EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0523

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ April 2012.
Wintersteiger AG vs Products 4U Sondermaschinenbau GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni f’materji ta’ ‘delitt jew kważi delitt’ — Determinazzjoni tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż jew fejn aktarx iseħħ — Sit tal-internet ta’ fornitur ta’ servizz ta’ riferiment li jopera taħt isem ta’ top-level domain nazzjonali ta’ Stat Membru — Użu, minn min jirreklama, ta’ kelma prinċipali identika għal trade mark irreġistrata fi Stat Membru ieħor.
Kawża C‑523/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:220

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ April 2012 ( *1 )

“Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni f’materji ta’ ‘delitt jew kwasi delitt’ — Determinazzjoni tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż jew fejn aktarx iseħħ — Sit tal-internet ta’ fornitur ta’ servizz ta’ riferiment li jopera taħt isem ta’ top-level domain nazzjonali ta’ Stat Membru — Użu, minn min jirreklama, ta’ kelma prinċipali identika għal trade mark irreġistrata fi Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C-523/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Novembru 2010, fil-proċedura

Wintersteiger AG

vs

Products 4U Sondermaschinenbau GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Wintersteiger AG, minn E. Boesch, avukat,

għal Products 4U Sondermaschinenbau GmbH, minn J. Steinschnack, avukat,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn A. Henshaw, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Wintersteiger AG (iktar ’il quddiem “Wintersteiger”), stabbilita fl-Awstrija, u Products 4U Sondermaschinenbau GmbH (iktar ’il quddiem “Products 4U”), stabbilita fil-Ġermanja, dwar it-talba ta’ Wintersteiger intiża sabiex twaqqaf lil Products 4U milli tuża t-trade mark Awstrijaka “Wintersteiger” bħala kelma prinċipali fuq is-sit tal-internet tal-fornitur ta’ servizz ta’ riferiment bil-ħlas.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 44/2001

3

Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan huwa intiż, fl-interess tal-operat tajjeb tas-suq intern, sabiex jiġu implementati “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament”.

4

Il-premessa 11 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li:

“Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.”

5

Il-premessa 12 tal-imsemmi regolament tipprovdi li:

“B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

6

L-Artikolu 2(1) tal-istess regolament jinsab taħt is-Sezzjoni 1 tiegħu, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali” u huwa inkluż fil-Kapitolu II, huwa stess intitolat “Ġurisdizzjoni”. Dan l-artikolu jipprovdi li:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 1 tiegħu, jgħid is-segwenti:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

8

Skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, li jifforma parti mis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[...]

3)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt [f’materji ta’ delitt jew kważi delitt], fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[...]”.

Id-Direttiva 2008/95/KE

9

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, (ĠU L 299, p. 25), intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, jgħid dan li ġej:

“It-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

a)

kwalunkwe sinjal li jkun identiku għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata;

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Wintersteiger hija impriża stabbilita fl-Awstrija li tipproduċi u tikkummerċjalizza mad-dinja kollha magni għall-manutenzjoni ta’ skis u snowboards, kif ukoll partijiet ta’ bdil (spare parts) u aċċessorji relatati mal-istess. Hija ilha l-proprjetarja tat-trade mark Awstrijaka Wintersteiger mill-1993.

11

Products 4U, li s-sede tagħha tinsab fil-Ġermanja, tiżviluppa u tikkummerċjalizza hija wkoll magni għall-manutenzjoni ta’ skis u snowboards. Hija tbigħ, fost oħrajn, aċċessorji għal magni ta’ produtturi oħra, b’mod partikolari għal dawk ta’ Wintersteiger. Dawn l-aċċessorji, li Products 4U ssejjaħ “Wintersteiger-Zubehör” (“aċċessorji Wintersteiger”) ma humiex immanifatturati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u ma humiex awtorizzati minnha. Bħal din tal-aħħar, Products 4U teżerċita l-attivitajiet tagħha mad-dinja kollha u tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha wkoll fl-Awstrija.

