This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0559
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 9 November 2023.#Global Silicones Council and Others v European Chemicals Agency.#Appeal – Establishment of a list of substances identified for eventual inclusion in Annex XIV to Regulation (EC) No 1907/2006 (REACH Regulation) – Entry of octamethylcyclotetrasiloxane (D4), decamethylcyclopentasiloxane (D5) and dodecamethylcyclohexasiloxane (D6) in that list – Persistent, bioaccumulative and toxic substances – Very persistent and very bioaccumulative substances – Bioaccumulation – Bioconcentration factor – Organo-metals.#Case C-559/21 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-9 ta’ Novembru 2023.
Global Silicones Council et vs Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).
Appell – Stabbiliment ta’ lista ta’ sustanzi identifikati bl-għan li jiġu eventwalment inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) – Inklużjoni tal-ottametilċiklotetrasilossan (D4), tad-dekametilċiklopentasilossan (D5) u tad-dodekametilċikloessasilossan (D6) f’din il-lista – Sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi – Sustanzi persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna – Bijoakkumulazzjoni – Fattur ta’ bijokonċentrazzjoni – Sustanzi organometalliċi.
Kawża C-559/21 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-9 ta’ Novembru 2023.
Global Silicones Council et vs Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).
Appell – Stabbiliment ta’ lista ta’ sustanzi identifikati bl-għan li jiġu eventwalment inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) – Inklużjoni tal-ottametilċiklotetrasilossan (D4), tad-dekametilċiklopentasilossan (D5) u tad-dodekametilċikloessasilossan (D6) f’din il-lista – Sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi – Sustanzi persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna – Bijoakkumulazzjoni – Fattur ta’ bijokonċentrazzjoni – Sustanzi organometalliċi.
Kawża C-559/21 P.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:842
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)
9 ta’ Novembru 2023 ( *1 )
“Appell – Stabbiliment ta’ lista ta’ sustanzi identifikati bl-għan li jiġu eventwalment inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) – Inklużjoni tal-ottametilċiklotetrasilossan (D4), tad-d dekametilċiklopentasilossan (D5) u tad-dodekametilċikloessasilossan (D6) f’din il-lista – Sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi – Sustanzi persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna – Bijoakkumulazzjoni – Fattur ta’ bijokonċentrazzjoni – Sustanzi organometalliċi”
Fil-Kawża C‑559/21 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑8 ta’ Settembru 2021,
Global Silicones Council, stabbilita f’Washington (l-Istati Uniti),
Dow Silicones UK Ltd, stabbilita f’Barry (ir-Renju Unit),
Elkem Silicones Franza SAS, stabbilita f’Lyon (Franza),
Evonik Operations GmbH, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja),
Momentive Performance Materials GmbH, stabbilita f’Leverkusen (il-Ġermanja),
Shin-Etsu Silicones Europe BV, stabbilita f’Almere (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Wacker Chemie AG, stabbilita f’München (il-Ġermanja),
irrappreżentati minn R. Cana, E. Mullier u Z. Romata, avocats,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn W. Broere, A. Hautamäki u M. Heikkilä, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata inizjalment minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti, sussegwentement minn J. Möller, bħala aġent,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Haasbeek, R. Lindenthal u K. Mifsud-Bonnici, bħala aġenti,
American Chemistry Council, Inc. (ACC), stabbiltà f’Washington, irrappreżentata inizjalment minn A. Moroni, avocate, B. Natens, advocaat, u K. Nordlander, advokat, sussegwentement minn S. De Knop, advocaat, A. Moroni, avocate, u B. Natens, advocaat, u fl-aħħar nett minn S. De Knop, advocaat, u A. Moroni, avocate,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), J.-C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukata Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ April 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, Global Silicones Council, Dow Silicones UK Ltd, Elkem Silicones France SAS, Evonik Operations GmbH, Momentive Performance Materials GmbH, Shin-Etsu Silicones Europe BV u Wacker Chemie AG (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“appellanti”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑30 ta’ Ġunju 2021, Global Silicones Council et vs ECHA (T‑519/18, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2021:404), li permezz tagħha, hija ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) tas‑27 ta’ Ġunju 2018, li tinkludi l-ottametilċiklotetrasilossan (D4), id-dekametilċiklopentasilossan (D5) u d-dodekametilċikloessasilossan fil-lista ta’ sustanzi identifikati bl-għan tal-eventwali inklużjoni tagħhom fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil‑ĠU 2008, L 141, p. 22 u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/589, tat‑18 ta’ April 2018 (ĠU 2018, L 99, p. 7, rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 99) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”). |
Il‑kuntest ġuridiku
Ir‑Regolament REACH
|
2 |
L-Artikolu (1) tar-Regolament REACH jistabbilixxi: “L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni.” |
|
3 |
L-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Fejn ikunu meħtieġa testijiet fuq sustanzi sabiex tiġi ġenerata informazzjoni dwar il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi, dawn għandhom isiru skond il-metodi tat-test disposti f’Regolament tal-Kummissjoni [Ewropea] jew skond metodi ta’ ttestjar oħra internazzjonali rikonoxxuti bħala adegwati mill-Kummissjoni jew mill-[ECHA]. Il-Kummissjoni għandha tadotta dak ir-Regolament, imfassal sabiex jemenda l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissuplimentah, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(4). L-informazzjoni dwar il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi tista’ tiġi ġenerata skond il-metodi tat-testijiet oħrajn sakemm ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet disposti fl-Anness XI.” |
|
4 |
Skont l-Artikolu 57(d) u (e) tal-imsemmi regolament: “Is-sustanzi li ġejjin jistgħu jiġu inklużi fl-Anness XIV skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 58: […]
|
|
5 |
L-Anness XIII tar-Regolament REACH (iktar ’il quddiem l-“Anness XIII”), intitolat “Kriterji għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi persistenti, bijo-akkumulattivi u tossiċi, u sustanzi persistenti ħafna u bijo-akkumulattivi ħafna”, jistabbilixxi l-kriterji għall-identifikazzjoni tas-sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (iktar ’il quddiem is-“sustanzi PBT”), u tas-sustanzi persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna (iktar ’il quddiem is-“sustanzi vPvB”) kif ukoll l-informazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-proprjetà P (persistenti), B (bijoakkumulattiva) u T (tossika) ta’ sustanza. |
Ir‑Regolament (UE) Nru 253/2011;
|
6 |
Fil‑15 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 253/2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Anness XIII (ĠU 2011, L 69, p. 7). |
|
7 |
Il-premessi 5 u 6 tar-Regolament Nru 253/2011 jipprovdu:
|
|
8 |
L-Anness XIII, kif emendat bir-Regolament Nru 253/2011, jindika fil-preambolu tiegħu: “Dan l-Anness jistabbilixxi l-kriterju għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi [PBT] u sustanzi [vPvB] kif ukoll l-informazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata għall-iskop tal-valutazzjoni tal-kwalitajiet P, B, u T tas-sustanza. Għall-identifikazzjoni tas-sustanzi PBT u s-sustanzi vPvB għandha tiġi applikata l-importanza tad-determinazzjoni talevidenza bl-użu tal-ġudizzju espert, billi l-informazzjoni rilevanti u disponibbli kollha elenkata fit-Taqsima 3.2 titqabbel mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 1. Dan għandu jiġi applikat b’mod partikolari meta l-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 1 ma jistgħux jiġi applikati direttament għall-informazzjoni disponibbli. L-importanza tad-determinazzjoni tal-evidenza tfisser li l-informazzjoni disponibbli kollha li tinfluwenza l-identifikazzjoni ta’ sustanza PBT jew vPvB tiġi kkunsidrata flimkien, bħalma huma r-riżultati tal-monitoraġġ u l-immudellar, adattati għal testijiet in vitro, dejta rilevanti tal-annimali, informazzjoni mill-applikazzjoni tal-approċċ tal-kategorija (il-ġbir flimkien, metodu tar-read-across), ir-riżultati (Q)SAR [(relazzjoni kwalitattiva jew struttura-attività kwantitattiva)], esperjenza umana bħad-dejta dwar ix-xogħol u dejta minn bażijiet tad-dejta dwar inċidenti, studji epidemoloġiċi u kliniċi u rapporti ta’ każijiet u osservazzjonijiet iddokumentati tajjeb. Il-kwalità u l-konsistenza tad-dejta għandhom jingħataw importanza xierqa. Ir-riżultati disponibbli, minkejja l-konklujonijiet individwali tagħhom, għandhom jinġabru flimkien f’determinazzjoni unika tad- tal-piż tal-evidenza. L-informazzjoni użata għall-iskopijiet tal-valutazzjoni tal-kwalitajiet PBT/vPvB għandha tkun imsejsa fuq id-dejta miksuba skont kundizzjonijiet rilevanti. L-identifikazzjoni għandha tikkunsidra wkoll il-kwalitajiet PBT/vPvB tal-kostitwenti rilevanti ta’ sustanza u l-prodotti rilevanti li jittrasformaw ruħhom u/jew jiddegradaw. Dan l-Anness għandu japplika għas-sustanzi organiċi kollha, inklużi l-organo-metalli.” |
|
9 |
