 50 tar-Regolament Nru 639/2014. Il-Kummissjoni tikser id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għaliex: (i) Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 30(11), moqri flimkien mal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1307/2013 ma jirriżultax li l-istabbiliment għall-ewwel darba ta’ bidwi żagħżugħ f’impriża agrikola bħala kap tal-impriża jimplika li ma huwiex possibbli li huwa jkun għamel dan preċedentement, lil hinn mill-ħames snin ta’ qabel; ii) Mill-interpretazzjoni sistematika tal-imsemmija artikoli moqrija flimkien mal-Artikolu 30(11)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013 jirriżulta li għandu jkun hemm ekwivalenza bejn il-kunċetti ta’ “bidu ta’ attività” u “l-ewwel stabbiliment”; iii) Mill-interpretazzjoni teleoloġika ta’ dawn ir-regoli jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġislatur kienet li jkun hemm ekwivalenza fil-prijorità li għandha tingħata lill-bdiewa żgħażagħ u lill-bdiewa li jibdew attività agrikola ġdida fir-rigward tar-riżerva nazzjonali.

(b)

Ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi. Il-Kummissjoni twettaq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi għaliex, minkejja li kien hemm kemm investigazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni fl-2016 (NAC/2016/012/ES) kif ukoll awditjar mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li ntemm permezz tar-Rapport Speċjali 10/2018, fl-ebda mument ma tqajmet xi oġġezzjoni bħal dik li tqajjmet fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja f’kull każ aġixxa taħt l-aspettattiva leġittima li l-interpretazzjoni tiegħu tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kienet korretta b’tali mod li l-kriterju li qiegħed issa jiġi invokat mill-Kummissjoni jikkostitwixxi ksur ta’ dik l-aspettattiva leġittima msawwra fi ħdan l-awtoritajiet Spanjoli.

B –

Kontroll relatat mal-konformità mal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment għall-ewwel darba ta’ impriża agrikola u tad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni unika għall-għajnuna.

Ksur tal-Artikoli 30(11) u 50(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, u tal-Artikoli 28(4), 49 u 50 tar-Regolament Nru 639/2014.

Id-deċiżjoni kkontestata tinterpreta b’mod żbaljat u eċċessivament strett id-dispożizzjonijiet previsti fir-Regolamenti Nru 1307/2013 u Nru 639/2014 sa fejn tipprevedi li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għall-“istabbiliment għall-ewwel darba” bħala kap tal-impriża u għall-“bidu ta’ attività agrikola” għandhom ikunu ssodisfatti l-iktar tard fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna. Minn qari flimkien tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 (3) jirriżulta li sakemm ma tinqabiżx id-data finali għat-tressiq ta’ emendi, l-applikazzjoni ma tistax titqies li hija kompleta u li, fid-dawl tal-possibbiltà li jiżdiedu jew jiġu rranġati l-ħbula ta’ raba’, fil-każ tal-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ, sakemm ma tinqabiżx din id-data ma jistax ikun magħruf b’ċertezza liema hija l-impriża li fuqha huma ser jistabbilixxu ruħhom u, għaldaqstant, it-terminu għad-data ta’ dan l-istabbiliment għandu jkun ekwivalenti.


(1)  Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, u rettifika fil-ĠU 2017, L 130, p. 7).

(2)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1).

(3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1357/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top