Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0059

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-11 ta’ Settembru 2025.
Ir-Repubblika tal-Awstrija vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(3)(c) u Artikolu 108 TFUE – Għajnuna prevista għall-iżvilupp ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda fis-sit ta’ Paks (l-Ungerija) – Għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni – Direttiva 2014/25/UE – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti impenji – Konformità tal-għajnuna mad-dritt tal-Unjoni minbarra d-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat – Suġġett tal-għajnuna – Aspetti li ma jistgħux jinfirdu mill-għajnuna – Żvolġiment parallel ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-59/23 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:686

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Settembru 2025 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(3)(c) u Artikolu 108 TFUE – Għajnuna prevista għall-iżvilupp ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda fis-sit ta’ Paks (l-Ungerija) – Għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni – Direttiva 2014/25/UE – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti impenji – Konformità tal-għajnuna mad-dritt tal-Unjoni minbarra d-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat – Suġġett tal-għajnuna – Aspetti li ma jistgħux jinfirdu mill-għajnuna – Żvolġiment parallel ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża C‑59/23 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑6 ta’ Frar 2023,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn A. Posch, M. Fruhmann, M. Klamert u F. Koppensteiner, bħala aġenti, assistiti minn H. Kristoferitsch, Rechtsanwalt,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Němečková u L. Wildpanner, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn A. Germeaux u T. Schell, bħala aġenti, assistiti minn P. Kinsch, avukat,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, L. Halajová, T. Müller u J. Vláčil, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn R. Bénard, T. Lechevallier, T. Stéhelin, sussegwentement minn T. Lechevallier u T. Stéhelin, bħala aġenti,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér, bħala aġent, assistit minn B. Karsai, Z. Zs. Lehoczki u P. Nagy, ügyvédek,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

Ir-Repubblika Slovakka,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, F. Biltgen, I. Jarukaitis, M. L. Arastey Sahún, S. Rodin, N. Jääskinen, D. Gratsias (Relatur) u M. Gavalec, Presidenti ta’ Awla, A. Arabadjiev, I. Ziemele, J. Passer, O. Spineanu‑Matei, M. Condinanzi u R. Frendo, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Novembru 2024,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Frar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑30 ta’ Novembru 2022, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (T‑101/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:728), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika tal-Awstrija għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2112 tas‑6 ta’ Marzu 2017 dwar il-miżura/l-iskema ta’ għajnuna/l-għajnuna mill-Istat SA.38454 ‑ 2015/C (ex 2015/N) li l-Ungerija qed tippjana li timplimenta biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda fl-impjant tal-enerġija nukleari Paks II (ĠU 2017, L 317, p. 45, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”).

I.      Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2004/17/KE

2        L-Artikolu 40 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri tal-akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), intitolat “L-Uzu ta’ proċeduri miftuħa, ristretti u negozjati”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Entitajiet kontraenti jistgħu jużaw proċedura mingħajr sejħa minn qabel għal kompetizzjoni fil-każijiet li ġejjin:

[...]

(ċ)      fejn, għal għanijiet tekniċi jew artistiċi, jew għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ drittijiet esklussivi, il-kuntratt jista’ jitwettaq biss minn operatur ekonomiku partikolari;

[...]”

A.      Id-Direttiva 2014/25/UE

3        L-Artikolu 50 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243, rettifika fil-ĠU L, 2023/90064), intitolat “L-użu tal-proċedura nnegozjata mingħajr sejħa għal kompetizzjoni minn qabel”, jipprevedi:

“L-entitajiet kontraenti jistgħu jużaw proċedura nnegozjata mingħajr sejħa għal kompetizzjoni minn qabel fil-każijiet li ġejjin:

[...]

(c)      fejn ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi jistgħu jiġu forniti biss minn operatur ekonomiku partikolari minħabba waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(i)      l-għan tal-akkwist huwa l-ħolqien jew l-akkwist ta’ xogħol artistiku uniku jew ta’ rappreżentazzjoni artistika unika;

(ii)      hemm nuqqas ta’ kompetizzjoni minħabba raġunijiet tekniċi;

(iii)      il-protezzjoni ta’ drittijiet esklużivi, inkluż drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

L-eċċezzjonijiet deskritti fil-punti (ii) u (iii) għandhom japplikaw biss meta ma teżistix alternattiva jew sostitut raġonevoli u n-nuqqas ta’ kompetizzjoni mhijiex ir-riżultat ta’ limitazzjonijiet artifiċjali fil-parametri tal-akkwist;

[...]”

4        L-Artikolu 106 ta’ din id-direttiva, intitolat “Traspożizzjoni u dispożizzjonijiet tranżizzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sat‑18 ta’ April 2016. [...]”

5        L-Artikolu 107 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tħassir”, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Id-Direttiva 2004/17/KE hija mħassra b’effett mit‑18 ta’ April 2016.”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma mfissra fil-punti 2 sa 9 tas-sentenza appellata. Dawn jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

7        Fit‑22 ta’ Mejju 2015, l-Ungerija nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea, taħt in-numru C(2017) 1486, miżura intiża li tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-iżvilupp ta’ żewġ reatturi ġodda fis-sit tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks (l-Ungerija), imsejħa “Paks II”, l-unità 5 u l-unità 6 ta’ dan tal-aħħar, rispettivament (iktar ’il quddiem iż-“żewġ reatturi nukleari ġodda”), b’żieda mal-erba’ reatturi nukleari li kienu diġà jitħaddmu hemmhekk. Il-benefiċjarju tal-miżura nnotifikata kienet il-kumpannija MVM Paks II Nuclear Power Plant Development Private Company Limited by Shares (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Paks II”), liema kumpannija l-Istat Ungeriż kellu 100 % tal-kapital tagħha u li kienet mistennija li ssir il-proprjetarja u l-kumpannija operattiva taż-żewġ reatturi nukleari ġodda.

8        Skont ftehim intergovernattiv dwar il-kooperazzjoni fl-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, konkluż fl‑14 ta’ Jannar 2014 bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ungerija (iktar ’il quddiem il-“ftehim intergovernattiv”), dawn iż-żewġ Stati ntrabtu li jikkooperaw, fil-kuntest ta’ programm nukleari, sabiex iżommu u jkomplu jiżviluppaw l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks. Taħt dan il-ftehim, kemm il-Federazzjoni Russa u kemm l-Ungerija kellhom jagħżlu organizzazzjoni pubblika b’esperjenza u kkontrollata mill-Istat, finanzjarjament u teknikament responsabbli għall-issodisfar tal-obbligi tiegħu bħala kontraenti jew proprjetarja sa fejn għandhom x’jaqsmu, b’mod partikolari, id-disinn, il-kostruzzjoni u l-attivazzjoni tar-reatturi nukleari ġodda. Il-Federazzjoni Russa għażlet lil Nizhny Novgorod Engineering Company Atomenergoproekt (iktar ’il quddiem “JSC NIAEP”), kumpannija ta’ kapital, għall-kostruzzjoni ta’ ir-reatturi nukleari ġodda, u l-Ungerija għażlet lill-kumpannija Paks II għaż-żamma u għat-tħaddim ta’ dawn tal-aħħar. Għal dan il-għan, JSC NIAEP u l-kumpannija Paks II iffirmaw, fid‑9 ta’ Diċembru 2014, ftehim dwar kuntratt ta’ inġinerija, ta’ xiri u ta’ kostruzzjoni (engineering, procurement, and construction (EPC) contract) fir-rigward tal-imsemmija reatturi.

9        Fil-ftehim intergovernattiv, il-Federazzjoni Russa ntrabtet li tagħti lill-Ungerija self mill-Istat sabiex tiffinanzja l-iżvilupp taż-żewġ reatturi nukleari ġodda. Dan is-self kien irregolat mill-ftehim intergovernattiv ta’ finanzjament tat‑28 ta’ Marzu 2014 u kien jagħmilha possibbli li tiġi pprovduta linja ta’ kreditu li jdur (revolving credit) ta’ EUR 10 biljun li kellha tintuża biss għad-disinn, għall-kostruzzjoni u għall-attivazzjoni ta’ dawn iż-żewġ reatturi. L-Ungerija ntrabtet li tipprovdi ammont addizzjonali ta’ EUR 2.5 biljun mill-baġit tagħha stess sabiex tiffinanzja l-investiment tal-imsemmija reatturi. Hija ma kellhiex għalfejn tittrasferixxi l-fondi neċessarji għall-ħlas tal-prezz tax-xiri tal-istess reatturi fil-kontijiet tal-kumpannija Paks II. Il-biċċa l-kbira minn dawn il-fondi kellhom jinżammu mill-Bank għall-Iżvilupp u għall-Affarijiet Ekonomiċi Barranin tar-Russja, il-Vnesheconombank. Mat-tlestija ta’ kull stadju, il-kumpannija Paks II kellha tagħmel talba lil dan il-bank għall-ħlas ta’ 80 % tal-ammont dovut direttament lil JSC NIAEP. Hija kellha tagħmel ukoll talba lill-Aġenzija għall-Ġestjoni tad-Dejn Governattiv tal-Ungerija għall-ħlas tal‑20 % li jkun fadal.

