Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0832

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-23 ta’ Marzu 2023.
    Beverage City & Lifestyle GmbH et vs Advance Magazine Publishers, Inc.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) 1215/2012 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni speċjali – Il-punt 1 tal-Artikolu 8 – Numru ta’ konvenuti – Talbiet marbuta tant strettament li hemm interess li jiġu ttrattati u ġġudikati fl-istess ħin – Konvenut ta’ ankraġġ – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikoli 122 u 125 – azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea diretta kontra diversi konvenuti ddomiċiljati fi Stati Membri differenti – Ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tad-direttur ta’ kumpannija konvenuta – Ġurisdizzjoni tal-qorti adita fir-rigward tad-diversi konvenuti ddomiċiljati barra l-Istat Membru tal-forum – Kunċett ta’ ‘marbuta tant strettament’ – Kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiva bejn il-fornitur u l-klijent tiegħu.
    Kawża C-832/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:250

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    RICHARD DE LA TOUR

    ippreżentati fit‑23 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

    Kawża C‑832/21

    Beverage City & Lifestyle GmbH,

    MJ,

    Beverage City Polska sp. z o.o.,

    FE

    vs

    Advance Magazine Publishers, Inc.

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni speċjali – Artikolu 8(1) – Numru ta’ konvenuti – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikoli 122 u 125 – Ġurisdizzjoni internazzjonali fil-qasam ta’ kontrafazzjoni u ta’ validità – Azzjoni ta’ ksur ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea diretta kontra diversi konvenuti ddomiċiljati fi Stati Membri differenti – Ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tad-direttur ta’ kumpannija konvenuta – Ġurisdizzjoni tal-qorti adita fir-rigward tad-diversi konvenuti ddomiċiljati barra l-Istat Membru tal-forum – Talbiet marbuta tant strettament li hemm interess li jiġu ttrattati u ġġudikati fl-istess ħin – Kunċett ta’ ‘marbuta tant strettament’ – Relazzjoni bejn il-fornitur u l-klijent tiegħu”

    I. Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 2 ), li għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 122 tar-Regolament (UE) 2017/1001 ( 3 ).

    2.

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, stabbilit fl-Istati Uniti, u distributur u l-fornitur tiegħu ta’ prodotti, iddomiċiljati rispettivament fil-Ġermanja u fil-Polonja, dwar il-kontrafazzjoni allegata minnhom ta’ din it-trade mark.

    3.

    Fil-kuntest partikolari ta’ din l-azzjoni, li hija suġġetta għal kriterji speċifiċi ta’ ġurisdizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tikkompleta l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regola speċjali prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li tippermetti li diversi konvenuti, iddomiċiljati fi Stati Membri differenti, jitħarrku quddiem il-qorti tad-domiċilju ta’ wieħed minnhom biss, filwaqt li t-talbiet imressqa quddiem il-qorti tar-rinviju huma diretti kontra kumpanniji differenti u d-diretturi tagħhom, intimati mhux biss bħala rappreżentanti legali tagħhom, iżda wkoll f’kapaċità personali.

    4.

    Ser insemmi r-raġunijiet għaliex jiena tal-fehma li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, li jemmen li huwa vittma ta’ atti ta’ kontrafazzjoni, jista’ jadixxi qorti waħda li tkun kompetenti biex tiddeċiedi dwar it-talbiet kollha relatati ma’ atti mwettqa minn kontrafatturi differenti relatati mal-istess prodotti, speċjalment fil-qafas ta’ kuntratt esklużiv ta’ provvista, sakemm, meta tiġi biex titressaq it-talba, ir-rwol tal-konvenut ta’ ankraġġ fil-katina kontrofattwali jkun iġġustifikat.

    II. Id-dritt tal-Unjoni

    A.   Ir-Regolament Nru 1215/2012

    5.

    L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi:

    “Persuna li tkun iddomiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija bil-qorti:

    1)

    meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn kwalunkwe wieħed minnhom ikun domiċiljat, sakemm it-talbiet ikunu marbuta tant strettament ma’ xulxin li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.”

    B.   Ir-RTUE

    6.

    L-Artikolu 1 tar-RTUE, intitolat “It-trademark tal-Unjoni Ewropea, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “It-trademark tal-UE għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett fl-Unjoni kollha: ma għandhiex tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma għandu jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Unjoni kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

    7.

    L-Artikolu 17 tar-RTUE, intitolat “L-applikazzjoni kumplimentari tal-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ ksur”, jgħid:

    “ 1.   L-effetti ta’ trademarks tal-UE għandhom jiġu regolati biss mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. F’aspetti oħrajn, il-ksur ta’ trademark tal-UE għandha tiġi regolata mil-liġi nazzjonali li tirrigwarda l-ksur ta’ trademarks nazzjonali skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu X. [b’mod partikolari fl-Artikoli 129 u 130].

    2.   Dan ir-Regolament m’għandux jipprevjeni li jinfetħu kawżi dwar trademark tal-UE taħt il-liġi tal-Istati Membri, partikolarment fir-rigward tal-obbligazzjonijiet ċivili u l-kompetizzjoni inġusta.

    3.   Ir-regoli ta’ proċedura applikabbli għandhom jiġu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet tal-Titolu X.”

    8.

    Il-Kapitolu X tar-RTUE, intitolat “Il-ġurisdizzjoni u l-proċedura f’kawżi li jirrigwardaw trademarks tal-UE”, jinkludi l-Artikoli 122 sa 135. Skont l-Artikolu 125, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”:

    “1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament kif ukoll għal kull dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 122, il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 124 għandhom jinfetħu fil-qrati tal-Istat Membru fejn il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk huwa m’għandu domiċilju f’ebda Stat Membru, fejn huwa għandu stabbiliment.

    […]

    5.   Il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 124, bl-eċċezzjoni tal-kawżi għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur ta’ trademark tal-UE, jistgħu jinfetħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn l-att ta’ ksur ikun twettaq jew fejn tkun saret it-theddida, jew fejn jitwettaq att msemmi fl-Artikolu 11(2).”

    III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    9.

    Advance Magazine Publishers, Inc. hija proprjetarja ta’ diversi trade marks tal-Unjoni Ewropea li fihom il-kelma “Vogue”, li hija ssostni li huma trade marks magħrufa sew.

    10.

    Beverage City Polska sp. z o.o. hija kumpannija inkorporata taħt id-dritt Pollakk, bis-sede tagħha fi Kraków (il-Polonja), li d-direttur tagħha, FE, huwa ddomiċiljat fl-istess belt. Tipproduċi xarba enerġetika taħt l-isem “Diamond Vogue” u tirriklamaha u tqassamha wkoll.

    11.

    Beverage City & Lifestyle GmbH hija kumpannija inkorporata taħt id-dritt Ġermaniż bis-sede tagħha fi Schorfheide, fil-Land ta’ Brandenburg (il-Ġermanja). Id-direttur tagħha, MJ, huwa ddomiċiljat fil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja). Din il-kumpannija kienet marbuta ma’ Beverage City Polska b’kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiva għall-Ġermanja u xtrat mingħandha x-xarba enerġetika b’din it-tikketta fil-Polonja. Iż-żewġ kumpanniji ma humiex marbutin b’xi appartenenza mal-istess grupp minkejja x-xebh ta’ isimhom.

    12.

    Billi qieset li kienet vittma ta’ kontrafazzjoni tat-trade marks tagħha, ir-rikorrenti għamlet ( 4 ) kontra dawn il-kumpanniji u d-diretturi tagħhom quddiem il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea kompetenti għal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf), azzjoni ta’ inibizzjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni kif ukoll għall-għoti ta’ informazzjoni, rendikonti u l-istabbiliment tal-obbligu ta’ kumpens. Sussegwentement, dawn it-talbiet annessi kienu limitati għal azzjonijiet fil-Ġermanja.

    13.

    Beverage City Polska u d-direttur tagħha, FE, jikkontestaw ( 5 ), f’appell quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf), id-deċiżjoni tal-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf), li, qabel ma laqgħet it-talbiet tar-rikorrenti, ibbażat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fir-rigward tagħhom fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, filwaqt li rreferiet għall-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo ( 6 ).