Il-punti 1.1.2 u 1.2.2 tal-Anness XIII, kif emendati bir-Regolament Nru 253/2011, huma fformulati kif ġej: “1.1.2. Il-bijoakkumulazzjoni Sustanza tissodisfa l-kriterju tal-bijoakkumulazzjoni (B) meta l-fattur tal-bijokonċentrazzjoni fl-ispeċijiet akkwatiċi huwa iktar minn 2000. […] 1.2.2 Il-bijoakkumulazzjoni Sustanza tissodisfa l-kriterju ta’ ‘bijoakkumulattiva ħafna’ (vB) meta l-fattur tal-bijokonċentrazzjoni fi speċijiet akkwatiċi jkun iktar minn 5000.” |
|
10 |
Skont il-punti 3.2. u 3.2.2 tal-Anness XIII, kif emendati bir-Regolament Nru 253/2011: “3.2. Informazzjoni tal-Valutazzjoni L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi kkunsidrata għall-valutazzjoni tal-kwalitajiet P, vP [(persistenti ħafna)], B, vB jew T, bl-użu ta’ approċċ li jiżen l-evidenza: […] 3.2.2. Valutazzjoni tal-kwalitajiet B jew vB:
|
Ir‑Regolament (KE) Nru 440/2008
|
11 |
Fit‑30 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni adottat, abbażi tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament REACH, ir-Regolament (KE) Nru 440/2008 li jistabbilixxi metodi ta’ ttestjar skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU 2008, L 142, p. 1). |
|
12 |
It-Taqsima C.13 tal-Anness tar-Regolament Nru 440/2008, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/735, tal‑14 ta’ Frar 2017 (ĠU 2017, L 112, p. 1), tikkonċerna l-“[b]ijoakkumulazzjoni fil-Ħut: Esponiment Milwiem u Djetetiku”. |
|
13 |
L-ewwel paragrafu tal-introduzzjoni ta’ din it-Taqsima C.13 huwa fformulat kif ġej: “Dan il-metodu ta’ ttestjar (TM) huwa ekwivalenti għal-linja gwida tat-test (TG) 305 tal-[Organizzazzjoni għall-kooperazzjoni u għall-iżvilupp ekonomiku (OCECD)]. L-għan ewlieni ta’ din ir-reviżjoni tal-metodu ta’ ttestjar jinqasam fi tnejn. L-ewwel nett, huwa maħsub sabiex jinkorpora test tal-bijoakkumulazzjoni djetetika xieraq sabiex jiġi stabbilit il-potenzjal ta’ bijoakkumulazzjoni ta’ sustanzi b’solubilità fl-ilma baxxa ħafna. […]” |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
14 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 7 sa 21 tas-sentenza appellata bit-termini li ġejjin:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
|
15 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Settembru 2018, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
16 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tat-talbiet tal-ECHA. |
|
17 |
Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Frar 2019, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal-intervent tal-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tal-ECHA. |
|
18 |
Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ April 2019, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent tal-American Chemistry Council Inc. (ACC) insostenn tat-talbiet tar-appellanti. |
|
19 |
Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti invokaw żewġ motivi. |
|
20 |
L-ewwel motiv kien ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-ECHA fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-proprjetà B tad-D4, tad-D5 u tad-D6, kif ukoll fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-proprjetà T tad-D5 u tad-D6, tal-qbiż tal-kuntest tal-kompetenzi tagħha u fuq ksur tal-Artikolu 59 tar-Regolament REACH. Dan il-motiv kien maqsum fi tmien partijiet, ibbażati, l-ewwel, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-ECHA sa fejn ħadet inkunsiderazzjoni opinjonijiet tal-MSC u tar-RAC mingħajr ma wettqet l-evalwazzjoni tagħha stess tal-informazzjoni li hija kellha u b’hekk billi “importat” l-iżbalji li jivvizzjaw dawn l-opinjonijiet, it-tieni, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-ECHA sa fejn ikkonkludiet li d-D4, id-D5 u d-D6 kienu jissodisfaw il-kriterji sabiex jiġu identifikati inkwantu sustanzi PBT u vPvB, li huma stabbiliti fl-Anness XIII, filwaqt li l-proprjietajiet P u B ma ġewx stabbiliti għall-istess qasam, it-tielet, fuq żball manfest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-ECHA sa fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura ibrida tad-D4, tad-D5 u tad-D6, ir-raba’, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-ECHA sa fejn kienet ibbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq il-bijoakkumulazzjoni tad-D4 u tad-D5 fuq provi li ma jistgħux isostnu tali konklużjonijiet, il-ħames, fuq żball manfiest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-ECHA sa fejn naqset milli tevalwa l-provi ġodda dwar il-bijoakkumulazzjoni (proprjetajiet B u vB) għad-D4 u għad-D5 li hija kellha sussegwentement għall-adozzjoni tal-opinjonijiet tal-MSC u tar-RAC, is-sitt, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-ECHA sa fejn hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha għall-finijiet tal-valutazzjoni dwar il-bijoakkumulazzjoni tad-D6, u s-seba’ u t-tmien, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-ECHA sa fejn naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar it-tossiċità tad-D5 u tad-D6 inwkantu tali, u sa fejn hija identifikat dawn is-sustanzi bħala sustanzi PBT minħabba l-preżenza fl-imsemmija sustanzi tad-D4 inkwantu impurità, u dan mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni limiti speċifiċi dwar il-kwantità ta’ D4 ddefiniti mill-MSC. |
|
21 |
It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
22 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi invokati u, b’konsegwenza, ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. |
It‑talbiet tal‑partijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
23 |
Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti, sostnuti mill-ACC, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
24 |
L-ECHA, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l‑appell
|
25 |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji, ibbażati fuq:
|
Fuq l‑ewwel aggravju
L‑argumenti tal-partijiet
|
26 |
L-appellanti, sostnuti mill-ACC, isostnu li d-“determinazzjoni permezz ta’ saħħa probatorja”, fis-sens tar-Regolament REACH, tfisser li, waqt l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk sustanza tissodisfax il-kriterji B u vB, id-data fuq l-FBK, prevista fit-Taqsima 3.2.2(a) tal-Anness XIII, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni waħedha, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll informazzjoni oħra bħall-fattur ta’ bijoamplifikazzjoni (iktar ’il quddiem l-“FBA”) jew il-fattur ta’ amplifikazzjoni trofika (iktar ’il quddiem il-“FAT”), espressament imsemmija fil-punt (c) tal-istess taqsima. Id-data kollha dwar is-sustanzi eżaminati għandha għalhekk tiġi evalwata flimkien fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-imsemmi anness u ebda data partikolari, bħal dik dwar l-FBK, ma tipprevali fuq id-data rilevanti disponibbli oħra, bħal dik fuq l-FBA u l-FAT, kif ukoll dik li b’mod partikolari tirriżulta minn interpretazzjoni testwali tat-Taqsima 3.2.2 tal-Anness XIII, mill-premessi 5 u 6 tar-Regolament Nru 253/2011 kif ukoll mill-“Gwida dwar ir-Rekwiżiti ta’ Informazzjoni u Evalwazzjoni tas-Sigurtà Kimika” tal-ECHA. |
|
27 |
Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea għażel li jagħti prijorità lir-riżultati tal-istudji affidabbli li jirrigwardaw l-FBK li l-valuri tagħhom għandhom saħħa probatorja iktar importanti minn dik ta’ data disponibbli oħra, u billi kkonstatat, fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, li l-prijorità mogħtija lid-data fuq l-FBK hija kkorroborata mit-Taqsimiet 1.1.2 u 1.2.2 tal-Anness XIII li jistabbilixxu l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-proprjetajiet B jew vB ta’ sutsanza meta mqabbla mal-FBK tagħha fost l-ispeċi akwatiċi, u, fil-punti 69 u 70 tal-imsemmija sentenza, li d-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja ma tapplikax jekk id-data fuq l-FBK tista’ tiġi applikata “direttament” għall-kriterji previsti fit-Taqsima 1 ta’ dan l-anness. |
|
28 |
Li jiġi aċċettat li ċerta kategorija ta’ data tingħata “prijorità”, “saħħa probatorja iktar importanti” (punt 71 tas-sentenza appellata) jew ċerta “importanza” (punt 72 ta’ din is-sentenza) meta pparagunata ma’ data oħra jikkontradixxi l-kunċett stess ta’ “saħħa probatorja”, kif iddefinit fl-Anness XIII, li jeħtieġ li r-riżultati disponibbli kollha jkunu preżenti “minkejja l-konklużjonijiet individwali tagħhom”, u jċaħħad lil dan il-kunċett mill-effett utli tiegħu. |
|
29 |
Fil-fehma tal-appellanti, billi affermat li d-data msemmija fit-Taqsima 3.2.2 tal-Anness XIII tikseb importanza meta d-data dwar l-FBK ma tistax tiġi applikata direttament għall-informazzjoni disponibbli, il-Qorti Ġenerali, fir-realtà, ikkunsidrat li ma għandha tingħata ebda rilevanza jew ebda effett partikolari lid-data msemmija fil-punti (b) u (c) ta’ din it-taqsima, meta riżultati, fis-sens tal-punt (a) tal-imsemmija taqsima, ikunu disponibbli. |
|
30 |
Madankollu, din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija sostnuta la mit-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII u lanqas mill-premessi 5 u 6 tar-Regolament Nru 253/2011, li ma jindikawx li d-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tirriżulta rilevanti meta l-applikazzjoni diretta tal-kriterji B/vB għad-data dwar l-FBK ma tkunx possibbli, iżda jistabbilixxu li din id-determinazzjoni hija partikolarment rilevanti meta l-applikazzjoni diretta tal-kriterji B/vB għall-informazzjoni disponibbli kollha ma tkunx possibbli. Tali interpretazzjoni taqbel ukoll mat-tielet paragrafu tal-preambolu ta’ dan l-anness li jinsisti fuq il-ħtieġa li tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni disponibbli kollha, minkejja l-konklużjonijiet individwali tagħha. Issa, is-sentenza appellata tagħti, b’mod żbaljat, il-prijorità lid-data dwar l-FBK preċiżament minħabba l-possibbiltà li din tiġi applikata b’mod diġitali għall-kriterji previsti fit-Taqsima 1 tal-imsemmi anness. Madankollu, approċċ ibbażat fuq is-saħħa probatorja kellu jintuża f’dan il-każ sabiex jiġu evalwati l-proprjetajiet B u vB tas-sustanzi inkwistjoni, indipendentement mill-fatt li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-data dwar l-FBK setgħet tiġi applikata direttament/b’mod diġitali għall-kriterji previsti f’din it-taqsima. |
