Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0366

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati l-14 ta’ Lulju 2022.
Maxime Picard vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Pensjoni – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Riforma tas-sena 2014 – Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 – Anness XIII ta’ dawn ir-regolamenti – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) – Miżuri tranżitorji li jirrigwardaw ir-rata annwali ta’ kisba tad-drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar – Skema applikabbli għall-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni – Anness – Artikolu 1(1) – Applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri tranżitorji b’analoġija għall-membri tal-persunal l-oħra fis-servizz fil‑31 ta’ Diċembru 2013 – Iffirmar ta’ kuntratt ġdid ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt – Att li jikkawża preġudizzju – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
Kawża C-366/21 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:582

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2022 ( 1 )

Kawża C‑366/21 P

Maxime Picard

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Pensjoni – Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 – Miżuri tranżitorji li jirrigwardaw ir-rata annwali ta’ kisba tad-drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar – Applikazzjoni ratione temporis – Iffirmar ta’ kuntratt ġdid ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt – Att li jikkawża preġudizzju – Klassifikazzjoni – Effetti legali awtonomi”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz ta’ dan l-appell, Maxime Picard jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Marzu 2021, Picard vs Il-Kummissjoni (T‑769/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:153), li ċaħdet ir-rikors tiegħu għall-annullament, minn naħa, tat-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 tal-amministratur tat-taqsima “Pensjonijiet” tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (iktar ’il quddiem il-“PMO”) li tgħid li l-età normali tal-irtirar u r-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni kienu saru, rispettivament 66 sena u 1.8 % mill‑1 ta’ Ġunju 2014, u min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2016 tad-Direttur tad-Direttorat E tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tar-Riżorsi Umani tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠ Riżorsi Umani”), fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”), li tiċħad l-ilment imressaq minn M. Picard kontra t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016.

2.

Din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tittratta żewġ problemi.

3.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni dwar ir-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar prevista mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea ( 2 ). Is-soluzzjoni adottata fuq dan il-punt mill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha effett kbir fuq l-iskema ta’ pensjoni applikabbli għal proporzjon mhux negliġibbli tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni.

4.

Fit-tieni lok, din il-kawża tista’ tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, fid-dawl tal-kunċett ta’ “att li jikkawża preġudizzju”, f’liema mument membru tal-persunal tal-Unjoni jkun permess jikkontesta l-elementi li jservu ta’ bażi għad-determinazzjoni tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni.

II. Il‑kuntest ġuridiku

5.

Huma rilevanti f’din il-kawża:

l-Artikoli 25, 77, 83, 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”, kif emendati mir-Regolament Nru 1023/2013;

l-Artikolu 21(2), u l-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat mir-Regolament Nru 1023/2013;

l-Artikolu 8, l-Artikolu 86(2) u l-Artikolu 109(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni (iktar ’il quddiem ir-“Kondizzjonijiet tal-Impjieg”), kif emendati mir-Regolament Nru 1023/2013;

l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

6.

Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 1 sa 25 tas-sentenza appellata u jista’ jsir sunt tagħhom kif ġej.

7.

M. Picard kien ġie rreklutat, b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2008, mill-Kummissjoni, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt mal-Unità 5 tal-PMO (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal‑2008”). Ir-rikorrent kien ġie kklassifikat fl-ewwel grupp ta’ funzjonijiet. Dan il-kuntratt iġġedded tliet darbiet għal żmien determinat, u permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Mejju 2011, għal żmien indeterminat.

8.

Fis‑16 ta’ Mejju 2014, id-“DĠ Riżorsi Umani” offra lir-rikorrent kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, li dan tal-aħħar iffirma fl-istess ġurnata (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014”). Dan il-kuntratt, għal żmien indeterminat, ħa effett fl‑1 ta’ Ġunju 2014, bi klassifikazzjoni tar-rikorrent fit-tieni grupp ta’ funzjonijiet.

9.

Qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ġew emendati permezz tar-Regolament Nru 1023/2013, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tagħhom għal din il-kawża huma applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014.

10.

Wara r-riforma tal‑2014, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli wkoll għall-membri tal-persunal bil-kuntratt b’riferiment tal-Artikolu 109(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, jiffissa r-rata annwali ġdida ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni ta’ 1.8 %, filwaqt li r-rata preċedenti kienet titla’ għal 1.9 %. Barra minn hekk, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi l-età tal-irtirar għal 66 sena, kontra t-63 sena kif kienet qabel.

11.

Madankollu fl-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ġiet prevista skema tranżitorja. Għaldaqstant, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 ta’ dan l-Anness, l-uffiċjali li daħlu fis-servizz fil-perijodu bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑31 ta’ Diċembru 2013 għandhom ikomplu jibbenefikaw mir-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni 1.9 %. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi anness jipprevedi li l-uffiċjali li fl‑1 ta’ Mejju 2014 ikollhom 35 sena ( 3 ) jew iktar u li jkunu daħlu fis-servizz qabel l‑1 ta’ Jannar 2014 għandhom ikunu intitolati għal pensjoni tal-irtirar fl-età ta’ 64 sena u 8 xhur. Finalment, l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg jipprevedi li dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji “għandhom japplikaw b’analoġija għal ħaddiema impjegati [għall-membri tal-persunal l-oħra fil-kariga] fil‑31 ta’ Diċembru 2013”.

12.

Permezz ta’ posta elettronika tal‑4 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrent, li kellu dubji dwar l-implikazzjonijiet li r-riforma tal‑2014 seta’ jkollha fuq is-sitwazzjoni tiegħu wara l-iffirmar tal-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014, talab spjegazzjonijiet lill-amministratur tat-taqsima “Pensjonijiet” tal-Unità 4 tal-PMO (iktar ’il quddiem il-“posta elettronika tal‑4 ta’ Jannar 2016”).

13.

Permezz ta’ posta elettronika tal-istess ġurnata, dan l-amministratur ikkonferma lir-rikorrent li d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu kienu nbidlu minħabba t-tibdil fil-kuntratt u li, għaldaqstant, fir-rigward tiegħu, l-età normali tal-irtirar u r-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni kienu saru, rispettivament 66 sena u 1.8 % mill‑1 ta’ Ġunju 2014 (iktar ’il quddiem it-“tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016”).

14.

