Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0750

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Frar 2024.
Pilatus Bank plc vs Il-Bank Ċentrali Ewropew.
Appell – Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Artikolu 6(5)(b) – Superviżjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu direttament mill-BĊE – Kundizzjonijiet – Rikors għal annullament – Inammissibbiltà – Rappreżentanza ta’ parti – Mandat mogħti lill-avukat – Rappreżentant awtorizzat b’mod irregolari.
Kawża C-750/21 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:124

 SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

8 ta’ Frar 2024 ( *1 )

“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Artikolu 6(5)(b) – Superviżjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu direttament mill-BĊE – Kundizzjonijiet – Rikors għal annullament – Inammissibbiltà – Rappreżentanza ta’ parti – Mandat mogħti lill-avukat – Rappreżentant awtorizzat b’mod irregolari”

Fil-Kawża C‑750/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑6 ta’ Diċembru 2021,

Pilatus Bank plc, stabbilita f’Ta’Xbiex (Malta), irrappreżentata minn O. Behrends, Rechtsanwalt,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn E. Koupepidou, M. Puidokas u E. Yoo, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur), J Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Pilatus Bank plc qiegħda titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Settembru 2021, Pilatus Bank vs BĊE (T‑139/19, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2021:623), li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet bħala manifestament infondat fid-dritt ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tal‑21 ta’ Diċembru 2018 li permezz tagħha dan tal-aħħar indika, permezz ta’ posta elettronika, li huwa ma kienx għadu kompetenti sabiex jiżgura s-superviżjoni prudenzjali diretta tagħha u sabiex jieħu miżuri li jikkonċernawha (iktar ’il quddiem il-“messaġġ elettroniku kontenzjuż”).

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament (UE) Nru 1024/2013

2

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jikkonferixxi lill-BĊE kompiti speċifiċi fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, bil-għan li jikkontribwixxu għas-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u kull Stat Membru, b’rigward sħiħ u bid-dover ta’ attenzjoni għall-unità u l-integrità tas-suq intern abbażi ta’ trattament ugwali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu bil-għan li jkun impedut arbitraġġ regolatorju.

[…]”

3

Il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjionijiet”, huma fformulati kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)   ‘awtorità nazzjonali kompetenti’ tfisser awtorità nazzjonali kompetenti maħtura minn Stat Membru parteċipanti skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment [u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1)] u d-Direttiva 2013/36/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338)];

(3)   ‘istituzzjoni ta’ kreditu’ tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013”.

4

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kompiti fdati lill-BĊE u jipprovdi fil-paragrafu 1(a) u fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tiegħu:

“1.   Fil-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti:

(a)

jawtorizza lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jirtira l-awtorizzazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu soġġett għal-Artikolu 14;

[…]

(3)   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni, u fejn din il-liġi tal-Unjoni hija magħmula minn Direttivi, il-leġislazjzoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi. Fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun magħmula minn Regolamenti u fejn attwalment dawk ir-Regolamenti jagħtu opzjonijiet lill-Istati Membri, il-BĊE għandu japplika wkoll il-leġislazzjoni nazzjonali waqt li jeżerċita dawk l-opzjonijiet.”

5

L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Kooperazzjoni fi ħdan il-[mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU)]”, jipprovdi:

“1.   Il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fi ħdan MSU li huwa magħmul mill-BĊE u minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-BĊE għandu jkun responsabbli mill-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU.

2.   Kemm il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom ikunu soġġetti għal dmir ta’ kooperazzjoni b’rieda tajba, u obbligu biex jiskambjaw informazzjoni.

Mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-BĊE li jirċievi direttament, jew li jkollu aċċess għal informazzjoni rapportata, fuq bażi kontinwa, minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom b’mod partikolari jipprovdu lill-BĊE bl-informazzjoni meħtieġa kollha għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti konferiti lill-BĊE minn dan ir-Regolament.

3.   Fejn adatt u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà u l-kontabbiltà tal-BĊE għall-kompiti kkonferiti lilu permezz ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom ikunu responsabbli biex jassistu lill-BĊE, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-qafas imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe att relatat mal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4 relatat mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha, inkluża l-assistenza f’attivitajiet ta’ verifika. Huma għandhom isegwu l-istruzzjonijiet mogħtija mill-BĊE meta jwettqu l-kompiti msemmija fl-Artikolu 4.

