This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62024CJ0076
Judgment of the Court (Third Chamber) of 1 August 2025.#Tradeinn Retail Services S.L. v PH.#Request for a preliminary ruling from the Bundesgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling – Intellectual property – Trade marks – Directive (EU) 2015/2436 – Approximation of the laws of the Member States relating to trade marks – Article 10(3)(b) – Rights conferred by a trade mark – Right to prevent a third party from offering the goods, putting them on the market or stocking them for those purposes under the sign – Online trade – Goods offered for sale from a Member State other than that in which the mark is registered – Concept of ‘stocking’.#Case C-76/24.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-1 ta’ Awwissu 2025.
Tradeinn Retail Services S.L. vs PH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Trade marks – Direttiva (UE) 2015/2436 – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks – Artikolu 10(3)(b) – Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark – Dritt li jiġi pprojbit lil terz milli joffri, iqiegħed fis-suq jew ikollu fil-pussess tiegħu l-prodotti taħt is-sinjal għal dawn l-iskopijiet – Kummerċ online – Prodotti offruti għall-bejgħ minn Stat Membru differenti minn dak tar-reġistrazzjoni tat-trade mark – Kunċett ta’ ‘pussess’.
Kawża C-76/24.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-1 ta’ Awwissu 2025.
Tradeinn Retail Services S.L. vs PH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Trade marks – Direttiva (UE) 2015/2436 – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks – Artikolu 10(3)(b) – Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark – Dritt li jiġi pprojbit lil terz milli joffri, iqiegħed fis-suq jew ikollu fil-pussess tiegħu l-prodotti taħt is-sinjal għal dawn l-iskopijiet – Kummerċ online – Prodotti offruti għall-bejgħ minn Stat Membru differenti minn dak tar-reġistrazzjoni tat-trade mark – Kunċett ta’ ‘pussess’.
Kawża C-76/24.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:593
*A9* Bundesgerichtshof, Beschluss vom 23/01/2024 (I ZR 205/22)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Trade marks – Direttiva (UE) 2015/2436 – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks – Artikolu 10(3)(b) – Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark – Dritt li jiġi pprojbit lil terz milli joffri, iqiegħed fis-suq jew ikollu fil-pussess tiegħu l-prodotti taħt is-sinjal għal dawn l-iskopijiet – Kummerċ online – Prodotti offruti għall-bejgħ minn Stat Membru differenti minn dak tar-reġistrazzjoni tat-trade mark – Kunċett ta’ ‘pussess’”
Fil-Kawża C‑76/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑1 ta’ Frar 2024, fil-proċedura
Tradeinn Retail Services S.L.
vs
PH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin, N. Piçarra, O. Spineanu-Matei (Relatriċi) u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Spielmann,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal PH, minn T. Kiphuth u N. Tretter, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Němečková u G. von Rintelen, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Marzu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Tradeinn Retail Services S.L. (iktar ’il quddiem “TRS”) u PH, proprjetarju ta’ trade marks Ġermaniżi għal apparat u aċċessorji għall-għadis, dwar mandat ta’ inibizzjoni ta’ użu ta’ sinjali identiċi għal dawn it-trade marks għal aċċessorji għall-għadis. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2015/2436, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, jipprovdi: “1. Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklużivi b’rabta magħha. 2. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tad-domanda jew id-data ta’ prijorità tat-trade mark reġistrata, il-proprjetarju dik it-trade mark reġistrata għandu jkun intitolat li jimpedixxi li kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tuża fl-eżerċizzju tal-kummerċ, b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:
3. Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti taħt il-paragrafu 2:
[…]” |
Id‑dritt Ġermaniż
4 |