Fl‑4 ta’ April 2016, ir-rikorrent ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016.

15.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2016, ikkomunikata lir-rikorrent fis‑26 ta’ Lulju 2016, id-Direttur tad-Direttorat E tad-DĠ Riżorsi Umani, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, ċaħad l-imsemmi lment, prinċipalment, bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ att li jikkawża preġudizzju, u sussidjarjament, bħala infondat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑25 ta’ Lulju 2016”).

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali

16.

Permezz ta’ att ippreżentat fis‑7 ta’ Novembru 2016, fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent ippreżenta rikors għall-annullament tat-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 u, sa fejn hemm bżonn, tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑25 ta’ Lulju 2016. Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dak ir-rikors.

17.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ottubru 2017, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jissospendi l-kawża sakemm id-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza fil-Kawża T‑128/17, Torné vs Il‑Kummissjoni, tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

18.

Wara l-għoti tas-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Torné vs Il‑Kummissjoni ( 4 ), u fin-nuqqas ta’ preżentata ta’ appell kontra din id-deċiżjoni, il-partijiet ippreżentaw, fit-terminu stabbilit mill-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi ta’ din is-sentenza għal din il-kawża.

19.

Permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Mejju 2019, konformement mal-Artikolu 130(7) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali inkludiet mal-eżami fuq il-mertu l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u rriżervat l-ispejjeż.

20.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent.

21.

Il-Qorti Ġenerali qabel kollox iddeċidiet li teżamina l-motivi invokati mir-rikorrent, mingħajr deċiżjoni minn qabel dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. Biex tiddeċiedi f’dan is-sens, hija bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza li tgħid li l-qorti tal-Unjoni għandha dritt li tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ ineżami, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li r-rikors jiġi miċħud fuq il-mertu, mingħajr deċiżjoni minn qabel dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenut ( 5 ).

22.

Fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienet korretta l-Kummissjoni meta kkunsidrat li l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 kellu bħala konsegwenza li ma jippermettix lir-rikorrent jibbenefika mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji, previsti fl-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar ir-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar.

23.

Fil-punti 65 sa 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, fis-sens li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti għall-uffiċjali fl-Artikoli 21 u 22 ( 6 ) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal “japplikaw b’analoġija għal ħaddiema impjegati [għall-membri tal-persunal l-oħra fil-kariga] fil‑31 ta’ Diċembru 2013”.

24.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari, li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Artikoli 21 u 22 ta’ dan l-anness japplikaw għall-membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg sa fejn huwa possibbli li tiġi stabbilita analoġija bejn dawn tal-aħħar u l-uffiċjali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi proprji għal kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ persunal. Wara li eżaminat dawn il-karatteristiċi, il-Qorti Ġenerali rrilevat li għalkemm l-uffiċjal jidħol u jibqa’ fis-servizz tal-amministrazzjoni tal-Unjoni permezz ta’ att ta’ ħatra li ma jinbidilx għall-karriera kollha tiegħu, membru tal-persunal bil-kuntratt jidħol u jibqa’ fil-kariga permezz ta’ kuntratt sakemm dan jibqa’ effettiv.

25.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali interpretat ir-rekwiżit li wieħed ikun “impjegat [fil-kariga] fil‑31 ta’ Diċembru 2013” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

26.

Fil-punt 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kunċett “b’analoġija” li jinsab fl-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, jippreżumi li l-membri tal-persunal jinsabu f’sitwazzjoni analoga għal dik tal-uffiċjali. Skont il-Qorti Ġenerali, din is-sitwazzjoni tista’ tiġi stabbilita biss fil-każ fejn il-membru tal-persunal ma jkunx iffirma kuntratt ġdid li jimplika l-bidu ta’ relazzjoni ta’ xogħol ġdida mal-amministrazzjoni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija fakkret li hija kienet diġà ddeċidiet li relazzjoni ta’ xogħol bejn membru tal-persunal, minn naħa, u l-amministrazzjoni tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, tista’ tibqa’ ma tinbidilx, anki wara l-iffirmar ta’ kuntratt ġdid distint formalment mill-kuntratt inizjali, bil-kundizzjoni li l-aħħar kuntratt ma jagħmilx bidla sostanzjali fil-funzjonijiet tal-membru tal-persunal, b’mod partikolari fil-grupp ta’ funzjonijiet, ta’ natura li tqajjem dubju dwar il-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-amministrazzjoni tal-Unjoni ( 7 ).

27.

Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet qabelxejn li l-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal japplikaw biss għall-membri tal-persunal l-oħra fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013 u li jibqgħu fiha, wara din id-data permezz ta’ kuntratt, sakemm il-pożizzjoni tagħhom tiġi eżaminata għall-finijiet tal-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni.

28.

Imbagħad, fil-punti 85 sa 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali siltet il-konsegwenzi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent. B’mod partikolari, wara li eżaminat il-kuntratti konklużi mir-rikorrent mal-Kummissjoni kif ukoll il-karatteristiċi tal-postijiet li fihom huwa ġie rreklutat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-tibdil ta’ grupp ta’ funzjonijiet kien ippreġudika l-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ xogħol tar-rikorrent mal-amministrazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan li l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 kien involva t-twaqqif tal-effetti kollha tal-kuntratt tal‑2008 li fuq il-bażi tiegħu r-rikorrent kien “fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013” skont l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u, għaldaqstant, it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ mpjieg bejn dan u l-amministrazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 kien wassal għal dħul ġdid fil-kariga għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, b’mod li r-rikorrent ma setax jibbenefika mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar ir-rata annwali ta’ kisba tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtitar u għall-età tal-irtirar.

29.

Finalment, il-Qorti Ġenerali rrilevat li din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata, inter alia, bl-argument tar-rikorrent li jgħid li kuntratt ġdid ma jipprekludix il-benefiċċju tal-imsemmija dispożizzjonijiet tranżitorji, peress li ma jinvolvix ksur tal-kontinwità fl-affiljazzjoni ma’ u l-kontribuzzjoni għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet għall-membri tal-persunal ma tistax tiddependi fuq l-affiljazzjoni allegatament mhux interrotta mal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, imma tiddependi fuq il-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ xogħol, kif din hija stabbilita fil-punt 81 tas-sentenza appellata.