    14.

    Huma jsostnu quddiem il-qorti tar-rinviju li aġixxew u kkunsinnaw il-merkanzija lill-klijenti tagħhom esklużivament fil-Polonja. Is-sentenza Nintendo ma tistax tiġi trasposta għas-sitwazzjoni tagħhom għar-raġuni li ma hemm l-ebda rabta rilevanti bejniethom u Beverage City & Lifestyle u d-direttur tagħha.

    15.

    Il-qorti tar-rinviju ssostni, minn naħa, li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) hija bbażata, skont l-Artikolu 125(1) tar-RTUE, fuq id-domiċilju tad-direttur tal-kumpannija Ġermaniża, li tiddeskrivi bħala l-konvenut ta’ ankraġġ ( 7 ).

    16.

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-diversi konvenuti ddomiċiljati fil-Polonja, is-soluzzjoni tas-sentenza Nintendo hija bbażata fuq il-fatt li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-konvenuti kienu marbuta b’appartenenza għall-istess grupp ta’ kumpanniji, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, teżisti biss relazzjoni ta’ kunsinna bejn Beverage City & Lifestyle u Beverage City Polska. Id-diretturi ta’ dawn il-kumpanniji huma implikati biss bħala rappreżentanti rispettivi ta’ dawn il-persuni ġuridiċi, għalhekk ma hemm l-ebda relazzjoni bejn il-konvenut ta’ ankraġġ u l-konvenuti ddomiċiljati fil-Polonja. Għaldaqstant tqum il-mistoqsija jekk rabta materjali fil-forma ta’ katina tal-provvista hijiex biżżejjed.

    17.

    Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li it-tilwima tikkonċerna l-istess trade marks u prodotti ta’ kontrafazzjoni, b’tali mod li hemm riskju ta’ soluzzjonijiet irrikonċiljabbli fil-każ ta’ diverġenza ta’ evalwazzjoni tad-distribuzzjoni bħala att ta’ kontrafazzjoni jekk jiġu aditi qrati differenti. Hija tal-fehma wkoll li tali riskju jista’ jiġi kkonstatat jekk l-istess prodotti, ikkummerċjalizzati fi ħdan l-Unjoni, kienu akkwistati mingħand terz. Din il-qorti tfakkar, ukoll, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma għandhomx ineħħu s-sustanza tar-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 125 tar-RTUE.

    18.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

    “It-talbiet huma ‘marbuta tant strettament’ ma’ xulxin li hemm lok li jinstemgħu u jiġu deċiżi fl-istess ħin sabiex jiġu evitati sentenzi irrikonċiljabbli, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012, fejn, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, ir-rabta tikkonsisti fil-fatt li l-konvenut stabbilit fi Stat Membru (fil-każ ineżami, il-Polonja) ipprovda l-prodotti li jiksru trade mark tal-Unjoni lil konvenut stabbilit fi Stat Membru ieħor (fil-każ ineżami, il-Ġermanja), li r-rappreżentant legali tiegħu, li fil-konfront tiegħu tressqu wkoll proċeduri ta’ kontrafazzjoni, huwa l-konvenut ta’ ankraġġ, fil-każ fejn il-partijiet huma marbuta ma’ xulxin b’sempliċi relazzjoni ta’ provvista u ma hemmx, fid-dritt jew fil-fatt, rabta li tmur lil hinn?”

    19.

    Ir-rikorrenti, Beverage City Polska u FE, il-Gvern Pollakk u dak Portugiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta li saret fit‑12 ta’ Jannar 2023, Beverage City & Lifestyle, Beverage City Polska, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    IV. Analiżi

    20.

    Permezz tad-domanda unika tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tkun taf jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 122 tar-RTUE, jistax jiġi interpretat fis-sens li diversi konvenuti, iddomiċiljati fi Stati Membri differenti, jistgħux jitħarrku quddiem il-qorti tad-domiċilju ta’ wieħed minnhom adita, fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ ksur, b’talbiet imressqa kontrihom mill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea meta jiġi lmentat li l-konvenuti għamlu ksur materjalment identiku għal din it-trade mark minn kull wieħed mill-atti tagħhom f’katina ta’ provvista.

    21.

    Fir-rigward ta’ azzjonijiet għal ksur relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà tipprovdi linji gwida utli. Fuq dan il-punt, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 8 ) tapplika wkoll għal dawk tar-Regolament Nru 1215/2012, li jistgħu jiġu deskritti bħala “ekwivalenti” ( 9 ). L-istess japplika għar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ( 10 ) li ġie kkonsolidat bl-emendi tiegħu mir-RTUE ( 11 ).

    22.

    Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju hija adita, bħala l-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, b’azzjoni ta’ ksur ta’ tali trade marks magħmula kontra l-bejjiegħ fil-Ġermanja ta’ prodotti allegatament kontrafatti, il-kumpannija Beverage City & Lifestyle, stabbilita fil-Ġermanja, u kontra l-manifattur tagħhom, il-kumpannija Beverage City Polska, stabbilita fil-Polonja, kif ukoll id-diretturi rispettivi tagħhom.

    23.

    Konsegwentement, id-domanda ta’ din il-qorti, li tirrigwarda l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fir-rigward ta’ din il-konvenuta tal-aħħar u tad-direttur tagħha, hija rregolata mill-Artikoli 122, 124, 125 u 126 tar-RTUE.

    24.

    Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom in-natura ta’ lex specialis fir-rigward tar-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 1215/2012 ( 12 ).

    25.

    Għalhekk, fi kwistjonijiet ta’ kontrafazzjoni, skont l-Artikolu 124(a) tar-RTUE, il-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għandhom ġurisdizzjoni esklużiva.

    26.

    Fil-każ ta’ azzjonijiet ta’ ksur, l-Artikolu 125(1) tar-RTUE jipprevedi l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun iddomiċiljat il-konvenut ( 13 ).

    27.

    Dan ma huwiex l-uniku forum previst mir-RTUE. Il-qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun twettaq l-att ta’ ksur jista’ wkoll ikollha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 125(5) tar-RTUE ( 14 ).

    28.

    F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, minħabba din ir-regola speċifika, l-Artikolu 122(2)(a) tar-RTUE jeskludi espressament l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jipprovdi għal kriterju ta’ ġurisdizzjoni speċjali fi kwistjonijiet ta’ delitt jew kważi delitt ( 15 ).

    29.

    Min-naħa l-oħra, l-ebda dispożizzjoni speċifika tar-RTUE ma tipprojbixxi l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 16 ), li jipprevedi, fil-punt 1, regola ta’ ġurisdizzjoni derivata fil-każ ta’ numru ta’ konvenuti ddomiċiljati fi Stati Membri differenti. Dawn jistgħu jitħarrku, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, quddiem il-qorti tad-domiċilju ta’ wieħed minnhom ( 17 ). Dan jista’ kultant jiġi indikat, bħal fil-kawża prinċipali, bħala l-konvenut ta’ ankraġġ ( 18 ).

    30.

    Bħal quddiem kull qorti oħra ta’ Stat Membru, din l-għażla offruta lir-rikorrenti hija suġġetta għal kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri li t-“talbiet ikunu marbuta tant strettament ma’ xulxin li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati”.

    31.

    Dan ir-rekwiżit, introdott għall-ewwel darba fl‑Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, oriġina mid-deċiżjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis ( 19 ). Jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ dan ir-regolament, imsaħħaħ fir-Regolament Nru 1215/2012 ( 20 ), li huwa li jiżgura ċ-ċirkulazzjoni bla xkiel ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni. Dan l-għan jeħtieġ li jiġu evitati proċeduri konkorrenti ( 21 ).

    32.

    Sa fejn din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tidderoga mir-regola ġenerali bbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interpretazzjoni tagħha ma għandhiex tmur lil hinn mill-każijiet espliċitament previsti minn dawn ir-regolamenti ( 22 ).