10      Fid-Deċiżjoni kontenzjuża, adottata fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżura nnotifikata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li, bla ħsara tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, kienet kompatibbli mas-suq intern, u dan skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Sa fejn għandu x’jaqsam l-għoti dirett tax-xogħol ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda lil JSC NIAEP, il-Kummissjoni qieset li din tal-aħħar ma setgħetx toħloq distorsjoni addizzjonali tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ fis-suq rilevanti, jiġifieri dak tal-elettriku, u li, għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza applikabbli, hija ma kinitx obbligata tistħarreġ jekk dan l-għoti kienx konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Il-Kummissjoni indikat, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, li, fi kwalunkwe każ, kienet saret proċedura distinta f’dan ir-rigward abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, li fil-kuntest tagħha kienet ġiet eżaminata l-osservanza mill-Ungerija tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, mingħajr ma dan l-eżami kkonstata ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni minn dan l-Istat Membru.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Frar 2018, ir-Repubblika tal-Awstrija ressqet azzjoni għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

12      Fid‑19 ta’ Lulju 2018 tħallew jintervjenu fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

13      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet il-motivi kollha mqajma mir-Repubblika tal-Awstrija, ħlief għat-tieni u għat-tielet motiv, liema motivi dan l-Istat Membru kien irrinunzja għalihom waqt is-seduta, u, għalhekk, ċaħdet ir-rikors.

IV.    It-talbiet tal-partijiet fl-appell

14      Ir-Repubblika tal-Awstrija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

–        tilqa’ fl-intier tiegħu r-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tilqa’ fl-intier tagħha t-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża mressqa fl-ewwel istanza, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

17      Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

18      Ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija u, essenzjalment, ir-Repubblika tal-Polonja jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.

V.      Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Marzu 2025, l-Ungerija talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura u dan skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, hija essenzjalment issostni li ma taqbilx ma’ wħud mill-evalwazzjonijiet, li jinsabu fil-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali. B’mod partikolari, l-Ungerija tikkontesta l-evalwazzjonijiet dwar il-portata tal-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina, fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik li wasslet għad-Deċiżjoni kontenzjuża, jekk miżura ta’ għajnuna tkunx kompatibbli ma’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni minbarra dawk fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari meta l-Kummissjoni tkun diġà għamlet tali eżami fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jressqu osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 55, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21      Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skond l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ikunu jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas ma hija marbuta bil-motivazzjoni li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għal dawn il-konklużjonijiet. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu xi jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina f’dawn tal-aħħar, ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 56, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jkun instema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, u dan skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma jkollhiex biżżejjed informazzjoni jew meta waħda mill-partijiet tkun issottomettiet, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid li jkun jista’ jkollu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23      Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha, fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura u s-seduta għas-sottomissjonijiet li saret quddiemha, l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex taqta’ din il-kawża. Hija tirrileva li, fi kwalunkwe każ, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa mill-Ungerija, li essenzjalment tiffoka fuq kwistjonijiet ta’ liġi diġà diskussi fil-fażi bil-miktub tal-proċedura u waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ma turi ebda fatt ġdid li jista’ jkollu influwenza fuq id-deċiżjoni li hija ntalbet tagħti fl-imsemmija kawża.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

VI.    Fuq l-appell

25      Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija tqajjem erba’ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament għamlet billi kkonkludiet li n-nuqqas ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda ma kienx jivvizzja d-Deċiżjoni kontenzjuża b’illegalità, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi dwar l-istħarriġ tan-natura proporzjonata tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, it-tielet wieħed, fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament għamlet fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sproporzjonati tal-kompetizzjoni kif ukoll dik tat-tisħiħ u/jew tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq u, ir-raba’ wieħed, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi kostituttivi tal-għajnuna inkwistjoni.

A.      Fuq l-ewwel aggravju

26      L-ewwel aggravju tal-appell jirreferi għall-punti 27 sa 50 u 196 sa 203 tas-sentenza appellata.

27      Fl-ewwel lok, dan l-aggravju huwa dirett kontra ċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-ewwel motiv tar-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza, li permezz tiegħu r-Repubblika tal-Awstrija sostniet li d-Deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata b’illegalità minħabba l-fatt li l-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda, “aspett li ma jistax jinfired”, fil-fehma tagħha, mis-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni, kienet ġiet fdata lil JSC NIAEP mingħajr ma saret proċedura ta’ sejħa għal offerti, u dan bi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 25 sa 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat essenzjalment, minn naħa, li, fil-premessi 279 sa 287 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni bir-raġun qagħdet prinċipalment fuq il-prinċipju li hija kienet obbligata tosserva l-konsistenza bejn id-dritt tal-għajnuna mill-Istat u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni biss fir-rigward tal-aspetti tal-għajnuna inkwistjoni li jkunu tant marbuta mas-suġġett tagħha b’mod li ma jkunux jistgħu jinfirdu minnu li ma jkunx possibbli li dawn jiġu evalwati b’mod separat. Filwaqt li rreferiet għas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), invokata mir-Repubblika tal-Awstrija, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, l-ewwel nett, li ma kien ġie invokat quddiemha ebda ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-attività ekonomika li tippromwovi l-għajnuna inkwistjoni, jiġifieri l-produzzjoni tal-enerġija nukleari. It-tieni nett, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, ebda konsegwenza ma setgħet tinsilet mill-fatt li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx eżaminat l-eżistenza ta’ rabta li ma tistax tinħall bejn l-aspetti tal-għajnuna kkonċernata u din l-għajnuna nnifisha, peress li, fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, il-ksur invokat tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni irriżulta mis-suġġett stess tal-imsemmija għajnuna, jiġifieri l-iżvilupp ta’ impjant għall-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi nukleari. Fl-aħħar nett, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, mill-istess sentenza ma kienx jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-ħsieb li twessa’ l-portata tal-istħarriġ li l-Kummissjoni kellha tagħmel f’dan il-qasam, peress li l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ stħarriġ indipendentement mill-eżistenza ta’ tali rabta li ma tistax tinħall kienet tmur kontra kemm ir-regoli u l-garanziji proċedurali tad-diversi proċeduri speċifiċi għal oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ awtonomija tal-proċeduri amministrattivi u tar-rimedji. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma għamlet ebda żball ta’ liġi meta qieset li l-istħarriġ tagħha kellu jiġi llimitat, fil-kuntest tal-proċedura mmexxija skont l-Artikolu 108 TFUE, għall-miżura ta’ għajnuna nnifisha, kif ukoll għall-aspetti li jkollhom rabta ma’ din tal-aħħar li ma tistax tinħall.

29      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li r-Repubblika tal-Awstrija żbaljat meta sostniet li kien jikkostitwixxi “aspett li ma jistax jinfired” mis-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni l-għoti dirett tax-xogħol ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda lil JSC NIAEP minħabba li sejħa għal offerti setgħet twassal għal għajnuna totalment differenti, b’mod partikolari sa fejn għandhom x’jaqsmu l-ammont u l-istruttura ta’ din tal-aħħar. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, wara li ppreċiżat li l-għajnuna inkwistjoni kienet tikkonsisti fil-forniment, mingħajr ħlas, ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda lill-kumpannija Paks II għat-tħaddim tagħhom, qieset, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni dwar jekk l-għoti tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni ta’ dawn iż-żewġ reatturi ġodda kellux ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet tikkonċerna l-manifattura u l-provvista tal-oġġett fornit mingħajr ħlas u li kien jippreċedi, għalhekk, il-miżura ta’ għajnuna nnifisha, b’tali mod li d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt ta’ żvilupp u ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda ma kinitx tikkostitwixxi aspett tal-għajnuna nnifisha.

30      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li l-iżvolġiment ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku u l-eventwali użu ta’ impriża oħra għall-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari la biddlu s-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni, jiġifieri l-forniment mingħajr ħlas ta’ żewġ reatturi ġodda għat-tħaddim tagħhom, u lanqas il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna, jiġifieri l-kumpannija Paks II. Barra minn hekk, ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jipproduċi effetti biss fis-suq tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ impjanti nukleari u ma jistax ikollu konsegwenzi fis-suq li jkopri s-suġġett tal-miżura tal-għajnuna inkwistjoni, jiġifieri s-suq tal-elettriku.

31      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-influwenza tan-nuqqas ta’ proċedura pubblika ta’ sejħa għal offerti fuq l-ammont ta’ din l-għajnuna, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li ma ntweriex li offerenti oħra setgħu jfornu żewġ reatturi tat-teknoloġija kkonċernata “taħt kundizzjonijiet aħjar jew bi prezz orħos”. Fil-fatt, anki kemm‑il darba l-użu ta’ tali proċedura ta’ sejħa għal offerti seta’ jibdel l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni, dan il-fatt ma kellu fih innifsu ebda konsegwenza fuq il-vantaġġ li l-imsemmija għajnuna kellha għall-benefiċjarju tagħha, peress li dan il-vantaġġ kien jikkonsisti fil-forniment bla ħlas taż-żewġ reatturi ġodda bil-ħsieb li jitħaddmu. Konsegwentement, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, żieda jew tnaqqis fl-ammont tal-għajnuna inkwistjoni la affettwaw l-għajnuna fil-veru sens tal-kelma u lanqas l-effett antikompetittiv tagħha.

