Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0567

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-8 ta’ Ġunju 2023.
    BNP Paribas SA vs TR.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikoli 33 u 36 – Rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru – Invokazzjoni inċidentali quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor – Effetti prodotti minn din is-sentenza fl-Istat tal-oriġini – Ammissibbiltà ta’ azzjoni mressqa fl-Istat Membru indirizzat wara l-imsemmija sentenza – Regoli proċedurali nazzjonali li jimponu l-konċentrazzjoni ta’ talbiet f’istanza waħda.
    Kawża C-567/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:452

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    8 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikoli 33 u 36 – Rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru – Invokazzjoni inċidentali quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor – Effetti prodotti minn din is-sentenza fl-Istat tal-oriġini – Ammissibbiltà ta’ azzjoni mressqa fl-Istat Membru indirizzat wara l-imsemmija sentenza – Regoli proċedurali nazzjonali li jimponu l-konċentrazzjoni ta’ talbiet f’istanza waħda”

    Fil-Kawża C‑567/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (France) (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Settembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

    BNP Paribas SA

    vs

    TR,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal BNP Paribas SA, minn V. Bringer, N. Coutrelis u M. Lévis, avocats,

    għal TR, minn A. Lyon-Caen, T. Lyon-Caen u F. Thiriez, avocats,

    għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u A. L. Desjonquères, bħala aġenti,

    għall-Gvern Svizzeru, minn N. Marville-Dosen u J. Schickel-Küng, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë u W. Wils, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Frar 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 33 u 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BNP Paribas SA u TR dwar it-tkeċċija tiegħu, li kienet is-suġġett ta’ sentenza mogħtija minn qorti Ingliża, li l-effetti tagħha fuq l-ammissibbiltà ta’ azzjoni mressqa sussegwentement, quddiem qrati Franċiżi, jagħtu lok għal kontestazzjoni.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Ir‑Regolament Nru 44/2001

    3

    Il-premessi 2, 6, 16 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001 huma fformulati kif ġej:

    “(2)

    Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

    […]

    (6)

    Sabiex jintlaħaq l-obbjettiv ta’ moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkun regolat minn strument legali tal-Komunità li jkun jorbot u direttament applikabbli.

    […]

    (16)

    Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

    […]

    (19)

    Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-[Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32)] u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni [ta’ din il‑]Konvenzjoni […] mill-Qorti tal-Ġustizzja […]”

    4

    L-Artikolu 33 li jinsab taħt is-Sezzjoni 1 intitolata “Rikonoxximent” tal-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, jipprevedi:

    “1.   Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.

    2.   Xi parti interessata li tqajjem rikonoxximent ta’ sentenza bħala s-suġġet prinċipali fi kwestjoni tista’, bi qbil mal-proċeduri li hemm disposizzjoni dwarhom f’Sezzjonijiet 2 u 3 ta’ dan il-Kapitolu, japplika għal deċiżjoni li s-sentenza tiġi rikonoxxuta.

    3.   Jekk ir-riżultat tal-proċedimenti f’qorti ta’ Stat Membru jiddependi mid-determinazzjoni ta’ kwistjoni inċidentali tar-rikonoxximent, dik il-qorti għandha jkollha ġurisdizzjoni fuq dak il-każ.”

    5

    Taħt din is-Sezzjoni 1, l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

    “Taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ jiġi reveduta s-sentenza barranija fuq is-sustanza tagħha.”

    6

    Dan ir-regolament tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). Madankollu, konformement mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, ir-Regolament Nru 44/2001 għandu jkompli japplika għas-sentenzi mogħtija fil-proċeduri ġudizzjarji mibdija qabel l‑10 ta’ Jannar 2015 li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

    Il‑Ftehim dwar il‑Ħruġ

    7

    Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie adottat fis‑17 ta’ Ottubru 2019 u daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020.

    8

    L-Artikolu 67 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, u kooperazzjoni relatata bejn l-awtoritajiet ċentrali”, jipprevedi, fil-paragrafu 2(a) tiegħu:

    “Fir-Renju Unit, kif ukoll fl-Istati Membri f’sitwazzjonijiet li jinvolvu r-Renju Unit, l-atti jew id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu japplikaw kif ġej fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-infurzar ta’ sentenzi, ta’ deċiżjonijiet, ta’ strumenti awtentiċi, ta’ soluzzjonijiet fil-qorti u ta’ ftehimiet:

    a)

    ir-Regolament […] Nru 1215/2012 għandu japplika għar-rikonoxximent u għall-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi proċedimenti legali istitwiti qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni […]”

    9

    L-Artikolu 126 tal-imsemmi ftehim jipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni li jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u jintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020, li matulu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 127(1) tal-istess ftehim, id-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli għar-Renju Unit u fit-territorju tiegħu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-Ftehim dwar il-Ħruġ.

