Atlasiet eksperimentālās funkcijas, kuras vēlaties izmēģināt!

Šis dokuments ir izvilkums no tīmekļa vietnes EUR-Lex.

Dokuments 62021CJ0207

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-14 ta’ Lulju 2022.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja.
Appell – Annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1442 – Artikolu 16(4) u (5) TUE – L-Artikolu 3(2) u (3) tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji – Applikazzjoni ratione temporis – Regoli dwar il-vot tal-Kunsill – Maġġoranza kkwalifikata.
Kawża C-207/21 P.

Eiropas judikatūras identifikators (ECLI): ECLI:EU:C:2022:560

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

“Appell – Annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1442 – Artikolu 16(4) u (5) TUE – L-Artikolu 3(2) u (3) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji – Applikazzjoni ratione temporis – Regoli dwar il-vot tal-Kunsill – Maġġoranza kkwalifikata”

Fil-Kawża C‑207/21 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑2 ta’ April 2021,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn Ł. Habiak, K. Herrmann, R. Tricot u C. Valero, bħala aġenti,

rikorrenti

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Ir-Renju tal-Belġju,

Ir-Repubblika tal-Bulgarija,

Ir-Repubblika Franċiża,

L-Ungerija

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentata minn H. Eklinder, J. Lundberg, C. Meyer-Seitz, A. Runeskjöld, Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson, H. Shev u O. Simonsson, sussegwentement minn H. Eklinder, C. Meyer-Seitz, A. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson, H. Shev u O. Simonsson bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑27 ta’ Jannar 2021, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (T‑699/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:44), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1442 tal‑31 ta’ Lulju 2017 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU 2017, L 212, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

It-Trattat UE u l-Protokoll Nru 36

2

L-Artikolu 16(4) u (5) TUE jipprovdi:

“4.   Mill‑1 ta’ Novembru 2014, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija daqs mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li tinkludi mill-inqas ħmistax fosthom u li tirrappreżenta Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta’ l-Unjoni [Ewropea].

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas erba’ membri tal-Kunsill, u fin-nuqqas ta’ dan għandu jitqies li ntlaħqet il-maġġoranza kwalifikata.

L-arranġamenti l-oħra li jirregolaw il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għandhom ikunu stabbiliti skond l-Artikolu 238 [TFUE].

5.   Id-dispożizzjonijiet transitorji dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kwalifikata li għandhom japplikaw sal‑31 ta’ Ottubru 2014, kif ukoll dawk li ser ikunu applikabbli bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017, għandhom ikunu stabbiliti mill-protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji.”

3

Il-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 36”) jinkludi, fit-Titolu II tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar il-maġġoranza kwalifikata”, Artikolu 3, li huwa fformulat kif ġej:

“1.   Skond l-Artikolu 14(4) [TFUE] id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu u d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 238(2) [TFUE] dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill, għandu jkollhom effett mill‑1 ta’ Novembru 2014.

2.   Bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017, meta att ikollu jiġi adottat bil-maġġoranza kwalifikata, membru tal-Kunsill jista’ jitlob li l-att jiġi adottat bil-maġġoranza kwalifikata kif definita fil-paragrafu 3. F’dak il-każ, għandhom japplikaw il-paragrafi 3 u 4.

3.   Sal‑31 ta’ Ottubru 2014, għandhom ikunu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet li ġejjin, mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 235(1) [TFUE].

Fejn il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu bil-maġġoranza kwalifikata, il-voti tal-membri għandhom jitqiesu li għandhom il-piż kif ġej:

[…]”

Id-Direttiva 2010/75/UE

4

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25) intitolat “Dokumenti ta’ referenza tal-BAT u skambju ta’ informazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1, 5 u 6 tiegħu:

“1.   Sabiex tfassal, tirrivedi u, fejn meħtieġ, taġġorna d-dokumenti ta’ referenza tal-BAT, il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, l-industriji kkonċernati l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u l-Kummissjoni.

[…]

5.   Deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-[(BAT) aħjar metodi tekniċi disponibbli] għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 75(2).

6.   Wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tagħmel disponibbli pubblikament id-dokument ta’ referenza tal-BAT u tiżgura li l-konklużjonijiet tal-BAT ikunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Istati Membri.”

5

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għal permess”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom ikunu r-referenza għall-istipular tal-kondizzjonijiet għal permessi.”

6

L-Artikolu 75 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċedura ta’ kumitat”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE [tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 3, p. 124)] b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.”

Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011

7

Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13) intitolat “Proċedura ta’ eżami”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Fejn tapplika l-proċedura ta’ eżami, il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz tal-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 16(4) u (5) [TUE] u, fejn applikabbli, l-Artikolu 238(3) [TFUE], għal atti li għandhom jiġu adottati fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom ikunu ppeżati bil-mod stipulat f’dawk l-Artikoli.

2.   Fejn il-kumitat jagħti opinjoni pożittiva, il-Kummissjoni għandha tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.”

8

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, “[i]d-Deċiżjoni 1999/468/KE hija b’dan imħassra”.

