EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0078

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ Marzu 2023.
AS "PrivatBank" et vs Finanšu un kapitāla tirgus komisija.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 56 u 63 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Moviment liberu tal-kapital – Miżura nazzjonali li tobbliga lil istituzzjoni ta’ kreditu ttemm ir-relazzjonijiet ta’ negozju jew li ma tibqax tidħol f’tali relazzjonijiet ma’ persuni mhux ċittadini – Restrizzjoni – Artikolu 65(1)(b) TFUE – Ġustifikazzjoni – Direttiva (UE) 2015/849 – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu – Proporzjonalità.
Kawża C-78/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:137

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 56 u 63 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Moviment liberu tal-kapital – Miżura nazzjonali li tobbliga lil istituzzjoni ta’ kreditu ttemm ir-relazzjonijiet ta’ negozju jew li ma tibqax tidħol f’tali relazzjonijiet ma’ persuni mhux ċittadini – Restrizzjoni – Artikolu 65(1)(b) TFUE – Ġustifikazzjoni – Direttiva (UE) 2015/849 – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑78/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Frar 2021, fil-proċedura

AS “PrivatBank”,

A,

B,

Unimain Holdings LTD

vs

Finanšu un kapitāla tirgus komisija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ April 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal AS “PrivatBank”, minn A. Medne, advokāte,

għal A, B u Unimain Holdings LTD, minn J. Loze, K. Loze u L. Mence, advokāti,

għall-Finanšu un kapitāla tirgus komisija, minn J. Pogiļdjakova, L. Skolmeistare u I. Skuja-Ķirķe,

għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča, K. Pommere u I. Romanovska, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Meloncelli, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari, A. Sauka u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Jannar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63(1) u tal-Artikolu 65(1)(b) TFUE, tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal‑24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat [KE] [(artikolu mħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam)] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10), kif ukoll tal-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn AS “PrivatBank”, A u B, kif ukoll Unimain Holdings LTD, minn naħa, u l-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Suq Finanzjarju u tal-Kapital, il-Latvja) (iktar ’il quddiem il-“FKTK”), min-naħa l-oħra, dwar il-legalità ta’ sanzjoni u ta’ miżuri amministrattivi imposti, minn din tal-aħħar, fuq PrivatBan sabiex jipprevjenu r-riskju li din l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun involuta fil-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 88/361

3

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 88/361 jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet segwenti, l-Istati Membri għandhom jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital li jseħħu bejn persuni residenti fi Stati Membri. Biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, movimenti ta’ kapital għandhom jkunu kklassifikati skond in-Nomenklatura fl-Anness I.”

4

L-introduzzjoni tal-Anness I ta’ din id-direttiva tistabbilixxi:

“F’din in-Nomenklatura, movimenti ta’ kapital huma kklassifikati skond in-natura ekonomika tal-beni u l-obbligi li huma jikkonċernaw, iddenominati jew f’munita nazzjonali jew f’kambju esteru.

Il-movimenti ta’ kapital elenkati f’din in-Nomenklatura jiftiehmu li jkopru:

l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għall-iskopijiet ta’ movimenti ta’ kapital: konklużjoni u aġir tat-transazzjoni u trasferimenti relatati. It-transazzjoni ġeneralment hija bejn residenti ta’ Stati Membri differenti għalkemm xi movimenti ta’ kapital jitwettqu minn persuna waħda għall-akkont tiegħu stess (eż. trasferiment ta’ beni li jappartjenu l-emigranti),

[…]

Din in-Nomenklatura mhix lista eżawrijenti għan-nozzjoni ta’ movimenti ta’ kapital - minħabba f’hekk insibu titolu XIII - F. ‘Movimenti ta’ kapital oħra - Mixellanji’. Għalhekk m’għandhiex tkun interpretata li tirrestrinġi l-iskop tal-prinċipju ta’ liberaliżazzjoni sħIħa ta movimenti ta’ kapital kif hemm riferenza għalih fl-Artikolu 1 tad-Direttiva.”

5

Fost il-movimenti ta’ kapital elenkati f’dan l-Anness I jinsabu, fit-Taqsima VI, l-“operazzjonijiet f’kontijiet kurrenti u depożiti ma’ stituzzjonijiet finanzjarji” u, taħt it-Titolu VIII, is-“self finanzjarju u krediti (mhux inklużi taħt I, VII u XI)”.

6

Fl-aħħar nett, l-imsemmi Anness I jippreċiża, fil-parti tiegħu intitolata “Noti ta’ spjega”, li “[i]stituzzjonijiet finanzjarji” jfissru [n]anek, banek tat-tifdil u istituzzjonijiet li jispeċjalizzaw fid-dispożizzjoni ta’ kreditu ta’ terminu qasir, terminu medju u terminu fit-tul, u kumpanji ta’ l-assigurazzjoni, soċjetajiet tal-bini, kumpaniji ta’ investiment u istituzzjonijiet oħra ta’ karattru simili”, kif ukoll “istituzzjonijiet ta’ kreditu” jfissru “[b]anek, banek tat-tifdil u stituzzjonijiet li jispeċjalizzaw fid-dispożizzjoni ta’ kreditu ta’ terminu qasir, terminu medju u terminu fit-tul”.

Id‑Direttiva 2015/849

7

Il-premessa 1 tad-Direttiva 2015/849 tipprevedi:

“Il-flussi ta’ flus illeċiti jistgħu jagħmlu ħsara lill-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju, u jheddu s-suq intern tal-Unjoni kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali. Il-ħasil ta’ flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata jibqgħu problemi sinifikanti li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni [Ewropea]. Minbarra l-iżvilupp ulterjuri tal-applikazzjoni tal-liġi kriminali fil-livell tal-Unjoni, il-prevenzjoni mmirata u proporzjonata tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija indispensabbli u tista’ tipproduċi riżultati komplementari.”

8

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu projbiti.”

9

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva sabiex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tal-liġi tal-Unjoni.”

10

L-Artikolu 8(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849 huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jieħdu l-passi xierqa biex jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tagħhom filwaqt li jieħdu kont ta’ fatturi ta’ riskju, inklużi dawk relattivi għall-klijenti, pajjiżi jew żoni ġeografiċi, prodotti, [s]ervizzi, transazzjonijiet jew kanali ta’ distribuzzjoni tagħhom. Dawk il-passi għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs tal-entitajiet marbutin b’obbligu.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom stabbiliti politiki, kontrolli u proċeduri biex jimmitigaw u jiġġestixxu b’mod effettiv ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu identifikati fil-livell tal-Unjoni, il-livell tal-Istati Membri, u l-livell tal-entitajiet marbutin b’obbligu. Dawk il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs ta’ dawk l-entitajiet marbutin b’obbligu.”