    Id‑dritt nazzjonali

    Id‑dritt Franċiż

    10

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 1234‑5 tal-code du travail (il-Kodiċi tax-Xogħol) jipprovdi li:

    “Meta l-impjegat ma jaħdimx il-perijodu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg, huwa għandu dritt għal allowance kumpensatorja, sakemm ma jkunx wettaq nuqqas serju.”

    11

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 1234‑9 ta’ dan il-kodiċi:

    “L-impjegat li jkollu kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat, li jitkeċċa […], għandu dritt għal allowance ta’ tkeċċija ħlief f’każ ta’ nuqqas serju.”

    12

    Skont l-Artikolu L. 1235–3 tal-imsemmi kodiċi, jekk it-tkeċċija ta’ impjegat isseħħ għal kawża mhux reali u serja, il-qorti tista’ tipproponi r-reintegrazzjoni tal-impjegat fl-impriża, biż-żamma tal-benefiċċji miksuba tiegħu, u, jekk xi parti jew oħra tirrifjuta din ir-reintegrazzjoni, il-qorti tagħti lill-persuna impjegata kumpens li jitħallas mill-persuna li timpjega.

    13

    L-Artikolu R. 1452–6 tal-istess kodiċi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel it-tħassir tiegħu permezz tad-Digriet Nru 2016–660 tal‑20 ta’ Mejju 2016 dwar il-Ġustizzja tax-Xogħol u t-Trattament Ġudizzjarju tal-Kontenzjuż fuq ix-Xogħol (JORF tal‑25 ta’ Mejju 2016, test Nru 30), kien jipprovdi:

    “It-talbiet kollha marbutin mal-kuntratt ta’ xogħol bejn l-istess partijiet, kemm jekk isiru mir-rikorrent jew mill-konvenut, ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni waħda.

    Din ir-regola ma tapplikax meta l-bażi tal-pretensjonijiet tkun tnisslet jew tkun ġiet żvelata wara li jkun adit il-conseil de prud’hommes [(il-Qorti Industrijali, Franza)]”.

    Id‑dritt tar-Renju Unit

    14

    L-Employment Rights Act 1996 (il-Liġi tal‑1996 dwar id-Drittijiet fil-Qasam tal-Impjieg, iktar ’il quddiem l-“ERA 1996”) tinkludi l-Parti X, li hija intitolata “Tkeċċija inġusta”.

    15

    Il-Kapitolu I ta’ din il-Parti X, intitolat “Dritt li persuna ma titkeċċiex b’mod inġust”, jinkludi t-Taqsima 98, li hija fformulata kif ġej:

    “(1) Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, sabiex jiġi deċiż jekk it-tkeċċija ta’ persuna impjegata hijiex iġġustifikata jew inġusta, il-persuna li timpjega għandha turi:

    (a)

    ir-raġuni (jew, jekk ikun hemm diversi raġunijiet, ir-raġuni prinċipali) tat-tkeċċija, u

    (b)

    jekk hemmx raġuni li taqa’ taħt il-paragrafu (2) jew xi raġuni sostantiva oħra li tiġġustifika t-tkeċċija ta’ persuna impjegata li tokkupa l-post li kienet tokkupa l-persuna impjegata.

    (2) Raġuni tkun taqa’ taħt dan il-paragrafu jekk:

    […]

    (b)

    tikkonċerna l-aġir tal-impjegat.

    […]

    (4) Meta l-persuna li timpjega tkun issodisfat ir-rekwiżiti tal-paragrafu (1), id-deċiżjoni dwar jekk it-tkeċċija hijiex iġġustifikata jew inġusta (fid-dawl tar-raġuni murija mill-persuna li timpjega):

    (a)

    tiddependi mill-fatt dwar jekk, fiċ-ċirkustanzi (inkluż id-daqs u r-riżorsi amministrattivi tal-impriża tal-persuna li timpjega), il-persuna li timpjega tkunx aġixxiet b’mod raġonevoli jew le meta tkun ittrattatha bħala raġuni valida biex tkeċċi lill-persuna impjegata, u

    (b)

    tiġi deċiża skont l-ekwità u l-merti tal-każ.