9

L-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament jippreċiża:

“Fejn atti bażiċi adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jipprovdu għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni 1999/468/KE, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

(ċ)

fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandha tapplika l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament […];

[…]

(e)

fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikoli 7 u 8 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandhom japplikaw l-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

10

Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 8 sa 15 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

11

Fid‑9 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni, fil-kwalità tagħha ta’ president tal-kumitat stabbilit fl-Artikolu 75 tad-Direttiva 2010/75 (iktar ’il quddiem il-“kumitat”), ippreżentat lil dan il-kumitat abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tistabbilixxi l-konklużjonijiet dwar il-BAT, skont din id-direttiva, għall-impjanti kbar tal-kombustjoni u stiednet, fit‑23 ta’ Marzu 2017, lill-membri ta’ dan il-kumitat għal laqgħa li kellha ssir fit‑28 ta’ April 2017, li l-għan tagħha kien li jsir vot fuq l-opinjoni dwar dan l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

12

Fit‑30 ta’ Marzu 2017, ir-Repubblika tal-Polonja talbet li l-kumitat jivvota dwar din l-opinjoni skont ir-regoli tal-vot stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36.

13

Fl-4 ta’ April 2017, is-servizz legali tal-Kunsill bagħat opinjoni lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri li biha, essenzjalment, jittieħed vot dwar abbozz ta’ att skont ir-regoli applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, kien meħtieġ li jintlaħqu żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li l-Istat Membru kellu jressaq talba għal dan l-għan mhux iktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2017 u, min-naħa l-oħra, li l-vot li huwa s-suġġett ta’ din it-talba, ukoll kellu jsir qabel din id-data.

14

Fl‑10 ta’ April 2017, id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni rrifjuta t-talba tar-Repubblika tal-Polonja tat‑30 ta’ Marzu 2017, minħabba li l-vot fuq l-opinjoni kien previst għat‑28 ta’ April 2017, jiġifieri wara l‑31 ta’ Marzu 2017, data prevista fl-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36.

15

Fit‑28 ta’ April 2017, il-membri tal-kumitat ivvotaw sabiex jadottaw opinjoni dwar abbozz emendat ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Il-vot ittieħed skont ir-regoli tal-vot stabbiliti fl-Artikolu 16(4) TUE u mhux dawk stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36. Il-vot wassal għal opinjoni favorevoli tal-kumitat fir-rigward tal-abbozz wara vot pożittiv ta’ 20 Stat Membru li jirrappreżentaw 65.14 % tal-popolazzjoni u 71.43 % tal-membri tal-imsemmi kumitat. Tmien Stati Membri, fosthom ir-Repubblika tal-Polonja, ivvutaw kontra.

16

Fil‑31 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontestata, li tistabbilixxi l-konklużjonijiet dwar il-BAT għall-installazzjonijiet kbar tal-kombustjoni u timponi, b’mod partikolari, il-livelli tal-emissjonijiet assoċjati ma’ dawn il-BAT f’dak li jirrigwarda l-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu (NOx), tal-merkurju (Hg) u tal-klorur tal-idroġenu (HCl).

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

17

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Ottubru 2017, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

18

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl‑4 u fil‑15 ta’ Jannar 2018, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Bulgarija talbu sabiex jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja. Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis‑16 u fil‑25 ta’ Jannar 2018, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑19 u tal‑21 ta’ Frar 2018, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali (kulleġġ ġudikanti preċedenti) laqa’ dawn it-talbiet.

19

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka ħames motivi.

20

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-maġġoranza kkwalifikata, u annullat id-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra invokati mir-Repubblika tal-Polonja.

21

B’mod iktar preċiż, fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-portata tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 u l-kwistjoni dwar jekk, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-applikazzjoni tar-regoli tal-maġġoranza kkwalifikata previsti f’dan l-Artikolu 3(3), li jikkorrispondu għal dawk previsti mit-Trattat ta’ Nice, kienx biżżejjed, għal Stat Membru, li jressaq it-talba bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017 jew jekk kienx neċessarju li d-deċiżjoni kkonċernata tiġi adottata wkoll matul dan il-perijodu.

22

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, fil-punti 35 u 36 tas-sentenza appellata, eżaminat il-kliem tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 u kkonkludiet li ebda verżjoni lingwistika ta’ din id-dispożizzjoni ma kienet tippermetti li jitneħħa d-dubju dwar il-portata eżatta tagħha.

23

Fit-tieni lok, fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali analizzat l-istorja ta’ dan l-Artikolu 3(2), billi eżaminat jekk il-mandat mogħti lill-konferenza intergovernattiva, imlaqqa’ bil-għan li jiġi ppreparat abbozz ta’ Trattat li jemenda t-Trattat UE u t-Trattat KE, ipprovdietx indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi ċċarat il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. Hija kkonkludiet li l-formulazzjoni li tinsab f’dan il-mandat kienet simili ħafna għal dik tal-imsemmija dispożizzjoni, b’tali mod li lanqas ma kienet tippermetti li tingħeleb l-ambigwità fir-rigward tal-portata eżatta ta’ din tal-aħħar.

