This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0348
Judgment of the Court (Third Chamber) of 20 April 2023.#Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato v Comune di Ginosa.#Request for a preliminary ruling from the Tribunale Amministrativo Regionale per la Puglia.#Reference for a preliminary ruling – Services in the internal market – Directive 2006/123/EC – Assessment of validity – Legal basis – Articles 47, 55 and 94 EC – Interpretation – Article 12(1) and (2) of that directive – Direct effect – Unconditional and sufficiently precise nature of the obligation for Member States to apply an impartial and transparent selection procedure to potential candidates and of the prohibition on automatic renewal of an authorisation granted for a given activity – National legislation providing for the automatic extension of concessions for the occupation of State-owned maritime property.#Case C-348/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-20 ta’ April 2023.
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato vs Comune di Ginosa.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Puglia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Evalwazzjoni tal-validità – Bażi legali – Artikolu 47, Artikolu 55 u Artikolu 94 KE – Interpretazzjoni – Artikolu 12(1) u (2) ta’ din id-direttiva – Effett dirett – Natura inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża tal-obbligu, għall-Istati Membri, li japplikaw proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti bejn il-kandidati potenzjali, kif ukoll il-projbizzjoni tat-tiġdid awtomatiku ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għal attività partikolari – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-estensjoni awtomatika ta’ konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni tal-proprjetà pubblika marittima.
Kawża C-348/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-20 ta’ April 2023.
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato vs Comune di Ginosa.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Puglia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Evalwazzjoni tal-validità – Bażi legali – Artikolu 47, Artikolu 55 u Artikolu 94 KE – Interpretazzjoni – Artikolu 12(1) u (2) ta’ din id-direttiva – Effett dirett – Natura inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża tal-obbligu, għall-Istati Membri, li japplikaw proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti bejn il-kandidati potenzjali, kif ukoll il-projbizzjoni tat-tiġdid awtomatiku ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għal attività partikolari – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-estensjoni awtomatika ta’ konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni tal-proprjetà pubblika marittima.
Kawża C-348/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:301
*A9* Tribunale Amministrativo Regionale per la Puglia, ordinanza del 11/05/2022 (00599/2021)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
20 ta’ April 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Evalwazzjoni tal-validità – Bażi legali – Artikolu 47, Artikolu 55 u Artikolu 94 KE – Interpretazzjoni – Artikolu 12(1) u (2) ta’ din id-direttiva – Effett dirett – Natura inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża tal-obbligu, għall-Istati Membri, li japplikaw proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti bejn il-kandidati potenzjali, kif ukoll il-projbizzjoni tat-tiġdid awtomatiku ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għal attività partikolari – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-estensjoni awtomatika ta’ konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni tal-proprjetà pubblika marittima”
Fil-Kawża C‑348/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Puglia, L-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato
vs
Comune di Ginosa,
fil-preżenza ta’:
L’Angolino Soc. coop.,
Lido Orsa Minore di AB,
La Capannina Srl,
Sud Platinum Srl,
Lido Zanzibar Srl,
Poseidone Srl,
LG Srls,
Lido Franco di GH & C. Snc,
Lido Centrale Piccola Soc. Coop. arl,
Bagno Cesena Srls,
E.T. Edilizia e Turismo Srl,
Bluserena SpA,
Associazione Pro loco “Luigi Strada”,
M2g Raw Materials SpA,
JF,
D.M.D. Snc di CD & C. Snc,
Ro.Mat., di MN & Co Snc,
Perla dello Jonio Srl,
Ditta Individuale EF,
Associazione Dopolavoro Ferroviario Sez. Marina di Ginosa,
Al Capricio Bis di RS,
LB,
Sib Sindacato Italiano Balneari,
Federazione Imprese Demaniali,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato u għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Palmieri, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Comune di Ginosa, minn G. Misserini, avvocato, |
– |
għal Sud Platinum Srl, Lido Zanzibar Srl, Poseidone Srl, Lg Srls u E.T. Edilizia e Turismo Srl, minn I. Loiodice, N. Maellaro u F. Mazzella, avvocati, |
– |
għal Sib Sindacato Italiano Balneari, minn A. Capacchione, S. Frandi u B. Ravenna, avvocati, |
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine u H. Leppo, bħala aġenti, |
– |
għall-Parlament Ewropew, minn M. Menegatti u L. Stefani, bħala aġenti, |
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn A.‑L. Meyer u S. Scarpa Ferraglio, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, V. Di Bucci, L. Malferrari u M. Mataija, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw il-validità tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva u tal-Artikolu 49 u l-Artikolu 115 TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità li Tiggarantixxi l-Kompetizzjoni u s-Suq, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGKS”) u l-comune di Ginosa (il-Komun ta’ Ginosa, l-Italja) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jestendi, fit-territorju tiegħu, il-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni tal-proprjetà pubblika marittima sal‑31 ta’ Diċembru 2033. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑dritt primarju
3 |
L-Artikolu 47 KE kien jinsab fil-Kapitolu 2 tat-Titolu III tat-Trattat KE, intitolat “d-dritt ta’ stabbiliment”, u kien ifformulat kif ġej, fil-paragrafu 2 tiegħu: “[Sabiex jiġi ffaċilitat il-bidu u t-twettiq tal-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha], il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], għandu, billi jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, joħroġ direttivi għall-koordinazzjoni tad-disposizzjonijiet kif stabbiliti bil-liġi, bir-regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri għar-rigward ta’ kif wieħed jibda’ jew jeżerċita attivitajiet bħala persuna impjegata għal rasha. Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament matul il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, għandu jiddeċiedi dwar direttivi li l-implementazzjoni tagħhom f’ mill-anqas Stat Membru wieħed, twassal għal emenda tal-prinċipji eżistenti kif stabbiliti mil-liġi li tiggverna l-professjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam ma taħriġ u kondizzjonijiet ta’ aċċess għal persuni naturali. Fil-każi l-oħra l-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.” |