L-Artikolu 14(2) u (3) tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen – Markengesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Trade Marks u Sinjali Distintivi Oħra), tal‑25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3082), kif emendata mill-Gesetz zur Umsetzung der Richtlinie (EU) 2015/2436 des Europäischen Parlaments und des Rates vom 16. Dezember 2015 zur Angleichung der Rechtsvorschriften der Mitgliedstaaten über die Marken (Markenrechtsmodernisierungsgesetz) (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Trade Marks u Sinjali Distintivi Oħra), tal‑11 ta’ Diċembru 2018 (BGBl. 2018 I, p. 2357) (iktar ’il quddiem il-“MarkenG”), huwa intiż għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 10(2) sa (3) tad-Direttiva 2015/2436 fid-dritt Ġermaniż. |
5 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 14(2) tal-MarkenG, huwa pprojbit lit-terzi, fl-assenza tal-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, li jużaw fil-kummerċ, għal prodotti jew servizzi, sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom din hija protetta. |
6 |
Skont il-punti 1, 2 u 6 tal-Artikolu 14(3) tal-MarkenG, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jkunu ssodisfatti, huwa b’mod partikolari pprojbit li jitwaħħal sinjal identiku għat-trade mark inkwistjoni fuq prodotti jew fuq l-ippakkjar jew l-imballaġġ tagħhom, li jiġu offruti prodotti, li jitqiegħdu fis-suq jew il-pussess tagħhom għal dawn l-iskopijiet taħt is-sinjal, kif ukoll l-użu tas-sinjal f’karti tan-negozju jew fir-reklamar. |
7 |
L-Artikolu 14(5) tal-MarkenG jipprevedi: “Kull min juża sinjal bi ksur tal-paragrafi 2 sa 4 jista’ jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni kontrih mill-proprjetarju tat-trade mark, fil-każ ta’ riskju ta’ reċidiva. Dan id-dritt jeżisti wkoll meta ksur ikun mhedded li jseħħ għall-ewwel darba.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 |
PH hija l-proprjetarja taż-żewġ trade marks figurattivi Ġermaniżi li ġejjin, li jinkludu wkoll elementi verbali (iktar ’il quddiem it-“trade marks inkwistjoni”): |
9 |
It-trade marks inkwistjoni ġew irreġistrati mad-Deutsches Patent- und Markenamt (l-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u tat-Trade marks, il-Ġermanja) għal, fost oħrajn, tagħmir tal-għadis, ilbiesi tal-għadis, ingwanti tal-għadis, maskli tal-għadis u tagħmir respiratorju għall-għawm taħt l-ilma. |
10 |
TRS, li hija stabbilita fi Spanja, kienet tirreklama fuq is-sit tal-internet tagħha www.scubastore.com, kif ukoll fuq il-pjattaforma kummerċjali online www.amazon.de, għall-bejgħ tal-aċċessorji għall-għadis billi użat sinjali identiċi għat-trade marks inkwistjoni, b’mod partikolari permezz ta’ ritratti tal-prodotti b’dawn it-trade marks. |
11 |
PH adixxa lil-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth, il-Ġermanja) b’rikors intiż, b’mod partikolari, sabiex TRS tiġi pprojbita milli tuża sinjali identiċi għat-trade marks inkwistjoni fil-Ġermanja. PH talab b’mod partikolari li TRS tiġi pprojbita milli tpoġġi dawn is-sinjali fuq aċċessorji għall-għadis kif ukoll fuq l-ippakkjar jew l-imballaġġ tagħhom, milli toffri, timmanifattura, tiddistribwixxi jew b’xi mod ieħor tqiegħed fis-suq u milli tippromwovi jew ikollha fil-pussess tagħha għall-iskopijiet imsemmija iktar ’il fuq aċċessorji għall-għadis taħt l-imsemmija sinjali. |
12 |
Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Frar 2022, il-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth), wara li kkonstatat il-kunsens parzjali ta’ TRS għal dawn it-talbiet, iddeċidiet, b’mod partikolari, li tordna lil din tal-aħħar tieqaf toffri għall-bejgħ jew tippromwovi aċċessorji għall-għadis b’sinjali identiċi għat-trade marks inkwistjoni. |
13 |
Fuq appell ta’ PH, l-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Nürnberg, il-Ġermanja), permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2022, iddeċidiet li l-fatt li TRS kienet stabbilita fi Spanja u li hija kellha l-pussess f’dan l-Istat Membru tal-prodotti kkonċernati ma kienx jipprekludi li din l-impriża tiġi kkundannata għall-pussess illegali ta’ prodotti b’sinjali identiċi għal dawn it-trade marks sabiex toffrihom jew tqegħedhom fis-suq fil-Ġermanja. Din il-qorti ordnat lil TRS tieqaf toffri għall-bejgħ jew tippromwovi aċċessorji għall-għadis b’dawn is-sinjali “kif ukoll tiddistribwixxihom jew iżżommhom fil-pussess tagħha għal dan l-għan”. |
14 |
Sabiex tikkontesta din l-estensjoni tal-portata tal-ordni mogħtija fl-ewwel istanza, TRS ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
15 |
Skont din il-qorti, iż-żamma fil-pussess tal-prodotti sabiex jiġu offruti jew imqiegħda fis-suq, kif imsemmi fil-punt 2 tal-Artikolu 14(3) tal-MarkenG, tinkludi element materjali, li jikkonsisti fil-pussess u element intenzjonali, jiġifieri r-rieda li dawn il-prodotti jiġu introdotti fis-suq. |