11

L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

b)

meta jwettqu transazzjoni okkażjonali li:

i)

tammonta għal EUR 15000 jew iżjed, kemm jekk dik it-transazzjoni ssir f’operazzjoni waħda kif ukoll jekk issir f’diversi operazzjonijiet li jidhru li huma marbuta ma xulxin; jew

[…]”

12

L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Il-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti għandhom jinkludu:

a)

identifikazzjoni tal-klijent u l-verifika tal-identità tal-klijent […];

[…]

c)

il-valutazzjoni u, kif xieraq, il-kisba ta’ informazzjoni fuq l-għan u l-għan maħsub tar-relazzjoni ta’ negozju;

d)

it-twettiq ta’ monitoraġġ kontinwa tar-relazzjoni ta’ negozju inkluż skrutinju tat-transazzjonijiet matul il-kors ta’ dik ir-relazzjoni sabiex ikun żgurat li t-transazzjonijiet li jkunu qegħdin jitwettqu jkunu konsistenti mal-għarfien tal-entità marbuta b’obbligu tal-klijent, in-negozju u l-profil tar-riskju, inkluż fejn ikun neċessarju tas-sors tal-fondi u jiġi żgurat li d-dokumenti, id-data jew l-informazzjoni miżmuma jinżammu dejjem aġġornati.

[…]”

13

L-Artikolu 59(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan l-Artikolu japplika tal-inqas għall-ksur min-naħa tal-entitajiet marbutin b’obbligu li huwa serju, ripetut, sistematiku, jew kombinament ta’ dawn, tar-rekwiżiti stipulati fi:

a)

l-Artikoli 10 sa 24 (diliġenza dovuta tal-klijenti);

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-sanzjonijiet u l-miżuri li jistgħu jiġu applikati jinkludu mill-inqas dan li ġej:

[…]

c)

fejn entità marbuta b’obbligu tiġi soġġetta għal awtorizzazzjoni, irtirar jew sospensjoni tal-awtorizzazzjoni;

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti li jimponu tipi addizzjonali ta’ sanzjonijiet amministrattivi barra dawk imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2 jew li jimponu sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi li jaqbżu l-ammonti msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 2 u fil-paragrafu 3.”

Id‑dritt Latvjan

14

In-Noziedzīgi iegūtu līdzekļu legalizācijas un terorisma un proliferācijas finansēšanas novēršanas likums (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus kif ukoll il-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni), tas‑17 ta’ Lulju 2008 (Latvijas Vēstnesis, 2008, Nru 116, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Prevenzjoni”), ġiet emendata sabiex, b’mod partikolari, tittrasponi d-Direttiva 2015/849 fl-ordinament ġuridiku Latvjan.

15

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-punt 13 tal-Artikolu 5(6), u l-punt 3 tal-Artikolu 7(1) tal-Finanšu un kapitāla tirgus komisijas likums (il-Liġi dwar il-Kummissjoni tas-Suq Finanzjarju u tal-Kapital), tal‑1 ta’ Ġunju 2000 (Latvijas Vēstnesis, 2000, Nru 230/232), il-punt 1 tal-Artikolu 45(1) tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni, kif ukoll l-Artikolu 99a u l-punt 4 tal-Artikolu 113(1) tal-Kreīestāu (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu), tal‑5 ta’ Ottubru 1995 (Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 163), kif fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti, li jipprevedu, essenzjalment, il-FKTK tivverifika u tikkontrolla l-konformità mar-rekwiżiti tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni dwar il-Prevenzjoni mill-operaturi tas-swieq kapitali u tal-kapital u li din l-awtorità għandha s-setgħa li timponi restrizzjonijiet fuq id-drittijiet u l-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, inkluża s-sospensjoni totali jew parzjali tal-provvista ta’ servizzi finanzjarji u r-restrizzjoni fuq it-twettiq tal-obbligi.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

PrivatBank huwa istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Latvja, li tagħha A u B, ċittadini Ċiprijotti, kif ukoll Unimain Holdings, kumpannija stabbilita f’Ċipru, huma l-azzjonisti. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn l-azzjonisti huma wkoll klijenti ta’ PrivatBank.

17

Il-FKTK wettqet spezzjoni tal-attivitajiet ta’ PrivatBank sabiex tivverifika jekk din l-istituzzjoni ta’ kreditu kinitx tikkonforma mar-rekwiżiti regolatorji fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu u, b’mod partikolari, jekk hija kinitx teżerċita d-dmir tagħha ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti tagħha li għandhom rabta mal-azzjonisti tagħha u kienet tissorvelja t-tranżazzjonijiet tagħhom.

18

Matul din l-ispezzjoni, il-FKTK ikkonstatat li PrivatBank kien jikser ċerti rekwiżiti fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, previsti, b’mod partikolari, mil-Liġi dwar il-Prevenzjoni. Fil-fatt, skont il-FKTK, is-sistema ta’ kontroll intern ta’ PrivatBank dwar il-viġilanza fir-rigward tal-klijenti u s-sorveljanza tat-tranżazzjonijiet ma kinitx tippermetti li jiġi ggarantit li din l-istituzzjoni ta’ kreditu tiżgura ġestjoni effikaċi tar-riskji fil-qasam. B’mod partikolari, PrivatBank ħolqot kundizzjonijiet iktar favorevoli għal parti mill-klijenti, li l-benefiċjarji effettivi tagħhom huma l-azzjonisti tagħha, fir-rigward tas-sorveljanza tat-tranżazzjonijiet tal-klijenti eżistenti kif ukoll tar-reġistrazzjoni ta’ klijenti ġodda.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Settembru 2019, il-FKTK imponiet multa fuq PrivatBank u barra minn hekk issuġġettatha, b’mod partikolari, għal miżura amministrattiva li tikkonsisti, fl-istennija tal-implementazzjoni ta’ ċerti miżuri previsti minn din id-deċiżjoni u ta’ awtorizzazzjoni mill-FKTK f’dan ir-rigward, fil-projbizzjoni, sa mill-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, li tidħol f’relazzjonijiet ta’ negozju, kif ukoll fl-obbligu li jitterminaw immedjatament ir-relazzjonijiet ta’ negozju konklużi wara l-adozzjoni tal-istess deċiżjoni, ma’:

il-persuni fiżiċi li ma għandhom ebda rabta mar-Repubblika tal-Latvja u li l-movimenti ta’ kreditu mensili tagħhom jaqbżu l-EUR 15000;

il-persuni ġuridiċi li l-attività ekonomika tagħhom ma hijiex marbuta mar-Repubblika tal-Latvja u li l-movimenti ta’ kreditu mensili tagħhom jaqbżu l-EUR 50000;

il-persuni ġuridiċi li l-benefiċjarji effettivi tagħhom huma l-azzjonisti ta’ PrivatBank u l-persuni li għandhom rabta ma’ dawn tal-aħħar.