4 |
L-Artikolu 55 KE kien jinsab fil-Kapitolu 3 tat-Titolu III tat-Trattat KE, intitolat “Is-servizzi”, u kien ifformulat kif ġej: “Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 45 sa 48, inklużi, għandhom japplikaw għal ħwejjeġ regolati b’ dan il-Kapitolu.” |
5 |
L-Artikolu 94 KE, li għalih jikkorrispondi, essenzjalment, l-Artikolu 115 TFUE, kien jipprovdi: “Il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament, fuq proposta tal-Kummissjoni [Ewropea], u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, joħroġ direttivi għall-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li direttament jaffettwaw l-istabbiliment jew l-operazzjoni tas-suq komuni.” |
Id-Direttiva 2006/123
6 |
Il-premessi 1, 5, 12, 64 u 116 tad-Direttiva 2006/123 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
7 |
Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva: “Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.” |
8 |
L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għażla minn fost diversi kandidati”, huwa fformulat kif ġej: “1. Fejn in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari hu limitat minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi naturali disponibbli jew kapaċità teknika, l-Istati Membri għandhom japplikaw proċedura ta’ għażla għal kandidati potenzjali li tipprovdi garanziji sħaħ ta’ imparzjalità u trasparenza, inkluż, b’mod partikolari, reklamar adegwat dwar it-tnedija, il-kondotta u t-tlestija tal-proċedura. 2. Fil-każijiet msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perjodu limitat xieraq u ma tistax tkun miftuħa għal tiġdid awtomatiku, lanqas tipprovdi kwalunkwe vantaġġ ieħor lill-fornitur li l-awtorizzazzjoni tiegħu għada kemm skadiet jew kwalunkwe persuna oħra li għandha rabtiet partikolari ma’ dak il-fornitur. 3. Soġġett għall-paragrafu 1 u għall-Artikoli 9 u 10, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont, fl-istabbiliment tar-regoli għall-proċedura ta’ l-għażla, konsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika, objettivi ta’ politika soċjali, is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, il-ħarsien ta’ l-ambjent, il-protezzjoni tal-wirt kulturali u raġunijiet aktar importanti oħrajn li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku, skond il-liġi Komunitarja.” |
9 |
L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza, tiegħu: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it‑28 ta’ Diċembru 2009.” |
Id‑dritt Taljan
Il‑Kodiċi tan‑Navigazzjoni
10 |
L-Artikolu 37 tal-Codice della Navigazione (il-Kodiċi tan-Navigazzjoni), approvat bir-regio decreto n. 327 (id-Digriet Irjali Nru 327), tat‑30 ta’ Marzu 1942 (GURI Nru 93, tat‑18 ta’ April 1942), kien jipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati biss fil-każ li jiġu ppreżentati diversi applikazzjonijiet għall-għoti ta’ konċessjoni għall-istess proprjetà pubblika. Madankollu, mit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 37 kien jirriżulta li kellha tingħata preferenza lid-detentur tal-konċessjoni, li għalhekk kien jibbenefika minn dritt “ta’ kontinwazzjoni” jew “għat-tiġdid”. |
Id‑Digriet-Liġi Nru 194/2009
11 |
L-Artikolu 1(18) tad-decreto-legge n. 194 – Proroga di termini previsti da disposizioni legislative (id-Digriet-Liġi Nru 194, li Jestendi t-Termini Previsti minn Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi), tat‑30 ta’ Diċembru 2009 (GURI Nru 302, tat‑30 ta’ Diċembru 2009), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-legge n. 25 (il-Liġi Nru 25), tas‑26 ta’ Frar 2010, (suppliment ordinarju Nru 39 għall-GURI Nru 48, tas‑27 ta’ Frar 2010) (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 194/2009”), kien jipprevedi estensjoni tat-tul tal-konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika marittima għal finijiet turistiċi u rikreattivi eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet-Liġi sal‑31 ta’ Diċembru 2015. Din l-estensjoni ġiet sussegwentement estiża sal‑31 ta’ Diċembru 2020 mill-Artikolu 34 duodecies tad-decreto-legge n. 179 – Ulteriori misure urgenti per la crescita del Paese (id-Digriet-Liġi Nru 179, li Jistabbilixxi Miżuri Oħra Urġenti għat-Tkabbir tal-Pajjiż) tat‑18 ta’ Ottubru 2012 (suppliment ordinarju Nru 194 għall-GURI Nru 245 tad‑19 ta’ Ottubru 2012) ikkonvertit f’liġi, permezz tal-legge n. 221 (il-Liġi Nru 221), tas‑17 ta’ Diċembru 2012 (suppliment ordinarju Nru 208 għall-GURI Nru 294 tat‑18 ta’ Diċembru 2012). Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, l-Artikolu 1(18) tad-Digriet-Liġi Nru 194/2009 jipprevedi b’mod partikolari: “[…] matul il-proċedura ta’ reviżjoni tal-kuntest ġuridiku fil-qasam tal-għoti tal-konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika marittima, tal-lagi u tax-xmajjar għal finijiet turistiċi-rikreattivi, […] kif ukoll bl-intenzjoni li tiġi abbandunata l-iskema tad-dritt ta’ preferenza prevista fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 37 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, it-tul tal-konċessjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet […] u li ser jiskadu mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2018, huwa estiż sal‑31 ta’ Diċembru 2020 […]” |
Id‑Digriet Leġiżlattiv Nru 59 tas‑26 ta’ Marzu 2010
12 |
Id-decreto legislativo n. 59 – Attuazione della direttiva 2006/123/CE relativa ai servizi nel mercato interno (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 59, li jimplimenta d-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern), tas‑26 ta’ Marzu 2010 (suppliment ordinarju Nru 75 għall-GURI Nru 94, tat‑23 ta’ April 2010), li jimplimenta d-Direttiva 2006/123 fl-ordinament ġuridiku Taljan jipprovdi, fl-Artikolu 16 tiegħu: “1. Fil-każijiet li fihom in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività ta’ servizzi partikolari huwa limitat minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi naturali jew tal-kapaċitajiet tekniċi disponibbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw proċedura ta’ selezzjoni bejn il-kandidati potenzjali u jiżguraw li l-kriterji u l-modalitajiet intiżi li tiġi żgurata l-imparzjalità tal-proċedura, li magħhom l-awtoritajiet għandhom jikkonformaw ruħhom, huma stabbiliti minn qabel u ppubblikati skont il-forom meħtieġa mil-leġiżlazzjoni applikabbli għalihom. […] 4 Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perijodu limitat u ma tistax tkun miftuħa għal tiġdid awtomatiku, u lanqas ma għandha tipprovdi kwalunkwe vantaġġ ieħor lill-fornitur li l-awtorizzazzjoni tiegħu għada kemm skadiet jew għal kwalunkwe persuna oħra, minkejja li dan ikun iġġustifikat minn rabtiet partikolari mal-imsemmi fornitur. […]” |
