This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0241
Judgment of the Court (Second Chamber) of 6 October 2022.#I. L. v Politsei- ja Piirivalveamet.#Request for a preliminary ruling from the Riigikohus.#Reference for a preliminary ruling – Directive 2008/115/EC – Return of illegally staying third-country nationals – Article 15(1) – Detention – Grounds for detention – General criterion based on the risk that the effective enforcement of the removal would be compromised – Risk that the person concerned would commit a criminal offence – Consequences of the establishment of the offence and the imposition of a penalty – Complication of the removal process – Article 6 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union – Restriction of the fundamental right to liberty – Requirement of a legal basis – Requirements of clarity, predictability and accessibility – Protection against arbitrariness.#Case C-241/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2022.
I. L. vs Politsei- ja Piirivalveamet.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Riigikohus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Artikolu 15(1) – Żamma taħt detenzjoni – Raġunijiet għal detenzjoni – Kriterju ġenerali bbażat fuq ir-riskju li l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tkun kompromessa – Riskju li jitwettaq reat kriminali – Konsegwenzi tal-istabbiliment tar-reat u tal-għoti ta’ sanzjoni – Kumplikazzjoni tal-proċess ta’ tneħħija – Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Limitazzjoni tad-dritt fundamentali għal-libertà – Rekwiżit ta’ bażi legali – Rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ prevedibbiltà u ta’ aċċessibbiltà – Protezzjoni mill-arbitrarjetà.
Kawża C-241/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2022.
I. L. vs Politsei- ja Piirivalveamet.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Riigikohus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Artikolu 15(1) – Żamma taħt detenzjoni – Raġunijiet għal detenzjoni – Kriterju ġenerali bbażat fuq ir-riskju li l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tkun kompromessa – Riskju li jitwettaq reat kriminali – Konsegwenzi tal-istabbiliment tar-reat u tal-għoti ta’ sanzjoni – Kumplikazzjoni tal-proċess ta’ tneħħija – Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Limitazzjoni tad-dritt fundamentali għal-libertà – Rekwiżit ta’ bażi legali – Rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ prevedibbiltà u ta’ aċċessibbiltà – Protezzjoni mill-arbitrarjetà.
Kawża C-241/21.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:753
*A9* Riigikohus, Kohtumäärus 30/03/2021 (3-20-2004)
*P1* Riigikohus, Halduskolleegium, Kohtumäärus 05/12/2022 (EE:RK:2022:3.20.2004.20797)
Publication Flash News "Décisions de suivi" N° 1/23
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
6 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Artikolu 15(1) – Żamma taħt detenzjoni – Raġunijiet għal detenzjoni – Kriterju ġenerali bbażat fuq ir-riskju li l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tkun kompromessa – Riskju li jitwettaq reat kriminali – Konsegwenzi tal-istabbiliment tar-reat u tal-għoti ta’ sanzjoni – Kumplikazzjoni tal-proċess ta’ tneħħija – Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Limitazzjoni tad-dritt fundamentali għal-libertà – Rekwiżit ta’ bażi legali – Rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ prevedibbiltà u ta’ aċċessibbiltà – Protezzjoni mill-arbitrarjetà”
Fil-Kawża C‑241/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ April 2021, fil-proċedura