16 |
Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436. |
17 |
Fl-ewwel lok, din il-qorti tenfasizza li, skont il-prinċipju ta’ territorjalità, il-protezzjoni ta’ trade mark irreġistrata fil-Ġermanja hija limitata għat-territorju ta’ dan l-Istat Membru u huma biss l-atti mwettqa f’dan it-territorju li jistgħu jiġu ssanzjonati. Hija tistaqsi jekk, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju ta’ territorjalità, l-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436 kienx jippermetti lill-proprjetarju ta’ trade mark protetta fi Stat Membru li jipprojbixxi lil terz milli jkollu fil-pussess tiegħu fi Stat Membru ieħor prodotti b’sinjal identiku għal din it-trade mark minħabba li dawn il-prodotti huma intiżi li jiġu offruti għall-bejgħ jew imqiegħda fis-suq fl-Istat Membru li fih l-imsemmija trade mark hija protetta. |
18 |
Skont l-imsemmija qorti, din id-dispożizzjoni tista’ tagħti lok għal żewġ interpretazzjonijiet. Skont l-ewwel interpretazzjoni, ibbażata fuq l-imsemmi prinċipju ta’ territorjalità, iż-żamma fil-pussess ta’ prodotti taħt dan is-sinjal fi Stat Membru differenti minn dak ta’ protezzjoni ma tippreġudikax it-trade mark ikkonċernata, u dan minkejja li din iż-żamma fil-pussess hija intiża sabiex dawn il-prodotti jiġu offruti għall-bejgħ jew jitqiegħdu fis-suq fl-Istat Membru ta’ protezzjoni. |
19 |
Skont it-tieni interpretazzjoni, il-preġudizzju għal trade mark nazzjonali iseħħ meta l-prodotti kkonċernati jinżammu fil-pussess fi Stat Membru differenti minn dak ta’ protezzjoni, bl-iskop li jiġu offruti għall-bejgħ jew li jitqiegħdu fis-suq, taħt l-imsemmi sinjal, fl-Istat Membru ta’ protezzjoni. |
20 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-użu tal-verb besitzen (pussess) fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni teżiġi li terz ikollu aċċess dirett għall-prodotti kkonċernati jew jekk huwiex biżżejjed li dan it-terz ikun jista’ jinfluwenza l-persuna li jkollha tali aċċess. |
21 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tesponi li, fid-dritt Ġermaniż, il-kunċett ta’ “Besitz” (pussess) jinkludi kemm “il-pussess dirett” kif ukoll il-“pussess indirett”. Il-pussess dirett jirreferi għal setgħa de facto fuq oġġett u jispiċċa meta l-possessur jabbanduna jew jitlef din is-setgħa de facto. Meta persuna jkollha pussess ta’ oġġett temporanjament bis-saħħa ta’ dritt jew obbligu fil-konfront ta’ terz, dan it-terz ikun ikklassifikat bħala “possessur indirett”. Għalhekk, meta bejjiegħ jagħti l-oġġett mibjugħ lil trasportatur, dan tal-aħħar isir il-possessur dirett u dan il-bejjiegħ isir il-possessur indirett tagħhom. |
22 |
Għalkemm, fid-dritt Ġermaniż, TRS tista’ għalhekk tiġi kklassifikata bħala possessur indirett, l-imsemmija qorti tiddubita kemm dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trade marks ma tużax fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha kliem li għandhom l-istess tifsira bħall-verb besitzen. Fil-fatt, ċerti verżjonijiet lingwistiċi jużaw kliem li jirrigwardaw, essenzjalment, il-ħażna iktar milli l-pussess, li jimplika l-eżistenza ta’ aċċess dirett għall-prodotti kkonċernati. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma teskludix li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi dedott li l-portata tal-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436 testendi għall-possessur indirett ta’ dawn il-prodotti. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
24 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark protetta fi Stat Membru jista’ jipprojbixxi lil terz milli jkollu fil-pussess tiegħu, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, prodotti taħt sinjal skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva sabiex joffri dawn il-prodotti għall-bejgħ jew iqegħedhom fis-suq fl-Istat Membru li fih din it-trade mark hija protetta. |
25 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck,292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tat‑8 ta’ Mejju 2025, L. (Spedizzjonijiet żgħar mhux kummerċjali),C‑405/24, EU:C:2025:335, punt 28). |
26 |
L-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436, moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jipprevedi li l-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jista’ jipprojbixxi lil kull terz, fl-assenza tal-kunsens tiegħu, milli juża fl-eżerċizzju tal-kummerċ, fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi, sinjal li jikser din it-trade mark, u li, fost l-użi li jistgħu għalhekk jiġu pprojbiti, hemm “l-offerta tal-oġġetti jew it-tqegħid tagħhom fis-suq, jew il-ħażna tagħhom għal dawk l-għanijiet taħt is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi taħt dan is-sinjal”. |