Il‑Liġi Nru 145/2018
13 |
L-Artikolu 1(675) sa (680) tal-Liġi Nru 145 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2019 e bilancio pluriennale per il triennio 2019‑2021 (il-Liġi Nru 145, dwar l-Estimi tal-Baġit tal-Istat għas-Sena Finanzjarja 2019 u l-Baġit Multiannwali għall-Perijodu 2019–2021), tat‑30 ta’ Diċembru 2018 (suppliment ordinarju Nru 62 għall-GURI Nru 302, tal‑31 ta’ Diċembru 2018, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 145/2018”), impona fuq l-amministrazzjonijiet kompetenti l-obbligu li jwettqu, f’terminu ta’ sentejn, sensiela ta’ kompiti preliminari, neċessarji għat-tfassil tar-riforma tal-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni tal-proprjetà pubblika marittima, bħall-kartografija tal-kosta, l-identifikazzjoni tal-konċessjonijiet fis-seħħ u tad-differenti ta’ strutturi pubbliċi eżistenti kif ukoll l-identifikazzjoni tal-investimenti mwettqa, it-termini għall-irkupru tal-ispejjeż, royalties u t-tul tal-konċessjonijiet. |
14 |
Dan l-Artikolu 1(682) u (683) jipprevedi: “682. Il-konċessjonijiet […] li jkunu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, għandhom tul ta’ ħmistax-il sena li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi […] 683. Sabiex jiġu ggarantiti l-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-kosti Taljani mogħtija b’konċessjoni, bħala riżorsi turistiċi fundamentali tal-pajjiż, u sabiex jiġu protetti l-impjieg u d-dħul tal-impriżi li għaddejjin minn kriżi minħabba danni kkawżati mit-tibdil fil-klima u mid-diżastri straordinarji li rriżultaw minn dan, il-konċessjonijiet imsemmija fil-paragrafu 682, li kienu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-[Digriet-Liġi Nru 194/2009], kif ukoll il-konċessjonijiet mogħtija wara din id-data […] għandhom terminu ta’ ħmistax-il sena li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi […]” |
Id‑Digriet-Liġi Nru 34 tad‑19 ta’ Mejju 2020
15 |
L-Artikolu 182(2) tad-decreto-legge n. 34 – Misure urgenti in materia di salute, sostegno al lavoro e all’economia, nonche’ di politiche sociali connesse all’emergenza epidemiologica da COVID‑19 (id-Digriet-Liġi Nru 34, li Jistabbilixxi Miżuri Urġenti fil-Qasam tas-Saħħa, Insostenn tax-Xogħol u tal-Ekonomija kif ukoll Politiki Soċjali Sussegwenti għas-Sitwazzjoni Epidemjoloġika Marbuta mal-COVID‑19), tad‑19 ta’ Mejju 2020 (suppliment ordinarju Nru 21 għall-GURI Nru 128 tad‑19 ta’ Mejju 2020) ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-legge n. 77 (il-Liġi Nru 77) tas‑17 ta’ Lulju 2020 (suppliment ordinarju Nru 25 għall-GURI Nru 180 tat‑18 ta’ Lulju 2020) jipprovdi: “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(682) et seq. tal-[Liġi Nru 145/2018] fir-rigward tal-konċessjonarji, għall-bżonnijiet ta’ rkupru tas-settur turistiku u sabiex jiġu limitati d-danni, diretti u indiretti, ikkawżati mill-urġenza epidemjoloġika marbuta mal-COVID‑19, l-amministrazzjonijiet kompetenti ma jistgħux jimplimentaw jew ikomplu japplikaw, fir-rigward tal-konċessjonarji li jixtiequ jkomplu bl-attività tagħhom bl-użu tal-proprjetà marittima, tal-lagi u tax-xmajjar, il-proċeduri amministrattivi għat-trasferiment ta’ xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew, imsemmija fl-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, għall-għoti jew għall-konċessjoni, permezz ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti pubbliċi, taż-żoni li huma s-suġġett ta’ konċessjonijiet fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi ta’ konverżjoni ta’ dan id-digriet. […]” |
Il‑Liġi Nru 118/2022
16 |
Il-legge n. 118 – Legge annuale per il mercato e la concorrenza (il-Liġi Annwali Nru 118, għas-Suq u l-Kompetizzjoni), tal‑5 ta’ Awwissu 2022 (GURI Nru 188, tat‑12 ta’ Awwissu 2022) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 118/2022”), tipprovdi fl-Artikolu 3 tagħha: “1. Ikomplu jipproduċu l-effetti tagħhom sal‑31 ta’ Diċembru 2023 jew sat-terminu indikat fil-paragrafu 3, jekk dan ikun sussegwenti, jekk huma jkunu jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi fuq il-bażi ta’ estensjonijiet jew ta’ tiġdid previsti wkoll skont il-[Liġi Nru 145/2018] u d-decreto-legge n. 104 [(Digriet-Liġi Nru 104)], tal‑14 ta’ Awwissu 2020, [(suppliment ordinarju Nru 30 għall-GURI Nru 203 tal‑14 ta’ Awwissu 2020)], ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-legge n. 126 [(il-Liġi Nru 126)], tat‑13 ta’ Ottubru 2020 [(suppliment ordinarju Nru 37 għall-GURI Nru 253, tat‑13 ta’ Ottubru 2020)]:
[…] 3. Jekk ikunu jeżistu raġunijiet oġġettivi li jipprekludu l-għeluq tal-proċedura ta’ selezzjoni qabel il‑31 ta’ Diċembru 2023, b’rabta, pereżempju, mal-eżistenza ta’ tilwima pendenti jew ma’ diffikultajiet oġġettivi marbuta mat-twettiq tal-proċedura nnifisha, l-awtorità kompetenti tista’, permezz ta’ att motivat, tipposponi t-terminu tal-iskadenza tal-konċessjonijiet eżistenti matul il-perijodu strettament neċessarju għall-għeluq tal-proċedura u, fi kwalunkwe każ, mhux lil hinn mill‑31 ta’ Diċembru 2024. Sa din id-data, l-okkupazzjoni taż-żona pubblika mill-konċessjonarju li l-awtorizzazzjoni tiegħu għada kemm skadiet hija, fi kwalunkwe każ, leġittima wkoll fid-dawl tal-Artikolu 1161 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni. […] 5. Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, għandhom jiġu rrevokati:
[…]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
17 |
Il-Komun ta’ Ginosa, permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Diċembru 2020, irrettifikata b’deċiżjoni sussegwenti tas‑17 ta’ Frar 2021 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjoni kontenzjuża”), b’mod partikolari adotta komunikazzjoni preliminari ta’ rikonoxximent li kienet intiża sabiex tinforma lid-detenturi kollha ta’ konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dan il-Komun li dawn il-konċessjonijiet kienu ser jiġu estiżi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(682) u (683) tal-Liġi Nru 145/2018 u tal-Artikolu 182 tad-Digriet-Liġi Nru 34 tad‑19 ta’ Mejju 2020, ikkonvertit f’liġi, b’emendi, bil-Liġi Nru 77, tas‑17 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“dispożizzjonijiet nazzjonali li jestendu l-konċessjonijiet b’mod awtomatiku ”). |
18 |