4.   Fir-rigward tal-kompiti definiti fl-Artikolu 4, ħlief għall-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 tiegħu, il-BĊE għandu jkollu r-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkollhom ir-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, fil-qafas tal-proċeduri, u soġġett għall-proċeduri, imsemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-kumpaniji holding finanzjarji jew il-kumpaniji holding finanzjarji mħalltin li ġejjin jew fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti:

dawk li huma inqas sinifikanti fuq bażi konsolidata, fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti, jew individwalment fil-każ speċifiku tal-fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti. Is-sinifikanza għandha tkun ivvalutata abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(i)

id-daqs;

(ii)

l-importanza għall-ekonomija tal-Unjoni jew kwalunkwe Stat Membru parteċipanti;

(iii)

is-sinifikanza tal-attivitajiet transkonfinali.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu hawn fuq, istituzzjoni ta’ kreditu jew kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta ma għandhiex titqies bħala inqas sinifikanti, dment li ma jkunx ġustifikat b’ċirkostanzi partikolari li għandhom jiġu speċifikati fil-metodoloġija, jekk kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun sodisfatta:

(i)

il-valur totali tal-assi tagħha jaqbeż EUR 30 biljun;

(ii)

il-proporzjon tal-assi totali tagħha fuq il-PDG tal-Istat Membru parteċipanti tal-istabbiliment jaqbeż 20 %, sakemm il-valur totali tal-assi tagħha ma jkunx taħt il-5 biljun euro;

(iii)

wara notifika mill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħha li hija tqis tali istituzzjoni bħala li għandha rilevanza sinifikanti rigward l-ekonomija domestika, il-BĊE jieħu deċiżjoni li tikkonferma tali sinifikanza wara valutazzjoni komprensiva mill-BĊE, inkluż valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ, ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu.

Il-BĊE jista’ wkoll, fuq inizjattiva proprja, jikkunsidra li istituzzjoni tkun ta’ rilevanza sinifikanti fejn tkun stabbilixxiet sussidjarji bankarji f’aktar minn Stat Membru parteċipanti wieħed u l-attivi jew il-passivi transkonfinali tagħha jirrappreżentaw parti sinifikanti tal-attivi jew il-passivi totali tagħha soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-metodoloġija.

Dawk li għalihom assistenza finanzjarja pubblika ġiet rikjesta jew riċevuta direttament mill-EFSF jew il-MES ma għandhomx jitqiesu bħala inqas sinifikanti.

Minkejja s-subparagrafi preċedenti, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament fir-rigward tat-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu l-aktar sinifikanti f’kull wieħed mill-Istati Membri parteċipanti, sakemm mhux iġġustifikat minħabba ċirkostanzi partikolari.

5.   Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-paragrafu 4, u fi ħdan il-qafas definit fil-paragrafu 7:

(a)

il-BĊE għandu joħroġ regolamenti, linji gwida jew struzzjonijiet ġenerali lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, skont liema l-kompiti definiti fl-Artikolu 4 ħlief għall-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 tiegħu jitwettqu u deċiżjonijiet superviżorji jiġu adottati minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali;

Tali struzzjonijiet jistgħu jirreferu għas-setgħat speċifiċi fl-Artikolu 16(2) għal gruppi jew kategoriji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-fini li tkun żgurata l-konsistenza tal-eżiti superviżorji fi ħdan il-MSU;

(b)

meta meħtieġ biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin, il-BĊE jista’ f’kull ħin, fuq l-inizjattiva proprja wara li jikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew fuq talba minn awtorità nazzjonali kompetenti, jiddeċiedi li jeżerċita direttament hu stess is-setgħat rilevanti kollha għal istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 4, inkluż f’każ fejn l-assistenza finanzjarja tkun intalbet jew riċevuta indirettament mill-EFSF jew il-MES;

(c)

il-BĊE għandu jeżerċita sorveljanza fuq il-funzjonament tas-sistema, abbażi tar-responsabbiltajiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan l-Artikolu, u b’mod partikolari l-punt (c) tal-paragrafu 7;

(d)

il-BĊE jista’ f’kull ħin jagħmel użu mis-setgħat imsemmija fl-Artikoli 10 sa 13;

(e)

il-BĊE jista’ jitlob ukoll informazzjoni, fuq bażi ad hoc jew kontinwa, mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali dwar il-prestazzjoni tal-kompiti mwettqa minnhom skont dan l-Artikolu.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu u jkunu responsabbli għall-kompiti msemmija fil-punti (b), (d) sa (g) u (i) tal-Artikolu 4(1) u għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet superviżorji rilevanti kollha fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fl-l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, fil-qafas u soġġett għall-proċeduri msemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 10 u [sa] 13, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-awtoritajiet nominati nazzjonali għandhom iżommu s-setgħat, f’konformità mad-dritt nazzjonali, li jiksbu informazzjoni mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding, kumpaniji holding imħallta u impriżi inklużi fis-sitwazzjoni finanzjarja konsolidata ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u biex iwettqu spezzjonijiet fuq il-post f’dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-kumpaniji holding, il-kumpaniji holding imħallta u l-impriżi. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jinfurmaw lill-BĊE, skont il-qafas stabbilit fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, dwar il-miżuri meħudin skont dan il-paragrafu u jikoordinaw mill-qrib dawk il-miżuri mal-BĊE.

