Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0284

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-31 ta’ Jannar 2023.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Anthony Braesch et.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikoli 107 u 108 TFUE – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni – Settur bankarju – Fażi ta’ eżami preliminari – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Pjan ta’ ristrutturazzjoni – Impenji meħuda mill-Istat Membru kkonċernat – Miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri – Konverżjoni ta’ djun subordinat f’kapital – Detenturi ta’ bonds – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Locus standi – Persuna fiżika jew ġuridika direttament u individwalment ikkonċernata – Ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Artikolu 108(2) TFUE – Kunċett ta’ ‘interessat’ – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 1(h) – Kunċett ta’ ‘parti interessata’ – Miżuri nazzjonali meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea – Inamissibbiltà tar-rikors.
    Kawża C-284/21 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:58

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    31 ta’ Jannar 2023 ( *1 )

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikoli 107 u 108 TFUE – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni – Settur bankarju – Fażi ta’ eżami preliminari – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Pjan ta’ ristrutturazzjoni – Impenji meħuda mill-Istat Membru kkonċernat – Miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri – Konverżjoni ta’ djun subordinat f’kapital – Detenturi ta’ bonds – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Locus standi – Persuna fiżika jew ġuridika direttament u individwalment ikkonċernata – Ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Artikolu 108(2) TFUE – Kunċett ta’ ‘interessat’ – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 1(h) – Kunċett ta’ ‘parti interessata’ – Miżuri nazzjonali meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea – Inamissibbiltà tar-rikors”

    Fil-Kawża C‑284/21 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑3 ta’ Mejju 2021,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Blanck u A. Bouchagiar, bħala aġenti,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Anthony Braesch, residenti fil-Lussemburgu (l-Lussemburgu),

    Trinity Investments DAC, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda),

    Bybrook Capital Master Fund LP, stabbilita fil-Grand Cayman (il-Gżejjer Kajman),

    Bybrook Capital Hazelton Master Fund LP, stabbilita fil-Grand Cayman,

    Bybrook Capital Badminton Fund LP, stabbilita fil-Grand Cayman,

    irrappreżentati minn A. Champsaur, avukata, kif ukoll minn G. Faella, L. Prosperetti u M. Siragusa, avvocati,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, E. Regan (Relatur), M. Safjan, P. G. Xuereb, D. Gratsias u M. L. Arastey Sahún, Presidenti ta’ Awla, F. Biltgen, I. Jarukaitis, N. Jääskinen, N. Wahl, I. Ziemele, J. Passer u M. Gavalec, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Rantos,

    Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ April 2022,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Ġunju 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Frar 2021, Braesch et vs Il‑Kummissjoni (T‑161/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2021:102), li permezz tagħha din ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fil-kuntest tar-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE minn Anthony Braesch, Trinity Investments DAC, Bybrook Capital Master Fund LP, Bybrook Capital Hazelton Master Fund LP u Bybrook Capital Badminton Fund LP (iktar ’il quddiem il-“Braesch et”), intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 4690 final tal‑4 ta’ Lulju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.47677 (2017/N) – L-Italja, għajnuna ġdida u pjan ta’ ristrutturazzjoni mmodifikat tal-Banca Monte dei Paschi di Siena (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il‑kuntest ġuridiku

    Ir‑Regolament (UE) 2015/1589

    2

    Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), huwa fformulat kif ġej:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (b)

    ‘għajnuna eżistenti’ tfisser:

    […]

    (ii)

    għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea];

    […]

    (c)

    ‘għajnuna ġdida’ tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti;

    […]

    (f)

    ‘għajnuna kontra l-liġi’ tfisser għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f’kontravenzjoni tal-Artikolu 108(3) [TFUE];

    (g)

    ‘użu ħażin ta’ għajnuna’ tfisser għajnuna wżata mill-benefiċjarju f’kontravenzjoni ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 4(3) […] ta’ dan ir-Regolament;

    (h)

    ‘parti interessata’ tfisser kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”

    3

    L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżami preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

    “3.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata ma tqajjem l-ebda dubju dwar il-kompatibilità mas-suq intern, safejn tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) […] TFUE, hija tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern (‘deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni skont it- TFUE tkun ġiet applikata

    4.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibilità mas-suq intern, hija tiddeċiedi li għandhom jinbdew proċeduri skont l-Artikolu 108(2) […] TFUE (‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni’).”

    4

    Taħt it-titolu “Proċedura ta’ investigazzjoni formali”, l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet rilevanti tal-fatti u tal-liġi, għandha tinkludi valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karatteristiċi tal-għajnuna tal-miżura proposta u għandha tispjega d-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq intern. Id-deċiżjoni għandha tistieden lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’perjodu stabbilit li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu stabbilit.”

    5

    L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2015/1589, intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tingħalaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

    “Ma’ deċiżjoni pożittiva, il-Kummissjoni tista’ tehmeż kondizzjonijiet li permezz tagħhom l-għajnuna tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern u tista’ tistipula obbligi sabiex tkun tista’ tiġi sorveljata l-konformità mad-deċiżjoni (‘deċiżjoni kondizzjonali’).”

    6

    L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]. Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ li jsir irkupru tal-għajnuna jekk dan imur kontra xi prinċipju ġenerali tal-liġi tal- Unjoni.”

    7

    L-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, intitolat “Użu ħażin ta’ għajnuna” jipprevedi:

    “Bla ħsara għall-Artikolu 28, il-Kummissjoni tista, f’każijiet ta’ użu ħażin ta’ għajnuna, tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 4(4). L‑Artikoli 6 sa 9, 11 u 12, l-Artikolu 13(1) u l-Artikoli 14 sa 17 għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

    Id‑Direttiva 2014/59/UE

    8

    Taħt it-titolu “Kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni [sabiex tinbeda proċeura għal riżoluzzjoni]”, l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), jipprevedi taħt il-paragrafu 4 tiegħu:

    “Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, istituzzjoni għandha titqies li qed tfalli jew probabbilment ser tfalli f’waħda jew iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    […]

    (d)

    tiġi rikjesta għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ħlief meta, biex jiġi evitat jew rimedjat disturb serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru u tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja, l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tieħu kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

    […]

    (iii)

    injezzjoni ta’ fondi proprji jew ix-xiri ta’ strumenti kapitali bi prezz u fuq termini li ma jagħtux vantaġġ lill-istituzzjoni, fejn la ċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (a), (b) jew (c) ta’ dan il-paragrafu ta’ dan l-Artikolu u lanqas iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 59(3) ma jkunu preżenti fil-waqt li tingħata l-għajnuna pubblika.

    F’kull wieħed mill-każijiet imsemmija fil-punt (d) (i), (ii) u (iii) tal-ewwel subparagrafu, il-miżuri ta’ garanzija jew miżuri ekwivalenti msemmija fihom għandhom ikunu limitati għal istituzzjonijiet solventi u għandhom ikunu bil-kondizzjonijiet tal-approvazzjoni finali taħt il-qafas tal-Unjoni [Ewropea] dwar l-għajnuna mill-Istat. Dawk il-miżuri għandhom ikunu ta’ natura ta’ prekawzjoni u temporanja u għandhom ikunu proporzjonati biex jirrimedjaw il-konsegwenzi ta’ disturb serju u m’għandhomx jintużaw biex jibbilanċaw telf li l-istituzzjoni ġarrbet jew li probabbilment ser iġġarrab fil-futur qarib.

    Il-miżuri ta’ għajuna taħt il-punt (d)(iii) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu limitati għal injezzjonijiet meħtieġa biex jinidirizzaw in-nuqqas ta’ kapital stabbilit fit-testijiet tal-istress fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni jew tal-[Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (SSM)], ir-rieżamijiet tal-kwalità tal-assi jew l-eżerċizzji ekwivalenti imwettqa mill-Band Ċentrali Ewropew [BĊE], l-[Awtorità Bankarja Ewropea (EBA)] jew l-awtoritajiet nazzjonali, fejn applikabbli, ikkonfermati mill-awtorità kompetenti.

    […]”

    Ir‑Regolament (UE) Nru 806/2014

    9

    Taħt it-titolu “Proċedura ta’ riżoluzzjoni”, l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014 L 225, p. 1), jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu:

    “Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, l-entità għandha titqies li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli f’waħda jew iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    […]

    (d)

    hija meħtieġa għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ħlief fejn, sabiex jiġi rimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru u tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, dik l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tieħu xi waħda minn dawn l-għamliet:

    […]

    (iii)

    injezzjoni ta’ fondi proprji jew ix-xiri ta’ strumenti kapitali bi prezzijiet u termini li ma jagħtux vantaġġ lill-entità, fejn la ċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu u lanqas iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 21(1) ma jkunu jeżistu fiż-żmien li tingħata l-għajnuna pubblika.

    F’kull każ imsemmi fil-punti (i), (ii) u (iii) tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, il-garanzija jew il-miżuri ekwivalenti msemmija fihom għandhom ikunu ristretti għall-entitajiet solventi u bil-kondizzjoni li tingħata approvazzjoni finali taħt il-qafas tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni. Dawk il-miżuri għandhom ikunu ta’ natura prekawzjonarja u temporanja u għandhom ikunu proporzjonati biex jirrimedjaw il-konsegwenzi ta’ taqlib serju u ma għandhomx jintużaw biex jikkumpensaw għat-telf li ġarrbet l-entità jew li x’aktarx iġġarrab fil-futur qrib.

    Il-miżuri ta’ appoġġ taħt il-punt (d)(iii) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu limitati għal injezzjonijiet meħtieġa biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ kapital stabbilit fit-testijiet tal-istress fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni jew tal-SSM, ir-rieżamijiet tal-kwalità tal-assi jew l-eżerċizzji ekwivalenti mwettqa mill-BĊE, l-ABE jew l-awtoritajiet nazzjonali, fejn applikabbli, ikkonfermati mill-awtorità kompetenti.

    […]”

    Il‑Komunikazzjoni dwar il‑Banek

    10

    Il-punt 15 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill‑1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-komunikazzjoni dwar il-banek”) (ĠU 2013, C 216, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-Banek”) jinqara kif ġej:

    “Il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet b’mod ċar jiddikjaraw li anke matul il-kriżi, il-prinċipji ġenerali tal-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat jibqgħu applikabbli. B’mod partikolari, sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn il-banek u l-Istati Membri fis-suq uniku kif ukoll jiġi indirizzat il-periklu morali, l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju u l-benefiċjarju tal-għajnuna jrid jipprovdi kontribuzzjoni proprja għall-ispejjeż ta’ ristrutturar. Il-bank u d-detenturi tal-kapital tiegħu jridu jikkontribwixxu kemm jista’ jkun għar-ristrutturar bir-riżorsi proprji tagħhom. Is-sostenn [għajnuna] mill-Istat irid jingħata fuq termini li jirrappreżentaw il-qsim xieraq tal-piżijiet [kondiviżjoni tal-oneri] ma’ dawk li investew fil-bank.”

