Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62025TC0529

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Martín y Pérez de Nanclares, ippreżentati l-10 ta’ Ġunju 2026.


Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2026:388

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MARTÍN Y PÉREZ DE NANCLARES

ippreżentati fl‑10 ta’ Ġunju 2026 (1)

Kawża T‑529/25

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew,

Belgische Staat, Federale Overheidsdienst Financiën, Algemene Administratie van de Douane en Accijnzen (AAD&A)

vs

Prestige Rijwielen NV,

Logwin Air + Ocean Belgium NV,

ZG,

fil-preżenza ta’

Belgische Staat, Federale Overheidsdienst Financiën, Algemene Administratie van de Bijzondere Belastinginspectie (AABBI)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Nomenklatura Magħquda – Interpretazzjoni – Regoli ġenerali – Regola ġenerali 2(a) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘oġġett ippreżentat żmuntat jew mhux immuntat’ – Parts maħsuba sabiex, wara li jiġu mmuntati, jagħmlu roti elettriċi – Importazzjoni ftit ftit – Dikjarazzjonijiet doganali suċċessivi – Klassifikazzjoni bħala oġġett sħiħ – Abbuż ta’ dritt”






I.      Introduzzjoni

1.        Fil-Latin, il-kunċett ta’ “portorium” jirreferi għad-dazji doganali jew ta’ pedaġġ, li huma simili għal “taxxa fuq it-trasport, fuq il-moviment ta’ merkanzija f’ċerti punti” (2), li kienu, b’mod partikolari, jinġabru fil-fruntieri esterni tal-Imperu Ruman. Dan jixhdu l-Monumentum Ephesenum – skrizzjoni li tinkludi r-regolamenti doganali tal-Asja, adottati fis-sena 62 W.K. – li minnhom jirriżulta li, fi Żmien il-Qedem, il-ġbir tad-dazji doganali kien diġà bbażat fuq sistema kumplessa, li tipprevedi obbligi ta’ dikjarazzjoni, kif ukoll konsegwenzi tal-evażjoni tar-regoli doganali, bħalma huwa l-moviment fittizju tal-merkanzija (3).

2.        Din il-kawża tinvolvi kwistjoni simili, jiġifieri l-qsim tal-importazzjoni ta’ merkanzija partikolari bil-għan li tapplika għaliha tariffa doganali iktar favorevoli. Hija oriġinat mill-proċeduri kriminali mibdija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew kontra żewġ persuni ġuridiċi u persuna fiżika, minħabba li dawn tal-aħħar allegatament introduċew suċċessivament parts tar-roti fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea sabiex jaħbu l-għan tassew ta’ dawn l-operazzjonijiet, jiġifieri l-importazzjoni ta’ roti elettriċi sħaħ. B’dan il-mod, huma allegatament evadew dazji doganali billi, b’differenza mill-parts, ir-roti elettriċi kienu suġġetti għal rata konvenzjonali ogħla u kellhom ikunu suġġetti għal dazji antidumping.

3.        L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ibbaża ruħu fuq l-allegat ksur tar-Regola ġenerali 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (4). Din tal-aħħar essenzjalment tippermetti li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja, oġġett sħiħ, bħalma hija rota, jitqies li jkun ġie importat minkejja li, fiżikament, ikunu ddaħħlu biss fit-territorju doganali l-parts meħtieġa għall-immontar ta’ dan l-oġġett. Din ir-regola hija suġġetta għal kundizzjoni, stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja (5), li teħtieġ li l-parts ikkonċernati jiġu ppreżentati għall-iżdoganar fl-istess ħin. Din il-kundizzjoni hija l-essenza tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, billi, f’dan il-każ, il-parts li bihom jiġu mmuntati r-roti elettriċi ma ġewx ippreżentati lid-dwana flimkien, iżda ġew importati ftit ftit.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

4.        Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) twaqqfet bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 (6), fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD).

5.        It-tieni sentenza tar-Regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tas-SA tipprevedi, essenzjalment, li kull referenza għal oġġett f’intestatura partikolari tkopri wkoll l-oġġett komplet jew irfinut, meta dan jiġi ppreżentat żmuntat jew mhux immuntat.

6.        In-nota ta’ spjega dwar din ir-regola tipprovdi, fil-punt (V) tagħha, li “[i]l-merkanzija ppreżentata [żmuntata jew mhux immuntata] tiġi hekk ppreżentata għal raġunijiet bħall-ħtiġijiet jew il-konvenjenza tal-ippakkjar, tal-immaniġġar jew tat-trasport” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, mill-punt (VII) ta’ din in-nota jirriżulta li “[i]l-komponenti mhux immuntati ta’ oġġett, li jkunu iżjed min-numru meħtieġ sabiex jiġi kkostitwit oġġett sħiħ, għandhom jiġu kklassifikati għalihom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-aħħar nett, skont il-punt (VIII) tal-imsemmija nota, eżempji tal-applikazzjoni tal-imsemmija regola huma mogħtija fil-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali tat-Taqsimiet jew tal-Kapitoli (Taqsima XVI, Kapitoli 44, 86, 87 u 89, fost oħrajn).

7.        In-noti ta’ spjega dwar il-Kapitolu 44 tat-Taqsima IX u t-Taqsimiet XVI u XVII tas-SA jikkonċernaw, rispettivament, l-oġġetti tal-injam ippreżentati żmuntati jew mhux immuntati, il-magni u l-apparati mhux immuntati u d-dgħajjes mhux kompluti jew mhux irfinuti.

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 2658/87, in-Nomenklatura Magħquda u n-Noti ta’ Spjega

8.        F’dan il-każ, ir-Regolament Nru 2658/87 japplika fil-verżjoni tiegħu stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2018/1602 (7). L-Anness I tiegħu fih in-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), li minnha jagħmlu parti r-Regoli ġenerali ta’ interpretazzjoni.

9.        Ir-Regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM (iktar ’il quddiem ir-“Regola ġenerali 2(a)”) li tirriproduċi l-istess regola tas-SA, hija fformulata kif ġej:

“Kwalunkwe referenza għal oġġett f’intestatura għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux irfinut, sakemm, kif ippreżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux irfinut ikollu l-karattru essenzjali tal-oġġett komplut jew irfinut. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew irfinut (jew li jista’ jkun ikklassifikat bħala komplut jew ikkompletat permezz ta’ din ir-regola), ippreżentat mhux assemblat jew żarmat.”

10.      In-Nota Addizzjonali 2 tat-Taqsima XVI tan-NM fiha preċiżazzjonijiet dwar il-preżentazzjoni tal-magni żmuntati jew mhux immuntati. In-Nota Addizzjonali 3 tal-istess taqsima tipprevedi li, għal talba tad-dikjarant u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti, id-dispożizzjonijiet tar-Regola ġenerali 2(a) japplikaw ukoll għall-magni ppreżentati ftit ftit.

11.      L-intestatura 8711 tan-NM tkopri, b’mod partikolari, roti mgħammra b’mutur awżiljarju. Il-parts u l-aċċessorji tal-vetturi tal-intestaturi 8711 sa 8713 jaqgħu taħt l-intestatura 8714.

12.      In-Nota Addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII tan-NM tipprovdi li, għal talba tad-dikjarant u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti, id-dispożizzjonijiet tar-Regola ġenerali 2(a) japplikaw ukoll għall-merkanzija tal-intestaturi 8608, 8805, 8905 u 8907, ippreżentati ftit ftit.

13.      Fid‑29 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat in-Noti ta’ Spjega għan-NM (8). Dawn jinkludu gwida dwar l-applikazzjoni tan-Nota Addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI tan-NM.

2.      Il-Kodiċi Doganali

14.      Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 (9), jiddefinixxi, fil-punti 12 u 33 tal-Artikolu 5 tiegħu, il-kunċett ta’ “dikjarazzjoni doganali” u dak ta’ “preżentazzjoni ta’ merkanzija lid-dwana”, rispettivament.

15.      L-Artikolu 56(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li “[i]d-dazju dovut fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni għandu jkun ibbażat fuq it-Tariffa Doganali Komuni”. Mill-paragrafu 2 tal-istess artikolu jirriżulta li t-tariffa doganali komuni tinkludi, b’mod partikolari, in-NM tal-merkanzija stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87.

3.      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447

16.      L-Artikolu 96(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 (10), li huwa, essenzjalment, identiku għall-Artikolu 115 ta’ dan ir-regolament, jipprevedi:

“Meta, fuq talba tal-importatur u skont il-kundizzjonijiet stipulati mill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru tal-importazzjoni, prodotti żarmati jew mhux armati skont it-tifsira tar-regola interpretattiva ġenerali 2(a) tas-Sistema Armonizzata li jaqgħu taħt it-Taqsimiet XVI u XVII jew l-intestaturi 7308 u 9406 tas-Sistema Armonizzata jiġu importati gradwalment, għandha tiġi ppreżentata prova waħda tal-oriġini għal dawn il-prodotti lill-awtoritajiet doganali hekk kif issir l-importazzjoni tal-ewwel kunsinna.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u t-talba għal deċiżjoni preliminari

17.      Prestige Rijwielen NV (iktar ’il quddiem “Prestige”), kumpannija stabbilita skont id-dritt Belġjan, kienet timporta, sal-introduzzjoni ta’ dazju antidumping provviżorju f’Lulju 2018 (11), roti elettriċi sħaħ miċ-Ċina, li kienu jaqgħu taħt l-intestatura 8711 60 10 tan-NM. Fix-xahar ta’ Jannar 2019, ġew introdotti dazji antidumping u dazji kumpensatorji definittivi (12). Mill-mument li fihom ġew introdotti dawn id-dazji sa April 2021, Prestige importat u ddikjarat parts ta’ roti elettriċi li jaqgħu taħt is-subintestaturi tal-intestatura 8714 tan-NM.