Peress li qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tmur kontra l-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123, l-AGKS ikkomunikat lill-imsemmi Komun opinjoni motivata, li permezz tagħha hija fakkritu bir-rekwiżit ta’ proċedura preliminari ta’ kuntratt pubbliku sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni u ta’ libertà ta’ stabbiliment. Din l-awtorità rrilevat b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jestendu awtomatikament il-konċessjonijiet kienu jmorru kontra din id-direttiva, b’tali mod li l-organi kollha tal-Istat kellhom iħalluhom mhux applikati. |
19 |
Peress li l-Komun ta’ Ginosa rrifjuta li jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni, l-AGKS adixxiet lit-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Puglia, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u tad-dikjarazzjonijiet jew ċertifikati ta’ estensjoni kollha maħruġa sussegwentement. |
20 |
Peress li l-Komun ta’ Ginosa u l-partijiet l-oħra fil-kawża prinċipali jallegaw li billi d-Direttiva 2006/123 ma hijiex “awtoeżekutorja”, għandha tiġi applikata l-Liġi Nru 145/2018 sabiex jiġi ppreżervat il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet essenzjali għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li jirrigwardaw l-iskarsezza tar-riżorsi naturali inkwistjoni u, konsegwentement, in-numru limitat ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli, ma humiex issodisfatti fit-territorju kostali ta’ dan il-komun, peress li diversi żoni oħra huma disponibbli minbarra dawk diġà konċessi. L-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert lanqas ma ġiet ipprovata. |
21 |
Barra minn hekk, ir-rifjut iġġeneralizzat li jiġu estiżi l-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni tal-proprjetà pubblika marittima li jimplika s-sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jikser manifestament id-dritt ta’ proprjetà tal-avvjament kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ kumpens għall-investimenti mwettqa u tal-avvjament. Dan ir-rifjut lanqas ma jippermetti li jiġu evalwati każ b’każ il-perijodi ta’ rkupru tal-investimenti mwettqa jew ukoll is-sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom xogħlijiet ta’ bini bil-ġebel debitament awtorizzati twettqu fuq il-proprjetà pubblika. |
22 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, fir-rigward ta’ dawn id-diversi aspetti, li, oriġinarjament, huwa biss fil-każ fejn diversi talbiet għall-għoti ta’ konċessjoni kienu jirrigwardaw l-istess proprjetà pubblika li l-Artikolu 37 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni kien jimponi li tiġi organizzata proċedura ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati għall-għoti ta’ din il-konċessjoni. Madankollu, f’każ bħal dan, skont it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, id-detentur tal-imsemmija konċessjoni kien jibbenefika minn dritt ta’ kontinwazzjoni jew ta’ tiġdid. Matul is-sena 1993, it-tiġdid awtomatiku tal-konċessjonijiet eżistenti kull sitt snin ġie stabbilit u, matul is-sena 2006, it-tul massimu ta’ konċessjoni pubblika ġie stabbilit għal għoxrin sena. |
23 |
Wara l-ftuħ, mill-Kummissjoni, tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu Nru 2008/4908, ir-Repubblika Taljana adottat id-Digriet-Liġi Nru 194/2009, li l-Artikolu 1(18) tiegħu ħassar it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 37 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni u estenda l-konċessjonijiet eżistenti sal‑31 ta’ Diċembru 2012. Sussegwentement, dan it-terminu ġie pospost sal‑31 ta’ Diċembru 2015 permezz ta’ liġi tas‑26 ta’ Frar 2010. |
24 |
Fid-dawl ta’ dawn l-emendi u tal-impenn tal-awtoritajiet Taljani li jikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet, fis‑27 ta’ Frar 2012, li tagħlaq din il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
25 |
Minkejja dan, fi tmiem is-sena 2012, il-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima ġew estiżi b’ħames snin, jiġifieri sal‑31 ta’ Diċembru 2020. Barra minn hekk, mal-approċċ ta’ din l-iskadenza u minħabba li d-dritt Taljan ma kienx konformi mad-Direttiva 2006/123, l-Artikolu 1(682) u (683) tal-Liġi Nru 145/2018 estenda, għal darb’ oħra, il-konċessjonijiet fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 2033. |
26 |
Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, din l-aħħar estensjoni tal-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima tikkostitwixxi ksur manifest tad-Direttiva 2006/123 u, fi kwalunkwe każ, tal-Artikolu 49 TFUE. F’dan il-kuntest, ċerti komuni applikaw il-Liġi Nru 145/2018 u approvaw estensjonijiet sal‑31 ta’ Diċembru 2033, filwaqt li oħrajn irrifjutaw li jagħmlu dan, mingħajr madankollu ma applikaw id-dritt tal-Unjoni. Oħrajn, wara li approvaw din l-estensjoni, ordnaw l-annullament tagħha fil-kuntest tas-setgħa tagħhom ta’ awtosuperviżjoni. Fl-aħħar nett, ċerti komuni jippreferu jastjenu milli jwieġbu għat-talbiet għall-estensjoni tal-konċessjonijiet li jitressqu quddiemhom. Sitwazzjoni bħal din toħloq inċertezza legali u għandha impatt negattiv fuq l-ekonomija tas-settur kollu inkwistjoni. |
27 |
Il-qorti tar-rinviju tiddeduċi mis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558), li, fl-assenza ta’ kwalunkwe proċedura ta’ selezzjoni bejn il-kandidati potenzjali, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jestendu l-konċessjonijiet b’mod awtomatiku huma inkompatibbli kemm mal-Artikolu 12(1) u (2) ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-Artikolu 49 TFUE, sakemm, f’dan l-aħħar każ, dawn il-konċessjonijiet ikunu ta’ interess transkonfinali ċert. Madankollu, l-Artikolu 12 tal-istess direttiva ma jistax jipproduċi effett ta’ esklużjoni tar-regoli nazzjonali kuntrarji, peress li dan l-Artikolu 12(3) iħalli espressament lill-Istati Membri l-kompitu li jistabbilixxu r-regoli tal-proċedura ta’ selezzjoni. |
28 |
Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-qorti tar-rinviju ma taqbilx mal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li, permezz ta’ żewġ sentenzi Nru 17 u Nru 18 tad‑9 ta’ Novembru 2021, mogħtija f’seduta plenarja, qieset li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet espressament irrikonoxxiet, fis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558), in-natura ta’ awtosuperviżjoni tal-imsemmi Artikolu 12. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ dawn iż-żewġ sentenzi, mogħtija mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), ma hijiex koerenti mar-rikonoxximent ta’ effett dirett tad-Direttiva 2006/123. Għalkemm din is-soluzzjoni probabbilment hija intiża sabiex tippermetti lil-leġiżlatur Taljan jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implimentazzjoni konkreta ta’ din id-direttiva, din ikollha bħala konsegwenza estensjoni awtomatika u ġġeneralizzata ġdida tad-data ta’ skadenza tal-konċessjonijiet pubbliċi eżistenti mill‑31 ta’ Diċembru 2020 sal‑31 ta’ Diċembru 2023. |
