Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0231

    Kawża T-231/23: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Mejju 2023 – Akgün Seramik et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 223, 26.6.2023, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 223/38


    Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Mejju 2023 – Akgün Seramik et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-231/23)

    (2023/C 223/51)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Akgün Seramik Sanayi ve Ticaret AŞ (Pazaryeri, Türkiye) u 14-il parti oħra (rappreżentanti: F. Di Gianni, A. Scalini u G. Coppo, avukati)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/265 tad-9 ta’ Frar 2023 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fl-Indja u fit-Turkija (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”) sa fejn huma kkonċernati r-rikorrenti;

    tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċeduri.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li r-regolament ikkontestat kiser l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”) sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni kienet sofriet dannu materjali.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li r-regolament ikkontestat kiser l-Artikolu 3(6) tar-regolament bażiku sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni dominanti.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li r-regolament ikkontestat kiser l-Artikolu 4(1) tar-regolament bażiku sa fejn il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tad-dannu mhux ibbażata fuq il-proporzjoni maġġuri tal-produzzjoni totali tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-regolament bażiku, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tal-Ftehim Antidumping tal-WTO.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li r-regolament ikkontestat kiser l-Artikolu 2(9) u 2(10) tar-regolament bażiku sa fejn (i) il-Kummissjoni b’mod żbaljat naqqset il-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u l-qliegħ tan-negozjant relatat ma’ Bien & Qua mill-prezz tal-esportazzjoni, u alternattivament (ii) il-Kummissjoni, billi ma applikatx l-istess tnaqqis fuq il-valur normali, naqset milli twettaq paragun ġust.


    (1)  ĠU 2023 L 41, p. 1, rettifika fil-ĠU L 116, 4.5.2023, p. 27.

    (2)  ĠU 2016 L 176, p. 21.


    Top