18.      Waqt spezzjoni, l-amministrazzjoni doganali identifikat 27 dikjarazzjoni doganali, maqsuma f’sitt gruppi, li kull wieħed minn dawn il-gruppi jikkonċerna parts iffatturati taħt l-istess referenza u li flimkien kienu jimmuntaw, b’kollox, 5 800 rota sħiħa. Id-dikjarazzjonijiet ġew ippreżentati ftit jiem jew xhur bejn waħda u oħra. Dawn il-fatti jikkostitwixxu l-bażi tal-proċeduri kriminali mibdija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew kontra Prestige, ZG (l-amministratur delegat tagħha) u Logwin Air + Ocean Belgium NV (ir-rappreżentant doganali tagħha). Huma ġew akkużati li evadew dazji fuq l-importazzjoni, dazji antidumping u dazji kumpensatorji billi ppreżentaw dikjarazzjonijiet doganali li kienu jixhdu, b’mod żbaljat, l-importazzjoni ta’ parts tar-roti, sabiex jaħbu l-importazzjoni ta’ roti elettriċi.

19.      Il-qorti tal-ewwel istanza kkonstatat li Prestige kienet ordnat roti elettriċi sħaħ żmuntati fiċ-Ċina u kienet begħethom bħala tali lill-konsumaturi. Minn dan hija ddeduċiet li, fid-dawl tar-Regola ġenerali 2(a), Prestige kellha tagħmel dikjarazzjoni doganali tal-importazzjoni mhux tal-parts, iżda tar-roti elettriċi sħaħ. B’hekk, Prestige u ZG ġew ikkundannati jħallsu xi multi u, jekk kemm‑il darba jonqsu milli jgħaddu l-merkanzija kkonfiskata, iħallsu l-valur doganali stmat tagħha. Logwin Air + Ocean Belgium ġiet illiberata mill-akkuża. Fl-aħħar nett, it-talbiet anċillari kollha tal-awtoritajiet doganali u fiskali, li ngħaqdu fil-proċeduri bħala partijiet ċivili, intlaqgħu.

20.      Adita fl-istadju tal-appell, il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju) tirrileva li, skont ir-Regola ġenerali 2(a), il-merkanzija importata f’parts għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura tariffarja li tapplika għall-merkanzija sħiħa. Madankollu, ma huwiex ċert, fil-fehma tagħha, jekk tistax tapplika din ir-regola, minħabba li d-dikjarazzjonijiet doganali inkwistjoni ġew ippreżentati suċċessivament, xi drabi b’numru ta’ xhur bejn waħda u oħra. L-imsemmija qorti żżid tgħid li huwa minnu li, fis-sentenza tagħha X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane (13), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regola ġenerali 2(a) ma għandhiex tiġi interpretata hekk li l-importaturi jkunu jistgħu jagħżlu huma stess – billi, b’mod partikolari, jippreżentaw dikjarazzjonijiet doganali distinti – il-klassifikazzjoni tal-merkanzija, jew bħala ħaġa waħda, jew inkella separatament. Madankollu, skont l-istess sentenza, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola hija, fil-fehma tal-imsemmija qorti, suġġetta għall-preżentazzjoni tal-merkanzija lid-dwana fl-istess ħin.

21.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Anwterpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-[Regola ġenerali 2(a)] għandha tiġi interpretata fis-sens li partijiet minn rota elettrika intiżi li jiġu armati, wara li jkunu ġew irrilaxxati għal ċirkolazzjoni libera, f’rota elettrika, li jiġu ffatturati minn żewġ fornituri differenti u ttrasportati f’kontenituri differenti u ddikjarati għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera fl-istess uffiċċju doganali mill-istess dikjarant, f’isem u għan-nom tal-istess destinatarju, fuq perijodu li jista’ jinfirex għal diversi xhur, permezz ta’ dikjarazzjonijiet [doganali] separati ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera […] u li, fil-mument tar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, ikunu l-proprjetà tad-destinatarju, għandhom jiġu kklassifikati bħala roti elettriċi ppreżentati fi stat mhux armat jew żarmat fis-sens [ta’ din ir-regola], [...] sa fejn elementi oġġettivi juru li dawn il-partijiet jikkostitwixxu ħaġa sħiħa u jinkludu l-komponenti essenzjali kollha ta’ dawn ir-roti elettriċi?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali

22.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Lulju 2025. Din it-talba ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali, kif jitlob l-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

23.      Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali li saret fit‑23 ta’ April 2026.

V.      Evalwazzjoni ġuridika

24.      F’din il-kawża, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew isostni li l-importazzjoni suċċessiva ta’ parts tar-roti taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni ipoteżi tar-Regola ġenerali 2(a). Għalhekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja, għandu jitqies li l-imputati ma importawx parts, iżda roti elettriċi sħaħ. Madankollu, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl‑1974 fis-sentenza Osram (14). Mill-punt 7 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) għall-importazzjoni ta’ oġġett żmuntat jew mhux immuntat hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-parts kostituttivi jiġu ppreżentati għall-iżdoganar fl-istess ħin.

25.      Permezz tas-sentenza X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane, mogħtija fl-2023, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-rekwiżit ta’ preżentazzjoni simultanja jkun osservat sakemm il-merkanzija tiġi ppreżentata lid-dwana fl-istess ħin, anki jekk din tkun is-suġġett ta’ diversi dikjarazzjonijiet doganali. Din l-interpretazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) kienet iġġustifikata, b’mod partikolari, bin-natura imperattiva tagħha, billi ma tħallix li din ir-regola tiġi evitata permezz ta’ prassi manipulattivi tal-importaturi bil-għan li jagħżlu “il-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti kkonċernati – jew bħala unità jew separatament – skont kif ikun jaqblilhom” (15).

26.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk dan ir-raġunament tal-aħħar jistax jiġi traspost għall-prassi tal-qsim tal-importazzjonijiet. Impliċitament, hija qiegħda, għalhekk, tistedinna neżaminaw il-possibbiltà li jiġi llaxkat ir-rekwiżit ta’ preżentazzjoni simultanja tal-merkanzija, jew saħansitra eliminat. Ma għandniex xi ngħidu, tali soluzzjoni twassal għal kwalifikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ilha stabbilita żmien twil, jekk mhux saħansitra wkoll għal tibdil fiha (16).

27.      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, huwa neċessarju, fil-fehma tiegħi, li, l-ewwel nett, jiġi spjegat il-kuntest ġenerali ta’ din il-kawża (A). It-tieni, nipproponi li tiġi interpretata r-Regola ġenerali 2(a) sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (B). Fl-aħħar nett, jekk kemm‑il darba l-Qorti Ġenerali tikkonkludi li din ir-regola tapplika għall-merkanzija importata ftit ftit, ikun neċessarju, fil-fehma tiegħi, li tiġi indirizzata l-applikazzjoni konkreta tagħha (C).

A.      Fuq jekk il-proċedura doganali tapplikax għall-importazzjonijiet ftit ftit

28.      Huwa importanti, fil-fehma tiegħi, li jitfakkar li l-proċedura għall-iżdoganar tal-merkanzija, stabbilita fil-Kodiċi Doganali, tikkostitwixxi l-qafas legali usa’ li minnu tagħmel parti l-klassifikazzjoni tariffarja bħala wieħed mill-istadji ewlenin tal-proċedura doganali, jiġifieri dak li fih tiġi ffissata t-tariffa doganali (17). Ir-Regola ġenerali 2(a) tixhed dan b’mod ċar billi tirreferi għall-preżentazzjoni tal-merkanzija lid-dwana. Dan il-kunċett tad-dritt doganali ġie interpretat fis-sentenza Osram (18) fis-sens li jeħtieġ li l-merkanzija tiġi ppreżentata fl-istess ħin. Il-linja ġurisprudenzjali li tirriżulta minn din is-sentenza tikkonferma li l-preżentazzjoni ddifferita hija eskluża (19), hekk li r-Regola ġenerali 2(a) ma tapplikax għall-importazzjonijiet ftit ftit (20).

29.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-interpretazzjoni kuntrarja ta’ din ir-regola tistax madankollu tiġi aċċettata, huwa essenzjali, fil-fehma tiegħi, li jiġi ċċarat sa fejn il-Kodiċi Doganali jipprevedi, jew, għall-inqas, ma jeskludix, l-iżdoganar tal-merkanzija importata ftit ftit u suċċessivament, żmuntata jew mhux immuntata. F’dan is-sens, ser nagħti, qabel xejn, ħarsa ġenerali lejn il-proċedura doganali (1), li ser tippermettili nispjega, sussegwentement, il-prinċipju li fuqu din hija bbażata, jiġifieri dak tad-dikjarazzjoni tal-merkanzija ppreżentata (2). Fl-aħħar nett, ser neżamina l-possibbiltà ta’ deroga minn dan il-prinċipju għall-finijiet tal-importazzjoni ftit ftit ta’ merkanzija żmuntata jew mhux immuntata (3).

