EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0028

Kawża T-28/22: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Jannar 2022 – Ryanair vs Il-Kummissjoni

ĠU C 109, 7.3.2022, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 109, 7.3.2022, p. 16–16 (GA)

7.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 109/31


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Jannar 2022 – Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-28/22)

(2022/C 109/41)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ryanair DAC (Swords, l-Irlanda) (rappreżentanti: E. Vahida, S. Rating u G.-I. Metaxas-Maranghidis, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tas-26 ta’ Lulju 2021 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.63203 (2021/N) – Il-Ġermanja – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal Condor; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi.

1.

L-ewwel motiv: il-konvenuta wettqet żball ta’ liġi u l-għajnuna mill-Istat ikkontestata ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni (1) għaliex Condor Flugdienst GmbH (iktar ’il quddiem “Condor”) qiegħda tiġi akkwistata minn grupp ta’ negozju ikbar u d-diffikultajiet tagħha ma humiex intrinsiki iżda huma r-riżultat ta’ allokazzjoni arbitrarja tal-ispejjeż.

2.

It-tieni motiv: il-konvenuta naqset milli tistabbilixxi falliment tas-suq jew tbatija soċjali.

3.

It-tielet motiv: il-konvenuta naqset milli tagħmel paragun ma’ xenarju alternattiv kredibbli li ma jinvolvix għajnuna mill-Istat u ma stabbilixxietx li Condor eżawrixxiet il-possibbiltajiet kollha disponibbli fis-suq.

4.

Ir-raba’ motiv: id-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni huwa realistiku, konsistenti u estensiv u kapaċi jistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà fit-tul ta’ Condor mingħajr ma jkollha bżonn ta’ iktar għajnuna mill-Istat f’perijodu raġonevoli.

5.

Il-ħames motiv: id-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix in-natura adegwata tal-għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-ħsara kkawżata mill-kriżi tal-COVID-19.

6.

Is-sitt motiv: id-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix in-natura proporzjonata tal-għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-ħsara kkawżata mill-kriżi tal-COVID-19.

7.

Is-seba’ motiv: id-deċiżjoni kkontestata ma tevalwax b’mod adegwat l-effetti negattivi tal-għajnuna mill-Istat.

8.

It-tmien motiv: id-deċiżjoni kkontestata tikser dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat FUE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li servew bħala bażi għal-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni sa mill-aħħar tas-snin 1980 (jiġifieri, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi – applikata għat-trasport bl-ajru permezz tar-Regolament Nru 1008/2008 (2) – u l-libertà ta’ stabbiliment).

9.

Id-disa’ motiv: il-konvenuta naqset milli tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja li ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji u kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti.

10.

L-għaxar motiv: il-konvenut kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.


(1)  Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU 2014, C 249, p. 1).

(2)  Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3).


Top