20

Barra minn hekk, PrivatBank kellu l-obbligu li jiżgura li l-movimenti ta’ kreditu mensili kemm tal-klijenti li l-benefiċjarji effettivi tagħhom huma l-azzjonisti ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu jew tal-persuni marbuta ma’ dawn tal-aħħar kif ukoll persuni li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ klijenti marbuta mal-klijenti ċċitati iktar ’il fuq ma jaqbżux, skont id-data pprovduta mill-imsemmija istituzzjoni ta’ kreditu, l-ammont medju tal-movimenti ta’ kreditu mensili tal-klijent ikkonċernat għall‑2019.

21

PrivatBank mar quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), il-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑13 ta’ Settembru 2019 sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna l-konstatazzjoni tal-ksur u l-kundanna għall-multa. Min-naħa tagħhom, A, B u Unimain Holdings ippreżentaw rikors quddiem din il-qorti intiż għall-annullament tal-miżura amministrattiva prevista minn din l-istess deċiżjoni.

22

Fir-rikors tagħhom, A, B u Unimain Holdings isostnu li l-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikser l-Artikoli 18 u 63 TFUE. Huma jenfasizzaw li r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital li jirriżultaw minn din il-miżura la huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ attivitajiet illegali u lanqas huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus fis-seħħ fi ħdan l-Unjoni. Dawn ir-restrizzjonijiet ġew imposti fir-rigward ta’ kull persuna fiżika u ġuridika, anki jekk dawn aġixxew legalment, u jipproduċu effetti fir-rigward tagħhom. Barra minn hekk, billi timponi fuq PrivatBank l-obbligu li tikkoopera unikament maċ-ċittadini Latvjani u l-kumpanniji kummerċjali stabbiliti fil-Latvja, il-FKTK ġegħlitha tikkunsidra awtomatikament il-persuni l-oħra kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-Istati Membri u l-impriżi stabbiliti fl-Unjoni, bħala potenzjalment ta’ riskju għoli u li jippreżentaw perikolu.

23

Bħala difiża, il-FKTK issostni li l-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies bħala restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, peress li din tapplika biss għal istituzzjoni ta’ kreditu b’mod partikolari, f’dan il-każ PrivatBank, u tikkonċerna biss kategorija limitata ta’ klijenti. B’hekk, dawn il-klijenti jistgħu jiddepożitaw fondi f’kull istituzzjoni ta’ kreditu oħra awtorizzata fil-Latvja. L-għan ta’ din il-miżura amministrattiva tkun, b’mod partikolari, li jitwaqqfu l-ksur imwettaq minn PrivatBank u li tipprekludi kull ksur futur eventwali fil-qasam tal-ħasil tal-flus. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija miżura amministrattiva tikkostitwixxi restrizzjoni ġġustifikata u proporzjonata, fis-sens tal-Artikolu 65(1)(b) TFUE.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Is-self u krediti finanzjarji kif ukoll it-tranżazzjonijiet ta’ kontijiet kurrenti u depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji (inklużi l-banek) elenkati fl-Anness I għad-Direttiva [88/361] għandhom jitqiesu wkoll bħala movimenti ta kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE?

2)

Restrizzjoni (li ma tirriżultax direttament mil-leġiżazzzjoni nazzjonali) imposta mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru fuq istituzzjoni ta’ kreditu partikolari li ma tħallihiex tidħol f’relazzjonijiet ta’ negozju u tobbligaha ttemm ir-relazzjonijiet ta’ negozju eżistenti ma’ persuni li ma humiex ċittadini tar-Repubblika tal-Latvja tikkostitwixxu miżura ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE li, b’dan il-mod, tippreġudika l-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tipproteġi?

3)

Ir-restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital fit-tifsira tal-Artikolu 63(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tista’ tkun iġġustifikata sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi evitat l-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-ħasil ta’ flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva [2015/849]?

4)

Il-mezz magħżul mill-Istat Membru – l-obbligu impost fuq istituzzjoni ta’ kreditu partikolari sabiex ma tidħolx f’relazzjonijiet ta’ negozju ma’ persuni li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru partikolari (ir-Repubblika tal-Latvja) u sabiex ittemm dawn ir-relazzjonijiet – huwa adattat għall-kisba tal-għan stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva [2015/849] u għalhekk jikkostitwixxi eċċezzjoni skont l-Artikolu 65(1)(b) [TFUE]?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-self u l-krediti finanzjarji kif ukoll it-tranżazzjonijiet fil-kontijiet kurrenti u tad-depożiti fl-istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jikkostitwixxux moviment tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE.

26

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Finanzamt VT (Suċċessjonijiet - Tnaqqis parzjali u tnaqqis tal-ishma rriżervati), C‑394/20, EU:C:2021:1044, punt 28).

27

Fl-assenza, fit-Trattat FUE, ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital”, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet valur indikattiv lin-nomenklatura tal-movimenti ta’ kapital li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 88/361 sabiex tiddefinixxi dan il-kunċett, peress li, konformement ma’ dak li tfakkar fl-introduzzjoni ta’ dan l-anness, din in-nomenklatura ma hijiex ta’ natura eżawrjenti (sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2017, X, C‑317/15, EU:C:2017:119, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Settembru 2020, Romenergo u Aris Capiutal, C‑339/19, EU:C:2020:709, punt 32).

28

Issa, dan l-Anness I jsemmi, fit-Taqsima VI tiegħu, “[o]perazzjonijiet f’kontijiet kurrenti u depożiti ma’ stituzzjonijiet finanzjarji”, kif ukoll, fit-Titolu VIII tiegħu, is-“self u krediti finanzjarji”. Barra minn hekk, dan l-istess anness, fil-parti tiegħu intitolata “Noti ta’ spjegazzjoni”, jippreċiża li l-kliem “istituzzjonijiet finanzjarji” jindikaw, b’mod partikolari, il-banek.

29

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li attività ta’ għoti ta’ krediti taħt titolu professjonali tirrigwarda wkoll il-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C‑452/04, EU:C:2006:631, punt 43, kif ukoll tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević, C‑630/17, EU:C:2019:123, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li s-self u l-krediti finanzjarji kif ukoll it-tranżazzjonijiet f’kontijiet kurrenti u depożiti fl-istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jikkostitwixxu movimenti tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE.