1.      Oriġini storika u l-proċedura doganali kif inhi llum

30.      Fl‑1974, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Osram (21), il-kontroll doganali tal-importazzjonijiet kien suġġett għar-regoli ta’ armonizzazzjoni previsti fid-Direttiva 68/312/KEE (22). Din tal-aħħar tuża l-kunċett ta’ “preżentazzjoni lid-dwana” biss fil-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, bil-lingwa Taljana u bil-lingwa Olandiża. Din tal-aħħar fiha l-kelma “aanbrengen”, li tikkorrispondi għal dik li illum tidher fil-punt 33 tal-Artikolu 5 tal-verżjoni bil-lingwa Olandiża tal-Kodiċi Doganali, li jiddefinixxi l-“preżentazzjoni lid-dwana”. Fi kwalunkwe każ, id-Direttiva tal‑1968 kienet tipprevedi l-obbligu li l-merkanzija tittieħed f’uffiċċju doganali u li tiġi ppreżentata “immedjatament” dikjarazzjoni li tagħmilha possibbli li tiġi identifikata din il-merkanzija. Ir-Regolament (KEE) Nru 4151/88 (23) iġġeneralizza, fl-Artikolu 5 tiegħu, l-użu tal-kunċett ta’ “preżentazzjoni lid-dwana” fid-dritt Komunitarju. Dan il-kunċett kien ġie ddefinit fl-imsemmi regolament bħala n-notifika lill-awtorità doganali tal-fatt li l-merkanzija tkun waslet fl-uffiċċju doganali (24). Immedjatament wara dan l-att, kellha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni doganali. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat illi merkanzija partikolari tkun iddaħħlet b’mod regolari fit-territorju doganali tal-Komunità, hija kellha, mal-wasla tagħha, tittieħed f’uffiċċju doganali u tiġi ppreżentata lid-dwana (25).

31.      Il-proċedura stabbilita bil-Kodiċi Doganali, li tinsab fis-seħħ bħalissa, hija bbażata fuq dawn l-istess prinċipji. Essenzjalment, l-iżdoganar tal-merkanzija huwa kkaratterizzat minn diversi operazzjonijiet li jseħħu, bħala prinċipju, suċċessivament, jiġifieri, b’mod partikolari, il-wasla tal-merkanzija (l-Artikolu 135(1)), il-preżentazzjoni tagħha lid-dwana immedjatament wara li tasal (il-punt 33 tal-Artikolu 5 u l-Artikolu 139(1)), il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali sabiex tiġi ddikjarata l-applikazzjoni ta’ proċedura doganali (il-punt 12 tal-Artikolu 5 u l-Artikolu 158(1)), l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni (l-Artikolu 172), il-verifika fakultattiva tagħha (l-Artikolu 188), u l-għoti tar-rilaxx tal-merkanzija (l-Artikoli 194 u 195).

2.      Prinċipju ta’ dikjarazzjoni tal-merkanzija ppreżentata

32.      Skont kif nifhem il-proċedura doganali jiena, l-operazzjonijiet ta’ dikjarazzjoni, ta’ verifika (taħt l-Artikolu 188 tal-Kodiċi Doganali) u ta’ rilaxx (taħt l-Artikoli 194 u 195 ta’ dan il-kodiċi) huma marbuta dejjem mal-merkanzija ppreżentata lid-dwana. Bħala prinċipju, dawn la jikkonċernaw il-merkanzija li tkun għadha ma waslitx fid-dwana (26), u lanqas dik li tkun diġà ġiet żdoganata, wara l-għoti tar-rilaxx tagħha (27).

33.      Din l-analiżi hija kkorroborata mill-Artikoli 170 sa 172 tal-Kodiċi Doganali li jindikaw li d-dikjarazzjonijiet doganali għandhom jiġu ppreżentati minn persuna li tkun tista’ tippreżenta l-merkanzija kkonċernata. Bl-istess mod, għalkemm dikjarazzjoni doganali tista’ tiġi ppreżentata sa 30 jum qabel il-preżentazzjoni mistennija tal-merkanzija, tali preżentazzjoni antiċipata tkun valida biss jekk kemm‑il darba l-merkanzija tiġi effettivament ippreżentata entro dan it-terminu. Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali mill-awtoritajiet doganali hija espliċitament suġġetta għall-preżentazzjoni effettiva tal-merkanzija li għaliha jirreferu dawn id-dikjarazzjonijiet.

34.      Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikoli 144, 149 u 158 tal-Kodiċi Doganali, il-merkanzija li titqiegħed f’maħżen temporanju fil-mument li fih tiġi ppreżentata għandha tiġi ddikjarata fi żmien 90 jum (28). Teorikament, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jippermettu li l-merkanzija li tasal fid-dwana f’ħinijiet differenti, iżda entro dan it-terminu, tiġi ddikjarata b’mod konġunt. Issa, fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni tmur kontra r-rekwiżiti proċedurali li jirregolaw il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali “standard”, fis-sens tal-Artikolu 162 ta’ dan il-kodiċi. Fil-fatt, skont l-Artikolu 222 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, kull oġġett ta’ merkanzija għandu jkun is-suġġett ta’ dikjarazzjoni doganali separata. B’deroga minn dan il-prinċipju, jistgħu jinġabru flimkien biss l-oġġetti “inklużi f’kunsinna”, bil-kundizzjoni li dawn ikunu jaqgħu taħt subintestatura tariffarja waħda. Billi l-oġġetti fl-istess kunsinna jaslu fl-istess ħin fl-uffiċċju doganali u għandhom jiġu ppreżentati immedjatament (29), dikjarazzjoni doganali ggruppata neċessarjament tikkonċerna oġġetti ppreżentati fl-istess ħin.

35.      L-istess rekwiżit jidher ukoll fl‑Artikolu 177(1) tal-Kodiċi Doganali. Għal finijiet ta’ simplifikazzjoni, dan tal-aħħar jippermetti li merkanzija li tkun taqa’ taħt varji subintestaturi tariffarji tiġi ddikjarata daqslikieku kienet taqa’ taħt subintestatura waħda, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li din tkun tappartjeni “lill-istess kunsinna”.

36.      Il-prinċipju ta’ dikjarazzjoni tal-merkanzija ppreżentata lid-dwana (fl-istess ħin) jiżgura l-effett utli tas-setgħa tal-awtoritajiet doganali li jivverifikaw, qabel l-għoti tar-rilaxx tagħha, l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet doganali, billi, b’mod partikolari, tiġi eżaminata l-merkanzija u jittieħdu xi kampjuni (30).

37.      Dan il-prinċipju huwa wkoll iġġustifikat bil-fatt li l-Artikolu 77(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali jorbot it-tnissil regolari tad-dejn doganali mal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali u mat-tqegħid tal-merkanzija taħt waħda mill-proċeduri doganali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 56 tal-Kodiċi Doganali, l-ammont ta’ dan id-dejn jiddependi mid-dazji ddeterminati, b’mod partikolari, skont il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija. Din tal-aħħar issir, għalhekk, fil-mument tal-importazzjoni, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni doganali, u dan filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-obbligu tad-dikjarant li jipprovdi informazzjoni eżatta jkopri wkoll id-determinazzjoni tas-subintestatura korretta tan-NM (31). Barra minn hekk, sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli doganali u għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-klassifikazzjoni tariffarja tiddependi mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet oġġettivi tal-merkanzija fil-mument li fih tiġi ppreżentata lid-dwana (32).

38.      Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 194(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-għoti tar-rilaxx, abbażi tad-dikjarazzjoni doganali, jikkonċerna biss il-merkanzija ppreżentata lid-dwana u li tkun is-suġġett ta’ din id-dikjarazzjoni.

39.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jippermettuli nikkonkludi li l-proċedura doganali ġiet maħsuba għall-iżdoganar tal-merkanzija effettivament ippreżentata lid-dwana fl-istess ħin. Għalhekk, il-klassifikazzjoni tariffarja, inkluż l-applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a), issir biss, bħala prinċipju, għal din il-merkanzija. Fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni tal-proċedura doganali kienet diġà tipprevali fl‑1974 meta ngħatat is-sentenza Osram (33).

3.      Deroga mill-prinċipju ta’ dikjarazzjoni tal-merkanzija ppreżentata

40.      Għalhekk, il-prinċipju identifikat fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma jistax jiġi rrikonċiljat mal-possibbiltà li tiġi kklassifikata u ddikjarata merkanzija sħiħa meta jkunu waslu u ġew ippreżentati lill-awtoritajiet doganali xi wħud biss mill-parts kostituttivi, anki jekk il-parts l-oħra jkun skedati li jaslu iktar tard. Madankollu, inqis li l-Kodiċi Doganali ma jipprekludix dan f’kull ċirkustanza, kif jixhed ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiegħu.

41.      Fil-fatt, it-tidħil tal-merkanzija fit-territorju tal-Unjoni ftit ftit ma hijiex xi ħaġa ġdida fil-proċeduri doganali. Diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jiġifieri l-Artikoli 96, 99, 105, 115 u 121, huma espliċitament ibbażati fuq il-premessa li tali metodu ta’ importazzjoni huwa awtorizzat. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu simplifikazzjoni tal-prova tal-oriġini tal-merkanzija importata żmuntata jew mhux immuntata, fis-sens tar-Regola ġenerali 2(a) u li taqa’ taħt it-Taqsimiet XVI jew XVII, jew taħt l-intestaturi 7308 jew 9406 tas-SA.

42.      Minn dan niddeduċi li għandu jkun possibbli li f’dikjarazzjoni doganali jiġi indikat, minn naħa, li l-merkanzija li għaliha hija tirreferi u li tiġi ppreżentata lid-dwana tagħmel parti minn sensiela ta’ kunsinni relatati, bil-għan li tiġi importata fit-territorju tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tariffa doganali applikabbli, id-dikjarant għandu jkun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-merkanzija kollha hekk importata u, jekk ikun il-każ, jikklassifikaha bħala oġġett wieħed sħiħ, skont ir-Regola ġenerali 2(a).