I. L.
vs
Politsei- ja Piirivalveamet
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, J. Passer, F. Biltgen, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg u M. Kriisa, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo u M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga, L. Grønfeldt u E. Randvere, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Ġunju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn I. L., ċittadin tal-Moldova residenti fl-Estonja u li kien is-suġġett ta’ ordni ta’ tluq mit-territorju, u l-Politse- ja Piirivalveamet (l-Uffiċċju tal-Pulizija u tal-Gwardji tal-Fruntiera, l-Estonja) (iktar ’il quddiem il-“PPA”), dwar deċiżjoni li permezz tagħha l-PPA ordna t-tqegħid f’detenzjoni ta’ I. L. minħabba li dan kien jippreżenta riskju reali li jwettaq reat kriminali li l-istabbiliment u s-sanzjoni tiegħu setgħu jikkumplikaw b’mod kunsiderevoli l-proċess ta’ tneħħija. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Il-premessi 16 u 17 tad-Direttiva 2008/115 jistipulaw:
|
4 |
Il-punt 7 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi r-“riskju ta’ ħarba” bħala “l-eżistenza ta’ raġunijiet f’każ individwali li huma bbażati fuq kriterji oġġettivi definiti bil-liġi nazzjonali biex wieħed jemmen li ċittadin ta’ pajjiż terz li hu soġġett għal proċeduri ta’ ritorn jista’ jaħrab”. |
5 |
L-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:
Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.” |
Id‑dritt Estonjan
6 |
L-Artikolu 68 tal-väljasõidukohustuse ja sissesõidukeelu seadus (il-Liġi dwar l-Obbligu ta’ Tluq mit-Territorju u l-Projbizzjoni tad-Dħul fit-Territorju) tal‑21 ta’ Ottubru 1998 (RT I 1998, 98, 1575), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“VSS”), intitolat “Riskju ta’ ħarba tal-barrani”, huwa fformulat kif ġej: “L-adozzjoni ta’ ordni ta’ tluq mit-territorju jew iż-żamma taħt detenzjoni ta’ barrani jagħtu lok għal evalwazzjoni tar-riskju tiegħu li jaħrab. Barrani jippreżenta riskju li jaħrab meta:
|
7 |
L-Artikolu 15 tal-VSS, intitolat “Detenzjoni tal-barrani u arranġamenti ta’ tneħħija”, jipprevedi: “(1) Il-barrani jista’ jinżamm taħt detenzjoni skont il-paragrafu 2 iktar ’il quddiem meta l-miżuri ta’ sorveljanza previsti minn din il-liġi ma jkunux jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv. Iż-żamma taħt detenzjoni għandha tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandha tqis, f’kull każ, l-elementi rilevanti marbuta mal-barrani. (2) Il-barrani jista’ jinżamm taħt detenzjoni meta l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza previsti minn din il-liġi ma tkunx tiggarantixxi l-eżekuzzjoni effettiva tal-ordni ta’ tluq mit-territorju u, b’mod partikolari, meta:
[…]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
8 |
I. L. huwa ċittadin tal-Moldova li kien jirrisjedi fl-Estonja abbażi ta’ eżenzjoni ta’ viża. |
9 |
Fit‑12 ta’ Ottubru 2020, I. L. inżamm taħt detenzjoni bħala persuna ssuspettata li kkawżat tbatijiet fiżiċi u ħsara għas-saħħa lis-sieħba tiegħu kif ukoll lil mara oħra. |
10 |
Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2020, il-Harju Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Harju, l-Estonja) iddikjarat lil I. L. ħati tar-reat ta’ abbuż fiżiku u imponiet piena ta’ priġunerija ta’ sena, xahar u tmienja u għoxrin jum flimkien ma’ perijodu ta’ probation ta’ sentejn. Madankollu, din il-qorti ordnat ir-rilaxx ta’ I. L. |
11 |
Fl-istess jum, il-PPA temm b’mod antiċipat ir-residenza ta’ I. L. fit-territorju Estonjan u ordna, fil-bini tal-Harju Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Harju), iż-żamma tiegħu taħt detenzjoni. Il-PPA ġġustifika din id-deċiżjoni tal-aħħar bil-preżenza ta’ “riskju ta’ ħarba”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 15(2) tal-VSS. Il-proċess verbal taż-żamma taħt detenzjoni jindika li l-persuna kkonċernata ġiet detenuta fid-dawl tal-aġir tagħha fir-rigward tar-reat kriminali mwettaq u tal-aġir tagħha wara l-kundanna tagħha. Skont il-PPA, kien hemm raġunijiet sabiex wieħed jemmen, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-persuna kkonċernata setgħet tfittex li tevita t-tneħħija, minkejja l-wegħda tagħha li titlaq mill-pajjiż b’mod volontarju u t-talba tagħha intiża sabiex tinħarġilha ordni ta’ tluq volontarju. |
12 |
Il-PPA bagħat ukoll lil I. L. ordni ta’ tluq mit-territorju Estonjan, għar-raġuni li huwa kien jirrisjedi hemmhekk b’mod irregolari. |
13 |
Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2020, wara li laqgħet it-talba tal-PPA, it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) awtorizzat iż-żamma taħt detenzjoni ta’ I. L. sad-data tat-tneħħija tiegħu, mingħajr din id-detenzjoni ma tkun tista’ tiġi estiża lil hinn mill‑15 ta’ Diċembru 2020. |
14 |
Permezz ta’ digriet tat‑2 ta’ Diċembru 2020, it-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja) ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn I. L. kontra d-digriet tat-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn). |
15 |
Sadanittant, fit‑23 ta’ Novembru 2020, I. L. kien is-suġġett ta’ tneħħija lejn il-Moldova. |
16 |
I. L. appella quddiem ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja) intiż għall-annullament tad-digriet tat-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn) u għall-konstatazzjoni tal-illegalità taż-żamma taħt detenzjoni tiegħu. Fl-appell tiegħu, I. L. speċifika li huwa jkun fondat li jippreżenta rikors għad-danni kontra l-PPA jekk ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) tagħti sentenza li tikkonstata l-illegalità taż-żamma tiegħu taħt detenzjoni. |
17 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda biss l-awtorizzazzjoni ta’ żamma taħt detenzjoni li I. L. kien suġġett għaliha. |
18 |
Kuntrarjament għall-evalwazzjoni tal-PPA, din il-qorti tqis li ż-żamma ta’ I. L. taħt detenzjoni ma setgħetx tiġi ordnata abbażi ta’ “riskju ta’ ħarba”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 15(2) tal-VSS. L-imsemmija qorti tikkonstata, f’dan ir-rigward, li ebda wieħed mill-każijiet elenkati fl-Artikolu 68 ta’ din il-liġi, li l-għan tiegħu huwa li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “riskju ta’ ħarba”, ma huwa ssodisfatt fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
19 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kriterju stabbilit fil-punt 4 tal-Artikolu 68 tal-VSS, li jirrigwarda l-ipoteżi ta’ kundanna kriminali għal piena ta’ priġunerija, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li dan jippreżupponi l-eżistenza ta’ deċiżjoni definittiva. Issa, id-deċiżjoni li timponi l-kundanna ta’ I. L. saret definittiva biss wara d-deċiżjoni tat-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn) li tawtorizza ż-żamma tiegħu taħt detenzjoni. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju żżid li ż-żamma taħt detenzjoni lanqas ma setgħet tkun ibbażata fuq il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 15(2) tal-VSS, li jirrigwardaw, rispettivament, ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni u l-assenza tad-dokumenti neċessarji għall-vjaġġ ta’ ritorn. |
21 |
Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li l-legalità taż-żamma taħt detenzjoni ta’ I. L. tiddependi min-natura eżawrjenti eventwali tal-lista stabbilita fl-Artikolu 15(2) tal-VSS. |
22 |
Skont interpretazzjoni waħda, it-tliet raġunijiet ta’ żamma taħt detenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tal-VSS huma eżawrjenti. Peress li I. L. ma jissodisfa ebda waħda minn dawn it-tliet raġunijiet, iż-żamma tiegħu taħt detenzjoni għandha titqies bħala illegali. |
23 |
Skont it-tieni interpretazzjoni, l-imsemmija motivi ma humiex eżawrjenti, iżda juru kriterju ġenerali, jiġifieri r-riskju li l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tkun kompromessa, li jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(2) tal-VSS. |
24 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jistgħu effettivament jinvolvu tali riskju, sa fejn kien jeżisti riskju reali li I. L. jipprova jsolvi l-kunflitt li huwa kellu mal-ex sieħba tiegħu u, f’din l-okkażjoni, li huwa jwettaq reat kriminali ġdid. Issa, il-konstatazzjoni u s-sanzjoni permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ tali reat kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija, kienu jkunu ta’ natura li jipposponu l-eżekuzzjoni tat-tneħħija tiegħu għal data indeterminata. |
25 |
Din il-qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ tali interpretazzjoni mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115. |
26 |