32      Fit-tieni lok, l-ewwel aggravju huwa dirett kontra ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel parti tal-għaxar motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Awstrija sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma kinitx fissret kif jixraq ir-raġunijiet għaliex hija ma kinitx ikkonstatat ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi minħabba l-għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda, li jikkostitwixxi aspett li ma jistax jinfired mis-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, f’dan ir-rigward, fil-punti 197 u 198 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet spjegat, prinċipalment, fil-premessi 280 sa 284 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li, minħabba n-nuqqas ta’ rabta li ma tistax tinħall bejn l-eventwali ksur tad-Direttiva 2014/25 u s-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni, il-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern ma tistax tiġi affettwata minn dan il-ksur. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, tindika fid-Deċiżjoni kontenzjuża r-raġunijiet għaliex il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 50(c) tad-Direttiva 2014/25 kienu ssodisfatti.

33      Fit-tielet lok, kif jirriżulta mill-punti 40 u 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fil-premessa 285 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet irrilevat li, fi kwalunkwe każ, hija kienet evalwat l-osservanza mill-Ungerija tad-Direttiva 2014/25 fi proċedura distinta, jiġifieri l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bir-referenza NIF 2015/4231‑32 (iktar ’il quddiem il-“proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015”), li fi tmiemha hija kienet ikkonkludiet li l-proċeduri stabbiliti f’din id-direttiva ma kinux japplikaw għall-għoti tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda, u dan skont l-Artikolu 50(c) tagħha.

34      Meta eżaminat, essenzjalment, dawn il-motivi tad-Deċiżjoni kontenzjuża inklużi fiha għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ġustament qieset li hija setgħet tirreferi għall-evalwazzjoni tagħha li saret fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015, fl-interess tal-konsistenza tar-riżultati tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni u ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Kif jirriżulta mill-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni qieset b’mod iktar speċifiku, wara analiżi fil-fond, li l-għoti dirett lil JSC NIAEP tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda seta’ jsir mingħajr sejħa għal offerti minn qabel, peress li, għal raġunijiet tekniċi, ma kienx hemm kompetizzjoni u, għalhekk, l-Artikolu 50(c)(ii) tad-Direttiva 2014/25 kien rilevanti. F’dan ir-rigward, skont il-punti 43 sa 46 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, dokumenti li, fil-fehma ta’ din tal-aħħar, kellha tinġibed minnhom il-konklużjoni li l-Ungerija kienet intrabtet li ssegwi proċeduri ta’ sejħa għal offerti għall-parti l-kbira tal-partijiet l-oħra tal-proġett ikkonċernat b’mod trasparenti u b’osservanza tal-prinċipji bażiċi ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni. Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 45 tas-sentenza appellata, skont id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li saru waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, dan l-impenn tal-Ungerija huwa rifless fil-premessa 372 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li għandha tinqara flimkien mal-premessa 285 tagħha.

35      Barra minn hekk, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li ma jistax jiġi aċċettat li l-proċedura dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern twaqqa’ dubju fuq id-deċiżjonijiet kollha li jkunu ttieħdu qabel u li diġà kienu s-suġġett ta’ proċedura distinta, irregolata minn regoli speċifiċi, fis-sens tas-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni (C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 44), u differenti minn dawk li japplikaw fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jżomm lill-Kummissjoni milli teżamina mill-ġdid l-għoti ta’ kuntratt ta’ kostruzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għajnuna mill-Istat meta ma jkollha ebda informazzjoni ġdida meta mqabbla mal-mument li fih hija tkun iddeċidiet li tagħlaq il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tkun saret qabel. Issa, fil-fehma tal-Kummissjoni, dan kien il-każ fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-eżami tal-osservanza mill-Ungerija tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda fis-sit ta’ Paks.

36      Sa fejn għandu x’jaqsam l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tistax tippreġudika l-evalwazzjoni ta’ eventwali ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għajnuna mill-Istat, sa fejn proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija rregolata mill-prinċipju ta’ opportunità, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li dan l-argument kien irrilevanti peress li l-Kummissjoni kienet effettivament bdiet din il-proċedura tal-aħħar, li fil-kuntest tagħha hija kienet għamlet analiżi tar-raġunijiet tekniċi li qagħdet fuqhom l-Ungerija u li fi tmiemha hija kienet waslet għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 50(c) tad-Direttiva 2014/25 kienu ssodisfatti. Barra minn hekk, l-eżitu tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015 ġie kklassifikat bħala “konklużjoni preliminari” fil-premessa 285 tad-Deċiżjoni kontenzjuża biss minħabba l-possibbiltà li f’xi waqt tinfetaħ proċedura ġdida tal-istess natura abbażi ta’ informazzjoni ġdida.

37      L-ewwel aggravju fih tliet partijiet, li l-ewwel tnejn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

1.      Fuq l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju

a)      L-argumenti tal-partijiet

38      Taħt l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, essenzjalment tikkritika, l-ewwel nett, lill-Qorti Ġenerali talli, b’mod partikolari fil-punti 27 u 201 tas-sentenza appellata, għamlet distinzjoni “artifiċjali” bejn il-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda u l-forniment tagħhom mingħajr ħlas lill-kumpannija Paks II, peress li l-imsemmija qorti qieset biss dan il-forniment bħala s-suġġett tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni. B’mod iktar speċifiku, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li l-miżuri li jikkontribwixxu għas-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati fl-intier tagħhom. Għalhekk, id-“distinzjoni stretta” li għamlet il-Qorti Ġenerali bejn il-forniment mingħajr ħlas taż-żewġ reatturi nukleari ġodda u r-riżorsi li l-Ungerija allokat għal dan il-għan jirriżulta li hija żbaljata. It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija, filwaqt li tirreferi, b’mod partikolari, għall-punti 2, 65, 73 u 188 tas-sentenza appellata, tosserva, għad illi formalment taħt it-tieni aggravju, iżda fil-kuntest ta’ argument li essenzjalment xorta waħda jaqa’ taħt l-ewwel aggravju, li l-Qorti Ġenerali ma pprovdietx deskrizzjoni waħda biss, iżda diversi deskrizzjonijiet tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni f’din is-sentenza.

39      Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta qieset li, permezz tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), il-ħsieb tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx li twessa’ l-portata tal-istħarriġ li għandha tagħmel il-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura bħall-proċedura ta’ għajnuna inkwistjoni.

40      Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma għamlet ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward u ssostni li r-Repubblika tal-Awstrija qiegħda tfixkel s-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni u l-aspetti tagħha. Filwaqt li tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et (C‑284/21 P, EU:C:2023:58), hija tfakkar li l-aspetti ta’ għajnuna għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ta’ proċedura bħall-proċedura ta’ għajnuna inkwistjoni biss fejn ikunu tant marbuta mas-suġġett tal-għajnuna kkonċernata b’mod li ma jkunux jistgħu jinfirdu minnu li ma jkunx possibbli li dawn jiġu evalwati b’mod separat. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali korrettament għamlet distinzjoni, f’dan il-każ, bejn, minn naħa, l-għajnuna inkwistjoni u s-suġġett tagħha u, min-naħa l-oħra, l-aspetti ta’ din l-għajnuna u ġustament qieset, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li proċedura ta’ sejħa għal offerti relatata mas-suq ta’ żvilupp u ta’ kostruzzjoni ta’ żewġ reatturi tal-enerġija nukleari kienet tippreċedi l-miżura ta’ għajnuna fiha nnifisha, jiġifieri t-“tqegħid għad-dispożizzjoni [forniment] mingħajr ħlas ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda favur il-kumpannija Paks II sabiex tużahom”, u għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi aspett tal-għajnuna nnifisha inkwistjoni.

41      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-iżvolġiment ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u l-eventwali użu ta’ impriża oħra għall-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda la biddlet s-suġġett u lanqas il-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni. Anki li kellu jitqies li kien hemm ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li ma huwiex il-każ, l-effetti tiegħu jkunu limitati għas-suq tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari u ma jkollhom ebda konsegwenza fuq is-suq tal-elettriku, li tkopri l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni. Bl-istess mod, li kellu jitqies li l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni seta’ jiġi affettwat mill-għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda, li lanqas ma huwa l-każ, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, hija għamlet l-evalwazzjoni tagħha tal-proporzjonalità tal-miżura kkonċernata b’mod diliġenti, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha.

42      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija essenzjalment issostni, l-ewwel nett, li, għall-kuntrarju ta’ dak li qalet il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 35 sa 39 tas-sentenza appellata, l-għoti tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda kellu rabta diretta mal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni. Hija tinvoka, f’dan ir-rigward, l-għan li tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta u mhux distorta fis-suq intern, komuni għad-dritt tal-kuntratti pubbliċi u għad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat. It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tosserva li, fir-realtà, il-forniment taż-żewġ reatturi nukleari ġodda u s-self mogħti mill-Federazzjoni Russa lill-Ungerija kienu jorbtu sfiq ma’ xulxin, peress li l-awtoritajiet Russi u Ungeriżi fasslu u implimentaw, kif jirriżulta mill-ftehim intergovernattiv, l-operazzjoni kkonċernata bħala “proċess globali”.

43      Ukoll taħt l-ewwel aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija, filwaqt li tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-argumenti tagħha fformulati taħt it-tieni aggravju, tenfasizza wkoll li l-ksur tar-regoli tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi jaffettwa l-għajnuna nnifisha u, b’mod iktar preċiż, il-proporzjonalità u l-ammont ta’ din l-għajnuna. Barra minn hekk, hija tispjega li sejħa għal offerti skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi setgħet twassal għal għajnuna totalment differenti, sa fejn għandhom x’jaqsmu, b’mod partikolari, l-ammont u l-istruttura tagħha, fis-sens li offerta iktar vantaġġuża għall-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda kienet tnaqqas direttament l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni.