    11

    Il-parti 3 tal-Komunikazzjoni dwar il-Banek hija dwar il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni u miżuri għall-assi danneġġjati. It-titolu 3.1.2. tiegħu, intitolat “Il-qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u mill-kredituri subordinarji [subordinati]”, jinkludi l-punti 40 sa 46, li huma fformulati kif ġej:

    “40.

    L-appoġġ mill-Istat jista’ joħloq periklu morali u jdgħajjef id-dixxiplina tas-suq. Sabiex jitnaqqas il-periklu morali, l-għajnuna għandha tingħata biss fuq termini li jinvolvu qsim tal-piżijiet adegwat minn investituri eżistenti.

    41.

    Il-qsim tal-piżijiet adegwat normalment jinvolvi, wara li t-telf l-ewwel jiġi assorbit mill-ekwità, kontribuzzjonijiet minn detenturi ta’ kapital ibridu u minn detenturi tad-dejn subordinat. Id-detenturi ta’ kapital ibridu u tad-dejn subordinat iridu jikkontribwixxu biex inaqqsu n-nuqqas fil-kapital kemm jista’ jkun possibbli. Dawn il-kontribuzzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ konverżjoni għal Grad 1 […] tal-Ekwità Komuni, jew billi jseħħ tnaqqis fil-valur tal-istrumenti ewlenin. Fi kwalunkwe każ, il-ħruġ ta’ flus mingħand il-benefiċjarju għad-detenturi ta’ dawn it-titoli irid jiġi evitat sakemm ikun legalment possibbli.

    42.

    Il-Kummissjoni mhux se teħtieġ kontribuzzjoni minn detenturi tad-dejn superjuri (b’mod partikolari minn depożiti assigurati, depożiti mhux assigurati, bonds u dejn superjuri) bħala komponent obbligatorju għall-qsim tal-piżijiet skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, la permezz tal-konverżjoni f’kapital u lanqas permezz ta’ tniżżil fil-valur tal-istrumenti.

    43.

    Fejn il-proporzjon tal-kapital, tal-Bank li għandu identifikat nuqqas fil-kapital, jibqa’ ogħla mil-livell minimu regolatorju tal-[Unjoni], il-Bank għandu normalment ikun kapaċi jtejjeb il-pożizzjoni tal-kapital bil-mezzi tiegħu stess, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri għaż-żieda tal-kapital skont kif stabbilit fil-punt 35. Jekk m’hemmx possibilitajiet oħra, inkluża kull azzjoni superviżorja oħra bħalma huma miżuri ta’ intervent bikri jew azzjonijiet ta’ rimedju oħrajn, sabiex jingħeleb in-nuqqas ikkonfermat mill-awtorità superviżorja jew tar-riżoluzzjoni kompetenti, f’dan il-każ id-dejn subordinat għandu jiġi kkonvertit f’ekwità, fil-prinċipju qabel tingħata l-għajnuna mill-Istat.

    44.

    F’każijiet fejn il-bank ma jibqax jilħaq ir-rekwiżiti regolatorji minimi ta’ kapital, id-dejn subordinat irid jiġi kkonvertit jew jitnaqqas, fil-prinċipju, qabel tingħata l-għajnuna mill-Istat. L-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tingħata qabel mal-ekwità, il-kapital ibridu u d-dejn subordinat ikunu kkontribwew bis-sħiħ sabiex jiġi kkumpensat kwalunkwe telf.

    45.

    Tista’ ssir eċċezzjoni għar-rekwiżiti tal-punti 43 u 44, meta l-implimentazzoni ta’ dawn il-miżuri tista’ tipperikola l-istabbiltà finanzjarja jew twassal għal riżultati sproporzjonati. Din l-eċċezzjoni tista’ tkopri każijiet fejn l-ammont tal-għajnuna li l-bank għandu jirċievi ikun żgħir meta mqabbel mal-assi tal-bank bil-piż differenzjat skont ir-riskju u n-nuqqas fil-kapital ikun tnaqqas b’mod sinifikanti, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri għaż-żieda tal-kapital skont kif stabbilit fil-punt 35. Jistgħu jiġu indirizzati wkoll ir-riżultati sproporzjonati jew ir-riskju għall-istabbiltà finanzjarja billi jiġi kkonsidrat mill-ġdid is-sekwenzjar tal-miżuri li jindirizzaw in-nuqqas fil-kapital.

    46.

    Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-punti 43 u 44, irid jinżamm ‘il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar’ […]. Għalhekk, kredituri subordinarji m’għandhomx jirċievu inqas f’termini ekonomiċi minn dak li l-istrument tagħhom kien ikun jiswa li kieku l-ebda għajnuna mill-Istat ma kellha tingħata.”

    Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑deċiżjoni kontenzjuża

    12

    Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 14 tas-sentenza appellata kif provdut:

    “1.

    […] Anthony Braesch, Trinity Investments […], Bybrook Capital Master Fund […], Bybrook Capital Hazelton Master Fund […] u Bybrook Capital Badminton Fund […], huma, l-ewwel wieħed fosthom, rappreżentant ta’ detenturi ta’ bonds imsejħa ‘Floating Rate Equity-Linked Subordinated Hybrid-FRESH’ 2008 (iktar ’il quddiem il-‘bonds FRESH’) u, l-oħrajn, detenturi ta’ dawn il-bonds.

    2

    [Fix-xahar ta’]April 2008, Banca Monte dei Paschi di Siena (iktar ’il quddiem ‘BMPS’) wettqet żieda fil-kapital ta’ EUR 950 miljun irriżervata għal J. P. Morgan Securities Ltd (iktar ’il quddiem ‘JPM’), li ssottoskriviet għal azzjonijiet ta’ BMPS, l-‘azzjonijiet FRESH’. Fl-istess waqt, fis‑16 ta’ April 2008, JPM ikkonkludiet ma’ BMPS kuntratt ta’ użufrutt, li jgħid li JPM iżżomm in-nuda proprjetà tal-azzjonijiet filwaqt li BMPS ikollha dritt għall-użufrutt, u ftehim ta’ skambju ta’ kumpanniji (iktar ’il quddiem il-‘kuntratti FRESH’). JPM kisbet il-fondi neċessarji għas-sottoskrizzjoni tal-azzjonijiet FRESH mingħand Bank of New-York Mellon (il-Lussemburgu), issostitwita minn Mitsubishi UFJ Investor Services & Banking (il-Lussemburgu) SA (iktar ’il quddiem ‘MUFJ’), li ħarġet il-bonds FRESH, fis‑16 ta’ April 2008, skont id-dritt Lussemburgiż, għal ammont ta’ EUR 1 biljun. JPM ikkonkludiet ma’ MUFJ ftehim ta’ skambju suġġett għad-dritt Lussemburgiż u MUFJ ikkonkludiet mad-detenturi tal-bonds FRESH kuntratt fiduċjarju li huwa wkoll suġġett għad-dritt Lussemburgiż. Skont dawn il-kuntratti differenti, ikklassifikati [minn Braesch et] bħala ‘strumenti FRESH’, it-tariffi miġbura minn JPM mingħand BMPS skont il-kuntratti FRESH huma trażmessi lil MUFJ u sussegwentement lid-detenturi ta’ bonds FRESH fil-forma ta’ kupuni.

    3

    Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni […] approvat l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mir-Repubblika Taljana lill-[…] BMPS, billi ħadet inkunsiderazzjoni pjan ta’ ristrutturazzjoni u impenji. [Fix-xahar ta’]Ġunju 2015, BMPS ħallset lura l-għajnuna kollha.

    4

    Fid‑29 ta’ Lulju 2016, l-[EBA] ippubblikat ir-riżultati tat-test ta’ reżistenza mwettaq fuq il-livell Ewropew fl‑2016, li żvela nuqqas fil-kapital ta’ BMPS fil-kuntest tax-xenarju sfavorevoli..

    5

    Fit‑23 ta’ Diċembru 2016, l-awtoritajiet Taljani adottaw id-decreto-legge n. 237 - Disposizioni urgenti per la tutela del risparmio nel settore creditizio (id-Digriet‑Liġi Nru 237 dwar Dispożizzjonijiet Urġenti għall-Protezzjoni tat-Tfaddil fis-Settur tal-Kreditu) (GURI Nru 299, tat‑23 ta’ Diċembru 2016), li ġie kkonvertit f’liġi u emendat bil-legge di conversione (il-Liġi ta’ Konverżjoni), tas‑17 ta’ Frar 2017 (GURI Nru 43, tal‑21 ta’ Frar 2017) (iktar ’il quddiem id-“Digriet‑Liġi 237/2016”), li jistabbilixxi l-kuntest legali tal-għajnuna finanzjarja u tal-kapitalizzazzjonijiet preventivi.

    6

    Wara d-dikjarazzjoni tal-[BĊE] tat‑23 ta’ Diċembru 2016, li BMPS kienet solventi, il-Kummissjoni approvat temporanjament, permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Diċembru 2016, għajnuna finanzjarja individwali ta’ EUR 15 biljun favur BMPS, abbażi tal-impenji proposti mill-awtoritajiet Taljani. L-awtoritajiet Taljani impenjaw ruħhom li jippreżentaw pjan ta’ ristrutturazzjoni f’terminu ta’ xahrejn mill-għoti tal-garanziji, sakemm l-għajnuna ma tiġix irrimborsata f’dan l-istess terminu.

    7

    Fit‑30 ta’ Diċembru 2016, peress li t-tentattiv ta’ BMPS li tneħħi kapital privat ġdid ma rnexxiex, hija ressqet talba għal għajnuna finanzjarja pubblika eċċezzjonali fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni preventiva skont id-Digriet‑Liġi 237/2016.

    8

    Fit‑28 ta’ Ġunju 2017, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni ta’ BMPS ta’ ammont ta’ EUR 5.4 biljun, flimkien ma’ pjan ġdid ta’ ristrutturazzjoni [(iktar ’il quddiem il-‘pjan ta’ ristrutturazzjoni’)] u impenji ġodda.

    9

    Fl-istess jum, il-BĊE bagħat ittra lill-Kummissjoni fejn indika li BMPS kienet solventi f’dik id-data.