24

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 38 sa 42 tas-sentenza appellata, eżaminat jekk interpretazzjoni teleoloġika tippermettix li tiġi ddeterminata din il-portata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali l-ewwel fakkret li l-għan tal-Protokoll Nru 36 kien, skont il-premessa unika tiegħu, li “tiġi organizzata t-transizzjoni bejn id-dispożizzjonijiet istituzzjonali tat-Trattati applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u dawk previsti mill-imsemmi Trattat”.

25

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fakkret ukoll li l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 kien jattribwixxi lil Stat Membru d-dritt li jitlob, matul il-perijodu mill‑1 ta’ Novembru 2014 sal‑31 ta’ Marzu 2017, l-applikazzjoni tar-regoli dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata previsti fl-Artikolu 3(3) ta’ dan il-protokoll, li jikkorrispondu għal dawk tat-Trattat ta’ Nice. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat li dan id-dritt kien jimplika neċessarjament li, wara t-tressiq ta’ talba f’dan is-sens minn Stat Membru, il-vot jiġi organizzat skont dawn ir-regoli, u dan anki meta dan il-vot seħħ wara l-31 ta’ Marzu 2017. Il-Qorti Ġenerali qieset li tali interpretazzjoni biss setgħet tiżgura li Stat Membru jkun jista’ jeżerċita b’mod utli, matul dan il-perijodu kollu, u dan sal-aħħar jum tat-terminu previst, l-imsemmi dritt.

26

Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kull interpretazzjoni kuntrarja tneħħi l-effett utli tal-iffissar espress ta’ perijodu mill‑1 ta’ Novembru 2014 sal‑31 ta’ Marzu 2017 sabiex teżerċita d-dritt inkwistjoni, u tnaqqas b’mod sinjifikattiv it-terminu li fih vot skont ir-regoli tat-Trattat ta’ Nice jista’ effettivament jintalab minn Stat Membru. Din ikkunsidrat li tali interpretazzjoni jkollha bħala riżultat li talba mressqa fi tmiem dan il-perijodu tkun, fil-prattika, tardiva sabiex tiskatta l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Għaldaqstant, l-Istati Membri jkunu kostretti jressqu, jekk ikun il-każ, it-talba tagħhom ħafna iktar kmieni, skont id-data — mhux prevedibbli — tal-vot, u b’hekk iċaħħdu lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jitolbu vot skont l-imsemmija regoli sal-aħħar jum tal-perijodu previst fl-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36.

27

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li minn interpretazzjoni teleoloġika ta’ dan l-Artikolu 3(2) jirriżulta li d-dispożizzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 3(3) setgħu jiġu applikati għal vot anki wara l‑31 ta’ Marzu 2017, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni tagħhom tkun intalbet minn Stat Membru qabel din id-data.

28

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 43 sa 52 tas-sentenza appellata, li din l-interpretazzjoni kienet sostnuta wkoll minn interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali identifikat u sussegwentement analizzat it-tliet perijodi relattivi għad-dħul fis-seħħ tar-regoli dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata previsti fl-Artikolu 16(4) TUE.

29

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali osservat li, matul il-perijodu mill‑1 ta’ Diċembru 2009 sal‑31 ta’ Ottubru 2014, ir-regoli dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kwalifikata previsti fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36, li jikkorrispondu għal dawk tat-Trattat ta’ Nice, kienu japplikaw. Sussegwentement, hija rrilevat li, matul il-perijodu mill‑1 ta’ Novembru 2014 sal‑31 ta’ Marzu 2017, membru tal-Kunsill seta’ jitlob, skont l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36, li tittieħed deċiżjoni skont dawn ir-regoli tat-Trattat ta’ Nice, u fin-nuqqas ta’ dan, id-definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata prevista fl-Artikolu 16(4) TUE kienet tapplika. Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali indikat li, matul il-perijodu mill‑1 ta’ April 2017, il-maġġoranza kkwalifikata hija ddefinita bħala prevista fl-Artikolu 16(4) TUE, mingħajr il-possibbiltà li jintalab metodu ta’ kalkolu tal-voti differenti.

30

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 kien jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola stabbilita fl-Artikolu 16(4) TUE. Hija kkonkludiet li dan l-Artikolu 3(2) kien jikkostitwixxi dispożizzjoni tranżitorja, kif kien ikkonfermat mill-premessa unika tal-Protokoll Nru 36 kif ukoll mill-formulazzjoni tat-titolu ta’ dan tal-aħħar u minn dak tal-Artikolu 16(5) TUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat li l-interpretazzjoni tagħha tal-imsemmi Artikolu 3(2), imsemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, kienet, minn naħa, konformi mar-rekwiżit, li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li dispożizzjoni tranżitorja għandha tiġi interpretata b’mod strett u, min-naħa l-oħra, indispensabbli sabiex Stat Membru jkun jista’ jeżerċita b’mod utli u effettiv id-dritt imsemmi fil-punt 25 ta’ din is-sentenza sal-aħħar jum tat-terminu previst fl-istess Artikolu 3(2).