|
31 |
Skont l-appellanti, l-Anness XIII jeżiġi li tittieħed inkunsiderazzjoni d-data dwar l-FBK kif ukoll dik relatata mal-FBA u/jew mal-FAT, mingħajr ordni ta’ prijorità. Meta riżultati li joriġinaw minn din id-data jkunu disponibbli, iżda jkunu kontradittorji, bħalma huwa l-każ hawnhekk, u meta l-proprjetajiet tas-sustanza eżaminata jindikaw li kategorija ta’ data ma tirriżultax rilevanti, bħalma huwa wkoll il-każ għall-FBK, ikun konformi mal-koerenza interna ta’ dan l-anness li determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja, billi tiġi eżaminata d-data minbarra dik dwar l-FBK u li għandha l-istess livell ta’ importanza, bħala prinċipju tingħata importanza partikolari. |
|
32 |
Madankollu, is-sentenza appellata tissuġġerixxi li r-riżultati relatati mal-FBK huma suffiċjenti minnhom infushom sabiex tiġi stabbilita preżunzjoni ta’ “tħassib” dwar il-proprjetajiet B/vB, li tista’ tinqaleb biss jekk data oħra “tirrifjuta” (punt 73 tas-sentenza appellata), “tinvalida” (punt 74 ta’ din is-sentenza), “tikkontradixxi” (punti 83 u 130 tal-imsemmija sentenza) jew “telimina” (punti 129 u 155 tal-istess sentenza) dawn ir-riżultati. |
|
33 |
Fit-tieni lok, l-appellanti jallegaw li, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova, meta ddeċidiet li l-assenza ta’ bijoamplifikazzjoni ta’ sustanza f’katina tal-ikel ma tipprovax l-assenza ta’ bijoamplifikazzjoni ta’ din is-sustanza fi ktajjen tal-ikel oħra. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni li r-Regolament REACH ma jeżiġix li tiġi prodotta l-prova tal-assenza ta’ bijoamplifikazzjoni fil-ktajjen tal-ikel possibbli kollha, iżda min-naħa l-oħra jimponi fuq l-ECHA l-obbligu li turi li sustanza tissodisfa l-kriterji sabiex tiġi identifikata bħala sustanza li għandha l-proprjetà B jew il-proprjetà vB, ħaġa li l-ECHA ma għamlitx f’dan il-każ. |
|
34 |
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet ukoll żball ta’ evalwazzjoni, fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata, billi ma eżerċitatx l-istħarriġ tagħha fuq il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, peress li, minn naħa, hija b’mod żbaljat ċaħdet ir-riżultati ta’ studju dwar l-FBA imwettaq fil-laboratorju li fil-kuntest tiegħu l-ħut kien espost għall-esponent djetetiku u li juri FBA baxx ħafna, billi adottat, mingħajr bażi valida, l-ispjegazzjonijiet tal-MSC li dawn ir-riżultati ma setgħux jiġu pparagunati ma’ dak li jseħħ fl-ambjent reali fejn il-ħut huwa espost kemm għall-esponent djetetiku kif ukoll għall-esponent milwiem u li, min-naħa l-oħra, ma llimitatx l-approċċ tal-ECHA li kienet ikklassifikat bħala rilevanti data dwar sustanzi oħra li għandhom FBA baxx u FBK għoli mingħajr ma għamlet paragun bejn il-proprjetajiet ta’ dawn is-sustanzi u dawk tas-sustanzi kkonċernati f’dan il-każ. |
|
35 |
Skont l-ECHA, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-approċċ ibbażat fuq is-saħħa probatorja skont l-Anness XIII ma jeskludix il-possibbiltà li jingħata piż distint għal data differenti, b’mod li l-ilment li jirrigwarda l-interpretazzjoni żbaljata ta’ dan l-anness u tar-Regolament Nru 253/2001 għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fir-rigward ta’ żbalji oħra allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali, l-ECHA ssostni li l-argument tal-appellanti huwa, prinċipalment, inammissibbli, billi dawn jixtiequ jiksbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti. Dan l-argument huwa, fi kwalunkwe każ, infondat. |
|
36 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li mhux biss “ċerta prijorità” għandha tingħata lill-FBK, iżda jista’ jitqies, minbarra dan, li l-FBK kien determinanti, sa fejn, f’dan il-każ, il-konċentrazzjoni tad-D4, tad-D5 u tad-D6 fost il-ħut kienet ogħla milli fl-ilma tal-madwar. |
|
37 |
Fir-rigward b’mod partikolari tal-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni żżid li, sa fejn l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar is-saħħa probatorja tal-FBK, l-argument tagħhom fir-realtà huwa intiż sabiex issir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u għalhekk għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Min-naħa l-oħra, sa fejn l-argument tal-appellanti jirrigwarda l-iżball ta’ interpretazzjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta tat prijorità lir-riżultati li ħarġu minn studji affidabbli li jirrigwardaw l-FBK, dan huwa ineffettiv. Fil-fatt, minkejja li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta tat prijorità ta’ prinċipju lil dawn ir-riżultati, quod non, l-evalwazzjoni tagħha ma tistax tiġi kkontestata peress li, f’dan il-każ, l-MSC ikkunsidra, mingħajr ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-valuri tal-FBK kellhom saħħa probatorja iktar importanti minn dik ta’ data oħra li għaliha l-appellanti jagħmlu riferiment. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
38 |
Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, l-appellanti, sostnuti mill-ACC, isostnu essenzjalment li l-punti 68 sa 72, 74, 76 u 77 tas-sentenza appellata huma vvizzjati b’diversi żbalji ta’ liġi bbażati, l-ewwel, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Anness XIII fir-rigward tal-prijorità mogħtija lid-data fuq l-FBK, it-tieni, fuq inverżjoni tal-oneru tal-prova u, it-tielet, fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-limiti ta’ stħarriġ tagħha. |
|
39 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prijorità mogħtija mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 68 sa 72 tas-sentenza appellata, lir-riżultati tal-istudji affidabbli li jirrigwardaw l-FBK ta’ sustanza fost l-ispeċi akwatiċi, mill-istruttura tal-Anness XIII, kif emendat bir-Regolament Nru 253/2011 jirriżulta li d-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tad-data tippreżupponi li l-informazzjoni disponibbli kollha li għandha effett fuq l-identifikazzjoni ta’ sustanza PBT jew vPvB tittieħed inkunsiderazzjoni flimkien, minkejja l-konklużjonijiet individwali tagħha, fejn importanza xierqa għandha tingħata lill-kwalità u lill-koerenza tad-data. |
|
40 |
Skont it-tieni paragrafu tal-preambolu ta’ dan l-anness, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tas-sustanzi PBT u vPvB, fil-kuntest tad-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja, għandu jsir il-paragun tal-informazzjoni rilevanti u disponibbli kollha msemmija fit-Taqsima 3.2 tal-imsemmi anness, jiġifieri b’mod partikolari d-data rilevanti u disponibbli dwar il-FBK, il-FBA u l-FAT, mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 1 tiegħu. |
|
41 |
Skont it-Taqsima 1 tal-Anness XIII dwar il-kriterji għall-identifikazzjoni tas-sustanzi PBT u vPvB, il-bijoakkumulazzjoni hija ddefinita fir-rigward tal-FBK fost l-ispeċi akwatiċi. B’hekk, sustanza tkun “bijoakkumulattiva” (B), meta l-FBK ta’ din is-sustanza jkun ogħla minn 2000 u “bijoakkumulattiva ħafna” (vB) meta l-FBK tagħha jkun ogħla minn 5000. |
|
42 |
Mit-tieni paragrafu tal-preambolu ta’ dan l-anness jirriżulta li d-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja hija applikata b’mod partikolari meta l-kriterji tat-Taqsima 1 tiegħu, fosthom b’mod partikolari l-FBK, ma jistgħux jiġu applikati direttament għall-informazzjoni disponibbli. Dan jirriżulta wkoll mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 253/2011, li tgħid li d-determinazzjoni permezz ta’ saħħa probatorja tieħu l-importanza kollha tagħha meta l-kriterji stabbiliti ta’ din it-Taqsima 1 ma jkunux jistgħu jiġu applikati direttament għall-informazzjoni disponibbli. |
|
43 |
Hekk kif irrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punti 44 sa 50 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-qari ta’ dan il-preambolu u ta’ din il-premessa 6 jirriżulta li d-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja għandha qabelxejn tikkjarifika, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni disponibbli kollha elenkata fit-Taqsima 3.2 tal-Anness XIII, il-kwistjoni dwar jekk l-istudji disponibbli ddeterminawx b’mod rilevanti u affidabbli l-FBK. Jekk dan ikun il-każ, id-data rilevanti u affidabbli relatata mal-FBK tibbenefika minn pożizzjoni privileġġata fl-istruttura tal-Anness XIII sa fejn il-bijoakkumulazzjoni hija relatata direttament ma’ din id-data. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-integrazzjoni mwettqa bir-Regolament 2017/735, li emenda r-Regolament Nru 440/2008, tal-metodu tal-ittestjar permezz tal-esponent djetetiku, jiġifieri permezz ta’ bijoamplifikazzjoni jew permezz tat-tkabbir trofiku, li huwa adattat għas-sustanzi li jinħallu ftit fl-ilma, bħala metodu użat sabiex tiġi stabbilita l-bijoakkumulazzjoni fil-ħut bħall-espożizzjoni permezz tal-esponent milwiem. |
|
44 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, fil-punti 71 u 72 tas-sentenza appellata, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta prijorità lir-riżultati minn studji affidabbli dwar il-FBK ta’ sustanza fost l-ispeċi akwatiċi. Kif affermat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 68 sa 71 ta’ din is-sentenza, din il-prijorità hija bla ħsara għall-applikazzjoni tad-determinazzjoni permezz ta’ saħħa probatorja. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-MSC ma kienx wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li d-data dwar il-FBK kellha saħħa probatorja iktar importanti minn dik ta’ data oħra li għaliha rreferew l-appellanti, jiġifieri dik dwar il-FAT u l-FBA. Konsegwentement, l-argument tal-appellanti li mis-sentenza appellata jirriżulta li ebda rilevanza jew ebda effett partikolari ma għandu jingħata lid-data msemmija fit-Taqsima 3.2.2(b) u (c) tal-Anness XIII meta riżultati dwar il-bijokonċentrazzjoni jkunu disponibbli, jixhed qari żbaljat ta’ din is-sentenza u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat. |