V. It‑talbiet tal‑partijiet

30.

L-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 u, sa fejn hemm bżonn, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑25 ta’ Lulju 2016, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

31.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

VI. Fuq l‑appell

A.   Fuq l‑ammissibbiltà tal‑appell

1. L‑argumenti tal‑partijiet

32.

Il-Kummissjoni ssostni li l-appell huwa inammissibbli minħabba li, bi ksur tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellant ma jidentifikax bi preċiżjoni l-punti tas-sentenza li huwa jikkontesta.

33.

Din l-istituzzjoni tirrileva li l-appellant jikkritika s-sentenza appellata inkwantu l-Qorti Ġenerali jingħad li wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 90 ta’ din id-deċiżjoni li, b’effett tal-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid, membru tal-persunal ma jibqax “fil-kariga” fil‑31 ta’ Diċembru 2013 fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg. Minn dan hija tiddeduċi li dan ir-riferiment għal punt wieħed biss mis-sentenza appellata ma josservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

34.

Min-naħa tiegħu, l-appellant isostni li huwa identifika, fil-punti 25 u 26 tal-appell tiegħu l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 81 tas-sentenza appellata u li huwa kkritika l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

2. Evalwazzjoni

35.

Skont ġursprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu, taħt piena ta’ inammissibbiltà, jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha jkun intalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba ( 8 ).

36.

Issa, nosserva li fil-punti 24 et seq tal-appell tiegħu, l-appellant isostni li, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg meta ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tranżitorji jistgħu jkomplu japplikaw għall-membri l-oħra tal-persunal biss fejn dawn tal-aħħar ma jikkonkludux kuntratt ġdid jew li, meta jikkonkludu kuntratt ġdid, huma jkomplu jeżerċitaw, sostanzjalment, l-istess funzjonijiet.

37.

Barra minn hekk, fl-argumenti tal-appell tiegħu, l-appellant jikkritika l-motivi li jinsabu fil-punt 90 tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha espliċitament fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg mogħtija fil-punt 81 ta’ din is-sentenza biex tikkunsidra li l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014 kien involva t-twaqqif tal-effetti kollha tal-kuntratt tal‑2008 u, għaldaqstant, it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol mal-amministrazzjoni tal-Unjoni.

38.

Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-appellant issodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura meta indika b’mod suffiċjentement preċiż, minn naħa, l-elementi tar-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali li huwa jikkritika, u min-naħa l-oħra, l-iżball ta’ liġi li huwa jixtieq jinvoka insostenn tal-appell tiegħu.

39.

Minn dan niddeduċi li l-appell huwa ammissibbli.

B.   Fuq l‑aggravju uniku

1. L‑argumenti tal‑partijiet

40.

Insostenn ta’ dan l-aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali injorat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni meta ma kkunsidrat la l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni u lanqas is-sistema stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg fil-qasam speċifiku tal-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-appellant isostni li, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza Torné, l-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiddependi miż-żamma tal-affiljazzjoni mal-iskema ta’ pensjoni u mill-kontinwità tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet fiha.

41.

Barra minn hekk, l-appellant jafferma li, bil-fatt li qieset li l-kuntratt wassal għat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol mal-amministrazzjoni tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-kontinwità ta’ din ir-relazzjoni, rikonoxxuta fl-Artikolu 86(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, mill-aspett tal-evoluzzjoni tar-remunerazzjoni. Finalment, huwa jirrileva li, fl-Artikolu 1(1) tal-anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, il-leġiżlatur tal-Unjoni uża l-kunċett ta’ membri tal-persunal “fil-kariga”, filwaqt li fl-Artikoli 4 u 5 tal-istess anness, huwa uża espressament it-termini “kuntratti pendenti”. L-appellant jiddeduċi minn dan li dan il-leġiżlatur ma riedx jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji għall-kuntratti pendenti biss.

42.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li analoġija mas-sitwazzjoni tal-uffiċjali tista’ ssir biss f’każ fejn il-membru tal-persunal ma jiffirmax kuntratt ġdid li jimplika l-bidu ta’ relazzjoni ġdida ta’ xogħol. Hija żżid li l-appellant ma jistax jipprevalixxi ruħu utilment mis-sentenza Torné peress li din id-deċiżjoni kienet tirrigwarda, mhux l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) tal-anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, imma l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għal uffiċjal li jibqa’ fis-servizz biss fuq il-bażi tal-att tal-ħatra inizjali tiegħu. F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni tenfasizza li s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt inkwantu dan jibqa’ fil-kariga sakemm il-kuntratt jipproduċi l-effetti tiegħu. Hija tirrileva li l-Qorti Ġenerali għamlet analiżi fattwali dettaljata li minnha hija ddeduċiet li ma teżistix kontinwità bejn il-kuntratt konkluż fl‑2008 u l-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2008.

43.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li invoka l-appellant, ma jaffettwawx l-interpretazzjoni tal-kliem “impjegati [fil-kariga] fil‑31 ta’ Diċembru 2013” użati fl-Artikolu 1(1) tal-anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg. Finalment, din l-istituzzjoni tikkunsidra li d-differenza fit-terminoloġija bejn dan l-aħħar artikolu u l-Artikoli 4 u 5 tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg issib spjegazzjoni fid-differenza fl-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, peress li l-ewwel waħda tirrigwarda l-applikazzjoni tal-miżuri tranżitorji, filwaqt li t-tnejn l-oħra kienu jirrigwardaw t-tiġdid tal-kuntratti.

2. Evalwazzjoni

a) Osservazzjonijiet preliminari

44.

It-tibdil fir-rata annwali ta’ kisba tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar u fl-età tal-irtirar introdott bir-Regolament Nru 1023/2013 jirrifletti l-għan li jinżamm bilanċ attwarjali tal-iskema ta’ rtirar u li tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-istruttura demografika tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 9 ). Dan premess, fl-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, favur l-uffiċjali li daħlu fis-servizz qabel l‑1 ta’ Jannar 2014, skema tranżitorja li tippermetti lil dawn iżommu l-benefiċċju tar-rata ta’ kisba tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar prevista fit-testi preċedenti u li tiffissa, b’mod gradwali, l-età li fiha l-uffiċjal għandu dritt għal pensjoni tal-irtirar. Skont l-Artikolu 1(1) tal-anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg “[l-]Artikolu 21, u l-Artikolu 22, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 4 tiegħu […] tal-imsemmi anness japplikaw b’analoġija għal ħaddiema impjegati [għall-membri tal-persunal l-oħra fil-kariga] fil‑31 ta’ Diċembru 2013”.