    10

    Fid-deċiżjoni [kontenzjuża], adottata wara l-fażi preliminarja ta’ eżami, il-Kummissjoni evalwat żewġ miżuri ta’ għajnuna. L-ewwel miżura (iktar ’il quddiem il-“miżura 1”) tikkonsisti f’għajnuna finanzjarja ta’ EUR 15‑il biljun fil-forma ta’ garanziji tal-Istat fuq id-dejn tal-ewwel grad, imsemmija fil-punt 6 [tas-sentenza appellata]. It-tieni miżura (iktar ’il quddiem il-‘miżura 2’) tikkonsisti f’għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni preventiva ta’ BMPS ta’ ammont ta’ EUR 5.4 biljun, imsemmija fil-punt 8 [tas-sentenza appellata].

    11

    Wara li qieset li l-miżuri 1 u 2 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni indikat li l-bażi legali għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom [mas-suq intern] kienet l-Artikolu 107(3)(b) TFUE dwar l-għajnuna intiża sabiex tirrimedja disturb serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru. Hija qieset li l-miżuri 1 u 2 kienu għajnuna għar-ristrutturar ta’ BMPS u eżaminat il-kompatibbiltà tagħhom fuq il-bażi tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni fid-dawl tas-sitt komunikazzjonijiet dwar il-kriżi finanzjarja dinjija, b’mod partikolari […] il-Komunikazzjoni [dwar il-Banek].

    12

    Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna fid-dawl [tas-sitt] komunikazzjonijiet dwar il-kriżi [finanzjarji], l-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien adattat sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-vijabbiltà fuq żmien twil ta’ BMPS. It-tieni nett, hija qieset li l-kondiviżjoni tal-oneri tad-detenturi ta’ azzjonijiet u tad-dejn subordinat kienet adegwata, li tillimita l-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni u l-ammont tal-għajnuna għall-minimu, konformement mar-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, u kkonkludiet li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien fih biżżejjed miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri. It-tielet nett, hija qieset li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien jinkludi biżżejjed garanziji sabiex jiġu llimitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni indebiti. Hija rrilevat ukoll li kienet żgurata sorveljanza adegwata tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Għaldaqstant, hija kkonkludiet li l-miżuri ta’ għajnuna kienu proporzjonati sabiex jirrimedjaw il-konsegwenzi ta’ disturb serju tal-ekonomija Taljana.

    13

    Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat il-konformità tal-miżuri ta’ għajnuna mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2014/59]. Hija qieset li l-kundizzjonijiet li fihom ingħataw il-miżuri tal-Istat (miżuri 1 u 2) kienu konformi mal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 32(4)(d) tad-Direttiva 2014/59.

    14

    Fid-dispożittiv tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni kkonkludiet, l-ewwel nett, li l-miżuri 1 u 2 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, it-tieni nett, li dawn il-miżuri kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u li kienu kompatibbli mas-suq intern għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja.”

    Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    13

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Marzu 2018, Braesch et ippreżentaw rikors skont l-Artikolu 263 TFUE intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jew, sussidjarjament, għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din tikkonċerna t-trattament tal-istrumenti FRESH.

    14

    Insostenn ta’ dan ir-rikors, Braesch et invokaw ħames motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikoli 18 u 21 tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni approvat illegalment miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri, it-tieni, fuq ksur tal-Komunikazzjoni dwar il-Banek, tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni eżiġiet l-annullament tal-kuntratti FRESH, it-tielet, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”, inkwantu d-deċiżjoni kontenżjuza approvat miżuri ta’ kondiviżjoni ta’ oneri diskriminatorji fil-konfront tad-detenturi tal-bonds FRESH, ir-raba’, fuq il-ksur tad-drittijiet għal proprjetà ta’ dawn tal-aħħar, iggarantiti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 17 tal-Karta, inkwantu l-Kummissjoni approvat l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri għall-istrumenti FRESH u, il-ħames, fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE, tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589 kif ukoll tad-drittijiet proċedurali tagħhom, inkwantu l-Kummissjoni ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minkejja li kienu jeżistu dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri approvati mid-deċiżjoni kontenżjuza mad-dritt tal-Unjoni.

    15

    Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li permezz tagħha hija sostniet li r-rikors ippreżentat minn Braesch et kien inammissibbli minħabba li la kellhom interess ġuridiku u lanqas locus standi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Dawn tal-aħħar ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-eċċezzjoni fl‑10 ta’ Lulju 2018.

    16

    It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2020.

    17

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. Wara li kkonstatat, fil-punti 35 sa 41 ta’ din is-sentenza, li Braesch et kellhom il-kwalità ta’ “partijiet interessati” u ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, rispettivament, il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, fil-punti 43 sa 55 tal-imsemmija sentenza, li dawn kellhom interess ġuridiku, peress li pprovaw b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-annullament eventwali tad-deċiżjoni kontenzjuża seta’ jipprovdilhom vantaġġ, u, min-naħa l-oħra, fil-punti 56 sa 64 tal-istess sentenza, li dawn kellhom locus standi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li l-approvazzjoni, f’din id-deċiżjoni, tal-miżuri ta’ għajnuna fir-rigward tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni tikkonċernahom direttament u individwalment bħala “partijiet interessati” u “parti interessata”.

    It‑talbiet tal‑partijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    18

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiddeċiedi hija stess fuq ir-rikors fl-ewwel istanza u tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli; kif ukoll

    tikkundanna lil Braesch et għall-ispejjeż.

    19

    Braesch et jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Fuq l‑appell

    20

    Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka aggravju wieħed, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 35 sa 41 u 58 tas-sentenza appellata, tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, sa fejn Braesch et ġew ikklassifikati bħala “partijiet interessati” u “parti interessata”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    L‑argumenti tal‑partijiet

    21

    Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm il-kunċett ta’ “parti interessata”, kif iddefinit fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, li huwa sinonimu mal-kunċett ta’ “partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, ikopri ċertament grupp indeterminat ta’ destinatarji, dan ma jistax, taħt piena li jċaħħad minn sens ir-rekwiżit li persuna għandha tkun “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) sabiex tkun tista’ titqies bħala direttament u individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni adottata abbazi tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, jinkludi biss persuni li juru li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom b’rabta mal-kompetizzjoni.

    22

    Qabel kollox, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam jirriżulta li hija aċċettat biss, bħala parti interessata, persuni li juru effett ta’ din in-natura, anki jekk dawn il-persuni ma kinux kompetituri diretti tal-benefiċjarju tal-għajnuna. Għalhekk, fis-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 33), kif ukoll tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 63), rispettivament, sindakat tal-ħaddiema u tax-xerrejja tal-istess materja prima bħall-benefiċjarju tal-għajnuna tqiesu bħala partijiet interessati minħabba l-effett potenzjali tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq.

    23

    Sussegwentement, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589. Fil-fatt, il-partijiet interessati elenkati b’mod indikattiv f’din id-dispożizzjoni għandhom bħala punt komuni l-fatt li għajnuna jista’ jkollha, effett, skont il-każ, favorevoli jew sfavorevoli, fuq is-sitwazzjoni tagħhom, b’rabta mal-kompetizzjoni.

    24

    Fl-aħħar nett, mill-istruttura ġenerali u mill-għanijiet tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jirriżulta li l-Kummissjoni hija awtorizzata twettaq dan il-kontroll biss bħala awtorità tal-kompetizzjoni u li, għaldaqstant, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, din l-istituzzjoni ma hijiex mistennija li timponi fuq l-Istati Membri, kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), politiki li ma humiex relatati mal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, fis-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 434647), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li rrilevat li l-għan tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat huwa li jippreżervaw il-kompetizzjoni, kienet iddeċidiet li, sabiex ikunu direttament ikkonċernati minn deċiżjoni f’dan il-qasam, l-appellanti għandhom jipprovaw li din id-deċiżjoni tista’ tpoġġihom f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata.

    25

    Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “parti interessata”, li huwa barra minn hekk iddefinit fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 bħala li jirreferi għal kull persuna “li l-interessi tagħh[a] jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna”, ma jistax jinkludi persuni li jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet mhux relatati mal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, iżda li jirrigwardaw aspetti oħra tal-miżura tal-Istat ġenerali li timplimenta din l-għajnuna, jew saħansitra miżuri oħra tal-Istat li jakkumpanjaw l-għajnuna mill-Istat.

    26

    Fil-fatt, diversi persuni jistgħu jikkontestaw miżura tal-Istat li timplimenta jew li takkumpanja għajnuna, billi jesprimu biss tħassib, mhux biss mingħajr rabta mal-kompetizzjoni, iżda wkoll indipendenti mill-għajnuna inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, għall-kompetituri tal-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat, l-għoti lil dan tal-aħħar ta’ tali għajnuna jkun r-raġuni għat-tħassib tagħhom. Sabiex tiġi kklassifikata bħala “parti interessata”, persuna għandha għalhekk tesprimi tħassib marbut, b’ċertu mod, mal-kompetizzjoni f’sens wiesa’, anki jekk din il-persuna ma tkunx kompetitriċi tal-benefiċjarju tal-għajnuna.

    27

    Minn dan jirriżulta li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “parti interessata” billi bbażat ruħha fuq definizzjoni miftuħa ta’ dan il-kunċett li tinkludi kull persuna f’pożizzjoni li turi kwalunkwe effett potenzjali li jirriżulta mill-għajnuna, jew saħansitra minn miżuri oħra tal-Istat li jakkumpanjaw din l-għajnuna. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha wkoll fuq effetti indiretti u purament ekonomiċi li ma għandhom ebda rabta mal-kompetizzjoni.

    28

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat, fil-punti 37 u 41 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża seta’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni ta’ Braesch et minħabba li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ BMPS kien jipprevedi l-possibbiltà li jiġu annullati l-kuntratti FRESH u li, minħabba l-interdipendenza bejn id-diversi rabtiet kuntrattwali li fuqhom huma bbażati l-istrumenti FRESH, id-dannu ekonomiku għal żmien twil li jirriżulta minn dan, fid-dawl tat-telf ta’ ħlas ta’ kupuni marbut mal-bonds FRESH, huwa sostanzjali.

