Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats
Dokument 62021CJ0376
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 16 June 2022.#Zamestnik-ministar na regionalnoto razvitie i blagoustroystvoto i rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa 'Regioni v rastezh' 2014-2020 v Obshtina Razlog.#Request for a preliminary ruling from the Varhoven administrativen sad.#Reference for a preliminary ruling – Public procurement – Regulation (EU, Euratom) 2018/1046 – Regulation (EU, Euratom) No 966/2012 – Inapplicability to public contracts awarded by Member States and financed by resources from the European Structural and Investment Funds – Directive 2014/24/EU – Direct and unconditional reference to provisions of EU law in national legislation – Applicability to a contract whose estimated value is lower than the threshold set in the directive – Article 32(2)(a) – Option for a contracting authority to invite only one economic operator to participate in a negotiated procedure without prior publication after deeming a prior open procedure unsuccessful – Obligation to maintain the initial conditions of the contract without introducing substantial alterations.#Case C-376/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2022.
Zamestnik-ministar na regionalnoto razvitie i blagoustroystvoto i rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa „Regioni v rastezh“ 2014-2020 vs Obshtina Razlog.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Varhoven administrativen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 – Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 – Inapplikabbiltà għall-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-Istati Membri u ffinanzjati minn riżorsi provenjenti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej – Direttiva 2014/24/UE – Riferiment dirett u inkundizzjonat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – Applikabbiltà għal kuntratt li l-valur stmat tiegħu huwa inqas mil-limitu stabbilit mid-Direttiva – Artikolu 32(2)(a) – Possibbiltà għal awtorità kontraenti li tniedi stedina għall-parteċipazzjoni fi proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt lil operatur ekonomiku wieħed, wara li tkun ikkonstatat in-nuqqas ta’ suċċess ta’ proċedura preċedentement miftuħa – Obbligu li jinżammu l-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt mingħajr ma jiġu introdotti emendi sostanzjali.
Kawża C-376/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2022.
Zamestnik-ministar na regionalnoto razvitie i blagoustroystvoto i rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa „Regioni v rastezh“ 2014-2020 vs Obshtina Razlog.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Varhoven administrativen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 – Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 – Inapplikabbiltà għall-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-Istati Membri u ffinanzjati minn riżorsi provenjenti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej – Direttiva 2014/24/UE – Riferiment dirett u inkundizzjonat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – Applikabbiltà għal kuntratt li l-valur stmat tiegħu huwa inqas mil-limitu stabbilit mid-Direttiva – Artikolu 32(2)(a) – Possibbiltà għal awtorità kontraenti li tniedi stedina għall-parteċipazzjoni fi proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt lil operatur ekonomiku wieħed, wara li tkun ikkonstatat in-nuqqas ta’ suċċess ta’ proċedura preċedentement miftuħa – Obbligu li jinżammu l-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt mingħajr ma jiġu introdotti emendi sostanzjali.
Kawża C-376/21.
ECLI-nummer: ECLI:EU:C:2022:472
*A9* Varhoven administrativen sad, Opredelenie ot 28/05/2021 (12052/2020)
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)
16 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 – Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 – Inapplikabbiltà għall-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-Istati Membri u ffinanzjati minn riżorsi provenjenti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej – Direttiva 2014/24/UE – Riferiment dirett u inkundizzjonat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – Applikabbiltà għal kuntratt li l-valur stmat tiegħu huwa inqas mil-limitu stabbilit mid-Direttiva – Artikolu 32(2)(a) – Possibbiltà għal awtorità kontraenti li tniedi stedina għall-parteċipazzjoni fi proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt lil operatur ekonomiku wieħed, wara li tkun ikkonstatat in-nuqqas ta’ suċċess ta’ proċedura preċedentement miftuħa – Obbligu li jinżammu l-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt mingħajr ma jiġu introdotti emendi sostanzjali”
Fil-Kawża C‑376/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura
Zamestnik-ministar na regionalnoto razvitie i blagoustroystvoto i rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014–2020
vs
Obshtina Razlog,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),
komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Safjan u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Drambozova, P. Ondrůšek, P. Rossi, u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 102 u 104 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 286, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 966/2012”), kif ukoll tal-Artikoli 160 u 164 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjaru”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn iż-Zamestnik-ministar na regionalnoto razvitie i blagoustroystvoto i rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014-2020 (il-Viċi Ministru tal-Iżvilupp Reġjonali u tax-Xogħlijiet Pubbliċi, fil-kwalità tiegħu bħala Kap tal-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm Operattiv “Reġjuni li qed jiżviluppaw” 2014-2020, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) u l-Obshtina Razlog (il-Provinċja ta’ Razlog, il-Bulgarija) minħabba d-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jimponi korrezzjoni finanzjarja lil din il-provinċja minħabba l-ksur ta’ regoli dwar, minn naħa, l-għotja ta’ kuntratti pubbliċi u, min-naħa l-oħra, l-użu ta’ fondi Ewropej allokati għall-imsemmija provinċja. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament Nru 966/2012
3 |
Intitolat “Prinċipji applikabbli għall-kuntratti pubbliċi”, l-Artikolu 102 tar-Regolament Nru 966/2012 kien jipprevedi: “1. Il-kuntratti pubbliċi kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit [tal-Unjoni Ewropea] għandhom jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza, il-proporzjonalità, it-trattament ugwali u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. 2. Il-kuntratti kollha għandhom ikunu ppreżentati għal kompetizzjoni fuq il-bażi l-aktar wiesgħa, apparti milli meta jsir użu mill-proċedura msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 104(1). […]” |
4 |
Intitolat “Proċeduri ta’ akkwist”, l-Artikolu 104 ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-proċeduri tal-akkwisti għall-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni jew kuntratti pubbliċi, inklużi kuntratti qafas għandhom jieħdu waħda mill-forom li ġejjin: […] d) proċedura negozjata, fosthom mingħajr pubblikazzjoni minn qabel; […]” |
5 |
Intitolat “L-awtorità kontraenti”, l-Artikolu 117 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-istituzzjonijiet fit-tifsira tal-Artikolu 2, l-aġenziji jew il-korpi eżekuttivi fit-tifsira tal-Artikoli 208 u 209 għandhom jitqiesu li huma awtoritajiet kontraenti fil-każ ta’ kuntratti mogħtija f’isimhom, minbarra meta jixtru minn korp ċentrali għall-akkwisti. […] Dawk l-istituzzjonijiet għandhom jiddelegaw is-setgħat neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ awtorità kontraenti skont l-Artikolu 65.” |
Ir-Regolament finanzjarju
6 |
Intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament finanzjarju jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
7 |
Intitolat “Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri”, l-Artikolu 63 ta’ dan ir-regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn il-Kummissjoni [Ewropea] timplimenta l-baġit b’ġestjoni kondiviża, il-kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit għandhom ikunu delegati lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba, it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni u għandhom jiżguraw il-viżibilità tal-azzjoni tal-Unjoni meta jamministraw fondi tal-Unjoni. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iwettqu l-obbligi rispettivi tagħhom tal-kontroll u l-awditjar u jassumu r-responsabbiltajiet li jirriżultaw u li huma stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dispożizzjonijiet komplimentari għandhom jiġu stabbiliti f’regoli speċifiċi għas-setturi.” |
8 |
Intitolat “Prinċipji applikabbli għal kuntratti u kamp ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 160 tal-imsemmi regolament jipprovdi: “1. Il-kuntratti kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit għandhom jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza, tal-proporzjonalità, tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni. 2. Il-kuntratti kollha għandhom ikunu ppreżentati għal kompetizzjoni fuq il-bażi l-aktar wiesgħa, apparti milli meta jsir użu mill-proċedura msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 164(1). […]” |
9 |
Intitolat “Proċeduri ta’ akkwist”, l-Artikolu 164 tal-istess regolament jipprevedi: “1. Il-proċeduri tal-akkwist għall-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni jew kuntratti pubbliċi, inkluż kuntratti qafas għandhom jieħdu waħda mill-forom li ġejjin: […] d) proċedura nnegozjata, inkluż mingħajr pubblikazzjoni minn qabel; […] 4. Fil-proċeduri kollha li jinvolvu negozjati, l-awtorità kontraenti għandha tinnegozja mal-offerenti l-offerti inizjali u kwalunkwe offerta sussegwenti jew partijiet minnha, għajr l-offerti finali tagħhom, sabiex jittejjeb il-kontenut tagħhom. Ir-rekwiżiti minimi u l-kriterji speċifikati fid-dokumenti tal-akkwist ma għandhomx ikunu soġġetti għal negozjati. […]” |
10 |
Intitolat “L-awtorità kontraenti”, l-Artikolu 174 tar-Regolament finanzjarju jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu: “L-istituzzjonijiet, l-aġenziji eżekuttivi u l-korpi tal-Unjoni kif msemmija fl-Artikoli 70 u 71 għandhom jitqiesu li huma awtoritajiet kontraenti fil-każ ta’ kuntratti mogħtija minn jeddhom, minbarra meta jixtru mingħand korp ċentrali għall-akkwisti. Id-dipartimenti ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx jitqiesu bħala awtoritajiet kontraenti meta jikkonkludu ftehimiet ma’ xulxin fil-livell ta’ servizz.” |
Id-Direttiva 2014/24
11 |
Il-premessi 2 u 50 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), kif emendata bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/2170 tal‑24 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 307, p. 5) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”), jipprovdu:
[…]
|
12 |
Intitolat “Ammonti tal-limitu stabbilit”, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-akkwisti li l-valur stmat tagħhom barra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa daqs jew aktar mil-limiti stabbiliti li ġejjin: […]
[…]” |
13 |
Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Metodi għall-kalkolu tal-valur stmat tal-akkwist”: “1. Il-kalkolu tal-valur stmat ta’ akkwist għandu jkun ibbażat fuq l-ammont totali pagabbli, mingħajr il-VAT, kif stmat mill-awtorità kontraenti, inkluż kull forma ta’ għażla u kull tiġdid tal-kuntratti kif stipulat b’mod espliċitu fid-dokumenti ta’ akkwist. […] 3. L-għażla tal-metodu għall-kalkolu tal-valur stmat ta’ akkwist ma għandhiex issir bl-intenzjoni li tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Akkwist ma għandux ikun suddiviż bl-effett li ma jitħalliex jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, sakemm dan ma jkunx ġustifikat b’raġunijiet oġġettivi. 4. Il-valur stmat għandu jkun validu fil-mument li fih tintbagħat is-sejħa għall-kompetizzjoni, jew, fil-każijiet fejn mhijiex prevista sejħa għall-kompetizzjoni, fil-mument li fih l-awtorità kontraenti tibda l-proċedura ta’ akkwist, pereżempju, fejn adatt, billi tikkuntattja operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-akkwist. […]” |
14 |
Intitolat “Prinċipji tal-akkwist”, l-Artikolu 18 tal-istess direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat. It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.” |
15 |
Intitolat “Għażla tal-proċeduri”, l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi, fil-paragrafi 4 u 6 tiegħu: “4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu wkoll li awtoritajiet kontraenti jistgħu japplikaw proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar jew djalogu kompetittiv fis-sitwazzjonijiet li ġejjin: […]
[…] 6. Fil-każijiet u ċirkustanzi speċifiċi imsemmijin espliċitament fl-Artikolu 32, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu japplikaw proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel għal sejħa għal kompetizzjoni. L-Istati Membri ma għandhomx jippermettu l-applikazzjoni ta’ dik il-proċedura f’każijiet oħrajn għajr dawk imsemmijin fl-Artikolu 32.” |
16 |
Intitolat “Użu tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel”, l-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Il-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel tista’ tintuża għal kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet, kuntratti pubbliċi ta’ provvista u kuntratti pubbliċi ta’ servizzi fi kwalunkwe wiehed mill-każijiet li ġejjin:
[…]” |
Id‑dritt Bulgaru
Il‑Liġi dwar il‑Kuntratti Pubbliċi
17 |
Iż-zakon za obshtestvenite porachki (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, DV Nru 13, tas‑16 ta’ Frar 2016), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), tipprevedi, fl-Artikolu 2 tagħha: “(1) Il-kuntratti pubbliċi għandhom jingħataw konformement mal-prinċipji tat-Trattat [FUE], b’mod parikolari għal moviment ħieles tal-merkanzija, għal libertà ta’ stabbiliment u għal possibiltà li jiġu pprovduti servizzi b’mod ħieles u ta’ rikonoxximent reċiproku, kif ukoll mal-prinċipji li jirriżultaw minnhom: 1. l-ugwaljanza fit-trattament u n-nondiskriminazzjoni; 2. il-kompetizzjoni ħielsa; 3. il-proporzjonalità; 4. ir-reklamar u t-trasparenza. (2) Fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-awtoritajiet kontraenti ma humiex awtorizzati jirrestrinġu l-kompetizzjoni billi jinkludu kundizzjonijiet jew rekwiżiti li jagħtu vantaġġ inġust jew jirrestrinġu b’mod mhux dovut il-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi fil-kuntratti pubbliċi u li ma humiex marbuta mas-suġġett, mal-valur, mal-kumplessità, mal-kwantità jew mal-volum tal-kuntratt”. |
18 |
L-Artikolu 18 ta’ din il-liġi jipprovdi, fil-paragrafi 1, 2, u 7 tiegħu: “(1) Il-proċeduri fis-sens ta’ din il-liġi huma: […] 8. in-negozjati mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt; 9. in-negozjati mingħajr stedina minn qabel biex jieħdu sehem; 10. in-negozjati mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt; […] 13. in-negozjati diretti. (2) Il-proċedura miftuħa u s-sejħa pubblika għal offerti huma proċeduri li fil-kuntest tagħhom kull persuna interessata tista’ tippreżenta offerta. […] (7) Fil-kuntest tal-proċeduri nnegozjati fis-sens tal-punti 8 sa 10 u l-punt 13 tal-paragrafu 1, l-awtorità kontraenti għandha tinnegozja l-klawżoli kuntrattwali ma’ persuna waħda jew iktar iddefiniti sew”. |
19 |
Skont l-Artikolu 79(1) ta’ l-imsemmija liġi: “L-awtoritajiet kontraenti pubbliċi jistgħu jagħmlu użu minn proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt ħlief fil-każijiet li ġejjin: 1. meta, fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa jew ristretta, ma tkun saret l-ebda offerta jew talba għal parteċipazzjoni jew meta l-offerti jew l-applikazzjonijiet għal parteċipazzjoni ma jkunux xierqa, u l-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt ma jkunux mibdula sostanzjalment; […]”. |
20 |
L-Artikolu 110 ta’ din l-istess liġi jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtorità kontraenti għandha tagħlaq il-proċedura permezz ta’ deċiżjoni motivata, meta: 1. ma tkun saret l-ebda offerta, talba għall-parteċipazzjoni jew proġett kompetittiv, jew fejn l-ebda parteċipant ma jkun deher għan-negozjati; 2. l-ebda waħda mill-offerti jew mit-talbiet għal parteċipazzjoni ma ssodisfat il-kundizzjonijiet għas-sottomissjoni, inkluż dawk li jikkonċernaw l-forom, il-modalitajiet u t-termini, jew kienu xierqa; […]”. |
21 |
L-Artikolu 182 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprevedi: “(1) L-awtorità kontraenti tista’ tinnegozja direttament ma’ persuni speċifiċi fil-preżenza ta’ waħda mir-raġunijiet previsti fil-punti 3 u 5 sa 9 tal-Artikolu 79(1), jew fejn: […] 2. il-proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa pubblika għal offerti ngħalqet minħabba li ebda offerta ma ġiet ippreżentata jew li l-offerti ppreżentati ma kinux xierqa, u li l-kundizzjonijiet inizjali ma ġewx mibdula b’mod sostanzjali; […]”. |
