Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0164

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fit-28 ta’ April 2022.
SIA "BALTIJAS STARPTAUTISKĀ AKADĒMIJA" vs Latvijas Zinātnes padome.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administratīvā rajona tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 651/2014 – Punt 83 tal-Artikolu 2 – Riferiment dirett u inkundizzjonat għad-dritt tal-Unjoni – Ammissibbiltà tad-domandi – Għajnuna għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni – Kunċett ta’ ‘organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien’ – Istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla li teżerċita attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi – Determinazzjoni tal-iskop ewlieni.
Kawża C-164/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:333

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑28 ta’ April 2022 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑164/21 u C‑318/21

SIA Baltijas Starptautiskā Akadēmija

vs

Latvijas Zinātnes padome (C‑164/21)

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja))

u

SIA Stockholm School of Economics in Riga

vs

Latvijas Zinātnes padome (C‑318/21)

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 651/2014 – Artikolu 2(83) – Għajnuna għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni – Kunċett ta’ organizzazzjoni tar-riċerka – Istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla li teżerċita attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi – Determinazzjoni tal-attività primarja”

I. Introduzzjoni

1.

L-istituzzjonijiet privati ta’ edukazzjoni ogħla jistgħu jitqiesu bħala organizzazzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien? Din hija l-essenza tad-domandi magħmula mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) u mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja).

2.

B’mod iktar speċifiku, fiż-żewġ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tinterpreta l-kunċett ta’ “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien” kif stabbilit fl-Artikolu 2(83) tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (iktar ’il-“GBER”) ( 2 ).

II. Il‑kuntest ġuridiku

3.

L-Artikolu 1(1)(d) tal-GBER jipprovdi li dan japplika, inter alia, għall-għajnuna għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni.

4.

Meta jispeċifika iktar il-kunċetti relatati ma’ din il-kategorija ta’ għajnuna, l-Artikolu 2(83) tal-GBER jiddefinixxi “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien” bħala: “entità (bħal universitajiet jew istituti ta’ riċerka, aġenziji tat-trasferiment tat-teknoloġija, intermedjarji ta’ innovazzjoni, entitajiet kollaborattivi fiżiċi u/jew virtwali orjentati lejn ir-riċerka), ikun xi jkun l-istat legali tagħha (organizzata skont il-liġi pubblika jew privata) jew il-mod ta’ finanzjament, li l-iskop ewlieni tagħha jkun li twettaq riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali jew li xxerred b’mod wiesa’ r-riżultati ta’ attivitajiet bħal dawn permezz tat-tagħlim, il-pubblikazzjoni jew it-trasferiment tal-għarfien. Meta din l-entità tiżvolġi wkoll attivitajiet ekonomiċi, il-finanzjament, l-ispejjeż u d-dħul ta’ dawn l-attivitajiet ekonomiċi jridu jitqiesu b’mod separat. L-intrapriżi li jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq entità bħal din, pereżempju fil-kapacità tagħhom bħala azzjonisti jew membri, jaf ma jgawdu l-ebda aċċess preferenzjali għar-riżultati ġġenerati minnha”.

III. Il‑fatti tal-kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

5.

Iż-żewġ kawżi quddiem il-qrati tar-rinviju għandhom fatti kważi identiċi: ir-rikorrenti huma t-tnejn istituzzjonijiet privati ta’ edukazzjoni ogħla li applikaw rispettivament għal żewġ sejħiet differenti mnedija mil-Latvijas Zinātnes padome (il-Kunsill tax-Xjenza Latvjan) għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka.

6.

Fiż-żewġ każijiet, il-Kunsill tax-Xjenza Latvjan ċaħad l-applikazzjonijiet bħala ineliġibbli, peress li r-rikorrenti parzjalment eżerċitaw attivitajiet ekonomiċi.

7.

Iż-żewġ sejħiet għal proposti ta’ proġetti tfasslu skont il-Ministru kabineta 2017. gada 12. decembra noteikumi Nr. 725 “Fundamentālo un lietišķo pētījumu projektu izvērtēšanas un finansējuma administrēšanas kārtība” (id-Digriet Nru 725 tal-Kunsill tal-Ministri tat‑12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-proċeduri għall-evalwazzjoni tal-proposti ta’ riċerka fundamentali u applikata u għall-amministrazzjoni tal-finanzjament tagħhom (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 725”).

8.