    29

    Fil-fatt, l-annullament tal-kuntratti FRESH ma huwiex il-konsegwenza tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil BMPS, iżda tad-deċiżjoni distinta tal-awtoritajiet Taljani li jimponu kondiviżjoni tal-oneri fuq l-azzjonisti u fuq il-kredituri subordinati ta’ BMPS, aspett li ttieħed inkunsiderazzjoni fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ din tal-aħħar. Anki kieku l-awtoritajiet Taljani kienu ddeċidew li jirristrutturaw lil BMPS fl-assenza ta’ għajnuna mill-Istat, huma setgħu jimponu l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri, inkluż l-annullament tal-kuntratti FRESH, sabiex inaqqsu d-defiċit tal-kapital ta’ BMPS. Għaldaqstant, dawn il-miżuri huma indipendenti mill-għajnuna mill-Istat li l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li jagħtu lil BMPS. Barra minn hekk, il-kuntratti FRESH annullati huma l-kuntratt ta’ użufrutt u l-ftehim ta’ skambju ta’ kumpanniji konklużi bejn JPM u BMPS, kif imsemmija fil-punt 2 tas-sentenza appellata, filwaqt li d-detenturi ta’ bonds FRESH ma kinux partijiet għal dawn il-kuntratti.

    30

    Konsegwentement, kull effett tal-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri fuq is-sitwazzjoni ta’ Braesch et huwa ta’ natura purament ekonomika u indiretta, permezz tad-diversi rabtiet kuntrattwali li fuqhom huma bbażati l-istrumenti FRESH.

    31

    Minn dan isegwi li r-raġunament li jinsab fil-punt 40 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat minn tal-inqas erba’ żbalji ta’ liġi.

    32

    L-ewwel, il-Qorti Ġenerali tiddikjara b’mod żbaljat li huwa irrilevanti li Braesch et ma jikkontestawx il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni, filwaqt li tali ċirkustanza tikkonferma espressament li dawn ma jikkontestawx l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil BMPS bħala tali, iżda l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri li kienu jirriżultaw minn deċiżjoni indipendenti meħuda mill-awtoritajiet Taljani, aspett li juri li l-imsemmija għajnuna ma setax ikollha effett, fuq is-sitwazzjoni tagħhom, b’rabta mal-kompetizzjoni.

    33

    It-tieni, għalkemm il-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament li l-impenji tal-awtoritajiet Taljani dwar il-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-kondiviżjoni tal-oneri huma “parti integrali” mill-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati, din il-konstatazzjoni ma hijiex rilevanti għad-determinazzjoni tal-locus standi. Ċertament, kif jirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Iglesias Gutiérrez u Rion Bea (C‑352/14 u C‑353/14, EU:C:2015:691, punt 28), l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni tkun ibbażata fuq l-ipoteżijiet fattwali kollha ppreżentati mill-Istat Membru kkonċernat, kemm jekk fin-notifika tiegħu kif ukoll fl-impenji tiegħu, b’tali mod li, jekk dan l-Istat Membru jitbiegħed minn dawn l-ipoteżijiet fattwali, huwa jimplimenta miżura fattwalment differenti minn dik approvata mill-Kummissjoni li għalhekk ma tkunx iktar koperta minn din l-awtorizzazzjoni. Madankollu, peress li l-Kummissjoni tikkontrolla l-għajnuna mill-Istat bħala awtorità tal-kompetizzjoni, minn dan ma jirriżultax li kull persuna li jkollha xi tħassib dwar waħda minn dawn l-ipoteżijiet fattwali għandha titqies li hija “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589.

    34

    It-tielet, il-Qorti Ġenerali ddikjarat b’mod żbaljat li l-miżuri ta’ għajnuna nnotifikata u l-impenji ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani li kienu s-suġġett tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni “huma ta’ natura inseparabbli, sa fejn dawn tal-aħħar jikkundizzjonaw id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà”. Din id-dikjarazzjoni tikkontradixxi l-punti 99 u 100 tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et. (C‑526/14, EU:C:2016:570), li minnhom jirriżulta li l-konformità ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-Banek, għalkemm hija suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tiddikjara din il-miżura kompatibbli mas-suq intern, ma hijiex neċessarja għal dan il-għan. Ir-Repubblika Taljana għalhekk ma kinitx obbligata li timpenja ruħha li tieħu l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri previsti f’dik il-komunikazzjoni.

    35

    Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża awtorizzat l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna “filwaqt li rrendiet dawn l-impenji vinkolanti”, is-sitwazzjoni ta’ Braesch et kienet ġiet neċessarjament affettwata minn dawn l-elementi kollha, fejn dawn ma setgħux jiddefendu l-interessi tagħhom ħlief billi jitolbu l-annullament ta’ din id-deċiżjoni kollha kemm hi. Fil-fatt, l-imsemmija deċiżjoni bl-ebda mod ma rrendiet vinkolanti l-impenji tal-awtoritajiet Taljani. Hija ġiet adottata skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, abbażi tal-impenji meħuda volontarjament minn dawn l-awtoritajiet, inklużi l-miżuri tal-kondiviżjoni tal-oneri. Peress li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx “deċiżjoni kundizzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament, hija ma imponietx, u lanqas ma setgħet timponi kundizzjonijiet fuq l-Istat Membru jew fuq terzi.

    36

    Braesch et isostnu li l-Kummissjoni ma turix li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 magħmula mill-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

    37

    Qabelxejn, l-allegazzjoni li l-klassifikazzjoni bħala “parti interessata” fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi effett dannuż tal-għajnuna fuq il-persuna kkonċernata b’rabta mal-kompetizzjoni hija infondata. B’mod partikolari, fis-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435), u tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-appellanti kienu partijiet interessati fid-dawl tal-eżistenza, għalihom, ta’ effett dannuż tal-għajnuna. Il-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja mkien ma ssemmi li dan l-effett għandu jikkonċerna l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq.

    38

    Sussegwentement, l-argument li l-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 jirrestrinġi l-kunċett ta’ “parti interessata” għall-entitajiet li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju tal-għajnuna huwa wkoll infondat. Minn naħa, din id-dispożizzjoni tippermetti espressament lil impriża li ma tkunx f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju tal-għajnuna li tiġi kkunsidrata bħala parti interessata meta l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna. Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita, b’mod partikolari, permezz tas-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Copebi (C‑505/18, EU:C:2019:500, punt 34), il-lista ta’ kategoriji li tinsab fiha hija biss indikattiva u l-kunċett ta’ “parti interessata” jmur lil hinn mill-benefiċjarju tal-għajnuna jew tal-kompetituri tagħha peress li tkopri grupp indeterminat ta’ destinatarji li jinkludi l-persuni kollha li l-interessi tagħhom huma affettwati mill-għoti tal-għajnuna.

    39

    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-istruttura ġenerali u l-għanijiet tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873 punti 43, 46 u 47), hija irrilevanti, peress li tirrigwarda l-kundizzjoni li tipprovdi li l-awtur tar-rikors ippreżentat kontra att għandu jkun ikkonċernat direttament minnu, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u mhux il-kunċett ta’ “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 2015/1589. Is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P,EU:C:2020:742), lanqas ma hija rilevanti, peress li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti interessata” ma hijiex indirizzata hemmhekk. Fi kwalunkwe każ, din is-sentenza tikkonferma li l-Kummissjoni għandha setgħat li jippermettulha teżamina mhux biss l-effett ta’ miżura b’rabta mal-kompetizzjoni, iżda wkoll il-legalità ta’ din il-miżura fl-intier tagħha u li hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni diversi aspetti li ma jkollhom ebda rabta mal-kompetizzjoni. B’hekk, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mad-Direttiva 2014/59.

    40

    Fir-rigward tal-argumenti li jgħidu li Braesch et huma affettwati mid-deċiżjoni kontenzjuża biss mill-perspettiva ekonomika u jinvokaw biss preokkupazzjonijiet mingħajr rabta mal-kompetizzjoni, dawn huma qarrieqa. Fil-fatt, is-sitwazzjoni legali tagħhom hija speċifikament affettwata mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, peress li din id-deċiżjoni trendi l-annullament tal-istrumenti tagħhom FRESH vinkolanti għar-Repubblika Taljana u għal BMPS. Barra minn hekk, Braesch et huma l-mira speċifika tal-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri, li jagħmlu parti mill-impenji u jikkostitwixxu, kif jirriżulta mill-premessi 101 sa 110 tad-deċiżjoni kontenzjuża, kundizzjoni għall-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, konformement mal-Komunikazzjoni dwar il-Banek.

    41

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li Braesch et setgħu jiġu kklassifikati bħala “partiji interessata jew “partijiet interessati”, fis-sens, tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 u tal-Artikolu 108(2) TFUE, rispettivament, minħabba li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat inkwistjoni, kif ġew innotifikati u ddikjarati kompatibbli mas-suq intern fid-deċiżjoni kontenzjuża, jirriskjaw li jkollhom effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom.

    42

    Fil-fatt, l-annullament tal-istrumenti FRESH ma jirriżultax mill-adozzjoni mill-awtoritajiet Taljani tad-Digriet‑Liġi 237/2016. Dan tal-aħħar, li jelenka speċifikament l-istrumenti tal-kapital ta’ BMPS suġġetti għall-kondiviżjoni tal-oneri, ma jagħmel ebda riferiment għall-istrumenti FRESH. Barra minn hekk, minn ittra elettronika mibgħuta minn BMPS lil Braesch et fid‑19 ta’ Settembru 2017 jirriżulta li l-Kummissjoni talbet li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Taljani jiġu applikati għall-kuntratti FRESH, li juri li dawn il-miżuri ma kinux japplikaw, skont id-dritt Taljan, għal dawn il-kuntratti u li ma kinux ġew applikati għalihom mingħajr l-intervent ta’ din l-istituzzjoni li hija stess qieset li l-imsemmija miżuri kellhom jiġu applikati skont il-pjan ta’ ristrutturazzjoni li sar vinkolanti mid-deċiżjoni kontenzjuża.

    43

    F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li, kieku l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li jirristrutturaw BMPS mingħajr għajnuna mill-Istat, huma xorta waħda setgħu jimponu l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri, inkluż l-annullament tal-kuntratti FRESH, sabiex inaqqsu d-defiċit fil-kapital ta’ BMPS. Fil-fatt, xorta jibqa’ l-fatt li, de facto, BMPS ġiet irristrutturata permezz ta’ għajnuna mill-Istat u li d-digrieti li jistabbilixxu l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri ġew adottati taħt l-awtorizzazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-Banek, u dan jikkonferma r-rabta inseparabbli bejn l-għajnuna u l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri.

    44

    Il-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġuni li għaliha l-konklużjoni misluta mill-Qorti Ġenerali fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni, kif ġew innotifikati u ddikjarati kompatibbli mas-suq intern fid-deċiżjoni kontenzjuża, kienu jirriskjaw li jkollhom effett konkret fuq is-sitwazzjoni ta’ Braesch et, ma hijiex xierqa fid-dawl tal-motivi adottati mill-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza.

