This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62024TJ0288
Judgment of the General Court (Second Chamber) of 10 September 2025.#Berliner Verkehrsbetriebe (BVG) v European Union Intellectual Property Office.#EU trade mark – Application for an EU trade mark consisting of a sound of a melody – Absolute ground for refusal – Distinctive character – Article 7(1)(b) of Regulation (EU) 2017/1001.#Case T-288/24.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Settembru 2025.
Berliner Verkehrsbetriebe (BVG) vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea li tikkonsisti f’ħoss ta’ melodija – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001.
Kawża T-288/24.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Settembru 2025.
Berliner Verkehrsbetriebe (BVG) vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea li tikkonsisti f’ħoss ta’ melodija – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001.
Kawża T-288/24.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2025:847
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
10 ta’ Settembru 2025 (*)
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea li tikkonsisti f’ħoss ta’ melodija – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001”
Fil-Kawża T‑288/24,
Berliner Verkehrsbetriebe (BVG), stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Jaworski, avukat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Stoyanova‑Valchanova, bħala aġent,
konvenut,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Marcoulli, Presidenta, V. Tomljenović u L. Spangsberg Grønfeldt (Relatriċi), Imħallfin,
Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari l-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għal dawn il-mistoqsijiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Jannar 2025,
wara s-seduta tat‑28 ta’ Marzu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Berliner Verkehrsbetriebe (BVG) qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑2 ta’ April 2024 (Każ R 2220/2023‑5) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2 Fil‑15 ta’ Marzu 2023, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem l-EUIPO applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għas-sinjal awdjo li jikkonsisti f’ħoss ta’ melodija li tista’ tinstema’ permezz tal-hyperlink li ġej:
<fajl awdjo tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni>
3 It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet tindika s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 39 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Trasport; trasportazzjoni minn post għall-ieħor tal-passiġġieri; servizzi ta’ tgeżwir u ta’ ppakkjar; il-ħażna ta’ oġġetti; l-organizzazzjoni ta’ eskursjonijiet”.
4 Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ottubru 2023, l-eżaminatriċi ċaħdet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).
5 Fis‑6 ta’ Novembru 2023, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tal-eżaminatriċi.
6 Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell fl-intier tiegħu abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. Essenzjalment, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet tant qasira u banali li ma kellha ebda reżonanza u lanqas kapaċità li tiġi rrikonoxxuta mill-konsumaturi bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tas-servizzi li hija tindika.
It-talbiet tal-partijiet
7 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.
8 L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnu jekk tiġi organizzata seduta.
Id-dritt
9 Ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. Essenzjalment, hija ssostni li l-Bord tal-Appell ma evalwax b’mod korrett il-karatteristiċi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li madankollu huma tipiċi u konformi mal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-prassi deċiżjonali u mid-direttivi dwar l-eżami quddiem l-EUIPO fil-qasam tat-trade marks tal-ħoss.
10 L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti billi jsostni li l-Bord tal-Appell ikkonstata korrettament fid-deċiżjoni kkontestata li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma kellhiex karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.
11 Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, it-trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati.
12 Il-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001, ifisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott jew is-servizz li għalih issir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li ġej minn impriża partikolari u għalhekk li ssir distinzjoni bejn dan il-prodott jew dan is-servizz u dawk ta’ impriżi oħra (sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Globo Comunicação e Participações vs EUIPO (Trade mark ta’ ħoss), T‑408/15, EU:T:2016:468, punt 37, u tas‑7 ta’ Lulju 2021, Ardagh Metal Beverage Holdings vs EUIPO (Taħlita ta’ ħsejjes tal-ftuħ ta’ landa ta’ xarba bil-gass), T‑668/19, EU:T:2021:420, punt 17).
13 It-trade marks li ma għandhomx karattru distintiv imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 huma dawk li jitqiesu li ma jistgħux jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tikkonsisti f’li tiġi identifikata l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni sabiex il-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz kopert mit-trade mark ikun jista’, f’akkwist sussegwenti, jagħmel l-istess għażla jekk l-esperjenza tkun pożittiva jew jagħmel għażla oħra jekk din tkun negattiva (sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Trade mark ta’ ħoss, T‑408/15, EU:T:2016:468, punt 38, u tas‑7 ta’ Lulju 2021, Taħlita ta’ ħsejjes tal-ftuħ ta’ landa ta’ xarba bil-gass, T‑668/19, EU:T:2021:420, punt 18).