B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jistax jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza ż-żamma taħt detenzjoni abbażi tal-kriterju ġenerali identifikat iktar ’il fuq, jiġifieri r-riskju li l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tkun kompromessa, jew jekk għandux jiġi ssodisfatt wieħed miż-żewġ motivi espliċitament imsemmija f’din id-dispożizzjoni. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-ewwel sentenza tal-[Artikolu 15(1)] tad-[Direttiva 2008/115] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz li, sakemm ikun jinsab liberu qabel ma jitneħħa, jippreżenta riskju reali li jwettaq delitt li l-investigazzjoni u s-sanzjoni tiegħu jistgħu jikkomplikaw b’mod kunsiderevoli l-proċess ta’ tneħħija?” |
Fuq id‑domanda preliminari
28 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru jordna ż-żamma taħt detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment abbażi biss ta’ kriterju ġenerali bbażat fuq ir-riskju li l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tiġi kompromessa, mingħajr ma tiġi ssodisfatta waħda mir-raġunijiet ta’ detenzjoni speċifiċi previsti u ddefiniti b’mod ċar mil-leġiżlazzjoni intiża sabiex tittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali. |
29 |
Skont l-ispjegazzjonijiet li hija pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li ebda waħda mir-raġunijiet ta’ detenzjoni speċifiċi previsti fl-Artikolu 15(2) tal-VSS, li huwa intiż li jittrasponi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 fid-dritt Estonjan, ibbażati fuq il-preżenza ta’ riskju ta’ ħarba, fuq nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ kooperazzjoni u fuq l-assenza tad-dokumenti neċessarji għall-vjaġġ ta’ ritorn, rispettivament, ma hija ssodisfatta fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Din il-qorti tqis, għall-kuntrarju, li l-kriterju ġenerali identifikat fid-domanda magħmula, jiġifieri r-riskju li l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tkun kompromessa, huwa ssodisfatt sa fejn kien jeżisti riskju reali li l-persuna kkonċernata twettaq reat kriminali li l-istabbiliment u s-sanzjoni tiegħu setgħu jipposponu t-tneħħija għal data indeterminata. |
30 |
Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, iż-żamma taħt detenzjoni tal-persuna kkonċernata hija permessa biss sabiex “jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija”. |
31 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, f’dan ir-rigward, li huwa biss fil-każ li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-forma ta’ tneħħija tirriskja, fid-dawl ta’ evalwazzjoni ta’ kull sitwazzjoni speċifika, li tiġi kompromessa bl-aġir tal-persuna kkonċernata li l-Istati Membri jistgħu jipproċedu għaċ-ċaħda tal-libertà ta’ din tal-aħħar permezz ta’ detenzjoni (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn, C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Minn dan isegwi li, meta tiġi ordnata għal finijiet ta’ tneħħija, id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment hija intiża biss sabiex tiżgura l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn u ma għandha ebda għan punittiv (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn, C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 38). |
33 |
Għalhekk, miżura ta’ detenzjoni ordnata minn Stat Membru abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali intiża sabiex tittrasponi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 għandha tissodisfa kriterju ġenerali bbażat fuq ir-riskju li l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tiġi kompromessa. |
34 |
Madankollu, dan ma jfissirx li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jinftiehem fis-sens li l-kriterju ġenerali jistabbilixxi, bħala tali, raġuni ta’ detenzjoni u jippermetti lil Stat Membru jordna miżura ta’ detenzjoni fuq din il-bażi biss. |
35 |
Fil-fatt, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi espliċitament żewġ raġunijiet ta’ detenzjoni bbażati, minn naħa, fuq il-preżenza ta’ riskju ta’ ħarba kif iddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, fuq iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata tevita jew tostakola l-preparazzjoni tar-ritorn jew tal-proċedura ta’ tneħħija. |
36 |
Ċertament, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 30 sa 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, u b’mod partikolari mill-kelma “partikolarment”, isegwi li dawn iż-żewġ raġunijiet ma humiex eżawrjenti. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal raġunijiet oħra ta’ detenzjoni speċifiċi, flimkien maż-żewġ raġunijiet espliċitament previsti f’din id-dispożizzjoni. |