    33.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn it-talbiet fid-dawl tal-għan imfittex, li huwa li jiġu evitati deċiżjonijiet irrikonċiljabbli ( 23 ). F’dan ir-rigward, hija speċifikat li deċiżjonijiet diverġenti relatati “mill-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt” ikunu irrikonċiljabbli ( 24 ).

    A.   Fuq il-kunċett ta’ “l-istess sitwazzjoni ta’ dritt”

    34.

    Jiena nosserva li l-qorti tar-rinviju ma tesprimi l-ebda dubju fuq din il-kwistjoni. Madankollu, it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari tippreżenta, fil-fehma tiegħi, l-opportunità li tingħata kjarifika dwar il-portata tas-sentenza Nintendo ( 25 ), diskussa mill-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

    35.

    Fil-fatt, fis-sentenza ta’ Nintendo, li kienet azzjoni ta’ ksur ta’ disinni komunitarji, il-qorti iddeċidiet, bħala kriterju tal-eżistenza tal-istess sitwazzjoni ta’ dritt, dak tar-rikonoxximent tad-dritt esklużiv ta’ użu ta’ dawn id-disinni skont ir-Regolament Nru 6/2002. Peress li dan id-dritt esklużiv jipproduċi l-istess effetti fit-territorju tal-Unjoni, iċ-ċirkustanza li d-dritt nazzjonali huwa applikat mill-qorti nazzjonali biex tieħu ċerti deċiżjonijiet hija mingħajr rilevanza ( 26 ).

    36.

    Fis-sentenza Nintendo, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll id-differenza fl-approċċ għal dak magħżul fi kwistjonijiet ta’ privattivi fis-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Lulju 2006, Roche Nederland et ( 27 ), li fiha kienet iddeċidiet li d-differenza fit-talbiet tal-bażijiet legali kienet mingħajr impatt fuq l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji ( 28 ).

    37.

    Konsegwentement, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipal, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li, minħabba l-konkordanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 6/2002, li fuqu hija bbażata s-sentenza Nintendo, ma’ dawk tal-Artikolu 9 tal-RTUE relatati mad-drittijiet tad-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi adottata analiżi b’analoġija.

    38.

    Speċifikament, l-obbligu għall-qorti kompetenti li tapplika d-dritt nazzjonali, kif previst fl-Artikoli 129 u 130 tal-RTUE ( 29 ), bħal fl-Artikoli 88 u 89 tar-Regolament Nru 6/2002, ma jeskludix il-konstatazzjoni tal-istess sitwazzjoni ta’ dritt għar-raġunijiet li ġejjin:

    fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu 9 tar-RTUE huma ddedikati d-dritt esklużiv mogħti lid-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea bir-reġistrazzjoni tagħha kif ukoll dak li jipprojbixxi lil kwalunkwe parti terza milli tagħmel użu minnha mingħajr il-kunsens tagħha, drittijiet li dan id-proprjetarju għandu l-għan li jipproteġi bl-azzjoni ta’ ksur, u

    tali trade mark tipproduċi l-istess effetti fl-Unjoni kollha, taħt l-Artikolu 1(2) tar-RTUE.

    B.   Fuq il-kunċett tal-“istess sitwazzjoni ta’ fatt”

    39.

    Il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-fatt li teżisti biss relazzjoni ta’ kunsinna bejn Beverage City & Lifestyle et Beverage City Polska u li, b’differenza mill-kumpanniji fil-kawża li wasslet għas-sentenza Nintendo, dawn iż-żewġ kumpanniji konvenuti ma jappartjenux għall-istess grupp.

    40.

    Għalkemm tissottolinja wkoll, fir-raġunijiet għat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, in-nuqqas ta’ relazzjoni bejn il-konvenuti ddomiċiljati fil-Polonja u l-konvenut ta’ ankraġġ (id-direttur tal-kumpannija Beverage City & Lifestyle, iddomiċiljat fil-Ġermanja), madankollu, hija tippreċiża fid-domandi tagħha li dan id-direttur fil-konfront tiegħu “tressqu wkoll proċeduri ta’ kontrafazzjoni”.

    41.

    Hekk kif il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk, f’dawn il-kundizzjonijiet, l-eżistenza ta’ katina ta’ provvista hijiex kriterju suffiċjenti sabiex japplika l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tikkompleta l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett tal-“istess sitwazzjoni ta’ fatt”.

    42.

    Ċerti elementi ta’ evalwazzjoni jidhru li jistgħu jiġu dedotti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    43.

    Fil-fatt, fi kwistjonijiet tad-drittijiet tal-awtur, fis-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer ( 30 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, biex tevalwa r-riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli jekk it-talbiet kienu deċiżi separatament, “il-fatt li l-konvenuti li l-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur jakkuża bi ksur sostanzjalment identiku tad-drittijiet tiegħu, ikunu jew ma jkunux aġixxew b’mod indipendenti jista’ jkun rilevanti” ( 31 ).

    44.

    Fi kwistjonijiet ta’ privattivi, fis-sentenza Solvay ( 32 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tevalwa l-eżistenza tar-rabta ta’ konnessjoni bejn id-diversi talbiet imressqa quddiemha, hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali li tqis li diversi kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti huma akkużati, kull waħda separatament, bl-istess atti ta’ kontrafazzjoni fir-rigward tal-istess prodotti.

    45.

    F’termini ta’ disinni Komunitarji, fis-sentenza Nintendo, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel innotat li “r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tallega atti ta’ vjolazzjoni simili, jew saħansitra identiċi, li jiksru l-istess disinni protetti u li jirrigwardaw prodotti identiċi li allegatament jikkostitwixxu vjolazzjoni, immanifatturati mill-kumpannija omm li tikkummerċjalizzahom f’isimha f’ċerti Stati Membri” ( 33 ).

    46.

    Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li hija “diġà qieset li l-każ fejn kumpanniji konvenuti li jappartjenu mal-istess grupp ikunu aġixxew b’mod identiku jew simili, skont politika komuni mfassla minn waħda minnhom, għandu jitqies li jikkostitwixxi l-istess sitwazzjoni fattwali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Roche Nederland et, C‑539/03, EU:C:2006:458, punt 34)” ( 34 ).

    47.

    Fl-aħħar nett, hija ddeduċiet minn dan li “l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni fattwali għandha f’tali ċirkustanzi […], tkopri l-attivitajiet kollha tad-diversi konvenuti, inkluż il-provvisti magħmula mill-kumpannija omm f’isimha, u ma għandhiex tkun limitata għal ċerti aspetti jew għal ċerti elementi tagħha” ( 35 ).

    48.

    Fil-fehma tiegħi, isegwi, speċjalment minħabba l-abbozzar f’termini ġenerali ta’ dan il-motiv biex jitqabbel ma’ dak tal-punt 67 tal-istess sentenza ( 36 ), li l-verifiki tal-qorti nazzjonali għandhom jirrelataw prinċipalment mar-relazzjoni bejn il-fatti kollha ta’ kontrafazzjoni mwettqa, iktar milli fuq rabtiet organizzattivi jew kapitali bejn il-kumpanniji kkonċernati, li l-Gvern Pollakk u l-konvenuti ddomiċiljati fil-Polonja jqisu bħala essenzjali.

    49.

    Fil-fatt, sabiex jissodisfa l-għan tal-prevenzjoni ta’ għoti ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli, li huwa segwit mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, u partikolarment fi kwistjonijiet ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea li jipproduċu l-istess effetti fl-Unjoni kollha, jidher li hu ġġustifikat li jinżamm bħala l-ewwel kriterju dan tal-użu komuni ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark protetta, li jikkaratterizza l-allegata kontrafazzjoni ( 37 ). Għalhekk, hija enfasizzata l-oriġini tal-ksur tad-dritt preċedenti li għalih kkontribwixxew il-konvenuti permezz ta’ diversi azzjonijiet.

    50.