27 |
Kif jirriżulta minn din il-formulazzjoni, sabiex il-proprjetarju tal-imsemmija trade mark ikun jista’ jipprojbixxi l-pussess ta’ prodotti taħt dan is-sinjal, jeħtieġ li t-terz fil-pussess ta’ dawn il-prodotti jkollu huwa stess l-għan li joffri l-imsemmija prodotti jew li jqegħedhom fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany,C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 45). |
28 |
Għall-kuntrarju, l-imsemmija formulazzjoni ma tinkludix indikazzjoni espliċita fir-rigward tal-possibbiltà, għall-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru li jipprojbixxi l-pussess minn terz, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ta’ prodotti taħt l-imsemmi sinjal. |
29 |
Fir-rigward tal-kuntest li fih huwa inkluż l-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436, għandu jitfakkar li l-protezzjoni mogħtija mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali hija, bħala prinċipju, limitata għat-territorju tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni, b’tali mod li, bħala regola ġenerali, il-proprjetarju tagħha ma jistax jibbenefika minn din il-protezzjoni lil hinn minn dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger, C‑9/93, EU:C:1994:261, punt 22, kif ukoll tad‑19 ta’ April 2012, Wintersteiger,C‑523/10, EU:C:2012:220, punt 25). |
30 |
Fir-rigward tal-għan tad-dritt esklużiv mogħti mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2015/2436, dan huwa li jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark ikkonċernata jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprjetarju ta’ din it-trade mark, jiġifieri li jiżgura li din tal-aħħar tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet proprji tagħha. Għaldaqstant, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu għalhekk ikun irriżervat għall-każijiet li fihom l-użu ta’ sinjal minn terz jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club,C‑206/01, EU:C:2002:651, punti 50 sa 54). Fost dawn il-funzjonijiet ma hemmx biss il-funzjoni essenzjali tat-trade mark li hija dik li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat, iżda wkoll il-funzjonijiet l-oħra tagħha, bħal b’mod partikolari, dik li tiggarantixxi l-kwalità ta’ dan il-prodott jew ta’ dan is-servizz, jew dawk tal-komunikazzjoni, tal-investiment jew tar-reklamar (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Audi (Appoġġ għal emblema fuq grilja tar-radjatur),C‑334/22, EU:C:2024:76, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Dan l-għan u l-portata ġeografika tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark jimplikaw diversi konsegwenzi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436. |
32 |
Fl-ewwel lok, il-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali jista’ jipprojbixxi lil terz milli jqiegħed fis-suq, fl-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni, prodotti taħt is-sinjal li l-użu tiegħu jippreġudika din it-trade mark, filwaqt li huwa madankollu meqjus li tali prodotti ma humiex ikkunsidrati bħala li tqiegħdu fis-suq jekk ikunu jaqgħu taħt sistema doganali sospensiva bħal dik tat-tranżitu estern u ma ġewx irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2006, Montex Holdings,C‑281/05, EU:C:2006:709, punti 19 sa 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Fit-tieni lok, il-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali jista’ jipprojbixxi lil terz milli joffri, fit-territorju tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni, prodotti taħt dan is-sinjal. Il-proprjetarju jista’ għalhekk jopponi tali offerta, inkluż meta din tirrigwarda prodotti mqiegħda taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu estern, sa fejn din timplika neċessarjament ir-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ dawn il-prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2005, Class International,C‑405/03, EU:C:2005:616, punt 61). |