44      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta l-punti 36 u 38 tas-sentenza appellata sa fejn fihom il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li żieda jew tnaqqis fl-ammont tal-għajnuna inkwistjoni la jwasslu għal bidla fl-għajnuna fil-veru sens tal-kelma u lanqas għal bidla fl-effett antikompetittiv ta’ din tal-aħħar. Li kieku offerta iktar vantaġġuża setgħet ssir, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, u tiġi aċċettata, l-għajnuna inkwistjoni setgħet tkun differenti fejn jidħlu l-ammont u l-istruttura tagħha. B’hekk, fin-nuqqas ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, ma jistax jiġi ggarantit li l-għajnuna inkwistjoni tkun verament proporzjonata, jiġifieri limitata għall-minimu meħtieġ.

45      Il-Kummissjoni tfakkar li mis-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi (74/76, EU:C:1977:51), jirriżulta li huma biss l-aspetti li ma jistgħux jiġu evalwati b’mod separat li huma marbuta mas-suġġett ta’ għajnuna b’mod li ma jistgħux jinfirdu minnu. Issa, f’dan il-każ, il-kwistjoni tal-konformità tal-għajnuna inkwistjoni mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tista’ tiġi evalwata b’mod separat u proprju ġiet hekk evalwata fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015.

46      Sa fejn għandu x’jaqsam l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq il-ftehim intergovernattiv (ara l-punt 42 ta’ din is-sentenza), il-Kummissjoni ssostni, sussegwentement, li dan l-argument qiegħed jiġi invokat għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell u li, għaldaqstant, huwa inammissibbli.

47      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-possibbiltà li l-ammont u l-istruttura tal-għajnuna inkwistjoni setgħu kienu differenti li kieku saret proċedura ta’ sejħa għal offerti lanqas ma hija fattur rilevanti, peress li l-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-għajnuna inkwistjoni ma kienx iwassal għal riżultat differenti. Kif jirriżulta mill-punt 38 tas-sentenza appellata, is-suġġett ta’ din l-għajnuna li jikkonsisti fil-forniment mingħajr ħlas ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda, żieda jew tnaqqis fl-ammont tagħha ma jimplikawx per se evalwazzjoni differenti.

48      Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni indikat li l-ammont tal-investiment li kien is-suġġett tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni kien ta’ EUR 12.5 biljun, li minnhom EUR 10 biljun ta’ kreditu kienu ngħataw mill-Federazzjoni Russa abbażi tal-ftehim intergovernattiv u EUR 2.5 biljun kienu fondi tal-Ungerija. Hija ddikjarat li operatur ekonomiku fis-suq ma kienx jagħmel biżżejjed qligħ permezz ta’ tali investiment qabel ma ġibdet il-konklużjoni li, mingħajr l-għajnuna tal-Ungerija, il-proġett inkwistjoni ma kienx jiġi implimentat u li, konsegwentement, dan l-Istat Membru kellu jinvesti EUR 12.5 biljun. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermat li dan l-ammont tal-aħħar kien jikkorrispondi għall-ispiża tal-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda, kif ukoll għal ċerti investimenti marbuta mat-tħaddim ta’ dawn tal-aħħar mill-kumpannija Paks II.

49      Ir-Repubblika Franċiża essenzjalment issostni li, permezz tal-argument tagħha dwar l-għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda bħala aspett li ma jistax jinfired mill-għajnuna inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija qiegħda tfittex, fir-realtà, li tikkontesta l-evalwazzjoni, li għamlet il-Qorti Ġenerali, tal-fatti u tal-provi. Issa, ħlief fejn il-fatti u l-provi jkunu ġew żnaturati, tali evalwazzjoni ma tikkostitwixxix punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju ta’ appell.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50      Permezz tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija qiegħda tfittex li tikkontesta l-analiżi spjegata fil-punti 35 sa 38 tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonfermat, wara din l-analiżi, il-konklużjoni fformulata prinċipalment fil-premessa 284 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li, fin-nuqqas ta’ rabta li ma tistax tinħall bejn eventwali ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u s-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern ma tistax tiġi affettwata minn dan il-ksur.

51      Ir-Repubblika tal-Awstrija essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi, minn naħa, sa fejn eskludiet il-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda mid-definizzjoni tas-suġġett tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, sa fejn ikkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-għoti dirett tal-kuntratt ta’ din il-kostruzzjoni ma kienx jikkostitwixxi aspett ta’ din l-għajnuna li ma jistax jinfired mis-suġġett ta’ din tal-aħħar.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. B’hekk, għajnuna mill-Istat li, minnha nnifisha jew minħabba ċerti aspetti tagħha, tkun tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 96, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Kif essenzjalment irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni minbarra dawk fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fil-każ fejn tali ksur ikun jirriżulta mill-attività ekonomika ffinanzjata, mill-għajnuna jew mis-suġġett tagħha per se jew minn aspetti marbuta mas-suġġett tal-għajnuna b’mod li ma jistgħux jinfirdu minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi, 74/76, EU:C:1977:51, punt 14, u tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punti 98 u 103, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54      B’hekk, meta l-aspetti ta’ għajnuna ikunu tant marbuta mas-suġġett tagħha b’mod li ma jkunux jistgħu jinfirdu minnu li ma jkunx possibbli li jiġu evalwati b’mod separat, l-effett tagħhom fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna fl-intier tagħha għandu tabilfors jiġi evalwat fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 97, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, tali aspetti jagħmlu parti mill-fatturi li l-Kummissjoni hija mitluba teżamina kif ukoll, jekk ikun il-każ, tapprova, b’tali mod li, kemm‑il darba dawn iwasslu għal ksur ta’ dispożizzjonijiet jew ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni li tawtorizza l-istess għajnuna tkun tabilfors ivvizzjata b’illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il-Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2021:58, punt 99).

55      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li ma jistax jiġi dedott mis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-ħsieb li titbiegħed mill-ġurisprudenza tagħha li tgħid li għandha ssir distinzjoni bejn l-aspetti li jkollhom rabta li ma tistax tinħall mas-suġġett tal-għajnuna u dawk li ma jkollhomx tali rabta, u li, għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija relatati għandhom jiġu miċħuda. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), irreferiet għall-ġurisprudenza tagħha dwar l-aspetti li ma jistgħux jinfirdu minn għajnuna partikolari jew mis-suġġett ta’ din tal-aħħar. Madankollu, dan huwa minħabba l-fatt li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza tal-aħħar, kien biss inkwistjoni allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni li rriżulta mill-attività ekonomika stess li l-għajnuna kkonċernata f’din il-kawża kienet intiża li tiffinanzja u li, konsegwentement, ma setgħetx tinfired mis-suġġett ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il-Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2021:58, punt 98).

1)      Fuq id-definizzjoni tas-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni

56      Għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta meta ddefinixxiet is-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni fil-punt 36 tas-sentenza appellata fis-sens li jikkonsisti biss fit-“tqegħid għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda affavur tal-kumpannija Paks II għall-finijiet tal-operat tagħhom”, u eskludiet, għalhekk, minn dan is-suġġett, il-kostruzzjoni tagħhom.

57      Sa fejn għandha x’taqsam, preliminarjament, l-ammissibbiltà tal-argument dirett kontra l-punt 36 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, għalkemm, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali, appellant jista’, madankollu, jippreżenta appell billi jinvoka, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, aggravji u argumenti li jkunu jirriżultaw mis-sentenza appellata stess u li jkunu intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Aeris Invest vs Il‑Kummissjoni u SRB, C‑535/22 P, EU:C:2024:819, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Franċiża fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija tista’ tqajjem, għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell, argument dirett kontra d-delimitazzjoni mill-Qorti Ġenerali tas-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni magħmula fil-punt 36 tas-sentenza appellata.

58      Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ appell, la għandha ġurisdizzjoni sabiex tistabbilixxi l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti. Is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali tinkludi, b’mod partikolari, iż-żnaturament tal-fatti, jiġifieri l-ineżattezza materjali ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li jkunu jirriżultaw mill-atti tal-proċess, iż-żnaturament tal-provi, il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn tal-aħħar, u l-kwistjoni dwar jekk ir-regoli tal-oneru tal-prova u tal-produzzjoni tal-provi jkunux ġew osservati (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑465/20 P, EU:C:2024:724, punti 168 u 169, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, bl-argument tagħha dwar id-delimitazzjoni tas-suġġett tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika tal-Awstrija lanqas ma qiegħda tikkontesta il-konstatazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, iżda l-klassifikazzjoni ġuridika tagħha ta’ dawn il-fatti.

59      Fir-rigward tal-mertu tal-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qagħdet fuq il-premessa mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza sabiex tqis li l-“kwistjoni dwar jekk l-għoti tal-kuntratt għall-kostruzzjoni ta’ dawn iż-żewġ reatturi kellux ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti tikkonċerna l-manifattura u l-provvista tal-proprjetà li ser tkun disponibbli mingħajr ħlas u tippreċedi għalhekk il-miżura ta’ għajnuna fil-veru sens tal-kelma”, qabel ma kkonkludiet li, “[b]’hekk, id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt għall-iżvilupp u l-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi [nukleari] ġodda ma [kinitx] tikkostitwixxix modalità [aspett] tal-għajnuna hija stess”.