12

Fl-1 ta’ Diċembru 2008, Products 4U rriżervat il-kelma prinċipali (“AdWord”) “Wintersteiger” fil-kuntest tas-sistema pubbliċitarja żviluppata mill-fornitur ta’ servizz ta’ riferiment fuq l-internet Google. Sussegwentement għal din l-iskrizzjoni, limitata għat-top-level domain nazzjonali Ġermaniż ta’ Google, jiġifieri s-sit tal-internet “google.de”, l-utent tal-internet li jdaħħal il-kelma prinċipali “Wintersteiger” fil-mutur ta’ tfittxija ta’ dan is-servizz ta’ riferiment kien jikseb, bħala l-ewwel riżultat ta’ tfittxija, link lejn is-sit tal-internet ta’ Wintersteiger. Madankollu, it-tfittxija ta’ dan it-terminu kienet tagħti wkoll, fuq in-naħa tal-lemin tal-iskrin, taħt it-titolu “Anzeige” (“reklam”), reklam pubbliċitarju ta’ Products 4U. It-test ta’ dan ir-reklam kellu t-titolu, b’sing taħtu u bil-blu, “Skiwerkstattzubehör” (“materjal għal-workshops għat-tiswija ta’ skis”). Dan kien jinkludi, barra minn hekk, fuq żewġ linji, il-kliem “Ski und Snowboardmaschinen” (“magni għal skis u snowboards”) kif ukoll “Wartung und Reparatur” (“manutenzjoni u tiswija”). L-aħħar linja ta’ dan ir-reklam kien jindika, b’ittri ħodor, l-indirizz tal-internet ta’ Products 4U. Billi jikklikkja fuq it-titolu “Skiwerkstattzubehör” (“materjal għal-workshops għat-tiswija ta’ skis”), l-utent kien jiġi dirett lejn l-offerta ta’ “Wintersteiger Zubehör” (“aċċessorji Wintersteiger”) fuq is-sit tal-internet ta’ Products 4U. Ir-reklam pubbliċitarju fuq is-sit “Google.de” bl-ebda mod ma jippreċiża n-nuqqas ta’ kwalunkwe rabta ekonomika bejn Wintersteiger u Products 4U. Din tal-aħħar, barra minn hekk, ma daħħlet l-ebda reklam pubbliċitarju marbut mat-terminu ta’ tfittxija “Wintersteiger” fuq it-top-level domain nazzjonali Awstrijak ta’ Google, jiġifieri s-sit tal-internet “google.at”.

13

Billi tqis li, permezz tar-reklam impoġġi fuq is-sit “google.de”, Products 4U wettqet vjolazzjoni tat-trade mark Awstrijaka tagħha, Wintersteiger ressqet azzjoni għall-inibizzjoni mill-użu quddiem il-qrati Awstrijaċi. Għal dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba tagħha, Wintersteiger ibbażat ruħha fuq l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Hija fil-fatt sostniet li s-sit “google.de” seta’ jiġi kkonsultat ukoll fl-Awstrija u li dan is-servizz ta’ riferiment kien offrut bil-lingwa Ġermaniża.

14

Products 4U kkontestat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi kif ukoll, sussidjarjament, l-eżistenza ta’ vjolazzjoni tat-trade mark Wintersteiger. Skont din il-kumpannija, is-sit “google.de” huwa indirizzat esklużivament lill-utenti Ġermaniżi, u għalhekk ir-reklam ikkontestat kien intiż unikament għall-klijenti Ġermaniżi.

15

Il-qorti tal-ewwel istanza kkunsidrat li għalkemm is-sit “google.de” seta’ jiġi kkonsultat fl-Awstrija permezz tal-internet, is-sit “google.de” kien, sa fejn Google kienet qed toffri servizzi permezz ta’ siti tal-internet li joperaw taħt ismijiet ta’ top-level domain nazzjonali, intiż biss għall-Ġermanja b’mod li l-qrati Awstrijaċi ma kellhomx il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba mressqa minn Wintersteiger. Min-naħa l-oħra, il-qorti tal-appell irrikonoxxiet il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha iżda kkunsidrat li Wintersteiger ma kienet il-proprjetarja ta’ ebda dritt u, għaldaqstant, ċaħdet it-talba tagħha.