43.      Issa, din il-possibbiltà hija deroga mill-prinċipju ta’ dikjarazzjoni tal-merkanzija ppreżentata lid-dwana, li fuqu huma bbażati, kif rajna, il-proċeduri doganali. Hija għandha, għalhekk, tiġi interpretata b’mod strett (34). Fil-fehma tiegħi, billi din il-possibbiltà ma hijiex espliċitament prevista fil-Kodiċi Doganali, dan japplika a fortiori.

B.      Fuq jekk ir-Regola ġenerali 2(a) tapplikax għall-importazzjonijiet ftit ftit

44.      Huwa fid-dawl tar-riżultat tal-analiżi tal-proċedura doganali li għandhom jiġu interpretati r-regoli ta’ klassifikazzjoni tariffarja tan-NM u, għaldaqstant, ir-Regola ġenerali 2(a).

45.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, huwa għalhekk sta għalina li niddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-referenza li hija tagħmel għall-“preżentazzjoni” tal-merkanzija. Għal dan il-għan, nipproponi li l-ewwel issir interpretazzjoni letterali tar-Regola ġenerali 2(a) (1), u mbagħad interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tagħha (2). Dan l-eżerċizzju ser jiġi kkompletat bl-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk jeżistux limiti konvenzjonali relatati mat-traspożizzjoni tas-SA min-NM, li jżommu lil-leġiżlatur tal-Unjoni milli jippreċiża, jew saħansitra jibdel, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regola (3).

1.      Interpretazzjoni letterali tar-Regola ġenerali 2(a)

46.      Skont it-tieni sentenza tar-Regola ġenerali 2(a), kull referenza għal oġġett tkopri wkoll l-imsemmi oġġett “meta jkun ippreżentat fl-istat żarmat jew mhux immuntat”. Fil-punt 7 tas-sentenza tagħha Osram (35), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tista’ tapplika biss kemm‑il darba l-parts żmuntati jew mhux immuntati jiġi ppreżentati fl-istess ħin għall-iżdoganar (36).

47.      Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat id-deċiżjoni tagħha fl‑1974, skont ir-Regolament Nru 1 (37), ir-regolamenti kellhom jiġu redatti bis-sitt lingwi uffiċjali ta’ dak iż-żmien. Paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi tat-tieni sentenza tar-Regola ġenerali 2(a), li kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien (38), jippermetti li jiġi kkonstatat li l-verżjonijiet bil-lingwa Daniż, bil-lingwa Ingliża u bil-lingwa Olandiża ma kinux jinkludu r-rekwiżit ta’ preżentazzjoni. Madankollu, fil-verżjoni bil-lingwa Daniża u f’dik bil-lingwa Olandiża kien hemm l-idea li l-oġġett għandu jkun disponibbli u, fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża, kienet inkwistjoni l-importazzjoni tiegħu. Jidher li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kienu jirreferu b’mod espliċitu għall-preżentazzjoni tal-oġġett (39).

48.      Fin-NM li tapplika ratione temporis għal din il-kawża, jidhirli li l-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tat-tieni sentenza tar-Regola ġenerali 2(a) jinkludu rekwiżit ta’ preżentazzjoni xi ftit jew wisq espliċitu. Pereżempju, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża issa tuża l-kliem “oġġett ippreżentat”. Il-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża u bil-lingwa Finlandiża jirreferu wkoll espliċitament għall-preżentazzjoni lid-dwana. Barra minn hekk, sakemm ma iniex sejjer żball, bil-lingwa Daniża, bil-lingwa Pollakka u bil-lingwa Żvediża, hija aktarx kwistjoni ta’ oġġetti disponibbli żmuntati jew mhux immuntati, u dan jimplika, fil-fehma tiegħi, il-preżentazzjoni ta’ dawn l-oġġetti. Il-verżjoni bil-lingwa Estonjana tal-imsemmija regola titbiegħed minn dan u tirreferi, min-naħa tagħha, għall-oġġetti mhux immuntati, mingħajr ma ssemmi d-disponibbiltà jew il-preżentazzjoni tagħhom. Fi kwalunkwe każ, sa fejn għandhom x’jaqsmu d-diverġenzi lingwistiċi tan-NM, għandu jingħata piż partikolari lill-verżjoni bil-lingwa Franċiża u dik bil-lingwa Ingliża, inkwantu n-NM tirriproduċi s-SA, li t-testi tagħha b’dawn il-lingwi biss huma awtentiċi (40).

49.      Fid-dawl ta’ dan il-paragun lingwistiku, inqis li l-formulazzjoni tat-tieni sentenza tar-Regola ġenerali 2(a) tillimita l-applikazzjoni tagħha għall-oġġetti ppreżentati lid-dwana. Min-naħa l-oħra, meħuda b’mod iżolat, din il-formulazzjoni ma tippermettilix nikkonkludi jekk il-parts kostituttivi ta’ oġġett sħiħ għandhomx jiġu ppreżentati fl-istess ħin jew le.

50.      Huwa minnu li r-rekwiżit ta’ simultanjetà jista’ jiġi dedott mill-prinċipju ta’ dikjarazzjoni tal-merkanzija ppreżentata, identifikat fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, jidhirli li tali interpretazzjoni restrittiva tal-formulazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) ma hijiex iġġustifikata. B’mod partikolari, hija ma tiħux inkunsiderazzjoni r-realtajiet ekonomiċi u legali li ħa inkunsiderazzjoni l-leġiżlatur tal-Unjoni. Kif jirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (41), dan tal-aħħar jitlaq mill-premessa li l-Kodiċi Doganali jippermetti li tiġi importata ftit ftit merkanzija żmuntata jew mhux immuntata.

51.      Konsegwentement, għandhom jintużaw l-interpretazzjonijiet sistematiċi u teleoloġiċi tar-Regola ġenerali 2(a) sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżit ta’ preżentazzjoni jistax jiġi ssodisfatt fil-każ ta’ żdoganar maqsum ta’ merkanzija.

2.      Interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tar-Regola ġenerali 2(a) 

a)      Interpretazzjoni sistematika

52.      Mill-punt 8 tas-sentenza Osram (42) jirriżulta li, fl‑1971 (43), ir-Regola ġenerali 2(a) iddaħħlet fil-parti introduttiva tan-NM fl-Anness tar-Regolament Nru 950/68 sabiex jiġu kkodifikati prassi ta’ interpretazzjoni diġà eżistenti. Dawn il-prattiki kienu bbażati fuq diversi noti speċifiċi ta’ din in-nomenklatura li kien fihom varjazzjonijiet tal-imsemmija regola, li jikkonċernaw l-importazzjoni ta’ oġġetti tal-injam, magni, vetturi, dgħajjes u għamara, żmuntati jew mhux immuntati (44).

53.      Fost dawn in-noti speċifiċi, dik dwar il-magni kienet tippreċiża li s-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-magni ppreżentati żmuntati jew mhux immuntati kienet tapplika wkoll meta dawn jiġu kkunsinnati ftit ftit.

54.      L-iżvilupp tan-NM, sa mill-ewwel implimentazzjoni Komunitarja tagħha permezz tar-Regolament Nru 950/68 sal-lum, juri li l-applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) ma ġietx estiża għall-importazzjoni ftit ftit ta’ kull tip ta’ merkanzija żmuntata jew mhux immuntata. Għall-kuntrarju, tali possibbiltà hija prevista biss għal ċerta merkanzija, jiġifieri l-magni li jaqgħu taħt it-Taqsima XVI tan-NM u l-oġġetti li jaqgħu taħt l-intestaturi Nru 8608, 8805, 8905 u 8907 tat-Taqsima XVI ta’ din tal-aħħar, u dan jirriżulta min-Nota Addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI u min-Nota Addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII tan-NM, rispettivament (45). Bis-saħħa ta’ dawn in-noti, ir-Regola ġenerali 2(a) tapplika “wkoll” għall-merkanzija koperta mill-imsemmija regola meta din tiġi importata ftit ftit.

55.      Bl-istess mod, l-Artikoli 96, 99 u 115 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedu dan il-metodu ta’ importazzjoni tal-merkanzija żmuntata jew mhux immuntata biss meta din tkun taqa’ taħt it-Taqsimiet XVI jew XVII jew ukoll taħt l-intestaturi 7308 jew 9406 tas-SA.

56.      Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni li n-Nota Addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI u n-Nota Addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII tan-NM ma humiex maħsuba sabiex japplikaw b’mod ġenerali, hija kkorroborata b’mod partikolari mill-użu tal-avverbju “wkoll”. Barra minn hekk, dawn in-noti jissuġġettaw l-applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) għat-“talba” tad-dikjarant. Ma jidhirx li huwa eskluż, fil-fehma tiegħi, li din il-kundizzjoni tagħti lil dan tal-aħħar il-possibbiltà li jagħżel, liema possibbiltà żżid tenfasizza in-natura derogatorja tal-imsemmija noti.

57.      Konsegwentement, inqis li, bħala prinċipju, ir-Regola ġenerali 2(a) tapplika biss għall-merkanzija ppreżentata fl-istess ħin, jiġifieri simultanjament, bla ħsara tad-deroga limitata prevista għall-importazzjoni ftit ftit ta’ ċerta merkanzija (46).