Fuq it‑tieni domanda

Osservazzjonijiet preliminari

31

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk miżura amministrattiva li permezz tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti timponi fuq istituzzjoni ta’ kreditu, minn naħa, il-projbizzjoni li tidħol f’relazzjonijiet ta’ negozju ma’ persuni li ma humiex ċittadini Latvjani u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li ttemm ir-relazzjonijiet ta’ negozju eżistenti ma’ tali persuni, tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE.

32

Issa, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fl‑10 ta’ Marzu 2022, b’risposta għal talba għal kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-identifikazzjoni tal-persuni li magħhom PrivatBank ma tistax tidħol fi jew iżżomm relazzjonijiet ta’ negozju skont il-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata, minn naħa, fuq il-kriterju tar-rabta li għandhom persuni fiżiċi jew ġuridiċi mal-Latvja u, min-naħa l-oħra, fuq dak tal-ammont mensili tal-movimenti ta’ kreditu. Għaldaqstant, din il-miżura ma taffettwax neċessarjament biss ir-relazzjonijiet bejn din l-istituzzjoni ta’ kreditu u l-persuni fiżiċi li ma għandhomx in-nazzjonalità Latvjana.

33

Fit-tieni lok, fil-kuntest ta’ din l-istess tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk miżura li ma tirriżultax direttament mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda li ġiet imposta minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, bħall-FKTK, tikkostitwixxix “miżura ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE li, b’dan il-mod, tippreġudika l-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri”.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ tali miżura amministrattiva mad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura superjuri. Min-naħa l-oħra, kif issostni l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 63(1) TFUE huwa intiż sabiex ineħħi, b’mod partikolari, ostakoli amministrattivi li jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Trapeza tis Ellados, C‑329/03, EU:C:2005:645, punt u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, miżura amministrattiva li tinsab f’deċiżjoni prudenzjali, adottata minn awtorità pubblika bħall-FKTK, tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

35

Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti li għamlet id-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma sarx riferiment għalihom mill-qorti nazzjonali fid-domanda tagħha (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Jyske Bank Gibraltar, LG u MH (Awtoroċiklaġġ), C‑790/19, EU:C:2021:661, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

F’dan il-każ, il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan u dak Latvjan kif ukoll il-Kummissjoni sostnew, fl-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħhom, li l-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħet tiġi analizzata mhux biss fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital, previst fl-Artikolu 63(1) TFUE, iżda wkoll tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantita fl-Artikolu 56 TFUE.

37

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tikkonsisti fl-għoti ta’ krediti tikkostitwixxi servizz fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević, C‑630/17, EU:C:2019:123, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

B’hekk, u meta tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, operazzjonijiet ta’ għoti ta’ krediti taħt titolu professjonali huma relatati, bħala prinċipju, kemm mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 56 TFUE et seq. kif ukoll mal-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE et seq. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević, C‑630/17, EU:C:2019:123, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Meta miżura nazzjonali tirrigwarda kemm il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi eżaminat sa fejn tali miżura jkollha effett fuq l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fundamentali, u jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, waħda minnhom tipprevalixxix fuq l-oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, teżamina l-miżura inkwistjoni fir-rigward ta’ waħda biss miż-żewġ libertajiet jekk jirriżulta li, fil-kawża inkwistjoni, waħda minnhom hija kompletament sekondarja għall-oħra u tista’ tingħaqad magħha (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević, C‑630/17, EU:C:2019:123, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, jidher li, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 44 u 45 tal-konklużjonijiet tagħha, il-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna kemm l-użu tas-servizzi finanzjarji ta’ PrivatBank kif ukoll il-fluss tal-moviment tal-kapital bħala tali.

41

Fil-fatt, l-ewwel, din il-miżura amministrattiva, billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq il-kriterju tal-ammont mensili tal-movimenti ta’ kreditu, taffettwa direttament il-movimenti ta’ kapital, kemm jekk il-klijent ikkonċernat jirrikorri jew le għal servizzi ta’ konsulenza mogħtija minn PrivatBank. It-tieni, miżura amministrattiva li tipprojbixxi li jkunu stabbiliti relazzjonijiet ta’ negozju u tobbligaha li ttemm ir-relazzjonijiet tan-negozju eżistenti ma’ ċerti klijenti taffettwa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tiġi fformulata mill-ġdid it-tieni domanda magħmula fis-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u l-Artikolu 63(1) TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li miżura amministrattiva li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, minn naħa, tipprojbixxi lil istituzzjoni ta’ kreditu milli tidħol f’relazzjonijiet ta’ negozju ma’ kull persuna fiżika jew ġuridika li ma għandhiex rabta mal-Istat Membru li fuqu hija stabbilita din l-istituzzjoni u li fir-rigward tiegħu l-movimenti ta’ kreditu mensili li jaqbżu ċertu ammont kif ukoll, min-naħa l-oħra, timponi fuq l-imsemmija istituzzjoni li ttemm tali relazzjonijiet ta’ negozju meta jkunu ġew stabbiliti wara l-adozzjoni ta’ din il-miżura tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-ewwel minn dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital, fis-sens tat-tieni minn dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni għal‑libertà ta’ stabbiliment u l‑libertà li jiġu pprovduti servizzi

43

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interna fi Stat Membru. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 56 TFUE jirrikjedi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi imposta minħabba li l-fornitur ikun stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak li fih jingħata s-servizz (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank, C‑625/17, EU:C:2018:939, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Dawk il-miżuri nazzjonali li jipprojbixxu, ifixklu jew li jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank, C‑625/17, EU:C:2018:939, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 56 TFUE jagħti drittijiet mhux biss lill-fornitur ta’ servizzi nnifsu, iżda wkoll lid-destinatarju tal-imsemmija servizzi (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Anton van Zantbeek, C‑725/18, EU:C:2020:54, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprekludi li PrivatBank tkun tista’, għal ammonti ogħla minn dawk li hija tipprevedi, toffri ċerti servizzi bankarji relatati, pereżempju, mal-provvista ta’ krediti jew ta’ riċezzjoni ta’ fondi lill-persuni fiżiċi li ma għandhomx rabta mal-Latvja jew lill-persuni ġuridiċi mingħajr attività ekonomika marbuta ma’ dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, din il-miżura tista’ tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interna għar-Repubblika tal-Latvja.

47

Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 43 sa 45 ta’ din is-sentenza, miżura amministrattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi pprojbita, bħala prinċipju, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE.