    […]”

    16

    Il-Kapitolu II tal-imsemmija Parti X, intitolat “Rimedju f’każ ta’ tkeċċija inġusta”, jinkludi t-Taqsima 118 li tipprovdi li, meta qorti tagħti kumpens għal tkeċċija inġusta konformement mat-Taqsimiet 112(4) u 117(3), dawn il-kumpensi jikkonsistu, minn naħa, f’basic award (allowance bażika) u, min-naħa l-oħra, f’compensatory award (allowance kumpensatorja).

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    17

    Fil‑25 ta’ Awwissu 1998, skont kuntratt irregolat mid-dritt Ingliż, BNP Paribas, li qabel kienet BNP SA, ingaġġat lill-konvenut fil-kawża prinċipali sabiex jaħdem fi ħdan il-fergħa li tinsab f’Londra (ir-Renju Unit) ta’ din il-kumpannija Franċiża.

    18

    Fit‑2 ta’ April 2009, dawn il-partijiet iffirmaw kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, irregolat mid-dritt Franċiż, li kien jipprevedi l-kollokament tal-persuna kkonċernata f’Singapor. Sussegwentement, bis-saħħa ta’ emenda għal dan il-kuntratt tas‑16 ta’ Awwissu 2010, huwa ġie assenjat lill-fergħa ta’ Londra.

    19

    Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Settembru 2013, il-konvenut fil-kawża prinċipali tkeċċa minħabba nuqqas serju, minħabba fatti li seħħew matul il-kollokament tiegħu f’Singapor, tkeċċija li huwa kkontesta.

    20

    Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl‑20 ta’ Diċembru 2013, dan l-impjegat ressaq kawża quddiem l-Employment Tribunal, London Central (il-Qorti Industrijali ta’ Londra, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“qorti Ingliża”) intiża li tiġi kkonstatata tkeċċija inġusta u għal kumpens f’dan ir-rigward, filwaqt li fformula riżerva sabiex jitressqu wkoll talbiet għal ħlas b’rabta mat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

    21

    Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2014 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Brittanika”), din il-qorti ddikjarat din l-azzjoni fondata fid-dawl tad-dritt tar-Renju Unit u bagħtet lura għal seduta sussegwenti l-punti l-oħra relatati mal-miżuri kumpensatorji. BNP Paribas ħallset lill-persuna kkonċernata somma ta’ GBP 81175 (madwar EUR 96517) bħala kumpens. F’dik is-sentenza, l-imsemmija qorti esponiet, b’mod partikolari, li BNP Paribas kienet issanzjonat l-impjegat tagħha konformement mal-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż, iżda li r-rappreżentant legali ta’ din il-kumpannija kien aċċetta li t-tilwima tiġi deċiża skont l-ERA 1996 u l-ġurisprudenza tar-Renju Unit.

    22

    Fis‑27 ta’ Novembru 2014, l-imsemmi impjegat ressaq kawża quddiem il-conseil de prud’hommes de Paris (France) (il-Qorti Industrijali ta’ Pariġi, Franza), sabiex BNP Paribas tiġi kkundannata tħallsu diversi somom, b’mod partikolari, danni minħabba tkeċċija mingħajr kawża reali u serja, allowance kumpensatorja għal nuqqas ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, allowance għal tkeċċija kif ukoll bonusijiet u primjums previsti mill-kuntratt ta’ xogħol tiegħu. Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2016, dawn it-talbiet ġew iddikjarati inammissibbli minħabba l-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza Brittanika.