    45

    L-ewwel, il-fatt li Braesch et ma jikkontestawx il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq intern ma jurix li dawn il-miżuri ma setax ikollhom effett fuq is-sitwazzjoni tagħhom b’rabta mal-kompetizzjoni, iżda jirrifletti biss il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra, b’mod partikolari, fis-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59), li tipprovdi li persuni għandhom il-kwalità ta’ partijiet interessati minħabba l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom, mingħajr ma huwa meħtieġ li dawn jinvokaw ukoll kwistjonijiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern.

    46

    It-tieni, minn ebda parti tas-sentenza appellata ma jirriżulta li kull persuna li jkollha xi tħassib dwar waħda mill-ipoteżijiet fattwali ppreżentati fin-notifika jew fl-impenji għandha titqies li hija parti interessata. Il-Qorti Ġenerali tindika, fil-punt 41 ta’ dik is-sentenza, li l-fatt li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni, kif kienu nnotifikati u ddikjarati kompatibbli mas-suq intern fid-deċiżjoni kontenzjuża, jista’ jkollhom effett konkret fuq is-sitwazzjoni ta’ Braesch et li jiġġustifika l-kwalifika tagħhom bħala “partijiet interessati”.

    47

    It-tielet, ma huwiex preċiż li l-awtoritajiet Taljani ma kinux obbligati jintrabtu li jieħdu l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri previsti fil-Komunikazzjoni dwar il-Banek u li, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddikjarat b’mod żbaljat li dawn l-impenji kienu jikkundizzjonaw id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mogħtija lil BMPS. Fil-fatt, il-Kummissjoni nnifisha tammetti n-natura vinkolanti ta’ dawn il-miżuri, billi tindika li, jekk l-Istat Membru jitbiegħed mill-ipoteżijiet fattwali ppreżentati lil din l-istituzzjoni, huwa jimplimenta miżura fattwalment differenti minn dik approvata li ma tkunx koperta mill-awtorizzazzjoni tal-imsemmija istituzzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx b’mod differenti fil-punt 100 tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570), meta kkonkludiet li l-Istat Membru kkonċernat, għalkemm ma huwiex obbligat jimponi miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri skont il-Komunikazzjoni dwar il-Banek, huwa madankollu marbut li jimponihom sabiex l-għajnuna titqies li hija kompatibbli mas-suq intern. Fi kwalunkwe każ, fil-każ ineżami, tali miżuri, li jagħmlu parti mill-impenji meħuda mill-awtoritajiet Taljani, kienu kundizzjoni preliminari għall-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, kif jirriżulta mill-premessi 101 sa 110 tad-deċiżjoni kontenzjuża nnifisha.

    48

    Ir-raba’, l-argument li l-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tittrasforma l-impenji proposti mill-Istati Membri u mill-benefiċjarji f’kundizzjonijiet għal approvazzjoni ta’ għajnuna kien diġà ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punti 8081), li fiha hija ddeċidiet li l-impenji meħuda mill-Istati Membri jistgħu, essenzjalment, jiġu imposti mill-Kummissjoni bħala kundizzjoni sabiex l-għajnuna tkun tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

    L‑ewalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    49

    Permezz ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punti 35 sa 41 u 58 tas-sentenza appellata, ddeċidiet li Braesch et kellhom locus standi sabiex jitolbu, permezz tar-rikors tagħhom ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha din l-istituzzjoni qieset li l-għajnuna inkwistjoni nnotifikata mir-Repubblika Taljana skont l-Artikolu 108(3) TFUE tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li hija kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

    50

    Peress li din id-deċiżjoni ġiet indirizzata lil dan l-Istat Membru u mhux lil Braesch et, għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi żewġ każijiet fejn il-locus standi huwa rrikonoxxut lil persuna fiżika jew ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra att tal-Unjoni li tiegħu hija ma tkunx destinatarja. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Danske Slagtermestre vs Il‑Kummissjoni, C‑99/21 P, EU:C:2022:510, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk Braesch et humiex direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li hija l-unika waħda eżaminata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jippretendu li huma individwalment ikkonċernati biss jekk din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li jkunu partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba f’hekk, tiddistingwihom b’mod analogu għal dak tad-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 33).

    52

    Peress li r-rikors fl-ewwel istanza kien jirrigwarda deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 108 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li għandha biss l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi, li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor informazzjoni kompleta dwar il-fatti kollha tal-kawża, li t-Trattat jipprevedi l-obbligu, għal din l-istituzzjoni, li ssejjaħ il-persuni ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 94, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 35).

    53

    Minn dan jirriżulta, kif ġustament fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tas-sentenza appellata li meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq intern, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu biss jiksbu l-osservanza tagħhom jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, ippreżentat minn persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, huwa ammissibbli meta l-awtur ta’ dan ir-rikors ifittex, bil-preżentata tiegħu, li jiġu mħarsa d-drittijiet proċedurali li huwa għandu taħt din l-aħħar dispożizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il‑Kummissjoni, C‑198/91, EU:C:1993:197, punti 23 sa 26; tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punti 17 sa 19, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 36).

    54

    Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 108(3) TFUE jew fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-sempliċi fatt li huwa jista’ jitqies bħala persuna interessata fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu ma huwiex biżżejjed sabiex ir-rikors jitqies ammissibbli. Dan ir-rikorrent ikollu jipprova li huwa għandu status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 tas-sentenza preżenti. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 95, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 37).

    55

    Fil-każ ineżami, huwa stabbilit li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll imsemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, u, għaldaqstant, mingħajr ma nfetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll imsemmija fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament. Issa, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 32 u 60 tas-sentenza appellata, lanqas ma huwa kkontestat li, permezz tal-ħames motiv tagħhom imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali bil-għan tal-annullament ta’ din id-deċiżjoni, Braesch et invokaw il-ksur tad-drittijiet proċedurali li huma għandhom taħt l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament.

    56

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiddetermina jekk Braesch et humiex direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ġustament eżaminat jekk dawn għandhomx il-kwalità ta’ “partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, rikorrent li għandu din il-kwalità jissodisfa dawn il-kriterji u għalhekk huwa intitolat jippreżenta rikors għal annullament ippreżentat kontra tali deċiżjoni sabiex jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tiegħu.

    57

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 37, 40, 41 u 58 tas-sentenza appellata meta ddeċidiet li Braesch et kellhom din il-kwalità fil-każ ineżami.

    58

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “parti interessata”, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet ikkodifikata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li ġie ssostitwit mill-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tiddefinixxi l-kunċett analogu ta’ “parti interessata” bħala li tkopri “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni, C‑647/19 P, EU:C:2021:666, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Għalkemm il-kunċett ta’ “parti interessata” ddefinit f’din l-aħħar dispożizzjoni jinkludi għaldaqstant, b’mod partikolari, l-impriżi kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 50, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 36), xorta jibqa’ l-fatt li dan il-kunċett ikopri, hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat fil-punt 35 tas-sentenza appellata, numru indeterminat ta’ destinatarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 63, kif ukoll tas‑7 ta’ April 2022, Solar Ileias Bompaina vs Il‑Kummissjoni, C‑429/20 P, EU:C:2022:282, punt 34).

    60

    Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li impriża li ma hijiex kompetitur dirett tal-benefiċjarju tal-għajnuna tista’ madankollu tiġi kklassifikata bħala “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, sakemm hija ssostni li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna, aspett li jeżiġi li din l-impriża tipprova, b’mod suffiċjenti fil-liġi, li l-għajnuna probabbli jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 6465, kif ukoll tas‑7 ta’ April 2022, Solar Ileias Bompaina vs Il‑Kummissjoni, C‑429/20 P, EU:C:2022:282, punt 35). Għaldaqstant, il-kwalità ta’ “parti interessata” ma tippreżupponix neċessarjament relazzjoni ta’ kompetizzjoni (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni, C‑647/19 P, EU:C:2021:666, punt 58).

    61

    Wara li, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, essenzjalment fakkret din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 37 sa 41 u 58 ta’ dik is-sentenza, li Braesch et urew, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni u, għaldaqstant, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża “jista’ jkollhom”, skont il-kliem tal-punti 37 u 41 tal-imsemmija sentenza, u anki “għandhom”, skont il-kliem tal-punt 58 tiegħu, effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom, b’tali mod li huma għandhom jiġu kklassifikati bħala “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589.

    62

    Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li, skont Braesch et, il-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża li tikkonċerna l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri taffettwa l-interessi tagħhom, sa fejn il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, hekk kif ġie approvat mill-Kummissjoni, jipprevedi l-possibbiltà li jiġu annullati l-kuntratti FRESH, liema annullament seħħ sussegwentement għad-detriment tagħhom, u li, minħabba l-interdipendenza bejn id-diversi rabtiet kuntrattwali li fuqhom huma bbażati l-istrumenti FRESH, id-dannu ekonomiku li jirriżulta minn dan il-ksur fuq perijodu ta’ żmien twil, fid-dawl tat-telf tal-ħlas ta’ kupuni marbuta mal-bonds FRESH miżmuma minnhom, huwa sostanzjali.

    63

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li kien irrilevanti li Braesch et ma jikkontestawx il-kompatibbiltà bħala tali tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, peress li l-impenji tal-awtoritajiet Taljani dwar il-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri jagħmlu parti integrali mill-għajnuna nnotifikata, b’tali mod li d-deċiżjoni kontenzjuża tirrigwarda din l-għajnuna u dawn l-impenji meħuda flimkien. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, sa fejn l-imsemmija għajnuna u l-impenji li kienu s-suġġett tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni huma ta’ natura inseparabbli, inkwantu, minn naħa, dawn l-impenji jikkundizzjonaw id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, d-deċiżjoni kontenzjuża awtorizzat l-implimentazzjoni tal-għajnuna filwaqt li rrendiet dawn l-impenji vinkolanti, is-sitwazzjoni ta’ Braesch et tiġi neċessarjament affettwata minn dawn l-elementi kollha u huma jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom biss billi jitolbu l-annullament ta’ din id-deċiżjoni kollha kemm hi.

    64

    Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, meta l-Kummissjoni tikkonstata, fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE, li l-miżura nnotifikata tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija tadotta deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, li permezz tagħha tiddikjara li din il-miżura hija kompatibbli mas-suq intern, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(3) TFUE.