58.      Din il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) tidher li hija kkorroborata mill-aġir tal-korpi tal-Unjoni. Fil-fatt, il-problema tal-qsim tal-importazzjonijiet sabiex tiġi evitata din ir-regola ilha żmien twil magħrufa. Fl‑1993, l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping fuq roti miċ-Ċina (47) naqqset l-importazzjonijiet ta’ roti sħaħ, filwaqt li, fl-istess ħin, żdiedet sostanzjalment l-importazzjoni tal-parts kostituttivi. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni sabet li ċerti impriżi “raw li l-parts iddestinati għall-istess persuna li timmonta l-parts ikunu mifruxin f’diversi kontejners, li jintbagħtu f’dati differenti u daqqiet jinħattu f’portijiet differenti”, hekk li setgħu jevitaw l-applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) (48). B’reazzjoni għal din il-prassi, il-leġiżlatur tal-Unjoni estenda d-dazju antidumping għall-importazzjonijiet ta’ ċerti parts tar-roti. Madankollu, huwa ma bidilx in-NM.

59.      Dan l-approċċ jidher li jaqbel mal-pożizzjoni meħuda mill-Unjoni Ewropea fix-xena internazzjonali. Skont dokument tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li sar fl‑2008 minn “grupp speċjali”, il-Komunitajiet Ewropej sostnew li r-rekwiżit ta’ preżentazzjoni tal-merkanzija “en l’état” (tale quale), espressjoni użata fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża fir-Regola ġenerali 2(a), kien jirrifletti l-“prinċipju fundamentali tal-klassifikazzjoni tariffarja”, “li jgħid li l-merkanzija għandha tiġi kklassifikata skont il-karatteristiċi oġġettivi tal-prodott fil-mument tal-importazzjoni, jiġifieri fl-istat li fih hija tiġi importata u ppreżentata lid-dwana” [traduzzjoni mhux uffiċjali] “[D]an il-kunċett ma jirreferix u ma jistax jirreferi għal “diversi mumenti” u “diversi postijiet” (49).

b)      Interpretazzjoni teleoloġika

60.      L-interpretazzjoni sistematika tar-Regola ġenerali 2(a) tikkuntrasta mal-argumenti ta’ natura teleoloġika li, fil-fehma tiegħi, jistgħu jiffavorixxu l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-importazzjoni ftit ftit ta’ kull merkanzija.

61.      Fil-fatt, wieħed jista’, l-ewwel nett, ikollu dubji dwar il-konsistenza li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) jiġi llimitat għall-merkanzija koperta min-Nota Addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI u min-Nota Addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII tan-NM. Dawn in-noti effettivament japplikaw għal firxa wiesgħa ta’ merkanzija ta’ kull sura u ta’ kull daqs (50).

62.      It-tieni, ma jidhirlix li huwa eskluż li l-applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) għall-importazzjoni suċċessiva ta’ kull merkanzija tista’ tgħin sabiex il-klassifikazzjoni tariffarja taħdem sewwa. Din tal-aħħar hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-merkanzija skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha u din l-evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-użu maħsub ta’ prodott kemm‑il darba dan ikun inerenti fih (51). B’hekk, fejn, b’mod partikolari, l-oġġetti importati suċċessivament ikunu parts kostituttivi ta’ oġġett sħiħ, fejn dawn ikunu ġew ordnati bħala komponenti ta’ tali oġġett u fejn dawn, sa mill-bidu, ma jkunux maħsuba sabiex jinbiegħu individwalment, iżda sabiex jiġu mmuntati, qabel il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, f’oġġett sħiħ, ikun jixraq iktar li tiġi applikata għalihom it-tariffa prevista għal dan l-oġġett sħiħ. Jiena nqis li indikazzjonijiet f’dan is-sens jistgħu jirriżultaw, pereżempju, mid-dokumenti li jakkumpanjaw id-dikjarazzjoni doganali, bħal kuntratti ta’ bejgħ u fatturi, kif ukoll minn ċirkustanzi fattwali, bħall-fatt li l-parts importati jikkorrispondu għal ċertu numru ta’ oġġetti sħaħ (52) jew il-fatt li l-importatur waqaf jimporta oġġetti sħaħ.

63.      Huwa importanti wkoll, fil-fehma tiegħi, li jiġi enfasizzat li l-importazzjoni ftit ftit ta’ merkanzija żmuntata jew mhux immuntata tista’ ssir għal raġunijiet varji, sew ta’ natura kummerċjali u sew ta’ natura differenti. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jkollhom x’jaqsmu mal-metodi ta’ trasport offruti lill-importatur, skont id-daqs jew il-kwantità tal-parts, jew mal-produzzjoni tal-parts importati, fejn, b’mod partikolari, din isseħħ f’diversi fabbriki, sew jekk dawn ikunu qrib faċilitajiet tal-portijiet, tal-ajruporti jew tat-triq u sew jekk le. Barra minn hekk, dewmien fil-wasla tal-parts ta’ oġġett jista’ jkun ir-riżultat ta’ ċirkustanzi imprevedibbli, bħal gwerer, imblokki ta’ toroq kummerċjali, strajks jew kundizzjonijiet meteoroloġiċi.

64.      Fil-fehma tiegħi, dawn il-varji fatturi ma jaffettwawx il-karatteristiċi oġġettivi tal-merkanzija importata. Min-naħa l-oħra, kif tagħti wieħed x’jifhem is-sentenza X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane (53), dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala fatturi oġġettivi sabiex jiġi ddeterminat jekk, minkejja t-tidħil suċċessiv tal-parts individwali fit-territorju doganali tal-Unjoni, għandux jitqies li d-dikjarant importa oġġett sħiħ, żmuntat jew mhux immuntat.

65.      Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħi, mill-punt 26 tal-istess sentenza jirriżulta li n-natura oġġettiva tal-klassifikazzjoni tariffarja timplika li l-importaturi ma għandhomx jitħallew jagħżlu l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija huma stess b’manipulazzjoni relattivament sempliċi. Fil-fehma tiegħi, dan il-motiv, li ppermetta lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li r-Regola ġenerali 2(a) tapplika fil-każ fejn jiġu ppreżentati diversi dikjarazzjonijiet doganali distinti għal oġġetti ppreżentati fl-istess ħin, żmuntati jew mhux immuntati, huwa rilevanti wkoll fil-każ ta’ importazzjoni suċċessiva ta’ parts maħsuba sabiex jiġu mmuntati f’oġġett sħiħ (54).

66.      Madankollu, minkejja l-appell ta’ dawn l-argumenti teleoloġiċi, inqis li dawn ma jistgħux jikkonfutaw il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, ir-riżultat tal-interpretazzjoni sistematika ta’ din ir-regola ma huwiex ambigwu u jixhed, fil-fehma tiegħi, ir-rieda ċara tal-leġiżlatur li jillimita l-applikazzjoni tagħha għall-importazzjoni ftit ftit tal-merkanzija biss fil-każijiet imsemmija b’mod espliċitu fin-Nota Addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI u fin-Nota Addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII tan-NM (55).

67.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li r-Regola ġenerali 2(a) ma tistax tapplika għall-parts tar-roti meta dawn ma jiġux ippreżentati lid-dwana fl-istess ħin, iżda jiġu importati ftit ftit. Fil-fatt, ir-roti elettriċi u l-parts tagħhom jaqgħu taħt l-intestaturi 8711 u 8714 tan-NM u, għalhekk, ma humiex koperti mid-derogi stabbiliti fin-Nota Addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI u fin-Nota Addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII tagħha.

3.      Limiti konvenzjonali għall-modifika tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a)

68.      Fid-dawl tal-argumenti teleoloġiċi li jistgħu jiffavorixxu estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a), l-interpretazzjoni tagħha, kif adottata fil-punti 57 u 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma jidhirlix li hija għalkollox sodisfaċenti. B’mod partikolari, hemm ċerta tensjoni bejn din l-interpretazzjoni u l-imsemmija argumenti, fejn tidħol, b’mod partikolari, l-inkonsistenza li tidher fil-għażla tal-merkanzija koperta min-Nota Addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI u n-Nota Addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII tan-NM.

69.      Issa, billi s-soluzzjoni ta’ din il-problema ma taqax taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qorti, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jiddeċiedi jekk hemmx lok li din tiġi rrimedjata u, jekk iva, kif din għandha tiġi rrimedjata. Huwa fid-dawl ta’ dan li qiegħed nipproponi li jiġi vverifikat jekk hemmx motivi legali li jistgħu jżommu lil dan il-leġiżlatur milli jeżamina mill-ġdid il-kwistjoni jekk ir-Regola ġenerali 2(a) tapplikax jew le għall-importazzjoni ftit ftit tal-merkanzija. Jiġu f’moħħi, b’mod partikolari, il-limiti konvenzjonali li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tas-SA min-NM.

70.      F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, li l-applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) tiġi llimitata għall-importazzjoni ftit ftit tal-merkanzija koperta min-Nota Addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI u min-Nota Addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII tan-NM ma jirriżultax mill-obbligi previsti fis-SA. Sakemm ma iniex sejjer żball, din is-sistema ma fihiex regoli jew noti li jirregolaw l-importazzjoni ftit ftit.

71.      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt (VIII) tan-nota ta’ spjega dwar ir-Regola ġenerali 2(a) tas-SA, ċerti taqsimiet u ċerti kapitoli tas-SA fihom eżempji ta’ kif tapplika din ir-regola. Dawn l-eżempji, li ma humiex legalment vinkolanti (56), ma fihom xejn li jagħti wieħed x’jifhem li, bħala prinċipju, l-importazzjoni ftit ftit tal-merkanzija ma tistax tkun koperta mill-imsemmija regola. Huwa minnu, sa fejn għandhom x’jaqsmu l-oġġetti tal-injam, li l-applikazzjoni tagħha hija espliċitament suġġetta għall-kundizzjoni li “id-diversi parts jiġu ppreżentati flimkien”. Madankollu, l-eżempji l-oħra huma fformulati b’mod newtrali jew ma fihom ebda indikazzjoni dwar il-preżentazzjoni tal-merkanzija. Fejn jidħlu, b’mod speċifiku, il-magni, hija inkwistjoni l-preżentazzjoni tagħhom, sew jekk żmuntati jew mhux immuntati, mingħajr iktar dettalji (57).