29 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju lanqas ma taqbel mal-għażla tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) li jikklassifika d-Direttiva 2006/123 bħala direttiva ta’ liberalizzazzjoni u mhux ta’ armonizzazzjoni u tqis għalhekk li, skont l-Artikolu 115 TFUE, din id-direttiva kellha tiġi adottata b’unanimità u mhux bil-maġġoranza tal-voti tal-Kunsill. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Puglia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
31 |
L-AGKS u l-Gvern Taljan esprimew id-dubji tagħhom dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fehma tagħhom, id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja saru ipotetiċi wara t-tħassir, permezz tal-Liġi Nru 118/2022, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jestendu l-konċessjonijiet b’mod awtomatiku. |
32 |
F’dan ir-rigward, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari dawk tal-Liġi Nru 145/2018, effettivament tħassru bil-Liġi Nru 118/2022, xorta jibqa’ l-fatt li, meta l-Komun ta’ Ginosa adotta d-deċiżjoni kontenzjuża, l-imsemmija dispożizzjonijiet kienu fis-seħħ u li din id-deċiżjoni tal-aħħar ittieħdet fuq il-bażi tagħhom. Barra minn hekk, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li t-tħassir tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jestendu l-konċessjonijiet b’mod awtomatiku ċaħħad l-imsemmija deċiżjoni mill-effetti tagħha. |
33 |
Minn dan isegwi li t-tħassir tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jestendu l-konċessjonijiet b’mod awtomatiku ma jistax jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari li l-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 43). Fil-fatt, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma hijiex relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Admiral Gaming Network et, C‑475/20 sa C‑482/20, EU:C:2022:714, punt 26). |
34 |
Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
35 |
Għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, is-sitt u s-seba’ domanda, kif ukoll l-ewwel parti tat-tmien domanda sa fejn dawn jirrigwardaw l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 għall-kawża prinċipali, imbagħad, fit-tieni lok, l-ewwel domanda, li tqiegħed inkwistjoni l-validità ta’ din id-direttiva, u, fit-tielet lok, it-tieni sal-ħames domanda, it-tieni parti tat-tmien domanda, kif ukoll id-disa’ domanda, li permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva għandux effett dirett. |
Fuq l‑interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/123
Kunsiderazzjonijiet preliminari
36 |
Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, kull miżura nazzjonali adottata f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti jew kompleta fuq il-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, iżda fid-dawl ta’ dawk ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni (sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, C‑37/92, EU:C:1993:836, punt 9; tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 64, kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et, C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 59). |
37 |
Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 61 tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558), l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123 iwettqu armonizzazzjoni eżawrjenti tas-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt u s-seba’ domanda preliminari, kif ukoll l-ewwel parti tat-tmien domanda ser jiġu eżaminati esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva. |
Fuq is‑sitt domanda
39 |
Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika biss għall-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima li tkun ta’ interess transkonfinali ċert. |
40 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, diversi drabi, abbażi ta’ interpretazzjoni letterali, storika, kuntestwali u teleoloġika tad-Direttiva 2006/123, li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tagħha, dwar il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri, li jinkludu l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, għandhom ikunu interpretati fis-sens li japplikaw, b’mod partikolari, għal sitwazzjoni li l-elementi rilevanti kollha tagħha huma ristretti għal Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punti 99 sa 110, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2020, Cali Apartments, C‑724/18 u C‑727/18, EU:C:2020:743, punt 56). |
41 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 12(1) u (2) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax biss għall-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima li għandhom interess transkonfinali ċert. |
Fuq is‑seba’ domanda
42 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għas-sitt domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għas-seba’ domanda, li hija bbażata fuq il-premessa li l-applikabbiltà tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 hija suġġetta għall-prova li l-konċessjoni ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima inkwistjoni għandha interess transkonfinali ċert. |
Fuq l‑ewwel parti tat‑tmien domanda
43 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u tal-konċessjonijiet disponibbli tiġi evalwata abbażi ta’ implimentazzjoni konġunta ta’ approċċ astratt u ġenerali, fuq skala nazzjonali, u approċċ ta’ każ b’każ, ibbażat fuq analiżi tat-territorju kostali tal-komun ikkonċernat, jew jekk tali evalwazzjoni għandhiex issir esklużivament abbażi ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn l-approċċi. |
44 |
Ċertament, mill-punt 43 tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konċessjonijiet inkwistjoni jingħataw mhux fuq livell nazzjonali, iżda fuq livell komunali, sabiex jiġi ddeterminat jekk iż-żoni pubbliċi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ operat ekonomiku humiex f’numru limitat. |
45 |
Madankollu, din il-preċiżazzjoni kienet tikkostitwixxi sempliċi indikazzjoni mogħtija lill-qorti tar-rinviju u kienet spjegata mill-kuntest li fih kienet taqa’ l-kawża li tat lok għal din is-sentenza. |
46 |
Fil-fatt, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123 jagħti lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla tal-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata l-iskarsezza tar-riżorsi naturali. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jista’ jwassalhom sabiex jippreferu evalwazzjoni astratta u ġenerali, valida għat-territorju nazzjonali kollu, iżda wkoll, għall-kuntrarju, sabiex jiffavorixxu approċċ ta’ każ b’każ li jenfasizza s-sitwazzjoni eżistenti fit-territorju kostali ta’ komun jew tal-awtorità amministrattiva kompetenti, jew saħansitra jgħaqqad flimkien dawn iż-żewġ approċċi. |