    65

    Fil-każ ineżami, kif jirriżulta mis-sentenza appellata, b’mod partikolari mill-punti 8 sa 12 u 14 tagħha, peress li fid-deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni qieset, fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-impenji ppreżentati mir-Repubblika Taljana kienu adegwati sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-vijabbiltà ta’ BMPS fuq żmien twil u li l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri tad-detenturi ta’ azzjonijiet u ta’ dejn subordinati previsti minnhom kienu jillimitaw strettament għall-minimu, konformement mal-Komunikazzjoni dwar il-Banek, l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni nnotifikata minn dan l-Istat Membru, qieset li din l-għajnuna kienet tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li setgħet titqies li hija kompatibbli mas-suq intern għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

    66

    Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, permezz tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, Braesch et, hekk kif ikkonfermaw diversi drabi waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u kif jirriżulta diġà mill-punt 63 tas-sentenza preżenti, la jikkontestaw in-natura ta’ “għajnuna mill-Istat” tal-għajnuna inkwistjoni u lanqas il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, iżda jikkontestaw biss, hekk kif jirriżulta mill-punti 28 sa 32 tas-sentenza appellata, il-konformità fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2014/59, tar-Regolament Nru 806/2014, tad-dritt ta’ proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta u ta’ diversi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ta’ parti mill-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri nnotifikati mir-Repubblika Taljana, li jinsabu fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni deskritt f’dik id-deċiżjoni u riflessi fil-impenji li jinsabu fl-anness tagħha.

    67

    F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri msemmija mid-deċiżjoni kontenzjuża jipprevedu, hekk kif jirriżulta mill-punti 39 u 58 tas-sentenza appellata, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-Kummissjoni, il-possibbiltà li l-kuntratti FRESH konklużi bejn BMPS u JPM jiġu annullati minħabba l-konverżjoni f’kapital tat-titoli subordinati ta’ BMPS.

    68

    Madankollu, billi ddeċidiet, fil-punti 37, 40, 41 u 58 tas-sentenza appellata, li dan l-effett fuq l-interessi tal-kredituri subordinati ta’ BMPS jirriżulta mill-għajnuna mill-Istat inkwistjoni u, għaldaqstant, mid-deċiżjoni kontenzjuża, minħabba li l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri msemmija minnha jagħmlu parti integrali, bl-istess mod bħall-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-impenji ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani, tal-għajnuna nnotifikata, b’tali mod li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għamlet vinkolanti l-imsemmija miżuri, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-portata tal-imsemmija deċiżjoni u, billi għamlet dan, wettqet żball ta’ liġi li jivvizzja dik is-sentenza b’illegalità.

    69

    Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà essenzjalment iddeċidiet li, fil-każ fejn miżura ta’ għajnuna nnotifikata tintegra, fuq proposta tal-Istat Membru kkonċernat, impenji mogħtija minnu, hemm lok li, sabiex jiġi vverifikat jekk l-awtorizzazzjoni ta’ implimentazzjoni ta’ tali miżura ta’ għajnuna mogħtija mill-Kummissjoni fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tkunx għadha applikabbli f’ċirkustanzi fejn ikun allegat li dan l-Istat Membru ma jkunx osserva dawk l-impenji, jitqies li dawk l-impenji jagħmlu parti integrali mill-miżura awtorizzata, peress li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni minn din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, b’tali mod li din l-awtorizzazzjoni tkun valida biss sakemm dawn l-impenji jkunu ġew osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Iglesias Gutiérrez u Rion Bea, C‑352/14 u C‑353/14, EU:C:2015:691, punt 28)

    70

    Madankollu, minn dan ma jirriżultax li tali impenji għandhom jitqiesu li huma imposti bħala tali mill-Kummissjoni u li l-effetti dannużi possibbli tagħhom fuq terzi huma għalhekk attribwibbli għad-deċiżjoni adottata minn din l-istituzzjoni.

    71

    Fil-fatt, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, adottata fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari skont l-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, sabiex tevalwa jekk l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni kinitx tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, il-Kummissjoni ma imponietx lir-Repubblika Taljana l-elementi li jinsabu fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-impenji ppreżentati minn dan l-Istat Membru, li jinkludu, b’mod partikolari, il-miżuri ta’ qsim tal-kondiviżjoni tal-oneri tad-detenturi ta’ azzjonijiet u ta’ titoli subordinati.

    72

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif jirriżulta diġà mill-punti 52 sa 54 u 64 tas-sentenza preżenti, li, permezz ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma tista’ bl-ebda mod timponi jew tipprojbixxi lill-Istat Membru kkonċernat, iżda għandha biss id-dritt li tapprova, permezz ta’ deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, il-proġett ta’ għajnuna kif dan ikun ġie nnotifikat minn dan l-Istat Membru, billi tiddikjara din l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna nnotifikata mas-suq intern, hija għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u msemmija fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589.

    73

    Għaldaqstant, fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni sempliċement awtorizzat lir-Repubblika Taljana timplimenta l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni billi ħadet nota tal-kuntest fattwali ddefinit minn qabel minn dan l-Istat Membru fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-impenji li dan tal-aħħar innotifika skont l-Artikolu 108(3) TFUE, sabiex tneħħi kull dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

    74

    Għaldaqstant, hija r-Repubblika Taljana li għandha tivverifika li hija tkun f’pożizzjoni li tosserva l-impenji inklużi fl-awtorizzazzjoni mogħtija minn din id-deċiżjoni. Għal dan il-għan, hija għandha l-obbligu, b’mod partikolari, li tiżgura li dawn l-impenji huma konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha u mad-dritt tal-Unjoni rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Iglesias Gutiérrez u Rion Bea, C‑352/14 u C‑353/14, EU:C:2015:691, punt 29).

    75

    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-impenji meħuda b’mod volontarju mill-Istat Membru kkonċernat waqt il-fażi ta’ notifika tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punt 67). Anki jekk jiġi preżunt li, kif isostnu Braesch et, il-Kummissjoni wasslet lill-awtoritajiet Taljani sabiex jinkludu l-kuntratti FRESH fil-miżuri proposti, xorta jibqa’ l-fatt li tali inklużjoni hija marbuta, fi kwalunkwe każ, ma’ impenji meħuda mir-Repubblika Taljana, u mhux imposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

    76

    Huwa għaldaqstant b’mod ġust li l-Kummissjoni enfasizzat, fl-appell tagħha u waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li deċiżjoni li tapprova għajnuna mill-Istat bħala kompatibbli mas-suq intern fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, bħad-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha l-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra tali għajnuna, għandha tiġi distinta minn “deċiżjoni kundizzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 2015/1589, adottata fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li permezz tagħha l-Kummissjoni żżid hija stess mad-deċiżjoni tagħha li tapprova għajnuna mill-Istat kundizzjonijiet li jippermettulha tirrikonoxxi l-kumpatibbiltà mas-suq intern kif ukoll obbligi li jippermettulha tistħarreġ l-osservanza ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punt 67).

    77

    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri nnotifikati f’dan il-każ mir-Repubblika Taljana fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari ġew imposti mid-deċiżjoni kontenzjuża stess, peress li dawn il-miżuri jirriżultaw biss minn atti adottati minn dan l-Istat Membru.

    78

    Għaldaqstant, minn naħa, xejn ma kien jipprekludi lil dan tal-aħħar milli jinnotifika pjan ta’ ristrutturazzjoni u impenji li jinkludu miżuri differenti, anki jekk il-Kummissjoni tkun obbligata, f’dan il-każ, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u msemmija fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 4344).

    79

    Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kontenzjuża, għalkemm tawtorizza lir-Repubblika Taljana tħallas l-għanuna nnotifikata, mingħajr madankollu ma hija obbligata tagħmel dan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina ufier C., C‑138/09, EU:C:2010:291, punti 5253, kif ukoll id-digriet tat‑30 ta’ Mejju 2018, Yanchev, C‑481/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:352, punti 2223), ma tikkostitwixxix titolu legali li abbażi tiegħu jista’ jiġi pprojbit lil BMPS milli tħallas kupuni lid-detenturi ta’ bonds FRESH, peress li tali projbizzjoni ma toriġinax minn tali deċiżjoni iżda mid-dritt Taljan.

    80

    Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża ma ġewx imposti jew reżi vinkolanti mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni, iżda jikkostitwixxu miżuri purament nazzjonali nnotifikati mir-Repubblika Taljana, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni bħala element fattwali sabiex tevalwa jekk l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni setgħetx, fl-assenza ta’ kwalunkwe dubju f’dan ir-rigward, tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari.

    81

    Għaldaqstant, l-annullament tal-kuntratti FRESH, li Braesch et jallegaw li jista’ jwassal, għalihom, bħala detenturi tal-bonds FRESH għal dannu ekonomiku sostanzjali, ma jistax jitqies li huwa effett vinkolanti tad-deċiżjoni kontenzjuża, peress li ma jirriżultax mill-implimentazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni bħala tali. Min-naħa l-oħra, hija tirriżulta mill-miżuri, ċertament marbuta fil-fatt, iżda ġuridikament distinti, adottati mill-Istat Membru li nnotifika din l-għajnuna lill-Kummissjoni. Il-fatt li dawn il-miżuri kienu, b’mod partikolari, ġew adottati minn dan l-Istat Membru bil-għan li tinkiseb mill-Kummissjoni deċiżjoni li tawtorizza l-imsemmija għajnuna u li dawn huma s-suġġett ta’ impenji meħuda inkunsiderazzjoni f’tali deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

    82

    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti invokati minn Braesch et insostenn tar-rikors tagħhom.

    83

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tagħhom ibbażat fuq konsegwenzi li jirriżultaw minn ksur tal-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża, huwa minnu li, kif jirriżulta mill-punt 69 ta’ din is-sentenza, l-awtorizzazzjoni ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, mogħtija mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni, tapplika biss sakemm l-elementi kollha meħuda inkunsiderazzjoni minn din l-istituzzjoni fl-imsemmija deċiżjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq intern jiġu osservati.

    84

    Għaldaqstant, kull ksur minn BMPS tal-impenji meħuda mir-Repubblika Taljana fil-qasam tal-kondiviżjoni tal-oneri, bħall-ħlas ta’ kupuni lil detenturi ta’ strumenti finanzjarji li jaqgħu taħt dawn l-impenji, jagħti lok għal użu ħażin tal-għajnuna inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(g) tar-Regolament 2015/1589. Fil-fatt, din l-għajnuna hija, f’tali każ, użata mill-benefiċjarju bi ksur ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 1(g), peress li dan b’hekk jimplimenta għajnuna differenti minn dik approvata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Autonome Provinz Bozen, C‑102/21 u C‑103/21, EU:C:2022:272, punt 38).