72.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena inklinat naħseb li, għalkemm l-applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) għall-importazzjonijiet ftit ftit ma ġietx ikkunsidrata mill-awturi tas-SA, huma lanqas ma eskludewha espliċitament, ħlief forsi sa fejn għandha x’taqsam l-importazzjoni tal-oġġetti tal-injam.

73.      Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata minn deċiżjoni tal-Kumitat SA ta’ Novembru 1995 li tistabbilixxi li huwa fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat firmatarju (58) li jiddetermina jekk ir-Regola ġenerali 2(a) tas-SA tapplikax jew le għall-importazzjonijiet ftit ftit (59). Minn dan niddeduċi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jiddetermina b’mod awtonomu jekk din ir-regola għandhiex tapplika fil-każ fejn il-parts kostituttivi ta’ oġġett sħiħ ikunu ġew importati suċċessivament.

74.      Fil-fehma tiegħi, meta n-Nota Addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI iddaħħlet fin-NM fl-Anness tar-Regolament Nru 950/68, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1/72, il-leġiżlatur tal-Komunità Ekonomika Ewropea telaq ukoll mill-premessa li kien possibbli għalih li jinkludi l-importazzjoni tal-merkanzija ftit ftit fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a). Fil-fatt, din l-emenda tan-nomenklatura fis-seħħ f’dak iż-żmien ma kinitx immotivata minn bidla fil-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑15 ta’ Diċembru 1950 (60), li ppreċediet is-SA, iżda minn raġunijiet ta’ natura ekonomika u prattika, invokati mill-imsemmi leġiżlatur. Barra minn hekk, illum, il-leġiżlatur tal-Unjoni baqa’ jżomm, fin-NM, in-Nota Addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI u n-Nota Addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII, filwaqt li s-SA ma fiha ebda noti ekwivalenti.

75.      Fid-dawl tal-premess, inqis li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu tabilħaqq il-possibbiltà li jibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) f’dak li għandu x’jaqsam mal-importazzjoni ftit ftit tal-merkanzija.

C.      Analiżi, sussidjarjament, tal-applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) għall-importazzjonijiet ftit ftit

76.      Jekk kemm‑il darba l-Qorti Ġenerali tikkonkludi li r-Regola ġenerali 2(a) tapplika għal kull importazzjoni ftit ftit, għandhom jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom din ir-regola tista’ tiġi applikata, billi l-Kodiċi Doganali ma fihx dispożizzjonijiet li jistabbilixxu tali kundizzjonijiet.

77.      Fil-fehma tiegħi, jistgħu jiġu dedotti, b’analoġija, indikazzjonijiet mill-Artikolu 99(3) u mill-Artikolu 115 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni u, b’mod partikolari, min-Nota Addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI u min-Nota Addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII tan-NM. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, minn naħa, li huwa d-dikjarant li għandu jitlob mingħand l-awtoritajiet doganali l-awtorizzazzjoni li jimporta ftit ftit merkanzija żmuntata jew mhux immuntata. Min-naħa l-oħra, minn dan jirriżulta li dawn l-awtoritajiet għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-operazzjoni ta’ importazzjoni suċċessiva.

78.      Fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, nixtieq inqajjem ftit punti għall-kunsiderazzjoni sa fejn għandu x’jaqsam, minn naħa, il-qafas proċedurali applikat mill-awtoritajiet doganali għar-Regola ġenerali 2(a), fil-każ ta’ importazzjoni ftit ftit tal-merkanzija (1), u sa fejn għandhom x’jaqsmu, min-naħa l-oħra, l-obbligi tad-dikjarant (2). Barra minn hekk, b’reazzjoni għad-diskussjonijiet li saru waqt is-seduta, jidhirli li jkun xieraq li jiġi indirizzat l-impatt ta’ kwalunkwe abbuż ta’ dritt li jista’ jsir fuq l-applikazzjoni ta’ din ir-regola (3).

1.      Qafas proċedurali tal-applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a)

79.      Kif diġà ġie indikat fil-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ikun raġonevoli, fil-fehma tiegħi, li jiġi kkunsidrat, b’analoġija għall-Artikolu 99(3) u għall-Artikolu 115 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, kif ukoll għan-Nota Addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI u għan-Nota Addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII tan-NM, li huma l-awtoritajiet doganali li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet proċedurali għall-applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) għal importazzjonijiet ftit ftit ta’ merkanzija.

80.      Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jistabbilixxu l-kundizzjonijiet materjali għall-applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) skont kif jaqblilhom, inkella jista’ jiġri li l-importaturi ma jiġux ittrattati trattament indaqs fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija. Minn dan jirriżulta, fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta fil-punti 62 u 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li huma biss il-karatteristiċi oġġettivi ta’ merkanzija partikolari, kif ukoll il-fatturi oġġettivi li jkunu ddeterminaw il-metodi ta’ importazzjoni, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-kwistjoni jekk din ir-regola tapplikax jew le.

81.      Sa fejn għandu x’jaqsam, l-ewwel nett, iż-żmien li jieħdu l-importazzjonijiet ftit ftit, dan ma għandux, fil-fehma tiegħi, ikun determinanti fih innifsu. Madankollu, dan jista’ jagħmel parti mill-fatturi oġġettivi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk ir-Regola ġenerali 2(a) tapplikax jew le, u dan huwa kkorroborat mill-fatt, irrilevat fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li ż-żmien bejn kunsinna u oħra jista’ jiddependi minn numru kbir ta’ ċirkustanzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma naħsibx li huwa possibbli li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien li lil hinn minnu ma tibqax tapplika r-Regola ġenerali 2(a).

82.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, tkun ħaġa aktarx dubjuża, fil-fehma tiegħi, li jiġu applikati, b’analoġija, il-limiti ratione temporis relatati mal-validità tal-provi tal-oriġini, previsti fl-Artikolu 99(2), fl-Artikolu 105(1) u fil-paragrafi 1 u 4 tal-Artikolu 121 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Fil-fatt, in-natura ta’ dawn il-provi u l-kontroll tal-ġustifikazzjoni tagħhom jeħtieġu li dawn ikollhom validità limitata (61). Huwa biss b’deroga li l-Artikolu 121(5) tal-imsemmi regolament jipprevedi l-possibbiltà li, fil-każ ta’ importazzjoni ftit ftit tal-merkanzija żmuntata jew mhux immuntata, jittawwal il-perijodu ta’ validità tal-prova tal-oriġini. Din id-deroga tixhed il-fatt li tali importazzjoni tista’ ssir tul perijodu li jaqbeż it-terminu ta’ validità normali ta’ prova tal-oriġini.

83.      It-tieni, sa fejn għandhom x’jaqsmu r-regoli proċedurali li jippermettu li tiġi rregolata l-importazzjoni ftit ftit tal-merkanzija żmuntata jew mhux immuntata, huwa biżżejjed, fil-fehma tiegħi, li l-awtoritajiet doganali jippreċiżaw lid-dikjarant, li jindikalhom li jixtieq jagħmel tali operazzjoni ta’ importazzjoni, il-portata tal-obbligi ta’ informazzjoni li huwa għandu lil hinn mid-dikjarazzjoni doganali (62).

84.      Fl-aħħar nett, it-tielet, l-obbligu ta’ kontroll imsaħħaħ previst fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jidher, fil-fehma tiegħi, li huwa direttament rilevanti hawnhekk. B’analoġija, meta importatur jiddikjara l-importazzjoni ftit ftit ta’ merkanzija partikolari, huma l-awtoritajiet doganali li għandhom jivverifikaw li kull kunsinna tkun effettivament tikkorrispondi għall-parts meħtieġa għall-immuntar tagħha.

2.      Obbligi tad-dikjarant

85.      L-obbligu ta’ kontroll imsemmi fil-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet imur id f’id mal-obbligu ta’ informazzjoni tad-dikjarant. Fil-fatt, il-Kodiċi Doganali huwa bbażat fuq prinċipju ta’ trasparenza. Huwa ma jiffokax fuq il-kontrolli magħmula mill-awtoritajiet doganali, iżda jiffoka fuq l-obbligi tad-dikjarant. B’hekk, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha titqiegħed il-merkanzija ssir, bħala prinċipju, skont l-informazzjoni fid-dikjarazzjonijiet doganali. Dawn tal-aħħar ma jiġux ivverifikati b’mod sistematiku, u dan jimplika li d-dikjarant għandu jipprovdi informazzjoni preċiża u kompluta lill-awtoritajiet doganali. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li huwa d-dikjarant li għandu jiddetermina huwa stess is-subintestatura tan-NM li tapplika għall-merkanzija li huwa jkun qiegħed jiddikjara (63).

86.      Huwa minnu, inkwantu n-Nota Addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI u n-Nota Addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII tan-NM jipprevedu l-applikazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a) għal talba tad-dikjarant, li dawn tal-aħħar donnhom jagħtuh għażla. Madankollu, jekk kemm‑il darba l-importazzjoni ftit ftit ta’ kwalunkwe merkanzija żmuntata jew mhux immuntata tkun taqa’ fl-iskop ta’ din ir-regola, l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi u ma tistax tiddependi minn sempliċi għażla (64). Għalhekk, dikjarant għandu, jekk ikun il-każ u bis-saħħa tal-obbligu ta’ informazzjoni, jindika fid-dikjarazzjonijiet doganali tiegħu, sa mill-ewwel kunsinna u ma’ kull kunsinna sussegwenti, li huwa qiegħed jimporta l-merkanzija ftit ftit (65). Huwa għandu, barra minn hekk, jikklassifika din il-merkanzija taħt intestatura tariffarja skont ir-Regola ġenerali 2(a).