60      Issa, operazzjoni li l-elementi essenzjali tagħha jkunu jirriżultaw min-notifika ta’ din il-miżura u li tkun tagħmel parti integrali minn din tal-aħħar, sa fejn din tkun tikkostitwixxi element li jkun meħtieġ sabiex isseħħ l-imsemmija miżura u, għaldaqstant, sabiex jintlaħaq l-għan tagħha, ma tistax tiġi eskluża mis-suġġett tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

61      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 2 tas-sentenza appellata, l-għan li tfittex li tilħaq l-għajnuna prevista mill-Ungerija kien li tiġi appoġġjata l-attività ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, liema għan kien ġie imfittex permezz ta’ proġett maħsub, skont it-titolu stess tan-notifika tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, għall-“iżvilupp ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda”. Mill-punti 5 u 6 tas-sentenza appellata jirriżulta wkoll li, skont il-ftehim intergovernattiv, l-iżvilupp ta’ dawn iż-żewġ reatturi nukleari ġodda kien jinkludi d-disinn u l-kostruzzjoni tagħhom, operazzjoni li l-elementi essenzjali tagħha, jiġifieri, b’mod partikolari, l-identità tal-manifattur u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-imsemmija żewġ reatturi nukleari ġodda, kienu jirriżultaw min-notifika tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

62      Barra minn hekk, fil-premessa 9 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, iċċitata fil-punt 116 tas-sentenza appellata, ġie indikat, fil-punt 2.1, intitolat “Deskrizzjoni tal-proġett”, li l-“miżura tikkonsisti fl-iżvilupp ta’ żewġ reatturi nukleari [...] fl-Ungerija, li l-kostruzzjoni tagħhom hija ffinanzjata kompletament mill-Istat Ungeriż affavur tal-entità Paks II [...] li ser tkun is-sid u ser tħaddem ir-reatturi ġodda”. Fl-istess kuntest, fil-premessi 324 sa 328 ta’ din id-deċiżjoni, il-miżura ta’ għajnuna nnotifikata hija deskritta mill-Kummissjoni bħala “strument xieraq għall-kostruzzjoni ta’ [...] reatturi ġodda” li jissodisfa l-“għan ta’ interess komuni tal-promozzjoni tal-enerġija nukleari”.

63      Fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna inkwistjoni, mill-punt 188 tas-sentenza appellata, li jirriproduċi l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 15 tal-imsemmija deċiżjoni, jirriżulta li din l-għajnuna “[kienet tinkludi] linja ta’ kreditu li jdur ta’ EUR 10 biljun u ammont addizzjonali ta’ EUR 2,5 biljun imħallas mill-Istat Ungeriż”. Kif jirriżulta mill-punt 7 ta’ din is-sentenza, din il-linja ta’ kreditu kienet, skont il-ftehim intergovernattiv, ipprovduta permezz tas-self li l-Federazzjoni Russa tat lill-Ungerija u l-użu tagħha kien limitat esklużivament għad-disinn, għall-kostruzzjoni u għall-attivazzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda. Fl-aħħar nett, kif indikat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li l-ammont investit mill-Ungerija fil-kuntest tal-proġett inkwistjoni kien jikkorrispondi, b’mod partikolari, għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni ta’ dawn iż-żewġ reatturi nukleari ġodda.

64      Għandu jiġi kkonstatat, għalhekk, li, sa fejn il-kostruzzjoni tal-imsemmija reatturi kienet, minn naħa, element meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-miżura nnotifikata inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, operazzjoni ffinanzjata, tal-inqas indirettament, minn riżorsi tal-Ungerija, din il-kostruzzjoni kienet tagħmel parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna nnotifikata minn dan l-Istat Membru u ma setgħetx, għaldaqstant, tiġi validament eskluża mill-Qorti Ġenerali mis-suġġett tal-istess miżura.

65      Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li s-suġġett ta’ din l-għajnuna kien biss it-“tqegħid għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas taż-żewġ reatturi nukleari ġodda għall-benefiċċju tal-kumpannija Paks II għall-finijiet tal-operat tagħhom” tirriżulta minn klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti rilevanti.

2)      Fuq l-eżistenza ta’ regola li ma tistax tinfired

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu issa jiġi vverifikat jekk, minkejja l-iżball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti kkonstatata fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonfermat, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, il-konklużjoni fformulata prinċipalment fid-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda, jiġifieri l-għoti ta’ dan il-kuntratt lil JSC NIAEP mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika, ma kienx jikkostitwixxi aspett li ma jistax jinfired mis-suġġett tal-imsemmija għajnuna, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 ta’ din is-sentenza.

67      Għandu jitfakkar, fil-fatt, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jkunu jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jkun jidher fondat abbażi ta’ motivi oħra tad-dritt, tali ksur ma jkunx jista’ jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u jkollha ssir sostituzzjoni tal-motivi (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Amazon.com et, C‑457/21 P, EU:C:2023:985, punt 51, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan ir-rigward, l-għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda kien tabilfors jikkostitwixxi aspett marbut mas-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni, peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 64ta’ din is-sentenza, din il-kostruzzjoni kienet tagħmel parti integrali mill-miżura inkwistjoni kif innotifikata mill-Ungerija u intiża li tforni mingħajr ħlas iż-żewġ reatturi ġodda lill-kumpannija Paks II.

69      Madankollu, kif essenzjalment irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk dan l-aspett tistax titqies li huwa tant marbut mas-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni b’mod li ma jistax jinfired minnu li l-Kummissjoni kienet obbligata tinkludi evalwazzjoni tal-konformità ta’ dan l-aspett mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern.

70      Kif tfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE l-aspetti li ma jistgħux jinfirdu mis-suġġett ta’ għajnuna, jiġifieri dawk tant marbuta mas-suġġett tal-għajnuna b’mod li ma jkunux jistgħux jinfirdu minnu li ma jkunx possibbli li jiġu evalwati b’mod separat, b’tali mod li l-effett tagħhom fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà ta’ din l-għajnuna kollha kemm hi mas-suq intern għandu tabilfors jiġi evalwat fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

71      Mill-banda l-oħra, aspetti li, minkejja li jkunu jagħmlu parti mill-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, ma jkunux konkretament meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan tagħha jew sabiex tiffunzjona, ma jikkostitwixxux aspetti li ma jistgħux jinfirdu mis-suġġett ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi, 74/76, EU:C:1977:5, punt 14, u tat‑2 ta’ Mejju 2019, A‑Fonds, C‑598/17, EU:C:2019:352, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżuri—li għad li marbuta de facto, ikunu ġuridikament distinti—adottati mill-Istat Membru kkonċernat ma jikkostitwixxux aspetti li ma jistgħux jinfirdu minn miżura ta’ għajnuna (digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2023, CAPA et vs Il‑Kummissjoni, C‑742/21 P, EU:C:2023:1000, punt 93, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 39 tas-sentenza appellata, l-għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari jikkostitwixxi aspett li ma jistax jinfired mis-suġġett tal-miżura ta’ għajnuna li l-Ungerija nnotifikat lill-Kummissjoni, liema miżura ta’ għajnuna hija intiża li tiżviluppa dawn ir-reatturi bil-ħsieb li jiġu forniti mingħajr ħlas lill-kumpannija Paks II. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 6 sa 8 tas-sentenza appellata, l-aspett li jikkonsisti f’tali għoti kien indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan tal-għajnuna hekk iddefinit.

73      Skont dawn il-konstatazzjonijiet, il-Federazzjoni Russa ntrabtet li tagħti lill-Ungerija self sabiex tiffinanzja l-iżvilupp taż-żewġ reatturi nukleari ġodda tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks, li l-kostruzzjoni tagħhom kienet ser issir minn JSC NIAEP, li ntgħażlet mill-Federazzjoni Russa, peress li l-parti l-kbira tal-fondi neċessarji għal dan l-iżvilupp kellhom jinżammu mill-Bank għall-Iżvilupp u għall-Affarijiet Ekonomiċi Barranin tar-Russja u li dan tal-aħħar kellu jagħmel pagamenti affavur ta’ JSC NIAEP, fuq talba tal-kumpannija Paks II, għal kull stadju ta’ kostruzzjoni ta’ dawn ir-reatturi li jkun meqjus issodisfatt. B’hekk, dan is-self kien jikkonsisti f’linja ta’ kreditu li jdur ta’ EUR 10 biljun li l-użu tagħha kien limitat esklużivament għad-disinn, għall-kostruzzjoni ta’ dawn ir-reatturi ġodda u għall-attivazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, kien previst li l-ammont addizzjonali ta’ EUR 2.5 biljun mill-baġit tal-Ungerija stess, meħtieġ sabiex jiġi ffinanzjat l-imsemmi żvilupp, kellu wkoll jitħallas direttament lil JSC NIAEP fuq talba tal-kumpannija Paks II, f’dan il-każ mill-Aġenzija għall-Ġestjoni tad-Dejn Governattiv ta’ dan l-Istat Membru.