45.

Biex jiġi stabbilit is-sens u l-portata ta’ din l-analoġija bejn l-uffiċjali u l-membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-karatteristiċi ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ persunal. B’mod iktar preċiż, is-sentenza appellata ddeċidiet, essenzjalment, li jekk l-uffiċjal jidħol u jibqa’ fis-servizz mal-amministrazzjoni abbażi ta’ rabta tar-Regolamenti tal-Persunal ikkostitwita b’att ta’ ħatra li tibqa’ intatta sat-tmiem mis-servizz tiegħu, il-membru tal-persunal bil-kuntratt jidħol u jibqa’ fil-kariga abbażi ta’ rabta kuntrattwali. Filwaqt li bbażat ruħha fuq din id-distinzjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tranżitorji japplikaw b’analoġija għall-membri tal-persunal l-oħra fil-kariga fil-31 ta’ Diċembru 2013 u jibqgħu hekk, wara din id-data, jew abbażi ta’ kuntratt konkluż qabel, jew inkella abbażi ta’ kuntratt ġdid meta dan il-ftehim ma jimplikax ksur tal-kontinwità fil-funzjonijiet okkupati mill-membru tal-persunal.

46.

Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għal dak li jirrigwardaw l-membri tal-persunal bil-kuntratt, il-kriterju marbut mal-kontinwità sostanzjali tal-funzjonijiet jiddetermina l-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fir-Regolament Nru 1023/2013.

47.

Madankollu, jidhirli li din l-interpretazzjoni, li ssib il-bażi essenzjali tagħha fid-differenza bejn ir-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u s-sistema tal-membri tal-persunal l-oħrajn, ma tippermettix li jingħata s-sens u l-portata sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) tal-anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

48.

F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 10 ).

49.

F’dan ir-rigward, nirrileva li, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tranżitorji, il-Kondizzjonijiet għall-Impjieg ma jagħtu ebda definizzjoni tal-kliem “ikun fil-kariga”. Iktar minn hekk, il-kelma “analoġija” ( 11 ), li hija ddefinita b’mod komuni, fil-lingwa Franċiża, bħala “sorte de rapport, de ressemblance dans l’ordre physique, intellectuel ou moral qui existe à certains égards entre deux ou plusieurs choses différentes [tip ta’ rapport, ta’ xebh mill-aspett fiżiku, intellettwali jew morali li jeżisti f’ċerti aspetti bejn żewġ affarijiet differenti jew iktar]” ( 12 ), ma għandhiex, minnha nfisha, natura suffiċjentement sinjifikattiva biex tikkorrobora l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

50.

Għaldaqstant, huwa meħtieġ li wieħed jibbaża ruħu fuq il-metodi ta’ interpretazzjoni teleoloġiċi u kuntestwali biex janalizza dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji.

b) Fuq l‑interpretazzjoni teleoloġika

51.

Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jaddatta l-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal, huwa huwa ried jgħaqqad din ir-riforma ma’ miżuri komplementari li jieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn qabel mill-persunal ( 13 ). Dan l-għan huwa espress espliċitament fil-premessa 29 tar-Regolament Nru 1023/2013 li jaqra kif ġej: “[g]ħandhom jiġu stabbiliti arranġamenti tranżitorji li jippermettu li r-regoli u l-miżuri l-ġodda jiġu applikati gradwalment, fir-rispett tad-drittijiet miksuba u tal-istennijiet leġittimi tal-persunal impjegat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi fir-Regolamenti tal-Persunal”.

52.

Issa, din il-premessa jidhirli li tikkostitwixxi element rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 1(1) tal-anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

53.

F’dan ir-rigward, nirrileva, l-ewwel li, kif impoġġija wara l-espożizzjoniet tal-emendi kollha magħmula lir-Regolamenti tal-Persunal u lill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg mir-Regolament Nru 1023/2013, l-imsemmija premessa tikkonċerna, evidentement, id-dispożizzjonijiet tranżitorji kollha previsti minn dan ir-regolament fosthom dawk li jirrigwardaw il-pensjonijiet tal-irtirar. Nosserva, imbagħad, li mill-użu tat-terminu “persunal impjegat”, li huwa ta’ natura ġenerika, jirriżulta li, fir-rigward tal-għanijiet affermati fl-istess premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma għamilx distinzjoni bejn l-uffiċjali u l-membri l-oħra tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

54.

Minn dan niddeduċi li, l-istess bħad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, dawk tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet li jirrigwardaw ir-rispett tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni li kienu fil-kariga qabel l‑1 ta’ Jannar 2014 ( 14 ).

55.

Barra minn hekk, għalkemm dan l-approċċ jippermetti li jiġu ddefiniti aħjar l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, huwa ma jistax jiġi mifrud mill-analiżi tal-istruttura ġenerali tas-sistema tal-irtirar li taħtha jaqgħu d-dispożizzjonijiet tranżitorji.

c) Fuq l‑interpretazzjoni kuntestwali

56.

Il-benefiċċji mħallsa fil-kuntest tal-iskema tal-pensjonijiet huma ddefiniti fit-Titolu V, Kapitolu 3 tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Anness VIII tagħhom. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 83(1) ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li l-ħlas tal-benefiċċji previsti fl-iskema ta’ pensjoni titħallas mill-baġit tal-Unjoni u li l-Istati Membri jiggarantixxu b’mod kollettiv il-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji. Barra minn hekk, l-Artikolu 83a u l-Anness XII tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxu r-regoli attwarjali għall-kalkolu tar-rata ta’ kontribuzzjoni li tippermetti li jiġi ggarantit il-bilanċ tal-iskema ta’ pensjoni.

57.

L-iskema tal-pensjonijiet tal-membri tal-persunal bil-kuntratt hija ddefinita fl-Artikoli 109 u 110 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg. Għaldaqstant, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 109(1) tipprovdi li: “[m]alli jitlaq mis-servizz, persunal bil-kuntratt għandu jkun intitolat għal pensjoni ta’ l-irtirar, trasferiment ta’ ekwivalenza attwarjali jew il-pagament ta’ għotja għall-firda skond il-Kapitolu 3 tat-Titolu V ta[r]-Regolamenti tal-Persunal”.