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jirrappurtaw lill-BĊE fuq bażi regolari dwar il-prestazzjoni tal-attivitajiet imwettqa taħt dan l-Artikolu.

[…]

8.   Kull fejn l-BĊE jkun assistit mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew awtoritajiet nominati nazzjonali għall-fini li jeżerċitaw il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-atti rilevanti tal-Unjoni fir-rigward tal-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti mill-Istati Membri differenti.”

Ir‑Regolament Nru 575/2013

6

Il-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, fil-verżjoni tiegħu li kienet tapplika għat-tilwima li wasslet għall-appell, kien ifformulat kif ġej:

“Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

‘istituzzjoni ta’ kreditu’ tfisser impriża li n-negozju tagħha jkun li tieħu depożiti jew fondi oħra ripagabbli mingħand il-pubbliku u li tagħti krediti f’isimha stess”.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

7

Pilatus Bank huwa istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita f’Malta. Bħala istituzzjoni ta’ kreditu “inqas sinjifikattiva”, fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013, l-appellanti kienet suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Malta Financial Services Authority (l-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji, Malta) (iktar ’il quddiem il-“MFSA”), “awtorità nazzjonali kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament.

8

Ali Sadr Hasheminejad, azzjonist tal-appellanti li indirettament kellu 100 % tal-kapital u tad-drittijiet tal-vot tagħha, ġie arrestat fl-Istati Uniti taħt sitt kapijiet ta’ akkuża marbuta mal-allegata parteċipazzjoni tiegħu fi skema li permezz tagħha madwar USD 115‑il miljun (madwar EUR 108 miljuni), allokati sabiex jiġi ffinanzjat proġett ta’ proprjetà immobbli fil-Venezwela, ġew miżapproprjati għall-benefiċċju ta’ persuni u ta’ impriżi Iranjani.

9

Wara l-akkuża ta’ Ali Sadr Hasheminejad fl-Istati Uniti, l-appellanti rċeviet talbiet għall-irtirar ta’ depożiti f’ammont totali ta’ EUR 51.4 miljun, jiġifieri madwar 40 % tad-depożiti fil-karta tal-bilanċ tagħha.

10

F’dan il-kuntest, il-MFSA adottat tliet direttivi li jikkonċernaw lill-appellanti.

11

Fil‑21 ta’ Marzu 2018, hija adottat, minn naħa, direttiva dwar l-irtirar jew is-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot li permezz tagħha hija ordnat, b’mod partikolari, li Sadr Hasheminejad jitneħħa mill-kariga tiegħu ta’ direttur tal-appellanti b’effett immedjat, kif ukoll mill-funzjonijiet deċiżjonali l-oħra kollha tiegħu fi ħdan din tal-aħħar, li l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot tiegħu jiġi sospiż u li huwa jastjeni minn kull rappreżentanza legali jew ġudizzjarja ta’ din l-appellanti u, min-naħa l-oħra, direttiva dwar il-moratorju, li permezz tagħha hija ordnat lill-imsemmija appellanti ma tawtorizza ebda tranżazzjoni bankarja, b’mod partikolari l-irtirar u d-depożiti tal-azzjonisti u tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tagħha.

12

Fit‑22 ta’ Marzu 2018, il-MFSA adottat direttiva dwar il-ħatra ta’ persuna kompetenti, awtorizzata, skont it-termini ta’ din il-ħatra, li “tassumi s-setgħat, il-funzjonijiet u d-dmirijiet kollha tal-Bank fir-rigward tal-assi kollha, kemm jekk eżerċitati mill-Bank fil-laqgħat ġenerali jew mill-Bord tad-Diretturi jew minn kwalunkwe persuna oħra, inkluż ir-rappreżentanza legali u ġudizzjarja tal-Bank bl-esklużjoni tal-Bank u ta’ kwalunkwe persuna oħra” (iktar ’il quddiem il-“persuna kompetenti”).

13

Fid‑29 ta’ Ġunju 2018, il-MFSA pproponiet lill-BĊE li, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ aċċess tal-appellanti għall-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

14

Matul il-proċedura amministrattiva ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni, il-Bord tad-Diretturi tal-appellanti qabbad avukat li daħal f’kuntatt mal-BĊE.

15

F’dan il-kuntest, l-appellanti, permezz tal-avukat imqabbad mill-Bord tad-Diretturi tagħha, iddikjarat, fil-korrispondenza tagħha mal-BĊE, li l-persuna kompetenti kienet informat lil dan l-avukat li, essenzjalment, hija ma kinitx ser tawtorizza l-ħlas tal-onorarji tiegħu mill-fondi tal-Bank li hija kienet inkarigata tamministra.