14 Il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tagħha (sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Trade mark ta’ ħoss, T‑408/15, EU:T:2016:468, punt 39, u tas‑7 ta’ Lulju 2021, Taħlita ta’ ħsejjes tal-ftuħ ta’ landa ta’ xarba bil-gass, T‑668/19, EU:T:2021:420, punt 19).
15 Madankollu, livell minimu ta’ karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex ir-raġuni assoluta għal rifjut li tinsab fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 ma tkunx applikabbli (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Trade mark ta’ ħoss, T‑408/15, EU:T:2016:468, punt 40).
16 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv huma l-istess għall-kategoriji kollha ta’ trade marks, peress li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2017/1001 ma jagħmilx distinzjoni bejn dawn id-diversi kategoriji. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks ta’ ħoss għalhekk ma humiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra ta’ trade marks (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2021, Taħlita ta’ ħsejjes tal-ftuħ ta’ landa ta’ xarba bil-gass, T‑668/19, EU:T:2021:420, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 Mill-ġurisprudenza jsegwi wkoll li huwa neċessarju li s-sinjal awdjo li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkollu ċerta reżonanza li tippermetti lill-konsumatur ikkonċernat jipperċepih u jqisu bħala trade mark, u mhux bħala element ta’ natura funzjonali jew bħala indikatur mingħajr karatteristika intrinsika tiegħu stess. L-imsemmi konsumatur għalhekk għandu jqis is-sinjal awdjo bħala li għandu kapaċità ta’ identifikazzjoni, fis-sens li ser ikun jista’ jiġi identifikat bħala trade mark (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2021, Taħlita ta’ ħsejjes tal-ftuħ ta’ landa ta’ xarba bil-gass, T‑668/19, EU:T:2021:420, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Għalkemm huwa minnu li l-pubbliku huwa mdorri jipperċepixxi trade marks verbali jew figurattivi bħala sinjali li jidentifikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi, dan ma japplikax neċessarjament bl-istess mod meta s-sinjal ikun ikkostitwit biss minn element ta’ ħoss. Madankollu, għandu jitqies li, fir-rigward ta’ ċerti prodotti u servizzi, ma huwiex inabitwali li l-konsumatur jidentifikahom permezz ta’ element ta’ ħoss. F’dan ir-rigward, għandu jitqies ukoll li l-użanzi f’settur ekonomiku ma humiex statiċi, iżda jistgħu jinbidlu maż-żmien, f’ċerti ċirkustanzi, anki b’mod dinamiku ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Trade mark ta’ ħoss, T‑408/15, EU:T:2016:468, punti 42 sa 44, u tas‑7 ta’ Lulju 2021, Taħlita ta’ ħsejjes tal-ftuħ ta’ landa ta’ xarba bil-gass, T‑668/19, EU:T:2021:420, punti 25 u 26).
19 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.
20 F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma indirizzati lill-pubbliku ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Ma hemmx lok li din l-evalwazzjoni tiġi kkontestata.
21 Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-Bord tal-Appell irrileva li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni “[kienet] sinjal awdjo ta’ żewġ sekondi, li [kien] jikkonsisti f’sempliċi suċċessjoni ta’ erba’ ħsejjes perċettibbli differenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni “[kienet] tant qasira u banali li ma [kellha] ebda reżonanza, u lanqas ċerta kapaċità li tiġi rrikonoxxuta, li tippermetti lill-konsumaturi mmirati jikkunsidraw[ha] bħala indikazzjoni tal-oriġini u mhux sempliċement bħala element funzjonali jew indikazzjoni li ma għandhiex messaġġ”. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell indika li, għalkemm it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni “[kienet] differenti mill-melodiji l-oħra użati fis-settur tat-trasport”, din id-differenza “ma [kinitx] suffiċjenti, [waħedha], sabiex tagħtiha karattru distintiv”, sa fejn “[i]l-karattru distintiv ta’ trade mark ta’ ħoss [kellu] jiġi ddeterminat biss mill-kapaċità tat-trade mark li tidentifika l-prodott jew is-servizz li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala li joriġina minn impriża partikolari u għalhekk sabiex tiddistingwi dan il-prodott jew servizz minn dawk ta’ impriżi oħra”.
