Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0686

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-3 ta’ April 2025.
Centre d’étude et de valorisation des algues SA (CEVA) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Programm speċifiku ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku fil-qasam tar-riċerka tar-riżorsi ħajjin – Proġett SEAPURA – Kuntratt ta’ sussidju – Rapport ta’ awditu tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Skoperta ta’ frodi jew ta’ irregolaritajiet finanzjarji – Talba għar-rimbors tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea – Nota ta’ debitu – Kreditu tal-Unjoni – Preskrizzjoni – Kuntratt irregolat mid-dritt Belġjan – Ftuħ, fi Franza, ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward tad-debitur – Dikjarazzjoni ta’ kreditu mill-Kummissjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Applikazzjoni diretta – Interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt id-dritt Belġjan.
Kawża C-686/23 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:240

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

3 ta’ April 2025 (*)

“Appell – Programm speċifiku ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku fil-qasam tar-riċerka tar-riżorsi ħajjin – Proġett SEAPURA – Kuntratt ta’ sussidju – Rapport ta’ awditu tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Skoperta ta’ frodi jew ta’ irregolaritajiet finanzjarji – Talba għar-rimbors tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea – Nota ta’ debitu – Kreditu tal-Unjoni – Preskrizzjoni – Kuntratt irregolat mid-dritt Belġjan – Ftuħ, fi Franza, ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward tad-debitur – Dikjarazzjoni ta’ kreditu mill-Kummissjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Applikazzjoni diretta – Interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt id-dritt Belġjan”

Fil-Kawża C‑686/23 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑16 ta’ Novembru 2023,

Centre d’étude et de valorisation des algues SA (CEVA), stabbilit fi Pleubian (Franza), irrappreżentat minn A. Raccah, avocat,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Estrada de Solà u M. Ilkova, bħala aġenti, assistiti minn E. Bouttier, avocat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

SELARL AJIRE, stabbilita f’Rennes (Franza),

SELARL TCA, stabbilita f’Saint-Brieuc (Franza),

konvenuti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn S. Rodin (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, iċ-centre d’étude et de valorisation des algues SA (CEVA) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs CEVA et (T‑748/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2023:521) li permezz tagħha din stabbilixxiet għas-somma ta’ EUR 168 220.16, flimkien mal-interessi moratorji, l-ammont tal-kreditu tal-Kummissjoni Ewropea li jikkorrispondi għar-rimbors tas-sussidji mħallsa fil-kuntest tal-kuntratt ta’ finanzjament konkluż maċ-CEVA għall-implimentazzjoni ta’ proġett fil-kuntest tal-programm speċifiku ta’ riċerka u ta’ żvilupp intitolat “Kwalità tal-ħajja u ġestjoni tar-riżorsi ħajjin” (iktar ’il quddiem il-“kreditu kontenzjuż”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        L-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), intitolat “L-istabbiliment ta’ l-ammonti riċevibbli” kien jipprevedi, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti relatati ma’ dan l-appell, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Stabbiliment ta’ ammont riċevibbli huwa l-att li bih l-uffiċjal awtorizzanti b’delega jew b’sud-delega:

(a)      jivverifika li d-dejn jeżisti;

(b)      jiddetermina jew jivverifika ir-realtà u l-ammont tad-dejn;

(ċ)      jivverifika l-kondizzjonijiet li fihom id-dejn ikun dovut.

2.      Ir-riżori tagħha kif disponibbli mill-Kummissjoni u xi ammont riċevibbli li huwa identifikat bħala li jkun ċert, ta’ ammont fiss u dovut għandu jkun stabbilit b’ordni ta’ rkupru lejn l-uffiċjal tal-kontijiet segwit b’nota ta' debitu mibgħuta lid-debitur, it-tnejn imħejjija mill-uffiċjal awtorizzanti kif ikun responsabbli.

3.      L-ammonti mħallsa ħażin għandhom ikunu rkuprati”.

3        L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, kien jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

2.      Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor”.

4        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000, intitolat “Liġi applikabbli”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-[proċedura ta’ insolvenza] għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’ mod partikolari:

[...]

(f)      l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali, bl-eċċezzjoni ta’ kawżi pendenti;

[...]”

5        L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipju”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment mogħti minn qorti ta’ Stat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 għandu jkun magħruf fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat li jiftaħ il-proċedimenti”.

6        L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, intitolat “Effetti ta’ għarfien”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) għandu, mingħajr aktar formalitajiet, jipproduċi l-istess effetti f’xi Stat Membru ieħor hekk kif jagħmel b’din il-liġi ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti, sa kemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor u sa kemm l-ebda proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(2) ma jkunux nfteħu f’xi Stat Membru ieħor”.

 Id-dritt Belġjan

7        L-Artikolu 1134 tal-code civil (il-Kodiċi Ċivili) Belġjan, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti relatati ma’ dan l-appell (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili Belġjan”), kien jipprovdi:

“Il-kuntratti magħmula legalment għandhom ikunu liġi għal dawk li jkunu għamluhom.

[...]

Dawn għandhom jiġu eżegwiti in bona fide”.

8        Skont l-Artikolu 2257 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan:

“Il-preskrizzjoni ma tibdiex tiddekorri:

Fir-rigward ta’ kreditu li jiddependi fuq kundizzjoni sakemm tintlaħaq il-kundizzjoni;

[...]”

9        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2262bis(1) tal-Kodiċi Ċivili Belġjan:

“L-azzjonijiet personali kollha huma preskritti wara għaxar snin”.

 Id‑dritt Franċiż

10      L-Artikolu L.622‑21‑I tal-code de commerce (il-Kodiċi tal-Kummerċ) Franċiż, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti relatati ma’ dan l-appell (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż”), kien jipprevedi:

“Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tinterrompi jew tipprojbixxi kull azzjoni ġudizzjarja min-naħa tal-kredituri kollha li l-kreditu tagħhom ma jissemmiex fil-paragrafu I tal-Artikolu L.622 ‑17 u intiża:

1°      għall-kundanna tad-debitur għall-ħlas ta’ somma flus;

2°      għar-rexxissjoni ta’ kuntratt minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ somma flus”.