74      Issa, din il-formula ta’ finanzjament, speċifikament maħsuba sabiex jiġu żviluppati r-reatturi l-ġodda bil-ħsieb li jiġu forniti mingħajr ħlas lill-kumpannija Paks II u li kienet tipprevedi rilaxx gradwali tal-fondi affavur ta’ JSC NIAEP huma u jsiru x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda kkonċernati, tikkonferma li l-għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni ta’ dawn ir-reatturi lil din il-kumpannija tal-aħħar kien marbut mal-imsemmi forniment b’mod li ma jistax jinfired minnu.

75      Dan ifisser li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, eventwali ksur, minn dan l-aspett li ma jistax jinfired mill-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, ta’ dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, seta’ jkun ta’ ostakolu sabiex din il-miżura tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, fil-kuntest ta’ proċedura mmexxija skont l-Artikolu 108 TFUE.

76      Analiżi tal-konformità tal-għoti dirett tal-kuntratt għall-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda ma’ din il-leġiżlazzjoni hija iktar u iktar meħtieġa peress li l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, imparzjali u inkundizzjonata bil-ħsieb li jingħata kuntratt li jirrigwarda l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura tista’, kif ġustament issostni r-Repubblika tal-Awstrija, ikollha effett, b’mod partikolari, fuq l-ispiża tal-investiment meħtieġ għal din il-kostruzzjoni u fuq il-proprjetajiet ta’ din l-infrastruttura u, għaldaqstant, fuq il-portata tal-vantaġġ li jista’ jingħata lil impriża jew lil grupp ta’ impriżi b’dan il-mod (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punt 94; tas‑7 ta’ Marzu 2018, SNCF Mobilités vs Il‑Kummissjoni, C‑127/16 P, EU:C:2018:165, punt 140, kif ukoll tas‑17 ta’ Novembru 2022, Volotea u easyJet vs Il‑Kummissjoni, C‑331/20 P u C‑343/20 P, EU:C:2022:886, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Huwa minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tfittex, minn jeddha u fin-nuqqas ta’ kull indizju f’dan is-sens, l-informazzjoni kollha li jista’ jkollha rabta mal-kawża li jkollha quddiemha, anki jekk tali informazzjoni tkun tinsab fid-dominju pubbliku (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, Is‑Slovenja vs Il‑Kummissjoni, C‑447/22 P, EU:C:2024:678, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessi 279 sa 287 tad-Deċiżjoni kontenzjuża li għalihom jirreferi l-punt 25 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi kienet tqajmet minn diversi partijiet ikkonċernati matul il-proċedura li wasslet għad-Deċiżjoni kontenzjuża.

78      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li l-legalità tad-Deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tiddependi mill-osservanza mill-Ungerija tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi peress li, anki kieku l-użu ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti seta’ jbiddel l-ammont tal-għajnuna, dan il-fatt ma kellu fih innifsu ebda konsegwenza fuq il-vantaġġ li din l-għajnuna kellha għall-benefiċjarju tagħha, li kien jikkonsisti fil-forniment mingħajr ħlas ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda lill-kumpannija Paks II għat-tħaddim tagħhom. Tali konstatazzjoni hija fil-fatt inkompatibbli mal-fatt li l-aspett tal-għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni ta’ dawn ir-reatturi kien marbut ma’ dan il-forniment b’mod li ma setax jinfired minnu u kellu għalhekk jiġi inkluż fl-eżami tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq intern, fil-kuntest tal-proċedura mmexxija skont l-Artikolu 108 TFUE.

79      Fit-tieni lok, hija wkoll żbaljata l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 37 tas-sentenza appellata li “ksur tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi jipproduċi effetti biss fuq is-suq tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari u ma jistax ikollu konsegwenzi fuq is-suq kopert mill-għan [suġġett] tal-miżura ta’ għajnuna”. Fil-fatt, kundizzjoni bħal dik hekk ifformulata f’dan il-punt tas-sentenza appellata b’ebda mod ma tirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 ta’ din is-sentenza. Kif fakkret l-Avukata Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tevalwa jekk għajnuna prevista tkunx tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE li l-kundizzjonijiet tal-kummerċ ma jinbidlux b’mod li jmur kontra l-interess komuni, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti negattivi li din l-għajnuna jista’ jkollha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 101).

80      Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkun jista’ joħloq distorsjoni ta’ kompetizzjoni f’suq differenti, iżda, bħal fil-każ inkwistjoni, marbut ma’ dak li tkopri l-miżura ta’ għajnuna nnotifikata, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern. Dan jgħodd wkoll, f’dan il-każ, għal eventwali distorsjoni tal-kompetizzjoni li tkun setgħet irriżultat, fis-suq tal-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari, mill-għoti tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda fis-sit ta’ Paks bi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, peress li dan l-għoti kien jikkostitwixxi aspett li ma jistax jinfired mis-suġġett tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

81      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li, fid-dawl tal-konklużjoni fformulata prinċipalment mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, fis-sens li hija ma kinitx obbligata teżamina jekk l-għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda kienx konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi sa fejn qieset, minn naħa, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li s-suġġett tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni ma kienx jinkludi l-kostruzzjoni ta’ dawn iż-żewġ reatturi ġodda u, min-naħa l-oħra, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ġustament qieset li l-għoti tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni ta’ dawn iż-żewġ reatturi nukleari ġodda ma kienx jikkostitwixxi aspett ta’ din l-għajnuna li kellu rabta li ma tistax tinħall ma’ din tal-aħħar.

82      Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandhom jintlaqgħu.

83      Madankollu, għandha tiġi eżaminata wkoll it-tielet parti ta’ dan l-ewwel aggravju, li permezz tagħha r-Repubblika tal-Awstrija qiegħda tikkontesta l-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-konklużjoni fformulata mill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ kompletezza, li, essenzjalment, l-għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda ma kien iwassal, fi kwalunkwe każ, għal ebda ksur tad-Direttiva 2014/25.

2.      Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

a)      L-argumenti tal-partijiet

84      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, qiegħda tikkontesta l-punti 40 sa 50 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari l-punt 41 tagħha, li fih il-Qorti Ġenerali indikat, essenzjalment, li, anki li kellu jitqies li l-għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda seta’ jiġi kklassifikat bħala aspett li ma jistax jinfired mill-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni jew mis-suġġett ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni kienet ġustament qieset, fil-premessa 285 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li, għall-finijiet ta’ kompletezza, hija setgħet tirreferi għall-evalwazzjoni tagħha li tkun saret f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015. Ir-Repubblika tal-Awstrija tippreċiża li, kif jirriżulta mill-punt 40 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni rrilevat li, fi kwalunkwe każ, l-osservanza, mill-Ungerija, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi kienet ġiet evalwata fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li l-konklużjoni preliminari tagħha kienet li l-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva 2014/25 ma kinux japplikaw għall-għoti ta’ dan il-kuntratt ta’ kostruzzjoni abbażi tal-Artikolu 50(c) ta’ din id-direttiva.

85      Fil-fehma tar-Repubblika tal-Awstrija, sempliċi riferiment għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ma tkunx pubblika u li tkun ingħalqet, jiġifieri l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015, ma jikkostitwixxix motivazzjoni suffiċjenti, u dan iktar u iktar billi qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża kienu ġew ippreżentati lill-Kummissjoni osservazzjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-Qorti Ġenerali kellha titlob lill-Kummissjoni, wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tipprovdilha d-dokumenti rilevanti dwar il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015, li mingħajrhom hija ma setgħetx tistabbilixxi jekk kienx hemm ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

86      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 50(c)(ii) tad-Direttiva 2014/25 għandha tiġi interpretata b’mod strett. Issa, huwa probabbli li r-rekwiżiti tekniċi tal-proġett inkwistjoni, li jiffokaw fuq l-aspetti tas-sigurtà, kienu ġew limitati artifiċjalment għall-mudell ta’ kostruzzjoni Russu sabiex ikun jista’ jinkiseb finanzjament Russu.

87      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tas-sentenza appellata, ma kinitx hi li kellha turi li offerenti oħra setgħu jfornu ż-żewġ reatturi nukleari ġodda “taħt kundizzjonijiet aħjar jew bi prezz orħos”.

88      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li la l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata u lanqas dak ta’ ċertezza legali ma jipprekludu li proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tkun ingħalqet terġa’ f’xi waqt tinfetaħ. B’hekk, fil-fehma tagħha, li kieku l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet f’dan il-każ, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, li kien hemm ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, xejn ma kien iżommha milli tiftaħ proċedura ġdida għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Ungerija.

89      Il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li hija setgħet toqgħod fuq proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tkun ingħalqet. Mill-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jirriżulta li l-għoti dirett tal-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda għal raġunijiet tekniċi skont l-Artikolu 50(c) tad-Direttiva 2014/25 kien iġġustifikat “għall-partijiet essenzjali tal-proġett”. Il-Kummissjoni tenfasizza li, sabiex tasal għal soluzzjoni sodisfaċenti, l-Ungerija kienet ukoll uriet li kienet lesta taġixxi b’mod trasparenti “fir-rigward tal-biċċa l-kbira tal-partijiet l-oħra tal-proġett”. Dan l-impenn “ippermetta lill-Kummissjoni tagħlaq il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”. Barra minn hekk, li tiġi eżaminata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-għoti dirett tal-kostruzzjoni ta’ dawn iż-żewġ reatturi ġodda fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għad-Deċiżjoni kontenzjuża, u dan meta hija kienet diġà għamlet dan fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kien ta’ ħsara għall-użu effikaċi tar-riżorsi tal-Kummissjoni.