22 Għalhekk, sabiex jikkonkludi li ma kienx hemm karattru distintiv, il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni “[kienet] qasira ħafna ([…] żewġ sekondi) u sempliċi ([…] erba’ ħsejjes perċettibbli)” u li, konsegwentement, l-imsemmija trade mark “ma [setgħetx] tittrażmetti bħala tali messaġġ li l-konsumaturi [setgħu] jiftakru” peress li “[kienet] sempliċement ipperċepita bħala element ta’ ħoss funzjonali intiż sabiex jiġbed l-attenzjoni tas-semmiegħ fuq ir-reklam segwenti jew fuq aspetti oħra tas-servizzi koperti”.
23 Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li diġà ġie kkunsidrat li sinjal awdjo li kien ikkaratterizzat minn sempliċità eċċessiva u li kien limitat għas-sempliċi ripetizzjoni ta’ żewġ noti identiċi – f’dan il-każ ħoss li jixbah lil ringtone tat-telefon – ma setax, bħala tali, jittrażmetti messaġġ li l-konsumaturi jistgħu jiftakru, b’tali mod li dawn tal-aħħar ma jikkunsidrawhx bħala trade mark, sakemm ma jkunx kiseb karattru distintiv permezz tal-użu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Trade mark ta’ ħoss, T‑408/15, EU:T:2016:468, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 Madankollu, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, diversi elementi jippermettu li jitqies li l-karatteristiċi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’termini ta’ tul u ta’ reżonanza jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza iktar milli l-assenza ta’ karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 u tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 12 sa 18 iktar ’il fuq.
25 Fil-fatt, l-ewwel, fir-rigward tal-użanzi tas-settur ekonomiku inkwistjoni f’dan il-każ, huwa magħruf li l-operaturi preżenti fis-settur tat-trasport qed jirrikorru dejjem iktar għal “melodiji”, jiġifieri għal sensiela qasira ta’ ħsejjes, sabiex jifformaw identità tal-ħoss li tista’ tingħaraf mill-pubbliku, li tekwivali l-awdjo għall-identità viżiva ta’ trade mark, għall-prodotti u għas-servizzi assoċjati magħha. Tali trade marks ta’ ħoss jippermettu wkoll li jiddaħħlu jew li jkun hemm ukoll messaġġi intiżi għall-pubbliku rilevanti, kemm jekk fis-swali tal-ajruporti jew fuq il-pjattaformi tal-istazzjonijiet ferrovjarji u tal-karozzi tal-linja, għal finijiet ta’ reklamar jew b’rabta ma’ servizzi relatati. Dawn il-melodiji, li tagħhom ir-rikorrenti pprovdiet diversi eżempji (ara s-seba’ inċiż tal-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata), jippermettu li tinġibed l-attenzjoni tas-semmiegħa f’ambjent li xi drabi jista’ jkun storbjuż.
26 It-tieni, għandu jiġi rrilevat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tikkonsisti f’ħoss ta’ melodija li fiha hemm erba’ ħsejjes perċettibbli differenti (ara l-punt 2 iktar ’il fuq).
27 Il-ħoss tal-melodija li tikkomponi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma għandux rabta diretta mas-servizzi koperti minn din it-trade mark u ma jidhirx li huwa ddettat minn kunsiderazzjonijiet tekniċi jew funzjonali. Fil-fatt, dan il-ħoss ma jikkonsistix f’ħoss li normalment iseħħ waqt l-użu ta’ servizzi tat-trasport, bħal, pereżempju, ħoss ta’ meta tgħaddi l-metro jew il-ferrovija, jew ħoss ta’ tluq ta’ ajruplan. Bl-istess mod, ma huwiex stabbilit li l-ħoss tal-melodija li tifforma t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa diġà magħruf mill-pubbliku, u dan jippermetti li jiġi preżunt li dan huwa xogħol oriġinali.