11      L-Artikolu L622‑24 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż kien jipprovdi kif ġej:

“Mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, il-kredituri kollha li l-kreditu tagħhom inħoloq qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ, bl-eċċezzjoni tal-impjegati, għandhom jindirizzaw id-dikjarazzjoni tal-krediti tagħhom lir-rappreżentant ġudizzjarju fit-termini stabbiliti b’digriet fil-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat). Meta l-kreditur ikun ġie meħlus mill-esklużjoni konformement mal-Artikolu L.622–26, it-termini jibdew jiddekorru biss min-notifika ta’ dik id-deċiżjoni; imbagħad jitnaqqsu bin-nofs. Il-kredituri li għandhom garanzija ppubblikata jew marbuta mad-debitur permezz ta’ kuntratt ippubblikat għandhom jiġu avżati personalment jew, jekk ikun il-każ, fl-indirizz għan-notifika. It-terminu ta’ dikjarazzjoni jibda jiddekorri fir-rigward tagħhom min-notifika ta’ din it-twissija.

[...]”

12      L-Artikolu L.622‑25‑I ta’ dan il-kodiċi kien jipprevedi:

“Id-dikjarazzjoni ta’ kreditu tinterrompi l-preskrizzjoni sakemm tingħalaq il-proċedura; hija teżenta minn kull intimazzjoni u tikkostitwixxi att ta’ prosekuzzjoni”.

 Il-kuntratt Seapura

13      L-Artikolu 2(1) tal-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u ċ-CEVA fis‑17 ta’ Jannar 2001, li kellu bħala għan l-implimentazzjoni ta’ proġett fil-kuntest tal-programm speċifiku ta’ riċerka u żvilupp intitolat “Kwalità tal-ħajja u ġestjoni tar-riżorsi ħajjin” (iktar ’il quddiem il-“proġett Seapura”) u li kien jipprevedi l-ħlas ta’ sussidju fl-ammont ta’ EUR 123 735 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt Seapura”), jipprevedi:

“It-tul tal-proġett huwa ta’ 36 xahar li jibda mill‑1 ta’ Frar 2001”.

14      L-Artikolu 5(1) u (2) tal-kuntratt Seapura jipprovdi:

“1.      Il-kuntratt huwa rregolat mid-dritt Belġjan.

2.      Il-[Qorti Ġenerali] u, fil-każ ta’ appell, il-[Qorti tal-Ġustizzja] biss għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwim bejn l-[Unjoni Ewropea], minn naħa, u l-partijiet kontraenti, min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-validità, l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-kuntratt”.

15      L-Artikolu 3(5) tal-Anness II ta’ dan il-kuntratt jistipula:

“Wara d-data ta’ konklużjoni tal-kuntratt, it-tħassir tal-kuntratt jew it-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ parti kontraenti, il-Kummissjoni tista’ tordna jew għandha tordna, skont il-każ, mingħand il-parti kontraenti, minħabba frodi jew irregolaritajiet finanzjarji serji kkonstatati fil-kuntest ta’ awditu, ir-rimbors tal-kontribuzzjoni Komunitarja kollha li tkun tħallsitilha. [...]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

16      Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 2 sa 22 tas-sentenza appellata.

17      Fis‑17 ta’ Jannar 2001, il-Kummissjoni kkonkludiet maċ-CEVA l-kuntratt Seapura, li kien jipprevedi l-ħlas ta’ sussidju fl-ammont ta’ EUR 123 735.

18      Matul is-sena 2006, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fetaħ investigazzjoni minħabba suspetti ta’ frodi fir-rigward ta’ diversi proġetti implimentati miċ-CEVA, fosthom il-proġett Seapura.

19      Fil‑11 ta’ Diċembru 2007, l-OLAF adotta r-rapport definittiv tiegħu dwar din l-investigazzjoni (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAF”), li fih ikkonstata irregolaritajiet li jikkonsistu, b’mod partikolari, f’falsifikazzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet tal-ħinijiet tax-xogħol tal-persunal taċ-CEVA.

20      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni informat liċ-CEVA li, minħabba irregolaritajiet finanzjarji serji kkonstatati fir-rapport tal-OLAF, hija kellha l-intenzjoni li toħroġ fir-rigward tiegħu noti ta’ debitu fl-ammont ta’ EUR 123 735, somma miżjuda bl-interessi, għall-finijiet tal-ħlas lura tas-sussidju mħallas taħt il-kuntratt Seapura.

21      Fit‑13 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni bagħtet liċ-CEVA erba’ noti ta’ debitu għal ammont totali ta’ EUR 168 220.16 (iktar ’il quddiem in-“noti ta’ debitu”).

22      Fit‑12 ta’ Ġunju 2009, peress li ċ-CEVA ma aġixxiex fuq in-noti ta’ debitu jew għall-ittri ta’ tfakkir mibgħuta mill-Kummissjoni fil‑11 ta’ Mejju 2009, din tal-aħħar bagħtitlu erba’ ittri ta’ intimazzjoni.

23      Fis‑17 ta’ Lulju 2009, iċ-CEVA ppreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, intiż għall-annullament ta’ dawn l-ittri ta’ tfakkira.

24      Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, CEVA vs Il‑Kummissjoni (T‑285/09, EU:T:2011:479), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli.

25      Permezz ta’ sentenza tat-tribunal correctionnel de Rennes (il-Qorti Kriminali ta’ Rennes, Franza) tas‑26 ta’ April 2011, iċ-CEVA u l-ex direttur tiegħu nstabu ħatja ta’ frodi kif ukoll ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u kkundannati, rispettivament, għal multa ta’ EUR 80 000 u għal piena sospiża ta’ priġunerija ta’ 18‑il xahar. Fid-deċiżjoni tagħha dwar l-azzjoni ċivili eżerċitata mill-Kummissjoni, dik il-qorti kkundannat lill-akkużati, parzjalment in solidum, iħallsu lill-Kummissjoni s-somma ta’ EUR 303 631 bħala kumpens għad-dannu materjali subit, b’mod partikolari minħabba l-irregolaritajiet finanzjarji mwettqa fl-implimentazzjoni tal-kuntratt Seapura.

26      Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ April 2014, il-cour d’appel de Rennes (il-Qorti tal-Appell ta’ Rennes, Franza) ħelset liċ-CEVA u lill-ex direttur tiegħu mill-kapijiet kollha ta’ akkuża u ċaħdet l-azzjoni ċivili tal-Kummissjoni.

27      Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, l-Awla Kriminali tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), annullat dik is-sentenza tal‑1 ta’ April 2014 biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tagħha li ddikjaraw il-ħelsien tal-akkużati mill-kap ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u f’dan ir-rigward bagħtet il-kawża lura quddiem il-cour d’appel de Caen (il-Qorti tal-Appell ta’ Caen, Franza).

28      Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, it-tribunal de commerce de Saint-Brieuc (il-Qorti Kummerċjali ta’ Saint-Brieuc, Franza) fetħet proċedura ta’ insolvenza msejħa “ta’ salvagwardja” fir-rigward taċ-CEVA (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ salvagwardja”) u ħatret lis-SELARL TCA bħala rappreżentant ġudizzjarju.