Il‑Liġi dwar il‑Fondi Strutturali u tal‑Investiment Ewropej
22 |
L-Artikolu 49(2) taż-zakon za upravlenie na sredstvata ot Evropeyskite strukturni i investitsionni fondove (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej, DV Nru 101, tat‑22 ta’ Diċembru 2015), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej”), jipprevdi: “Għall-għażla ta’ kuntrattur inkarigat għal ħidmiet marbuta ma’ xogħlijiet, ma’ servizzi u/jew ma’ provvisti ta’ merkanzija li huma s-suġġett ta’ kuntratt pubbliku fis-sens tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, ir-regoli stabbiliti fi: 1. il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, meta l-benefiċjarju jkun awtorità kontraenti fis-sens tal-imsemmija liġi; […] għandhom japplikaw. […]”. |
Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni tal‑Liġi dwar il‑Kuntratti Pubbliċi
23 |
L-Artikolu 64 tal-pravilnik za prilagane na zakona za obshtestvenite porachki (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal‑Liġi dwar il‑Kuntratti Pubbliċi, DV Nru 28, tat‑8 ta’ April 2016), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fid-deċiżjoni ta’ għeluq tal-proċedura msemmija fil-punti 8 sa 10 u 13 tal-Artikolu 18(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jindikaw ukoll il-persuni li ser jiġu mistiedna jipparteċipaw fin-negozjati, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-punti 7 u 8 tal-Artikolu 79(1), fil-punt 2 tal-Artikolu 138(1), fil-punti 9 u 10 tal-Artikolu 164(1) ta’ [din] il-liġi […], kif ukoll fil-każijiet imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 182(1) tal-[imsemmija] liġi […]”. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
24 |
Il-Komun ta’ Razlog ibbenefika minn fondi Ewropej allokati għat-titjib tal-infrastruttura skolastika u tat-tagħlim fl-iskola professjonali għall-mekkanizzazzjoni tal-agrikoltura li tinsab fit-territorju tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kontraenti, organizza proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt b’sejħa pubblika għal offerti, li għandha bħala għan il-provvista ta’ teknika, ta’ tagħmir u ta’ għamara għall-bżonnijiet ta’ din l-iskola. |
25 |
Dan il-kuntratt kien maqsum f’erba’ lottijiet. L-unika offerta li ġiet ippreżentata kienet tikkonċerna biss il-Lott Nru 2, intitolat “Tagħmir għall-iffurmar tal-metall”. L-awtorità kontraenti ma qisitx lil din l-offerta bħala konformi mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, minħabba li l-ammont tagħha kien iktar minn darbtejn ogħla mill-valur stmat tal-kuntratt. L-awtorità kontraenti għalhekk ikkonstatat in-nuqqas ta’ suċċess ta’ din il-proċedura u għalqitha, permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Novembru 2017, meħuda abbażi tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 110(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. |
26 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Diċembru 2017, l-awtorità kontraenti, skont il-punt 1 tal-Artikolu 79(1) ta’ din il-liġi, irrikorriet għal proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt, li għandha bħala suġġett il-“Provvista ta’ tagħmir għall-iffurmar tal-metalli għall-bżonnijiet tal-iskola professjonali għall-mekkanizzazzjoni tal-agrikoltura tal-belt ta’ Razlog”. Il-valur stmat ta’ dan il-kuntratt, li kien jirriproduċi, mingħajr tibdil, il-kundizzjonijiet tal-kuntratt inizjalment imħabbra għal dan il-lott, kien ta’ 33 917.82 lev Bulgaru (BGN) mingħajr VAT (madwar EUR 17370). L-għażla ta’ dan il-metodu ta’ għoti kienet immotivata min-nuqqas ta’ offerta adegwata għal dan il-lott fil-kuntest tal-proċedura miftuħa preċedenti. |
27 |
Fil-kuntest ta’ din il-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt, l-awtorità kontraenti stiednet lil operatur ekonomiku wieħed sabiex jipparteċipa, f’dan il-każ, Dikar Konsult OOD, u tatu, permezz ta’ kuntratt konkluż fid‑29 ta’ Diċembru 2017, kuntratt ta’ valur ta’ BGN 33907 mingħajr VAT (madwar EUR 17365). |
28 |
L-imsemmija proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt kienet is-suġġett ta’ senjalazzjoni lill-Ministru. Din it-twissija kienet takkuża lill-awtorità kontraenti li, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, tat vantaġġ lill-operatur ekonomiku magħżul u b’hekk eliminat il-kompetizzjoni ħielsa, bi ksur tal-prinċipji msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 160 tar-Regolament finanzjarju. |
29 |
Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Marzu 2020, il-Ministru informa lill-awtorità kontraenti, fil-kwalità tiegħu ta’ benefiċjarju ta’ fondi Ewropej, bis-senjalazzjoni rċevuta u bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ ffissar ta’ korrezzjoni finanzjarja. |
30 |
L-awtorità kontraenti sostniet li hija setgħet tagħżel, skont l-Artikolu 18(7) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li tinnegozja ma’ persuna partikolari waħda jew iktar. Barra minn hekk, il-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt ma tistax tiġi sseparata mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika li ppreċedietha, li fiha l-persuni kkonċernati kollha kellhom il-possibbiltà li jipparteċipaw. Issa, il-preżentazzjoni ta’ offerta waħda, li l-ammont tagħha kien jaqbeż id-doppju tal-valur stmat tal-kuntratt, turi n-nuqqas ta’ interess li wieħed jipparteċipa f’din il-proċedura, minħabba l-valur żgħir tal-kuntratt. L-għeluq bla suċċess tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika b’hekk iġġustifikat id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tindirizza stedina lil operatur ekonomiku wieħed, fil-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt sussegwenti. |