|
45 |
Barra minn hekk, sa fejn l-ewwel aggravju, sa fejn huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Anness XIII, jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-mod konkret li bih ġiet applikata d-determinazzjoni permezz ta’ saħħa probatorja f’dan il-każ kif ukoll dwar il-valur probatorju rrikonoxxut għad-data dwar il-FBK waqt l-ibbilanċjar ta’ diversi provi, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud, fl-assenza ta’ kwalunkwe allegazzjoni ta’ żnaturament, bħala inammissibbli. |
|
46 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-allegata inverżjoni tal-oneru tal-prova mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 74 tas-sentenza appellata, sa fejn hija impliċitament ikkunsidrat li l-appellanti kellhom jipproduċu l-prova tal-assenza ta’ bijoamplifikazzjoni fil-ktajjen tal-ikel kollha, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat f’dan il-punt li d-“data li tirriżulta minn studji fuq il-post li jindikaw li ma kinitx teżisti amplifikazzjoni trofika f’ċerti networks tal-ikel [kienet] ittieħdet inkunsiderazzjoni” mill-MSC li qies li “din id-data [madankollu] ma kinitx tinvalida l-provi l-oħra li jsostnu l-konklużjoni dwar il-bijoakkumulazzjoni”. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali indikat, minn naħa, li l-assenza ta’ bijoakkumulazzjoni permezz ta’ bijoamplifikazzjoni ma kinitx teskludi l-possibbiltà ta’ bijoakkumulazzjoni permezz ta’ bijokonċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-assenza ta’ bijoamplifikazzjoni ta’ sustanza f’katina tal-ikel ma kinitx tipprova l-assenza ta’ bijoamplifikazzjoni ta’ din is-sustanza fi ktajjen tal-ikel oħra. |
|
47 |
Inverżjoni tal-oneru tal-prova kienet timplika li, fl-assenza ta’ prova dwar il-bijoakkumulazzjoni ta’ sustanza, l-appellanti huma obbligati li juru l-assenza ta’ bijoakkumulazzjoni, li ma kienx il-każ hawnhekk. Min-naħa l-oħra, hekk kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tagħha, il-parti li tinvoka analiżi insuffiċjenti tal-elementi rilevanti mill-organu tal-Unjoni kkonċernat jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa minnu għandha tipprovdi elementi li jistgħu jkunu ta’ bażi għall-plawżibbiltà ta’ tali insuffiċjenza jew ta’ tali żbalji, b’obbligu fuq dan l-organu, skont il-każ, li jeskludi din il-plawżibbiltà, mingħajr ma dan jikkostitwixxi inverżjoni tal-oneru tal-prova. |
|
48 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-istħarriġ allegatament insuffiċjenti eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata fuq ċerti konstatazzjonijiet tal-MSC u tal-ECHA, hemm lok li l-ewwel jitfakkar, hekk kif kien ġie rrilevat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, li, f’kuntest tekniku kumpless ta’ natura evoluttiva bħal dak ta’ din il-kawża, l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni għandhom setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, fejn l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat sabiex teżamina jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa ma huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew ukoll jekk dawn l-awtoritajiet ma qabżux manifestament il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60, u tad‑9 ta’ Marzu 2023, PlasticsEurope vs ECHA, C‑119/21 P, EU:C:2023:180, punt 46). |
|
49 |
Issa mill-argumenti tal-appellanti ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti ta’ stħarriġ tagħha. Min-naħa l-oħra, l-appellanti jidhru li jikkontestaw, mingħajr ma jinvokaw l-inqas żnaturament, l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tar-riżultati tat-test permezz tal-esponent djetetiku li huma kienu semmew u r-riferiment li sar mill-MSC għal sustanzi oħra sabiex jintwera li ma kienx anormali li sustanza li jkollha FBA inferjuri għar-riżultat wieħed ta’ test permezz tal-esponent djetetiku jista’ jkollha FBK li jissodisfa l-kriterju ta’ identifikazzjoni tal-proprjetajiet B jew vB. |
|
50 |
B’dan il-mod, l-appellanti jfittxu, fir-realtà, li jiksbu eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, konformement mal-Artikolu 256(1) TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Isegwi li, fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali qieset insostenn ta’ dawn il-fatti (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, PlasticsEurope vs ECHA, C‑119/21 P, EU:C:2023:180, punt 84). |
|
51 |
Għalhekk l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u bħala parzjalment inammissibbli. |
Fuq it‑tieni aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
52 |
L-appellanti, sostnuti mill-ACC, jiddikjaraw li l-Anness XIII japplika għas-sustanzi organiċi, inklużi s-sustanzi organometalliċi, u mhux għas-sustanzi inorganiċi. Sustanza tkun organika jekk ikollha biss il-karbonju, l-idroġenu u l-ossiġenu u possibbilment in-nitroġenu. Id-D4, id-D5 u d-D6 għandhom proprjetajiet uniċi minħabba n-natura ibrida tagħhom, li jfisser li għandhom proprjetajiet differenti ta’ solubbiltà u ta’ tqassim bejn l-oqsma li jinfluwenzaw id-distribuzzjoni tagħhom u dak li jsir bihom fl-ambjent. L-appellanti jippreċiżaw li d-D4, id-D5 u d-D6 jiġu bijodilwiti, li l-konċentrazzjoni tagħhom tonqos biż-żieda tal-livell trofiku, u jiġu metabolizzati meta jiġu assorbiti mill-organiżmi permezz tal-esponent djetetiku, jiġifieri li ma jakkumulawx fil-katina tal-ikel. |
|
53 |
Isegwi, skont l-appellanti, li d-data fuq l-FBK ma hijiex direttament rilevanti sabiex jiġu evalwati l-proprjetajiet B u vB ta’ dawn is-sustanzi, billi l-istudji dwar il-bijokonċentrazzjoni kienu saru f’kundizzjonijiet artifiċjali li fihom mhux biss is-sustanzi huma preklużi milli jitferrxu fl-arja jew fis-sedimenti, iżda wkoll il-konċentrazzjoni tas-sustanzi fl-ilma tinżamm kostanti. Għalhekk ir-riżultati ta’ dawn l-istudji ma jirriflettux l-aġir tas-sustanzi fl-ambjent f’“kundizzjonijiet rilevanti” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII. Min-naħa l-oħra, l-FBA u l-FAT jikkostitwixxu parametri rilevanti. |
|
54 |
F’dan il-kuntest, l-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argumenti li huma kienu ppreżentaw fl-ewwel istanza dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw min-natura ibrida tas-sustanzi kkonċernati għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterji previsti fl-Anness XIII. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss, fil-punti 140, 141 u 150 tas-sentenza appellata, li sustanza li jkollha struttura ibrida organika/inorganika ma tkunx eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-anness. |
|
55 |
Fit-tieni lok, fil-punt 151 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, qalbet l-oneru tal-prova billi ddeċidiet li l-appellanti ma kienu pproduċew ebda prova li tista’ turi li l-ECHA kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-proprjetajiet speċifiċi ta’ sustanza u, min-naħa l-oħra, injorat il-provi li huma kienu pproduċew għall-finijiet li din l-ommissjoni tiġi stabbilita. Fil-fehma tal-appellanti, l-ECHA ma wrietx li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni n-natura ibrida tas-sustanazi kkonċernati matul il-valutazzjoni tagħhom skont dan l-anness u l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li din l-ommissjoni ma kinitx tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
|
56 |
Fil-punt 156 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet mill-ġdid qalbet l-oneru tal-prova billi ddeċidiet li l-appellanti ma kinux urew li l-ECHA kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni minnha tal-espożizzjoni permezz tal-esponent djetetiku permezz tal-katina tal-ikel. Issa, l-appellanti jallegaw li kienu ppreżentaw osservazzjonijiet iddettaljati li juru li l-ECHA ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni proprjetajiet speċifiċi tad-D4, tad-D5 u tad-D6 li jirriżultaw min-natura ibrida tagħhom, li jiġġustifika l-użu tad-data dwar l-FBA sabiex jiġu evalwati l-proprjetajiet B u vB tagħhom, b’mod li hija l-ECHA li għandha turi li hija kienet effettivament ħadet inkunsiderazzjoni dawn il-proprjetajiet speċifiċi waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
57 |
Fit-tielet lok, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali esposti fil-punti 117, 126, 152, 153 u 155 tas-sentenza appellata sa fejn huma essenzjalment ibbażati fuq żnaturament tal-fatti. |
|
58 |
Għalhekk, l-ewwel, fir-rigward tal-punti 117 u 152 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet b’mod żbaljat affermat li, skont l-appellanti, id-D4, id-D5 u d-D6 la kienu jinsabu fl-ilma u lanqas fl-ambjent. Issa, l-appellanti jikkontestaw li kienu ressqu affermazzjonijiet daqstant assoluti f’dan ir-rigward u jirreferu, bħala eżempju, għar-replika kif ukoll għar-risposta tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali sabiex jiġi stabbilit li huma kienu allegaw u wrew li l-proprjetajiet ibridi tad-D4, tad-D5 u tad-D6 jinfluwenzaw l-aġir tagħhom u l-futur tagħhom fl-ambjent għal livell tali li konklużjoni differenti minn dik tal-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-proprjetajiet B/vB tagħhom, hija inevitabbli. |
|
59 |
It-tieni, fir-rigward tal-metabolizzazzjoni tad-D4, tad-D5 u tad-D6, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, kienet fl-ewwel lok iddeċidiet b’mod żbaljat li kien hemm assenza ta’ provi suffiċjentement konkreti u tanġibbli dwar l-affermazzjoni tal-appellanti li d-D4, id-D5 u d-D6 huma metabolizzati mill-organi. Madankollu, l-appellanti jaffermaw li ppreżentaw, fir-rikors fl-ewwel istanza, provi xjentifiċi f’dan is-sens, bħal b’mod partikolari l-istudji “Domoradzki et al. (2017)” u “Gobas et al. (2015)” li jirrigwardaw il-metabolizzazzjoni tal-ħut. |