29      Fil‑15 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ salvagwardja, iddikjarat kreditu li jikkorrispondi għall-ammont totali tan-noti ta’ debitu maħruġa sabiex tikseb il-ħlas lura tas-sussidji, fosthom dawk imħallsa taħt il-kuntratt Seapura, għal somma prinċipali ta’ EUR 289 012.95, flimkien mal-interessi moratorji, jiġifieri, b’kollox, EUR 431 002.18.

30      Fis‑6 ta’ Diċembru 2016, TCA kkontestat il-kreditu tal-Kummissjoni.

31      Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2017, it-tribunal de commerce de Saint-Brieuc (il-Qorti Kummerċjali ta’ Saint-Brieuc) stabbilixxiet il-pjan ta’ salvagwardja taċ-CEVA u ħatret lil SELARL AJIRE bħala amministratur għall-eżekuzzjoni tal-pjan ta’ salvagwardja.

32      Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Awwissu 2017, li saret definittiva, il-cour d’appel de Caen (il-Qorti tal-Appell ta’ Caen), li ddeċidiet fuq rinviju wara l-kassazzjoni, ħelset liċ-CEVA mill-kap ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u kkundannat lill-ex direttur tiegħu għal piena sospiża ta’ sena priġunerija u għal multa ta’ EUR 20 000 għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

33      Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Settembru 2017, l-imħallef superviżorju fil-proċedura ta’ salvagwardja ċaħad fl-intier tagħha d-dikjarazzjoni ta’ kreditu tal-Kummissjoni.

34      Il-Kummissjoni appellat minn dan id-digriet.

35      Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, il-cour d’appel de Rennes (il-Qorti tal-Appell ta’ Rennes) annullat l-imsemmi digriet u kkonstatat l-eżistenza ta’ żewġ kontestazzjonijiet serji dwar id-dikjarazzjoni ta’ kreditu tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-preskrizzjoni u tal-fondatezza tan-noti ta’ debitu, filwaqt li qieset li dawn il-kontestazzjonijiet kellhom jiġu deċiżi mill-qorti kompetenti, u li kienet il-Kummissjoni li kellha tadixxi lil din tal-aħħar.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

36      Fid‑19 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat rikors kontra ċ-CEVA, TCA u AJIRE, ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE, skont il-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-kuntratt Seapura, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-kreditu tagħha li jikkorrispondi għar-rimbors tas-sussidji mogħtija liċ-CEVA fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt.

37      Waqt is-seduta li nżammet fil‑11 ta’ Novembru 2022 quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni indikat li r-rikors tagħha ma kienx jirrigwarda lil TCA u AJIRE u li hija ma kinitx qiegħda titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn tal-aħħar kienu obbligati jirrimborsaw is-somom imħallsa fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt Seapura, aspett li l-Qorti Ġenerali ħadet nota tiegħu fil-punt 97 tas-sentenza appellata.

38      Għad-difiża tiegħu, iċ-CEVA sostna, l-ewwel, li t-talba tal-Kummissjoni kienet preskritta, it-tieni, li l-investigazzjoni tal-OLAF ma kinitx tirrigwarda l-proġett Seapura u li r-rapport tal-OLAF ma kienx stabbilixxa li l-irregolaritajiet li huwa kien identifika kienu twettqu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt Seapura, it-tielet, li l-kapijiet ta’ akkuża ta’ frodi jew ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi ma kinux inżammu kontrih mill-qrati kriminali Franċiżi u, ir-raba’, li, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka proċeduri mibdija fi Franza abbażi tad-dritt Franċiż, filwaqt li l-kuntratt Seapura kien irregolat mid-dritt Belġjan.

39      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 30 sa 59 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni mqajma miċ-CEVA.

40      Wara li kkonstatat li l-kwistjoni tal-preskrizzjoni eventwali tat-talba tal-Kummissjoni kienet irregolata mid-dritt Belġjan, li jipprovdi li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien, f’dan il-każ, ta’ għaxar snin, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 40 u 41 tal-imsemmija sentenza, li l-eżiġibbiltà tal-kreditu tal-Unjoni kienet suġġetta għal talba għal rimbors minn qabel ifformulata mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura. Hija qieset li d-data ta’ din it-talba kienet tikkorrispondi, f’dan il-każ, għal dik li fiha dik l-istituzzjoni kienet bagħtet in-noti ta’ debitu liċ-CEVA, jiġifieri t‑13 ta’ Marzu 2009, mingħajr ma ċ-CEVA ressqet argumenti partikolari li jippermettu li jiġi stabbilit li l-kreditu kien sar eżiġibbli qabel din id-data. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 46 tal-istess sentenza, li d-data tal-preskrizzjoni tal-kreditu tal-Unjoni kienet, skont id-dritt Belġjan, bħala prinċipju l‑14 ta’ Marzu 2019.

41      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li d-dikjarazzjoni ta’ kreditu ppreżentata mill-Kummissjoni fil‑15 ta’ Settembru 2016 fil-kuntest tal-proċedura ta’ salvagwardja kienet interrompiet il-preskrizzjoni.

42      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, minn naħa, li, skont id-dritt Franċiż, id-dikjarazzjoni ta’ kreditu tinterrompi l-preskrizzjoni sal-għeluq tal-proċedura. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat li, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, il-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftuħ, l-iżvolġiment u l-għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza, kif ukoll l-effetti ta’ din il-proċedura fuq l-azzjonijiet legali individwali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li, konformement mal-Artikolu 16(1) u mal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, kull deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza għandha tiġi rrikonoxxuta fl-Istati Membri kollha u għandha tipproduċi l-effetti tagħha mingħajr ebda formalità oħra. Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-ftuħ, fi Franza, tal-proċedura ta’ salvagwardja fir-rigward taċ-CEVA u d-dikjarazzjoni ta’ kreditu magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ salvagwardja kienu pproduċew, skont id-dritt Franċiż u b’mod partikolari skont l-Artikolu L.622‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż, effetti fid-dritt Belġjan u, b’mod iktar preċiż, li din id-dikjarazzjoni ta’ kreditu kienet interrompiet it-terminu ta’ preskrizzjoni tat-talba tal-Kummissjoni, b’tali mod li din ma kinitx preskritta fid-data li fiha kienet ġiet ippreżentata.

43      Fit-tieni lok, fil-punti 66 sa 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet fuq il-mertu, ivverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx fondata tinvoka r-rapport tal-OLAF sabiex titlob mingħand iċ-CEVA l-ħlas lura tas-somom kollha li kienu tħallsu lilha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt Seapura.