16

L-appellanti indikat ukoll li hija kienet talbet lill-MFSA - liema talba baqgħet bla tweġiba - tagħti istruzzjonijiet lill-persuna kompetenti sabiex tawtorizza l-użu tal-fondi tal-Bank għall-ħlas tal-onorarji tal-imsemmi avukat.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Novembru 2018, il-BĊE rtira l-awtorizzazzjoni tal-appellanti abbażi tal-Artikolu 4(1)(a) u tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013.

18

F’dan il-kuntest, l-appellanti, permezz ta’ żewġ messaġġi elettroniċi tat‑13 ta’ Novembru u tal‑20 ta’ Diċembru 2018, talbet lill-BĊE jiżgura s-superviżjoni prudenzjali diretta tagħha skont ir-Regolament Nru 1024/2013 u jordna lill-persuna kompetenti tawtorizza l-ħlas tal-onorarji tal-avukat imqabbad mill-Bord tad-Diretturi tagħha mill-fondi tal-Bank.

19

Fil-messaġġ elettroniku kontenzjuż, il-BĊE wieġeb kif ġej:

“Nirreferu għall-posta elettronika tiegħek mibgħuta lill-BĊE fit‑13 ta’ Novembru 2018 li fiha inti titlob lill-BĊE jiżgura s-superviżjoni diretta [tal-appellanti] u jikkummenta dwar ‘l-avvenimenti tal-Ġimgħa, 2 ta’ Novembru 2018’, kif ukoll għall-messaġġ elettroniku tiegħek tal‑20 ta’ Diċembru 2018 li fiha inti ttenni t-talba tiegħek intiża li l-BĊE jiżgura s-superviżjoni diretta [tal-appellanti]. Jekk jogħġbok kun af, madankollu, li l-kompiti ta’ superviżjoni tal-BĊE skont ir-Regolament [Nru 1024/2013] huma limitati għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ara l-[ewwel paragrafu] tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament). Peress li l-awtorizzazzjoni [tal-appellanti] bħala istituzzjoni ta’ kreditu ġiet irtirata b’effett mill‑5 ta’ Novembru 2018, il-BĊE ma għadux kompetenti sabiex jieħu miżuri fir-rigward [tal-appellanti].”

Ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali u d‑digriet appellat

20

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Marzu 2019, l-appellanti, permezz tal-avukat imqabbad mill-Bord tad-Diretturi tagħha, fetħet kawża għal annullament fir-rigward tal-messaġġ elettroniku kontenzjuż.

21

Permezz tad-digriet appellat, adottat abbażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ddeċidiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors imqajma mill-BĊE, ċaħdet ir-rikors bħala manifestament infondat fid-dritt.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

22

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Diċembru 2021, l-appellanti, permezz tal-istess avukat tal-ewwel istanza, ippreżentat dan l-appell.

23

Permezz ta’ dan l-appell, hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tiddikjara l-messaġġ elettroniku kontenzjuż null u bla effett skont l-Artikolu 264 TFUE;

sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar il-mertu, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament, u

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż kollha.

24

Il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

sussidjarjament, tiċħad l-appell bħala infondat fl-intier tiegħu, u

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kollha.

Fuq it‑talba għal ftuħ mill‑ġdid tal‑proċedura orali

25

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Ġunju 2023, il-BĊE talab li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

26

Insostenn tat-talba tiegħu, il-BĊE jindika li huwa jixtieq jippreżenta elementi fattwali ġodda li, fid-dawl tal-avvenimenti reċenti, jiġifieri l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali tal‑25 ta’ Mejju 2023, huma ta’ natura li jikkostitwixxu fattur deċiżiv għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Mill-konklużjonijiet jirriżulta li l-Avukata Ġenerali hija tal-opinjoni li d-direttivi li jikkonċernaw lill-appellanti, adottati mill-MFSA f’Marzu 2018, huma “atti preparatorji” fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva komposta li wasslet għall-adozzjoni mill-BĊE tad-deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni u li l-irregolaritajiet li jivvizzjaw dawn id-direttivi huma, minħabba f’hekk, imputabbli lill-BĊE u “jikkontaminaw” id-deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni adottata minn dan tal-aħħar. Il-BĊE jippreżenta elementi fattwali sabiex juri li l-imsemmija direttivi ġew ikkontestati quddiem il-qrati Maltin.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Għalhekk, din ma hijiex opinjoni indirizzata lill-imħallfin jew lill-partijiet minn awtorità esterna għall-Qorti tal-Ġustizzja, iżda fehma individwali, motivata u espressa pubblikament, ta’ membru ta’ dik l-istituzzjoni stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ma jistgħux jiġu diskussi mill-partijiet. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta mill-konklużjonijiet u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

B’dan premess, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma jkollhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30

Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi u li l-elementi ppreżentati mill-BĊE insostenn tat-talba tiegħu għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma jikkostitwixxux fatti ġodda ta’ natura li jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjoni li hija mitluba tagħti.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l‑appell

32

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull fatt relatat mal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jista’ jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fl-istadju ta’ appell, tqajjem ex officio (sentenzi tat‑23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, C‑362/06 P, EU:C:2009:243, punti 21 sa 23 u tas‑6 ta’ Lulju 2023, Julien vs Il‑Kunsill, C‑285/22 P, EU:C:2023:551, punt 45, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Skont l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li, bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, japplika għall-Qorti Ġenerali, persuni ġuridiċi, bħalma hija l-appellanti, għandhom, sabiex ikunu jistgħu jaġixxu quddiem il-qrati tal-Unjoni, ikunu rrappreżentati minn avukat awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li jkun parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3).