16

L-Oberster Gerichtshof, li quddiemha ġie ppreżentat rikors għal “Reviżjoni”, tistaqsi lilha nfisha f’liema kundizzjonijiet ir-reklam magħmul, permezz tal-użu tat-trade mark Awstrijaka Wintersteiger fuq is-sit tal-internet li jopera taħt isem ta’ top-level domain “.de” jista’ jagħti lok għall-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjoni għall-inibizzjoni mill-użu ta’ trade mark Awstrijaka. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)   Il-frażi ‘post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq’ fl-Artikolu 5(3) [tar-Regolament Nru 44/2001] meta jkun ikkonstatat preġudizzju, ikkawżat minn persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor, għal trade mark tal-Istat tal-forum bl-użu ta’ keyword (AdWord) li hija identika għal dik it-trade mark f’mutur ta’ tfittxija tal-internet, li toffri s-servizzi tagħha f’diversi top-level domains nazzjonali, għandha tiġi interpretata fis-sens,

a)

li l-ġurisdizzjoni hija stabbilita biss fil-każ meta l-keyword tintuża fis-sit tal-mutur ta’ tfittxija li t-top-level domain tiegħu huwa dak tal-Istat tal-forum;

b)

li l-ġurisdizzjoni hija stabbilita biss mill-fatt li s-sit tal-internet tal-mutur ta’ tfittxija li fuqu tintuża l-keyword jista’ jiġi kkonsultat fl-Istat tal-forum;

c)

li l-ġurisdizzjoni tiddependi, minbarra l-possibbiltà li s-sit tal-internet jiġi kkonsultat, mir-realizzazzjoni ta’ kundizzjonijiet addizzjonali?

2)   Fil-każ ta’ tweġiba pożittiva għad-domanda [1(c)]:

Skont liema kriterji għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-każ tal-użu ta’ trade mark tal-Istat tal-forum bħala keyword (AdWord) fuq is-sit tal-internet ta’ mutur ta’ tfittxija b’top-level domain nazzjonali li ma jkunx dak tal-Istat tal-forum, il-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) [tar-Regolament Nru 44/2001] hijiex stabbilita?”

Fuq id-domandi preliminari

17

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, skont liema kriterji għandha tiġi ddeterminata, fid-dawl tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ kawża dwar il-vjolazzjoni allegata ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru minħabba l-użu, minn min jirreklama, ta’ kelma prinċipali identika għall-imsemmija trade mark fuq is-sit tal-internet ta’ mutur ta’ tfittxija li jopera taħt top-level domain differenti minn dak tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark.

18

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali stabbilita, b’deroga mill-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut, fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn l-ilment u l-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż, u li għalhekk tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C-509/09 u C-161/10, Ġabra p. I-10269, punt 40).

19

Għandu jitfakkar ukoll li l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 tirrigwarda fl-istess ħin kemm il-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu kif ukoll il-post fejn seħħ l-aġir li kkawża dan id-dannu, b’mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenza eDate Advertising et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Dawn iż-żewġ postijiet jistgħu jikkostitwixxu rabta sinjifikattiva mill-perspettiva tal-ġurisdizzjoni, peress li kull wieħed minnhom jista’, skont iċ-ċirkustanzi, jipprovdi indikazzjoni partikolarment utli f’dak li jirrigwarda l-prova u l-organizzazzjoni tal-proċess (sentenza eDate Advertising et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

Il-post fejn id-dannu mmaterjalizza ruħu

21

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-post fejn id-dannu mmaterjalizza ruħu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li dan il-post huwa dak fejn il-fatt li jista’ jagħti lok għal responsabbiltà minħabba delitt jew kważi delitt irriżulta f’dannu (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie, C-189/08, Ġabra p. I-6917, punt 26).