47 |
B’mod partikolari, l-implimentazzjoni konġunta ta’ approċċ astratt u ġenerali, fuq livell nazzjonali, u approċċ ta’ każ b’każ, ibbażat fuq analiżi tat-territorju kostali tal-komun ikkonċernat, tidher li hija bbilanċjata u, għaldaqstant, ta’ natura li tiżgura fl-istess ħin l-osservanza tal-għanijiet ta’ sfruttament ekonomiku tal-kosta li jistgħu jiġu ddefiniti fil-livell nazzjonali, filwaqt li tiżgura r-rilevanza tal-implimentazzjoni konkreta ta’ dawn l-għanijiet fit-territorju kostali ta’ komun. |
48 |
Fi kwalunkwe każ, huwa importanti li l-kriterji adottati minn Stat Membru sabiex jevalwa l-iskarsezza tar-riżorsi naturali li jistgħu jintużaw għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji, trasparenti u proporzjonati. |
49 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tmien domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u tal-konċessjonijiet disponibbli tiġi evalwata b’implimentazzjoni konġunta ta’ approċċ astratt u ġenerali, fuq skala nazzjonali, u approċċ ta’ każ b’każ, ibbażat fuq analiżi tat-territorju kostali tal-komun ikkonċernat. |
Fuq l‑ewwel domanda dwar il‑validità tad‑Direttiva 2006/123
50 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2006/123 hijiex valida fid-dawl tal-Artikolu 94 KE, peress li din id-direttiva ta’ armonizzazzjoni ma ġietx adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b’deċiżjoni unanima. |
51 |
Din id-domanda tissuġġerixxi li l-imsemmija direttiva hija invalida minħabba li kellha tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 94 KE, li kien jipprevedi vot unanimu fil-Kunsill, u mhux fuq il-bażi tal-ewwel u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 47(2) KE u tal-Artikolu 55 KE, li kienu jipprevedu vot b’maġġoranza kkwalifikata. |
52 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sistema tal-kompetenzi tal-Unjoni, l-għażla tal-bażi legali ta’ att ma tistax tiddependi biss fuq il-konvinzjoni ta’ istituzzjoni fir-rigward tal-għan li jrid jintlaħaq, iżda għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni jiżvela li jkun għandu għan doppju jew li jkun jinkludi żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk ikun identifikabbli bħala l-wieħed ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun biss inċidentali, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri fuq dik meħtieġa skont l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti. B’mod eċċezzjonali, jekk jiġi stabbilit li l-att, b’mod simultanju, isegwi diversi għanijiet li huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ xulxin, mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, tali att ikollu jiġi bbażat fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti. Madankollu, il-kumulu ta’ żewġ bażijiet legali huwa eskluż meta l-proċeduri previsti għal kull bażi legali jkunu inkompatibbli ma’ xulxin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 45/86, EU:C:1987:163, punt 11 u tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punti 54 sa 57). |
53 |
F’dan il-każ, peress li l-Artikolu 94 KE kien jipprevedi vot unanimu fil-Kunsill, filwaqt li, fil-kuntest tal-ewwel u t-tielet sentenza tal-Artikolu 47(2) KE u tal-Artikolu 55 KE, il-Kunsill kellu jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata, il-kumulu ta’ dawn il-bażijiet legali kien impossibbli. |
54 |
Fit-tielet lok, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2006/123 hija intiża sabiex “tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.” Dan l-għan li jikkonsisti fil-kontribuzzjoni sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-libertajiet ta’ stabbiliment u ta’ provvista ta’ servizzi huwa kkonfermat ripetutament mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fil-premessi 1, 5, 12, 64 jew ukoll 116 tagħha. |
55 |
Għalhekk huwa ċar li, skont l-Artikolu 47(2) KE, sabiex jiġi ffaċilitat il-bidu u t-twettiq tal-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha, id-Direttiva 2006/123 hija intiża “għall-koordinazzjoni tad-disposizzjonijiet kif stabbiliti bil-liġi, bir-regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri għar-rigward ta’ kif wieħed jibda’ jew jeżerċita attivitajiet bħala persuna impjegata għal rasha”. L-istess konstatazzjoni tapplika fir-rigward tal-Artikolu 55 KE dwar is-servizzi, li jirreferi b’mod partikolari għal dan l-Artikolu 47(2) KE. |
56 |
Barra minn hekk, matul il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ din id-direttiva, l-ebda Stat Membru ma talab, abbażi tat-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 47(2), vot unanimu tal-Kunsill, għar-raġuni li l-eżekuzzjoni tal-imsemmija direttiva kienet tkun involviet emenda tal-prinċipji leġiżlattivi eżistenti tas-sistema tal-professjonijiet f’dak li jirrigwarda t-taħriġ u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess ta’ persuni fiżiċi. |
57 |
Fit-tielet lok, il-Kunsill ġustament iddeċieda, skont l-aħħar sentenza tal-istess Artikolu 47(2), li barra minn hekk jirreferi għalih l-Artikolu 55 KE, b’maġġoranza kkwalifikata. |
58 |
Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lil-leġiżlatur tal-Unjoni kompetenza speċifika sabiex jadotta miżuri intiżi sabiex itejbu l-funzjonament tas-suq intern (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 87). Issa, skont il-prinċipju li abbażi tiegħu r-regoli speċjali jidderogaw mir-regoli ġenerali, meta tkun teżisti, fit-Trattat KE, dispożizzjoni iktar speċifika li tista’ tikkostitwixxi l-bażi legali tal-att inkwistjoni, dan tal-aħħar għandu jkun ibbażat fuq din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 60). Huwa għalhekk ġustament li l-leġiżlatur tal-Unjoni ffavorixxa l-ewwel u t-tielet sentenza tal-Artikolu 47(2) KE, kif ukoll l-Artikolu 55 KE sal-Artikolu 94 KE. |
59 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-eżami tal-ewwel domanda ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2006/123 fid-dawl tal-Artikolu 94 KE. |
Fuq l‑effett dirett tal‑Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123
Fuq it-tieni u r-raba’ domanda