|
60 |
Skont il-punt 153 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet sussegwentement iddeċidiet b’mod żbaljat li l-affermazzjonijiet tal-appellanti dwar il-metabolizzazzjoni tas-sustanzi fl-ispeċi bentiċi, pelagiċi u terrestri ma kinux sostnuti. Skont l-appellanti, għalkemm il-Qorti Ġenerali ċertament ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punt 128 ta’ din is-sentenza, l-istudju “Selck et al. (2018)” li huma invokaw, hija madankollu injorat il-konklużjoni prinċipali ta’ dan l-istudju li s-sustanzi inkwistjoni jimmetabolizzaw ruħhom anki f’organi ħajjin fis-sedimenti għal livelli tali li ebda bijoakkumulazzjoni ma tkun tista’ sseħħ. |
|
61 |
Fil-punt 155 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet, fl-aħħar nett, wettqet konstatazzjonijiet żbaljati. Għalhekk, l-appellanti jaffermaw li ma allegawx li s-sustanzi inkwistjoni huma kompletament metabolizzati u jqisu li l-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali waslet għaliha, fil-punt 127 ta’ din is-sentenza, li, “[a]nki jekk tali metabolizazzjoni kellha tipproduċi ruħha, ma tkunx biżżejjed b’saħħitha sabiex teskludi kwalunkwe bijoakkumulazzjoni permezz tal-bijokonċentrazzjoni” hija infondata. Bl-istess mod, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali stabbilita fl-istess punt 155, li l-konklużjoni tal-ECHA dwar il-proprjetà vB tad-D4, tad-D5 u tad-D6 hija kkorroborata minn data li tirrigwarda l-bijoamplifikazzjoni li tirriżulta minn studji tal-ikel, hija kkontestata mill-istudju “Gobas (2018)”. |
|
62 |
L-ECHA, sostnuta mill-Kummissjoni, issostni li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat. |
|
63 |
Fir-replika tagħhom, l-appellanti jżidu, dwar il-ksur tad-dritt għal smigħ, li s-sempliċi fatt li l-argumenti tagħhom ġew ikkontestati u ma ntlaqgħux mill-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi tali ksur. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal‑Ġustizzja
|
64 |
It-tieni aggravju jirrigwarda l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-proprjetajiet intrinsiċi tad-D4, tad-D5 u tad-D6 li jirriżultaw min-natura ibrida tagħhom fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni previsti mill-Anness XIII. |
|
65 |
Fl-ewwel lok, l-appellanti jikkritikaw il-punti 140, 141 u 150 tas-sentenza appellata, li fil-kuntest tagħhom il-Qorti Ġenerali kienet żnaturat l-argument tagħhom. L-appellanti jaffermaw li sostnew mhux li d-D4, id-D5 u d-D6 għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament REACH minħabba n-natura ibrida tagħhom, iżda li l-proprjetajiet intrinsiċi ta’ dawn is-sustanzi huma ta’ natura li jinfluwenzaw l-applikazzjoni tal-kriterji previsti fl-Anness XIII għall-finijiet tal-identifikazzjoni tagħhom bħala sustanzi PBT jew vPvB. |
|
66 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, hekk kif irrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punti 77 sa 81 tal-konklużjonijiet tagħha, li, għalkemm mir-rikors fl-ewwel istanza jirriżulta li l-appellanti kkritikaw “il-mod li bih għandhom jiġu applikati l-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII tar-Regolament REACH”, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dan l-anness għas-sustanzi kkonċernati ma tippreġudikax l-interessi tagħhom. |
|
67 |
Fil-fatt, fl-istruttura ta’ din is-sentenza, din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi stadju preliminari għall-analiżi tal-proprjetajiet intrinsiċi tad-D4, tad-D5 u tad-D6 li jirriżultaw min-natura ibrida tagħhom, u mill-influwenza tagħhom fuq il-valutazzjoni tal-proprjetajiet P, B, T, vP jew vB ta’ dawn is-sustanzi. Issa, hekk kif l-ECHA sostniet mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha sabiex tikkonstata li d-D4, id-D5 u d-D6 jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament REACH, iżda analizzat ukoll l-oġġezzjonijiet tal-appellanti bbażati fuq l-influwenza tan-natura ibrida tal-imsemmija sustanzi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Anness XIII. Il-kritika tal-punti 140, 141 u 150 tas-sentenza appellata għandha għalhekk tiġi eskluża bħala ineffettiva. |
|
68 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment ibbażat fuq inverżjoni tal-oneru tal-prova mwettqa mill-Qorti Ġenerali, sa fejn kienet affermat, fil-punti 151 u 156 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinux ipproduċew provi li jistgħu juru li l-ECHA kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar in-natura ibrida tad-D4, tad-D5 u tad-D6 u li hija kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-espożizzjoni permezz tal-esponent djetetiku permezz tal-katina tal-ikel, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, hekk kif issemma fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat biss, ġustament, li kienu l-appellanti li kellhom jippreżentaw quddiemha elementi li jistgħu jkunu l-bażi għall-plawżibbiltà tal-insuffiċjenzi jew tal-iżbalji manifesti li huma jinvokaw. |
|
69 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-proprjetajiet speċifiċi tad-D4, tad-D5 u tad-D6, hemm lok li jiġi osservat, kif sostniet ukoll l-ECHA u hekk kif jirriżulta mill-punt 151 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li tali proprjietajiet ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala informazzjoni rilevanti, fis-sens tat-Taqsima 3.2 tal-Anness XIII, li tista’ tiġi kkunsidrata fil-kuntest tad-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja. Min-naħa l-oħra, hija kkonkludiet li, f’dan il-każ, l-elementi mressqa mill-appellanti ma setgħux juru li l-ECHA kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-proprjetajiet u li tali ommssjoni kellha effett fuq l-identifikazzjoni tad-D4, tad-D5 u tad-D6 inkwantu sustanzi PBT jew vPvB. |
|
70 |
L-appellanti jikkontestaw din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali billi jaffermaw li l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 117, 126, 152, 153 u 155 tas-sentenza appellata jibbażaw fuq żnaturament tal-argument tagħhom u tal-provi prodotti insostenn tiegħu. |
|
71 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-iżnaturament tal-argument tagħhom, l-appellanti jsostnu, minn naħa, li huma ma kinux ippreżentaw affermazzjonijiet daqstant assoluti li skont dawn “id-D4, id-D5 u d-D6 ma jinsabux fl-ilma” u, min-naħa l-oħra, li huma ma kinux affermaw li dawn is-sustanzi kienu għal kollha metabolizzati f’ċerti organi. |
|
72 |
L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti ma jikkontestawx li s-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom setgħu jinqraw mill-Qorti Ġenerali fis-sens li d-D4, id-D5 u d-D6 ma kinux jinsabu fl-ilma. Issa, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mis-sentenza appellata, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Barra minn hekk, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali invokat ukoll l-ipoteżi li fiha s-sustanzi inkwistjoni ma jgħaddux minn “sedimenti fl-ilma iktar mil-livell tas-solubbiltà” u osservat li anki idrosolubbiltà baxxa ma tfissirx “li ma hemmx bijokonċentrazjoni fl-ispeċi akwatiċi”. |
|
73 |
It-tieni, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-appellanti ma jsostnux l-allegazzjoni ta’ żnaturament tal-argument tagħhom fir-rigward tal-metabolizzazzjoni tad-D4, tad-D5 u tad-D6 f’ċerti organi. Barra minn hekk, il-punt 155 tas-sentenza appellata, ikkontestat mill-appellanti, jagħmel parti mill-kuntest tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali espost fil-punti 153 sa 155 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, wara li korrettament esponiet l-argument tal-appellanti fil-punt 153 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li l-metaboliżmu tas-sustanzi inkwistjoni fil-ħut u fl-organi ħajjin f’sedimenti ġie eżaminat fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv u, min-naħa l-oħra, li l-argument dwar il-metaboliżmu ta’ dawn is-sustanzi f’organi oħra ma kienx sostnut. Huwa unikament sussidjarjament li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punt 155 tal-istess sentenza, l-ipoteżi li fiha “s-sustanzi inkwistjoni [huma] integralment metabolizzati f’ċerti organi” sabiex tikkonkludi li “dan ma jikkontestax il-konklużjoni tal-ECHA dwar [il-proprjetà] vB tad-D4, tad-D5 u tad-D6 bbażata fuq il-valuri tal-FBK għojin u sostnuta minn diversi sorsi ta’ data dwar il-bijoamplifikazzjoni bbażata fuq studji tal-ikel”. |
|
74 |
Fir-rigward, sussegwentement, tal-iżnaturament tal-provi, sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni studji li l-appellanti kienu ppreżentaw dwar b’mod partikolari l-metabolizzazzjoni tad-D4, D5 u D6 fost il-ħut, għandu jiġi osservat li dan l-ilment huwa bbażat fuq qari selettiv tas-sentenza appellata, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punti 170 sa 172 ta’ din is-sentenza, l-istudji “Domoradzki et al. (2017)” u “Gobas et al. (2015)”, li għalihom jirreferu l-appellanti fir-rikors fl-appell, kienu ġew ittrattati fid-dokumenti ta’ sostenn dwar id-D4 u d-D5 u ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċess deċiżjonali. |
|
75 |
Jirriżulta minn dak li ntqal li l-ilmenti tal-appellanti dwar l-iżnaturament tal-argumenti u tal-provi huma fir-realtà intiżi li jiksbu mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni tagħhom minbarra dik imressqa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u għandhom għalhekk jiġu esklużi bħala inammissibbli. |
|
76 |
Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-ksur tad-dritt għal smigħ, għandu jitfakkar li dan id-dritt jimplika li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li turi b’mod effettiv l-perspettiva tagħha dwar elementi li fuqhom l-awtorità kontraenti għandha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Madankollu, il-kritika tal-appellanti hija intiża dwar iċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-ilmenti mressqa kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, ir-rispett tad-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jimplika mhux li l-qorti għandha tinkorpora kompletament fid-deċiżjoni tagħha l-allegazzjonijiet kollha mressqa minn kull waħda mill-partijiet, iżda li, wara li tkun semgħet l-allegazzjonijiet tal-partijiet u wara li tkun eżaminat il-provi, hija għandha tiddeċiedi dwar it-talbiet tar-rikors u timmotiva d-deċiżjoni tagħha (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, C‑404/04 P, EU:C:2007:6, punt 125). |
|
77 |
Isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv, parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli. |
Fuq it‑tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
78 |
Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti, sostnuti mill-ACC, jikkontestaw, b’mod partikolari, il-punti 88 sa 90 u 116 sa 119 tas-sentenza appellata u jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta applikat distinzjoni wisq formalista bejn l-istima tar-riskji u l-istima tal-perikoli. |
|
79 |
Huma jsostnu li mir-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII jirriżulta li l-informazzjoni użata għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-proprjetajiet PBT/vPvB ta’ sustanza “għandha tkun imsejsa fuq id-dejta miksuba skont kundizzjonijiet rilevanti”. Huma jiċċitaw ukoll il-punt 114 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-ECHA tas‑7 ta’ Diċembru 2016 (Każ A‑013-2014), li skont dan jekk il-“kundizzjonijiet rilevanti” ma jikkorrispondux neċessarjament mal-“kundizzjonijiet tal-ħajja reali”, ir-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII madankollu jeħtieġ li l-ECHA tieħu inkunsiderazzjoni proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanza inkwistjoni sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni korretta tal-aġir tagħha fl-ambjent. |
|
80 |
Madankollu, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet b’mod żbaljat ċaħdet l-argumenti tagħhom dwar il-futur u l-aġir tas-sustanzi fl-ambjent minħabba li huma rrilevanti, sa fejn huma relatati mal-istima tar-riskji pjuttost milli mal-istima tal-perikoli. Issa, din id-distinzjoni bejn l-istima tar-riskji u l-istima tal-perikoli ma tistax twassal sabiex jiġu miċħuda l-kunsiderazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ambjentali realment applikabbli, jiġifieri l-“kundizzjonijiet rilevanti”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII, minħabba li din hija evalwazzjoni dwar l-espożizzjoni ta’ dawn is-sustanzi li l-ECHA ma hijiex obbligata li teżamina fil-kuntest ta’ stima tal-perikolu. Skont l-appellanti, li jiġi evalwat jekk sustanza tissodisfax il-kriterji P, B, T, vP jew Bv f’ “kundizzjonijiet rilevanti” jimplika neċessarjament li jiġi eżaminat l-aġir ta’ din is-sustanza fl-ambjent, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-proprjetajiet intrinsiċi tagħha. |
|
81 |
Għalhekk il-Qorti Ġenerali kienet interpretat b’mod żbaljat ir-raba’ paragrafu tal-Anness XIII, u, billi ċaħdet dawn l-argumenti, kienet kisret id-dritt għal smigħ tal-appellanti. |
|
82 |
Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. F’dan ir-rigward hija ssostni li l-interpretazzjoni, kif imressqa mill-appellanti, tar-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII la hija sostnuta mid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-ECHA tas‑7 ta’ Diċembru 2016 (Każ A‑013‑2014) u lanqas mil-Linja gwida 305 tal-OECD li tipprevedi l-metodu ta’ ttestjar normalizzat għall-kejl tal-bijokonċentrazzjoni ta’ sustanza. |
|
83 |
Skont il-Kummissjoni, it-tielet aggravju jikkostwixxi motiv ġdid, sa fejn, fl-ewwel istanza, l-appellanti kienu sostnew li l-“kundizzjonijiet rilevanti” jeħtieġu li kull proprjetà (P, B u T) tiġi evalwata fl-istess qasam ambjentali. L-invokazjoni ta’ dan il-motiv fl-istadju tal-appell huwa għalhekk inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-imsemmi aggravju huwa infondat, sa fejn huwa bbażat fuq fehim żbaljat tal-identifikazzjoni tal-perikoli ta’ prodott kimiku. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal‑Ġustizzja
|
84 |
L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jikkritikaw id-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn l-istima tar-riskji u l-istima tal-perikoli kif ukoll il-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, fis-sens tal-Artikoli 57 u 59 tar-Regolament REACH. Għaldaqstant dan il-motiv ma jistax jitqies bħala ġdid fl-istadju tal-appell. |
|
85 |
Iktar partikolarment, l-appellanti jikkontestaw il-punti 88 sa 90 u 116 sa 119 tas-sentenza appellata li essenzjalment jirrigwardaw il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet rilevanti” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII, li jistabbilixxi li “[l]-informazzjoni użata għall-iskopijiet tal-valutazzjoni tal-kwalitajiet PBT/vPvB għandha tkun imsejsa fuq id-dejta miksuba skont kundizzjonijiet rilevanti”. |
|
86 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi, fil-kuntest tar-Regolament REACH, id-distinzjoni bejn l-istima tal-perikoli u l-istima tar-riskji. Hija b’hekk iddeċidiet li l-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII huma bbażati fuq l-istima tal-perikoli ppreżentati mis-sustanzi PBT u vPvB li jissemmew fl-Artikolu 57(d) u (e) ta’ dan ir-regolament, u ma jeħtieġx li ssir, fir-rigward tas-sustanzi kkonċernati, stima tar-riskji analoga għal dik mitluba, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, fit-Taqsima 6 tal-Anness I tal-imsemmi regolament jew, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, fl-Artikolu 64(4) tal-istess regolament jew, fir-rigward tal-proċedura ta’ restrizzjoni, fl-Artikolu 70 tar-Regolament REACH (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Polynt vs ECHA, C‑323/15 P, EU:C:2017:207, punti 24 u 25). |
|
87 |
Isegwi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, filwaqt li bbażat ruħha fuq id-distinzjoni bejn l-istima tar-riskji u l-istima tal-perikoli, li l-mod li bih sustanza taġixxi fl-ambjent jaqa’ pjuttost taħt l-istima tar-riskji. Fil-kuntest tal-Anness XIII, il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet rilevanti” huwa għalhekk relatat mhux mal-mod li bih is-sustanza kkonċernata taġixxi fl-ambjent, iżda għall-kwistjoni dwar jekk il-metodi ta’ ttestjar humiex adatti sabiex jidentifikaw il-proprjetajiet intrinsiċi perikolużi tagħha. |
|
88 |
Konsegwentement, hekk kif l-Avukata Ġenerali rrilevat fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tagħha, is-sentenza appellata ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi minħabba li l-Qorti Ġenerali eskludiet l-aċċettazzjoni tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet rilevanti” li skont dan il-metodi ta’ ttestjar dwar l-valutazzjoni tal-bijoakkumulazzjoni għandhom jikkorrispondu għall-preżenza effettiva tas-sustanzi kkonċernati fl-ambjent. |
|
89 |
Fir-rigward tal-iżnaturament tal-motivi u tal-provi li jibbażaw fuqhom ukoll l-appellanti insostenn tat-tielet aggravju, għandu jiġi osservat li dawn sempliċement jinvokawh formalment, mingħajr ma huma sostnuti minn elementi li jippermettu li jiġi identifikat liema motiv jew prova l-Qorti Ġenerali kienet żnaturat. |
|
90 |
Fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt għal smigħ, l-argument tal-appellanti ma jistax jintlaqa’ għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 76 ta’ din is-sentenza. |
|
91 |
Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq ir‑raba’ aggravju
|
92 |
Ir-raba’ aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet li jirrigwardaw, l-ewwel nett, it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-informazzjoni dwar it-tossiċità tad-D5 u tad-D6 fuq il-bażi tal-preżenza tad-D4, inkwantu impurità, it-tieni nett fuq il-provi li jirrigwardaw il-bijoakkumulazzjoni tad-D4 u tad-D5 sussegwentement tal-opinjonijiet tal-MSC u tar-RAC u, it-tielet nett, fuq it-teħid inkonsiderazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-bijoakkumulazzjoni tad-D6. |
Fuq l‑ewwel parti
– L‑argumenti tal-partijiet
|
93 |
L-appellanti, sostnuti mill-ACC, isostnu li l-ECHA identifikat id-D5 u d-D6 bħala sustanzi PBT, minħabba li d-D5 u d-D6 jinkludu d-D4 bħala impurità u li d-D4 tippreżenta l-proprjetajiet P, B u T. Fir-rigward tad-data disponibbli dwar dawn is-sustanzi, l-ECHA madankollu ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li la d-D5 u lanqas id-D6 ma jippreżentaw, inkwantu tali, il-proprjetà T. |
|
94 |
L-appellanti ma jikkontestawx li d-D4 hija preżenti inkwantu impurità fid-D5 u fid-D6. Madankollu, huma jaffermaw li meta jkunu direttament ittestjati, la d-D5 u lanqas id-D6 ma jippreżentaw tossiċità għall-ambjent. Għalkemm il-ħames paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII jipprevedi li l-informazzjoni dwar l-impuritajiet/kostituwenti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, l-identifikazzjoni ta’ sustanza għandha tkun ibbażata fuq l-informazjoni dwar is-sustanza stess kif ukoll, “ukoll”, fuq il-kostitwenti rilevanti ta’ din is-sustanza. |
|
95 |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball, fil-punt 256 tas-sentenza appellata, meta kkonkludiet li “l-kelma ‘ukoll’ ma tindikax li l-ECHA kellha tevlwa t-tossiċità tad-D5 u tad-D6 inkwantu tali”. |
|
96 |