34 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jipprojbixxi lil terz milli joffri, b’mod partikolari permezz tar-reklamar online, prodotti taħt l-imsemmi sinjal, inkluż meta dan it-terz, is-server tas-sit internet li huwa juża jew dawn il-prodotti jkunu jinsabu barra mill-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni, jekk din l-offerta jew dan ir-reklamar ikunu intiżi għal konsumaturi li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Fil-fatt, li kieku kien mod ieħor, l-operaturi li jirrikorru għall-kummerċ elettroniku u li joffru lil konsumaturi li jinsabu f’dan it-territorju prodotti li jinsabu barra mill-imsemmi territorju, kienu jaħarbu minn kull obbligu li jirrispettaw id-drittijiet mogħtija minn din it-trade mark, u dan jippreġudika l-effett utli tal-protezzjoni ggarantita mid-Direttiva 2015/2436 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punti 62 u 63 kif ukoll tas‑6 ta’ Frar 2014, Blomqvist,C‑98/13, EU:C:2014:55, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li s-sempliċi aċċessibbiltà ta’ sit internet fit-territorju tal-Istat Membru li fih it-trade mark ikkonċernata hija protetta ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-offerti għall-bejgħ indikati fuq dan is-sit huma intiżi għall-konsumaturi li jinsabu f’dan it-territorju. Il-qrati nazzjonali għandhom jevalwaw fuq bażi ta’ każ b’każ jekk ikunux jeżistu indizji rilevanti sabiex jiġi konkluż li offerta għall-bejgħ indikata fuq sit internet jew fuq pjattaforma għall-bejgħ online, li huwa aċċessibbli fl-imsemmi territorju, tkunx maħsuba għall-konsumaturi li jinsabu fih. Waħda minn dawn l-indizji hija l-indikazzjoni, f’din l-offerta, ta’ preċiżazzjonijiet dwar iż-żoni ġeografiċi li lilhom it-terz ikkonċernat ikun lest li jibgħat il-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal,C‑324/09, EU:C:2011:474, punti 64 u 65). |
36 |
Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, l-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436 jippermetti lill-proprjetarju ta’ trade mark jipprojbixxi lil terz, mhux biss milli joffri u jqiegħed fis-suq prodotti taħt sinjal li l-użu tiegħu jippreġudika din it-trade mark, iżda wkoll “il-ħażna tagħhom għal dawk l-għanijiet”, kif tfakkar fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-pussess minn terz ta’ tali prodotti biss jekk dan ikun jikkostitwixxi prerekwiżit għal offerta jew għal tqegħid fis-suq li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jipprojbixxi. |
37 |
Issa, kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jipprojbixxi lil terz milli joffri, b’mod partikolari permezz tar-reklamar online, prodotti taħt dan is-sinjal, minkejja l-fatt li dan it-terz, is-server tas-sit internet li huwa juża jew dawn il-prodotti jinsabu barra mill-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni, jekk din l-offerta tkun intiża għal konsumaturi li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. F’tali sitwazzjoni, dan il-proprjetarju huwa wkoll awtorizzat jipprojbixxi lill-imsemmi terz milli jkollu fil-pussess tiegħu l-imsemmija prodotti barra minn dan it-territorju jekk dan il-pussess ikun jikkostitwixxi stadju qabel il-ħruġ ta’ tali offerta jew għall-implimentazzjoni tagħha, b’tali mod li l-pussess jista’ jitqies li twettaq għal dan l-għan. |
38 |
F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-pjattaforma ta’ kummerċ online www.amazon.de tidher, fl-assenza ta’ provi kuntrarji, intiża għal konsumaturi li jinsabu fit-territorju kopert mit-trade marks inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof, C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740, punt 83, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal,C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 66). Għaldaqstant, l-offerti għal bejgħ li jinsabu fuq din il-pjattaforma u msemmija fil-kawża prinċipali, jaqgħu, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436. |
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark protetta fi Stat Membru jista’ jipprojbixxi lil terz milli jkollu fil-pussess tiegħu, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, prodotti taħt sinjal skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva sabiex joffri dawn il-prodotti għall-bejgħ jew iqegħedhom fis-suq fl-Istat Membru li fih din it-trade mark hija protetta. |
Fuq it-tieni domanda
40 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun hemm “pussess”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, prodott taħt sinjal skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, huwa neċessarju li jkun hemm il-kontroll dirett u effettiv ta’ dan il-prodott, jew, jekk huwiex suffiċjenti li wieħed ikollu setgħa ta’ kontroll jew ta’ direzzjoni fuq il-persuna li jkollha l-kontroll dirett u effettiv tal-imsemmi prodott. |