44      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, fil-punti 70 u 71 ta’ dik is-sentenza, li l-investigazzjoni tal-OLAF dwar iċ-CEVA kienet tinkludi żewġ aspetti, l-ewwel waħda dwar l-ispejjeż diretti u t-tieni waħda dwar il-fondi strutturali, u kienet tirrigwarda żewġ tipi ta’ aġir li qajmu suspetti, jiġifieri, l-ewwel, falsifikazzjoni tad-dokumenti ta’ ġestjoni tal-ħin tax-xogħol tal-persunal u, it-tieni, il-plaġjariżmu ta’ dokumenti xjentifiċi fil-kuntest tad-diversi proġetti eżegwiti miċ-CEVA.

45      Min-naħa l-oħra, fil-punti 72 sa 74 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rapport tal-OLAF, peress li ma identifikax id-dokumenti xjentifiċi li tagħhom kien hemm plaġjariżmu allegat fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, ma kienx stabbilixxa l-eżistenza ta’ plaġjariżmu. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li dan ir-rapport kien ikkonkluda li kien hemm irregolaritajiet finanzjarji serji fir-rigward tal-proġetti kollha fdati liċ-CEVA, inkluż il-proġett Seapura. Hija kkunsidrat li minn dan kien jirriżulta, l-ewwel, li l-OLAF kien stabbilixxa l-eżistenza ta’ irregolaritajiet finanzjarji serji li jirrigwardaw id-dokumenti ta’ ġestjoni tal-ħin tax-xogħol tal-persunal taċ-CEVA u, it-tieni, li dawn id-dokumenti kienu s-suġġett ta’ falsifikazzjoni f’dawn il-proġetti kollha, u dan b’mod deliberat u sistematiku. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument taċ-CEVA bbażat fuq allegata assenza ta’ rabta mal-proġett Seapura tal-irregolaritajiet ikkonstatati fir-rapport tal-OLAF.

46      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 81 sa 88 tas-sentenza appellata, eżaminat l-effett tal-proċeduri kriminali quddiem il-qrati Franċiżi, sa fejn iċ-CEVA sostna, għad-difiża tiegħu, li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża t-talba tagħha fuq in-natura allegatament frawdolenti tal-ġestjoni tas-sussidju li kien ingħatalha, minkejja li finalment kien ġie lliberat mill-kapijiet ta’ akkuża ta’ frodi u ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 87 ta’ dik is-sentenza, li l-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura kien jissuġġetta r-rimbors tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-proġett Seapura biss għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ frodi jew ta’ irregolaritajiet finanzjarji serji fil-kuntest ta’ awditu, mingħajr ma kien jissuġġetta dan ir-rimbors għal kundanna kriminali jew għal klassifikazzjoni kriminali tal-fatti inkwistjoni Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 88 tal-imsemmija sentenza, li l-ħelsien taċ-CEVA ma kellux effett fuq l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kuntrattwali.

47      Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet, fil-punti 89 sa 95 tas-sentenza appellata, l-argument taċ-CEVA bbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali sa fejn l-effetti ta’ proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Franza ma jistgħux jipproduċu effetti fid-dritt Belġjan. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 93 ta’ dik is-sentenza, li hija kienet ġiet adita abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ abbażi tal-Artikolu 272 TFUE u li hija kellha tiddeċiedi t-tilwima abbażi tad-dritt sostantiv applikabbli għall-kuntratt, u b’mod partikolari tar-Regolament Nru 1346/2000, li abbażi tiegħu ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż jipproduċu l-effetti tagħhom fid-dritt Belġjan. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet fondata tinvoka, abbażi tar-Regolament Nru 1346/2000, l-effetti fid-dritt Belġjan tal-proċedura ta’ insolvenza mibdija fi Franza.

48      Abbażi ta’ dawn il-motivi kollha, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tal-Kummissjoni u ffissat l-ammont tal-kreditu kontenzjuż għas-somma ta’ EUR 168 220.16, flimkien mal-interessi.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

49      Iċ-CEVA jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

50      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonferma s-sentenza appellata, u

–        tikkundanna liċ-CEVA għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

51      Insostenn tal-appell tiegħu, iċ-CEVA jinvoka żewġ aggravji, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeterminat it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja tal-Kummissjoni b’mod żbaljat, u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

 Fuq l-ewwel aggravju

52      L-ewwel aggravju huwa dirett kontra l-punti 42 sa 59 tas-sentenza appellata u jinkludi erba’ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

53      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, iċ-CEVA jsostni li, billi qieset id-data tal-ħruġ tan-noti ta’ debitu bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

54      Fl-ewwel lok, iċ-CEVA jsostni li, f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq l-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura, filwaqt li din id-dispożizzjoni kuntrattwali tirrigwarda biss il-possibbiltà li jitwettaq awditu finanzjarju.

55      Fit-tieni lok, iċ-CEVA jqis li, minn naħa, fid-dawl tal-Artikolu 2(1) tal-kuntratt Seapura u tal-Artikolu 7(2) tal-Anness II ta’ dan il-kuntratt, dan intemm fit‑12 ta’ Ottubru 2004. Min-naħa l-oħra, konformement mad-dritt Belġjan, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum li fih jitnissel id-dritt għal azzjoni li huwa suġġett għal dan it-terminu, liema jum jikkorrispondi għal dak li fih l-obbligu li huwa s-suġġett tal-azzjoni kellu jiġi eżegwit.

56      Għalhekk, skont iċ-CEVA, interpretazzjoni korretta tal-kuntratt Seapura u tad-dritt Belġjan għandha twassal sabiex jitqies li l-kreditu kontenzjuż sar eżiġibbli mill-produzzjoni tar-riċerki msemmija f’dan il-kuntratt. Iċ-CEVA jżid li, skont l-Artikolu 7(6) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura, il-Kummissjoni setgħet titlob ir-rimbors tal-kontribuzzjoni finanzjarja billi tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u r-riżultat tax-xogħlijiet imwettqa. Abbażi ta’ dawn l-elementi, huwa jqis li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst mid-dritt Belġjan għandu jiġi stabbilit għat‑13 ta’ Ottubru 2004, b’tali mod li dan it-terminu skada fit‑13 ta’ Ottubru 2014.

57      Iċ-CEVA jsostni li din il-parti ma tikkostitwixxix argument ġdid, b’tali mod li hija ammissibbli, peress li huwa qajjem argumenti simili quddiem il-Qorti Ġenerali, bħalma jsegwi mir-risposta tiegħu u mill-punti 48 sa 58 tal-kontroreplika tiegħu fl-ewwel istanza.