Skont id-Digriet Nru 725, sabiex ikun eliġibbli għall-finanzjament tar-riċerka, il-proġett għandu jitwettaq minn istituzzjoni xjentifika elenkata fir-Reġistru tal-Istituzzjonijiet Xjentifiċi li, irrispettivament mill-istatus legali tagħha (organizzata taħt id-dritt pubbliku jew privat) jew mill-mod li bih hija ffinanzjata taħt id-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw l-attivitajiet tagħha (statuti, regolamenti interni jew strument kostitwenti), twettaq prinċipalment attivitajiet li huma ta’ natura mhux ekonomika u tissodisfa d-definizzjoni ta’ “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien” taħt l-Artikolu 2(83) tal-GBER.

A.   Kawża C‑164/21

9.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, SIA Baltijas Starptautiskā Akadēmija, tipprovdi servizzi akkademiċi u mhux akkademiċi ta’ edukazzjoni ogħla. Hija istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla akkreditata, li topera skont il-Komercilikums (il-Kodiċi Kummerċjali) safejn dan tal-aħħar ma jmurx kontra l-Augstskolu likums (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Ogħla). Wieħed mill-oqsma ta’ attività definiti tar-rikorrenti huwa attivitajiet xjentifiċi. Ir-rikorrenti hija elenkata fir-Reġistru tal-Istituzzjonijiet Xjentifiċi.

10.

B’deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020, il-Kunsill tax-Xjenza Latvjan approva r-regolament li jirregola s-sejħa ġenerali għal proġetti ta’ riċerka fundamentali u applikata għall‑2020 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar is-Sejħa”) li għaliha r-rikorrenti ssottomettiet proposta ta’ proġett.

11.

B’deċiżjoni tal‑14 ta’ April 2020, il-Kunsill tax-Xjenza Latvjan ċaħad din il-proposta ta’ proġett minħabba li r-rikorrenti ma hijiex istituzzjoni xjentifika fis-sens tad-Digriet Nru 725.

12.

Skont il-proposta ta’ proġett, fl‑2019, il-proporzjon tad-dħul mill-bejgħ irrappreżentat minn attivitajiet mhux ekonomiċi meta mqabbel ma’ attivitajiet ekonomiċi kien ta’ 95 % kontra 5 %. Madankollu, 84 % tad-dħul mill-bejgħ totali kien jinkludi miżati għal attivitajiet akkademiċi li, minħabba n-natura tal-attivitajiet imwettqa mir-rikorrenti (kumpannija b’responsabbiltà limitata li l-għan ewlieni tagħha huwa li tagħmel profitt), jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi. L-attività prinċipali tar-rikorrenti hija għalhekk, skont il-Kunsill tax-Xjenza Latvjan, kummerċjali.

13.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat din iċ-ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet li r-riċerka indipendenti tikkostitwixxi l-attività prinċipali tagħha. Ir-rikorrenti targumenta li la l-GBER u lanqas ir-Regolament dwar is-Sejħa ma jistipulaw li applikant ma jistax iwettaq attivitajiet ekonomiċi u jagħmel profitt minnhom; dawn lanqas ma jistabbilixxu liema proporzjon ta’ attivitajiet għandu jkun ekonomiku u liema proporzjon għandu jkun mhux ekonomiku. Ir-rikorrenti ssostni li hija tissepara b’mod ċar l-attivitajiet prinċipali li huma ta’ natura mhux ekonomika minn dawk li huma ekonomiċi.

14.

Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Organu (tad-dritt privat) li jeżerċita diversi attivitajiet prinċipali, fosthom ir-riċerka, iżda li d-dħul tiegħu jiġi fil-parti l-kbira tiegħu mill-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim bi ħlas, jista’ jiġi kklassifikat bħala entità fis-sens tal-Artikolu 2(83) ta[l-GBER]?

2)

Huwa ġġustifikat li jiġi applikat ir-rekwiżit dwar il-proporzjon ta’ finanzjament (dħul u infiq) tal-attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-entità kkonċernata tissodisfax ir-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 2(83) ta[l-GBER], skont liema l-għan ewlieni tal-entità huwa li teżerċita, b’indipendenza sħiħa, attivitajiet ta’ riċerka fundamentali, ta’ riċerka industrijali jew ta’ żvilupp sperimentali, jew li xxerred b’mod wiesa’ r-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet permezz ta’ tagħlim, ta’ pubblikazzjonijiet jew ta’ trasferiment ta’ għarfien? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema jkun il-proporzjon xieraq ta’ finanzjament tal-attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi sabiex jiġi ddeterminat l-għan prinċipali tal-attivitajiet tal-imsemmija entità?