31

Fil-ħames u fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 53 sa 56 tas-sentenza appellata, irrilevat li din l-interpretazzjoni kienet ikkorroborata mill-prinċipju ta’ ċertezza legali u li dik sostnuta mill-Kummissjoni mhux biss tagħti lok għal nuqqas ta’ prevedibbiltà, peress li din twassal, fi tmiem il-perijodu tranżitorju, għal inċertezza fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tal-maġġoranza kkwalifikata kif iddefinita fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36, iżda tista’ twassal ukoll għal evażjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ dan il-protokoll, billi tiffissa l-vot wara d-data f’data wara l‑31 ta’ Marzu 2017.

32

Peress li qieset li r-regoli dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata previsti fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36 kellhom jiġu applikati waqt il-vot, fit‑28 ta’ April 2017, fuq l-abbozz tad-deċiżjoni kontestata u li n-nuqqas ta’ osservanza tal-modalitajiet ta’ votazzjoni jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi evitata diskontinwità jew tnaqqis fl-implimentazzjoni ta’ politika mwettqa jew appoġġjata mill-Unjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontestata sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż tnax-il xahar mid-data tal-għoti tas-sentenza appellata, ta’ att ġdid intiż sabiex jissostitwixxi din id-deċiżjoni u adottat skont ir-regoli tal-maġġoranza kkwalifikata previsti f’dan l-Artikolu 3(3).

It-talbiet tal-partijiet

33

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad l-ewwel motiv tar-rikors imsemmi fil-punt 17 ta’ din is-sentenza;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni sal-ħames motivi ta’ dan ir-rikors, li ma ġewx eżaminati fl-ewwel istanza, u

tirriżerva l-ispejjeż relatati mar-rikors fl-ewwel istanza u mal-appell.

34

Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-Appell.

35

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata, ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq it-tieni sal-ħames motivi tar-rikors imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja meta ppreżentat l-appell tagħha, il-Kummissjoni talbet li din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikoli 133 sa 136 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-appelli skont l-Artikolu 190(1) ta’ dawn ir-regoli.

37

Insostenn ta’ din it-talba, il-Kummissjoni osservat li, minħabba d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontestata sad-dħul fis-seħħ ta’ att ġdid f’terminu li ma jistax jaqbeż tnax-il xahar mid-data tal-għoti tas-sentenza appellata, il-BAT iddefiniti mid-deċiżjoni kontestata setgħu japplikaw biss sas‑27 ta’ Jannar 2022. Fid-dawl tal-inċertezza legali maħluqa b’dan il-mod fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-operat ta’ impjanti kbar tal-kombustjoni u fid-dawl tan-numru ta’ operaturi kkonċernati u tal-ammonti investiti, kien neċessarju, skont il-Kummissjoni, li jkun magħruf malajr l-eżitu ta’ dan l-appell u li jkun magħruf, għalhekk, jekk kienx effettivament neċessarju li jiġi adottat att ġdid qabel is‑27 ta’ Jannar 2022. Fil-fatt, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ l-appell, ma jkunx hemm bżonn li tiġi adottata deċiżjoni ta’ implimentazzjoni ġdida fuq il-BAT għal dawn l-installazzjonijiet.

38

Mill-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, fuq talba tar-rikorrenti, jew tal-konvenuta, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, il-parti l-oħra, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li jissottometti kawża għall-proċedura mħaffa prevista minn dawn ir-regoli.

39

Issa, qabel kollox, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li la l-inċertezza legali dwar il-legalità jew l-interpretazzjoni ta’ att u lanqas in-numru kbir ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali potenzjalment ikkonċernati ma jistgħu, bħala tali, jikkostitwixxu ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ natura li jiġġustifikaw li kawża tkun suġġetta għal din il-proċedura (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ April 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:232, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Sussegwentement, fir-rigward tal-fatt li n-neċessità tal-adozzjoni ta’ att ġdid tiddependi fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ appell, għandu jitfakkar li s-sempliċi interess tal-partijiet fil-kawża, ċertament leġittimu, li jiddeterminaw malajr kemm jista’ jkun il-portata tad-drittijiet li huma għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni lanqas ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika li kawża tkun suġġetta għall-imsemmija proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Caruter, C‑642/20, EU:C:2022:308, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fl-aħħar, hija ġurisprudenza stabbilita li interessi ekonomiċi, daqstant importanti u leġittimi, ma humiex tali li jiġġustifikaw, waħedhom, l-użu tal-istess proċedura (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Marzu 2017, Abanca Corporación Bancaria, C‑70/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:227, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fis‑7 ta’ Lulju 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma jilqax it-talba għal proċedura mħaffa.

Fuq l-Appell

43

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka aggravju uniku, maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 16(5) TUE u, it-tieni waħda, fuq ksur ta’ dan l-Artikolu 16(4).

Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku

L-argumenti tal-partijiet

44

Il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 42, 56 u 57 tas-sentenza appellata tikser l-Artikolu 16(5) TUE.

45

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-formulazzjoni tal-Artikolu 16(5) TUE ma tqajjem ebda dubju dwar l-interpretazzjoni tiegħu. Hija ssostni li din id-dispożizzjoni ma tipprevedi ebda perijodu tranżitorju wara l‑31 ta’ Marzu 2017, b’tali mod li, wara din id-data, ma għadux possibbli li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 36 dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata. Issa, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tobbligaha tapplika dawn id-dispożizzjonijiet wara l-imsemmija data.