34

B’hekk, ir-rappreżentanza ta’ persuna ġuridika minn avukat u, b’mod partikolari, il-kwistjoni tar-regolarità tal-mandat mogħti lil avukat għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huma fost in-numru ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fl-istadju ta’ appell, tqajjem ex officio.

35

Fir-rigward tal-mandat mogħti lil avukat minn tali persuni, l-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi li l-avukati huma obbligati, f’sitwazzjoni fejn il-parti li jkunu qegħdin jirrappreżentaw tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, jippreżentaw fir-Reġistru mandat mogħti minn din tal-aħħar. B’differenza mill-verżjoni ta’ dawn ir-Regoli applikabbli qabel l‑1 ta’ Lulju 2015, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix l-obbligu, għal tali persuna, li tressaq il-prova li l-mandat tal-avukat tagħha jkun ingħata b’mod regolari minn rappreżentant awtorizzat jagħmel dan.

36

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li dan l-Artikolu 51(3) ma jipprevedix dan l-obbligu ma jeżentax lill-Qorti Ġenerali milli tivverifika r-regolarità tal-mandat ikkonċernat fil-każ ta’ kontestazzjoni. Effettivament, il-fatt li, fl-istadju tal-preżentata tar-rikors tiegħu, rikorrent ma huwiex meħtieġ jipproduċi din il-prova ma jaffettwax l-obbligu tiegħu li jkun awtorizza b’mod regolari lill-avukat tiegħu sabiex ikun jista’ jressaq azzjoni legali. Il-fatt li r-rekwiżiti ta’ prova fil-mument tal-preżentata ta’ rikors ikunu saru inqas stretti ma għandu ebda effett fuq il-kundizzjoni sostantiva li r-rikorrenti għandhom ikunu debitament irrappreżentati mill-avukati tagħhom. B’hekk, fil-każ ta’ kontestazzjoni tar-regolarità tal-mandat mogħti minn parti lill-avukat tagħha, din il-parti għandha tipprova r-regolarità ta’ dan il-mandat (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni, C‑478/21 P, EU:C:2023:685, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Il-Qorti Ġenerali hija obbligata wkoll tivverifika ex officio r-regolarità tal-mandat ikkonċernat u, b’mod partikolari, il-fatt li l-mandat ikun ingħata b’mod regolari minn rappreżentant tal-persuna ġuridika inkwistjoni awtorizzat jagħmel dan, f’sitwazzjoni fejn tali mandat ikun manifestament irregolari jew fejn jeżistu fatturi li jistgħu jqajmu dubji serji dwar ir-regolarità ta’ tali mandat.

38

Issa, f’dan il-każ, diversi fatti kellhom iwasslu lill-Qorti Ġenerali tiddubita serjament mir-regolarità tal-mandat tal-avukat tal-appellanti.

39

B’hekk, l-ewwel nett, iċ-ċirkustanzi fattwali li wasslu għall-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u t-termini tal-mandat ta’ rappreżentanza mogħti mill-Bord tad-Diretturi tal-appellanti lill-avukat li ppreżenta dan ir-rikors kienu ta’ natura li serjament iqiegħdu f’dubju r-regolarità ta’ dan il-mandat.

40

Fil-fatt, il-ħatra tal-persuna kompetenti mill-MFSA u l-fatt li din il-persuna kompetenti kellha, b’mod partikolari, il-funzjoni li tassumi “r-rappreżentanza legali u ġudizzjarja tal-Bank bl-esklużjoni tal-Bank u ta’ kwalunkwe persuna oħra” setgħu jqajmu dubji serji dwar il-kapaċità tal-Bord tad-Diretturi tal-appellanti li jinvolvi lil din tal-aħħar f’azzjoni ġudizzjarja u li jqabbad avukat għal dan il-għan.