48

Fit-tieni lok, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “restrizzjoni” li jinsab fl-Artikolu 63 TFUE jkopri, b’mod ġenerali, kull ostakolu għall-moviment tal-kapital li jseħħ kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn Stati Membri u pajjiżi terzi (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ECOTEX BULGARIA, C‑544/19, EU:C:2021:803, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

B’mod partikolari, dan il-kunċett jinkludi l-miżuri tal-Istat li huma ta’ natura diskriminatorja sa fejn dawn jistabbilixxu, direttament jew indirettament, differenza fit-trattament bejn il-moviment nazzjonali ta’ kapital u l-moviment transkonfinali ta’ kapital li ma tikkorrispondix għal differenza oġġettiva ta’ sitwazzjonijiet, u li huma, għaldaqstant, ta’ natura li jiddisswadu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi milli jwettqu moviment transkonfinali ta’ kapital (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva), C-78/18, EU:C:2020:476, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan il-każ, u kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tagħha, il-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lil PrivatBank ittemm ir-relazzjonijiet ta’ negozju tagħha ma’ kull persuna fiżika li ma għandhiex rabta mal-Latvja u ma’ kull persuna ġuridika li l-attività ekonomika tagħha ma għandhiex rabta ma’ dan l-Istat Membru, u tipprojbixxiha milli tidħol f’tali relazzjonijiet, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità.

51

Fil-fatt, minkejja li tali miżura amministrattiva, li sempliċement tipprevedi l-kriterju tar-rabta mal-Latvja, ma tirreferix direttament għan-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, hija madankollu tista’ taffettwa iktar liċ-ċittadini ta’ Stat Membru għajr ir-Repubblika tal-Latvja u l-kumpanniji stabbiliti f’tali Stat Membru, sa fejn dawn għandhom probabbiltà li jkollhom rabta mar-Repubblika tal-Latvja ferm inferjuri għal dik taċ-ċittadini Latvjani jew tal-kumpanniji stabbiliti fil-Latvja.

52

Fit-tielet lok, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Latvjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-fatt li l-klijenti li jistgħu jiġu affettwati mill-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibqgħu liberi li jiftħu kont ma’ kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu oħra awtorizzata fil-Latvja u li jiddepożitaw fondi hemmhekk, peress li din il-miżura tapplika biss għal PrivatBank, jew ukoll il-fatt li din il-miżura tapplika biss b’mod temporanju ma jistgħux iċaħħdu lill-imsemmija miżura n-natura restrittiva tagħha.

53

F’dan ir-rigward, minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki restrizzjoni ta’ portata limitata jew ta’ importanza minuri għal libertà fundamentali hija, bħala prinċipju, ipprojbita mit-Trattat FUE (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Admiral Gaming Network et, C‑475/20 sa C‑482/20, EU:C:2022:71, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Min-naħa l-oħra, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li persuna fiżika jew ġuridika tista’ tiddeċiedi liberament ma’ liema istituzzjoni ta’ kreditu hija tixtieq tidħol f’relazzjoni ta’ negozju sabiex, pereżempju, tibbenefika minn kundizzjonijiet jew prodotti speċifiċi jaqa’ taħt l-essenza stess tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-moviment liberu tal-kapital.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u l-Artikolu 63(1) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li miżura amministrattiva li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, minn naħa, tipprojbixxi lil istituzzjoni ta’ kreditu milli tidħol f’relazzjonijiet ta’ negozju ma’ kull persuna fiżika jew ġuridika li ma għandhiex rabta mal-Istat Membru li fuqu hija stabbilita din l-istituzzjoni u li l-movimenti ta’ kreditu mensili tagħha jeċċedu ċertu ammont kif ukoll, min-naħa l-oħra, timponi fuq l-imsemmija istituzzjoni li ttemm tali relazzjonijiet ta’ negozju meta jkunu ġew stabbiliti wara l-adozzjoni ta’ din il-miżura tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll restrizzjoni fuq il-movimenti ta’ kapital, fis-sens tat-tieni tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda

56

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għall-moviment liberu tal-kapital imposta minn miżura amministrattiva, li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, minn naħa, tipprojbixxi lil istituzzjoni ta’ kreditu milli tidħol f’relazzjonijiet ta’ negozju ma’ kull persuna fiżika li ma għandhiex rabta mal-Istat Membru li fuqu hija stabbilita din l-istituzzjoni u li l-movimenti mensili tagħhom jaqbżu l-EUR 15000, jew ma’ kull persuna ġuridika li ma għandhiex rabta oħra mal-Istat Membru li fih hija stabbilita din l-istituzzjoni u li l-movimenti mensili tagħha jaqbżu l-EUR 5000, kif ukoll, min-naħa l-oħra, jimponu fuq l-imsemmija istituzzjoni li ttemm tali relazzjonijiet ta’ negozju meta ġew stabbiliti wara l-adozzjoni ta’ din il-miżura, tista’ tiġi ġġustifikata mill-għan li jiġi evitat il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, stipulati fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2015/849, u jekk, fejn ikun il-każ, din il-miżura hijiex koperta mill-Artikolu 65(1)(b) TFUE.

Fuq l‑eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

57

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-moviment liberu tal-kapital jista’ jiġi llimitat minn leġiżlazzjoni nazzjonali biss jekk din tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 65 TFUE jew minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm ma tkunx teżisti miżura ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni li tiżgura l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ECOTEX BULGARIA, C‑544/19, EU:C:2021:803, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata sabiex, l-ewwel, ittemm il-ksur tal-liġijiet u tar-regolamenti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, imwettaq minn PrivatBank, u, it-tieni, li tipprekludi fil-futur ir-repetizzjoni minn din l-istess istituzzjoni ta’ kreditu ta’ tali ksur, peress li dan jista’ jkollu bħala konsegwenza mhux biss li PrivatBank stess tkun involuta fil-ħasil tal-flus jew tentattiv ta’ ħasil tal-flus kif ukoll fl-evażjoni tiegħu, jew ukoll l-evitar jew il-ksur ta’ sanzjonijiet internazzjonali, iżda wkoll li, permezz ta’ ksur bħal dan, is-settur finanzjarju nazzjonali kollu kemm hu jkun espost għal riskji sinjifikattivi għar-reputazzjoni tiegħu.

59

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, l-Artikolu 65(1)(b) TFUE jipprevedi li l-Artikolu 63 TFUE ma għandux jippreġudika d-dritt li għandhom l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, b’mod partikolari, sabiex jevitaw il-ksur tal-liġijiet u r-regoli tagħhom, b’mod partikolari fil-qasam tal-kontroll prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji, jew li jittieħdu l-miżuri ġġustifikati minn raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku jew mas-sigurtà pubblika.