46

Il-Kummissjoni ssostni li, indipendentement mill-fatt li kemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 TUE kif ukoll dawk tal-Protokoll Nru 36 jikkostitwixxu dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni, l-Artikolu 16 TUE huwa ta’ natura fundamentali, peress li jiddefinixxi l-għan tar-regoli stabbiliti f’dan il-protokoll u l-perijodu ta’ applikazzjoni tiegħu. Hija tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn ma adottatx interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi protokoll li tippermetti li tiġi żgurata l-koerenza ta’ din l-aħħar dispożizzjoni mal-Artikolu 16(5) TUE.

47

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali jikkonfermaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li r-regoli proċedurali huma applikabbli fid-data li fiha jidħlu fis-seħħ u li ma huwiex mod ieħor ħlief jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata minn dispożizzjonijiet partikolari li jiddeterminaw b’mod speċjali l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha. Għalhekk, il-perijodu ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji għandu jiġi interpretat b’mod strett sabiex jitnaqqas id-dewmien fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda.

48

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kwistjoni dwar liema maġġoranza kkwalifikata tapplika għal vot ma tistax tiġi sseparata artifiċjalment mid-data ta’ dan il-vot, peress li l-metodu ta’ kalkolu ta’ din il-maġġoranza jikkostitwixxi wieħed mill-elementi tal-modalitajiet ta’ votazzjoni. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tanalizza, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36, billi bbażat ruħha biss fuq il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat kien ressaq talba skont din id-dispożizzjoni qabel il‑31 ta’ Marzu 2017. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ din it-talba, jiġifieri applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) ta’ dan il-protokoll wara l‑31 ta’ Marzu 2017, jiġifieri wara d-data espressament prevista fl-Artikolu 16(5) TUE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni wiesgħa ta’ dispożizzjoni tranżitorja, f’dan il-każ l-Artikolu 3(2) tal-imsemmi protokoll, u tal-perijodu ta’ validità tal-Artikolu 3(3) tal-istess protokoll, li għalih tirreferi din id-dispożizzjoni tranżitorja.

49

Fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-perspettiva tal-persuni kkonċernati kollha meta interpretat l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36. Minbarra l-Istati Membri kollha li pparteċipaw għal vot tal-kumitat, il-Kummissjoni, li hija l-awtur tal-abbozz tal-att suġġett għall-vot, tagħmel ukoll parti mill-persuni kkonċernati, li d-drittijiet u l-obbligi tagħhom jirriżultaw minn definizzjoni korretta tal-maġġoranza kwalifikata waqt dan il-vot. Il-Kummissjoni tfakkar, minn naħa, li hija teżerċita l-Presidenza tal-Kumitat u hija, f’dan ir-rigward, responsabbli għall-organizzazzjoni u għall-iżvolġiment ta’ tali vot, u, min-naħa l-oħra, li hija destinatarja tal-opinjoni tal-kumitat, li għaliha hija suġġetta l-adozzjoni ta’ abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni jew ta’ miżuri oħra msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 182/2011.

50

Issa, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni biss, fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata, l-interessi ta’ Stat Membru li jressaq talba skont l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri l-oħra li jipparteċipaw fil-vot inkwistjoni li jkunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq skeda ddefinita b’mod ċar fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji. Il-Kummissjoni tikkonkludi li n-nuqqas ta’ qbil li jirriżulta min-neċessità, għal Stat Membru, li jieħu miżuri konkreti fi żmien xieraq sabiex jiggarantixxi l-effettività ta’ talba mressqa skont din id-dispożizzjoni ma għandux jipprevali fuq l-interessi tal-partijiet l-oħra fil-proċedura tal-kumitat u tal-individwi l-oħra.

51

Il-Kummissjoni tqis li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tippreġudika l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali sa fejn din timplika li, mill-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona u tal-Protokoll Nru 36, il-partijiet fil-kawża ma kinux f’pożizzjoni li jipprevedu l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata ddefinita skont ir-regoli tat-Trattat ta’ Nice. Issa, fil-fehma tagħha, kuntrarjament għal din l-interpretazzjoni, dik li skontha l-aħħar vot b’maġġoranza kkwalifikata seta’ jseħħ fil‑31 ta’ Marzu 2017, hija bbażata fuq data preċiża, imsemmija fl-Artikolu 16(5) TUE, u tissodisfa r-rekwiżit ta’ prevedibbiltà li jippermetti lil din l-istituzzjoni tfassal abbozz ta’ att bil-għan li tintlaħaq din il-maġġoranza.

52

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 li tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għad-data tat-talba msemmija f’din tal-aħħar kienet limitata fiż-żmien, minħabba li d-deliberazzjonijiet li jwasslu għall-vot itemmu din l-applikazzjoni. Fil-fehma tagħha, din l-interpretazzjoni tippreġudika ċ-ċertezza legali sa fejn, billi llimitat ruħha li tiddefinixxi l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-validità estiża għal żmien indeterminat tal-Artikolu 3(3) ta’ dan il-protokoll. Issa, it-tul tal-proċedura li tippreċedi d-data tal-vot definittiv jiddependi minn numru ta’ fatturi esterni u imprevedibbli.