87.      Bla ħsara ta’ din il-kundizzjoni, in-Nota Addizzjonali 2 tat-Taqsima XVI tan-NM tippermetti, madankollu, li tintwera l-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni lil hinn mid-dikjarazzjoni doganali. B’hekk, id-dikjarant jista’ jkun obbligat jipprovdi, għall-oġġetti ppreżentati żmuntati jew mhux immuntati, “pjan ta’ mmuntar u inventarju tal-kontenut tal-varji pakketti”. Dan ir-rekwiżit huwa, fil-fehma tiegħi, partikolarment rilevanti għall-importazzjoni ftit ftit tal-merkanzija. Minn naħa, tali pjan jippermetti li jiġu identifikati d-dokumenti neċessarji sabiex jiġi mmuntat l-oġġett sħiħ u, min-naħa l-oħra, l-inventarju tal-kunsinni jiżgura li l-awtoritajiet doganali jkollhom stampa sħiħa tal-operazzjoni ta’ importazzjoni. Barra minn hekk, din l-informazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, utli fid-dawl tal-obbligu ta’ kontroll imsaħħaħ, imsemmi fil-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

3.      Teħid inkunsiderazzjoni tal-abbuż ta’ dritt

88.      Waqt is-seduta, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet ikkonċernati l-oħra qajmu l-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt. F’dan il-kuntest, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew sostna li l-projbizzjoni ta’ tali abbuż għandha tiggwida l-interpretazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a).

89.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-abbuż ta’ dritt huwa kunċett ġuridiku, idderivat mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prassi abbużivi, li l-għan tiegħu huwa li jżomm lil individwu milli jinvoka vantaġġ previst fid-dritt tal-Unjoni meta l-kundizzjonijiet oġġettivi sabiex jibbenefika minnu ma jkunux, fir-realtà, issodisfatti. Sabiex jiġi kkonstatat dan il-fatt, għandhom jiġu ssodisfatti element oġġettiv u element suġġettiv. L-ewwel wieħed jeħtieġ li jintwera li, minkejja li l-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jkunu ġew formalment osservati, l-għan li tfittex li tilħaq din il-leġiżlazzjoni ma jkunx intlaħaq (66).

90.      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Mengozzi, din il-ġurisprudenza turi li dritt jista’ jkun is-suġġett ta’ użu abbużiv biss jekk dan id-dritt ikun ġie rrikonoxxut minn qabel. Għalhekk, il-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt ma tistax titqies bħala prinċipju li jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (67). Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li din il-projbizzjoni la tippermetti li jiżdiedu kundizzjonijiet legali ma’ dispożizzjoni legali u lanqas li jiġi estiż contra legem il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, bla ħsara ta’ dawn il-limiti, il-possibbiltà ta’ evażjoni ta’ regola bi prassi abbużiva tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tinstab interpretazzjoni li tista’ żżomm l-effett utli tagħha, bħalma għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane (68).

91.      Sa fejn għandha x’taqsam speċifikament ir-Regola ġenerali 2(a), li kellu jitqies li din tapplika għall-importazzjoni ftit ftit ta’ merkanzija, l-eżistenza ta’ prassi frawdolenti jew abbużivi maħsuba sabiex jevitaw l-imsemmija regola jidher li hija, fil-fehma tiegħi, fattur rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha in concreto. Fil-fatt, tali prassi jidher li hija wieħed mill-fatturi oġġettivi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li jitqies li, bit-tidħil suċċessiv tal-parts fit-territorju doganali tal-Unjoni, id-dikjarant ikun qiegħed jimporta oġġett sħiħ, żmuntat jew mhux immuntat (69).

VI.    Konklużjoni

92.      Fid-dawl tal-premess, nipproponi li r-risposta li għandha tingħata lill-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju) għandha tkun din li ġejja:

Ir-Regola ġenerali 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, kif stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1602 tal‑11 ta’ Ottubru 2018,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

hija ma tapplikax għall-importazzjoni tal-parts ta’ rota elettrika, li jaqgħu taħt is-subintestaturi tal-intestatura 8714 tan-Nomenklatura Magħquda, maħsuba sabiex jiġu mmuntati, wara li jkunu ġew irrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera, f’rota elettrika, li taqa’ taħt is-subintestaturi tal-intestatura 8711 tan-Nomenklatura Magħquda, meta dawn il-parts ma jkunux ippreżentati lid-dwana fl-istess ħin, iżda jiġu importati ftit ftit u suċċessivament.

José Martín y Pérez de Nanclares

Ippreżentati f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Ġunju 2026.

Firem


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Nicolet, C., “Le Monumentum Ephesenum et la délimitation du portorium d’Asie”, f’Mélanges de l’École française de Rome. Antiquité, Vol. 105, Nru 2, 1993, p. 929 sa 959 (p. 946). Ara wkoll ix-xogħol ta’ Zamora Manzano, J. L, Algunos aspectos sobre el regimen fiscal aduanero en Derecho romano – reglamentación jurídica del “portorium”, control de mercancías y comiso por fraude fiscal, Dykinson, Madrid, 2009.


3      Ara Nicolet, C., “Le monumentum Ephesenum et les dîmes d’Asie”, Bulletin de Correspondance Hellénique, 1991, Nru 115‑1, p. 465 sa 480 (p. 465, 478 sa 480), u C. Marek, “Stadt, Bund und Reich in der Zollorganisation des kaiserzeitlichen Lykien. Eine neue Interpretation der Zollinschrift von Kaunos”, f’Hans-Ulrich Wiemer (editur), Staatlichkeit und politisches Handeln in der Römischen Kaiserzeit, De Gruyter, 2006, p. 107 sa 121 (p. 108 u 110).


4      Ara l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382).


5      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 1974, Osram (183/73, EU:C:1974:50, punt 7).


6      Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1503, p. 4, Nru 25910 (1988). Din il-konvenzjoni ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).


7      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1602 tal‑11 ta’ Ottubru 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU 2018, L 273, p. 1).


8      ĠU 2019, C 119, p. 1.


9      Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2.


10      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 558), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/604 tat‑18 ta’ April 2018 (ĠU 2018, L 101, p. 22) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”).


11      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1012 tas‑17 ta’ Lulju 2018 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/671 (ĠU 2018, L 181, p. 7).


12      Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/73 tas‑17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2019, L 16, p. 108) u (UE) 2019/72 tas‑17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2019, L 16, p. 5).


13      Sentenza tas‑27 ta’ April 2023 (C‑107/22, EU:C:2023:346).


14      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 1974 (183/73, EU:C:1974:50).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane (C‑107/22, EU:C:2023:346, punti 24 sa 26).


16      In-natura eċċezzjonali ta’ tibdil fil-ġurisprudenza, b’mod partikolari ta’ ġurisprudenza stabbilita sew, ġiet enfasizzata mill-Avukat Ġenerali Hogan fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Gtflix Tv (C‑251/20, EU:C:2021:745): “tibdil fil-ġurisprudenza preċedenti ma għandux isir fl-assenza ta’ raġuni serja sabiex isir dan u għandu jkun limitat għal dak li huwa neċessarju”.


17      Ara l-Artikolu 56(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali.


18      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 1974 (183/73, EU:C:1974:50, punt 7).


19      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 1994, Develop Dr. Eisbein (C-35/93, EU:C:1994:252, punt 19) u tas‑27 ta’ April 2023, X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane (C‑107/22, EU:C:2023:346, punt 22).


20      Il-kliem “ftit ftit” jirreferu għall-importazzjoni suċċessiva tal-parts ta’ oġġett li, għal raġunijiet varji, ma jiġux ittrasportati flimkien. Din l-importazzjoni tista’ tingħażel mill-importazzjoni ftit ftit ta’ parts għal immuntar industrijali (ara l-WTO: “China – Measures affecting imports of automobile parts”, Rapporti tal-Bord (18 ta’ Lulju 2008), WT/DS339/R, WT/DS340/R u WT/DS342/R, p. 306 sa 310, punti 7.434 sa 7.439), għalkemm ma huwiex ċert jekk tali distinzjoni hijiex meħtieġa jew iġġustifikata. Għall-finijiet tal-konklużjonijiet tiegħi, ma jidhirlix li hija meħtieġa, billi l-biċċa l-kbira tal-kunsiderazzjonijiet relatati mal-ewwel waħda japplikaw a fortiori għat-tieni waħda. Madankollu, ma huwiex eskluż li l-operazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati mhux bħala importazzjoni ftit ftit, iżda bħala importazzjoni b’iktar minn kunsinna waħda.


21      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 1974 (183/73, EU:C:1974:50).


22      Direttiva tal-Kunsill tat‑30 ta’ Lulju 1968 dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi dwar: 1. it-teħid lid-dwana tal-merkanzija li tasal fit-territorju doganali tal-Komunità, 2. il-ħażna provviżorja ta’ din il-merkanzija (ĠU 1968, L 194, p. 13).


23      Regolament tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1988 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li japplikaw għal merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Komunità (ĠU 1988, L 367, p. 1).


24      Definizzjoni riprodotta sussegwentement fil-Kodiċi Doganali.


25      Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2005, Papismedov et (C‑195/03, EU:C:2005:131, punt 27).


26      Bla ħsara tal-Artikolu 171 tal-Kodiċi Doganali.


27      Il-verifika matul il-proċedura doganali, jiġifieri qabel ir-rilaxx, għandha tingħażel mill-kontrolli a posteriori (l-Artikolu 48 tal-Kodiċi Doganali).