37 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jadottaw raġunijiet ta’ detenzjoni addizzjonali hija strettament limitata kemm mir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/115 stess kif ukoll minn dawk li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari mid-dritt fundamentali għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
38 |
F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi enfasizzat li, bħalma tfakkar fil-punti 30 sa 33 ta’ din is-sentenza, miżura ta’ detenzjoni tista’ tiġi ordnata biss fil-każ li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-forma ta’ tneħħija tista’ tiġi kompromessa mill-aġir tal-persuna kkonċernata u jista’ jkollha bħala għan biss li tiżgura l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn. |
39 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li josserva dan ir-rekwiżit kriterju ġenerali, bħal dak identifikat fid-domanda magħmula, ibbażat fuq ir-riskju li l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tkun kompromessa. |
40 |
Fit-tieni lok, l-użu tad-detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija għandu jkun limitat u suġġett għall-osservanza prinċipju ta’ proporzjonalità, bħalma tikkorrobora wkoll il-premessa 16 tad-Direttiva 2008/115. |
41 |
Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/115 hija intiża li tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tad-dinjità tal-persuni kkonċernati (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn, C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Għalhekk, kwalunkwe detenzjoni li taqa’ taħt din id-direttiva hija rregolata b’mod strett mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tal-imsemmija direttiva, b’mod li jiġu ggarantiti, minn naħa, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda l-mezzi użati u l-għanijiet imfittxija u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn, C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Minn dan isegwi li ż-żieda ta’ raġuni ta’ detenzjoni addizzjonali minn Stat Membru ma tista’, fl-ebda każ, tkopri sitwazzjoni li fiha l-applikazzjoni ta’ miżuri inqas koerċittivi, b’mod partikolari li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, hija suffiċjenti sabiex tiżgura l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn. |
44 |
F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-dritt fundamentali għal-libertà, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta, għandu jsir riferiment għat-tagħlim tas-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213). |
45 |
F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50), billi jawtorizza ż-żamma taħt detenzjoni ta’ applikant sabiex jiġu żgurati l-proċeduri ta’ trasferiment previsti minn dan ir-regolament meta jkun jeżisti riskju sinjifikattiv ta’ ħarba ta’ dan l-applikant, jipprevedi limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għal-libertà (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 36). |
46 |
Bl-istess mod, billi jawtorizza ż-żamma taħt detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa is-suġġett ta’ proċeduri ta’ ritorn, sabiex jitħejja r-ritorn u/jew issir it-tneħħija, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi limitazzjoni tad-dritt fundamentali għal-libertà, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta. |
47 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 52(1) tal-Karta jirriżulta li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-essenza tiegħu kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Sa fejn il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprevedi li t-tifsira u l-ambitu ta’ dawn tal-aħħar huma l-istess bħal dawk mogħtija lilhom mill-KEDB, filwaqt li jispeċifika li d-dritt tal-Unjoni jista’ jagħti protezzjoni iktar estensiva. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Karta, għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 5 tal-KEDB, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 37). |
48 |
Fir-rigward tar-rekwiżiti li l-bażi legali ta’ limitazzjoni għad-dritt għal-libertà għandha tissodisfa, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja (CE:ECHR:2013:1021JUD004275009), li liġi nazzjonali li tawtorizza ċaħda ta’ libertà għandha, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tkun suffiċjentement aċċessibbli, preċiża u previdibbli fl-applikazzjoni tagħha sabiex jiġi evitat kull perikolu ta’ arbitrarjetà (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 38, u ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, JZ (Piena ta’ priġunerija fil-każ ta’ projbizzjoni ta’ dħul), C‑806/18, EU:C:2020:724, punt 41). |