53

Il-Kummissjoni tosserva li, għalkemm is-sentenza appellata tirrigwarda l-proċedura ta’ votazzjoni fi ħdan il-kumitat, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 tikkonċerna wkoll il-proċedura tal-vot fi ħdan il-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva. Issa, din l-interpretazzjoni twassal sabiex talba għal vot b’maġġoranza kkwalifikata kif iddefinita mit-Trattat ta’ Nice mill-ftuħ ta’ proċedura leġiżlattiva mill-Kummissjoni torbot lill-Kunsill għall-voti kollha fuq il-proġett li jaqa’ taħt din il-proċedura, indipendentement min-numru effettiv ta’ voti mal-Kunsill skont l-Artikolu 294 TFUE u t-tul effettiv tal-imsemmija proċedura, li xi drabi testendi fuq diversi snin.

54

Il-Kummissjoni tqis li tali interpretazzjoni tqajjem ukoll problemi prattiċi, minħabba li l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni jinfluwenza l-kalkolu tal-maġġoranza kkwalifikata kif iddefinit fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36.

55

Hija żżid li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, li jinsab fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni tista’ twassal għal evażjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ dan il-protokoll billi tiffissa d-data ta’ vot wara l‑31 ta’ Marzu 2017 huwa purament spekulattiv.

56

Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

57

Skont l-Artikolu 16(5) TUE, id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata li huma applikabbli sal‑31 ta’ Ottubru 2014, kif ukoll dawk applikabbli bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017, huma stabbiliti mill-Protokoll Nru 36. L-Artikolu 3(2) ta’ dan il-protokoll jipprevedi li, bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017, meta deliberazzjoni għandha tittieħed b’maġġoranza kkwalifikata, membru tal-Kunsill jista’ jitlob li din id-deliberazzjoni tittieħed b’maġġoranza kkwalifikata kif iddefinita fl-Artikolu 3(3) tal-imsemmi protokoll, jiġifieri dik iddefinita fit-Trattat UE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

58

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 kellu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex abbozz ta’ att adottat skont ir-regoli tal-maġġoranza kkwalifikata ddefiniti fl-Artikolu 3(3) ta’ dan il-protokoll, ikun biżżejjed li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tintalab minn Stat Membru bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017, mingħajr ma jkun neċessarju li l-votazzjoni tal-abbozz tal-att inkwistjoni sseħħ ukoll bejn dawn id-dati.

59

B’dan il-mod, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali ma kisritx l-Artikolu 16(5) TUE.

60

Din id-dispożizzjoni tirreferi, fir-rigward, b’mod partikolari, tad-definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata applikabbli bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017, għall-Protokoll Nru 36. Issa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ dan il-protokoll jirriżulta li kull membru tal-Kunsill seta’, matul dan il-perijodu kollu u għalhekk sal‑31 ta’ Marzu 2017 inkluż, jitlob l-applikazzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata kif iddefinita fl-Artikolu 3(3) tal-imsemmi protokoll.

61

Xejn fil-kliem tal-Artikolu 16(5) TUE, u lanqas f’dak tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36, ma jeskludi li vot b’maġġoranza kkwalifikata kif iddefinit f’dan l-Artikolu 3(3) jista’ jseħħ wara l‑31 ta’ Marzu 2017, sakemm tkun tressqet talba f’dan is-sens bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-iffissar tad-data ta’ tali vot ma jaqax, fil-parti l-kbira tiegħu, taħt il-kontroll tal-membri tal-Kunsill ikkunsidrati individwalment.

62

Ċertament, kif osservat il-Kummissjoni, huwa importanti li l-Artikolu 16(5) TUE u l-Protokoll li għalih jirreferi jiġu applikati b’mod li josserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ ċertezza legali, u li jiżgura, permezz ta’ interpretazzjoni stretta tas-sistema tranżitorja stabbilita mill-Artikolu 3(2) ta’ dan il-protokoll, li l-applikabbiltà ta’ dawn ir-regoli ma tiġix estiża lil hinn mill-perijodu mill‑1 ta’ Novembru 2014 sal‑31 ta’ Marzu 2017.

63

Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-portata mogħtija mill-Qorti Ġenerali lil dawn id-dispożizzjonijiet hija konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti.

64

Fir-rigward, minn naħa, tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, għandu jitfakkar li dan jeżiġi li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 223 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-portata tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 tiċċara din id-dispożizzjoni b’mod li tiżgura l-prevedibbiltà tal-modalitajiet ta’ votazzjoni applikabbli. Fil-fatt, skont din l-evalwazzjoni, meta talba skont dan l-Artikolu 3(2) titressaq bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017, il-persuni kkonċernati kollha kienu f’pożizzjoni li jkunu jafu, sa mit-tressiq ta’ din it-talba, il-modalitajiet ta’ votazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni twassal sabiex l-imsemmi Artikolu 3(2) jitlef parti mill-effett utli tiegħu sa fejn, anki talba mressqa matul il-perijodu msemmi f’din id-dispożizzjoni ma tiggarantixxix li vot fi ħdan il-Kumitat jiġi organizzat skont ir-regoli tat-Trattat ta’ Nice. Konsegwentement, il-persuni kkonċernati ma jkunux f’pożizzjoni li jkunu jafu l-modalitajiet ta’ votazzjoni applikabbli sakemm tiġi ffissata data ta’ vot mill-Presidenza tal-Kumitat, u dan jissottometti, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għar-rieda diskrezzjonali ta’ din il-presidenza.