    F’dan ir-rigward, ma tantx jimporta li dawn l-azzjonijiet huma identiċi, bħal, pereżempju, il-bejgħ minn wieħed mill-konvenuti tal-istess prodotti kontrafatti lil ieħor li jkun reġa’ biegħhom ( 38 ). Bħall-Kummissjoni u l-Gvern Portugiż, jiena tal-fehma li tista’ tkun allegata ukoll, b’appoġġ għad-dimostrazzjoni tal-istess sitwazzjoni fattwali, l-eżistenza ta’ katina kontrofattwali li tinkludi diversi fatti, mill-manifattura sal-bejgħ ta’ prodotti kontraffatti, bl-għajnuna jew le ta’ intermedjarju.

    51.

    Barra minn hekk, żewġ argumenti oħra, favur it-teżi li l-assenza ta’ rabtiet organizzattivi bejn il-kumpanniji konvenuti ma għandhomx jikkostitwixxu ostaklu għar-raggruppar tat-talbiet quddiem qorti waħda, jidhru li jistgħu jinstiltu mis-sentenza Nintendo.

    52.

    Fl-ewwel lok, għandu, fl-opinjoni tiegħi, jiġi enfasizzat, li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda dwar jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju tistax tirrigwarda kunsinni li kienu saru biss minn kumpannija waħda ( 39 ).

    53.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju ta’ azzjoni kkoordinata, li, skont il-Gvern Pollakk, għandu jiġi applikat, jekk fil-fatt jiġi mqajjem mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, ma jidhirx li ttieħed bħala kundizzjoni partikolari.

    54.

    Soluzzjoni kuntrarja jkollha, minn naħa waħda, l-effett li tillimita l-osservanza tal-għanijiet tar-RTUE, jiġifieri:

    skont il-premessa 4 tagħha, tiżgura, fil-qafas tal-unifikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar it-trade marks tal-Unjoni, protezzjoni uniformi tal-effetti tagħhom fl-Istati Membri kollha, u

    skont il-premessi 31 sa 33 tagħha, jiġu evitati deċiżjonijiet kontradittorji mill-qrati kif ukoll ksur tal-karattru unitarju ta’ dawn it-trade marks, permezz ta’ deċiżjonijiet tal-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li “jipproduċu effett u japplikaw fl-Unjoni kollha” ( 40 ).

    55.

    Min-naħa l-oħra, din tippermetti li jiġu evitati r-regoli speċjali u obbligatorji tar-RTUE. Madankollu, ninnota, fl-ewwel lok, li, fil-premessa 33 ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera għal azzjonijiet li fihom l-istess partijiet huma involuti u li jsiru fl-istess Stat Membru. Hemmhekk huwa ppreċiżat li, “meta l-azzjonijiet jinġiebu fi Stati Membri differenti, ikunu xierqa dispożizzjonijiet msejsa fuq ir-regoli ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati tar-Regolament (KE) Nru 1215/2012” ( 41 ).

    56.

    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ħadet inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tal-litigazzjoni relatata mad-dritt tat-trade marks meta interpretat il-kunċett ta’ “[territorju tal-Istat Membru fejn] l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq jew fejn tkun saret it-theddida” ( 42 ).

    57.

    Bl-istess mod, fis-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Hummel Holding ( 43 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “stabbiliment” użat mir-Regolament Nru 207/2009 ma kienx neċessarjament identiku ma’ dak użat għar-Regolament Nru 44/2001, għar-raġuni li dawk ir-regolamenti jsegwu għanijiet li ma humiex identiċi. Tali metodu ta’ analiżi jidhirli li huwa trasponibbli għar-Regolament Nru 1215/2012 u għar-RTUE.

    58.

    Fit-tielet lok, l-għażla ta’ interpretazzjoni indipendenti mmirata biex tipproteġi b’mod effettiv il-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni f’każ ta’ ksur, li jkun konformi mal-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis ( 44 ), fis-sentenza Nintendo ( 45 ), setgħet titqabbel ma’ dik li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddikjara soluzzjonijiet adattati għal ċerti ċirkustanzi fir-rigward ta’ atti kompetittivi ( 46 ). Din l-għażla hija, fil-fatt, parti mill-istess loġika, li għandha t-tendenza li tiffavorixxi s-sanzjoni ta’ prattiki kummerċjali illegali u l-kumpens tal-atturi ekonomiċi li jkunu vittmi, billi tiggarantixxi amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ( 47 ).

    59.

    Madankollu, f’dan il-kuntest, jidhirli daqstant essenzjali li tiġi bbilanċjata l-ispeċifiċità ta’ dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni mar-rekwiżiti normalment imsemmija fi kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, ġustament invokati mill-Gvern Pollakk u l-konvenuti domiċiljati fil-Polonja, jiġifieri l-eżerċizzju ffaċilitat tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-prevedibbiltà tar-regoli tal-ġurisdizzjoni ( 48 ).

    60.

    Huwa għalhekk li, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, għandha tingħata attenzjoni partikolari għan-natura tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-klijent u l-fornitur. Dan jista’ mhux biss isaħħaħ l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn it-talbiet tar-rikorrent dwar il-kontrafazzjoni, iżda wkoll jiżvela n-natura perfettament prevedibbli tal-obbligu li jirrispondi għall-allegazzjonijiet ta’ atti ta’ kontrafazzjoni li għandhom l-istess oriġini ( 49 ).

    61.

    Dan huwa manifestament il-każ, fil-fehma tiegħi, fil-każ ta’ użu identiku jew simili ( 50 ) ta’ trade mark tal-Unjoni li tipproduċi effetti fl-Unjoni kollha fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ provvista esklużiva fis-suq ta’ Stat Membru ieħor.

    62.

    F’dan il-każ, ninnota, bħall-Kummissjoni, li l-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-kumpanniji konvenuti stabbiliti rispettivament fil-Ġermanja u fil-Polonja kienu marbuta b’esklużività tal-provvista f’dan l-ewwel Stat Membru. Ir-riskju li tali sitwazzjoni ta’ fatt tiġi kkwalifikata bħala identika, bil-għan li tiġi ġġustifikata l-ġurisdizzjoni ta’ qorti waħda biex tiddeċiedi fuq talbiet diretti kontra l-partijiet kollha għall-istess allegat ksur, ma setax jiġi injorat minn dawn il-kumpanniji.

    63.

    Barra minn hekk, kemm mid-dokumenti tal-proċess mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mir-risposti tal-partijiet fil-kawża prinċipali għad-domandi tagħha fis-seduta jirriżulta li jista’ jiġi kkunsidrat li l-kooperazzjoni mill-qrib tal-kumpanniji bejniethom hija mmanifestata wkoll bit-tħaddim ta’ żewġ siti Internet ( 51 ), li d-dominji tagħhom jappartjenu għal wieħed biss mid-diversi konvenuti, li permezz tagħhom, b’riferiment bejn dawn is-siti, ġew ikkummerċjalizzati l-prodotti kontenzjużi.

    64.

    Għaldaqstant, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-konstatazzjoni minn qorti li t-talbiet quddiemha huma diretti kontra atturi differenti li kull wieħed minnhom ikkontribwixxa għall-istess ksur ta’ trade mark tal-Unjoni fil-kuntest ta’ katina ta’ atti kontrofattwali jista’ jkun biżżejjed biex jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tad-diversi konvenuti abbażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

    65.

    Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa d-diversi fatturi allegati mill-kumpannija rikorrenti ( 52 ). F’din l-okkażjoni, jista’ jiġi enfasizzat, minn naħa, li, fl-istadju tal-verifika tal-ġurisdizzjoni, dan ma għandux jirrigwarda l-mertu tal-kawża jew inkella b’mod limitat ħafna.

    66.

    Min-naħa l-oħra, il-qorti adita għandha tiżgura li l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma tippermettix lir-rikorrent iressaq talba diretta kontra diversi konvenuti bl-uniku għan li jitneħħa wieħed minn dawn il-konvenuti mill-qrati tal-Istat fejn ikun iddomiċiljat ( 53 ).

    67.

    F’dan ir-rigward, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, kif ifformulata ( 54 ), toffri, fil-fehma tiegħi, lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tikkompleta r-risposta tagħha b’preċiżazzjonijiet fuq il-konvenut ta’ ankraġġ.

    C.   Preċiżazzjonijiet fuq il-konvenut ta’ ankraġġ

    68.