    23

    Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2019, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) annullat is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2016. Hija qieset li s-sentenza Brittanika kellha l-awtorità ta’ res judicata sa fejn kienet qieset li t-tkeċċija ma kinitx ibbażata fuq kawża reali u serja, iżda li t-talbiet tal-impjegat kienu madankollu ammissibbli fi Franza. Din il-qorti rrilevat li r-rikors ippreżentat quddiem il-qorti Ingliża kien jindika espliċitament li l-persuna kkonċernata kienet qiegħda titlob “allowance bażika u kumpensatorja”, iżda mhux “l-allowances u l-vantaġġi soċjali marbuta mat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha”, li hija kellha l-intenzjoni tikseb billi tressaq kawża quddiem qorti oħra. Il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) iddeċidiet li t-talbiet pekunjarji mressqa quddiem il-qorti Ingliża ma kinux l-istess u ma kellhomx l-istess kawża bħal dawk imressqa quddiemha, b’tali mod li ebda awtorità ta’ res judicata ma setgħet tiġi invokata fil-konfront tagħhom. Hija kkundannat lil BNP Paribas għall-ħlas ta’ danni minħabba tkeċċija mingħajr kawża reali u serja, għal allowance kumpensatorja għal nuqqas ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, għal allowance ta’ tkeċċija kif ukoll għal bonusijiet u primjums, skont id-dritt Franċiż u l-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    24

    BNP Paribas appellat minn din is-sentenza quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-proċedura. Hija tinvoka, b’mod partikolari, l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex issostni li, minħabba s-sentenza Brittanika, il-qrati Franċiżi ma kellhomx il-possibbiltà li jeżaminaw it-talbiet imressqa mill-impjegat ikkonċernat. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija tqis li l-eċċezzjoni ta’ res judicata kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-awtorità u tal-effikaċja li kienet tgawdi minnha s-sentenza barranija fl-Istat Membru fejn ingħatat u li kellu jiġi eżaminat jekk din is-sentenza kinitx tipprekludi lill-imħallfin ta’ Stat Membru ieħor milli jiddeċiedu dwar talbiet li setgħu jiġu fformulati sa mill-kawża mressqa f’dan l-ewwel Stat. Fit-tieni lok, hija ssostni li, fil-kawża prinċipali, it-talbiet imressqa fi Franza mill-impjegat għandhom l-istess suġġett, jiġifieri l-kumpens għall-konsegwenzi tat-tkeċċija tiegħu, u l-istess suġġett, jiġifieri l-kuntratt ta’ xogħol iffirmat fit‑2 ta’ April 2009, bħal dawk li kienet diġà ġiet adita bihom il-qorti Ingliża, b’tali mod li huma f’kunflitt mar-res judicata minn din tal-aħħar, u għalhekk huma inammissibbli.

    25

    F’dan ir-rigward, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) tistaqsi, l-ewwel, jekk, fid-dawl tal-Artikoli 33 u 36 tar-Regolament Nru 44/2001, ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru jistax jirrendi inammissibbli kawża bejn l-istess partijiet u bbażata fuq l-istess kuntratt, li tressqet sussegwentement fi Stat Membru ieħor sabiex tingħata deċiżjoni dwar talbiet mhux ifformulati quddiem l-imsemmija qorti barranija, fiċ-ċirkustanza fejn id-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini, jiġifieri dan l-ewwel Stat, jipprevedi regola ta’ konċentrazzjoni tat-talbiet jew ta’ uniċità tal-istanza u eventwalment id-dritt tal-Istat Membru indirizzat, jiġifieri dan it-tieni Stat, jipprevedi regola simili.

    26

    Skont il-qorti tar-rinviju, fil-każ ineżami, fir-rigward tad-dritt tar-Renju Unit, BNP Paribas invokat ir-regola tal-“abuse of process” li toħroġ mid-deċiżjoni tal‑20 ta’ Lulju 1843, Henderson vs Henderson, tal-Court of Chancery (England & Wales) ((il-Qorti tal-Ekwità) (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit), li “timponi fuq il-partijiet, meta l-kwistjoni tagħhom tkun saret is-suġġett ta’ tilwima quddiem qorti kompetenti, li jressqu l-kwistjoni kollha quddiem din tal-aħħar sabiex l-aspetti kollha ta’ din il-kwistjoni jkunu jistgħu jiġu maqtugħa, salv għall-appell, darba għal dejjem”. Il-Qorti tar-rinviju żżid tgħid li, fir-rigward tad-dritt Franċiż, ir-regola msejħa tal-“uniċità tal-istanza” stabbilita fl-Artikolu R. 1452–6 tal-Kodiċi tax-Xogħol, li tipprevedi li t-talbiet kollha marbuta ma’ kuntratt ta’ xogħol bejn l-istess partijiet għandhom bħala prinċipju jkunu s-suġġett ta’ istanza waħda, kienet għadha fis-seħħ meta ġie adit il-conseil de prud’ hommes de Paris (il-Qorti Industrijali ta’ Pariġi).