49 |
F’dan ir-rigward tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-għan tal-garanziji mogħtija għal-libertà, kif stabbiliti kemm fl-Artikolu 6 tal-Karta kif ukoll fl-Artikolu 5 tal-KEDB, huwa, b’mod partikolari, ikkostitwit mill-protezzjoni tal-individwu mill-arbitrarjetà. Għalhekk, sabiex tkun konformi ma’ dan l-għan, l-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ ċaħda tal-libertà timplika, b’mod partikolari, li din tkun nieqsa minn kwalunkwe element ta’ mala fide jew ta’ qerq min-naħa tal-awtoritajiet (sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 39, u tat‑12 ta’ Frar 2019, TC, C‑492/18 PPU, EU:C:2019:108, punt 59). |
50 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li ż-żamma taħt detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ proċeduri ta’ ritorn, li tikkostitwixxi ndħil serju fid-dritt għal-libertà ta’ dan tal-aħħar, hija suġġetta għall-osservanza ta’ garanziji stretti, jiġifieri l-eżistenza ta’ bażi legali, iċ-ċarezza, il-prevedibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-protezzjoni mill-arbitrarjetà (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 40). |
51 |
F’dan il-każ, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ bażi legali, għandu jiġi kkonstatat li l-limitazzjoni tad-dritt għal-libertà, fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, hija bbażata fuq l-Artikolu 15 tal-VSS, jiġifieri dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ dritt nazzjonali intiża li timplimenta l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115. |
52 |
Wara din il-preċiżazzjoni, hemm lok li wieħed jistaqsi dwar l-osservanza tal-garanziji l-oħra msemmija iktar ’il fuq fl-ipoteżi, imsemmija fid-domanda magħmula, fejn il-persuna kkonċernata titqiegħed f’detenzjoni abbażi biss ta’ kriterju ġenerali bbażat fuq ir-riskju li l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tiġi kompromessa, mingħajr ma tiġi ssodisfatta waħda mir-raġunijiet speċifiċi ta’ detenzjoni previsti minn din id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali. |
53 |
Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 47 sa 49 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li s-setgħa diskrezzjonali individwali li għandhom l-awtoritajiet ikkonċernati għandha taqa’ fil-kuntest ta’ ċerti limiti stabbiliti minn qabel. Għaldaqstant, huwa essenzjali li l-kriterji li jiddefinixxu r-raġuni ta’ żamma taħt detenzjoni jkunu ddefiniti b’mod ċar permezz ta’ att vinkolanti u previdibbli fl-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 42). |
54 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li kriterju ġenerali bbażat fuq ir-riskju li l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tiġi kompromessa ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ prevedibbiltà u ta’ protezzjoni mill-arbitrarjetà, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni Ewropea. Fil-fatt, minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tiegħu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tar-riskju li fuqu huwa bbażat, tali kriterju ma jippermettix lill-persuni kkonċernati jipprevedu, bil-livell ta’ ċertezza meħtieġ, f’liema każijiet huma jistgħu jinżammu taħt detenzjoni. Għall-istess raġunijiet, tali kriterju ma joffrix lil dawn il-persuni protezzjoni adegwata mill-arbitrarjetà. |
55 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru jordna ż-żamma taħt detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment abbażi biss ta’ kriterju ġenerali bbażat fuq ir-riskju li l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tiġi kompromessa, mingħajr ma tiġi ssodisfatta waħda mir-raġunijiet speċifiċi ta’ detenzjoni previsti u ddefiniti b’mod ċar mil-leġiżlazzjoni intiża li tittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali. |
Fuq l‑ispejjeż
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L‑Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, |
għandu jiġi interpretat fis‑sens li: |
ma jippermettix lil Stat Membru jordna ż-żamma taħt detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment abbażi biss ta’ kriterju ġenerali bbażat fuq ir-riskju li l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tiġi kompromessa, mingħajr ma tiġi ssodisfatta waħda mir-raġunijiet speċifiċi ta’ detenzjoni previsti u ddefiniti b’mod ċar mil-leġiżlazzjoni intiża li tittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.