58.

Għaldaqstant, mill-formulazzjoni stess ta’ dawn it-testi jirriżulta li l-iskemi ta’ pensjonijiet tal-uffiċjali u dik tal-membri tal-persunal bil-kuntratt isegwu regoli komuni.

59.

B’mod skematiku, l-iskema ta’ pensjoni, kif iddefinita mill-imsemmija testi, hija magħmula bħala fond kunċettwali b’benefiċċji ddefiniti, li fih il-kontribuzzjonijiet tal-persunal iservu biex jiffinanzjaw il-pensjonijiet futuri ta’ dan il-fond. Dawn il-kontribuzzjonijiet ikopru l-ispiża tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba matul sena partikolari u bl-ebda mod ma huma marbutin mal-ispejjeż tal-imsemmija sena ddedikati għall-ħlas tal-pensjonijiet.

60.

Il-funzjonament ta’ dan il-fond huwa bbażat fuq il-prinċipju tal-bilanċ attwarjali, li skontu l-kontribuzzjonijiet tal-persunal għandhom, skont l-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ikopru terz mid-drittijiet miksuba matul is-sena kkonċernata, li jikkorrispondu għall-pensjonijiet li jkollhom jitħallsu lill-uffiċjali wara li jirtiraw ( 15 ). Ir-rata tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-uffiċjali hija s-suġġett ta’ evalwazzjoni regolari prevista fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, intiża li tiżgura li dawn il-kontribuzzjonijiet jiffinanzjaw terz mill-ispejjeż tal-iskema ( 16 ).

61.

Minn dawn l-argumenti jirriżulta li, kemm għall-uffiċjali li jaqgħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll għall-membri l-oħra tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, l-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar tal-membri tal-persunal tal-Unjoni tistrieħ fuq il-ħlas min-naħa ta’ dawn ta’ kontribuzzjoni aġġornata li l-effett tagħha hija li tiftaħ drittijiet għall-pensjoni għal sena partikolari. Issa, jidhirli li l-eżistenza ta’ tali skema komuni, ibbażata fuq il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet, tippermetti li tiġi ċċarata l-interpretazzjoni tat-terminu “analoġija” li jinsab fl-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

62.

Fil-fatt, fid-dawl tal-kuntest li fih jinsab dan l-artikolu, jidhirli li l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tiġi marbuta ma’ kundizzjoni li tirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ kontinwità sostanzjali tal-funzjonijiet okkupati mill-membru tal-persunal bil-kuntratt. Jidhirli, għall-kuntrarju li, kif għandha tinftiehem fid-dawl tas-sistema ta’ kontribuzzjonijiet għall-irtirar organizzata favur l-uffiċjali u l-membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg mil-leġiżlatur tal-Unjoni, din l-applikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterju ta’ kontinwità ta’ affiljazzjoni mal-iskema tal-pensjonijiet.

63.

Minn dan niddeduċi li, skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji fl-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, għandu jitqies bħala li huwa “fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013” il-membru tal-persunal bil-kuntratt, li jkun ġie rreklutat qabel dik id-data, li, indipendentement mill-konklużjoni sussegwenti ta’ kuntratt li jimmodifika sostanzjalment il-funzjonijiet tiegħu, żamm l-affiljazzjoni tiegħu mal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni u kompla jħallas kontribuzzjonijiet għal din l-iskema.

64.

Inżid ngħid li din hija l-unika interpretazzjoni li terġa’ tagħti s-sens u l-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg peress li tippermetti li tpoġġi lil membru tal-persunal bil-kuntratt f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ uffiċjal li, filwaqt li daħal fis-servizz qabel l‑1 ta’ Jannar 2014 u jħallas il-kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ rtirar, jista’ jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ( 17 ).

65.

Barra minn hekk, l-analiżi li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi, ma tistax tiġi invalidata utilment bir-riferiment, magħmul fil-punt 81 tas-sentenza appellata, għas-sentenza EMA vs Drakeford. Fil-fatt, kif jirrileva preċiżament M. Picard, din is-sentenza tikkonċerna r-riklassifikazzjoni, prevista fl-Artikolu 8(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, ta’ kuntratti għal żmien determinat konklużi suċċessivament ma’ membri tal-persunal temporanju. F’tali ipoteżi, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-kriterju marbut mal-kontinwità sostanzjali tal-funzjonijiet okkupati minn membru tal-persunal temporanju biex tiddetermina jekk, taħt il-kappa tat-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat, l-amministrazzjoni ma riditx timla post ta’ mpjieg permanenti. Din is-soluzzjoni, li hija bbażata fuq l-istruttura stess tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, jidhirli li ma taffettwax l-interpretazzjoni tal-miżuri tranżitorji previsti fil-qasam tal-pensjonijiet tal-irtirar mir-Regolament Nru 1023/2013.

66.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet ir-rikors għall-annullament tat-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 minħabba li d-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg japplikaw b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013 u li dawn jibqgħu hekk, wara din id-data, skont kuntratt li ma jġibx ksur tal-kontinwità fir-rabta ta’ mpjieg.

67.

Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-uniku aggravju huwa fondat u, għaldaqstant, tannulla s-sentenza appellata.

VII. Fuq ir‑rikors ippreżentat quddiem il‑Qorti Ġenerali

68.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jekk l-appell ikun fondat sewwa u l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

69.

F’dan ir-rigward, infakkar li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors ibbażata fuq l-assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 18 ), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, f’xewqa ta’ ekonomija tal-ġudizzju, kien hemm lok li jiġu eżaminati l-ewwel il-motivi mressqa mir-rikorrent, mingħajr ma tiddeċiedi qabel dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni peress li r-rikors kien, fi kwalunkwe każ, infondat. Minn dan jirriżulta li, biex tiddeċiedi fuq il-kawża kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ewwel tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u mbagħad, jekk ikun il-każ, teżamina l-fondatezza tat-talba tar-rikorrent.

70.