60

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex tkun tista’ titqies bħala “miżura meħtieġa”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 65(1)(b) TFUE, il-miżura kkonċernata għandu jkollha l-għan stess li tostakola l-ksur tal-liġijiet u tar-regolamenti fil-qasam tal-kontroll prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2012, VBV – Vorsorgekasse, C‑39/11, EU:C:2012:327, punt 30).

61

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, li hija marbuta mal-għan tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku, tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika ostakolu għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Zheng, C‑190/17, EU:C:2018:357, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, raġunijiet ta’ ordni pubbliku jistgħu jiġu invokati biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, u ma jistgħux, barra minn hekk, jintużaw għal għanijiet purament ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2020, Romenergo u Aris Capital, C‑339/19, EU:C:2020:709, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Fl-aħħar nett, kif diġà ġie osservat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq biss armonizzazzjoni parzjali tal-miżuri intiżi sabiex jiġu miġġielda l-ħasil tal-kapital u l-finanzjament tat-terroriżmu, b’tali mod li l-Istati Membri għad fadlilhom id-dritt li jinvokaw il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex jiġġustifikaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital, bħala raġunijiet marbutin mal-ordni pubbliku (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva), C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 89).

64

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-Direttiva 2015/849 twettaq biss armonizzazzjoni minima, peress li l-Artikolu 5 tagħha jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti, peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jsaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner, C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 46).

65

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 59(4) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti jimponu tipi oħra ta’ sanzjonijiet amministrattivi minbarra dawk imsemmija f’dan l-artikolu jew jimponu sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji li jaqbżu l-ammonti msemmija fl-imsemmi artikolu.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital stabbilita minn miżura amministrattiva, tista’ tiġi ġġustifikata, minn naħa, skont l-Artikolu 65(1)(b) TFUE, meta din il-miżura tkun meħtieġa sabiex jiġu evitati l-ksur tal-liġijiet u r-regoli nazzjonali, b’mod partikolari fil-qasam tal-kontroll prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Min-naħa l-oħra, tali restrizzjoni tista’ wkoll tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa ta’ prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

67

Issa, fid-dawl tal-għanijiet b’hekk imfittxija mill-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imsemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, tali miżura tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

68

F’dan ir-rigward, fit-tieni lok, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, li hija marbuta mal-għan tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku, tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika ostakolu għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Jyske Bank Gibraltar, C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, il-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata kemm mill-għan leġittimu li jikkonsisti fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll abbażi tal-Artikolu 65(1)(b) TFUE peress li din il-miżura amministrattiva ssegwi wieħed mill-għanijiet previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni.

70

Madankollu, huwa wkoll neċessarju li l-imsemmija miżura amministrattiva, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li din tkun xierqa li tiggarantixxi, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan imfittex u li din ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva), C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk, f’dan il-każ, tissodisfax dawn ir-rekwiżiti, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha ġurisdizzjoni, misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li jkunu ppreżentati quddiemha, sabiex tipprovdi lil din b’indikazzjonijiet utli, ta’ natura li jippermettulha tiddeċiedi l-kawża quddiemha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ECOTEX BULGARIA, C‑544/19, EU:C:2021:803, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l‑osservanza tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

72

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura nazzjonali fil-kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għanijiet imfittxija, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat biss jekk tkun effettivament tissodisfa l-ħsieb li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ECOTEX BULGARIA (C‑544/19, EU:C:2021:803, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-każ fejn l-għan ta’ miżura nazzjonali huwa l-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, din il-miżura għandha titqies li hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan preventiv invokat b’dan il-mod meta tgħin sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvios (C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 104).

74

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata, b’mod partikolari, minħabba l-ksur, minn PrivatBank, ta’ ċerti rekwiżiti fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. B’mod iktar preċiż, kif ġie indikat fil-punt 18 ta’ din is-sentenza u kif osservaw il-FKTK u l-Gvern Latvjan waqt is-seduta, is-sistema ta’ kontroll intern ta’ PrivatBank dwar il-viġilanza fir-rigward tal-klijenti u s-sorveljanza tat-tranżazzjonijiet ġiet ikkunsidrata bħala li ma tippermettix li jiġi ggarantit li din l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha sistemi effikaċi ta’ Ġestjoni tar-riskji ta’ ħasil ta’ flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. B’mod partikolari, peress li PrivatBank ma tkunx tista’ tikseb informazzjoni dwar il-klijenti tagħha, ikun impossibbli għaliha li tkun taf lil dawn tal-aħħar u, konsegwentement, li tikkonforma ruħha mal-obbligi ta’ diliġenza li hija għandha.

75

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849, li huma ta’ natura preventiva, huma intiżi li jistabbilixxu, skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju, għadd ta’ miżuri preventivi u dissważivi għall-ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, sabiex jiġi evitat, kif jirriżulta mill-premessa 1 ta’ din id-direttiva, li l-flussi ta’ flus illegali jkunu jistgħu jippreġudikaw l-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni, u jheddu s-suq intern tagħha u kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner, C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitatata).

76

Fost dawn il-miżuri preventivi u dissważivi li jippermettu ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hemm dawk, imsemmija fl-Artikolu 8(1) u (3) u fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2015/849, li jimponu obbligi fuq l-entitajiet obbligati fir-rigward tal-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu marbuta mal-klijenti tagħhom u l-identifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza.

77

L-entitajiet obbligati huma, b’mod partikolari, marbuta li japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti peress li huma identifikaw, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji marbuta ma’ klijent, livell ta’ riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu normali (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner, C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 68).

78

Fir-rigward tal-miżuri ta’ diliġenza stess li l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jimplimentaw, l-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jsemmi numru partikolari ta’ miżuri, li fosthom hemm l-identifikazzjoni tal-klijent u l-verifika tal-identità tiegħu)punt (a)), u, jekk ikun il-każ, il-kisba ta’ informazzjoni dwar l-għan u n-natura maħsuba tar-relazzjoni ta’ negozju (punt (c)), jew ukoll l-eżerċizzju ta’ kontroll kontinwu tar-relazzjoni ta’ negozju, b’mod partikolari billi jiġu eżaminati t-tranżazzjonijiet konklużi tul din ir-relazzjoni, b’mod li jiġi vverifikat li dawn it-tranżazzjonijiet huma konsistenti mal-għarfien li l-entità obbligata għandha dwar il-klijent tagħha, l-attivitajiet ta’ negozju tagħha u l-profil ta’ riskju tiegħu, inkluż, jekk meħtieġ, l-oriġini tal-fondi, u billi jsir aġġornament tad-dokumenti, id-data jew l-informazzjoni miżmuma (punt (d)).