41

It-termini tal-mandat ta’ rappreżentanza mogħti lill-avukat kienu wkoll ta’ natura li jsaħħu dawn id-dubji. B’hekk, il-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-appellanti fakkru, f’dan il-mandat, li l-MFSA kienet ħatret il-persuna kompetenti fit‑22 ta’ Marzu 2018 u li hija kienet attribwixxiet lil din tal-aħħar ċerti kompetenzi u ppreċiżaw li “l-qrati kompetenti għandhom jiddeterminaw liema huma l-persuni awtorizzati jirrappreżentaw [lill-appellanti] fil-kuntest inkwistjoni. Il-membri tal-Bord tad-Diretturi ma jassumu ebda responsabbiltà personali”. Dawn l-indikazzjonijiet juru li l-firmatarji stess tal-mandat kellhom dubji dwar is-setgħa tagħhom li jagħtu tali mandat u huma stedina ċara u espliċita sabiex jiġi vverifikat jekk huma kellhomx tabilħaqq din is-setgħa.

42

It-tieni nett, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE li ċaħdet it-talbiet tal-appellanti intiżi li dan tal-aħħar jiżgura s-superviżjoni prudenzjali diretta tagħha u sabiex jadotta miżuri fil-konfront tagħha li, b’mod partikolari, jordnaw lill-persuna kompetenti tawtorizza l-ħlas tal-onorarji tal-avukat imqabbad mill-Bord tad-Diretturi tagħha.

43

Tali talbiet magħmula mill-appellanti lill-BĊE kienu wkoll ta’ natura li jqajmu dubji serji dwar ir-regolarità tal-mandat ta’ rappreżentanza tal-avukat tal-appellanti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Effettivament, il-fatt li l-onorarji tal-avukat tal-appellanti ma setgħux jitħallsu seta’ jindika li l-korp li kien inkarigah ma kienx kompetenti jagħmel dan il-ħlas u li ma kienx kompetenti sabiex jinvolviha f’azzjoni ġudizzjarja u sabiex iqabbad avukat għal dan il-għan.

44

It-tielet nett, l-appellanti sostniet b’mod espliċitu, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-messaġġ elettroniku kontenzjuż ċaħditha mill-possibbiltà li tibbenefika minn rappreżentanza effettiva.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kellha, indipendentement mill-fondatezza fil-mertu ta’ dan l-argument, titlob ex officio l-prova li l-avukat li jirrappreżenta lill-appellanti kien ġie regolarment inkarigat u li l-mandat kien ingħata minn rappreżentant awtorizzat jagħmel dan.

46

Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma wettqitx ex officio l-verifika tar-regolarità tal-mandat mogħti mill-Bord tad-Diretturi tal-appellanti lill-avukat tagħha.

47

Tali żball manifest għandu jwassal għall-annullament tad-digriet appellat mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq l-aggravji mressqa mill-appellanti.

48

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi hija stess dwar it-tilwima, meta din tkun fi stadju li tiġi deċiża.

49

Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, peress li l-partijiet ġew mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja jieħdu pożizzjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u, b’mod partikolari, dwar ir-regolarità tal-mandat ta’ rappreżentanza mogħti mill-Bord tad-Diretturi tal-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors.

50

L-appellanti sostniet, abbażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Appell (Kompetenza Inferjuri) tal‑5 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża Nru 6/2017 (Heikki Niemelä et vs Malta Financial Services Authority), li, minkejja l-ħatra tal-persuna kompetenti, il-Bord tad-Diretturi tagħha kien għad kellu s-setgħa li jirrappreżentaha legalment u li jqabbad avukat għal dan il-għan.

51

B’hekk, il-ħatra tal-persuna kompetenti għandha biss l-effett li tafda l-assi u l-ġestjoni tal-attivitajiet tal-Bank lil din il-persuna mingħajr, madankollu, ma tawtorizzaha tirrappreżenta lil dan il-Bank fi proċedura ġudizzjarja intiża għall-kontestazzjoni ta’ deċiżjonijiet li jorbtu lill-Bank. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li tali deċiżjonijiet jistgħu jaffettwaw ukoll l-assi u l-attivitajiet li l-ġestjoni tagħhom taqa’ taħt il-persuna kompetenti.

52

L-appellanti saħqet ukoll li s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 u C‑669/17 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Trasta Komercbanka, EU:C:2019:923) u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali dwar din is-sentenza jikkonfermaw li l-kwistjoni tar-rappreżentanza hija ddeterminata prinċipalment mid-dritt nazzjonali u li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward hija waħda vinkolanti, sakemm parti ma turix li din tikkostitwixxi żnaturament tal-fatti. Issa, skont id-dritt Malti, ir-rappreżentanza tal-Bank ma taqax taħt is-setgħat tal-persuna kompetenti anki jekk din tal-aħħar tkun responsabbli għall-attivitajiet tal-Bank jew għall-assi tiegħu.