    27

    It-tieni, fil-każ li jiġi deċiż li inammissibbiltà ma tirriżultax mill-effetti ta’ sentenza barranija, fis-sens tal-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 44/2001, f’tali ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett ta’ eventwali identiċità ta’ “kawża” u ta’ “suġġett” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 33 u 36 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fid-dawl tat-talbiet speċifiċi li tressqu, fil-każ ineżami, rispettivament quddiem il-qorti Ingliża u quddiem il-qrati Franċiżi.

    28

    F’dan ir-rigward, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk għandhomx jiġu kklassifikati bħala li għandhom l-“istess suġġett” it-talbiet kollha li għandhom bħala għan li jissanzjonaw finanzjarjament in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi li jirriżultaw mill-istess kuntratt ta’ xogħol, jew jekk għandhiex issir distinzjoni bejn dawn it-talbiet skont jekk humiex relatati ma’ obbligi inerenti għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, jew ma’ obbligi proprji għat-terminazzjoni tiegħu.

    29

    Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi, b’mod iktar partikolari, jekk hemmx identiċità ta’ “suġġett” bejn, minn naħa, allowance kompensatorja dovuta fil-każ ta’ tkeċċija inġusta, bħal dik prevista fid-dritt Ingliż mill-ERA 1996, u, min-naħa l-oħra, allowance dovuta fil-każ ta’ tkeċċija mingħajr kawża reali u serja, bħal dik prevista fid-dritt Franċiż fl-Artikolu L. 1235–3 tal-Kodiċi tax-Xogħol, jew possibbilment, allowance kumpensatorja għal nuqqas ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg u allowance ta’ tkeċċija, bħal dawk previsti rispettivament fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 1234–5 u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 1234–9 ta’ dan il-kodiċi.

    30

    It-tielet u fl-aħħar nett, hija tixtieq tkun taf jekk azzjoni bħal dik ta’ tkeċċija inġusta eżistenti fir-Renju Unit u azzjoni għall-finijiet tal-ħlas ta’ bonusijiet jew ta’ primjums previsti minn kuntratt ta’ xogħol għandhomx jitqiesu li għandhom l-“istess kawża” u l-“istess suġġett”, meta dawn iż-żewġ azzjonijiet ikunu bbażati fuq l-istess relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikoli 33 u 36 tar-[Regolament Nru 44/2001] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini tad-deċiżjoni tagħti lil din tal-aħħar awtorità li tipprojbixxi li titressaq azzjoni ġdida mill-istess partijiet għall-għoti ta’ deċiżjoni fuq it-talbiet li setgħu jiġu fformulati fl-ewwel istanza, l-effetti ta’ din id-deċiżjoni fl-Istat Membru indirizzat jipprekludu li qorti ta’ dan l-aħħar Stat, li l-liġi tiegħu applikabbli ratione temporis kienet tipprevedi fid-dritt industrjali, obbligu simili ta’ konċentrazzjoni tal-pretensjonijiet, tiddeċiedi fir-rigward ta’ tali talbiet?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din l-ewwel domanda, l-Artikoli 33 u 36 tar-[Regolament Nru 44/2001] għandhom jiġu interpretati fis-sens li azzjoni bħal dik ta’ “unfair dismissal” fir-Renju Unit għandha l-istess kawża u l-istess suġġett bħal azzjoni għal tkeċċija mingħajr kawża reali u serja fid-dritt Franċiż, b’tali mod li t-talbiet għad-danni mressqa mill-impjegat minħabba tkeċċija mingħajr kawża reali u serja, għall-allowance kumpensatorja għal nuqqas ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg u għall-allowance ta’ tkeċċija, wara li l-impjegat kiseb fir-Renju Unit deċiżjoni li tiddikjara l-“unfair dismissal” u li tagħti kumpens għal dan il-għan (compensatory award) huma inammissibbli? Hemm lok f’dan ir-rigward li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, id-danni minħabba tkeċċija mingħajr kawża reali u serja li jista’ jkollhom l-istess kawża u l-istess suġġett bħall-“compensatory award” u, min-naħa l-oħra, l-allowances ta’ tkeċċija u ta’ nuqqas ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg li, fid-dritt Franċiż, huma dovuti meta t-tkeċċija tkun ibbażata fuq kawża reali u serja, iżda ma humiex dovuti fil-każ ta’ tkeċċija bbażata fuq nuqqas serju?