60 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom l-effett li jestendu awtomatikament il-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima fis-seħħ, b’tali mod li l-ebda proċedura ta’ selezzjoni ma ġiet organizzata fil-kuntest ta’ din il-kawża. Għaldaqstant, huma rilevanti biss, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 li jirrigwardaw, minn naħa, l-obbligu, għall-Istati Membri, li japplikaw proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti bejn il-kandidati potenzjali kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni tat-tiġdid awtomatiku ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għal attività partikolari. Għalhekk, it-tieni u r-raba’ domanda għandhom jitqiesu li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) u (2) ta’ din id-direttiva, bl-esklużjoni tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu. |
61 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tieni u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) u (2) tal-imsemmija direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu, għall-Istati Membri, li japplikaw proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti bejn il-kandidati potenzjali, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ tiġdid awtomatiku ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għal attività partikolari huma stabbiliti b’mod inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li għandhom effett dirett. |
62 |
Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat Membru kkonċernat meta dan ikun naqas milli jittrasponi fit-termini previsti d-direttiva fid-dritt nazzjonali jew meta dan ikun ittrasponiha b’mod inkorrett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1982, 8/81, EU:C:1982:7, punt 25; tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 à C-403/01, EU:C:2004:584, punt 103; tas‑17 ta’ Settembru 1996, Cooperativa Agricola Zootecnica S. Antonio et, C‑246/94 sa C‑249/94, EU:C:1996:329, punti 18 u 19, kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effet direct), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 17). |
63 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija, minn naħa, inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ att kemm tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kemm tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li tkun biżżejjed preċiża sabiex tiġi invokata minn parti fil-kawża u tiġi applikata mill-qorti meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivoċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ April 1968, Molkerei-Zentrale Westfalen/Lippe, 28/67, EU:C:1968:17, p. 226; tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, EU:C:1986:84, punt 52, u tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effet direct), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 18). |
64 |
Minbarra dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, anki jekk direttiva tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha, dispożizzjoni ta’ din id-direttiva tista’ titqies bħala li għandha natura inkundizzjonata u preċiża meta timponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivoċi, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma jinkludi ebda kundizzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regola li din tistabbilixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effet direct), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 19). |
65 |
Fil-fatt, anki meta direttiva tagħti lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta huma jadottaw il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tagħha, dan il-fatt ma jaffettwax in-natura preċiża u inkundizzjonata tad-dispożizzjonijiet tagħha, meta dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jeskludix li jiġu ddeterminati drittijiet minimi u meta huwa għalhekk possibbli li tiġi ddeterminata l-protezzjoni minima li għandha fi kwalunkwe każ tiġi stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 17; tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Simap, C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 68, kif ukoll tal‑14 ta’ Jannar 2021, RTS infra u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel, C‑387/19, EU:C:2021:13, punt 49). |
66 |
F’dan il-każ, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123 li, fejn in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari huwa limitat minħabba l-iskarsezza ta’ riżorsi naturali disponibbli, l-Istati Membri għandhom japplikaw proċedura ta’ selezzjoni għal kandidati potenzjali li tipprevedi garanziji ta’ imparzjalità u trasparenza, b’mod partikolari, ir-reklamar adegwat dwar it-tnedija, l-iżvolġiment u t-tlestija tal-proċedura. |
67 |
Ċertament, l-Istati Membri jżommu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni jekk jiddeċiedu li jadottaw dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiggarantixxu b’mod konkret l-imparzjalità u t-trasparenza ta’ proċedura ta’ selezzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li bl-impożizzjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123 jippreskrivi, b’mod inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż, kontenut ta’ protezzjoni minima favur il-kandidati potenzjali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 74, kif ukoll tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 105). |
68 |
Fir-rigward tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, dan jipprevedi b’mod partikolari li awtorizzazzjoni, bħal konċessjoni ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima, tingħata għal żmien limitat xieraq u li ma għandhiex tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ tiġdid awtomatiku. |
69 |
Din id-dispożizzjoni għandha effett dirett, sa fejn tipprojbixxi lill-Istati Membri, f’termini inekwivoċi, lill-Istati Membri, mingħajr ma dawn ikollhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni jew ikunu jistgħu jissuġġettaw din il-projbizzjoni għal kwalunkwe kundizzjoni u mingħajr ma jkun neċessarju intervent ta’ att tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, milli jipprevedu estensjonijiet awtomatiċi u ġġeneralizzati ta’ tali konċessjonijiet. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tiġdid awtomatiku tagħhom huwa eskluż mill-kliem stess tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2006/123 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et, C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 50). |
70 |
L-Artikolu 12(1) u (2) ta’ din id-direttiva għalhekk jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li japplikaw proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti bejn il-kandidati potenzjali u jipprojbixxilhom milli jġeddu awtomatikament awtorizzazzjoni mogħtija għal attività partikolari, f’termini inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi. |
71 |