22

Fil-kuntest tal-internet, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li fil-każ ta’ ksur allegat tad-drittijiet tal-personalità permezz ta’ informazzjoni mqiegħda online fuq sit tal-internet, il-persuna li tqis lilha nnifisha leża għandha l-għażla li tressaq azzjoni għad-danni, abbażi tad-dannu kkawżat kollu kemm hu, quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha (sentenza eDate Advertising et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

23

Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat f’din l-okkażjoni, il-kriterju taċ-ċentru tal-interessi tal-persuna leża huwa konformi mal-għan ta’ previdibbiltà tar-regoli tal-ġurisdizzjoni sa fejn jippermetti, fl-istess ħin, kemm li r-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li fiha jista’ jibda proċedura legali kif ukoll li l-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik il-qorti li fiha huwa jista’ jiġi mfittex (sentenza eDate Advertising et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

24

Issa, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 20 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-evalwazzjoni, imwettqa fil-kuntest partikolari tal-ksur tad-drittijiet tal-personalità, ma tistax tapplika wkoll għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni għal dak li jirrigwarda l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bħal dawk allegati fil-kawża prinċipali.

25

Fil-fatt, kuntrarjament għas-sitwazzjoni ta’ persuna li tqis lilha nfisha leża fid-drittijiet tagħha tal-personalità, li huma protetti fl-Istati Membri kollha, il-protezzjoni mogħtija mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali hija, bħala prinċipju, limitata għat-territorju tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni, b’mod li, bħala regola ġenerali, il-proprjetarju tagħha ma jistax jibbenefika mill-imsemmija protezzjoni barra minn dan it-territorju.

26

Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk l-użu, għal raġunijiet pubbliċitarji, ta’ sinjal identiku għat-trade mark nazzjonali fuq is-sit tal-internet li jopera biss taħt top-level domain nazzjonali differenti minn dak tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark jikkostitwixxix effettivament vjolazzjoni tagħha taqa’ taħt l-eżami tal-mertu tar-rikors li l-qorti kompetenti ser twettaq fid-dawl tad-dritt applikabbli.

27

Għal dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ vjolazzjoni allegata ta’ trade mark nazzjonali f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi kkunsidrat li kemm l-għan ta’ previdibbiltà kif ukoll dak ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jargumentaw favur attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, fir-rigward tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, lill-qrati tal-Istat Membru li fih id-dritt inkwistjoni huwa protett.

28

Fil-fatt, il-qrati tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni huma dawk li jistgħu jevalwaw l-aħjar, fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/95 mogħtija, b’mod partikolari, fis-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C-236/08 sa C-238/08, Ġabra p. I-2417, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C-324/09, Ġabra p. I-6011, jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, teżistix effettivament vjolazzjoni tat-trade mark nazzjonali protetta. Dawn il-qrati jistgħu jieħdu konjizzjoni, minn naħa, tad-dannu kollu allegatament ikkawżat lill-proprjetarju tad-dritt protett minħabba l-ksur fil-konfront tiegħu u, min-naħa l-oħra, ta’ talba intiża għall-waqfien ta’ kull ksur tal-imsemmi dritt.

29

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li kawża dwar il-vjolazzjoni ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru minħabba l-użu, minn min jirreklama, ta’ kelma prinċipali identika għall-imsemmija trade mark fuq is-sit tal-internet ta’ mutur ta’ tfittxija li jopera taħt top-level domain nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor tista’ titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih it-trade mark hija rreġistrata.

Il-post fejn seħħ l-aġir li kkawża d-dannu

30

It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-post fejn seħħ l-aġir li kkawża l-vjolazzjoni allegata ta’ trade mark nazzjonali minħabba l-użu ta’ kelma prinċipali identika għall-imsemmija trade mark f’mutur ta’ tfittxija li jopera taħt top-level domain nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor, għandu jiġi osservat li l-limitazzjoni territorjali tal-protezzjoni ta’ trade mark nazzjonali ma hijiex ta’ natura li teskludi l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati li ma humiex dawk tal-Istat Membru li fih l-imsemmija trade mark hija rreġistrata.

31

Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi jsir riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (sentenza eDate Advertising et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), fosthom l-għan ta’ previdibbiltà tal-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni u dak li tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri.

32

Huwa paċifiku li l-post fejn seħħ l-aġir li kkawża d-dannu allegat jista’ jikkostitwixxi rabta sinjifikattiva mill-perspettiva tal-ġurisdizzjoni, peress li jista’ jagħti indikazzjoni partikolarment utli għal dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni tal-prova u l-organizzazzjoni tal-proċeduri.

