Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62025TN0417

Kawża T-417/25: Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ġunju 2025 – Ir-Repubblika tal-Finlandja vs Il-Kummissjoni

ĠU C, C/2025/5465, 20.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5465/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5465/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5465

20.10.2025

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ġunju 2025 – Ir-Repubblika tal-Finlandja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-417/25)

(C/2025/5465)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Finlandja (rappreżentanti: H. Leppo u M. Pere, aġenti)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/864 tat-30 ta’ April 2025 li jopera tnaqqis mill-kwota tas-sajd għas-salamun tal-Atlantiku allokata lill-Finlandja fl-2025 minħabba s-sajd eċċessiv fl-2024 (ĠU L, 2025/864, 6.5.2025);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-Finlandja.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motiv li ġej:

Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 105(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), it-Tabella 8 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2023/2638 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2024 (2) kif ukoll l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi (3) billi naqqset, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/864 il-kwota tas-sajd għas-salamun tal-Atlantiku (Salmo salar) allokata lill-Finlandja permezz tar-Regolament (UE) 2024/2903 għas-sena 2025.

Il-Kummissjoni naqqset il-kwota tas-sajd tal-Finlandja għas-sena 2025 bi ksur tal-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009, peress li l-Finlandja ma qabżitx il-kwota tas-sajd tagħha għas-sena 2024. L-Artikolu 105(1) ta’ dan ir-regolament jawtorizza lill-Kummissjoni tapplika tnaqqis minn kwoti futuri ta’ Stat Membru biss meta l-Istat Membru jkun qabeż il-kwoti allokati lilu. Tnaqqis tal-kwota ma huwiex permess skont din id-dispożizzjoni meta l-Kummissjoni u l-Istat Membru ma jaqblux dwar jekk is-sajd ipprattikat f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxix attivitajiet tas-sajd għal fini ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, fis-sens tat-Tabella 8 tal-Anness tar-Regolament 2023/2638, li jitwettqu b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament 2019/1241.

Jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 jista’ jiġi applikat ukoll meta l-Kummissjoni tqis li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Istat Membru, l-eċċezzjoni dwar is-sajd xjentifiku prevista mir-Regolament 2023/2638 ma tapplikax għas-sajd ipprattikat f’dan l-Istat Membru, il-Finlandja ssostni, sussidjarjament, li hija ma kisritx din l-eċċezzjoni. Is-sajd xjentifiku għas-salamun ipprattikat mill-Finlandja fl-2024 osserva l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament 2019/124, b’tali mod li għandha tiġi applikata l-eċċezzjoni li tinsab fit-tieni paragrafu tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, tat-Tabella 8. It-tnaqqis tal-kwota tas-sajd allokata lill-Finlandja għas-sena 2025 għalhekk imur kontra d-dritt tal-Unjoni.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU 2009, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 355, p. 93, fil-ĠU 2014, L 318, p. 34 u fil-ĠU 2015, L 149, p. 23).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/2638 tal-20 ta’ Novembru 2023 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2024 u li jemenda r-Regolament (UE) 2023/194 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd f’ilmijiet oħra (ĠU L, 2023/2638, 22.11.2023).

(3)  Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU 2019, L 198, p. 105, rettifika fil-ĠU L, 2025/90689).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5465/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top