Issa, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja hija fi stat li tiddeċiedi dawn il-punti kollha inkwantu, minn naħa, l-espożizzjoni tal-fatti mhux ikkontestati neċessarji għad-deċiżjoni tidher kompleta u suffiċjenti, u, min-naħa l-oħra, l-elementi tal-kawża ġew iddibattuti b’mod kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali ( 19 ) u l-Qorti tal-Ġustizzja. Inżid li huwa fl-interess tal-appellant, li adixxa lill-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Novembru 2016, li jikseb malajr deċiżjoni ġudizzjarja.

A.   Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors

1. L‑argumenti tal‑partijiet

71.

Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni ssostni li t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016, mogħtija fil-forma ta’ posta elettronika, ma tistax titqies bħala att li jikkawża preġudizzju peress li hija għandha bħala għan biss li tagħti lill-appellant informazzjoni fuq dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, hija tosserva li din it-tweġiba hija mogħnija bi twissija li tippreċiża li l-messaġġ kien biss ta’ natura informattiva. Hija żżid li, peress li kienet saret minn sempliċi kollega tal-appellant ftit żmien biss wara t-talba, it-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 ma kienet ippreċeduta minn ebda studju minn qabel indispensabbli għall-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju.

72.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li huwa biss fid-data tal-irtirar ta’ membru tal-persunal li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar ir-rata tal-kisba tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar u għall-età tal-irtirar ikollhom effett konkret. Hija tikkunsidra li l-appellant ma jistax jeżiġi l-iffissar minn qabel ta’ ċerti elementi tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu u dan, speċjalment peress li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jitbiddlu sad-data tal-irtirar tiegħu. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li l-uniku att li jista’ jikkawża preġudizzju lil M. Picard ser jikkonsisti fid-deċiżjoni definittiva li ser tiġi adottata meta huwa jirtira.

73.

Min-naħa tiegħu, M. Picard isostni li l-amministrazzjoni kienet obbligata tiffissa minn qabel l-elementi għall-kalkolu tal-pensjoni tiegħu peress li dawn l-elementi kienu diġà magħrufin u ma kinux għadhom jistgħu jitbiddlu fil-mument li fih huwa għamel it-talba tiegħu. Huwa jżid li t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 affettwat immedjatament u direttament id-drittijiet għall-pensjoni tiegħu, b’mod li huwa kellu interess leġittimu, eżistenti u attwali, sabiex jiġi ffissat ġudizzjarjament element inċert tal-istat tiegħu.

74.

L-appellant jenfasizza wkoll li, fis-sentenza Torné, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jimponu b’mod impliċitu fuq l-istituzzjoni kkonċernata li tadotta immedjatament deċiżjoni mingħajr ma tistenna t-tmiem definittiv mis-servizz tal-persuna kkonċernata. Huwa jirrileva wkoll li, fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienet in-nota kontenzjuża li ffissat id-data tad-dħul fis-servizz tal-appellant li kienet ikkawżatlu preġudizzju u mhux l-applikazzjoni li jsir tagħha biex jiġu kkalkolati d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu waqt il-likwidazzjoni tal-irtirar tiegħu.

2. Evalwazzjoni

75.

Jeħtieġ li jitfakkar, bħala fatti mhux ikkontestati, li kontra t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016, M. Picard kien ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Adita b’din it-talba, l-ASTK, b’deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2016 tad-DĠ Riżorsi Umani, ċaħdet l-ilment, prinċipalment, bħala inammissibbli, peress li ma kienx hemm att li jikkawża preġudizzju u, sussidjarjament, bħala infondat.

76.

Quddiem il-Qorti Ġenerali, M. Picard ippreżenta rikors għall-annullament tat-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 u, “sa fejn hemm bżonn”, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal‑25 ta’ Lulju 2016.

77.

Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-atti tal-istituzzjonijiet jistgħu jiġu kkontestati minn uffiċjal biss jekk dawn jikkawżawlu preġudizzju. L-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi, essenzjalment, li l-ammissibbiltà tar-rikors kontenzjuż huwa suġġett ukoll għat-twettiq ta’ din il-kundizzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 117 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-rimedji previsti mir-Regolamenti tal-Persunal, fosthom dawk li għadni kif iċċitajt, japplikaw b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt.

78.

Minn dawn l-elementi jirriżulta li, biex jiġi ddeterminat jekk ir-rikors ta’ M. Picard huwiex ammissibbli, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk it-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 hijiex att li jikkawżalu preġudizzju fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

79.

Fuq dan il-punt, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkawżaw preġudizzju u jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament l-atti jew il-miżuri biss li jipproduċu effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu, b’mod serju, is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu ( 20 ). Din id-definizzjoni tal-att li jikkawża preġudizzju fil-qasam tas-servizz pubbliku ma hijiex, mill-bqija, differenti minn dik adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddefinixxi l-“atti li jistgħu jiġu kkontestati” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE ( 21 ), b’mod li l-ġurisprudenza adottata fir-rigward ta’ dan l-artikolu tista’ tiġi applikata, mutatis mutandis, għall-każ preżenti.

80.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix tali effetti vinkolanti, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati l-effetti tiegħu fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu ( 22 ).

81.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-atti preparatorji, l-atti purament ta’ implimentazzjoni, is-sempliċi rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, kif ukoll, bħala prinċipju, l-istruzzjonijiet interni ma humiex atti li jipproduċu effetti vinkolanti ( 23 ).

82.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li biex jiġi stabbilit jekk att jikkawżax preġudizzju, jeħtieġ li wieħed jara biss is-sustanza tal-att, b’mod li l-mezz formali tiegħu ma huwiex importanti ( 24 ). Minn dan jien niddeduċi li, il-fatt biss li t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 ħadet il-forma ta’ posta elettronika ma huwiex biżżejjed biex jeskludi li dan jiġi kklassifikat bħala att li jikkawża preġudizzju u li jibqa’ meħtieġ li jiġi analizzat il-kontenut tiegħu biex tiġi stabbilita in-natura legali tiegħu.

83.

F’dan ir-rigward, nikkonstata, fuq il-bażi tal-fatti mhux ikkontestati li, permezz ta’ posta elettronika tal‑4 ta’ Jannar 2016, M. Picard talab spjegazzjonijiet lill-amministratur tat-taqsima “Pensjonijiet” tal-Unità 4 tal-PMO sabiex ikun jaf jekk id-drittijiet għall-pensjoni tiegħu kinux inbidlu minħabba l-iffirmar tal-kuntratt tas‑16 ta’ Mejju 2014.