41 |
Din il-qorti esponiet li d-dubji li jiġġustifikaw it-tieni domanda tagħha joriġinaw minn diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan l-Artikolu 10(3)(b). Il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-“pussess” ta’ prodott ma jimplikax neċessarjament li jkun hemm aċċess għalih, filwaqt li verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija dispożizzjoni jużaw espressjonijiet li jissuġġerixxu l-kuntrarju. |
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-verżjonijiet tal-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436 bil-lingwa Ġermaniża (besitzen), Franċiża (détenir) u Rumena (deținute) jirreferu għall-pussess, verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni jużaw espressjonijiet li jirreferu għall-idea ta’ żamma fil-pussess jew ta’ ħażna, bħal dawk użati fil-lingwa Spanjola (almacenar), Daniża (oplagre), Taljana (stoccare) jew Svediża (lagra). Dawn l-espressjonijiet tal-aħħar jistgħu għalhekk jimplikaw li l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża għaż-żamma fil-pussess ta’ numru ta’ prodotti, filwaqt li l-espressjoni “pussess” ma tissuġġerixxix tali aspett kwantitattiv u għandha sens iktar wiesa’. |
43 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas,C‑372/88, EU:C:1990:140, punt 19, u tat‑8 ta’ Mejju 2025, Pielatak,C‑410/23, EU:C:2025:325, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza stabbilita). Barra minn hekk, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lil dik li hija ta’ natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (sentenzi tal‑24 ta’ Frar 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 21, u tat‑23 ta’ Novembru 2023, EVN Business Service et, C‑480/22, EU:C:2023:918, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Minkejja l-varjazzjonijiet lingwistiċi msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436, kull espressjoni lingwistika, kemm jekk tirreferi mingħajr ambigwità għall-pussess kif ukoll jekk tirreferi minflok għall-idea ta’ żamma fil-pussess jew ta’ ħażna, timplika li għandu jkun hemm setgħa de facto, u għalhekk ċertu kontroll, fuq il-prodotti kkonċernati. Fi kwalunkwe każ, kif tfakkar mill-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni taqa’ fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jipprovdu lill-proprjetarju ta’ trade mark strument legali li jippermettilu jipprojbixxi, u b’hekk iwaqqaf kull aġir ta’ terz li jagħmel użu minn sinjal skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, kull terz li għandu l-kontroll, dirett jew indirett, tal-att li jikkostitwixxi l-użu għandu jitqies li huwa effettivament f’pożizzjoni li jwaqqaf dan l-aġir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany,C‑567/18, EU:C:2020:267, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Minn dan isegwi li l-kelma “pussess” li tinsab fl-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436 tkopri mhux biss il-każijiet li fihom it-terz għandu l-kontroll dirett u effettiv tal-prodotti kkonċernati iżda wkoll dawk li fihom għandu kontroll indirett, iżda madankollu effettiv, ta’ dawn il-prodotti sa fejn ikollu setgħa ta’ kontroll jew ta’ direzzjoni fuq il-persuna li jkollha l-kontroll dirett u effettiv tagħhom. |
46 |
Li kieku din id-dispożizzjoni kienet applikabbli biss għal terz li jkollu direttament il-kontroll effettiv tal-prodotti kkonċernati, kien ikun impossibbli għall-proprjetarju tat-trade mark li jitlob il-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra operatur ekonomiku li, mingħajr il-kunsens tiegħu, sabiex joffri jew iqiegħed dawn il-prodotti fis-suq, jagħtihom lil fornitur ta’ servizzi sabiex dan tal-aħħar jiżgura, għal dawn il-finijiet, servizzi bħall-ħażna jew it-trasport tal-imsemmija prodotti. Tali interpretazzjoni hija, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, inkompatibbli mal-għan tad-Direttiva 2015/2436 u ċċaħħad il-protezzjoni li din tiggarantixxi minn parti mill-effett utli tagħha. |
47 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2015/2436 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun hemm “pussess”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, prodott taħt sinjal skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, huwa suffiċjenti li wieħed ikollu setgħa ta’ kontroll jew ta’ direzzjoni fuq il-persuna li jkollha l-kontroll dirett u effettiv ta’ dan il-prodott. |
Fuq l-ispejjeż
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.