79

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-limitu ta’ movimenti ta’ kreditu mensili ta’ EUR 15000 stabbilit mill-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-persuni fiżiċi, li jikkorrispondi, barra minn hekk, għal-limitu li jagħti lok għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza msemmi fl-Artikolu 11(b)(i) tad-Direttiva 2015/849, jirrigwarda sitwazzjoni li fiha huwa leġittimu li jitqies li jeżisti riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Bl-istess mod, in-natura raġonevoli tal-limitu ta’ movimenti mensili ta’ EUR 50000 għall-persuni ġuridiċi ffissat minn din il-miżura amministrattiva, li, skont il-FKTK, ġiet iddeterminata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma ġietx ikkontestata fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

80

It-tieni, kif tfakkar fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema ta’ kontroll intern ta’ PrivatBank fir-rigward tad-diliġenza fir-rigward tal-klijenti u s-sorveljanza tat-tranżazzjonijiet ġiet ikkunsidrata mill-FKTK bħala li ma tippermettix li jiġi ggarantit li din l-istituzzjoni ta’ kreditu tiżgura ġestjoni effikaċi tar-riskji f’dan il-qasam. Issa, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tiggarantixxi l-għan leġittimu ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni tali nuqqas fis-sistema ta’ ġestjoni tar-riskji ta’ PrivatBank.

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher li l-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn timponi fuq PrivatBank l-obbligu li jtemm ir-relazzjonijiet ta’ negozju tagħha u li ma tidħolx f’tali relazzjonijiet, lil hinn minn ċertu ammont, ma’ kull persuna, fiżika jew ġuridika, li ma għandhiex rabta mal-Latvja, hija xierqa sabiex tiggarantixxi li din l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun tista’ tikkonforma ruħha mal-obbligi ta’ identifikazzjoni imposti fuqha fil-kuntest, minn naħa, tal-evalwazzjoni tar-riskji marbuta mal-klijent u, min-naħa l-oħra, tal-adozzjoni eventwali ta’ miżuri ta’ diliġenza.

82

Konsegwentement, fid-dawl tan-nuqqas tas-sistema ta’ ġestjoni tar-riskji ta’ PrivatBank, kif irrilevat mill-qorti tar-rinviju stess u mhux ikkontestata mill-partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll tar-riskju għal din l-istituzzjoni ta’ kreditu li ma tkunx tista’ tikkonforma ruħha, b’mod partikolari, mal-obbligi tagħha ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti tagħha li ma għandhomx rabta mal-Latvja u li jirreġistraw movimenti ta’ kreditu sinjifikattivi, il-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher xierqa sabiex tnaqqas, b’mod koerenti u sistematiku, ir-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

83

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, in-natura neċessarja tal-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-miżuri li jirrestrinġu libertà fundamentali jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk l-għan imfittex ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 81).

84

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi projbizzjoni li tidħol f’relazzjonijiet ta’ negozju u obbligu li jitwaqqfu r-relazzjonijiet ta’ negozju eżistenti mal-klijenti li ma għandhomx rabtiet mal-Latvja, peress li l-limitu tal-ammonti previsti mill-imsemmija miżura jintlaħaq.

85

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk din il-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies bħala neċessarja, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ rabta mal-Latvja tidher li tista’, fid-dawl tan-natura wiesgħa tagħha, tinkludi wkoll persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, li, skont id-Direttiva 2015/849, ma fihomx riskju partikolari ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

86

F’dan ir-rigward, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet tal-imsemmija istituzzjoni ta’ kreditu li tikseb l-informazzjoni tal-klijenti tagħha, liema diffikultajiet, skont l-osservazzjonijiet tal-FKTK waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ikunu kkonfermati, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk in-nuqqasijiet tal-miżuri ta’ diliġenza jew l-implimentazzjoni tagħhom kinux tali li rrendew neċessarja l-adozzjoni ta’ miżura ta’ natura wiesgħa li tistabbilixxi diskriminazzjoni indiretta.

87

Barra minn hekk, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont l-Artikolu 59(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849, fil-każ ta’ ksur gravi, repetut jew sistematiku tal-obbligi li għandha l-entità obbligata kkonċernata, b’mod partikolari tal-obbligi ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti previsti fl-Artikoli 10 sa 24 tal-imsemmija direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi fuq dawn l-entitajiet.

88

Fost dawn is-sanzjonijiet u dawn il-miżuri hemm, minbarra s-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji, konformement mal-Artikolu 59(2)(c) tad-Direttiva 2015/849, l-irtirar jew is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni meta l-entità obbligata inkwistjoni tkun suġġetta għal tali awtorizzazzjoni.

89

Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 59(4) tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti jimponu tipi oħra ta’ sanzjonijiet amministrattivi differenti minn dawk imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

90

Issa, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tagħha, miżura amministrattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, bħala inqas restrittiva mill-irtirar jew is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 59(2)(ċ) tad-Direttiva 2015/849.

91

Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Gvern Latvjan indika li, fil-passat, obbligi ta’ diliġenza msaħħa, li huma inqas ta’ preġudizzju għal-libertajiet fundamentali minn dawk stabbiliti mill-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienu ġew imposti fuq PrivatBank iżda li dawn il-miżuri ma kinux suffiċjentement effikaċi sabiex jiġu miġġielda r-riskji identifikati.

92

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, il-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija l-miżura amministrattiva l-inqas restrittiva sabiex tipprevjeni b’mod effikaċi r-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li għalih kienet esposta PrivatBank.

93

Fit-tielet lok, għandu jiġi ddeterminat jekk miżura amministrattiva li hija intiża sabiex tipprevjeni u tiġġieled kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tippreġudikax b’mod eċċessiv id-drittijiet u l-interessi protetti konformement mal-Artikoli 56 u 63 TFUE, li minnhom jibbenefikaw l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata u l-klijenti tagħha.

94

F’dan ir-rigward, l-ewwel, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet prevista sabiex tapplika għal perijodu limitat, jiġifieri sakemm jiġu implimentati miżuri oħra previsti fid-deċiżjoni msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza u l-awtorizzazzjoni ta’ din l-implimentazzjoni mill-FKTK. Minn dan isegwi li, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tagħha, PrivatBank kienet hija stess f’pożizzjoni li tinfluwenza t-tneħħija tar-restrizzjonijiet.