53

Il-BĊE jgħid li r-rappreżentanza ta’ persuna ġuridika kkostitwita minn kumpannija hija rregolata mil-lex corporationis u li, f’dan il-każ, id-dritt Malti, kif interpretat mis-sentenza tal-Qorti tal-Appell (Kompetenza Inferjuri) tal‑5 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża Nru 6/2017 (Heikki Niemelä et vs Malta Financial Services Authority), jillimita s-setgħa tal-persuna kompetenti li tirrappreżenta lill-appellanti għaċ-ċirkustanzi speċifiċi msemmija fid-dritt nazzjonali li abbażi tagħhom hija tkun inħatret, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mal-assi u mal-ġestjoni tal-attivitajiet u żżomm, għalhekk, drittijiet residwi għall-Bord tad-Diretturi.

54

Huwa osserva wkoll li l-mandat mogħti mill-Bord tad-Diretturi tal-appellanti kien ikopri biss ir-rappreżentanza fir-rigward tal-kwistjonijiet regolatorji, mingħajr ma jsemmi b’mod espliċitu ir-rappreżentanza legali.

55

F’dan ir-rigward, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li, bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, japplika għall-Qorti Ġenerali, persuni ġuridiċi, bħalma hija l-appellanti, għandhom, sabiex ikunu jistgħu jaġixxu quddiem il-qrati tal-Unjoni, ikunu rrappreżentati minn avukat awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li jkun Parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

56

Fid-dawl ta’ din in-neċessità li l-persuni ġuridiċi jkunu rrappreżentati minn avukat awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li jkun parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn tali persuna u bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE hija suġġetta għall-prova li l-persuna kkonċernata tkun tabilħaqq ħadet id-deċiżjoni li tippreżenta r-rikors u li l-avukati li jallegaw li jirrappreżentaw lill-persuna kkonċernata jkunu ġew effettivament awtorizzati jagħmlu dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Trasta Komercbanka, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Huwa preċiżament sabiex jiġi żgurat li dan huwa l-każ li l-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jeħtieġ li l-avukati, meta l-parti li jkunu qegħdin jirrappreżentaw tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, jippreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali mandat mogħti mill-imsemmija parti, u n-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ dan il-mandat jista’ jwassal, konformement mal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, għall-inammissibbiltà formali tar-rikors (sentenza Trasta Komercbanka, punt 57).

58

Fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu kkostitwita fil-forma ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru, bħalma hija l-appellanti, huwa, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, konformement ma’ dan id-dritt li għandu jiġi ddeterminat liema huma l-korpi ta’ din il-persuna ġuridika li huma awtorizzati jieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza (sentenza Trasta Komercbanka, punt 58).

59

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-mandat tal-persuna kompetenti u, b’mod partikolari, tal-fatt li hija kellha “tassumi s-setgħat, il-funzjonijiet u d-dmirijiet kollha tal-Bank fir-rigward tal-assi kollha, kemm jekk eżerċitati mill-Bank fil-laqgħat ġenerali jew mill-Bord tad-Diretturi jew minn kwalunkwe persuna oħra, inkluż ir-rappreżentanza legali u ġudizzjarja tal-Bank bl-esklużjoni tal-Bank u ta’ kwalunkwe persuna oħra”, il-Bord tad-Diretturi tal-appellanti ma kienx għadu awtorizzat jiżgura r-rappreżentanza ta’ din tal-aħħar u ma kienx għadu kompetenti sabiex iqabbad avukat għal dan il-għan.

60

Barra minn hekk, il-kompetenza tal-Bord tad-Diretturi tal-appellanti sabiex jirrappreżenta legalment lil din tal-aħħar u sabiex iqabbad avukat għal dan il-għan ma tistax tkun ibbażata fuq is-sentenza Trasta Komercbanka.

61

Fil-fatt, din is-sentenza tirrigwarda l-obbligu ta’ qorti tal-Unjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni r-revoka tal-mandat mogħti lir-rappreżentant ta’ parti, f’sitwazzjoni fejn din ir-revoka tkun tikser id-dritt ta’ din il-parti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Madankollu, qorti tal-Unjoni għandha tali obbligu biss f’ċerti ċirkustanzi ddelimitati.

62

Kif jirriżulta mill-punti 60 sa 62 tas-sentenza Trasta Komercbanka, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv tal-istituzzjoni ta’ kreditu Trasta Komercbanka kien jirriżulta mill-fatt li l-istralċjarju li nħatar wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni u wara l-istralċ ta’ din l-istituzzjoni kien f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi. Hija rrilevat li l-istralċjarju, inkarigat sabiex iwettaq l-istralċ definittiv tal-imsemmija istituzzjoni, kien inħatar fuq proposta tal-awtorità nazzjonali kompetenti, li setgħet f’kull mument titlob ir-revoka tagħha. Konsegwentement, hija qieset li kien hemm riskju li, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, dan l-istralċjarju jastjeni milli jikkontesta id-deċiżjoni li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni tal-istess istituzzjoni, liema deċiżjoni kienet ġiet adottata mill-BĊE fuq proposta ta’ din l-awtorità u li kienet wasslet għat-tqegħid tagħha fi stralċ. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fil-punt 78 ta’ dik is-sentenza, li r-revoka, mill-istralċjarju, tal-mandat mogħti minn dawk li kienu l-korpi ta’ governanza ta’ Trasta Komercbanka lill-avukat li ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni kienet tikser id-dritt ta’ din l-istituzzjoni għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li l-Qorti Ġenerali, billi ħadet inkunsiderazzjoni din ir-revoka, kienet wettqet żball ta’ liġi.