    85

    Konsegwentement, il-Kummissjoni tista’, konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolament 2015/1589, tiftaħ fir-rigward ta’ din l-għajnuna l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u msemmija fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament, bil-għan li timponi fuq ir-Repubblika Taljana t-tneħħija jew il-modifika tal-għajnuna li tkun ġiet applikata b’mod ħażin kif ukoll, jekk ikun il-każ, tordna, skont l-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament, applikabbli mutatis mutandis għal din il-proċedura skont l-Artikolu 20 tiegħu, l-irkupru tal-ammonti ta’ għajnuna mħallsa illegalment.

    86

    Barra minn hekk, għajnuna li tiġi implimentata mingħajr ma tikkorrispondi għal dik li ġiet innotifikata u awtorizzata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża tista’ wkoll titqies bħala “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, moqri flimkien mal-Artikolu 1(b) tiegħu, li, peress li tkun ingħatat bi ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, tkun tikkostitwixxi “għajnuna illegali”, fis-sens tal-Artikolu 1(f) ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu wkoll jordnaw l-irkupru tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 87 sa 89).

    87

    Madankollu, għalkemm ir-Repubblika Taljana tista’ għalhekk tkun obbligata tirkupra l-għajnuna inkwistjoni, ma huwiex minħabba l-fatt li l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri li jinsabu fl-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża kienu ġew imposti minn din tal-aħħar, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex, kif ġie rrilevat fil-punt 72 tas-sentenza preżenti, tali setgħa fil-kuntest tal-fażi ta’ eżami preliminari, iżda, hekk kif jirriżulta mill-punti 84 u 86 ta’ din is-sentenza, minħabba li l-imsemmija għajnuna ma għadhiex tikkorrispondi għall-miżuri nnotifikati minn dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 108(3) TFUE u għaldaqstant ma għadhiex koperta mill-awtorizzazzjoni tal-implimentazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni, skont l-Artiklu 107(3)(b) TFUE.

    88

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ta’ Braesch et ibbażat fuq il-Komunikazzjoni dwar il-Banek, li jgħid li, essenzjalment, din tissuġġetta l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ kull għajnuna mogħtija lill-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, kif Braesch et ġustament osservaw, u kif jirriżulta mill-punt 12 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 101 sa 110 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-konformità tal-għajnuna inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-komunikazzjoni, u dan sabiex jiġi żgurat li l-ammont ta’ din l-għajnuna jkun limitat għall-minimu neċessarju, sabiex jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern u sabiex jiġi rrimedjat il-perikolu morali billi jiġi żgurat li l-azzjonisti u l-kredituri subordinati ta’ BMPS jikkontribwixxu b’mod xieraq, fl-osservanza tal-punti 40 sa 46 tal-imsemmija komunikazzjoni, għall-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni permezz ta’ kondiviżjoni xierqa tal-oneri.

    89

    Peress li r-Repubblika Taljana, fil-każ ineżami, innotifikat miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri bil-għan li tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni tagħti l-għajnuna inkwistjoni, din tal-aħħar kienet barra minn hekk obbligata li twettaq tali eżami.

    90

    Fil-fatt, billi tadotta regoli ta’ kondotta, bħal dawk li jinsabu fil-Komunikazzjoni dwar il-Banek, sabiex tistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom hija għandha l-intenzjoni tevalwa l-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna prevista mill-Istati Membri u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħha, li hija ser tapplikahom minn issa ’l quddiem għall-każijiet ikkonċernati minnhom, din l-istituzzjoni tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE jagħtiha f’dan ir-rigward, u ma tistax, bħala prinċipju, tmur kontra dawn ir-regoli, taħt piena ta’ sanzjoni, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 3940 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    91

    Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li għajnuna mill-Istat tipprevedi miżura ta’ kondiviżjoni tal-oneri li tissodisfa l-kriterji stabbiliti f’din il-komunikazzjoni, b’mod partikolari fil-punt 44 tagħha, jekk din tikkostitwixxi kundizzjoni, bħala prinċipju, suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tiddikjara din l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern, ma huwiex strettament neċessarju għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 99).

    92

    Fil-fatt, bl-adozzjoni tar-regoli ta’ kondotta li jinsabu fil-Komunikazzjoni dwar il-Banek, il-Kummissjoni llimitat ruħha biss fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, fis-sens li, jekk Stat Membru jinnotifikaha bi proġett ta’ għajnuna mill-Istat li huwa konformi ma’ dawn ir-regoli, din l-istituzzjoni għandha, bħala prinċipju, tawtorizza dan il-proġett. Madankollu, l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jinnotifikaw lill-Kummissjoni proġetti ta’ għajnuna mill-Istat li ma jissodisfawx il-kriterji previsti minn din il-komunikazzjoni u, hekk kif jirriżulta mill-punt 45 tagħha, din l-istituzzjoni tista’ tawtorizza tali proġetti f’ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 43).

    93

    Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax tirrinunzja, permezz tal-adozzjoni ta’ regoli ta’ kondotta, għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE. L-adozzjoni ta’ komunikazzjoni bħall-Komunikazzjoni dwar il-Banek għaldaqstant ma teħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li teżamina ċ-ċirkustanzi speċifiċi eċċezzjonali li Stat Membru jinvoka, f’każ partikolari, sabiex jitlob l-applikazzjoni diretta ta’ din id-dispożizzjoni u li timmotiva r-rifjut tagħha li tilqa’ tali talba (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    94

    Minn dan isegwi li l-Komunikazzjoni dwar il-Banek ma tistax toħloq obbligi awtonomi fuq l-Istati Membri, iżda sempliċement tistabbilixxi kundizzjonijiet intiżi li jiżguraw il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lill‑banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha taħt l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Għaldaqstant, din il-komunikazzjoni ma għandhiex effett vinkolanti fir-rigwagrd tal-Istati membri u, b’mod partikolari, ma tistax timponilhom miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 444570).

    95

    Għaldaqstant, Stat Membru ma huwiex marbut li jimponi fuq il-banek f’diffikultà, qabel l-għoti ta’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat, li jikkonvertu d-dejn subordinat f’kapital jew li jnaqqsu l-valur tiegħu, u lanqas li jikkontribwixxu b’mod sħiħ għal dan id-dejn sabiex jassorbu t-telf. F’każ bħal dan, l-għajnuna mill-Istat prevista ma tistax madankollu titqies li kienet limitata għall-minimu strettament neċessarju, skont il-kliem tal-punt 15 tal-Komunikazzjoni dwar il-Banek, peress li l-Istat Membru kif ukoll il-banek benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat prevista b’hekk jieħdu r-riskju li tiġi kkontestata deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjaraha inkompatibbli mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 100).

    96

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ta’ Braesch et ibbażat fuq l-obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika l-konformità tal-miżuri kollha nnotifikati mir-Repubblika Taljana mad-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE qatt ma għandha twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat (sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 41; tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 78, u tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 50). Għaldaqstant, għajnuna li, bħala tali jew permezz ta’ ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 50, u tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 44).

    97

    Fil-fatt, meta l-modalitajiet ta’ għajnuna mill-Istat ikunu tant marbuta b’mod inseparabbli mal-għan tal-għajnuna li ma jkunx possibbli li jiġu evalwati b’mod iżolat, l-effett tagħhom fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna fl-intier tagħha għandu neċessarjament jiġi evalwat permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi, 74/76, EU:C:1977:51, punt 14, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 41).

    98

    Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għajnuna mill-Istat favur attività ekonomika li tappartjeni lis-settur tal-enerġija nukleari, li l-eżami tagħha jidher li jiżvela li tikser ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 45). Fil-fatt, l-attività ekonomika fil-qalba tal-proġett iffinanzjat minn għajnuna hija inseparabbli mill-għan tagħha, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet obbligata tiżgura, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, li l-proġett ta’ finanzjament tal-impjant nukleari inkwistjoni ma kienx jikser l-imsemmija regoli tad-dritt tal-Unjoni.

    99

    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, f’ċirkustanzi fejn, essenzjalment, Stat Membru kien biddel il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw l-identità tal-persuni li setgħu jibbenefikaw minn skema ta’ għajnuna diġà eżistenti, aspett li allegatament kellu bħala konsegwenza li jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-konfront ta’ ċerti operaturi ekonomiċi, argument li jgħid li tali ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jirriżulta minn din l-emenda tal-iskema, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova din l-iskema, kif emendata (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast,C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 49 sa 52). Fil-fatt, tali modalitajiet, li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal skema ta’ għajnuna, huma, huma wkoll, inseparabbli mill-għajnuna bħala tali u għalhekk jaqgħu taħt elementi li l-Kummissjoni hija mitluba teżamina kif ukoll, jekk ikun il-każ, sabiex tapprova, b’tali mod li, jekk tali modalitajiet iwasslu għal ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni li tawtorizza tali skema hija neċessarjament ivvizzjata b’illegalità min-naħa tagħha.

    100

    Minn dan isegwi li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddikjara l-għajnuna mill-Istat innotifikata mir-Repubblika Taljana bħala kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, mingħajr ma tkun żgurat ruħha minn qabel li din l-għajnuna, l-istess bħar-rikapitalizzazzjoni ta’ BMPS li hija kienet intiża li tiffinanzja, ma jiksrux, barra minn hekk, dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali oħra rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

    101

    Għaldaqstant, huwa stabbilit li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, kif jirriżulta mill-premessi 120 sa 136 tagħha, il-Kummissjoni vverifikat li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni kienet konformi mad-Direttiva 2014/59 u waslet għall-konklużjoni, fil-premessa 137 ta’ din id-deċiżjoni, li din l-għajnuna kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(4)(d) ta’ din id-direttiva, li fosthom hemm l-approvazzjoni tagħha skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE, sabiex il-forom ta’ għajnuna finanzjarja pubblika eċċezzjonali għal istituzzjoni ta’ kreditu jew għal impriża ta’ investiment, bħal dawk li huma msemmija f’dan l-Artikolu 32(4)(d) li huma intiżi li jipprojbixxu jew li jirrimedjaw perturbazzjoni serja tal-ekonomija ta’ Stat Membru u jippreżerva l-istabbiltà finanzjarja, ma jiskattawx proċedura għal riżoluzzjoni.

    102

    Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni vverifikat, b’mod partikolari, fil-premessa 132 tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda wkoll fil-premessi 101 sa 110 tagħha, li l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni kienu adegwati sabiex jillimitaw l-ammont tal-għajnuna mogħtija għall-minimu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fir-rikapitalizzazzjoni ta’ BMPS.