58      Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, sa fejn iċ-CEVA, minn naħa, ma sostnietx quddiem il-Qorti Ġenerali li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni kellu jiġi ffissat għat-tmiem tal-kuntratt Seapura. Min-naħa l-oħra, iċ-CEVA ammetta quddiem il-Qorti Ġenerali li d-data li fiha n-noti ta’ debitu ntbagħtulu mill-Kummissjoni kienet tikkorrispondi għal dik li fiha l-kreditu kontenzjuż kien sar eżiġibbli, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri l-għada ta’ din id-data. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li “ċ-CEVA ma ressaqx argumenti speċifiċi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-kreditu kien sar dovut qabel it‑13 ta’ Marzu 2009”.

59      Fil-każ li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju kellha titqies ammissibbli, il-Kummissjoni ssostni li din hija, fi kwalunkwe każ, infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi u għall-argumenti ttrattati fl-ewwel istanza. Għalhekk, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ilment li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li dan ikun ifisser li din il-parti titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, b’tilwima iktar estiża minn dik li tkun ħadet konjizzjoni tagħha l-Qorti Ġenerali (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Jiangsu Seraphim Solar System u Il‑Kunsill vs Jiangsu Seraphim Solar System u Il‑Kummissjoni, C‑439/20 P u C‑441/20 P, EU:C:2023:211, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan il-każ, iċ-CEVA jsostni li huwa indirizza “l-problema tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni” fir-risposta tiegħu u li huwa “ta dettalji” dwar ir-raġunament tiegħu fil-punti 48 sa 58 tar-“risposta ta’ talba” tiegħu, b’tali mod li huwa ppreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali motiv dwar il-preskrizzjoni tat-talba tal-Kummissjoni.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li argument bħal dak imressaq fil-kuntest ta’ din il-parti ma jirriżulta minn ebda waħda mis-sottomissjonijiet bil-miktub taċ-CEVA quddiem il-Qorti Ġenerali.

63      Fil-fatt, fil-punti 48 sa 56 tar-risposta tiegħu kif ukoll fil-punti 48 sa 58 tal-kontroreplika tiegħu, iċ-CEVA allega li d-dejn kontenzjuż kien preskritt minħabba l-fatt li, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, ebda interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma tista’ tiġi aċċettata. Min-naħa l-oħra, iċ-CEVA ma kkontestax li l-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu kien jikkorrispondi għad-data tal-ħruġ tan-noti ta’ debitu.

64      Għall-kuntrarju, fil-punt 56 tar-risposta tiegħu u fil-punt 58 tal-kontroreplika tiegħu, iċ-CEVA indika espressament li, “[b]’mod definittiv, in-noti ta’ debitu tat‑12 ta’ Marzu 2009 għandhom jitqiesu li jagħtu bidu għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 10 snin, skont id-dritt Belġjan”.

65      Minn dan jirriżulta li l-aggravju, f’din l-ewwel parti, ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali meta bbażat ruħha fuq id-data tal-ħruġ tan-noti ta’ debitu u mhux fuq id-data tat-tmiem tal-kuntratt sabiex tiddetermina l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, jikkostitwixxi aggravju ġdid.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell hija inammissibbli.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

67      Iċ-CEVA jsostni li, billi ddeċidiet, fil-punti 39 sa 44 tas-sentenza appellata, li kreditu kuntrattwali seta’ jitnissel minn nota ta’ debitu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

68      F’dan ir-rigward, iċ-CEVA ssostni li, konformement mal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, minn naħa, in-noti ta’ debitu la jikkostitwixxu deċiżjonijiet amministrattivi li jistgħu jiġu kkontestati u lanqas titoli eżekuttivi u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma għandhiex, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha, id-dritt li tadotta atti unilaterali ta’ natura deċiżjonali fil-konfront tal-kontraenti tagħha. Minn dan iċ-CEVA jikkonkludi li l-Kummissjoni ma setgħetx tadotta att unilaterali intiż għall-irkupru ta’ kreditu kuntrattwali mingħajr ma qabel tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ tali kreditu mill-qorti kompetenti.

69      Il-Kummissjoni twieġeb li t-tieni parti tal-ewwel aggravju taċ-CEVA għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70      Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din il-parti, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-kreditu kontenzjuż, data wara t‑13 ta’ Ottubru 2004.

71      Issa, bħalma ġie rrilevat fil-punti 63 u 64 ta’ din is-sentenza, huwa ma kkontestax quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda, għall-kuntrarju, ammetta quddiemha, li l-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu kien jikkorrispondi għad-data tal-ħruġ tan-noti ta’ debitu, jiġifieri t‑12 ta’ Marzu 2009.

72      Għaldaqstant, l-aggravju bbażat, f’din it-tieni parti, fuq l-aspett li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma kkunsidratx li l-imsemmi terminu kien beda jiddekorri qabel din id-data tal-aħħar, jikkostitwixxi aggravju ġdid.

73      Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha wkoll tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

74      Iċ-CEVA jsostni, qabelxejn, li, billi ddeċidiet li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-kreditu kontenzjuż kien ġie interrott bid-dikjarazzjoni tal-kreditu fil-kuntest tal-proċedura ta’ salvagwardja, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

75      F’dan ir-rigward, iċ-CEVA jikkontesta l-eżistenza tal-kreditu kontenzjuż, li l-Kummissjoni ma tistax turi permezz tas-sempliċi produzzjoni tan-noti ta’ debitu jew tad-dikjarazzjoni ta’ kreditu. Iċ-CEVA jfakkar li dan il-kreditu ġie miċħud permezz tad-digriet tal-imħallef kummissarju tal‑11 ta’ Settembru 2017, imsemmi fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, u jallega li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx il-kreditu tagħha quddiem il-qorti kompetenti. Barra minn hekk, din id-dikjarazzjoni ta’ kreditu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ salvagwardja miftuħa fi Franza hija skont iċ-CEVA mingħajr effett fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni ċivili rregolata mid-dritt Belġjan. Billi kkunsidrat li r-Regolament Nru 1346/2000 jippermetti l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ kreditu li ma kienx dovut fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ salvagwardja, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

76      Barra minn hekk, fir-replika tiegħu, iċ-CEVA jsostni li, anki jekk jiġi aċċettat li l-ftuħ ta’ proċedura ta’ salvagwardja jista’ jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni, l-att li jinterrompi għandu jirriżulta minn tfakkira formali tal-kreditu, li ma tistax tkun ikkostitwita, bħal f’dan il-każ, min-noti ta’ debitu.