3)

Huwa ġġustifikat, skont l-Artikolu 2(83) ta[l-GBER], li jiġi applikat ir-rekwiżit skont liema d-dħul mill-attività prinċipali għandu jiġi investit mill-ġdid fl-attività prinċipali tal-entità kkonċernata, u għandhom jiġu evalwati aspetti oħrajn sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat b’mod korrett l-għan prinċipali tal-attivitajiet tal-offerent? L-użu tad-dħul iġġenerat (investit mill-ġdid fl-attività prinċipali jew, pereżempju, fil-każ ta’ fundatur privat, imħallas fil-forma ta’ dividendi lill-azzjonisti) ibiddel tali evalwazzjoni anki jekk il-biċċa l-kbira tad-dħul kien ġej minn spejjeż skolastiċi?

4)

L-istatus legali tal-membri tal-offerent jikkostitwixxi element essenzjali sabiex jiġi evalwat jekk l-imsemmi offerent jissodisfax id-definizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(83) tal-[GBER], jiġifieri jekk din hijiex kumpannija kkostitwita skont id-dritt kummerċjali sabiex teżerċita attività ekonomika (bi ħlas) għal finijiet ta’ lukru (Artikolu 1 tal-Kodiċi Kummerċjali) jew il-membri jew l-azzjonisti tagħha humiex persuni fiżiċi jew ġuridiċi bi skop ta’ lukru (inkluża l-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim bi ħlas) jew maħluqa għal għan mhux ta’ lukru (pereżempju, bħala assoċjazzjoni jew fondazzjoni)?

5)

Il-proporzjon ta’ studenti nazzjonali u ta’ dawk tal-Istati Membri tal-Unjoni meta mqabbel ma’ dak ta’ studenti barranin (li ġejjin minn pajjiżi terzi, li ma jagħmlux parti mill-Unjoni Ewropea) u l-fatt li l-għan tal-attività prinċipali eżerċitata mill-offerent jikkonsisti f’li jiġi pprovdut lill-istudenti tagħlim superjuri u kwalifika kompetittivi fis-suq internazzjonali tax-xogħol li jissodisfaw ir-rekwiżiti internazzjonali attwali (Artikolu 5 tal-istatut tal-offerent) jikkostitwixxu element essenzjali sabiex tiġi evalwata n-natura ekonomika tal-attivitajiet tal-offerent?”

15.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni Ewropea.

B.   Kawża C‑318/21

16.

Fit‑22 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill tax-Xjenza Latvjan approva r-regoli li jirregolaw sejħa għal proġetti ta’ riċerka fundamentali u applikata għall‑2019 u nieda sejħa għal proġetti, li għaliha r-rikorrenti, SIA Stockholm School of Economics in Riga, issottomettiet proposta ta’ proġett.

17.

B’deċiżjoni tal-Kunsill tax-Xjenza Latvjan tad‑19 ta’ Settembru 2019, il-proposta tal-proġett ġiet miċħuda minħabba li ma kinitx tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fid-Digriet Nru 725. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li 34 % tal-attivitajiet tar-rikorrenti kienu mhux ekonomiċi meta mqabbla ma’ 66 % li kienu ekonomiċi. Il-Kunsill tax-Xjenza Latvjan għalhekk iddeċieda li l-attività prinċipali tar-rikorrenti kienet ta’ natura kummerċjali u li ma setax jiġi kkonstatat li l-għan ewlieni tagħha kien li twettaq b’mod indipendenti riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali jew li xxerred b’mod wiesa’ r-riżultati ta’ attivitajiet bħal dawn permezz tat-tagħlim, tal-pubblikazzjoni jew tat-trasferiment tal-għarfien.

18.

Ir-rikorrenti kkontestat din id-deċiżjoni billi sostniet li hija tissodisfa r-rekwiżiti imposti mid-Digriet Nru 725 peress li kienet elenkata fir-Reġistru tal-Istituzzjonijiet Xjentifiċi u l-attività prinċipali tagħha kienet ta’ natura mhux ekonomika. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ppreżentat dokumenti sabiex juru li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji pprovduti mill-attività prinċipali kienu separati mill-attivitajiet ekonomiċi u li l-profitti mill-attivitajiet ekonomiċi tar-rikorrenti kienu investiti mill-ġdid fl-attività prinċipali tal-istituzzjoni ta’ riċerka.

19.

Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2020, l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) ċaħdet dan ir-rikors. Skont dik il-qorti, ir-rapport dwar id-dħul mill-bejgħ għall‑2018 juri li l-attivitajiet ekonomiċi tar-rikorrenti jirrappreżentaw proporzjon ikbar tad-dħul u tal-ispejjeż minn dawk tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħha. Hija għalhekk qieset li r-rikorrenti ma hijiex istituzzjoni xjentifika eliġibbli sabiex tirċievi finanzjament mill-Istat għal riċerka fundamentali u applikata.

20.

Ir-rikorrenti appellat mis-sentenza tal-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dan il-kuntest, id-domandi magħmula f’din il-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) huma kif ġej:

“1)

Il-punt 83 tal-Artikolu 2 ta[l-GBER] għandu jiġi interpretat fis-sens li entità (bħal università jew istitut ta’ riċerka, aġenzija ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji, intermedjarji fl-innovazzjoni jew entitajiet ta’ kollaborazzjoni fiżiċi jew virtwali bbażati fuq ir-riċerka) li wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li teżerċita, b’mod indipendenti, attivitajiet ta’ riċerka fundamentali, ta’ riċerka industrijali jew ta’ żvilupp sperimentali, jew li xxerred b’mod wiesa’ r-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet permezz ta’ tagħlim, il-pubblikazzjoni jew it-trasferiment ta’ għarfien, iżda li l-parti l-kbira tal-finanzjament proprju tagħha huwa magħmul minn dħul li joriġina minn attivitajiet ekonomiċi, tista’ tiġi kkunsidrata bħala organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien?

2)

Huwa ġġustifikat li jiġi applikat ir-rekwiżit ta’ proporzjon ta’ finanzjament (dħul u spejjeż) li joriġinaw minn attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-entità tosservax l-obbligu previst fil-punt 83 tal-Artikolu 2 ta[l-GBER] skont liema l-għan prinċipali tal-attivitajiet tal-entità huwa li jiġu eżerċitati, b’mod indipendenti, attivitajiet ta’ riċerka fundamentali, ta’ riċerka industrijali jew ta’ żvilupp industrijali jew ta’ żvilupp sperimentali, jew it-tixrid b’mod wiesa’ tar-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet permezz tat-tagħlim, tal-pubblikazzjoni jew tat-trasferiment ta’ għarfien?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, liema għandu jkun il-perċentwali ta’ finanzjament maqsum bejn l-attivitajiet ekonomiċi u l-attivitajiet mhux ekonomiċi sabiex jiġi stabbilit jekk l-għan tal-entità huwiex li jiġu eżerċitati, b’mod indipendenti, attivitajiet ta’ riċerka fundamentali, ta’ riċerka industrijali jew ta’ żvilupp industrijali jew ta’ żvilupp sperimentali, jew it-tixrid b’mod wiesa’ tar-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet permezz tat-tagħlim, tal-pubblikazzjoni jew tat-trasferiment ta’ għarfien?

4)

Ir-regola li tinsab fil-punt 83 tal-Artikolu 2 ta[l-GBER], skont liema l-impriżi li jistgħu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-entità li tipproponi l-proġett, pereżempju, fil-kapaċità tagħhom bħala azzjonisti jew membri ta’ din, jistgħu ma jibbenefikawx minn aċċess privileġġjat għar-riżultati li tipproduċi, għandha tinftiehem fis-sens li l-membri jew l-azzjonisti tal-imsemmija entità jistgħu jkunu jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi bi skop ta’ lukru (inkluż il-provvista ta’ servizzi edukattivi bi ħlas), jew persuni kkostitwiti mingħajr skop ta’ lukru (bħal assoċjazzjoni jew fondazzjoni)?”

21.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni Ewropea.

IV. Analiżi

22.

Kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-analiżi tiegħi ser niffoka fuq l-ewwel żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑164/21 u fuq l-ewwel tliet domandi magħmula fil-Kawża C‑318/21.

23.

Essenzjalment, dawn iż-żewġ settijiet ta’ domandi jitolbu l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(83) tal-GEBR sabiex jgħinu lill-qrati tar-rinviju jiddeċiedu jekk istituzzjoni privata ta’ edukazzjoni ogħla, iffinanzjata prinċipalment permezz ta’ miżati għal servizzi akkademiċi, tistax tiġi kkunsidrata bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-qrati tar-rinviju jistaqsu wkoll jekk il-proporzjon ta’ finanzjament ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-konfront ta’ attivitajiet mhux ekonomiċi huwiex rilevanti meta jiġi ddeterminat l-għan ewlieni ta’ din l-organizzazzjoni.