33

F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-utilità tal-indikazzjoni mogħtija mill-post fejn seħħ l-aġir li kkawża d-dannu tikkonsisti b’mod partikolari fil-faċilità li biha l-qorti ta’ dan il-post tista’ tiġbor il-provi dwar l-imsemmi aġir.

34

Fil-każ ta’ vjolazzjoni allegata ta’ trade mark nazzjonali rreġistrata fi Stat Membru minħabba l-wiri, fuq is-sit tal-internet ta’ mutur ta’ tfittxija, ta’ reklam permezz tal-użu ta’ kelma prinċipali identika għall-imsemmija trade mark, l-aġir li kkawża d-dannu ma għandux jiġi kkunsidrat li huwa l-wiri tar-reklam fih innifsu, iżda l-attivazzjoni, minn min jirreklama, tal-proċedura teknika għall-wiri, skont parametri speċifiċi, tar-reklam li huwa ħoloq għall-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess.

35

Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-direttiva li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, huwa min jirreklama, li għażel il-kelma prinċipali identika għat-trade mark, li jkun għamel użu minnha f’tranżazzjonijiet kummerċjali u mhux il-fornitur tas-servizz ta’ riferiment (sentenza Google France u Google, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 u 58). Il-fatt li jagħti lok għall-ksur eventwali tad-dritt tat-trade marks jinsab għalhekk fl-aġir tal-persuna li qed tirreklama li tkun użat is-servizz ta’ riferiment għall-komunikazzjoni kummerċjali tagħha stess.

36

Ċertament, l-attivazzjoni tal-proċedura teknika għall-wiri ta’ reklam mill-persuna li qed tirreklama ssir, fl-aħħar mill-aħħar, fuq server li jappartjeni lill-operatur tal-mutur ta’ tfittxija użat mill-persuna li qed tirreklama. Madankollu, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ previdibbiltà li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni jridu josservaw, il-post fejn huwa stabbilit dan is-server ma jistax, minħabba l-lokalizzazzjoni inċerta tiegħu, jiġi kkunsidrat bħala dak fejn seħħ l-aġir li kkawża d-dannu għall-bżonnijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

37

Min-naħa l-oħra, peress li huwa post ċert u identifikabbli, kemm għar-rikorrent kif ukoll għall-konvenut, u li huwa, minħabba dan, ta’ natura li jiffaċilita l-amministrazzjoni tal-prova u l-organizzazzjoni tal-proċeduri, għandu jiġi deċiż li l-post fejn hija stabbilita l-persuna li qed tirreklama huwa dak fejn ġiet deċiża l-attivazzjoni tal-proċedura għall-wiri tar-reklam.

38

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li kawża dwar il-vjolazzjoni allegata ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru minħabba l-użu, minn min jirreklama, ta’ kelma identika għall-imsemmija trade mark fuq is-sit tal-internet ta’ mutur ta’ tfittxija li jopera taħt isem ta’ top-level domain nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor tista’ titressaq ukoll quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-post fejn hija stabbilita l-persuna li qed tirreklama.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li kawża dwar il-vjolazzjoni ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru minħabba l-użu, minn min jirreklama, ta’ kelma identika għall-imsemmija trade mark fuq is-sit tal-internet ta’ mutur ta’ tfittxija li jopera taħt top-level domain nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor tista’ titressaq kemm quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih it-trade mark hija rreġistrata kif ukoll quddiem dawk tal-Istat Membru tal-post fejn hija stabbilita l-persuna li qed tirreklama.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li kawża dwar il-vjolazzjoni ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru minħabba l-użu, minn min jirreklama, ta’ kelma identika għall-imsemmija trade mark fuq is-sit tal-internet ta’ mutur ta’ tfittxija li jopera taħt top-level domain nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor tista’ titressaq kemm quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih it-trade mark hija rreġistrata kif ukoll quddiem dawk tal-Istat Membru tal-post fejn hija stabbilita l-persuna li qed tirreklama.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top