95

It-tieni, kif qieset l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tagħha, l-intensità tal-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li hija sproporzjonata fir-rigward tal-għan leġittimu mfittex, jiġifieri l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Fil-fatt, minn naħa, peress li din il-miżura amministrattiva ġiet applikata biss sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, PrivatBank setgħet iżżomm ir-relazzjonijiet ta’ negozju li hija kienet daħlet fihom qabel din l-adozzjoni, inkluż ma’ klijenti li ma għandhomx rabta mal-Latvja u li l-movimenti ta’ kreditu mensili tagħhom kienu ogħla mil-limiti ffissati minn din il-miżura. Min-naħa l-oħra, din l-istituzzjoni ta’ kreditu setgħet tkompli tidħol f’relazzjonijiet ta’ negozju ġodda ma’ persuni li ma kellhom ebda relazzjoni mal-Latvja, sakemm il-movimenti ta’ kreditu mensili tagħhom ikunu inqas minn dawn il-limiti.

96

It-tielet, skont il-FKTK, l-adozzjoni tal-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet neċessarja minħabba ksur sistematiku u repetut, imwettaq minn PrivatBank, tal-liġijiet u tar-regolamenti nazzjonali fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. B’hekk, jidher li PrivatBank innifsu kkontribwixxa, b’mod żbaljat, għal sitwazzjoni ta’ riskju f’dan il-qasam li għaliha l-awtorità nazzjonali kompetenti kellha tirreaġixxi.

97

Ir-raba’, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm il-moviment liberu tal-kapital jimplika li l-klijent jista’ jagħżel liberament l-istituzzjoni ta’ kreditu li lilha jkollu l-intenzjoni jafda, b’mod partikolari, il-ġestjoni tal-kontijiet bankarji tiegħu, din il-libertà fundamentali ma tagħtix, madankollu, id-dritt li tidħol f’relazzjonijiet ta’ negozju ma’ istituzzjoni ta’ kreditu partikolari, irrispettivament miċ-ċirkustanzi konkreti, bħan-nuqqas ta’ osservanza minn din l-istituzzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

98

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, il-miżura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tippreġudika eċċessivament id-drittijiet u l-interessi protetti konformement mal-Artikoli 56 u 63 TFUE, li minnhom jibbenefikaw l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata u l-klijenti tagħha.

99

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 63(1) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux miżura amministrattiva li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, minn naħa, tipprojbixxi lil istituzzjoni ta’ kreditu milli tidħol f’relazzjonijiet kummerċjali ma’ kull persuna fiżika li ma għandhiex rabta mal-Istat Membru li fuqu hija stabbilita din l-istituzzjoni u li l-movimenti ta’ kreditu mensili tagħhom jaqbżu l-EUR 15000, jew ma’ kull persuna ġuridika li l-attività ekonomika tagħha ma għandha l-ebda rabta ma’ dan l-Istat Membru u li l-movimenti ta’ kreditu mensili tagħha jaqbżu l-EUR 50000, kif ukoll, min-naħa l-oħra, timponi fuq l-imsemmija istituzzjoni li ttemm tali relazzjonijiet ta’ negozju meta jkunu ġew stabbiliti wara l-adozzjoni ta’ din il-miżura, sakemm din il-miżura amministrattiva, l-ewwel, tkun iġġustifikata mill-għan li jiġi evitat il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jew bħala miżura essenzjali mmirata lejn in-nuqqas tal-ksur tal-liġijiet u tar-regolamenti nazzjonali dwar il-kontroll prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji jew ukoll bħala miżura ġġustifikata għal raġunijiet relatati mal-ordni pubbliku, imsemmija fl-Artikolu 65(1)(b) TFUE, it-tieni, hija xierqa sabiex tiżgura l-kisba ta’ dawn l-għanijiet, it-tielet, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu u, ir-raba’, ma tiksirx b’mod eċċessiv id-drittijiet u interessi protetti konformement ma’ dawn l-Artikoli 56 u 63 TFUE, li minnhom jibbenefikaw l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata u l-klijenti tagħha.

Fuq l‑ispejjeż

100

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-self u l-krediti finanzjarji kif ukoll it-tranżazzjonijiet f’kontijiet kurrenti u depożiti fl-istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jikkostitwixxu movimenti tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE.

 

2)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u l-Artikolu 63(1) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li miżura amministrattiva li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, minn naħa, tipprojbixxi lil istituzzjoni ta’ kreditu milli tidħol f’relazzjonijiet ta’ negozju ma’ kull persuna fiżika jew ġuridika li ma għandhiex rabta mal-Istat Membru li fuqu hija stabbilita din l-istituzzjoni u li l-movimenti ta’ kreditu mensili tagħha jeċċedu ċertu ammont kif ukoll, min-naħa l-oħra, timponi fuq l-imsemmija istituzzjoni li ttemm tali relazzjonijiet ta’ negozju meta jkunu ġew stabbiliti wara l-adozzjoni ta’ din il-miżura tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll restrizzjoni fuq il-movimenti ta’ kapital, fis-sens tat-tieni tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

 

3)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 63(1) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux miżura amministrattiva li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, minn naħa, tipprojbixxi lil istituzzjoni ta’ kreditu milli tidħol f’relazzjonijiet ta’ negozju ma’ kull persuna fiżika li ma għandhiex rabta mal-Istat Membru li fuqu hija stabbilita din l-istituzzjoni u li l-movimenti mensili tagħhom jaqbżu l-EUR 15000, jew ma’ kull persuna ġuridika li l-attività ekonomika tagħha ma għandha l-ebda rabta ma’ dan l-Istat Membru u li l-movimenti ta’ kreditu mensili tagħha jaqbżu l-EUR 50000, kif ukoll, min-naħa l-oħra, timponi fuq l-imsemmija istituzzjoni li ttemm tali relazzjonijiet ta’ negozju meta jkunu ġew stabbiliti wara l-adozzjoni ta’ din il-miżura, sakemm din il-miżura amministrattiva, l-ewwel, tkun iġġustifikata mill-għan li jiġi evitat il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jew bħala miżura essenzjali mmirata lejn in-nuqqas tal-ksur tal-liġijiet u tar-regolamenti nazzjonali dwar il-kontroll prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji jew ukoll bħala miżura iġġustifikata għal raġunijiet relatati mal-ordni pubbliku, imsemmija fl-Artikolu 65(1)(b) TFUE, it-tieni, hija xierqa sabiex tiżgura l-kisba ta’ dawn l-għanijiet, it-tielet, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu u, ir-raba’, ma tiksirx b’mod eċċessiv id-drittijiet b’mod eċċessiv u interessi protetti konformement ma’ dawn l-Artikoli 56 u 63 TFUE, li minnhom jibbenefikaw l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata u l-klijenti tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Top