90      Fil-fehma tal-Kummissjoni, id-deċiżjoni tal-Ungerija f’dan il-qasam tikkostitwixxi “deċiżjoni strateġika sovrana tal-Istat Membru”, li hija ma kellha ebda dritt tikkontesta. Din id-deċiżjoni hija ġġustifikata wkoll mill-esperjenza li kien kiseb il-kostruttur ikkonċernat u, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 46 tas-sentenza appellata, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) u l-esperti tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Enerġija” tal-Kummissjoni kkonfermaw in-natura teknika speċifika tar-reattur VVER 1200 li bena dan il-kostruttur u li ntgħażel mill-Ungerija. Barra minn hekk, peress li kien hemm biss kontraent wieħed għall-partijiet essenzjali tal-proġett, kien iġġustifikat li l-kuntratt inkwistjoni jingħata kollu kemm hu lill-imsemmi kostruttur.

91      Il-Kummissjoni tallega li ma huwiex biżżejjed li r-Repubblika tal-Awstrija tirrileva ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, peress li, b’mod partikolari, f’dan il-każ, “evalwazzjoni tal-kuntratt kienet uriet li ebda fornitur ieħor ma kien disponibbli”. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma talbitx lir-Repubblika tal-Awstrija tipproduċi “prova impossibbli”, iżda sempliċement ikkonstatat, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, kien dan l-Istat Membru li kellu jipproduċi provi li juru li kienet teżisti soluzzjoni oħra għall-kostruzzjoni ta’ dawn iż-żewġ reatturi ġodda.

92      Barra minn hekk, il-provi li l-Kummissjoni kienet ipproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali li kienu jikkonċernaw il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015 (ara l-punt 34 ta’ din is-sentenza) urew b’mod ċar li l-għoti dirett tal-kostruzzjoni tal-imsemmija reatturi kien iġġustifikat għall-partijiet essenzjali tal-proġett inkwistjoni. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li kien imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li tittieħed, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, pożizzjoni li tmur kontra dik li ttieħdet mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015.

93      Fl-aħħar nett, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni affermat li, fi żmien l-għoti tal-kuntratt, fl‑2014, JSC NIAEP kienet l-uniku fornitur disponibbli tat-teknoloġija nukleari kkonċernata u li din it-teknoloġija kienet l-iktar waħda xierqa, jekk mhux saħansitra l-unika waħda, sabiex iseħħ il-proġett inkwistjoni. Hija spjegat li ebda teknoloġija oħra ma setgħet tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi marbuta mal-2 400 megawatt li jeħtieġ is-suq Ungeriż u li kien għal din ir-raġuni li ż-żewġ reatturi nukleari ġodda kellhom jitqiesu li jagħmlu parti mis-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel l-evalwazzjoni tagħha b’rabta mas-sitwazzjoni tas-suq tal-kostruzzjoni ta’ reatturi nukleari fl‑2017. F’dak iż-żmien, kienu biss ir-reatturi tal-imsemmija teknoloġija li kienu ġew adattati għas-sit ta’ Paks, imqar jekk biss għal raġunijiet ta’ sigurtà.

94      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija qiegħda tqajjem n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża, l-argument tagħha huwa inammissibbli, inkwantu dan l-Istat Membru tal-aħħar ma qajjimx tali argument quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tallega, fil-kontroreplika tagħha, li r-Repubblika tal-Awstrija lanqas ma ġġib l-argument li l-punti 40 et seq tas-sentenza appellata, relatati mal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015, huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li kull argument tar-Repubblika tal-Awstrija intiż li jikkontesta l-konstatazzjonijiet ta’ fatt li għamlet il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015 huwa inammissibbli.

95      Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Kummissjoni mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt id-Deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-osservanza, mill-Ungerija, tad-Direttiva 2014/25. Sa fejn il-motivi korrispondenti kienu ġew ifformulati “għalkollox għall-finijiet ta’ kompletezza”, il-Kummissjoni setgħet tadotta motivazzjoni limitata, mingħajr ma tikser l-Artikolu 296 TFUE, u dan filwaqt li tirrikonċilja r-rekwiżit ta’ motivazzjoni man-natura kunfidenzjali tal-elementi tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tkun ingħalqet. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, fid-dawl tas-sensittività tal-informazzjoni relatata ma’ din il-proċedura, ir-Repubblika tal-Awstrija ma setgħetx raġonevolment tistenna li din issir pubblika.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, talli għamlet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kienet immotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt il-konklużjoni tagħha fformulata għall-finijiet ta’ kompletezza fil-premessa 285 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. F’din il-premessa, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, li, anki li kellu jitqies li hija kienet obbligata teżamina l-kompatibbiltà tal-għoti dirett tal-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, ma kienx hemm ksur tad-Direttiva 2014/25, sa fejn dan l-għoti dirett kien jaqa’ fl-iskop tal-applikazzjoni tal-Artikolu 50(c) ta’ din tal-aħħar.

97      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija ġġib sensiela ta’ argumenti kontra l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ ksur tad-Direttiva 2014/25.

98      Fir-rigward tal-argumenti invokati b’mod partikolari mir-Repubblika Franċiża dwar l-ammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li ma nstab ebda nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel parti tal-għaxar motiv tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika tal-Awstrija kienet allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, mill-punt 41 tas-sentenza appellata jirriżulta mingħajr ambigwità li r-Repubblika tal-Awstrija kkontestat ukoll b’mod espliċitu quddiem il-Qorti Ġenerali l-fatt li, fil-premessa 285 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet irreferiet, għall-finijiet ta’ kompletezza, għall-evalwazzjoni li hija kienet għamlet fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015.

99      Fi kwalunkwe każ, nuqqas ta’ motivazzjoni, li jaqa’ fl-iskop ta’ ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li l-eżami tiegħu jista’ jsir f’kull stadju tal-proċedura, anki jekk il-parti li tinvokah tkun naqset milli tagħmel dan quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 48 sa 50, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 57).

100    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li ma nstab ebda nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża, imqajjem taħt it-tielet parti tal-ewwel aggravju, huwa ammissibbli.

101    Fir-rigward tal-fondatezza tal-argument miġjub taħt din it-tielet parti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tingħażel mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, liema kwistjoni tal-aħħar taqa’ fl-iskop tal-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż. Il-motivazzjoni li jeħtieġ dan l-artikolu għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ dan l-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet għall-miżura li tkun ittieħdet u l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tkunx tissodisfa r-rekwiżiti tal-imsemmi artikolu għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑465/20 P, EU:C:2024:724, punti 389, 391 u 392, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

102    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, essenzjalment, li l-konklużjoni fformulata għall-finijiet ta’ kompletezza fil-premessa 285 tad-Deċiżjoni kontenzjuża kienet immotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt billi fiha rriferiet għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015.

103    Għandu jitfakkar li, b’din il-premessa, il-Kummissjoni sempliċement iddikjarat li l-“konformità tal-Ungerija mad-Direttiva [2014/25] [kienet] ġiet ivvalutata fi proċedura separata mill-Kummissjoni fejn il-konklużjoni preliminari fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli [kienet] li l-proċeduri stabbiliti [f’din id-direttiva] [...] tkun inapplikabbli għall-inkarigar tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ żewġ reatturi fuq il-bażi tal-Artikolu 50(c) tagħha”.

104    Huwa minnu, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, li proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u proċedura mmexxija skont l-Artikolu 108 TFUE jistgħu jikkonkorru fil-każ fejn miżura statali tkun fl-istess ħin tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u f’dak ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat.

105    Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tiddetermina b’mod definittiv, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, id-drittijiet u l-obbligi ta’ Stat Membru jew li tagħtih garanziji dwar il-kompatibbiltà ta’ għemil partikolari mad-dritt tal-Unjoni, peress li, skont l-Artikolu 260(1) TFUE, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata li Stat Membru jkun naqas minn xi wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati. Għaldaqstant, l-għeluq mill-Kummissjoni ta’ proċedura għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru, li jikkostitwixxi l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali tagħha, liema setgħa l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tistħarreġ ġudizzjarjament, ma jistax ikun determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni jew tal-miżura nazzjonali li kienet is-suġġett ta’ din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Tecno*37, C‑242/23, EU:C:2024:831, punti 29, 32 u 33, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

106    B’hekk, f’dan il-każ, huwa minnu li xejn ma kien iżomm lill-Kummissjoni milli tirreferi, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015 u, b’mod partikolari, għall-konklużjonijiet li hija kienet ġibdet wara l-evalwazzjonijiet li saru f’din l-okkażjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, informazzjoni jew provi li setgħu waslu għandha wara l-għeluq ta’ din il-proċedura u qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

107    Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, sempliċi riferiment għal tali proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kif ukoll għad-dispożizzjoni li, fil-fehma tal-Kummissjoni, tapplika għal dan il-każ, mingħajr ebda indikazzjoni tal-fatturi konkreti l-oħra li din l-istituzzjoni ħadet inkunsiderazzjoni u tal-metodoloġija li permezz tagħha din tal-aħħar waslet għall-konklużjoni tagħha, ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE.

108    Issa, kif jirriżulta mill-punt 103 ta’ din is-sentenza, ir-raġunijiet imfissra mill-Kummissjoni fil-premessa 285 tad-Deċiżjoni kontenzjuża ma fihom ebda fattur li jista’ juri b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ din l-istituzzjoni li ppermettielha tagħmel il-konstatazzjoni li l-għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi l-ġodda fis-sit ta’ Paks kien konformi mad-Direttiva 2014/25.