31 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2020”), il-Ministru applika lill-awtorità kontraenti korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 % fuq l-infiq eliġibbli għall-finanzjament mill-fondi Ewropej marbuta mal-kuntratt konkluż ma’ Dikar Konsult. F’din id-deċiżjoni, il-Ministru kkontesta l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt. Mill-Artikolu 160 tar-Regolament finanzjarju jirriżulta b’mod partikolari li l-prinċipju ta’ kompetizzjoni ħielsa għandu imperattivament jiġi osservat fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Għaldaqstant, il-punt 1 tal-Artikolu 79(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi ma jistax jiġġustifika l-għoti ta’ kuntratt fl-assenza ta’ sejħa għal offerti, peress li, billi jirreferi għal “persuni” fil-plural, l-Artikolu 64(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ta’ din il-liġi jimponi espressament li tiġi indirizzata stedina għal parteċipazzjoni fin-negozjati lil diversi persuni. B’dan il-mod, billi stiednet lil Dikar Konsulta biss, mingħajr ma mmotivat din id-deċiżjoni, l-awtorità kontraenti tat vantaġġ inġust lil din tal-aħħar u llimitat il-parteċipazzjoni ta’ ċirku indefinit ta’ operaturi ekonomiċi interessati fil-kuntratt. |
32 |
Fuq rikors tal-awtorità kontraenti, l-Administrativen sad Blagoevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija) annullat id-deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2020. Skont din il-qorti, il-kundizzjonijiet għall-iżvolġiment tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt irendu materjalment impossibbli li jiġi applikat il-prinċipju ta’ garanzija tal-kompetizzjoni fuq il-bażi l-iktar wiesgħa possibbli, jew minħabba s-suġġett speċifiku tal-kuntratt, jew fin-nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ offerti xierqa. Barra minn hekk, l-Artikolu 18(7) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jagħti espressament il-possibbiltà lill-awtorità kontraenti li tinnegozja l-klawżoli tal-kuntratt ma’ persuna jew persuni speċifiċi. |
33 |
Adita b’appell ta’ kassazzjoni mill-Ministru, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) tistaqsi jekk awtorità kontraenti tiksirx il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ kompetizzjoni ħielsa meta tindirizza stedina sabiex jiġi konkluż kuntratt pubbliku lil operatur ekonomiku wieħed, fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt li, minn naħa, tinbeda wara l-għeluq ta’ proċedura mingħajr suċċess u, min-naħa l-oħra, tirrepeti, mingħajr ma temendahom, il-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt, u dan minkejja li s-suġġett tal-kuntratt ma jkollux karatteristiċi distinti li jiġġustifikaw li l-eżekuzzjoni tiegħu tiġi fdata lill-operatur mistieden. |
34 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti ssemmi diverġenzi fost il-qrati Bulgari, inkluż fi ħdanha, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 79(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, moqri flimkien mal-Artikolu 160(2) u l-Artikolu 164(1)(d) tar-Regolament finanzjarju. Hija tirrileva, qabel kollox, li, għalkemm l-Artikolu 160(2) tar-Regolament finanzjarju jippermetti, b’mod eċċezzjonali, li ssir deroga mill-prinċipju tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi bl-iktar kompetizzjoni wiesgħa possibbli, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-effett li twarrab il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 164(4) tar-Regolament finanzjarju tirreferi għal “offerenti” fil-plural. |
35 |
Sussegwentement, għalkemm ir-Regolament finanzjarju normalment ma japplikax għall-awtoritajiet kontraenti nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tqis li dan għandu jiġi applikat f’dan il-każ, peress li l-valur tal-kuntratt pubbliku kkonċernat ma jilħaqx il-limitu stabbilit mid-Direttiva 2014/24. L-applikazzjoni tal-Artikolu 160(1) u (2) tar-Regolament finanzjarju tista’ tiġi ġġustifikata bl-użu ta’ riżorsi mill-baġit tal-Unjoni. |
36 |
Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-fatti rilevanti f’din il-kawża seħħew filwaqt li r-Regolament Nru 966/2012 kien għadu fis-seħħ, filwaqt li d-deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2020 kienet ġiet adottata wara t-tħassir ta’ dan ir-regolament u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament finanzjarju. Fi kwalunkwe każ, il-kontenut tal-Artikolu 160 tar-Regolament finanzjarju u dak tal-Artikolu 102(1) u (2) tar-Regolament Nru 966/2012, li huwa applikabbli għall-kawża prinċipali, huma identiċi. |
37 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
38 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 160(1) u (2) tar-Regolament finanzjarju u l-Artikolu 102(1) u (2) tar-Regolament Nru 966/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti organizzati mill-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri, meta dawn il-kuntratti huma ffinanzjati minn riżorsi li joriġinaw mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. |
39 |
Intitolat “Prinċipji applikabbli għal kuntratti u kamp ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 160 tar-Regolament finanzjarju jipprovdi, fl-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]l-kuntratti kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit għandhom jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza, tal-proporzjonalità, tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni”. Il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jippreċiża li “[i]l-kuntratti ta’ akkwist pubbliku kollha għandhom ikunu ppreżentati għall-offerti fuq il-bażi l-aktar wiesgħa, apparti milli meta l-użu jsir mill-proċedura nnegozjata riferuta fl-Artikolu 164(1)[d]”, jew għall-proċedura nnegozjata, inkluż mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt. |