24.

Jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi. Ser nispjega l-pożizzjoni tiegħi fit-Taqsima IV.A. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi mod ieħor, ser nipprovdi r-risposti għad-domandi msemmija fit-Taqsima IV.B.

A.   Ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

1. Il‑GBER ma huwiex applikabbli bħala kwistjoni tad‑dritt tal‑Unjoni

25.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari meta l-applikazzjoni tiegħu tqum quddiem qorti nazzjonali bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 3 ).

26.

Id-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(83) tal-GBER.

27.

Għaldaqstant, l-ewwel għandhom jiġu stabbiliti r-raġunijiet għalfejn din id-dispożizzjoni hija rilevanti f’dawn il-kawżi.

28.

L-għan tal-GBER huwa li jiddetermina sitwazzjonijiet li fihom għajnuna mill-Istat tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern, anki meta ma tkunx innotifikata u ma tkunx ġiet approvata individwalment mill-Kummissjoni Ewropea. Il-kawżi quddiem il-qrati tar-rinviju, madankollu, ma jirrigwardawx il-kwistjoni dwar jekk l-għotjiet inkwistjoni kinux suġġetti għal notifika bħala għajnuna mill-Istat jew le. Minflok, jidher li l-Artikolu 2(83) tal-GBER sar rilevanti fi proċedimenti nazzjonali permezz tad-Digriet Nru 725, li fih id-definizzjoni mill-GBER intużat sabiex jiġu ddeterminati l-istituzzjonijiet eliġibbli għal għotjiet pubbliċi ta’ riċerka.

29.

Għalhekk, l-Artikolu 2(83) tal-GBER ma japplikax bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda pjuttost bħala riżultat tal-għażla tal-Kunsill tal-Ministri Latvjan, espressa fid-Digriet Nru 725, li juża definizzjoni minn att ġuridiku tal-Unjoni għal skopijiet purament nazzjonali: id-determinazzjoni tal-eliġibilità għal għotjiet pubbliċi ta’ riċerka.

30.

Għalhekk, l-Artikolu 2(83) tal-GBER japplika bħala kwistjoni ta’ dritt nazzjonali u mhux bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni.

2. L‑iskop tad‑definizzjoni ta’ “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien” huwa differenti fil‑GBER u fid‑Digriet Nru 725

31.

Jidher ukoll mir-referenzi u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet li r-raġuni għall-għażla li tintuża d-definizzjoni mill-GBER tinsab fl-isforzi tal-Istat Latvjan sabiex jiżgura l-kompatibbiltà mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

32.

Għall-kuntrarju, ir-raġuni għall-inklużjoni tad-definizzjoni ta’ “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien” fil-GBER, kif ser nispjega, ma għandha ebda rabta mal-legalità jew mal-illegalità ta’ għajnuna għar-riċerka mogħtija direttament lil tali organizzazzjonijiet.

33.

Il-GBER ma jeskludix, fl-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp, l-obbligu ta’ notifika b’referenza għat-tip tal-entità benefiċjarja. Pjuttost, il-GBER jieħu approċċ funzjonali: hija l-għajnuna għall-attivitajiet ta’ riċerka fundamentali, riċerka industrijali, żvilupp sperimentali u studji ta’ vijabilità li tissodisfa kriterji oħra stabbiliti fit-Taqsima IV tal-Kapitolu III tal-GBER li hija eżentata mill-obbligu ta’ notifika ( 4 ) u għalhekk preżunta li hija kompatibbli mas-suq intern.

34.

L-involviment ta’ entità ddefinita bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien” fl-Artikolu 2(83) tal-GBER għandu rwol x’jaqdi fid-deċiżjoni dwar jekk notifika hijiex meħtieġa jew le, kif ser nispjega dalwaqt. Madankollu, din id-definizzjoni fiha nnifisha ma tinfluwenzax jekk l-għotja ta’ riċerka mogħtija lil istituzzjoni ta’ riċerka tkunx kompatibbli mas-suq intern.

35.