    3)

    Bl-istess mod, l-Artikoli 33 u 36 tar-[Regolament Nru 44/2001] għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandhom l-istess kawża u l-istess suġġett azzjoni bħal dik ta’ “unfair dismissal” fir-Renju Unit u azzjoni għall-ħlas ta’ bonus jew ta’ primjum previsti fil-kuntratt ta’ xogħol peress li dawn l-azzjonijiet huma bbażati fuq l-istess relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    32

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi osservat li tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1215/2012, iżda li, skont l-Artikolu 66(2) ta’ dan tal-aħħar, l-ewwel regolament ikompli japplika għad-deċiżjonijiet mogħtija fl-azzjonijiet ġudizzjarji mibdija qabel l‑10 ta’ Jannar 2015.

    33

    Għalhekk, fil-kuntest ta’ talba għal rikonoxximent jew għal eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor, sabiex jiġi ddeterminat liema minn dawn iż-żewġ regolamenti huwa applikabbli ratione temporis, għandu jsir riferiment għad-data tat-tressiq tal-azzjoni li wasslet għas-sentenza li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Weil, C‑361/18, EU:C:2019:473, punt 24).

    34

    F’dan il-każ, l-azzjoni li wasslet għad-deċiżjoni li r-rikonoxximent tagħha huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali tressqet fl‑20 ta’ Diċembru 2013 quddiem il-qorti Ingliża. Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli ratione temporis għall-kawża mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju.

    35

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-applikabbiltà ratione loci tar-Regolament Nru 44/2001 minkejja l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 67(2)(a) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, moqri flimkien mal-Artikoli 126 u 127 tiegħu, ir-Regolament Nru 1215/2012 japplika, għar-Renju Unit kif ukoll fl-Istati Membri fil-każ ta’ sitwazzjoni li tinvolvi lir-Renju Unit, għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija fil-kuntest ta’ azzjonijiet ġudizzjarji mibdija qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, jiġifieri l‑31 ta’ Diċembru 2020.

    36

    Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni li jinsabu fir-Regolament Nru 44/2001, li kien diġà tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1215/2012 waqt l-adozzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, jibqgħu wkoll applikabbli taħt l-istess kundizzjonijiet.

    37

    Fil-każ ineżami, peress li s-sentenza Brittanika li tagħha qiegħed jintalab ir-rikonoxximent fi Franza ngħatat fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja mibdija fl‑20 ta’ Diċembru 2013, ir-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli ratione loci għall-kawża prinċipali.

    38

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 19 tiegħu u sa fejn dan ir-regolament jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni ta’ stati Membri ġodda f’din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-Konvenzjoni ta’ Brussell”), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tgħodd ukoll għall-dawk tal-imsemmi regolament, ladarba d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et, C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija speċjalment f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi rrilevat li tali ekwivalenza teżisti bejn, minn naħa, l-Artikoli 26 u 29 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 33 u 36 tar-Regolament Nru 44/2001, peress li l-kliem ta’ dawn l-ewwel artikoli ġew essenzjalment riprodotti f’dawn it-tieni artikoli. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni diġà pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna lil wieħed tapplika wkoll għall-ieħor.

    40

    Fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rigward tal-portata tad-domandi magħmula f’din il-kawża, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkorrispondi għall-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 33(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri dik fejn ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru, imsejjaħ “Stat Membru tal-oriġini”, hija invokat b’mod inċidentali quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor, imsejjaħ “Stat Membru indirizzat”. Min-naħa l-oħra, mir-rapport dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell, imfassal minn P. Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 44), jirriżulta li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 26 ta’ din il-konvenzjoni, li huwa ekwivalenti għall-Artikolu 33(3) ta’ dan ir-regolament, “jikkonċerna l-każijiet fejn ir-rikonoxximent huwa invokat b’mod inċidentali, jiġifieri bħala eċċezzjoni ta’ res judicata matul proċeduri oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali], sabiex jiġi evitat li t-tressiq f’dan l-Istat Membru l-ieħor ta’ talbiet li jirrigwardaw punti identiċi għal dawk deċiżi minn din is-sentenza qiegħduha inkwistjoni.