    Il-konsegwenzi tal-estensjoni lil konvenuti oħra tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, kif previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, iwassluni biex nenfasizza li l-verifiki relatati mar-rabta mill-qrib bejn it-talbiet, għandhom, sa fejn iservu biex jillimitaw ir-riskju ta’ użu ħażin tal-forum, iwasslu bilfors fl-ewwel lok għat-talbiet diretti kontra l-konvenut ta’ ankraġġ.

    69.

    Ċertament, fin-nuqqas ta’ kundizzjonijiet previsti f’dan ir-regolament dwar l-għażla tal-konvenut ta’ ankraġġ ( 55 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex teskludi l-possibbiltà li rikorrent ikun jista’ jressaq talba kontra diversi konvenuti bl-uniku għan li jneħħi wieħed minn dawn mill-qrati tal-Istat fejn huwa ddomiċiljat, huwa biżżejjed li jkun hemm rabta mill-qrib bejn it-talbiet imressqa kontra kull wieħed mill-konvenuti ( 56 ).

    70.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, minkejja ċ-rinunzja għall-azzjoni tar-rikorrent kontra l-uniku konvenut miegħu li kien ddomiċiljat fl-Istat Membru tas-sede tal-qorti adita, din tal-aħħar tibqa’ kompetenti fir-rigward tad-diversi konvenuti l-oħra, ħlief jekk huwa stabbilit li kien hemm kollużjoni bejn ir-rikorrent u l-imsemmi konvenut bil-ħsieb li jinħolqu jew jinżammu artifiċjalment il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 fid-data tal-preżentata ta’ din l-azzjoni ( 57 ).

    71.

    Indipendentement minn dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, dawk tal-kawża prinċipali juru, fil-fehma tiegħi, il-valur ta’ eżami bir-reqqa tat-talbiet magħmula kontra l-konvenut ta’ ankraġġ u dawk diretti kontra l-konvenuti l-oħrajn, peress li dawn tal-aħħar huma mċaħħda, bl-għażla biss tar-rikorrent ( 58 ), mir-regola ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ prinċipju marbuta mad-domiċilju tagħhom u li jikkontestaw l-eżistenza stess ta’ rabtiet bejniethom u l-konvenut ta’ ankraġġ ( 59 ).

    72.

    F’dan il-każ, jekk il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju fil-Ġermanja ma toħloq l-ebda diffikultà minħabba kemm il-lok tas-sede, f’Land, tal-kumpannija Ġermaniża li tqassam il-prodotti f’dan l-Istat Membru kif ukoll id-domiċilju tad-direttur tagħha, konvenut ta’ ankraġġ, f’Land ieħor ( 60 ), huwa l-fatt li din il-persuna hija mħarrka f’kapaċità personali u mhux fil-kapaċità tagħha ta’ rappreżentant legali ta’ din il-kumpannija li jistħoqqlu attenzjoni partikolari. Fil-fatt, din l-għażla unika tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali tal-qorti tar-rinviju.

    73.

    Ovvjament, hija kwistjoni li wieħed ma jkunx ikkonċernat bl-applikazzjoni tar-regoli li jorganizzaw il-ġurisdizzjoni territorjali jew il-konċentrazzjoni ta’ tilwim ( 61 ) li ma humiex koperti la mill-RTUE ( 62 ) u lanqas mir-Regolament Nru 1215/2012, iżda li jiġi enfasizzat li għandha tkun il-qorti adita, madankollu, li għandha tiżgura li t-talbiet diretti kontra l-konvenut ta’ ankraġġ ikunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet plawżibbli ( 63 ).

    74.

    Bħala eżempju ( 64 ), jista’ jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, fir-rigward tar-rappreżentant legali tal-kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, iddomiċiljat fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar speċifikat, fid-domanda preliminari tagħha biss, li fil-konfront tiegħu “tressqu wkoll proċeduri ta’ kontrafazzjoni”.

    75.

    Din l-informazzjoni essenzjali tiġġustifika, fil-fehma tiegħi, li, mit-tressiq tat-talba, din ġiet issostanzjata biżżejjed dwar ir-rwol tar-rappreżentant legali tal-kumpannija mħarrek, peress li, b’mod mhux tas-soltu, hija r-responsabbiltà personali ta’ dan ir-rappreżentant legali li qiegħda titfittex minn terz fil-kuntest ta’ azzjoni kemm għall-waqfien u għall-inibizzjoni tal-ksur tad-dritt ikkonċernat kif ukoll għal kumpens ( 65 ).

    76.

    Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjonijiet, ikun leġittimu, fil-fehma tiegħi, li nistaqsu fuq il-kundizzjonijiet li fihom l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifika li l-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru bbażata fuq il-post ta’ domiċilju personali tad-direttur ta’ kumpannija tkun estiża għal talbiet imressqa kontra kumpannija oħra u d-direttur tagħha, imħarrek kemm bħala rappreżentant legali tagħha kif ukoll f’kapaċità personali, li huma ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor.

    77.

    F’tali proċeduri li għandhom bħala suġġett il-kontrafazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni ta’ natura unitarja, jidhirli li fil-prattika, huwa prevedibbli li l-qorti invokata adita tiżgura, meta jiġi ppreżentat ir-rikors, li dan ikun fih il-prova li l-għażla tal-forum adit hija iġġustifikata mill-involviment personali tar-rappreżentant legali ta’ kumpannija fl-atti ta’ kontrafazzjoni, billi tiġi prodotta l-prova jew tal-użu ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark f’kuntest kummerċjali (jew nuqqas ta’ azzjoni biex tiġi pprevenuta jew mitmuma il-kontrafazzjoni ( 66 )), jew inkella dan il-konvenut ta’ ankraġġ kien involut f’attività ta’ kontrafazzjoni b’motivi raġonevoli li dan ikun jafu ( 67 ).

    78.

    Min-naħa l-oħra, li r-rikorrent ikun meħtieġ jiddetermina l-għażla tiegħu tal-qorti billi jiġi ddeterminat min huwa l-istigatur tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni protetta jidhirli li jmur lil hinn mis-sempliċi verifika ab initio li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 inħolqu artifiċjalment.

    79.

    Ċertament, tali għażla tista’ tkun ibbażata, b’analoġija fid-dritt tat-trade marks, fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Nintendo dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli taħt l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007 ( 68 ), determinazzjoni li tirriżulta neċessarja meta l-azzjoni tar-rikorrenti tirrigwarda diversi atti ta’ kontrafazzjoni mwettqa fi Stati Membri differenti ( 69 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti adita għandha tevalwa, b’mod globali, l-imġiba tal-konvenut, sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn l-att inizjali ta’ kontrafazzjoni, li huwa fl-oriġini tal-imġiba lmentata, twettaq jew x’aktarx hemm riskju li jitwettaq ( 70 ).

    80.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-interpretazzjoni tar-regoli fi kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati ma kinitx marbuta ma’ dik tad-dispożizzjonijiet relatati mal-liġi applikabbli għal azzjonijiet għal kumpens ( 71 ).

    81.

    Barra minn hekk, fl-istadju tat-tressiq tat-talba, li jiġi impost fuq ir-rikorrent l-obbligu li jfittex min huwa l-inizjatur tal-katina ta’ atti ta’ kontrafazzjoni jesponih għal oneru tal-prova diffiċli wisq biex jiġi implimentat u jirriskja li jikser l-għan tar-RTUE, li huwa li jipproteġi d-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, f’qafas li jista’ jkun wiesa’ ħafna, skont l-għażla proċedurali tiegħu ( 72 ).

    82.

    Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja żżid fir-risposta tagħha lill-qorti tar-rinviju li hija għandha wkoll tivverifika l-elementi li ppermettew li tiġi stabbilita, meta tressqu t-talbiet, il-parteċipazzjoni tad-direttur tal-kumpannija Ġermaniża fl-atti kontrofattwali li jwassal biex jinvolvi r-responsabbiltà personali tiegħu.