84.

Permezz ta’ posta elettronika tal-istess ġurnata, dan l-amministratur wieġeb lil M. Picard li d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni “kienu nbidlu minħabba t-tibdil fil-kuntratt”, b’mod li “l-età normali tal-irtirar saret effettivament 66 sena” u li “għal dak li jikkonċerna l-perċentwali annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni, din saret 1.8 % fis-sena b’effett mill‑01/06/2014”. L-awtur tal-posta elettronika kkonkluda dan il-messaġġ kif ġej “[n]ittama li din l-informazzjoni tkunlek utli”.

85.

Fil-fehma tiegħi, jirriżulta minn dawn iċ-ċirkustanzi li, lil hinn mill-prekawzjonijiet semantiċi li jinsabu fit-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016, din il-posta elettronika ma tistax, fid-dawl tal-kontenut tagħha, titqies bħala li għandha biss natura purament informattiva. F’dan ir-rigward, nikkonstata li l-amministratur tat-taqsima “Pensjonijiet” tal-Unità 4 tal-PMO kien adit b’talba għal informazzjoni preċiża min-naħa ta’ M. Picard u wieġbu, f’din il-kwalità, billi indikalu, daqstant b’mod preċiż, li minħabba l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid, l-età tal-irtirar kienet saret 66 sena u li r-rata ta’ kisba tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu kienet tnaqqset.

86.

Madankollu, din l-analizi biss ma hijiex suffiċjenti biex jiġi stabbilit li r-rikors ta’ M. Picard huwa ammissibbli. Sabiex tingħata risposta għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni, jibqa’ li jiġi stabbilit jekk it-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 hija tali li tikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew jekk l-unika deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata hijiex dik li tiffissa b’mod definittiv id-drittijiet għall-pensjoni ta’ M. Picard fid-data li fiha dan jirtira.

87.

Fuq dan il-punt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżuri intermedjarji, sakemm jesprimu l-opinjoni provviżorja ta’ istituzzjoni, ma jikkostitwixxux, bħala prinċipju, atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament ( 25 ). Fil-fatt, f’tali ipoteżi, l-eventwali illegalitajiet, li jivvizzjaw tali miżuri provviżorji, jistgħu jiġu invokati insostenn tar-rikors ippreżentat kontra l-att definittiv ( 26 ).

88.

Madankollu, il-konstatazzjoni li att ta’ istituzzjoni jikkostitwixxi miżura intermedjarja li ma tesprimix il-pożizzjoni finali ta’ istituzzjoni ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit, b’mod sistematiku, li dan l-att ma jikkostitwixxix “att li jista’ jiġi kkontestat”. Għaldaqstant, att intermedjarju li jipproduċi effetti legali awtonomi jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament sa fejn ma tkunx tista’ tiġi rrimedjata l-illegalità marbuta ma’ dan l-att fl-okkażjoni ta’ rikors dirett kontra d-deċiżjoni finali li tagħha jikkostitwixxi stadju ta’ elaborazzjoni. Minn dan isegwi li meta l-kontestazzjoni tal-legalità ta’ att intermedjarju fil-kuntest ta’ tali rikors ma hijiex tali li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-appellant kontra l-effetti ta’ dan l-att, dan għandu jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament ( 27 ).

89.

Din il-ġurisprudenza jidhirli li tista’ tiġi trasposta għall-każ ineżami sabiex jiġi vverifikat jekk it-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. F’dan ir-rigward, nirrileva li, f’din it-tweġiba, jinsab indikat lil M. Picard, b’mod partikolari, li minħabba t-tibdil fil-kuntratt tiegħu, l-età tal-pensjoni saret 66 sena. Madankollu, kieku l-appellant kellu jkun obbligat jistenna l-età msemmija f’din it-tweġiba biex jirtira u jikkontesta d-deċiżjoni definittiva meħuda f’din id-data u li tistabbilixxi d-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar tiegħu, huwa jkun imċaħħad minn kull rimedju effettiv li jippermettilu jsostni li, skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, huwa kellu jkollu dritt għal pensjoni tal-irtirar sa mill-età ta’ 63 sena.

90.

Minn dan jirriżulta li t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 tipproduċi effetti legali awtonomi inkwantu hija tista’ jkollha effetti irriversibbli li jaffettwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni legali ta’ M. Picard li ma jistgħux jiġu rrimedjati bil-preżentata ta’ appell kontra d-deċiżjoni definittiva adottata fil-mument tal-irtirar tal-persuna kkonċernata.

91.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li, biex ma ċċaħħadx lil M. Picard minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva, din it-tweġiba għandha titqies bħala li hija att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

92.

Konsegwentement, nikkunsidra, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, li l-appell ippreżentat minn M. Picard għandu jitqies bħala ammissibbli.

B.   Fuq il‑fondatezza tal‑appell

93.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta r-raġunament li jien ipproponejt li jiġi segwit waqt l-eżami tal-uniku aggravju, l-appell ippreżentat minn M. Picard għandu jiġi milqugħ. Fil-fatt, mill-elementi mhux ikkontestati fil-proċess, jirriżulta li, mill‑1 ta’ Lulju 2008, id-data tar-reklutaġġ inizjali tiegħu fil-kwalità ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, l-appellant ħadem b’mod mhux interrott għas-servizz tal-Unjoni u kompla jikkontribwixxi għall-iskema ta’ pensjoni.

94.

Minn dan jirriżulta li M. Picard għandu jitqies bħala li kien fil-kariga fil‑31 ta’ Diċembru 2013 fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u għandu, konsegwentement, jibbenefika miż-żamma tar-rata annwali ta’ kisba tad-drittijiet għall-pensjoni u tal-età ta’ rtirar taħt il-kundizzjonijiet u modalitajiet previsti mid-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament Nru 1023/2013.

95.

Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 kif ukoll id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑25 ta’ Lulju 2016.

VIII. Fuq l‑ispejjeż

96.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess il-kawża b’mod definittiv, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

97.

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, magħmul applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, kull parti li titlef tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

98.

F’dan il-każ, l-appellant talab lill-Qorti tal-Ġustizzja, wara li ġiet iddibattuta l-kawża, biex tilqa’ t-talbiet li huwa għamel fl-ewwel istanza u biex tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

99.