Il-fatt li dan l-obbligu u li din il-projbizzjoni japplikaw biss fil-każijiet fejn in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari huwa limitat minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi naturali li jistgħu jintużaw, li għandhom jiġu ddeterminati b’riferiment għal sitwazzjoni ta’ fatt evalwata mill-amministrazzjoni kompetenti taħt l-istħarriġ ta’ qorti nazzjonali, ma jistax jikkontesta l-effett dirett marbut ma’ dan l-Artikolu 12(1) u (2). |
72 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-effett dirett li minnu jibbenefikaw id-dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jikkostitwixxi garanzija minima, li tirriżulta min-natura vinkolanti tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri permezz tad-direttivi, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, li ma jistax iservi ta’ ġustifikazzjoni għal Stat Membru sabiex ma jiħux, fi żmien xieraq, miżuri ta’ implimentazzjoni adegwati għall-għan ta’ kull direttiva (sentenza tas‑6 ta’ Mejju 1980, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 102/79, EU:C:1980:120, punt 12). Minn dan isegwi li, minkejja r-rikonoxximent ta’ effett dirett tal-imsemmi obbligu u l-projbizzjoni, previsti fl-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123, l-awtoritajiet Taljani jibqgħu marbuta li jiżguraw it-traspożizzjoni tiegħu fl-ordinament ġuridiku tagħhom. |
73 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li sentenza preliminari, bħal dik tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C-458/14 u C-67/15, EU:C:2016:558), tiċċara u tippreċiża, meta jkun neċessarju, it-tifsira u l-portata tar-regola stabbilita f’din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2006/123, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri, konformement mal-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva, sa mhux iktar tard mit‑28 ta’ Diċembru 2009. Minn dan isegwi li l-imsemmija regola interpretata b’dan il-mod għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet ġuridiċi mnissla u kkostitwiti qabel din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, EU:C:1980:100, punt 16, u tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 77). |
74 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu, għall-Istati Membri, li japplikaw proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti bejn il-kandidati potenzjali, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ tiġdid awtomatiku ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għal attività partikolari huma stabbiliti b’mod inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li għandhom effett dirett. |
Fuq it‑tielet domanda
75 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u għar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda. |
Fuq il‑ħames domanda u fuq it‑tieni parti tat‑tmien domanda
76 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha u permezz tat-tieni parti tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tal-effett dirett marbut mal-obbligu u mal-projbizzjoni previsti fl-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 u l-obbligu li ma jiġux applikati dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali jew ukoll tal-awtoritajiet amministrattivi, inklużi dawk komunali. |
77 |
Fir-rigward ta’ dan il-punt, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istess bħall-qorti nazzjonali, amministrazzjoni, inkluża dik komunali, għandha l-obbligu li tapplika d-dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva kif ukoll li teskludi l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ma humiex konformi magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, EU:C:1989:256, punti 29 sa 33, kif ukoll tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell, C‑413/15, EU:C:2017:745, punt 33). |
78 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-indikazzjoni li tinsab fil-punt 43 tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et, (C‑458/14 et C-67/15, EU:C:2016:558), li abbażi tagħha kien il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-kundizzjoni dwar l-iskarsezza tar-riżorsi naturali, prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123, kinitx issodisfatta, ma tfissirx li huma unikament il-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw li din il-kundizzjoni tkun issodisfatta. Fil-fatt, peress li n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari huwa limitat minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi naturali li jistgħu jintużaw, kull amministrazzjoni hija obbligata torganizza, skont din id-dispożizzjoni, proċedura ta’ selezzjoni bejn il-kandidati potenzjali u tiżgura ruħha li l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-imsemmija dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, jekk ikun il-każ billi ma jiġux applikati r-regoli tad-dritt nazzjonali mhux konformi. |
79 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda u għat-tieni parti tat-tmien domanda għandha tkun li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tal-effett dirett marbut mal-obbligu u mal-projbizzjoni previsti fl-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123, kif ukoll l-obbligu li ma jiġux applikati dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali u tal-awtoritajiet amministrattivi, inklużi dawk komunali. |
Fuq id‑disa’ domanda
80 |
Permezz tad-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-effett dirett li minnu tibbenefika din id-dispożizzjoni jimponi li titħalla mhux applikata leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fl-iskadenza ta’ konċessjoni, ix-xogħlijiet kollha li ma jistgħux jitneħħew mibnija minn konċessjonarju fuq l-art li ġiet konċessa lilu, jibqgħux akkwistati mingħand il-konċedent, mingħajr ebda kumpens jew rimbors u jekk in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni. |
81 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (sentenzi tat‑3 ta’ Frar 1983, Robards, 149/82, EU:C:1983:26, punt 19; tas‑16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 25, u tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 60). |
82 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 61, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 55). |
83 |
F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tikkonċerna l-estensjoni tal-konċessjonijiet u mhux il-kwistjoni tad-dritt, għal konċessjonarju, li jikseb, mal-iskadenza tal-konċessjoni, kwalunkwe kumpens għax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew li huwa bena fuq l-art li ngħatatlu. Għalhekk, peress li l-qorti tar-rinviju ma esponietx l-elementi fattwali u legali li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa impossibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’mod utli għad-disa’ domanda. |
84 |
Għaldaqstant hemm lok li din id-domanda tiġi ddikjarata inammissibbli. |
Fuq l‑ispejjeż
85 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.