    V. Konklużjoni

    83.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) kif ġej:

    L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215//2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, moqri flimkien mal-Artikolu 122 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    diversi konvenuti, iddomiċiljati fi Stati Membri differenti, jistgħu jitħarrku quddiem il-qorti tad-domiċilju ta’ wieħed minnhom adita, fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ ksur, b’talbiet imressqa kontrihom mill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea meta jiġi lmentat li l-konvenuti għamlu ksur materjalment identiku għal din it-trade mark minn kull wieħed mill-atti tagħhom f’katina ta’ provvista. Hija l-qorti adita li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ riskju ta’ soluzzjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu ġġudikati separatament, filwaqt li jitqiesu l-elementi rilevanti kollha tal-proċess.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Regolament (UE) Nru 1215/2012 (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

    ( 3 ) Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“RTUE”).

    ( 4 ) Fid‑19 ta’ Settembru 2018, kif hu speċifikat fis-sentenza tal-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), mibgħuta mill-qorti tar-rinviju. Ir-Regolament Nru 1215/2012 huwa għalhekk applikabbli skont l-Artikolu 66 tiegħu. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza AMS Neve et (C‑172/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza AMS Neve et”, EU:C:2019:674, punti 3436, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 5 ) Il-qorti tar-rinviju ċċarat li Beverage City & Lifestyle u d-direttur tagħha, MJ, irtiraw l-appell li kienu ppreżentaw inizjalment.

    ( 6 ) C‑24/16 u C‑25/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Nintendo, EU:C:2017:724.

    ( 7 ) Dan it-terminu jindika biss wieħed mill-konvenuti li d-domiċilju tiegħu jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita. Ara, għal użu preċedenti tiegħu, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fis-sentenza CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2014:2443, punt 56).

    ( 8 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

    ( 9 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Allianz Elementar Versicherung (C‑652/20, EU:C:2022:514, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 10 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).

    ( 11 ) Ara, għal sommarju tal-istorja tar-regolamenti mill-ħolqien tat-trade mark Komunitarja permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), is-sentenza AMS Neve et (punt 3).

    ( 12 ) Ara s-sentenza AMS Neve et (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) Din l-għażla għandha konsegwenza fuq il-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea adita. L-Artikolu 126(1)(a) tar-RTUE jipprovdi li din tal-aħħar għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar atti ta’ ksur imwettqa jew li jheddu li jitwettqu fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru. Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-disinni Komunitarji biex tordna l-miżuri meħtieġa biex tissanzjona l-ksur fit-territorju kollu tal-Unjoni u mhux biss għad-dannu subit fil-post fejn għandha l-ġurisdizzjoni tagħha minħabba d-domiċilju tal-konvenut ta’ ankraġġ, is-sentenza Nintendo (punti 61 sa 67).

    ( 14 ) Dwar in-natura alternattiva tal-forum indikat f’dan il-paragrafu, ara s-sentenza AMS Neve et (punt 41), dwar dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament Nru 207/2009 kkodifikat mill-RTUE. Din l-għażla proċedurali tiddetermina l-portata tal-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, peress li hija limitata għal atti mwettqa jew li jheddu li jitwettqu fit-territorju tal-Istat Membru li fih tinsab din il-qorti, skont l-Artikolu 126(2) tar-RTUE. Ara, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet ekwivalenti, is-sentenza AMS Neve et (punt 40).

    ( 15 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany (C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 36).

    ( 16 ) La l-Artikolu 122(2) tar-RTUE u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra tiegħu ma jirreferu għal dan l-artikolu jew ir-regola ta’ ġurisdizzjoni li tinsab fih. Kif jirriżulta mill-Artikolu 122(1) ta’ dan ir-regolament, fin-nuqqas ta’ esklużjoni prevista fih, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 hija sussidjarja. L-istess japplika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), bis-saħħa tal-Artikolu 79 tiegħu, għandu jitfakkar li, għalkemm ir-Regolament Nru 1215/2012 għandu l-għan li jiddefinixxi qafas ġenerali, madankollu fih eċċezzjoni importanti fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Fil-fatt, l-Artikolu 24(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva fil-każ li l-validità tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali tiġi kkontestata permezz ta’ azzjoni jew eċċezzjoni. Madankollu, fuq dan il-punt, ir-RTMU fih dispożizzjonijiet speċjali: il-preżunzjoni ta’ validità tat-trade mark tal-Unjoni hija stabbilita fl-Artikolu 127, sakemm il-validità tagħha ma tiġix ikkontestata permezz ta’ kontrotalba taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 128.

    ( 17 ) Ara, għal tfakkira ta’ dan ir-rekwiżit, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C‑51/97, EU:C:1998:509, punti 44 sa 46). Barra minn hekk, il-konvenuti kollha għandhom ikunu ddomiċiljati fl-Unjoni (ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 52)). Ninnota li l-Konvenzjoni dwar Ġurisdizzjoni u Rikonoxximent u Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata f’Lugano fit‑30 ta’ Ottubru 2007, li l-konklużjoni tagħha ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2009/430/KE tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1), magħrufa bħala l-“Konvenzjoni ta’ Lugano II”, fiha dispożizzjoni identika għall-Artikolu 6(1).

    ( 18 ) Jibqa’ hekk minkejja l-evoluzzjoni tal-proċedura. B’hekk, rinunzja għall-appell ippreżentat inizjalment minnu, bħal, f’dan il-każ, il-kumpannija li jirrappreżenta (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet), ma għandu ebda effett fuq il-ħtieġa li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn it-talbiet meta jitressqu. Ara, fir-rigward tal-istadju tal-proċedura li fih ikun xieraq li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali rabta bejn it-talbiet, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza CDC Hydrogen PeroxideEU:C:2015:335, punti 2829), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide (C-352/13, EU:C:2014:2443, punti 78 u 79). Preċedentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, fis-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage (C‑103/05, EU:C:2006:471, punti 2733), li d-dritt intern tal-Istati Membri, li bis-saħħa tiegħu azzjoni kontra d-diversi konvenuti hija inammissibbli, ma għandha l-ebda effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li issa sar l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. Ara, ukoll, dwar il-ġurisdizzjoni ta’ qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, adita b’azzjoni ta’ ksur ibbażata fuq tali trade mark, li l-validità tagħha hija kkontestata permezz ta’ kontrotalba għal nullità, li tissussisti għal deċiżjoni fuq il-validità ta’ din it-trade mark, minkejja ċ-ċessjoni tar-rikors prinċipali, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Gemeinde Bodman-Ludwigshafen (C‑256/21, EU:C:2022:786, punti 5558), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Gemeinde Bodman-Ludwigshafen (C‑256/21, EU:C:2022:366, punti 66 sa 73), għal tfakkira ddettaljata tal-kawżi li fihom il-prinċipju ta’ perpetuatio fori.

    ( 19 ) 189/87, EU:C:1988:459. Ara, għal tfakkira tal-istorja leġiżlattiva, is-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Freeport (C‑98/06, EU:C:2007:595, punt 53).

    ( 20 ) Ara l-premessa 26 ta’ dan ir-regolament.

    ( 21 ) Ara l-premessa 21 tar-Regolament Nru 1215/2012. Hija wkoll kwistjoni li tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet. Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 45(1)(c) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni għandu jiġi rrifjutat, fuq talba ta’ kwalunkwe parti interessata, jekk id-deċiżjoni tkun irrikonċiljabbli ma’ deċiżjoni mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru mitlub.

    ( 22 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Freeport (C‑98/06, EU:C:2007:595, punt 35); tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 74); tat‑12 ta’ Lulju 2012, Solvay (C‑616/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Solvay, EU:C:2012:445, punt 21); tal‑11 ta’ April 2013, Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 41), u CDC Hydrogen Peroxide (punt 18).

    ( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Solvay (punt 23). Barra minn hekk, fis-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Roche Nederland et (C‑539/03, EU:C:2006:458, punt 26), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, “sabiex deċiżjonijiet ikunu jistgħu jitqiesu bħala kontradittorji mhux biżżejjed li tkun teżisti differenza fil-mod kif tiġi konkluża l-kawża”. Fil-fatt, fil-prattika, fl-istadju tat-tressiq tat-talba, huwa iktar diffiċli li jiġi evalwat dan il-fattur milli l-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt.

    ( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi CDC Hydrogen Peroxide (punt 20 u l-ġurisprudenza kkwotata), kif ukoll Nintendo (punt 45).

    ( 25 ) Din is-sentenza hija parti mil-linja ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 f’ċertu tilwim relatat mal-ksur tad-dritt tal-Unjoni fi kwistjonijiet ta’ privattivi, ta’ kompetizzjoni u disinni. Din il-ġurisprudenza tikkunsidra l-ispeċifiċità tar-regolamenti tal-proprjetà intellettwali, li għandha l-għan li torganizza l-konservazzjoni esklużiva ta’ din il-proprjetà intanġibbli aċċessibbli għal kulħadd. Ara, f’dan is-sens, riflessjonijiet minn Kur, A., u Maunsbach, U., “Choice of law and Intellectual Property Rights”, Oslo Law Review, 2019, vol. 6, Nru 1, p. 43 sa 61, b’mod partikolari p. 44. Barra minn hekk, l-evoluzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti hija bbażata fuq il-livell ta’ protezzjoni mogħti mid-dritt tal-Unjoni li jimplika li tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-litigazzjoni (ara, fuq dan il-punt, Georgakoudi, N., Les compétences exclusives en matière civile et commerciale: étude de droit international privé, Teżi tad-Dottorat difiża fid‑9 ta’ Diċembru 2021, b’mod partikolari p. 204, kif ukoll Muir Watt, H., Hashiguchi, M., Nateshan, S., u Sturua, D., “Article 8”, f’Magnus, U., u Mankowski, P., European Commentaries on Private International Law, Brussels Ibis Regulation, it-Tieni edizzjoni., Otto Schmidt, Köln, 2023, p. 359 sa 392, partikolarment fil-punt 1 (p. 361), punt 3 (p. 362) u punt 4 (p. 363)). Dwar l-istorja tal-armonizzazzjoni tad-dritt materjali tal-proprjetà intellettwali, ara Kur, A., u Maunsbach, U., op. cit., p. 50 u 51.

    ( 26 ) Ara s-sentenza Nintendo (punt 49).

    ( 27 ) C‑539/03, EU:C:2006:458.

    ( 28 ) Ara s-sentenza Nintendo (punti 46 u 47).

    ( 29 ) Skont l-Artikolu 17 tar-RTUE, moqri flimkien mal-Artikolu 129(2) u l-Artikolu 130(2), ta’ dan tal-aħħar, it-talbiet għal provvista ta’ informazzjoni, ir-rendikonti u l-konstatazzjoni tal-obbligu ta’ kumpens, bħala miżuri jew ordnijiet oħrajn, ma humiex regolati b’mod indipendenti minn dan ir-regolament, iżda jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali applikabbli. Ara, b’analoġija, is-sentenza ta’ Nintendo (punt 47). Jista’ jitfakkar ukoll li d-dritt għall-kumpens huwa previst fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32). Barra minn hekk, fir-rigward tal-liġi applikabbli, hemm lok li jsir riferiment għall-Artikolu 8(2) tar- Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40). Permezz ta’ dawn ir-regolamenti, li japplikaw fl-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, ir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet applikabbli fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali huma unifikati, għall-obbligi mhux kuntrattwali u, speċjalment, dawk li jirriżultaw mill-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ natura unitarja, li seħħew wara l‑11 ta’ Jannar 2009 (ara l-Artikolu 32 tar-regolament imsemmi). Fil-każ ta’ azzjoni mmirata kontra pluralità ta’ konvenuti għal atti ta’ kontrafazzjoni mwettqa f’diversi Stati Membri, ara s-sentenza Nintendo (punti 98 u 104). Ara, ukoll, AMS Neve et (punt 64).

    ( 30 ) C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 83.

    ( 31 ) Il-korsiv miżjud minni.

    ( 32 ) Punt 29. Dwar il-konsegwenzi prattiċi f’każ ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ara l-punt 28 ta’ din is-sentenza.

    ( 33 ) Ara s-sentenza Nintendo (punt 51). Il-korsiv miżjud minni.

    ( 34 ) Ara s-sentenza Nintendo (punt 51). Il- korsiv miżjud minni.

    ( 35 ) Ara s-sentenza Nintendo (punt 51). Il- korsiv miżjud minni.

    ( 36 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt irrilevat biss li “it-tieni konvenut jimmanifattura u jikkunsinna lill-ewwel konvenut il-prodotti li dan tal-aħħar jikkumerċjalizza”.

    ( 37 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 9 tar-RTUE li minnu tista’ tislet definizzjoni ta’ atti ta’ kontrafazzjoni u, f’dan is-sens, is-sentenza AMS Neve et (punt 54). Dwar il-kunċett ta’ “użu”, ara, b’analoġija, is-sentenza Nintendo (punti 100, 103 u 104).

    ( 38 ) Ara, fir-rigward ta’ din iċ-ċirkustanza, is-sentenza Solvay (punt 29).

    ( 39 ) Ara s-sentenza Nintendo (punti 50 u 51).

    ( 40 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Hummel Holding (C‑617/15, EU:C:2017:390, punt 28).

    ( 41 ) Il- korsiv miżjud minni.

    ( 42 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany (C‑360/12, EU:C:2014:1318, punti 32, 3437), dwar dan il-kunċett li jidher fl-Artikolu 93(5) tar-Regolament Nru 40/94, issa l-Artikolu 125(5) tar-RTUE.

    ( 43 ) C‑617/15, EU:C:2017:390, punti 25, 27 u 28. Interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “stabbiliment” ma għadhiex iġġustifikata peress li r-RTUE jipprovdi li r-rikorrent għandu l-għażla bejn id-domiċilju tal-konvenut u l-qorti tal-post tal-kontrafazzjoni. Barra minn hekk, l-istatus ta’ stabbiliment ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-kumpannija mħarrka tkun ipparteċipat direttament jew indirettament fit-twettiq tal-atti fl-oriġini tat-tilwima (punt 40 ta’ din is-sentenza).

    ( 44 ) 189/87, EU:C:1988:459. Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 45 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ta’ min jinnota li ma hemmx għalfejn isir riferiment għal sentenzi sussegwenti mogħtija fi kwistjonijiet ta’ kontrafazzjoni (sentenzi AMS Neve et u tat‑3 ta’ Marzu 2022, Acacia (C‑421/20, EU:C:2022:152), fi kwistjonijiet ta’ disinni Komunitarji), peress li l-azzjonijiet kienu tressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu twettaq l-att ta’ kontrafazzjoni. Ara, dwar dan il-kriterju alternattiv ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ trade marks tal-Unjoni, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 46 ) Ara s-sentenzi CDC Hydrogen Peroxide (punti 16 u 23 sa 25), kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Volvo et (C‑30/20, EU:C:2021:604, punti 39 sa 42).

    ( 47 ) Skont il-premessa 16 tiegħu, ir-Regolament Nru 1215/2012 għandu l-għan li jissupplimenta d-domiċilju tal-konvenut b’fora oħra awtorizzati minħabba r-rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-kawża jew sabiex jiffaċilita l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza Solvay (punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 48 ) Ara l-premessa 15 tar-Regolament Nru 1215/2012.

    ( 49 ) Ara, bħala paragun, is-sentenza tal-Cour de cassation (France), 1ère chambre civile, (il-Qorti tal-Kassazzjoni, (Franza), l-Ewwel Awla Ċivili), tal‑4 ta’ Lulju 2018 (nru 17‑19.384), iċċitata minn Muir Watt, H., Hashiguchi, M., Nateshan, S., u Sturua, D., op.cit, nota ta’ qiegħ il-paġna 39 (p. 372). Din il-qorti ddeċidiet li rabta ta’ konnessjoni bejn it-talbiet hija kkaratterizzata meta, fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ proprjetà immobbli, ikun hemm is-sovrapożizzjoni tal-azzjonijiet attribwiti fost uħud mid-diversi konvenuti, inkluż il-konvenut ta’ ankraġġ, ir-relazzjonijiet tagħhom, kif ukoll ir-rwoli rispettivi u r-responsabbiltajiet ta’ tnejn minnhom.