Id-definizzjoni fl-Artikolu 2(83) tal-GBER hija rilevanti biss fir-rigward ta’ ftit dispożizzjonijiet tat-Taqsima IV tal-Kapitolu III tal-GBER. Fl-ewwel lok, kollaborazzjoni effettiva bejn organizzazzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien u impriżi tista’ twassal għal żieda fl-intensità permessa tal-għajnuna mill-Istat għal ċerti proġetti ta’ riċerka ( 5 ). Fit-tieni lok, l-għajnuna għall-innovazzjoni għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME) tista’ tkopri l-ispejjeż għall-kollokamenti ta’ riċerkaturi bi kwalifiki għolja minn tali organizzazzjonijiet sabiex jaħdmu fuq il-proġett ta’ SME benefiċjarja ( 6 ). Fl-aħħar lok, għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tista’ tingħata biss direttament lil “organizzazzjoni tar-riċerka u tat-tixrid tal-għarfien” ( 7 ). Dan jeżawrixxi l-każijiet li fihom id-definizzjoni ta’ “organizzazzjoni tar-riċerka u tat-tixrid tal-għarfien” fl-Artikolu 2(83) tintuża fil-GBER.

36.

Fl-aħħar, imkien fil-GBER ma hemm xi indikazzjoni li l-kunċett ta’ “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien” għandu xi effett fuq id-definizzjoni ta’ impriża għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE ( 8 ). Jekk istituzzjoni bħal din twettaq attivitajiet ekonomiċi, din tiġi kklassifikata bħala impriża u l-għajnuna għar-riċerka li tirċievi tkun teħtieġ li tiġi approvata bħala kompatibbli mas-suq intern, jew f’kull każ individwali man-notifika jew awtomatikament mingħajr notifika, sakemm din tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-GBER.

37.

Għalhekk, sabiex jiġi żgurat li l-finanzjament pubbliku tar-riċerka jkun kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u b’hekk jiġi evitat il-ksur ta’ tali regoli minn deċiżjonijiet tal-Kunsill tax-Xjenza Latvjan, l-esklużjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka li jwettqu wkoll attivitajiet ekonomiċi ma hijiex meħtieġa. Skont is-sitwazzjoni, għajnuna bħal din tista’ tkun kompatibbli mas-suq intern.

38.

Għandu jiżdied li l-politika tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tiffavorixxi l-għajnuna għar-riċerka. Ir-riċerka ttejjeb il-livell ta’ għarfien fis-soċjetà u toħloq opportunitajiet ekonomiċi ġodda ( 9 ). Madankollu, anki jekk ir-riżultati ta’ proġetti ta’ riċerka huma ġeneralment ta’ benefiċċju għas-soċjetà, għadd ta’ proġetti jista’ jkollhom rata ta’ qligħ mhux attraenti mill-perspettiva ta’ investituri privati. Għalhekk, kif spjegat mill-Kummissjoni Ewropea, l-għajnuna mill-Istat tista’ “tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ proġetti li jwasslu għal benefiċċju soċjetali jew ekonomiku kumplessivi u li kieku ma jiġux segwiti” ( 10 ). Meta jiġu indirizzati tali fallimenti tas-suq jew asimmetriji fl-informazzjoni jew fil-koordinazzjoni bejn entitajiet ta’ riċerka differenti ( 11 ), għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp hija ġeneralment meqjusa bħala kompatibbli mas-suq intern.

39.

Fil-fehma tiegħi ma hemm l-ebda dubju li l-istituzzjonijiet privati ta’ edukazzjoni ogħla jistgħu jikkontribwixxu għar-riċerka, għall-innovazzjoni u konsegwentement għat-tkabbir, bl-istess mod bħall-kontropartijiet pubbliċi tagħhom. Għalhekk ma nara l-ebda raġuni sabiex neskludi tali istituzzjonijiet bħala riċevituri potenzjali ta’ għajnuna għar-riċerka.

40.

Il-programmi ta’ finanzjament tar-riċerka tal-Unjoni stess ma jeskludux istituzzjonijiet privati ta’ edukazzjoni ogħla mill-proġetti tagħha, bħall-fond Orizzont Ewropa ( 12 ) inklużi l-azzjonijiet Marie Skłodowska‑Curie.

41.

Dan premess, kif innota l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-għażla tal-istituzzjonijiet eliġibbli għal għajnuna għar-riċerka permezz ta’ riżorsi pubbliċi fl-aħħar mill-aħħar taqa’ għal kollox fuq l-Istat Latvjan. Dan jista’ jagħżel li jeskludi l-istituzzjonijiet privati ta’ riċerka u ta’ tagħlim, li jipprovdu servizzi ta’ tagħlim bi ħlas. Din id-deċiżjoni, madankollu, ma hijiex iddettata mid-dritt tal-Unjoni, u ċertament mhux mill-Artikolu 2(83) tal-GBER.

3. Organizzazzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tixrid tal‑għarfien u r‑regoli tal‑Unjoni dwar l‑għajnuna mill‑Istat

42.

Bħala benefiċjarji tal-finanzjament pubbliku tar-riċerka, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka jistgħu tabilħaqq isibu ruħhom f’pożizzjonijiet differenti skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Għandu jingħad li dawn ir-regoli japplikaw għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka bl-istess mod kif japplikaw għal kull istituzzjoni oħra. Għalhekk, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka jkunu suġġetti għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sakemm ikunu jikkwalifikaw bħala impriżi. Madankollu, jekk ma jkunux jikkwalifikaw, dawn ikunu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, għalhekk, ma japplikawx għal għotjiet ta’ riċerka mogħtija lil organizzazzjonijiet ta’ riċerka li ma jikkwalifikawx bħala impriżi.

43.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni impriża hija entità li tkun involuta f’attività ekonomika, fis-sens li tkun toffri prodotti jew servizzi fis-suq ( 13 ). Il-klassifikazzjoni bħala impriża ma tiddependix fuq jekk l-entità tkunx stabbilita taħt id-dritt pubbliku jew privat jew jekk ikollhiex skop ta’ lukru ( 14 ). L-istess japplika, bħala prinċipju, għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka ( 15 ).

44.

Il-klassifikazzjoni ta’ entità bħala impriża hija relattiva għal attività speċifika. Entità li twettaq kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll attivitajiet mhux ekonomiċi għandha titqies bħala impriża fir-rigward tal-ewwel biss ( 16 ). Għalhekk, l-għajnuna insostenn tal-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka li huma kkunsidrati ekonomiċi tkun suġġetta għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, filwaqt li l-għajnuna insostenn tal-attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet tkun barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

45.

L-universitajiet huma normalment organizzazzjonijiet li jeżerċitaw kemm attivitajiet ta’ riċerka kif ukoll ta’ tixrid tal-għarfien permezz tat-tagħlim u l-pubblikazzjoni.

46.

Il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet mill-kunċett ta’ provvista ta’ servizzi l-attivitajiet ta’ tagħlim ipprovduti minn istituzzjonijiet integrati fis-sistema ta’ edukazzjoni pubblika u ffinanzjati b’mod predominanti minn fondi pubbliċi ( 17 ). Attivitajiet bħal dawn, għalhekk, isibu ruħhom barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Bil-maqlub, l-attività ta’ għoti ta’ edukazzjoni ffinanzjata permezz ta’ fondi privati ( 18 ) tqieset mill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi ( 19 ). Għalhekk din kienet tikkostitwixxi attività ekonomika ( 20 ), sakemm il-fondi privati ma kinux ġejjin mill-fornitur stess ( 21 ).

47.

Organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tagħlim tista’ fl-istess ħin twettaq attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi, pereżempju, billi toffri klassijiet bi ħlas bħala l-attività ekonomika tagħha, u billi twettaq riċerka fundamentali bħala l-attività mhux ekonomika tagħha. Din tidher li hija s-sitwazzjoni taż-żewġ universitajiet li huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

48.

Il-kwistjoni li tqum f’tali sitwazzjonijiet hija jekk kwalunkwe għajnuna mogħtija minn jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat lil organizzazzjoni li twettaq ukoll attivitajiet ekonomiċi neċessarjament tqegħedhiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

49.

Fil-kuntest tal-edukazzjoni ogħla, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li dan ma huwiex il-każ. Jekk l-attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien ikunu jistgħu jiġu distinti mill-attivitajiet ekonomiċi tagħha u jekk ikun jista’ jiġi stabbilit li l-għajnuna tikkonċerna biss attivitajiet mhux ekonomiċi, tali trasferiment mir-riżorsi tal-Istat ma jitqiesx bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE ( 22 ).

50.

B’mod iktar ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “il-klassifikazzjoni bħala attività li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-awtorità pubblika jew bħala attività ekonomika għandha ssir separatament għal kull attività mwettqa minn entità partikolari” ( 23 ).

51.

Il-Kummissjoni Ewropea aċċettat l-istess raġunament fil-Qafas. Għalhekk, hija spjegat li “[m]eta l-istess entità twettaq attivitajiet ta’ natura kemm ekonomika kif ukoll mhux ekonomika, il-finanzjament pubbliku tal-attivitajiet mhux ekonomiċi mhux se jaqa’ taħt l-Artikolu 107(1) [TFUE], jekk iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet u l-ispejjeż, il-finanzjar u d-dħul tagħhom jista’ jiġi sseparat b’mod li jiġi evitat b’mod effettiv it-transsussidjar tal-attività ekonomika” ( 24 ).