63

F’dan il-każ, il-mandat tal-persuna kompetenti maħtura mill-MFSA huwa sostanzjalment differenti minn dak tal-istralċjarju kif deskritt fil-punt 72 tas-sentenza Trasta Komercbanka, peress li l-uniku għan ta’ dan tal-aħħar kien li jirkupra l-krediti, li jbigħ l-assi u li jħallas lill-kredituri bil-għan li jġib fi tmiem l-attività tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata.

64

Barra minn hekk, l-appellanti ma pproduċietx elementi relatati mal-mandat tal-persuna kompetenti jew mal-kundizzjonijiet li fihom hija teżerċita dan il-mandat li jindikaw li din tal-aħħar kienet, de facto jew de jure, f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi. B’mod partikolari, mill-kliem tal-imsemmi mandat, imfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, bl-ebda mod ma jirriżulta li l-persuna kompetenti ma tirrappreżentax l-interessi tal-Bank.

65

Bl-istess mod, il-fatt li l-persuna kompetenti nħatret mill-awtorità nazzjonali kompetenti li għamlet lill-BĊE l-proposta ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi.

66

Fir-rigward tal-portata tas-sentenza msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat, minn naħa, li din ma kinitx tikkonċerna lill-appellanti, iżda istituzzjoni oħra ta’ kreditu Maltija li fir-rigward tagħha l-MFSA kienet ħatret persuna kompetenti.

67

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Appell (Kompetenza Inferjuri) ikkonfermat, f’din is-sentenza, li l-amministraturi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ma għandhomx jiġu imċaħħda mis-setgħat kollha tagħhom minħabba l-ħatra ta’ persuna kompetenti. B’hekk, huma jibqgħu awtorizzati jitolbu, f’isem l-istituzzjoni ta’ kreditu, ir-revoka ta’ ċertu numru ta’ deċiżjonijiet ta’ superviżjoni prudenzjali adottati mill-MFSA bħala awtorità nazzjonali kompetenti u, b’mod partikolari, tad-deċiżjoni ta’ ħatra ta’ persuna kompetenti.

68

Madankollu, minn din is-sentenza ma jirriżultax li, f’sitwazzjoni fejn tkun inħatret persuna kompetenti u fejn din tkun ingħatat mandat ta’ rappreżentanza, b’mod partikolari mandat ta’ rappreżentanza ġudizzjarja, l-amministraturi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jibqgħu kompetenti li jqabbdu avukat sabiex jirrappreżenta lil din l-istituzzjoni fi proċeduri li jikkonċernaw deċiżjonijiet adottati mill-BĊE jew sabiex jikkontestaw deċiżjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

69

Fl-aħħar nett, huwa irrilevanti li l-Bord tad-Diretturi tal-appellanti huwa d-destinatarju tal-messaġġ elettroniku kontenzjuż inkwantu din tal-aħħar ġiet adottata mill-BĊE bħala tweġiba għal talba mressqa mill-avukat imqabbad minn dan il-korp.

70

Fil-fatt, għalkemm minn tali fatt jista’ jirriżulta li l-Bord tad-Diretturi tal-appellanti, bħala destinatarju tal-messaġġ elettroniku kontenzjuż, għandu locus standi sabiex jippreżenta, f’ismu stess, rikors intiż għall-annullament ta’ din tal-aħħar, dan ma jfissirx, madankollu, li dan l-istess bord tad-diretturi, wara li nħatret il-persuna kompetenti, kien għadu awtorizzat jieħu d-deċiżjoni li jippreżenta rikors quddiem qorti tal-Unjoni f’isem l-appellanti u kien għadu kompetenti sabiex iqabbad avukat għal dan il-għan.

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-rikors fl-ewwel istanza għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l‑ispejjeż

72

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

73

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplika għall-proċedura ta’ appell, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

74

F’dan il-każ, peress li Pilatus Bank ħareġ tellief u l-BĊE talab, kemm quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali, li Pilatus Bank jiġi kkundannat għall-ispejjeż, hemm lok li dan tal-aħħar jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk tal-BĊE relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u ma’ dan l-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑24 ta’ Settembru 2021, Pilatus Bank vs BĊE (T‑139/19, EU:T:2021:623), huwa annullat.

 

2)

Ir-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑139/19 huwa miċħud bħala inammissibbli.

 

3)

Pilatus Bank plc hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top