28      Il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni timmarka l-bidu tal-proċess tat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Codirex Expeditie (C‑542/11, EU:C:2013:429, punti 35 et seq.).


29      Ara l-punti 30 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Ara l-Artikolu 188 tal-Kodiċi Doganali, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, DP grup (C‑138/10, EU:C:2011:587, punt 39).


31      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Mejju 1989, Top Hit Holzvertrieb vs Il‑Kummissjoni (378/87, EU:C:1989:209, punt 26), u tal‑15 ta’ Settembru 2011, DP grup (C‑138/10, EU:C:2011:587, punti 34 u 40).


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 1983, Dinter (175/82, EU:C:1983:86, punt 10), tas‑6 ta’ Frar 2014, Humeau Beaupréau (C‑2/13, EU:C:2014:48, punt 45), u tal‑10 ta’ Marzu 2016, VAD u van Aert (C‑499/14, EU:C:2016:155, punti 40 u 41).


33      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 1974 (183/73, EU:C:1974:50). Ara wkoll l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti fil-kawża IMCO (165/78, EU:C:1979:82, punt 3), fejn jirreferi għall-eżami tal-parts “fil-mument tal-importazzjoni tagħhom” fid-dawl tal-“kapaċità tagħhom li jingħaqdu flimkien biex jagħmlu prodott lest” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑360/11, EU:C:2013:17, punt 18), u tat‑12 ta’ Mejju 2021, Hauptzollamt B (Kavjar tal-istorjun) (C‑87/20, EU:C:2021:382, punt 43).


35      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 1974 (183/73, EU:C:1974:50).


36      Minn din is-sentenza ma jirriżultax jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitx paragun lingwistiku u, jekk iva, ibbażatx ruħha fuq l-erba’ lingwi uffiċjali tal-Istati Membri fundaturi (ara r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1/72 tal‑20 ta’ Diċembru 1971 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 950/68 dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU 1972, L 1, p. 1)) jew fuq is-sitt lingwi tal-Istati Membri wara t-tkabbir tal‑1973 (ara r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1/73 tad‑19 ta’ Diċembru 1972 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 950/68 dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU 1973, L 1, p. 1)).


37      Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal‑15 ta’ April 1958 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1958, L 17, p. 385).


38      Ara r-Regolament Nru 1/73.


39      Il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża użat kunċett ġeneriku tad-dritt doganali, jiġifieri “Gestellung”, li jfisser “preżentazzjoni lid-dwana”.


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 1997, Knubben Spedition (C‑143/96, EU:C:1997:597, punt 15), u tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Keesing Deutschland (C‑375/24, EU:C:2025:624, punt 47).


41      Ara l-punti 41 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 1974 (183/73, EU:C:1974:50).


43      Ara l-ewwel artikolu tar-Regolament Nru 1/72, li jimmodifika l-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 950/68 tat 28 ta’ Ġunju 1968 dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU 1968, L 172, p. 1).


44      Ara, rispettivament, in-Noti Nru 4 tat-Taqsima XVI u Nru 6 tat-Taqsima XVII, tal-Anness tar-Regolament Nru 950/68, kif ukoll in-Nota Nru 2 tat-Taqsima IX, Kapitolu 44, in-Nota tal-Kapitolu 89, li taqa’ taħt it-Taqsima XVII, u n-Nota Nru 3 tal-Kapitolu 94 tat-Taqsima XX tal-istess anness.


45      Dawn in-noti huma għajnuna valida għall-interpretazzjoni tan-NM. Dawn għandhom jingħażlu min-Noti ta’ Spjega li ma humiex legalment vinkolanti: sentenza tas‑17 ta’ Frar 2016, Salutas Pharma (C‑124/15, EU:C:2016:87, punti 30 u 31).


46      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 tat‑8 ta’ Settembru 1993 li jimponi dazju definittiv anti-dumping lejn il-Komunità ta’ biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju anti-dumping (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 51, p. 3).


48      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 10 sa 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 tal‑10 ta’ Jannar 1997 li jestendi d-dazju antidumping definittiv introdott bir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 fuq ir-roti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti parts tar-roti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jimponi d-dazju estiż fuq dawn l-importazzjonijiet irreġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 703/96 (ĠU 1997, L 16, p. 55), kif ukoll l-ispjegazzjonijiet ta’ Driessen, B, “New Battle Lines in the Anti-Dumping War – Recent Movements on the European Front”, Journal of World Trade, 1997, Nru 31‑3, p. 135 sa 157 (p. 147 sa 151).


49      Ara l-WTO: “China – Measures affecting imports of automobile parts”, Rapporti tal-Bord (18 ta’ Lulju 2008), WT/DS339/R, WT/DS340/R u WT/DS342/R, p. 294 u 295, punti 7.398 sa 7.400, għall-pożizzjoni tal-Komunitajiet, kif ukoll p. 299 u p. 300, punti 7.412 sa 7.415, għal dik tal-grupp speċjali, li essenzjalment irriproduċa l-istess pożizzjoni.


50      Fost il-magni tat-Taqsima XVI tan-NM, wieħed isib, bħala eżempji, ir-reatturi nukleari jew it-transformers tal-elettriku, kif ukoll il-fannijiet għal fuq l-imwejjed u l-batteriji elettriċi. Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-intestaturi Nri 8608, 8805, 8905 u 8907 tat-Taqsima XVII tan-NM, dawn jinkludu, bħala eżempji, il-pjattaformi għat-tħaffir, li jżommu f’wiċċ l-ilma jew li jitniżżlu taħt l-ilma, bħall-bagi u l-fanali bid-dawl. Ara wkoll il-kritika ta’ Berr, C.J., “Droit douanier – Étude”, La Semaine Juridique. Édition Entreprise, 1994, Nru 40‑390, p. 459 sa 464 (p. 463).


51      Sentenza tat‑28 ta’ April 2016, Oniors Bio (C‑233/15, EU:C:2016:305, punti 32 u 33). L-użu maħsub inerenti fil-parts għandu jingħażel mill-użu effettiv tagħhom li ma huwiex rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1986, Kleiderwerke Lampe, 222/85, EU:C:1986:314, punt 15). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti fil-kawża IMCO (165/78, EU:C:1979:82, punt 3), imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 tal-konklużjonijiet preżenti.


52      F’dan is-sens, mill-punt (VII) tan-nota ta’ spjega dwar ir-Regola ġenerali 2(a) tas-SA jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ din ir-regola għall-parts meħtieġa għall-immuntar ta’ oġġett sħiħ ma hijiex affettwata mill-importazzjoni ta’ parts li n-numru tagħhom ikun iktar minn dak meħtieġ. Dawn tal-aħħar għandhom is-sistema tagħhom, jiġifieri jiġu kklassifikati individwalment. Ara wkoll f’dan is-sens is-sentenza tad‑29 ta’ Mejju 1979, IMCO (165/78, EU:C:1979:133, punt 10).


53      Sentenza tas‑27 ta’ April 2023 (C‑107/22, EU:C:2023:346, punti 28, 29 u 34).


54      Ir-referenza, fil-punt 26 tas-sentenza X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane (C‑107/22, EU:C:2023:346), għan-natura “relattivament sempliċi” tal-manipulazzjonijiet ma tidhirx, fil-fehma tiegħi, li hija waħda deċiżiva. Dan jidher li jirriżulta mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ttrasponiet, b’analoġija, il-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, VAD u van Aert (C‑499/14, EU:C:2016:155), dwar il-kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit li tipi differenti ta’ merkanzija jagħmlu parti minn “sett”, fis-sens tar-Regola 3(b) tar-Regoli ġenerali tan-NM.


55      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Entoma (C‑526/19, EU:C:2020:769, punti 41 sa 43) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Helmut Müller (C‑451/08, EU:C:2009:710, punt 39).


56      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2026, Heineken România (T‑691/24, EU:T:2026:166, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


57      Ara n-Noti ta’ Spjega dwar il-Kapitolu 44 tat-Taqsima IX u dwar it-Taqsimiet XVI u XVII tas-SA.


58      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet: il-Konvenzjoni li stabbilixxiet is-SA ġiet approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea.


59      Ara l-paragrafu 10 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat tas-SA ta’ Novembru 1995, li tinsab fl-Anness I J/7 tad-dokument 39.600 E (p. 139 sa 140) u li tfasslet matul is‑16‑il sessjoni tal-Kumitat, fis‑17 ta’ Novembru 1995. It-terminu “Stat” jidher li jirreferi għall-partijiet kontraenti tas-SA u jinkludi, għalhekk, l-Unjoni Ewropea.


60      Konvenzjoni ta’ Brussell dwar in-Nomenklatura tal-Klassifikazzjoni tal-Merkanzija, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 347, p. 127.


61      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Compañía de Distribución Integral Logista (C‑348/24, EU:C:2025:845, punt 56).


62      Għall-portata tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni, ara l-punt 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, DP grup (C‑138/10, EU:C:2011:587, punti 37, 38 u 40).


64      Ara l-punti 56 u 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65      Ara, b’analoġija, in-nota ta’ spjega dwar in-Nota Addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI tan-NM.


66      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2014, SICES et (C‑155/13, EU:C:2014:145, punti 29 sa 33), u tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C-251/16, EU:C:2017:881, punti 30 sa 32).


67      Konklużjonijiet fil-kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet (C‑83/13, EU:C:2014:201, punti 69 u 70).


68      Sentenza tas‑27 ta’ April 2023 (C‑107/22, EU:C:2023:346, punti 24 sa 27).


69      Ara l-punti 62 sa 64 u 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top