40 |
Kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, din l-ewwel domanda hija bbażata fuq il-premessa skont liema, għalkemm inapplikabbli għall-awtoritajiet kontraenti nazzjonali, ir-Regolament finanzjarju jista’ madankollu jtaffi l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2014/24 għal kuntratt pubbliku li l-valur tiegħu ma jilħaqx il-limitu stabbilit minn din id-direttiva. |
41 |
Huwa ġustament li l-qorti tar-rinviju tirrileva li r-Regolament finanzjarju ma japplikax għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti organizzati minn awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri. |
42 |
Fil-fatt, mill-Artikolu 2(51) tar-Regolament finanzjarju jirriżulta li “kuntratt pubbliku” tfisser kuntratt għal interess pekunjarju konkluż bil-miktub bejn attur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar fis-sens tal-Artikoli 174 u 178, sabiex tinkiseb, bil-pagament ta’ prezz imħallas totalment jew parzjalment mill-baġit, il-provvista ta’ assi mobbli jew immobbli, l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew il-provvista ta’ servizzi […]”. |
43 |
Issa, l-Artikolu 174 ta’ dan ir-regolament, li huwa intitolat “L-awtorità kontraenti”, jipprovdi, fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-istituzzjonijiet, l-aġenziji eżekuttivi u l-korpi tal-Unjoni kif msemmija fl-Artikoli 70 u 71 għandhom jitqiesu li huma awtoritajiet kontraenti fil-każ ta’ kuntratti mogħtija minn jeddhom, minbarra meta jixtru mingħand korp ċentrali għall-akkwisti”. |
44 |
Kif jindika l-Anness II tar-Regolament Finanzjarju, il-kliem tal-Artikolu 174 ta’ dan ir-regolament jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 117(1) tar-Regolament Nru 966/2012, li tħassar permezz tar-Regolament Finanzjarju b’effett mit‑2 ta’ Awwissu 2018. |
45 |
Għalhekk, il-kunċett ta’ “awtorità kontraenti” li jirriżulta mir-Regolament Nru 966/2012 baqa’ l-istess fis-sustanza tiegħu wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament finanzjarju, b’tali mod li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat bl-istess mod fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ regolamenti. |
46 |
Għalhekk mill-Artikolu 174 tar-Regolament finanzjarju jirriżulta b’mod ċar li l-kunċett ta’ “awtorità kontraenti”, li għalih jirreferi l-Artikolu 2(51) ta’ dan ir-regolament, jinkludi biss, bħall-Artikolu 117 tar-Regolament Nru 966/2012, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-aġenziji eżekuttivi u l-organi tal-Unjoni msemmija fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament finanzjarju. |
47 |
Minn dan isegwi li ebda wieħed minn dawn ir-regolamenti ma huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri. |
48 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 63(1) tar-Regolament finanzjarju jirriżulta li, meta l-Kummissjoni teżegwixxi l-baġit b’ġestjoni kondiviża, il-ħidmiet marbuta mal-eżekuzzjoni tal-baġit jiġu ddelegati lill-Istati Membri. Dawn għandhom, b’mod partikolari, josservaw id-dispożizzjonijiet komplementari previsti mil-leġiżlazzjoni settorjali. Għaldaqstant, kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 63(1) ta’ dan ir-regolament jimponi fuq l-Istati Membri, anki meta jwettqu ħidmiet ta’ eżekuzzjoni tal-baġit permezz ta’ kuntratti pubbliċi, iffinanzjati minn riżorsi tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, li japplikaw mhux ir-Regolament finanzjarju, iżda l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, inklużi d-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
49 |
B’hekk jidher li, anki meta kuntratt pubbliku jkun iffinanzjat minn riżorsi li joriġinaw minn Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, l-obbligu għall-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri li josservaw il-prinċipji fundamentali tal-għoti tal-kuntratti, li huma l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, ma jistax jirriżulta mill-Artikolu 160 tar-Regolament finanzjarju. |
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 160(1) u (2) tar-Regolament finanzjarju u l-Artikolu 102(1) u (2) tar-Regolament Nru 966/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi organizzati mill-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri, anki meta dawn il-kuntratti huma ffinanzjati minn riżorsi li joriġinaw mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. |
Fuq it‑tieni domanda
51 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li domanda preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha tat-trattati u tad-dritt sekondarju li jistgħu jkunu rilevanti meta mqabbla mal-problema mressqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1985, Mutsch,137/84, EU:C:1985:335, punt 10). Il-fatt li l-qorti tar-rinviju fformulat id-domanda tagħha billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet biss tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex għalhekk ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1990, SARPP, C‑241/89, EU:C:1990:459, punt 8, u tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Medisanus, C‑296/15, EU:C:2017:431, punt 55). |
52 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi, rispettivament, għall-Artikoli 160 u 164 tar-Regolament finanzjarju kif ukoll għall-Artikoli 102 u 104 tar-Regolament Nru 966/2012. Issa, mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli f’din il-kawża. |