77      Barra minn hekk, il-proċedura ta’ salvagwardja nfetħet biss fit‑22 ta’ Ġunju 2016, filwaqt li l-kreditu tal-Kummissjoni ġie preskritt matul is-sena 2014. Minn dan isegwi, skont iċ-CEVA, li d-dikjarazzjoni ta’ kreditu ppreżentata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura ma setgħetx tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni, peress li, fid-data ta’ din id-dikjarazzjoni, dan it-terminu kien skada.

78      Barra minn hekk, skont iċ-CEVA, billi qieset li l-preskrizzjoni kienet ġiet interrotta b’taħrika għad-dehra quddiem il-qrati kriminali Franċiżi maħruġa fil-konfront tiegħu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, sa fejn “id-dritt Belġjan la jipprevedi l-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni, u lanqas l-applikazzjoni tat-termini ta’ azzjoni pubblika Belġjani għall-proċeduri mibdija fi Stat ieħor”.

79      Fil-fatt, iċ-CEVA jsostni li mill-ġurisprudenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) isegwi li interruzzjoni permezz ta’ taħrika tibbenefika biss lil dak li ta lok għall-att li jinterrompi. F’dan il-każ, ma hijiex il-Kummissjoni, iżda l-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż li adixxa lill-qorti kriminali Franċiża. Barra minn hekk, minn din il-ġurisprudenza jsegwi wkoll li taħrika tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni “għat-talba li hija tressaq u għat-talba li s-suġġett tagħha huwa prattikament inkluż fit-taħrika”, li jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni s-suġġett tat-talba. Issa, f’dan il-każ, l-azzjoni pubblika fi Franza kellha bħala suġġett il-kapijiet ta’ akkuża ta’ frodi u ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, filwaqt li t-talba tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda r-rimbors tas-sussidji mogħtija liċ-CEVA.

80      Fl-aħħar nett, iċ-CEVA jsostni li, konformement mad-dritt Belġjan, fi kwalunkwe każ, l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni titqies bħala bla effett jekk it-talba tar-rikorrent tiġi miċħuda. Issa, l-azzjoni ċivili tal-Kummissjoni quddiem il-qrati kriminali Franċiżi ġiet miċħuda.

81      Il-Kummissjoni targumenta li t-tielet parti tal-ewwel aggravju hija parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

82      F’dan ir-rigward, hija tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Artikolu L.622–25–1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż adottata miċ-CEVA.

83      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, ġustament, li d-dikjarazzjoni ta’ kreditu magħmula fil-kuntest tal-proċedura ta’ salvagwardja kellha, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1346/2000, effett ta’ interruzzjoni fl-Istati Membri kollha. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li d-dritt Belġjan jirrikonoxxi l-istess effett ta’ interruzzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu.

84      Fir-rigward tal-argument taċ-CEVA li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li t-taħrika li ġiet innotifikata lilha sabiex tidher quddiem il-qrati kriminali Franċiżi interrompiet it-terminu ta’ preskrizzjoni, il-Kummissjoni ssostni li dan huwa inammissibbli, peress li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar din il-kwistjoni.

85      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-preskrizzjoni tal-kreditu inkwistjoni ġiet interrotta bil-kostituzzjoni ta’ parti ċivili tal-Unjoni Ewropea quddiem il-qorti kriminali Franċiża fl‑2011 u ġiet sospiża sat‑23 ta’ Awwissu 2017, data tal-għeluq tal-proċeduri kriminali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

86      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument taċ-CEVA li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien ġie interrott bit-taħrika għad-dehra quddiem il-qrati kriminali Franċiżi maħruġa fil-konfront tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

87      Fil-fatt, wara li kkonstatat, fil-punti 52 sa 59 tas-sentenza appellata, li d-dikjarazzjoni ta’ kreditu tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ salvagwardja kienet interrompiet il-preskrizzjoni ta’ dan il-kreditu, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar jekk it-taħrika taċ-CEVA li jidher quddiem il-qrati Franċiżi interrompietx ukoll din il-preskrizzjoni.

88      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument taċ-CEVA dwar l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni permezz tad-dikjarazzjoni ta’ kreditu tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ salvagwardja, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, qabelxejn, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li t-tribunal de commerce de Saint-Brieuc (il-Qorti Kummerċjali ta’ Saint-Brieuc) kienet fetħet proċedura ta’ salvagwardja fil-konfront taċ-CEVA fit‑22 ta’ Ġunju 2016 u li l-Kummissjoni kienet, fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, iddikjarat il-kreditu tagħha fil‑15 ta’ Settembru 2016.

89      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li mill-Artikolu L.622‑24 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż kien isegwi li l-kredituri kollha li l-kreditu tagħhom inħoloq qabel id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ salvagwardja, bl-eċċezzjoni tal-impjegati, kellhom jindirizzaw id-dikjarazzjoni tal-krediti tagħhom lir-rappreżentant ġudizzjarju mill-pubblikazzjoni tas-sentenza ta’ ftuħ. Min-naħa l-oħra, fil-punt 54 ta’ dik is-sentenza, hija rrilevat li, skont l-Artikolu L.622‑25‑1 ta’ dan il-kodiċi, id-dikjarazzjoni ta’ kreditu tinterrompi l-preskrizzjoni sal-għeluq tal-proċedura, tneħħi l-ħtieġa ta’ kwalunkwe intimazzjoni u tikkostitwixxi att ta’ prosekuzzjoni.

90      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ikkonstatat, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li r-Regolament Nru 1346/2000 kien ta’ applikazzjoni diretta. Min-naħa l-oħra, fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, hija qieset, essenzjalment, li, skont dan ir-regolament, l-ewwel, il-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ ftuħ, l-iżvolġiment u l-għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza, it-tieni, kull deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza meħuda minn qorti ta’ Stat Membru għandha tiġi rrikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra kollha minn meta tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedura u, it-tielet, deċiżjoni ta’ ftuħ tipproduċi, mingħajr ebda formalità oħra, f’kull Stat Membru ieħor l-effetti li tagħtiha l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedura.

91      Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li l-ftuħ, fi Franza, tal-proċedura ta’ salvagwardja u d-dikjarazzjoni ta’ kreditu magħmula mill-Kummissjoni kienu pproduċew, skont id-dritt Franċiż, effetti fid-dritt Belġjan u, b’mod iktar preċiż, kienu interrompew il-preskrizzjoni ta’ dan il-kreditu.

92      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

93      Fil-fatt, minn naħa, l-argument taċ-CEVA li l-kreditu tal-Kummissjoni kellu jiġi stabbilit minn qorti sabiex jinterrompi l-preskrizzjoni ma huwiex sostnut mill-kliem tal-Artikolu L.622‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż li jgħid li sempliċi dikjarazzjoni ta’ kreditu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ salvagwardja hija biżżejjed sabiex tinterrompi l-preskrizzjoni.