28 F’dan il-kuntest, jista’ jiġi kkunsidrat li l-ħoss tal-melodija li tifforma t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni pjuttost għandu l-għan li jservi bħala melodija, jiġifieri, kif tenfasizza ġustament ir-rikorrenti, ta’ sekwenza ta’ ħoss qasira, li għandha impatt u li tista’ bħala tali tiġi mmemorizzata. Bl-istess mod, għandu jitqies li, minkejja l-qosor tagħha, li hija karatteristika speċifika tal-melodiji u hija intiża preċiżament sabiex tiffaċilita l-memorizzazzjoni tagħha, il-ħoss tal-melodija li tifforma t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu l-intenzjoni li jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku dwar l-oriġini kummerċjali tas-servizzi koperti minn din it-trade mark, konformement mal-użanzi tas-settur tat-trasport.
29 Tali evalwazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata, kif tosserva r-rikorrenti, mill-prassi deċiżjonali u d-direttivi dwar l-eżami quddiem l-EUIPO fil-qasam tat-trade marks ta’ ħoss.
30 Għalhekk, il-ħoss tal-melodija li tifforma t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu tul simili għal dak li jifforma t-trade mark tal-Unjoni Ewropea tal-ħoss tal-impriża ferrovjarja Ġermaniża, Deutsche Bahn AG, irreġistrata bin-numru 18800487 u li tista’ tinstema’ permezz tal-hyperlink segwenti (<EUIPO - eSearch>), u din il-melodija, bħal dik li tifforma t-trade mark tal-Unjoni Ewropea ta’ ħoss ta’ Deutsche Bahn, ma għandha xejn x’taqsam mas-servizzi ta’ trasport imsemmija. L-istess osservazzjonijiet jistgħu jsiru meta t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiġi pparagunata ma’ dik tal-impriża li topera l-Ajruport ta’ München, Flughafen München GmbH, irreġistrata bin-numru 17396102 u li tista’ tinstema’ permezz tal-hyperlink segwenti (<EUIPO - eSearch>).
31 Bl-istess mod, żewġ “[e]żempji ta’ trade marks aċċettati” [traduzzjoni mhux uffiċjali], esposti fil-punt 15 tal-Kapitolu 3 tat-Taqsima 4 tal-Parti B tal-linji gwida dwar l-eżami quddiem l-EUIPO, li, għalkemm ma għandhomx valur vinkolanti, jistgħu madankollu jikkostitwixxu sors ta’ riferiment fir-rigward tal-prassi tal-EUIPO fil-qasam tat-trade marks (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2022, Muschaweck vs EUIPO – Conze (UM), T‑293/21, EU:T:2022:345, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), huma rilevanti għall-evalwazzjoni tal-karatteristiċi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, dawn l-eżempji jindikaw li żewġ trade marks ta’ ħoss ġew aċċettati, li kienu komposti, rispettivament, minn “[s]ekwenza ta’ erba’ tonalitajiet differenti li inizjalment niżlu mar-raba’ tonalità qabel ma reġgħu telgħu u spiċċaw fin-nofs” u minn “l-ewwel żewġ noti iqsar ‘la’[,] inqas qawwijin min-nota segwenti itwal u ogħla ‘do’ […]”. Tali sekwenzi ta’ ħsejjes jistgħu jitqabblu ma’ dik li tifforma t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li, skont il-Bord tal-Appell, tinkludi erba’ ħsejjes perċettibbli.
32 Għaldaqstant, fid-dawl tal-karatteristiċi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’termini ta’ tul, ta’ melodija użata u ta’ ħsejjes perċettibbli kif ukoll tad-diversi indikazzjonijiet ipprovduti mill-EUIPO fil-passat fir-rigward tar-rwol li għandhom dawn il-karatteristiċi fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark ta’ ħoss li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li ma kienx hemm karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għar-raġuni li din kienet “qasira ħafna ([…] żewġ sekondi) u sempliċi ([…] erba’ ħsejjes perċettibbli) [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.
33 Tali evalwazzjoni tirriżulta li hija żbaljata kemm fir-rigward tal-użanzi tas-settur ikkonċernat, li għalih huwa importanti li wieħed ikun jista’ juża l-ħoss sabiex il-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jidentifika l-prodotti u s-servizzi ta’ impriża u sabiex b’hekk jifforma identità tal-ħoss li tista’ tingħaraf, kif ukoll tal-elementi li jikkaratterizzaw it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li mal-imsemmi pubbliku hija preċiżament intiża bħala melodija qasira u ta’ impatt, li tista’ tiġi mmemorizzata u li b’hekk tindika l-oriġini kummerċjali tas-servizzi inkwistjoni, li jkunu esklużivament assoċjati mar-rikorrenti. Minn din il-perspettiva, la t-tul tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u lanqas l-allegata “sempliċità” jew “banalità” tagħha, li fiha nnifisha ma tipprekludix li l-melodija korrispondenti tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta, ma huma ostakoli li huma suffiċjenti, bħala tali, sabiex jiġġustifikaw l-assenza ta’ kwalunkwe karattru distintiv.