Fit-tieni lok, fil-punt 270 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-ECHA dwar it-tossiċità tad-D5 u tad-D6 kienu “plawżibbli” filwaqt li, fil-punt 271 tal-imsemmija sentenza, kienet affermat li l-argument tal-appellanti, fir-rigward tad-D4, sa fejn hija lliberata fl-ambjent inkwantu impurità tad-D5 jew tad-D6, qatt ma tilħaq il-livell ta’ tossiċità minħabba s-solubbiltà dgħajfa fl-ilma tagħha u l-koeffiċjent ta’ tqassim ottanol-ilma għoli tagħha, “ma jistax jikkonvinċi”. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma kinitx sostniet din l-affermazzjoni u għalhekk ċaħdithom mid-dritt għal smigħ tagħhom. |
|
97 |
Fit-tielet lok, fil-punt 272 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet żnaturat l-argumenti tal-appellanti billi kkonstatat li d-D4 ma hijiex mormija fl-ambjent. Fir-realtà, fir-rikors fl-ewwel istanza, kif ukoll fir-replika tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kienu indikaw li, sa fejn id-D4 tintrema fil-forma ta’ impuritajiet provenjenti mid-D5 u mid-D6, ir-rimi tad-D4 ma jilħaqx livelli tossiċi minħabba l-proprjetajiet intrinsiċi tagħha. |
|
98 |
Għalhekk, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni dwar it-tossiċità tad-D5 u tad-D6 mingħajr ma pprovdiet l-inqas bażi għal din l-evalwazzjoni sabiex issostniha, bi ksur tal-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tagħha. |
|
99 |
L-ECHA ssostni li r-raba’ aggravju huwa inammissibbli sa fejn, permezz tal-argumenti tagħhom, l-appellanti fir-realtà għandhom intenzjoni li jiksbu mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-provi u tal-fatti diġà eżaminati mill-Qorti Ġenerali. |
|
100 |
Skont l-ECHA, l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva, sa fejn it-tossiċità tad-D5 u tad-D6 ma għandha ebda effett fuq il-valutazzjoni tal-proprjetajiet vP u vB ta’ dawn is-sustanzi u ma tikkontestax il-konklużjoni li d-D5 u d-D6 huma kklassifikati inkwantu sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fir-rigward tal-proprjetajiet vP u vB tagħhom. |
|
101 |
Fi kwalunkwe każ, l-argument tal-appellanti mressaq fil-kuntest ta’ din il-parti huwa wkoll infondat. |
|
102 |
Skont il-Kummissjoni, mill-ħames paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII jirriżulta li l-identifikazzjoni ta’ sustanza PBT jew vPvB tista’ wkoll tkun ibbażata fuq il-preżenza tal-proprjetajiet P, B, T, vP jew vB fi kwalunkwe mill-kostitwenti tagħha, inklużi fl-impuritajiet tagħha jew fil-prodotti ta’ pproċessar jew ta’ degradazzjoni ta’ din is-sustanza. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal‑Ġustizzja
|
103 |
Fl-ewwel lok, l-appellanti jikkontestaw l-interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-ħames paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII li fit-termini tiegħu l-identifikazzjoni ta’ sustanza PBT jew vPvB tieħu inkunsiderazzjoni wkoll proprjetajiet P, B, T, vP jew vB tal-konstitwenti rilevanti ta’ sustanza u tal-prodott ta’ pproċessar u/jew ta’ degradazzjoni tagħha. |
|
104 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punt 256 tas-sentenza appellata, ikkontestat mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-avverbju “ukoll” ma jindikax li l-ECHA kellha tevalwa t-tossiċita tad-D5 u tad-D6 inkwantu tali filwaqt li hija kienet taf li d-data ma kinitx kompleta f’dan ir-rigward jew li t-tossiċità ta’ dawn iż-żewġ sustanzi kienet diġà tirriżulta minn data disponibbli oħra, b’mod partikolari dik dwar id-D4 presenti inkwantu impurità fid-D5 u fid-D6. Issa, l-appellanti ma jistabbilixxux li din l-affermazzjoni hija żbaljata. Minbarra dan, il-punt 256 tas-sentenza appellata huwa konformi mal-għan li għandu jintlaħaq mir-Regolament REACH, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu u hekk kif tfakkar mill-Qorti Ġenerali fil-punt 257 ta’ din is-sentenza, jiġifieri dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. |
|
105 |
Fit-tieni lok, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali ma sostnietx l-evalwazzjonijiet tagħha dwar il-valur probatorju tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-ECHA u minnhom stess u llimitat ruħha li tikklassifikahom, fil-punti 270 u 271 tal-imsemmija sentenza, rispettivament, bħala “plawżibbli” u, essenzjalment, bħala li ma humiex konvinċenti. Għalkemm l-appellanti jinvokaw formalment żnaturament tal-provi, mill-argument tagħhom jirriżulta li huma fir-realtà jinvokaw ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Issa, il-punti 270 u 271 tas-sentenza appellata għandhom jinqraw fil-kuntest tal-punti 267 sa 271 ta’ din is-sentenza li jesponi r-raġunijiet li għalihom l-ECHA ma ħaditx inkunsiderazzjoni data dwar it-tossiċità li tirriżulta minn testijiet imwettqa bid-D5 u d-D6, meqjusa bħala tali. Minbarra dan, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali esposti fil-punti 270 u 271 tas-sentenza appellata ma jiżvelaw ebda ksur tad-dritt għal smigħ. |
|
106 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kritika tal-appellanti dwar il-punt 272 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma injoratx jew ma żnaturatx il-provi prodotti mill-appellanti, iżda kklassifikathom bħala provi mhux sostantivi. L-appellanti jikkontestaw dan il-punt billi jaffermaw li huma ma kinux sostnew li d-D4 ma kinitx intremiet fl-ambjent, iżda li r-rimi ta’ din is-sustanza ma jilħaqx il-livelli li jistabbilixxu t-tossiċità tagħha minħabba l-proprjetajiet intrinsiċi tagħha. Issa, għandu jiġi osservat li dan l-argument tal-appellanti ġie eżaminat u miċħud mill-Qorti Ġenerali fil-punt 271 ta’ din is-sentenza, fejn il-punt 272 tagħha kien espona b’mod ċar, dak li huwa kkonfermat bl-użu tal-kelma “minbarra”. L-ilment imressaq kontra l-punt 272 tas-sentenza appellata għandu għalhekk jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
|
107 |
Għalhekk l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment ineffettiva. |
Fuq it‑tieni parti
– L‑argumenti tal‑partijiet
|
108 |
Skont l-appellanti, sostnuti mill-ACC, l-ECHA ma eżaminatx l-informazzjoni l-ġdida dwar id-D4 u d-D5 li saret disponibbli ċertament wara l-adozzjoni tal-opinjoni tal-MSC, iżda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Madankollu, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkonkludiet, fil-punti 170, 171, 175 u 177 tas-sentenza appellata, li l-istudji kienu ġew “itrattati” mill-ECHA u eżaminati b’“ħarsa kritika” mingħajr ma mmotivat ir-raġunament li wassalha għal din l-affermazzjoni. |
|
109 |
Fit-tieni lok, fil-punti 178 u 180 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni, minn naħa, meta qieset li l-appellanti ma kienu semmew ebda eżempju konkret ta’ data li dwarha kien impossibbli għalihom li jsiru jafu kif kienet ġiet evalwata u, min-naħa l-oħra, meta qieset li l-appellanti kienu pprovdew diversi eżempji li juru, fil-fehma tagħhom, li l-ECHA ma kinitx eżaminat bir-reqqa informazzjoni ġdida. |
|
110 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-korrezzjonijiet ta’ żieda applikati għall-valuri tal-FBK, il-Qorti Ġenerali kienet b’mod żbaljat iddeċidiet, fil-punt 200 tas-sentenza appellata, li l-istudju “Gobas et coll. (2015)” kien intuża sabiex jiġi stabbilit jekk korrezzjoni ta’ żieda kinitx saret. Issa, skont l-appellanti, dan l-istudju ma jindikax li korrezzjoni ta’ żieda kienet ġiet applikata għall-valuri tal-FBK. Min-naħa l-oħra, l-istudju “Gobas (2018)” kien wera problemi marbuta mal-korrezzjoni ta’ żieda applikata mill-ECHA. |
|
111 |
Fir-raba’ lok, fil-punt 208 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-fatti u tal-argumenti mressqa mill-appellanti. Skont l-appellanti, l-ECHA ma hijiex obbligata li tevalwa għal kull studju jekk il-kampjuni kinux possibbilment ġew ikkontaminati. Madankollu, meta problema ta’ kontaminazzjoni hija identifikata, bħal ma huwa l-każ hawnhekk, din għandha, fil-kuntest tad-determinazzjoni tas-saħħa probatorja, tittieħed inkunsiderazzjoni. |
|
112 |
L-ECHA tafferma li, permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti fir-realtà jfittxu li jiksbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti tal-każ u li, għaldaqstant, l-argument tagħhom għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Dan l-argument huwa wkoll infondat. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal‑Ġustizzja
|
113 |
Permezz tal-ewwel ilment imressaq insostenn tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti essenzjalment jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat, mingħajr spjegazzjonijiet suffiċjenti, li l-ECHA kienet debitament ħadet inkunsiderazzjoni studji ġodda li jirrigwardaw il-bijoakkumulazzjoni tad-D4 u tad-D5, sussegwentement għall-opinjonijiet tal-MSC u tar-RAC. |
|
114 |
Għalhekk dan l-ilment huwa essenzjalment ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha, taħt l-Artikolu 36 u taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jobbligax lill-Qorti Ġenerali tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha artikolati mill-partijiet fil-kawża. B’hekk, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jagħrfu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni, C‑647/19 P, EU:C:2021:666, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
115 |
Fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 170, 171, 175 u 177 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkonstatat li studji xjentifiċi differenti kienu ġew eżaminati b’mod kritiku matul il-proċess deċiżjonali, huma vvizzjati b’ebda nuqqas ta’ motivazzjoni, billi dawn il-punti għandhom jinqraw fil-kuntest tas-sentenza appellata. Issa, kif irrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punti 97 u 98 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali eżaminat, b’mod partikolari fil-punti 185 sa 188 tas-sentenza appellata, il-modalitajiet li bihom l-ECHA u l-MSC ħadu inkunsiderazzjoni wħud minn dawn l-istudji. |
|
116 |