94      Min-naħa l-oħra, l-argument taċ-CEVA li r-Regolament Nru 1346/2000 ma jistax jipproduċi effett fid-dritt Belġjan ma jistax jintlaqa’.

95      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont l-Artikolu 288 TFUE, regolament għandu portata ġenerali. Għalhekk, huwa jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

96      Fit-tielet u l-aħħar lok, sa fejn l-appellant isostni li d-dikjarazzjoni ta’ kreditu fil-kuntest tal-proċedura ta’ salvagwardja, fl‑2016, saret wara li l-kreditu tal-Unjoni kien preskritt, fit‑13 ta’ Ottubru 2014, mit-tweġiba għall-ewwel u għat-tieni parti ta’ dan l-aggravju jirriżulta li dan l-ilment huwa inammissibbli.

97      Minn dan isegwi li t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

 Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

98      Iċ-CEVA jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat l-eżistenza ta’ kreditu tal-Kummissjoni u meta ddeterminat l-ammont tiegħu. Iċ-CEVA jsostni li d-dritt Franċiż jipprojbixxi lill-kredituri kollha tal-entità li hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ salvagwardja milli jfittxu individwalment l-irkupru ġudizzjarju tal-krediti tagħhom ladarba tinfetaħ din il-proċedura. Minn dan iċ-CEVA jikkonkludi li “fid-dawl tad-dritt Franċiż tal-insolvenza, is-[sentenza appellata] ma tistax tiġi rċevuta mill-qorti Franċiża peress li l-kreditu ddikjarat huwa sussegwenti”.

99      Il-Kummissjoni tqis li din il-parti ma hijiex fondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma għamlet ebda kundanna taċ-CEVA f’dan is-sens.

101    Fil-fatt, mill-punt 95 tas-sentenza appellata kif ukoll mill-punt 1 tad-dispożittiv tagħha jsegwi li l-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat l-eżistenza tal-kreditu kontenzjuż u ffissat l-ammont tiegħu għas-somma prinċipali ta’ EUR 168 220.16, flimkien mal-interessi, mingħajr ma kkundannat liċ-CEVA għall-ħlas ta’ dan il-kreditu. L-argument ta’ dan tal-aħħar huwa bbażat, għaldaqstant, fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju u, għaldaqstant, l-ewwel aggravju fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni aggravju

103    It-tieni aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

104    Iċ-CEVA jsostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punti 70 sa 80 tas-sentenza appellata, li ċ-CEVA kien wettaq irregolaritajiet finanzjarji fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt Seapura. F’dan ir-rigward, iċ-CEVA jsostni, b’riferiment għal silta preċiża minn dan ir-rapport tal-OLAF, li minn dan ir-rapport isegwi li l-ilment ta’ irregolaritajiet finanzjarji ma kienx stabbilit fil-konfront tiegħu fir-rigward tal-proġett Seapura. Huwa jsostni li l-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport dwar tali irregolaritajiet ma kinux jirrigwardaw il-kuntratt Seapura, iżda żewġ kuntratti oħra, peress li s-sussidji mogħtija abbażi tagħhom ġew irrimborsati lill-Kummissjoni.

105    Fir-replika tiegħu, iċ-CEVA jżid, minn naħa, li ebda element tal-proċess ma jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ falsifikazzjoni tad-dokumenti ta’ ġestjoni tal-ħin tax-xogħol tal-persunal f’dak li jirrigwarda l-proġett Seapura. Min-naħa l-oħra, mill-imsemmi rapport isegwi wkoll li ċ-CEVA ma wettqitx plaġjariżmu ta’ dokumenti xjentifiċi fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt Seapura, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni.

106    Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

107    Bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 71 tas-sentenza appellata, ir-rapport tal-OLAF kien jinkludi żewġ partijiet, relatati, l-ewwel wieħed, mal-ispejjeż diretti u, it-tieni wieħed, mal-fondi strutturali, u kien jirrigwarda żewġ tipi ta’ aġir, minn naħa, falsifikazzjoni tad-dokumenti ta’ ġestjoni tal-ħin tax-xogħol tal-persunal u, min-naħa l-oħra, il-plaġjariżmu ta’ dokumenti xjentifiċi.

108    Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punti 74 u 75 tas-sentenza appellata, li, minkejja li r-rapport tal-OLAF ma kienx stabbilixxa l-allegazzjoni ta’ plaġjariżmu ta’ dokumenti xjentifiċi fil-kuntest tal-proġett Seapura, dan ir-rapport kien madankollu kkonkluda li ċ-CEVA kien iffalsifika d-dokumenti ta’ ġestjoni tal-ħin tax-xogħol tal-persunal tiegħu, “b’mod partikolari għall-proġetti Ewropej, sabiex jiġi rrilaxxat il-massimu ta’ fondi allokati għal kull proġett”.

109    Abbażi tal-analiżi ta’ diversi siltiet mir-rapport tal-OLAF, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm irregolaritajiet finanzjarji serji fir-rigward tal-proġetti kollha fdati liċ-CEVA, inkluż il-proġett Seapura.

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argument taċ-CEVA fil-kuntest ta’ din il-parti, sa fejn huwa bbażat fuq is-silta ċċitata mir-rapport tal-OLAF, iħawwad, fir-rigward tal-kuntratt Seapura, l-eżenzjoni f’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni ta’ plaġjariżmu ma’ allegata eżenzjoni ġenerali minn kull irregolarità. Fi kwalunkwe każ, permezz ta’ dan l-argument, iċ-CEVA jitlob, fir-realtà, li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti tal-Qorti Ġenerali b’dik tagħha.

111    Issa, konformement mal-Artikolu 256(1) TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali biss għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi għalhekk ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Peress li ma ġiex allegat u lanqas ipprovat żnaturament tal-fatti, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju

113    Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tiegħu, iċ-CEVA jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li huwa msemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn hija qieset, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li n-“natura orizzontali tal-qasam tal-investigazzjoni tal-OLAF kienet neċessarjament tinkludi l-kuntratt Seapura”, filwaqt li hija kienet irrikonoxxiet, barra minn hekk, li mir-rapport tal-OLAF kien isegwi li l-allegazzjoni ta’ plaġjariżmu ta’ dokumenti xjentifiċi ma kinitx stabbilita għal dan il-kuntratt.

114    Għalhekk, iċ-CEVA jqis li, waqt l-istħarriġ tagħha tal-evalwazzjoni tar-rapport tal-OLAF imwettqa mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha għal qari ġenerali ta’ dan ir-rapport, b’tali mod li kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jobbligaha teżamina bir-reqqa l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, filwaqt li qari xieraq tal-imsemmi rapport juri l-assenza ta’ rabta tal-irregolaritajiet ikkonstatati mal-kuntratt Seapura.