    103

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kellhiex tivverifika jekk din il-kondiviżjoni tal-oneri deċiż mir-Repubblika Taljana kinitx tikser hija stess id-drittijiet li Braesch et isostnu li jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, tali ksur, jekk wieħed jippreżumi li ġie stabbilit, ma jirriżultax mill-għajnuna bħala tali, mill-għan tagħha jew mill-modalitajiet inseparabbli tagħha, iżda, hekk kif jirriżulta mill-punt 81 tas-sentenza preżenti, mill-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jikseb mill-Kummissjoni deċiżjoni li tawtorizza l-imsemmija għajnuna fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari.

    104

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk terz iqis ruħu affettwat minn miżuri adottati mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni ta’ impriża, il-fatt li dawn il-miżuri jaqgħu fil-kuntest ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni li jeħtieġ il-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat u li, konsegwentement, dan l-Istat Membru jinnotifika din l-għajnuna lill-Kummissjoni sabiex jitlob l-approvazzjoni tal-imsemmija għajnuna fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari ma jagħtix lil dan it-terz il-kwalità ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, fil-kuntest tal-proċedura mmexxija minn din l-istituzzjoni skont l-Artikolu 108 TFUE. F’tali każ, jekk l-imsemmi terz iqis li, minħabba l-adozzjoni ta’ tali miżuri, l-Istat Membru kkonċernat kiser id-dritt tal-Unjoni, huwa quddiem il-qorti nazzjonali, li hija l-unika qorti li għandha ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward, li għandu jikkontesta l-legalità ta’ dawn il-miżuri, peress li din il-qorti għandha l-fakultà, jew saħansitra l-obbligu jekk hija tiddeċiedi fl-aħħar istanza, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, jekk ikun hemm bżonn, sabiex tistaqsiha dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

    105

    Issa, fil-każ ineżami, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, Braesch et ma jallegawx li huma affettwati mill-għajnuna inkwistjoni, li barra minn hekk huma la jikkontestaw li tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u lanqas li hija kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, iżda jallegaw li jsofju l-effett tal-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża, fosthom il-konformità mad-dritt tal-Unjoni, li huma s-suġġett tal-motivi invokati insostenn tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, iqajjem, fil-fehma tagħhom, dubji serji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    106

    Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 69 sa 80 tas-sentenza preżenti, dawn il-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri huma miżuri purament nazzjonali li ġew innotifikati mir-Repubblika Taljana, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li għaldaqstant ma ġewx imposti mill-Kummissjoni u huma konsegwentement ġuridikament distinti mill-għajnuna inkwistjoni, peress li din l-istituzzjoni ħadithom sempliċement inkunsiderazzjoni bħala element fattwali għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, hekk kif jirriżulta mill-punt 104 tas-sentenza preżenti, huma esklużivament il-qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jistħarrġu l-legalità tal-imsemmija miżuri fid-dawl tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni rilevanti.

    107

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li qorti nazzjonali li, wara li tkun ġiet adita bil-legalità tal-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri inkwistjoni, tannullahom totalment jew parzjalment minħabba li huma vvizzjati b’illegalità, ma tmurx kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, peress li din tal-aħħar ma timponix dawn il-miżuri u ma evalwatx il-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni.

    108

    Fil-każ li l-imsemmija qorti tasal għall-konklużjoni, fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja wara eventwali rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, li l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri inkwistjoni huma, totalment jew parzjalment, illegali, hija r-Repubblika Taljana, jekk din l-illegalità ma tippermettilhiex iktar li tosserva l-impenji kollha meħuda fir-rigward tal-Kummissjoni billi timplimenta l-għajnuna nnotifikata konformement mal-awtorizzazzjoni mogħtija bid-deċiżjoni kontenzjuża, li tinnotifika miżuri ġodda taħt l-Artikolu 108(3) TFUE, taħt il-piena li tkun obbligata, hekk kif jirriżulta mill-punti 84 sa 86 tas-sentenza preżenti, tirkupra l-għajnuna diġà mħallsa skont din id-deċiżjoni.

    109

    Minn dan jirriżulta li, minn naħa, kuntrarjament għal dak li sostnew Braesch et matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn bl-ebda mod ma huma mċaħħda mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv iggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li Braesch et ma setgħux jiddefendu l-interessi tagħhom ħlief billi jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża lill-qorti tal-Unjoni.

    110

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 37, 40, 41 u 58 ta’ din is-sentenza, li Braesch et għandhom jiġu kklassifikati bħala “partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589.

    111

    Għaldaqstant, l-aggravju uniku mqajjem mill-Kummissjoni fl-appell tagħha għandu jintlaqa’.

    112

    Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

    Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

    113

    Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

    114

    Dan huwa l-każ hawnhekk, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn din tal-aħħar tikkritika lil Braesch et minħabba nuqqas ta’ locus standi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex jitlobu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    115

    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni f’din l-eċċezzjoni, id-deċiżjoni kontenzjuża, li hija indirizzata lir-Repubblika Taljana, ma tikkostitwixxix att regolatorju skont it-tieni parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li ma hijiex att ta’ portata ġenerali (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 92 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    116

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat biss, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 tas-sentenza preżenti, jekk, kif issostni l-Kummissjoni fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, Braesch et ma jistgħux jitqiesu li huma direttament u individwalment ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, fis-sens tal-ewwel parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    117

    Fl-ewwel lok, sa fejn Braesch et jixtiequ, permezz tal-ħames motiv tagħhom, jissalvagwardaw id-drittijiet proċedurali li huma jisiltu mill-Artikolu 108(2) TFUE u mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589, għandu jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 64 sa 110 tas-sentenza preżenti, huma ma għandhomx il-kwalità ta’ “partijiet interessati” u ta’ “interessat”, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 108(2) TFUE u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1(h) ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li ma jistgħux, għal dan il-għan, jitqiesu li huma direttament u individwalment ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, fis-sens tal-ewwel parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    118

    Minn dan isegwi li Braesch et ma għandhomx locus standi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex jissalvagwardjaw drittijiet proċedurali li huma għandhom skont l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589.

    119

    Fit-tieni lok, sa fejn Braesch et jixtiequ, permezz tal-ewwel erba’ motivi tagħhom, jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17), li għaliha jsir riferiment fil-punti 51 u 54 tas-sentenza preżenti, dawn il-partijiet ma jistgħux, f’tali każ, jallegaw li huma individwalment ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, fis-sens tal-ewwel parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ħlief jekk l-imsemmija deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tiddistingwihom minn kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak tad-destinatarju ta’ tali deċiżjoni, li kien b’mod partikolari jkun il-każ kieku l-pożizzjoni tagħhom fuq is-suq kienet sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    120

    F’dan il-każ, huwa madankollu stabbilit li Braesch et ma jsostnux li d-deċiżjoni kontenzjuża għandha xi effett fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq, iżda sempliċement isostnu, essenzjalment, minn naħa, li huma bagħtu lill-Kummissjoni ittra li tesprimi t-tħassib tagħhom dwar l-effett negattiv ta’ din id-deċiżjoni fuq is-sitwazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija deċiżjoni tirreferi, meta tiddeskrivi, fil-premessa 32 tagħha u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 li tinsab taħt dan il-punt, il-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni li jikkonċerna l-kredituri subordinati ta’ BMPS, għall-kuntratt ta’ usufrutt relatat mal-istrumenti FRESH, kif imsemmi fil-punt 2 tas-sentenza appellata.

    121

    Issa, tali ċirkustanzi bl-ebda mod ma juru li Braesch et jinsabu f’sitwazzjoni fattwali li tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak tad-destinatarju, peress li dawn huma affettwati mill-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża fil-kwalità tagħhom ta’ detenturi ta’ strumenti finanzjarji bl-istess mod bħall-proprjetarji kollha l-oħra ta’ strumenti affettwati minn dawn l-istess miżuri. Huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li Braesch et sostnew, b’mod partikolari, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, b’differenza minn dawn l-istrumenti finanzjarji l-oħra, l-istrumenti FRESH ma humiex, min-naħa tagħhom, imsemmija espliċitament fid-Digriet-Liġi 237/2016.

    122

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi fatt, jekk wieħed jippreżumi li huwa minnu, li Braesch et kellhom rwol attiv fil-kuntest tal-fażi ta’ eżami preliminari mmexxija mill-Kummissjoni ma huwiex biżżejjed sabiex dawn jiġu rrikonoxxuti bħala individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża fin-nuqqas ta’ prova li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq kienet sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    123

    Minn dan isegwi li Braesch et ma humiex individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 51 u 54 tas-sentenza preżenti.

    124

    Fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet previst fl-ewwel parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li tipprovdi li persuna għandha tkun kemm direttament kif ukoll individwalment ikkonċernata mill-att li l-annullament tiegħu jkun qiegħed jintalab, il-fatt li kundizzjoni fosthom tkun nieqsa fir-rigward ta’ rikorrent għandu l-konsegwenza li r-rikors għal annullament li huwa jkun ippreżenta kontra dan l-att ikun irid jitqies li huwa inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 76, kif ukoll tal‑4 ta’ Diċembru 2019, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni, C‑342/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1043, punt 37).

    125

    Minn dan jirriżulta li Braesch et lanqas ma għandhom locus standi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    126

    Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza għandha tintlaqa’ sa fejn din tal-aħħar tikkritika lil Braesch et minħabba nuqqas ta’ locus standi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    127

    Għaldaqstant, ir-rikors fl-ewwel istanza għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    Fuq l‑ispejjeż

    128

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    129

    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, li applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, kull parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    130

    Fil-każ ineżami, peress li Braesch et tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u ma’ dan l-appell, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Frar 2021, Braesch et vs Il‑Kummissjoni (T‑161/18, EU:T:2021:102), hija annullata.

     

    2)

    Ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza minn Anthony Braesch, Trinity Investments DAC, Bybrook Capital Master Fund LP, Bybrook Capital Hazelton Master Fund LP u Bybrook Capital Badminton Fund LP, intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 4690 final tal‑4 ta’ Lulju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.47677 (2017/N) – L-Italja, għajnuna ġdida u pjan ta’ ristrutturazzjoni mmodifikat tal-Banca Monte dei Paschi di Siena, huwa miċħud bħala inammissibbli.

     

    3)

    Anthony Braesch, Trinity Investments DAC, Bybrook Capital Master Fund LP, Bybrook Capital Hazelton Master Fund LP u Bybrook Capital Badminton Fund LP huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll mal-appell.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top