66

Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma għandhiex l-effett li testendi b’mod indefinit il-perijodu tranżitorju mill‑1 ta’ Novembru 2014 sal‑31 ta’ Marzu 2017, previst fl-Artikolu 16(5) TUE u fl-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36. Fil-fatt, skont din l-evalwazzjoni, huma biss it-talbiet imressqa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2017 u li jirrigwardaw abbozz ta’ att tal-Unjoni diġà propost iżda li għadu ma ġiex approvat, li setgħu jagħtu lok għall-applikazzjoni tar-regoli tal-vot iddefiniti fl-Artikolu 3(3) ta’ dan il-protokoll. Il-possibbiltà li l-vot fuq tali abbozz ta’ att jista’ jseħħ wara l‑31 ta’ Marzu 2017 huwa inerenti għas-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi protokoll, li hija bbażata fuq id-data tat-tressiq tat-talba għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tal-vot u mhux fuq id-data li fiha jseħħ dan il-vot. B’hekk jirriżulta li l-Qorti Ġenerali segwiet interpretazzjoni stretta ta’ din is-sistema tranżitorja, billi interpretat b’mod fidil il-kliem tal-Protokoll Nru 36, li għalih jirreferi l-Artikolu 16(5) TUE. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li pprorogat it-tul tal-imsemmija sistema lil hinn minn dak li jirriżulta intrinsikament minn dak li ġie stabbilit, mill-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona, f’dan il-protokoll.

67

Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 58 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati bl-argument tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi tal-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li la avveniment sussegwenti kemm għall-adozzjoni u għad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Nru 36 kif ukoll għall-vot li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas il-konsegwenzi prattiċi ta’ dan l-irtirar ma jikkostitwixxu ċirkustanzi rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll.

68

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36, adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 42, 56 u 57 tas-sentenza appellata, ma tiksirx l-Artikolu 16(5) TUE.

69

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku

L-argumenti tal-partijiet

70

Il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 42, 56 u 57 tas-sentenza appellata tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 16(4) TUE.

71

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi regola ġenerali, jiġifieri d-definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata applikabbli mill‑1 ta’ Novembru 2014, u li huwa biss fil-każijiet imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(4) li japplikaw, b’deroga minn din ir-regola ġenerali, minn din id-data, il-“modalitajiet l-oħra” stabbiliti fl-Artikolu 238(2) TFUE. Fil-fehma tagħha, id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Protokoll Nru 36 huma applikabbli sal‑31 ta’ Marzu 2017. Kieku kien mod ieħor, l-imsemmi Artikolu 16(4) kien espliċitament jikkwalifika dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji bħala “modalitajiet oħra”.

72

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll Nru 36, l-Artikolu 16(4) TUE daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Novembru 2014. Barra minn hekk, hija tirrileva li l-Artikolu 3(3) ta’ dan il-protokoll jindika li l-maġġoranza kkwalifikata ddefinita mit-Trattat ta’ Nice tapplika sal‑31 ta’ Ottubru 2014, bla ħsara għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 235(1) TFUE, li jirreferi għall-Artikolu 16(4) TUE. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (3) tal-imsemmi protokoll jirriżulta li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata ddefinita fl-Artikolu 16(4) TUE wara l‑1 ta’ Novembru 2014, abbażi tal-Artikolu 3(2) tal-istess protokoll, ma jistax jippreġudika l-effett utli ta’ dan l-Artikolu 16(4). Issa, il-Kummissjoni tqis li l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 3(2), adottata mill-Qorti Ġenerali tikser l-Artikolu 16(4) TUE sa fejn għandha l-effett li testendi l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36 anki wara l‑31 ta’ Marzu 2017.

73

Il-Kummissjoni ssostni li interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u (3) tal-Protokoll Nru 36 li tippermetti l-applikazzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata ddefinita mit-Trattat ta’ Nice wara l‑31 ta’ Marzu 2017 tippreġudika wkoll l-effett utli tal-Artikolu 16(4) TUE sa fejn din tmur kontra l-għanijiet ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

74

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-għan tal-Artikolu 16(4) TUE kien li jistabbilixxi sistema ġdida ta’ votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata mill-Kunsill, li teħtieġ il-kisba tal-maġġoranza tal-Istati Membri u tal-popolazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, hija tqis li s-sistema ta’ maġġoranza kkwalifikata prevista mit-Trattat ta’ Nice kienet ħafna iktar kumplessa u inqas demokratika, b’tali mod li, billi introduċiet kriterju li jieħu direttament inkunsiderazzjoni l-popolazzjoni tal-Istati Membri, id-definizzjoni l-ġdida tal-maġġoranza kkwalifikata stabbilita fl-Artikolu 16(4) TUE kellha l-effett li żżid il-leġittimità demokratika tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill. Il-Kummissjoni ssostni li din id-definizzjoni l-ġdida ppermettiet li jintlaħaq l-għan tal-Unjoni li jikkonsisti f’li jiġi bbażat il-funzjonament tagħha fuq id-demokrazija rappreżentattiva.