115    Il-Kummissjoni tqis li din il-parti hija inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

116    Permezz ta’ din il-parti, iċ-CEVA tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet, fil-punti 70 sa 80 tas-sentenza appellata, qari ġenerali, u minħabba dan il-fatt żbaljat, tar-rapport tal-OLAF, filwaqt li naqset milli teżamina bir-reqqa l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Permezz ta’ dan l-argument, din il-parti tfittex, fir-realtà, li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti tal-Qorti Ġenerali b’dik tagħha, kif tirriżulta mill-eżami ta’ dan ir-rapport.

117    Issa, bħalma ġie rrilevat fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, li ma huwiex allegat u, fi kwalunkwe każ, ma huwiex muri f’din il-kawża, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

118    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

119    Iċ-CEVA jsostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet kreditriċi ta’ somma ta’ EUR 168 220.16, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-aspett li l-qrati kriminali Franċiżi kienu lliberawh mill-kapijiet ta’ akkuża ta’ frodi u ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u kienu ċaħdu b’mod definittiv t-talbiet tal-Kummissjoni bħala parti ċivili. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom l-awtorità ta’ res judicata fil-livell nazzjonali, b’tali mod li l-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività kif ukoll ta’ ċertezza legali jipprekludu li tali deċiżjonijiet jiġu kkontestati abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

120    Il-Kummissjoni tqis li din il-parti hija inammissibbli, sa fejn iċ-CEVA ma tispeċifikax il-punti tas-sentenza appellata li hija ssemmi. Fi kwalunkwe każ, din hija ineffettiva.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

121    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-aggravji u l-argumenti ta’ dritt invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tal-motivi tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu kkontestati. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Għalkemm iċ-CEVA ma jiċċitax il-punti tas-sentenza appellata li huwa jikkritika, peress li dik is-sentenza tinkludi s-sottotitolu “Fuq il-proċeduri kriminali quddiem il-qrati Franċiżi”, huwa ċar li dan l-argument huwa dirett kontra l-punti 85 sa 88 tal-imsemmija sentenza.

123    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qabelxejn fakkret, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li, fil-kuntest ta’ kuntratt bħall-kuntratt Seapura, is-sempliċi konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ frodi jew ta’ irregolaritajiet finanzjarji serji waqt awditu kienet suffiċjenti sabiex tiġġustifika d-dritt tal-Kummissjoni li titlob il-ħlas lura tas-somom li hija kienet ħallset. Sussegwentement, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, hija kkunsidrat fil-punt 86 ta’ dik is-sentenza, li l-falsifikazzjoni tad-dokumenti ta’ ġestjoni tal-ħin tax-xogħol tal-persunal, kif kienet ġiet ikkonstatata fir-rapport tal-OLAF, kienet tikkostitwixxi, tal-inqas, irregolarità finanzjarja serja. Barra minn hekk, fil-punt 87 tal-imsemmija sentenza, hija ddeċidiet, essenzjalment, li l-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura kien jagħti lill-Kummissjoni d-dritt li titlob ir-rimbors tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni inkwistjoni abbażi biss tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ frodi jew ta’ irregolaritajiet finanzjarji serji, mingħajr ma dan id-dritt ikun suġġett għall-kundizzjoni li tali aġir kien, barra minn hekk, is-suġġett ta’ kundanna jew ta’ klassifikazzjoni kriminali.

124    Fl-aħħar nett, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, abbażi ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, iddeċidiet li l-liberazzjoni taċ-CEVA minn qorti kriminali nazzjonali mill-kapijiet ta’ akkuża ta’ frodi u ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi ma kellhiex effett fuq id-dritt tal-Kummissjoni li titlob il-ħlas lura tas-sussidju kkonċernat abbażi tal-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratt Seapura.

125    Tali raġunament ma huwa vvizzjat bl-ebda żball ta’ liġi. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li jsostni impliċitament l-appellant, il-qrati kriminali Franċiżi ma ddeċidewx dwar l-eżistenza ta’ “irregolaritajiet finanzjarji serji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, liema kunċett kuntrattwali ma għandux jiġi konfuż mal-kwalifiki ta’ frodi jew ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi li għalihom kienu jikkorrispondu l-kapijiet ta’ akkuża li għalihom huwa ġie lliberat.

126    Konsegwentement, it-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ir-raba’ parti tat-tieni aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

127    Iċ-CEVA jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali sa fejn, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-partijiet fil-kawża ma jistgħux jinvokaw id-dritt ta’ Stat Membru quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, hija żbaljat meta ċaħdet l-argument taċ-CEVA li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka proċeduri mibdija fi Franza abbażi tad-dritt Franċiż, filwaqt li l-kuntratt Seapura jistipula l-applikazzjoni tad-dritt Belġjan u l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Unjoni.

128    Il-Kummissjoni tqis li ċ-CEVA ma tindikax kif is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, b’tali mod li din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

129    Fi kwalunkwe każ, ir-raba’ parti tat-tieni aggravju hija infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

130    Preliminarjament, għalkemm iċ-CEVA ma jiċċitax il-punti tas-sentenza appellata li huwa jikkritika, peress li din tal-aħħar tinkludi s-sottotitolu “Fuq il‑prinċipju ta’ awtonomija proċedurali”, huwa ċar li dan l-argument huwa dirett kontra l-punti 92 sa 95 tal-imsemmija sentenza.

131    Fuq il-mertu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, bħalma tfakkar fil-punti 94 u 95 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 288 TFUE, ir-Regolament Nru 1346/2000 għandu portata ġenerali, jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

132    Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tippreżupponi assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li ebda ksur ta’ dan il-prinċipju ma jista’ jiġi allegat f’dan il-każ.

133    Għaldaqstant, billi kkunsidrat, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li l-applikabbiltà tad-dritt Belġjan għall-kuntratt Seapura kienet bla ħsara għall-applikabbiltà diretta tar-Regolament Nru 1346/2000, li abbażi tiegħu ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż jipproduċu l-effetti tagħhom fid-dritt Belġjan, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali.

134    Konsegwentement, ir-raba’ parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud it-tieni aggravju fl-intier tiegħu.

135    Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji mressqa miċ-CEVA insostenn tal-appell tagħhom ma jista’ jintlaqa’, hemm lok li l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

136    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

137    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

138    Peress li ċ-CEVA tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati ma’ din il-proċedura, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Iċ-centre d’étude et de valorisation des algues SA (CEVA) huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati mal-proċedura ta’ appell, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top