109    Minn dan lanqas ma tista’ tiġi dedotta r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qagħdet fuq din id-direttiva fid-Deċiżjoni kontenzjuża, u dan meta, skont l-Artikolu 106(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 107 tal-imsemmija direttiva, it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar kien iffissat għat‑18 ta’ April 2016 u li kien biss b’effett minn din id-data li tħassret d-Direttiva 2004/17. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, mistoqsija f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet id-Direttiva 2004/17 li kienet tapplika ratione temporis għal dan il-każ.

110    Fi kwalunkwe każ, anki li kellu jitqies li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, mhux biss il-premessa 285 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, iżda wkoll il-premessa 372 tagħha, kif il-Kummissjoni proprju stednitha tagħmel (ara l-punt 34 ta’ din is-sentenza), għandu jiġi kkonstatat li din il-premessa tal-aħħar lanqas ma tipprovdi ġustifikazzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 108 u 109 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-premessa 372 tal-imsemmija deċiżjoni taqa’ taħt it-taqsima tagħha dwar l-effetti potenzjali tat-tħaddim parallel tar-reatturi nukleari eżistenti fis-sit ta’ Paks u taż-żewġ reatturi nukleari ġodda. Għalkemm jissemma li din hija l-ewwel darba li t-teknoloġija magħżula għall-kostruzzjoni ta’ dawn iż-żewġ reatturi nukleari ġodda kienet qiegħda tintuża fl-Ewropa, kif ukoll il-fatt li “l-parti teknikament mhux eżentata mill-proġett [kellha] tinkiseb skont ir-rekwiżiti fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti tal-Unjoni Ewropea”, din l-informazzjoni ssemmiet fil-kuntest tal-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet tal-Ungerija mingħajr ma ġew espliċitament ikkonfermati mill-Kummissjoni.

111    Barra minn hekk, fir-rigward tal-provi prodotti wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u li l-Qorti Ġenerali ħadithom inkunsiderazzjoni fil-punti 42 sa 46 tas-sentenza appellata, imsemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, kif ukoll dawk li l-Kummissjoni rreferiet għalihom waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-fatt li l-Kummissjoni pproduċiet, fil-mori tal-kawża, kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tali provi li, jekk ikun hemm bżonn, jistgħu jimmotivaw id-Deċiżjoni kontenzjuża ma jistax ipatti għall-insuffiċjenza tal-motivazzjoni inizjali ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, il-motivazzjoni ma tistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, tiġi spjegata għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, Il‑Kummissjoni vs Sopra Steria Benelux u Unisys Belgium, C‑101/22 P, EU:C:2023:396, punt 88, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, tali ċirkustanzi la jirriżultaw mis-sentenza appellata u lanqas mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja.

112    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, qieset li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament qagħdet, għall-finijiet ta’ kompletezza, fuq l-eżitu tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015.

113    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din il-kawża ma tistax tiġi pparagunata ma’ dawk li wasslu għas-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2023, Ryanair u Airport Marketing Services (C‑758/21 P, EU:C:2023:917), kif ukoll tat‑23 ta’ Jannar 2025, Neos vs Ryanair u Il‑Kummissjoni (C‑490/23 P, EU:C:2025:32).

114    Fil-fatt, huwa minnu li, fil-punt 97 tas-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Ryanair u Airport Marketing Services (C‑758/21 P, EU:C:2023:917), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, fil-kuntest ta’ proċedura mmexxija skont l-Artikolu 108 TFUE, il-Kummissjoni setgħet tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha mingħajr ma kien meħtieġ li twieġeb għall-argumenti tal-partijiet ikkonċernati li ma kinux l-Istat Membru kkonċernat, sa fejn kien jirriżulta—tal-inqas, b’mod impliċitu—mid-Deċiżjoni kontenzjuża fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza li l-Kummissjoni qieset li l-argument li kienu invokaw quddiemha dawn il-partijiet ma setax jintlaqa’. Madankollu, kif jista’ jiġi dedott mill-punti 92 u 93 tal-imsemmija sentenza, l-imsemmija partijiet kienu rċevew dokumenti mibgħuta mill-Kummissjoni li minnhom huma kellhom ikunu jistgħu jiddeduċu l-informazzjoni li huma kkritikaw lill-Kummissjoni li ma indikatx speċifikament f’din id-deċiżjoni.

115    Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li ma ġiex stabbilit li l-informazzjoni kollha tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tista’ tpatti għan-nuqqasijiet tal-premessa 285 tad-Deċiżjoni kontenzjuża f’dan ir-rigward kienet pubblika jew, tal-inqas, aċċessibbli għall-persuni kkonċernati li pparteċipaw fil-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

116    Din il-kawża lanqas ma tista’ tiġi pparagunata ma’ dik li wasslet għas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2025, Neos vs Ryanair u Il‑Kummissjoni (C‑490/23 P, EU:C:2025:32). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 35 u 51 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’din il-kawża tal-aħħar, applikat il-ġurisprudenza li tgħid li deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet għal miżura ta’ għajnuna skont l-Artikolu 108(3) TFUE, li tkun ittieħdet, barra minn hekk, fi żmien qasir, għandha tinkludi biss ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni tkun tqis li ma hemmx diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern. Fi kwalunkwe każ, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għal dan il-każ, peress li d-Deċiżjoni kontenzjuża ma tteħditx fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE.

117    Barra minn hekk, l-argument tar-Repubblika Franċiża mfisser fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, li permezz tiegħu dan l-Istat Membru essenzjalment jallega li l-Kummissjoni, meta tirreferi għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tkun ingħalqet, hija obbligata tosserva l-prinċipju ta’ kunfidenzjalità, liema obbligu jista’ jiġġustifika, f’dan ir-rigward, li motivazzjoni konċiża tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, għalkemm deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tista’, fid-dawl ta’ tali obbligu, tkun biżżejjed immotivata mingħajr ma jkun fiha l-informazzjoni kollha li fuqha jkun ibbażat ir-raġunament ta’ din l-istituzzjoni, hija għandha, madankollu, turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-imsemmija istituzzjoni, kif ukoll il-metodoloġija użata minnha, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet għad-deċiżjoni meħuda u l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tintlaqa’, sa fejn din tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tikkonstata nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

119    Minn dak kollu premess jirriżulta, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta qieset li, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni setgħet toqgħod fuq ir-raġunijiet imfissra prinċipalment minn din l-istituzzjoni, fis-sens li hija ma kinitx obbligata, f’dan il-każ, teżamina l-kompatibbiltà tal-għoti dirett tal-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kienet immotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt l-konklużjoni tagħha fformulata għall-finijiet ta’ kompletezza fil-premessa 285 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

120    Għalhekk, peress li l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra mqajma taħt dan l-ewwel aggravju u l-aggravji l-oħra tal-appell.

B.      Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

121    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi hija stess il-kawża b’mod definittiv, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

122    F’dan il-każ, il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni neċessarja sabiex tagħti deċiżjoni definittiva dwar ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika tal-Awstrija.

123    Fil-fatt, mill-punti 78 sa 81, 112, 118 u 119 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-Deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata, minn naħa, bi żball ta’ liġi fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li din l-istituzzjoni ma kinitx obbligata tivverifika, f’dan il-każ, jekk l-għoti dirett tas-suq tal-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda kienx konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u, min-naħa l-oħra, b’nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn l-imsemmija istituzzjoni qieset li hija setgħet, fi kwalunkwe każ, tagħmel sempliċi riferiment għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal‑2015 sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha fformulata għall-finijiet ta’ kompletezza li ma kienx hemm ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni kaġun ta’ dan l-għoti dirett.

124    Dan ifisser li għandu jintlaqa’, minn naħa, l-ewwel motiv tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat, essenzjalment, fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, jekk l-għoti dirett tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari ġodda kienx iwassal għal ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-konklużjoni tagħha fformulata f’dan ir-rigward għall-finijiet ta’ kompletezza u għandha tintlaqa’ wkoll, min-naħa l-oħra, l-ewwel parti tal-għaxar motiv ta’ dan ir-rikors, ibbażata fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296(2) TFUE, u, għaldaqstant, għandha tiġi annullata d-Deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra mqajma taħt dan l-għaxar motiv u l-motivi l-oħra tal-imsemmi rikors.

VII. Fuq l-ispejjeż

125    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

126    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplika għall-proċedura tal-appell, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kemm‑il darba dawn ikunu ntalbu.

127    F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet il-kawża u r-Repubblika tal-Awstrija talbet li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, il-Kummissjoni hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk ta’ dan l-Istat Membru relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

128    Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplika għall-proċedura ta’ appell, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fit-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

129    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, intervenjent fl-ewwel istanza jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat30 ta’ Novembru 2022, LAwstrija vs IlKummissjoni (T607/18, EU:T:2020:728), hija annullata.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2112 tas6 ta’ Marzu 2017 dwar il-miżura/l-iskema ta’ għajnuna/l-għajnuna mill-Istat SA.38454 - 2015/C (ex 2015/N) li l-Ungerija qed tippjana li timplimenta biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda fl-impjant tal-enerġija nukleari Paks II hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika tal-Awstrija kemm fil-proċedura fl-ewwel istanza, kif ukoll fil-proċedura tal-appell.

4)      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

5)      Ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top