Fir-rigward tat-tieni lment imressaq insostenn ta’ din il-parti tar-raba’ aggravju, ibbażata, essenzjalment, fuq allegata kontradizzjoni bejn il-punti 178 u 180 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-ilment huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ dawn il-punti. Fil-fatt, fil-punt 178 ta’ din is-sentenza, wara li esponiet l-argument tal-appellanti li s-sempliċi ċitazzjoni tal-istudji ma hijiex suffiċjenti sabiex jintwera li l-ECHA ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni ġdida, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti ma kienu semmew ebda data li fir-rigward tagħha kien impossibbli għalihom li jkunu jafu kif kellha tiġi evalwata. Min-naħa l-oħra, il-punt 180 tal-istess sentenza jwieġeb argument ieħor, ibbażat fuq allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-ECHA fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ ċerti studji. Huwa f’dan ir-rigward li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti kienu pprovdew eżempji li kienu ddestinati sabiex juru li l-ECHA ma kinitx eżaminat bir-reqqa l-informazzjoni ġdida għad-dispożizzjoni tagħha, li ġiet skartata mill-Qorti Ġenerali fil-punti wara l-imsemmi punt 180. |
|
117 |
Fir-rigward tat-tielet ilment li jirrigwarda l-iżnaturament li bih huwa vvizzjat il-punt 200 tas-sentenza appellata, mill-atti proċedurali jirriżulta li l-kwistjoni tal-korrezzjoni taż-żieda applikata għall-valuri tal-FBK tad-D4 u tad-D5 ma kinitx ikkunsidrata mill-appellanti fil-kuntest tal-ħames parti tal-ewwel motiv invokat fl-ewwel istanza. Huwa unikament fir-replika ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-parti dwar il-bijoakkumulazzjoni tad-D6, kif huwa indikat fil-punt 201 tas-sentenza appellata, li l-appellanti kkritikaw lill-ECHA li applikat FBK ikkorreġuta skont iż-żieda fil-kuntest tal-valutazzjoni tad-D4, tad-D5 u tad-D6. |
|
118 |
B’konsegwenza, fil-punt 200 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, ġustament, bħala tardiv l-argument tal-appellanti dwar allegata korrezzjoni ta’ żieda tal-valuri tal-FBK, minkejja li dan l-argument kien ġie invokat fir-replika u mhux biss waqt is-seduta. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-paragrafu 2 tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda tista’ ssir fir-replika unikament jekk il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu hija ssodisfatta, jiġifieri jekk dawn il-motivi huma bbażati fuq punti ta’ dritt u ta’ fatt li tressqu matul l-istanza, ħaġa li l-appellanti ma invokawx f’dan il-każ. |
|
119 |
Fir-rigward tar-raba’ lment, ibbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tal-fatti u tal-argumenti tal-appellanti dwar il-kontaminazzjoni potenzjali tal-kampjuni eżaminata fil-punt 208 tas-sentenza appellata, hemm lok li jiġi kkonstatat, fl-assenza ta’ kwalunkwe allegazzjoni ta’ żnaturament, li dan l-ilment huwa inammissibbli, billi l-Qorti Ġenerali, kif tfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. |
|
120 |
Isegwi li t-tieni parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata. |
Fuq it‑tielet parti
– L‑argumenti tal‑partijiet
|
121 |
L-appellanti, sostnuti mill-ACC, isostnu, fl-ewwel lok, li, fil-punti 96 u 225 tas-sentenza appellata, il-Qorti b’mod żbaljat tbiegħdet mill-ġurisprudenza tagħha, meta ddeċidiet li t-Taqsima 1.1.1.3 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8), ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tas-sustanzi PBT u vPvB. Issa fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA (T‑93/10, EU:T:2013:106), il-Qorti Ġenerali kienet ammettiet l-applikabbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1272/2008 għall-proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna. |
|
122 |
Fit-tieni lok, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-artikolazzjoni bejn id-data dwar il-FAT u l-FBA kif ukoll fir-rigward tal-importanza ikbar mogħtija lill-valuri tal-FBK. L-appellanti għalhekk jerġgħu jsostnu, essenzjalment, fir-rigward b’mod iktar partikolari tad-D6, l-argument tagħhom sostnut fil-kuntest tal-ewwel aggravju bbażat fuq l-iżball ta’ interpretazzjoni tal-Anness XIII sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet tat prijorità lid-data dwar l-FBK. |
|
123 |
Fit-tielet lok, fil-punti 231, 234 u 237 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ċaħdet, bħala inammissibbli, minħabba li kienu tqajmu unikament waqt is-seduta, l-oġġezzjonijiet li l-appellanti kienu fformulaw fir-rigward tal-korrezzjonijiet taż-żieda applikati fil-kuntest tal-istudju “CERI (2010)”. Fir-realtà, dawn l-oġġezzjonijiet kienu tqajmu fir-replika. L-appellant jallegaw ukoll żnaturament tal-argument tagħhom fil-punt 234 tas-sentenza appellata fis-sens li huma kienu kkontestaw mhux il-validità tal-metodoloġija esposta fil-Linja gwida 305 tal-OECD fir-rigward tal-korrezzjoni ta’ żieda applikata mill-ECHA, iżda l-applikazzjoni magħmula mill-ECHA tal-għażliet previsti f’din il-linja gwida sabiex din iż-żieda tiġi normalizzata. |
|
124 |
Fir-raba’ lok, fil-punt 241 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet b’mod żbaljat iddeċidiet li l-appellanti kienu kkonfermaw li l-ECHA kellha twettaq analiżi statika tal-istudji differenti li jirrigwardaw id-data dwar l-FBK bħala prassi ġenerali. L-appellanti jaffermaw li kienu sostnew li l-ECHA kellha, fil-kuntest tad-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja, tieħu din l-informazzjoni inkunsiderazzjoni meta tkun disponibbli, li kien il-każ hawnhekk, u li tagħtiha l-importanza li teħtieġ. |
|
125 |
L-ECHA, sostnuta mill-Kummissjoni, titlob li t-tielet parti tar-raba’ aggravju tiġi miċħuda. B’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1272/2008, il-Kummissjoni tqis li, fi kwalunkwe każ, l-argument tal-appellanti huwa ineffettiv sa fejn id-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja kienet saret mill-ECHA b’mod konformi mal-Anness XIII. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal‑Ġustizzja
|
126 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punti 96 u 225 tas-sentenza appellata, li fil-kuntest tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-applikazzjoni b’analoġija tat-Taqsima 1.1.1.3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, li tinkludi spjegazzjoni tad-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja analoga għal dik li tinsab fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-appellanti ma jurux kif qari flimkien tar-Regolament REACH u tar-Regolament Nru 1272/2008 seta’ jwassal għal konklużjoni differenti minn dik tad-deċiżjoni kontenzjuża, hekk kif kien ġie rrilevat ukoll mill-Avukata Ġenerali fil-punti 71 u 72 tal-konklużjonijiet tagħha. Għalhekk dan l-ilment għandu jiġu miċħud bħala ineffettiv. |
|
127 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-prijorità mogħtija lid-data dwar l-FBK fir-rigward tad-data dwar l-FBA u l-FAT waqt l-identifikazzjoni tad-D6 bħala sustanza bijoakkumulabbli, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ interpretazzjoni meta kkonstatat, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, “l-importanza mogħtija lill-valuri ta’ FBK iktar għojin”. B’konsegwenza, l-ilment tal-appellanti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fir-rigward tal-aspetti l-oħra li jirrigwardaw l-artikolazzjoni bejn id-data dwar il-FAT u l-FBA, hemm lok li jiġi osservat li l-appellanti jillimitaw ruħhom sabiex isostnu interpretazzjoni differenti minn dik l-artikolazzjoni kif ukoll dik adottata mill-Qorti Ġenerali mingħajr ma jistabbilixxu l-eżistenza ta’ żnaturament. |
|
128 |
Fir-rigward tal-ilment li jikkonċerna l-korrezzjoni ta’ żieda applikata fil-kuntest tal-istudju “CERI (2010)”, għalkemm huwa minnu li dan l-ilment kien essenzjalment tqajjem fir-replika quddiem il-Qorti Ġenerali u mhux unikament waqt is-seduta, xorta jibqa’ l-fatt li ċ-ċaħda tiegħu bħala inammissibbli minħabba tardività, fil-punt 231 tas-sentenza appellata, ma huwiex ivvizzjat bi żball ta’ liġi, għall-istess raġunijiet, bħal dawk esposti fil-punti 117 u 118 ta’ din is-sentenza. |
|
129 |
Fir-rigward tal-ilmenti l-oħra invokati mill-appellanti dwar il-punti 234, 237 u 241 tas-sentenza appellata, hemm lok li jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumenti tagħhom, l-appellanti sempliċement jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-provi fil-kuntest tad-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-bijoakkumulazzjoni tad-D6 mingħajr ma juru l-eżistenza tal-iżnaturamenti allegati. Fir-realtà huma għalhekk jixtiequ li jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, li għar-raġunijiet esposti fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
130 |
Għalhekk it-tielet parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata, parzjalment ineffettiva u parzjalment inammissibbli. |
|
131 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l‑ispejjeż
|
132 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
133 |
L-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi li meta intervenjent fl-ewwel istanza ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, dan l-intervenjent jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali intervenjent jipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
|
134 |
Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jkunu intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. |
|
135 |
Peress li l-ECHA talbet għall-kundanna tal-appellanti u dawn tal-aħħar tilfu fl-aggravji tagħhom, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż. |
|
136 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni, intervenjenti fl-ewwel istanza, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
137 |
L-ACC, intervenjenti fl-ewwel istanza, li pparteċipat fil-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.