53 |
Madankollu, l-imsemmija dispożizzjonijiet, li jistabbilixxu l-prinċipji tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għandhom għan ekwivalenti għal dak tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, li minnu jirriżulta wkoll obbligu li jiġu osservati l-prinċipji fundamentali tal-għoti tal-kuntratti. |
54 |
Għalkemm il-valur tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jilħaqx il-limitu ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24 li huwa stabbilit, permezz tal-Artikolu 4(c) tagħha, għal EUR 209000 għall-kuntratti ta’ provvisti mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti subċentrali, bħall-komun ta’ Razlog, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 saru applikabbli, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt nazzjonali għal sitwazzjonijiet li, bħal dik tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu normalment barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, mill-Artikolu 49(2) tal-Liġi dwar il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jirriżulta li l-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li ttrasponiet b’mod fidil fl-ordinament ġuridiku Bulgaru d-Direttiva 2014/24, tapplika għall-proċeduri kollha ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ssussidjati minn Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, indipendentement mill-valur tal-kuntratti. |
55 |
Issa, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, b’mod dirett u inkundizzjonat, għas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet mhux koperti minn att tad-dritt tal-Unjoni, ma’ dawk adottati minn dan l-att, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li d-dispożizzjonijiet riprodotti fl-imsemmi att jiġu interpretati b’mod uniformi. Fil-fatt dan jippermetti li jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri u li jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 36 u 37; tal‑5 ta’ April 2017, Borta, C‑298/15, EU:C:2017:266, punti 33 u 34, kif ukoll tal‑31 ta’ Marzu 2022, Smetna palata na Republika Bulgaria, C‑195/21, EU:C:2022:239, punt 43). |
56 |
Barra minn hekk, peress li t-tieni domanda tirrigwarda proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2014/24, li jelenka, fil-punti (a) sa (c) tiegħu, “kwalunkwe wiehed mill-każijiet” li fih huwa awtorizzat jirrikorri għal tali proċedura, huwa rilevanti għar-risposta għal din it-tieni domanda. Barra minn hekk, din il-lista hija eżawrjenti peress li l-Artikolu 26(6) ta’ din id-direttiva jippreċiża li l-Istati Membri ma għandhomx jawtorizzaw l-applikazzjoni tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt ta’ sejħa għal kompetizzjoni f’każijiet għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ April 2008, Il-Kumissjoni vs L-Italja, C‑337/05, EU:C:2008:203, punti 56 u 57, kif ukoll tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑275/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:632, punt 54). |
57 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 32(2)(a) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità kontraenti tista’, fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt, tindirizza ruħha lil operatur ekonomiku wieħed biss meta, din il-proċedura tirriproduċi, mingħajr emendi sostanzjali, il-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt imsemmija fi proċedura preċendentement miftuħa li ngħalqet minħabba li l-unika offerta ppreżentata kienet inadegwata, għalkemm l-għan tal-kuntratt inkwistjoni ma jippreżentax oġġettivament karatteristiċi distinti li jiġġustifikaw li l-eżekuzzjoni tiegħu tiġi fdata esklusssivament lil dan l-operatur. |
58 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(2)(a) tad-Direttiva 2014/24, l-użu ta’ din il-proċedura huwa b’mod partikolari aċċettat għal kuntratti pubbliċi għal provvisti meta ebda offerta jew offerta xierqa ma tkun ġiet ippreżentata bi tweġiba għal proċedura miftuħa jew ristretta, sakemm il-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt ma jkunux sostanzjalment mibdula u sakemm ir-rapport jintbagħat lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha. |
59 |
Għalhekk, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li awtorità kontraenti tista’ tirrikorri għal proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt sakemm jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, hija għandha turi li ma rċevietx ebda offerta jew, tal-inqas, l-ebda offerta xierqa fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa jew ristretta ta’ kuntratt preċedenti li hija tkun għalqet għal din ir-raġuni. Fit-tieni lok, il-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt sussegwenti ma għandhiex tbiddel sostanzjalment il-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt, kif kienu jidhru fl-avviż ta’ kuntratt ippubblikat fil-kuntest tal-proċedura miftuħa jew ristretta preċedenti. Fit-tielet u l-aħħar lok, l-awtorità kontraenti għandha tkun f’pożizzjoni li tikkomunika rapport ta’ sitwazzjoni lill-Kummissjoni jekk din tal-aħħar titlobha tagħmel dan. |
60 |
Peress li din l-aħħar kundizzjoni ma hijiex inkwistjoni f’din il-kawża, għandu jiġi ppreċiżat il-kontenut tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(2)(a) tad-Direttiva 2014/24. |
61 |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(2)(a) ta’ din id-direttiva jirriżulta li offerta ma għandhiex titqies li hija xierqa meta ma tkunx relatata mal-kuntratt peress li ma tkunx manifestament f’pożizzjoni, mingħajr tibdil sostanzjali, li tissodisfa l-bżonnijiet u r-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti speċifikati fid-dokumenti tal-kuntratt. |