    Fuq l‑ewwel domanda

    41

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 36 ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li r-rikonoxximent, fl-Istat Membru indirizzat, ta’ sentenza dwar kuntratt ta’ xogħol, mogħtija fl-Istat Membru ta’ oriġini, ikollu bħala konsegwenza li jwassal għall-inammissibbiltà tat-talbiet imressqa quddiem qorti tal-Istat Membru indirizzat minħabba li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tipprevedi regola proċedurali ta’ konċentrazzjoni tat-talbiet kollha relatati ma’ dan il-kuntratt ta’ xogħol.

    42

    Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kunċett ta’ “rikonoxximent” ma huwiex iddefinit mir-Regolament Nru 44/2001, li jgħid biss, fl-Artikolu 33(1) tiegħu, li sentenzi mogħtija minn Stat Membru għandhom jiġu rrikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura oħra u, fl-Artikolu 36 tiegħu, li fi kwalunkwe każ, sentenza barranija ma tistax tkun reveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha.

    43

    Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi jsir riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et, C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 25, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2018, E.ON Czech Holding, C‑560/16, EU:C:2018:167, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Fir-rigward tal-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001, mill-premessi 2, 6 u 16 tiegħu jirriżulta li dan ir-regolament huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jiżgura l-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali mogħtija fl-Istati Membri marbuta mill-imsemmi regolament, billi jgħaqqad ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni kif ukoll billi jissemplifika l-formalitajiet meħtieġa għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Società Immobiliare Al Bosco, C‑379/17, EU:C:2018:806, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Aktiva Finants, C‑433/18, EU:C:2019:1074, punt 25).

    45

    Fir-rigward tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001, il-premessa 16 tiegħu tenfasizza l-importanza tal-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, iktar u iktar meta l-qrati tal-Istati Membri jintalbu japplikaw regoli komuni ta’ ġurisdizzjoni. Din il-fiduċja reċiproka tiġġustifika rikonoxximent ipso jure tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru, kif jipprevedi l-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament, u timplika nuqqas ta’ reviżjoni ta’ tali sentenzi fir-rigward tal-mertu, kif jeżiġi l-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et, C‑456/11, EU:C:2012:719, punti 283537; tas‑26 ta’ Settembru 2013, Salzgitter Mannesmann Handel, C‑157/12, EU:C:2013:597, punti 3132, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 40).

    46

    L-imsemmija fiduċja tippreżupponi wkoll li d-dispożizzjonijiet dwar il-prinċipju tar-rikonoxximent ta’ tali sentenza, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 44/2001, ma jiġux interpretati b’mod restrittiv, filwaqt li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et, C‑456/11, EU:C:2012:719, punti 2830; tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 41, kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2022, London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association, C‑700/20, EU:C:2022:488, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    F’dan il-kuntest, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret meta ċċitat ir-rapport ta’ P. Jenard imsemmi fil-punt 40 tas-sentenza preżenti, ir-rikonoxximent għandu “jkollu l-effett li jattribwixxi lis-sentenzi l-awtorità u l-effikaċja li jgawdu minnhom fl-Istat fejn ikunu ngħataw” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, sentenza barranija rrikonoxxuta abbażi tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jkollha, bħala regola ġenerali, fl-Istat indirizzat, l-istess effetti bħal dawk li hija għandha fl-Istat ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et, C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 42 sa 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, meta r-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru jiġi invokat abbażi tar-Regolament Nru 44/2001, hemm lok, bħala prinċipju, minn naħa, li jsir riferiment biss għar-regoli tad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini sabiex jiġu ddeterminati l-effetti li din is-sentenza għandu jkollha fl-Istat Membru indirizzat u, min-naħa l-oħra, li tali deċiżjoni tingħata l-awtorità u l-effikaċja li hija tgawdi fl-Istat Membru ta’ oriġini.