34 It-tielet, il-Bord tal-Appell iwettaq żball ieħor meta, sabiex isostni l-evalwazzjoni tiegħu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma kellhiex karattru distintiv, huwa kkunsidra li din kellha “sempliċement rwol funzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
35 Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ trasport jew is-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġiera, il-Bord tal-Appell irrileva li “[kienet] użanza li tixxandar sekwenza qasira ta’ ħsejjes qabel ir-reklami[,] permezz ta’ loudspeaker[, ta’] informazzjoni dwar il-mezzi ta’ trasport, sabiex tinġibed l-attenzjoni tal-passiġġiera għar-reklam li [kien] isegwi wara l-melodija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li, peress li dawn ir-reklami huma ġeneralment imxandra f’ambjenti li fihom ħsejjes differenti, “ma [kienx] faċli għal min ikun qiegħed jisma’ li jiddistingwi r-reklam minn ħsejjes oħra fl-isfond” u li jassoċjah ma’ impriża speċifika qabel ma jkun imdorri bih.
36 F’dan il-każ, madankollu, bħalma tosserva r-rikorrenti, jirriżulta li, anki jekk jitqies li hemm lok li jiġi kkunsidrat wieħed mill-użi potenzjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kif jagħmel il-Bord tal-Appell, jiġifieri li jiġi invokat l-użu tagħha fi stazzjon sabiex jiġi mħabbar is-servizz ta’ trasport assoċjat, tali użu, anki jekk għandu rwol funzjonali, bl-ebda mod ma jipprekludi lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni milli teżerċita l-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-imsemmi servizz. Dan huwa saħansitra r-rwol tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’tali kuntest, peress li l-ħoss tal-melodija li tikkaratterizza din it-trade mark għandu preċiżament l-għan li jippermetti lill-pubbliku kkonċernat jiddistingwi dan is-servizz u l-impriża kkonċernata mis-servizzi l-oħra li jistgħu jiġu proposti lilu minn operaturi oħra li joperaw fis-settur tat-trasport.
37 Ir-raba’, fir-rigward tas-servizzi l-oħra koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li ma kinux jikkonċernaw direttament it-trasport, iżda aspetti li setgħu jiġu assoċjati miegħu, il-Bord tal-Appell qies li din it-trade mark lanqas ma setgħet tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha ta’ indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom, sa fejn “il-pubbliku rilevanti espost għal din is-suċċessjoni ta’ ħsejjes qosra ħafna u sempliċi fil-kuntest ta’ dawn is-servizzi […] [kien] jippreżupponi, l-iktar l-iktar, li l-ħoss [kien] marbut ma’ ċerti aspetti tas-servizz (pereżempju, il-bidu ta’ reklam) jew [li kien] użat sabiex jirreklama dawn is-servizzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 27 sa 36 iktar ’il fuq huma validi, mutatis mutandis, fir-rigward tal-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell dwar dawn is-servizzi l-oħra. B’mod partikolari, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, huwa diffiċli li wieħed jifhem, minn naħa, ma’ liema aspetti tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jista’ jintrabat il-ħoss tal-melodija li tifforma din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, kif il-fatt li s-sinjal ta’ ħoss li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jista’ jintuża fil-kuntest ta’ reklamar għal dawn is-servizzi jimmilita kontra r-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark.
38 Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma evalwax b’mod korrett il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.
39 Għaldaqstant, il-motiv uniku għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jiġi stabbilit l-użu pubbliċitarju ta’ diversi trade marks ta’ ħoss tal-Unjoni Ewropea relatati mas-settur tat-trasport preċedentement irreġistrati.
Fuq l-ispejjeż
40 Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
41 Peress li l-EUIPO tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑2 ta’ April 2024 (Każ R 2220/2023‑5) hija annullata.
2) L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż.
|
Marcoulli |
Tomljenović |
Spangsberg Grønfeldt |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Settembru 2025.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.