62 |
Offerta għandha fil-fatt titqies li ma hijiex xierqa meta tkun “mhux aċċettabbli”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(4) tal-imsemmija direttiva, li tkopri b’mod partikolari l-proċeduri kompetittivi bin-negozjar. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, huma b’mod partikolari kkunsidrati bħala inaċċettabbli l-offerti ppreżentati minn offerenti li l-prezz tagħhom jaqbeż il-baġit tal-awtorità kontraenti kif ġie determinat u stabbilit qabel it-tnedija tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. |
63 |
Dan huwa manifestament il-każ ta’ offerta li, bħal dik imsemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, kienet ipproponiet ammont iktar minn darbtejn ogħla mill-valur stmat tal-kuntratt magħżul mill-awtorità kontraenti. |
64 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura nnegozjata inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità kontraenti ma biddlitx sostanzjalment il-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
65 |
Barra minn hekk, la l-premessa 50 u lanqas l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 ma jistgħu jinvalidaw din l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 32(2)(a) ta’ din id-direttiva. |
66 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-istruttura ġenerali tagħha, il-premessa 50 tad-Direttiva 2014/24 tkopri każijiet ta’ użu ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt li ma jikkorrispondux għal dak imsemmi fl-Artikolu 32(2)(a) ta’ din id-direttiva. |
67 |
Barra minn hekk, meta awtorità kontraenti tiddeċiedi li tindirizza ruħha lil operatur ekonomiku wieħed fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, organizzata wara l-falliment ta’ proċedura miftuħa jew ristretta u li tirriproduċi, mingħajr tibdil sostanzjali, il-kundizzjonijiet li kienu jinsabu inizjalment fl-avviż ta’ kuntratt ippubblikat fil-kuntest tal-proċedura miftuħa jew ristretta preċedenti, tali attitudni tibqa’ kompatibbli mal-prinċipji tal-għoti tal-kuntratti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, anki meta s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni ma jeżiġix, oġġettivament, li jindirizza ruħu lil dan l-operatur. F’tali konfigurazzjoni, il-proċedura miftuħa jew ristretta preċedenti, minn naħa, u l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt sussegwenti, min-naħa l-oħra, fil-fatt jifformaw unità indissoċjabbli, b’tali mod li ċ-ċirkustanza li l-operaturi ekonomiċi potenzjalment interessati f’dan il-kuntratt kellhom l-okkażjoni li jimmanifestaw ruħhom u li jeżerċitaw il-kompetizzjoni ma tistax tiġi injorata. |
68 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-operaturi ekonomiċi li ma kellhomx diliġenza billi ma ppreżentawx offerta xierqa matul proċedura miftuħa jew ristretta ma jistgħux iġiegħlu, fil-kuntest tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt sussegwenti, l-awtorità kontraenti tinnegozja magħhom. Fil-fatt, huma setgħu jippreżentaw offerta fil-kuntest tal-proċedura miftuħa jew ristretta preċedenti u, għaldaqstant, li jibbenefikaw b’mod sħiħ mill-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità. |
69 |
Madankollu, sabiex ikun jista’ jintwera li l-kuntratt inkwistjoni ma ġiex maħsub bl-intenzjoni li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 jew li jillimita b’mod artifiċjali l-kompetizzjoni, kif jirrikjedi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tagħha, l-awtorità kontraenti għandha tkun f’pożizzjoni li tipprova li l-prezz li dwaru hija qablet mal-offerent rebbieħ jikkorrispondi għall-prezz tal-kuntratt u li ma jeċċedix il-valur stmat tal-kuntratt, ikkalkolat skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Meta tagħmel dan, l-awtorità kontraenti tikkonforma ruħha mal-prinċipju skont liema huwa dak li jkollu l-intenzjoni jagħmel użu minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva li għandu jressaq il-prova li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw din l-eċċezzjoni effettivament jeżistu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 199/85, EU:C:1987:115, punt 14, u tat‑8 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑337/05, EU:C:2008:203, punt 58). |
70 |
Barra minn hekk, billi tistabbilixxi li l-prezz tal-kuntratt konkluż fi tmiem il-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt jikkorrispondi għall-prezz tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti turi li għamlet użu ottimali tal-fondi pubbliċi, kif tipprevedi l-premessa 2 tal-istess direttiva, u, għaldaqstant, li ebda irregolarità fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej ma twettqet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 46, kif ukoll tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Elme Messer Metalurgs, C‑743/18, EU:C:2020:767, punt 51). |
71 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 32(2)(a) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità kontraenti tista’, fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt, tindirizza ruħha lil operatur ekonomiku wieħed biss meta, din il-proċedura tirriproduċi, mingħajr emendi sostanzjali, il-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt imsemmija fi proċedura preċendentement miftuħa li ngħalqet minħabba li l-unika offerta ppreżentata kienet inadegwata, għalkemm l-għan tal-kuntratt inkwistjoni ma jippreżentax oġġettivament karatteristiċi distinti li jiġġustifikaw li l-eżekuzzjoni tiegħu tiġi fdata esklusssivament lil dan l-operatur. |
Fuq l‑ispejjeż
72 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.