    ( 50 ) L-ipoteżi msemmija hawnhekk hija dik tal-użu tas-sinjal mill-konvenuti skont l-istess metodi. Għalhekk jidher improbabbli li konvenut ma jkunx jaf bl-atti ta’ kontrafazzjoni tad-diversi konvenuti li qegħdin miegħu. Dwar l-importanza tal-kundizzjonijiet li taħthom min jagħmel il-kontrafazzjoni x’aktarx ikun jaf li l-istess dritt nazzjonali nkiser, ara Heinze, C., u Warmuth, C., “Intellectual property and the Brussels Ibis Regulation”, f’Mankowski, P., Research Handbook on the Brussels Ibis Regulation, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2020, p. 147 sa 171, b’mod partikolari p. 167, disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://www.elgaronline.com/display/edcoll/9781788110785/9781788110785.00011.xml.

    ( 51 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza AMS Neve et (punti 47 u 54).

    ( 52 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll is-sentenza Nintendo (punt 52).

    ( 53 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza CDC Hydrogen Peroxide (punti 27 sa 29 u 31, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 54 ) Ara l-punti 18 u 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 55 ) Barra minn hekk, ma hija imposta l-ebda ġerarkija bejn id-diversi konvenuti jew it-talbiet. Dwar il-proposti dottrinali fis-sens ta’ iktar rigorożità, ara Siaplaouras, P., “Article 8”, f’Requejo Isidro, M., Brussels I bis: A Commentary on Regulation (EU) no 1215/2012, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2022, p. 166 sa 190, b’mod partikolari l-punt 8.17, nota ta’ qiegħ il-paġna 45 (p. 172), kif ukoll Gaudemet-Tallon, H., u Ancel, M.-E., Compétence et exécution des jugements en Europe, Règlements 44/2001 et 1215/2012, Conventions de Bruxelles (1968) et de Lugano (1998 et 2007), is-Sitt edizzjoni., General Library of Law and Jurisprudence, ġabra “Droit des affaires”, Pariġi, 2018, nota ta’ qiegħ il-paġna 46 (p. 395).

    ( 56 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Freeport (C‑98/06, EU:C:2007:595, punti 52 sa 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, dwar il-portata ta’ din is-sentenza, Siaplaouras, P., op. cit., il-punti 8.37 sa 8.39 (p. 177 u 178). Ara, bħala paragun, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jipprovdi li persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ wkoll tiġi mħarrka “fil-qorti li quddiemha jitressqu l-proċedimenti oriġinali, sakemm dawn ma kinux ġew mibdija biss bl-objettiv uniku li titneħħa mill-ġurisdizzjoni tal-qorti kompetenti li tisma’ l-każ tagħha” (il-korsiv miżjud minni).

    ( 57 ) Ara s-sentenza CDC Hydrogen Peroxide (punt 33). Dwar ir-rekwiżit ta’ prova ta’ kollużjoni bejn il-partijiet, ara l-punt 32 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, xi awturi nnutaw il-bidla fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, fuq dan il-punt, il-kummentarju ta’ Siaplaouras, P., op. cit., punt 8.40 (p. 178).

    ( 58 ) Ara, f’dan is-sens, Muir Watt, H., Hashiguchi, M., Nateshan, S., u Sturua, D., op. cit., punt 22 (p. 371).

    ( 59 ) Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 60 ) Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 61 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Allianz Elementar Versicherung (C‑652/20, EU:C:2022:514, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi ċċarat li, bħal fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1215/2012, fl-Artikolu 125(1) tar-RTUE, huma nnominati l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu.

    ( 62 ) Huwa pprovdut biss fl-Artikolu 123(1) tar-RTUE li “[l]-Istati Membri għandhom jinnominaw fit-territorji tagħhom numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati u tribunali nazzjonali tal-ewwel u tat-tieni istanza, li għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament”.

    ( 63 ) B’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Freeport (C‑98/06, EU:C:2007:595), u tat‑13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage (C‑103/05, EU:C:2006:471), ma huwiex previst li l-evalwazzjoni tal-qorti adita tirrigwarda l-fondatezza tat-talbiet jew l-ammissibbiltà tagħhom skont id-dritt nazzjonali. Dwar din il-kwistjoni, ara wkoll ir-riferimenti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 64 ) Ara, għal sitwazzjoni li fiha r-rikorrenti kienu bbażaw l-azzjoni tagħhom fuq il-fatt li l-inċident inkwistjoni kien dovut għal difetti fid-disinn u l-manifattura tal-ħelikopter u tħarrek konvenut li ma kellu ebda rabta ma’ dawn il-kriterji, is-sentenza tal-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni Queen’s Bench (Qorti Kummerċjali), ir-Renju Unit) tad‑29 ta’ Mejju 2020, Senior Taxi Aereo Executivo LTDA & Ors vs Agusta Westland S.p.A & Ors, disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: https://www.bailii.org/ew/cases/EWHC/Comm/2020/1348.html. Din id-deċiżjoni ġiet ikkummentata minn Muir Watt, H., Hashiguchi, M., Nateshan, S., u Sturua, D., op. cit., punt 20 (p. 370), minn James, M., “Claims against anchor defendant subject to merits test under Recast Brussels Regulation (High Court)”, Practical Law UK, Thomas Reuters, 10 ta’ Ġunju 2020, kif ukoll Pertoldi, A., u Mcintosch, M., “High Court holds claim against anchor defendant must satisfy merits test if it is to be used to establish jurisdiction against co-defendants under recast Brussels Regulation”, disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://hsfnotes.com/litigation/2020/06/30/high-court-holds-claim-against-anchor-defendant-must-satisfy-merits-test-if-it-is-to-be-used-to-establish-jurisdiction-against-co-defendants-under-recast-brussels-regulation/. Ara wkoll is-sentenza tal-Cour de cassation, chambre commerciale (il-Qorti tal-Kassazzjoni (Franza), Awla Kummerċjali) tas‑26 ta’ Frar 2020 (nru 18‑21.144), iċċitata minn Muir Watt, H., Hashiguchi, M., Nateshan, S., u Sturua, D., op. cit., punt 19 (p. 369), li fiha din il-qorti ħassret u annullat is-sentenza tal-cour d’appel de Paris (France) (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi (Franza)) tal‑5 ta’ Ġunju 2018, skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għar-raġuni li ma kienet tressqet l-ebda talba kontra waħda mill-partijiet imħarrka.

    ( 65 ) Sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx tittratta tali sitwazzjoni. Dwar il-kunċett ta’ “perturbatur” li jippermetti fid-dritt Ġermaniż li titfittex ir-responsabbiltà tad-direttur, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punti 120 sa 123). F’każ bħal dan, huwa jista’ jitfittex biss għall-waqfien u għall-inibizzjoni tal-ksur tad-dritt ikkonċernat.

    ( 66 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 120).

    ( 67 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48.

    ( 68 ) Skont din id-dispożizzjoni, “[f]il-każ ta’ obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn ksur ta’ dritt Komunitarju unitarju ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi applikabbli għandha tkun, għal kwalunkwe kwistjoni mhux regolata mill-istrument Komunitarju relevanti, il-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur”.

    ( 69 ) Ara, għal sommarju tal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Acacia (C‑421/20, EU:C:2022:152, punt 48), u, fir-rigward tan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar meta il-proprjetarju tad-dritt protett jagħżel li jagħmel azzjoni mmirata relatata ma’ atti ta’ kontrafazzjoni mwettqa fi Stat Membru wieħed, il-punt 49 tal-istess sentenza.

    ( 70 ) Ara s-sentenza Nintendo (punt 103).

    ( 71 ) Ara s-sentenza f’AMS Neve et (punti 63 u 64).

    ( 72 ) Ara, bħala paragun, is-sentenzi ta’ AMS Neve et u tat‑3 ta’ Marzu 2022, Acacia (C‑421/20, EU:C:2022:152).

    Top