Peress li l-Kummissjoni tilfet u M. Picard talab li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jeħtieġ li din tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess fir-rigward taż-żewġ istanzi, kif ukoll dawk inkorsi mill-appellant quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali.

IX. Konklużjoni

100.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1)

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Marzu 2021, Picard vs Il-Kummissjoni (T‑769/16, EU:T:2021:153);

2)

tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors ta’ Maxime Picard imqajma mill-Kummissjoni Ewropea quddiem il-Qorti Ġenerali;

3)

tannulla t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016 stabbilita mill-amministratur tat-Taqsima “Pensjonijiet” tal-Unità 4 tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” li tgħid li l-età normali tal-irtirar u r-rata annwali ta’ kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni ta’ M. Picard kienu saru, rispettivament 66 sena u 1.8 % mill‑1 ta’ Ġunju 2014;

4)

tannulla d-deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2016 tad-Direttur tad-Direttorat E tad-DĠ tar-Riżorsi Umani tal-Kummissjoni, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, li tiċħad l-ilment imressaq minn M. Picard kontra t-tweġiba tal‑4 ta’ Jannar 2016;

5)

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropa sabiex tbati l-ispejjeż tagħha stess li jirrigwardaw iż-żewġ istanzi kif ukoll dawk inkorsi mill-appellant quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126.

( 3 ) Din hija l-età li r-rikorrent kellu f’dik id-data.

( 4 ) Sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Torné vs Il-Kummissjoni (T‑128/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Torné”, EU:T:2018:969).

( 5 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, (C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 50 sa 52) u tat‑13 ta’ Jannar 2017, (Deza vs ECHA, T‑189/14, EU:T:2017:4, punt 26).

( 6 ) Ħlief għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 22.

( 7 ) Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali rreferiet għas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, EMA vs Drakeford (T‑231/14 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza EMA vs Drakeford”, EU:T:2015:639, punt 40).

( 8 ) Sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, GVN vs Il-Kummissjoni (C‑666/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:225, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Dawn l-għanijiet, li kienu diġà affermati fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal regolament magħmula mill-Kummissjoni (ĠU 2012, C 102, p. 19), jissemmew fil-premessi 14 u 15 tar-Regolament Nru 1023/2013.

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, WV vs SEAE (C‑162/20 P, EU:C:2022:153, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Dan it-terminu jinstab b’mod partikolari fil-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża (“sinngemäß”), Estonjana (“analoogia”), Spanjola (“analogía”), Taljana (“analogia”) u Pollakka (“analogii”).

( 12 ) Din id-definizzjoni hija dik mogħtija mit-tmien edizzjoni (Pariġi, 1935) tad-dizzjunarju tal-Akkademja Franċiża. Id-dizzjunarju Larousse (Pariġi, 1977) iddefinixxa l-klema “analogie” bil-mod kif ġej: “Rapport, ressemblance d’une chose avec une autre” [“Rabta, xebh ta’ oġġett ma’ ieħor”].

( 13 ) Barra minn hekk, din ir-rieda li jiġu rrispettati d-drittijiet miksuba qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda kienet diġà espressa fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal regolament magħmula mill-Kummissjoni (ĠU 2012, C 102, p. 19)

( 14 ) Barra minn hekk, tali interpretazzjoni ma tidhirx kontradetta mill-użu biss, fil-premessa 29 tar-Regolament Nru 1023/2013, tat-terminu “Regolamenti tal-Persunal” peress li l-miżuri tranżitorji msemmija fl-Artikolu 1(1) tal-anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg jirreferu direttament għall-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

( 15 ) Iż-żewġ terzi tal-kontribuzzjoni għall-iskema ta’ pensjoni jikkostitwixxu dejn fil-konfront tal-persunal li l-baġit tal-Unjoni għandu jħallas hekk u kif u meta n-nies jirtiraw.

( 16 ) Għal preżentazzjoni tas-sistema kollha li fuqha hija bbażata l-iskema ta’ pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni, ara: Pilorge-Vrancken, J., Droit de la fonction publique de l’Union européenne, Bruylant, Edizzjonijiet ġuridiċi, 2017, p. 151 et seq.kif ukoll p. 254.

( 17 ) F’dan ir-rigward, ninnota li, fis-sentenza Torné, il-Qorti Ġenerali, għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ibbażat ruħha essenzjalment fuq il-kriterju marbut mal-kontinwità tal-affiljazzjoni tal-uffiċjal sa mid-dħul fis-servizz tiegħu.

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 50 sa 52), u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni (C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punti 6768 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) F’dan ir-rigward, nosserva li, kif jattestaw in-noti ppreżentati mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll it-traskrizzjoni tas-seduta miżmuma quddiem dik il-qorti, l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn M. Picard ġie ddibattut fid-dettall quddiem il-Qorti Ġenerali.

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, KF vs CSUE (C‑464/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:848, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara, fir-rigward tad-definizzjoni tal-“atti li jistgħu jiġu kkontestati” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2021, VodafoneZiggo Group vs Il-Kummissjoni (C‑689/19 P, EU:C:2021:142, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il-Kummissjoni (C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Poggiolini vs Il-Parlament (C‑408/20 P, EU:C:2021:806, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il-Kummissjoni (C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Għaldaqstant, skeda ta’ pproċessar mensili tista’ turi l-eżistenza ta’ deċiżjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1976, Wack vs Il-Kummissjoni (1/76, EU:C:1976:91, punt 5), u tat‑30 ta’ Settembru 1986, Delhez et vs Il-Kummissjoni (264/83, EU:C:1986:344, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont l-istess loġika, intervista verbali li matulha l-Awtorità tal-Ħatra mmanifestat id-deċiżjoni tagħha li ma ssegwix il-proċedura tal-ħatra ta’ uffiċjal f’post vakanti hija att li jikkawża preġudizzju. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 1984, Kohler vs Il-Qorti tal-Awdituri (316/82, EU:C:1984:49, punti 9 sa 13).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L-Ungerija vs Il-Parlament (C‑650/18, EU:C:2021:426, punti 4344 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il-Kummissjoni (C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Poggiolini vs Il-Parlament (C‑408/20 P, EU:C:2021:806, punti 3839 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

Top