75

Il-Kummissjoni tqis li l-limitazzjoni tal-effettività tal-Artikolu 16(4) TUE twassal għal restrizzjoni tal-prinċipju ta’ demokrazija, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jinsab fost il-valuri fundamentali li fuqhom tistrieħ l-Unjoni. Issa, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali oġġezzjonat għal dan l-għan l-interess partikolari ta’ Stat Membru wieħed biss li jibbenefika, wara l‑31 ta’ Marzu 2017, wara talba fformulata fit‑30 ta’ Marzu 2017, minn maġġoranza kkwalifikata li hija iktar favorevoli għalih, ibbażata fuq voti ponderati li ma jirriflettux ir-rappreżentazzjoni demokratika taċ-ċittadini tal-Unjoni.

76

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-għan speċifiku tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 16(5) TUE u tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 ma kienx li jinżammu r-regoli dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona matul perijodu prattikament indeterminat, iżda li ddewwem, sal‑31 ta’ Marzu 2017, l-applikazzjoni sħiħa ta’ dawk dwar id-definizzjoni l-ġdida ta’ din il-maġġoranza, stabbiliti fl-Artikolu 16(4) TUE, sabiex jiġi protett l-interess tal-Istati Membri li l-piż relattiv tiegħu waqt il-voti tnaqqas permezz tar-regoli tat-Trattat ta’ Lisbona.

77

Il-Kummissjoni tqis li t-tliet perijodi msemmija fil-punt 45 tas-sentenza appellata jaqgħu wkoll f’tali loġika ta’ applikazzjoni differita ta’ dawn ir-regoli dwar id-definizzjoni ġenerali l-ġdida tal-maġġoranza kkwalifikata li tinsab fl-Artikolu 16(4) TUE, fejn l-ewwel perijodu huwa kkaratterizzat minn inapplikabbiltà totali ta’ dawn ir-regoli, it-tieni perijodu b’applikabbiltà tagħhom bla ħsara għall-possibbiltà li ssir deroga minnhom fil-każ ta’ talba minn qabel ta’ Stat Membru, u t-tielet perijodu, li, b’differenza mill-ewwel żewġ perijodi, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “tranżitorju”, b’applikabbiltà awtomatika, sistematika u mingħajr eċċezzjoni tal-imsemmija regoli.

78

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 42, 56 u 57 tas-sentenza appellata tfixkel dawn it-tliet perijodi billi tintroduċi, de facto, wara l‑31 ta’ Marzu 2017, it-tielet perijodu tranżitorju ta’ tul indeterminat. Din l-istituzzjoni tikkonkludi li, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 16(4) TUE, li kien jikkonsisti f’li tiġi stabbilita definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata bħala regola ġenerali, kull interpretazzjoni restrittiva tal-portata ratione temporis ta’ din ir-regola, bħal dik adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 40 u 41 tas-sentenza appellata, għandha titqies li tikkostitwixxi limitazzjoni tal-effett utli sħiħ tagħha.

79

Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80

Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36, adottata mill-Qorti Ġenerali tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 16(4) TUE, sa fejn dan l-argument huwa bbażat fuq it-teżi, miċħuda fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tal-Kummissjoni, li din l-interpretazzjoni għandha l-effett li tipproroga l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36 wara l‑31 ta’ Marzu 2017.

81

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni dwar il-prinċipju ta’ demokrazija, huwa minnu li, skont l-Artikolu 10(1) TUE, il-funzjonament tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva, li jikkonkretizza l-valur tad-demokrazija msemmi fl-Artikolu 2 TUE (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 63 u 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-argument tal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-Artikolu 16(4) TUE għal-leġittimità demokratika tal-atti tal-Unjoni ma għandu, fih innifsu, ebda rilevanza għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36. L-adozzjoni ta’ dan il-protokoll tirrifletti l-intenzjoni espressa b’mod ċar mir-redatturi tat-Trattat ta’ Lisbona li jiżguraw tranżizzjoni flessibbli lejn ir-regoli dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata stabbiliti f’dan l-Artikolu 16(4). Il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-portata ta’ dan l-Artikolu 3(2) kisret il-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva minkejja li, permezz ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali żgurat, permezz ta’ interpretazzjoni stretta tar-regoli tranżitorji u konformement mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li kull membru tal-Kunsill kellu d-dritt li jintroduċi, matul il-perijodu kollu mill‑1 ta’ Novembru 2014 sal‑31 ta’ Marzu 2017, it-talba msemmija fl-imsemmi Artikolu 3(2).

83

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36, adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 42, 56 u 57 tas-sentenza appellata, ma tiksirx l-Artikolu 16(4) TUE.

84

Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala li hija infondata.

85

Peress li ż-żewġ partijiet tal-aggravju uniku ġew miċħuda bħala li huma infondati, hemm lok li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

86

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

87

F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja, kif mitlub. minn dan l-Istat Membru.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Augša