    49

    Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini jimponi fuq il-partijiet li jikkonċentraw it-talbiet kollha tagħhom dwar l-istess relazzjoni ġuridika fi ħdan istanza waħda, taħt piena ta’ inammissibbiltà. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk tali regola proċedurali taqax taħt l-awtorità u l-effikaċja ta’ deċiżjoni mogħtija fl-Istat Membru tal-oriġini meta din tiġi rrikonoxxuta fl-Istat Membru indirizzat, b’tali mod li t-talbiet ġodda mressqa sussegwentement quddiem qorti tal-Istat Membru indirizzat, bejn l-istess partijiet u fuq il-bażi tal-istess relazzjoni ġuridika, ikunu inammissibbli.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali regola tad-dritt intern ta’ konċentrazzjoni tat-talbiet hija ta’ natura proċedurali u għandha l-għan li tevita li t-talbiet marbuta mal-istess relazzjoni ġuridika waħda li torbot lill-partijiet jagħtu lok għal diversi istanzi, kemm fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja kif ukoll fl-interess tal-partijiet ikkonċernati. Issa, tali regola ma hijiex intiża li tirregola l-awtorità u l-effikaċja li minnha tgawdi sentenza fl-Istat Membru fejn tkun ingħatat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 tas-sentenza preżenti. Għaldaqstant, l-imsemmija regola ma hijiex intiża li tapplika għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-effetti marbuta ma’ sentenza li r-rikonoxximent tagħha huwa invokat sabiex tipprekludi l-ammissibbiltà ta’ azzjoni bejn l-istess partijiet u li tikkonċerna l-istess relazzjoni ġuridika li ġiet ippreżentata fi Stat Membru ieħor wara din is-sentenza.

    51

    Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 58 sa 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni kuntrarja tirriskja li tqiegħed inkwistjoni l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent, li jinsabu fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, u tista’ wkoll tikkomprometti l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu b’mod unifikat il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri, li jinsabu fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, sa fejn dan jista’ jkollu bħala konsegwenza li parti tiġi prekluża milli tressaq talbiet ġodda quddiem qorti li madankollu tkun indikata li għandha ġurisdizzjoni mill-istess regolament.

    52

    Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, għalkemm ir-rikonoxximent għandu jkollu effett, bħala prinċipju, li jagħti lis-sentenzi barranin l-awtorità u l-effikaċja li minnhom igawdu fl-Istat Membru fejn dawn ikunu ngħataw, dan huwa differenti fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza, minħabba li, waqt dan tal-aħħar, ma teżisti l-ebda raġuni għaliex din is-sentenza tingħata drittijiet li ma japplikawx għaliha fl-Istat Membru ta’ oriġini jew effetti li ma jwasslux għal sentenza tal-istess tip mogħtija direttament fl-Istat Membru indirizzat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 66, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Società Immobiliare Al Bosco, C‑379/17, EU:C:2018:806, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Bl-istess mod, meta sentenza barranija tiġi rrikonoxxuta fl-Istat Membru indirizzat, din tiġi integrata fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru u r-regoli proċedurali tiegħu japplikaw.

    54

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina liema huma r-regoli proċedurali applikabbli wara r-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija fl-Istat Membru ta’ oriġini u l-eventwali konsegwenzi proċedurali fir-rigward tat-talbiet ifformulati sussegwentement.

    55

    Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 36 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li r-rikonoxximent, fl-Istat Membru indirizzat, ta’ deċiżjoni li tikkonċerna kuntratt ta’ xogħol, mogħtija fl-Istat Membru ta’ oriġini, jkollu bħala konsegwenza li jwassal għall-inammissibbiltà tat-talbiet imressqa quddiem qorti tal-Istat Membru indirizzat minħabba li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini tipprevedi regola proċedurali ta’ konċentrazzjoni tat-talbiet kollha relatati ma’ dan il-kuntratt ta’ xogħol, bla ħsara għar-regoli proċedurali tal-Istat Membru indirizzat li jistgħu japplikaw ladarba jseħħ dan ir-rikonoxximent.

    Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda

    56

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari.

    Fuq l‑ispejjeż

    57

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, moqri flimkien mal-Artikolu 36 ta’ dan ir-regolament,

     

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    jipprekludi li r-rikonoxximent, fl-Istat Membru indirizzat, ta’ deċiżjoni li tikkonċerna kuntratt ta’ xogħol, mogħtija fl-Istat Membru tal-oriġini, jkollu bħala konsegwenza li jwassal għall-inammissibbiltà tat-talbiet imressqa quddiem qorti tal-Istat Membru indirizzat minħabba li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tipprevedi regola proċedurali ta’ konċentrazzjoni tat-talbiet kollha relatati ma’ dan il-kuntratt ta’ xogħol, bla ħsara għar-regoli proċedurali tal-Istat Membru indirizzat li jistgħu japplikaw ladarba jseħħ dan ir-rikonoxximent.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top