52.

Għalhekk, jekk organizzazzjoni ta’ riċerka tkun involuta kemm f’attivitajiet ekonomiċi kif ukoll mhux ekonomiċi, il-finanzjament pubbliku jkun jaqa’ taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biss sa fejn dan ikun ikopri l-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi. Il-Kummissjoni Ewropea tiddetermina dan billi tevalwa jekk il-finanzjament pubbliku allokat lil organizzazzjoni għal perijodu ta’ kontabbiltà speċifiku jaqbiżx l-ispejjeż ta’ attivitajiet mhux ekonomiċi mġarrba f’dak il-perjodu ( 25 ).

53.

Barra minn hekk, jekk organizzazzjoni ta’ riċerka tkun tipprovdi servizzi edukattivi bi ħlas iżda l-profitti kollha minn tali attivitajiet ikunu investiti mill-ġdid fl-attivitajiet primarji ta’ riċerka, allura l-attivitajiet tagħha jkunu kkunsidrati bħala attivitajiet mhux ekonomiċi fl-intier tagħhom ( 26 ).

54.

Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk għajnuna mogħtija lil organizzazzjoni ta’ riċerka tkunx tammonta għal għajnuna mill-Istat tkun tiddependi mill-klassifikazzjoni tal-attività ffinanzjata bħala ekonomika jew mhux ekonomika. Jekk l-attività ffinanzjata tkun ta’ natura mhux ekonomika, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma japplikawx, anki jekk l-istess entità twettaq ukoll attività ekonomika, li tkun, madankollu, separata b’mod ċar mill-attività ffinanzjata. Jekk l-attività ffinanzjata tkun ekonomika, tali finanzjament ikun għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Tali għajnuna tista’ madankollu fl-aħħar mill-aħħar titqies kompatibbli mas-suq intern, u konsegwentement permessa.

55.

Qarrej attent jinnota li l-Artikolu 2(83) tal-GBER ma ssemma mkien f’din it-taqsima. Dan għaliex ma għandu l-ebda rilevanza għall-applikabbiltà tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal għotjiet ta’ riċerka mogħtija lil istituzzjonijiet ta’ riċerka.

4. Konklużjoni interim: il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni

56.

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, peress li d-dispożizzjoni tal-Unjoni li qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tagħha tapplika biss bħala kwistjoni ta’ dritt nazzjonali, u peress li din tapplika għal għan differenti minn dak li din isservi taħt id-dritt tal-Unjoni, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi għad-domandi magħmula.

57.

Ċertament, abbażi tal-ġurisprudenza Dzodzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li għandha ġurisdizzjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tadotta l-istess soluzzjonijiet f’sitwazzjonijiet ekwivalenti għal dawk irregolati mid-dritt tal-Unjoni. Il-leġiżlatur nazzjonali jiddeċiedi, f’każ bħal dan, li juża d-dritt tal-Unjoni sabiex jirregola sitwazzjoni nazzjonali ekwivalenti. F’xenarju bħal dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri, huwa manifestament fl-interess tal-Unjoni li dispożizzjonijiet jew kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom dawn għandhom japplikaw ( 27 ).

58.

Pereżempju, fil-kawża Dzodzi stess, il-leġiżlatur Belġjan iddeċieda li jestendi l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar sitwazzjonijiet transkonfinali għal sitwazzjoni ekwivalenti li kienet purament interna ( 28 ).

59.

Eżempju ieħor ta’ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-ħtieġa għal interpretazzjoni uniformi f’kawżi li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kien jirrigwarda sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri estenda l-applikabbiltà tad-Direttiva dwar l-aġenti kummerċjali, applikabbli biss għall-bejgħ ta’ merkanzija, ukoll għall-provvista ta’ servizzi ( 29 ).

60.

It-tielet eżempju ta’ fejn intużat il-loġika tal-kawża Dzodzi jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ ftehim imħallta. Fil-kawża Hermès, minkejja li dispożizzjoni ta’ ftehim imħallat ( 30 ) kienet tapplika għal sitwazzjoni li ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kellha ġurisdizzjoni sabiex tinterpretaha minħabba l-applikazzjoni potenzjali tagħha għal sitwazzjonijiet ekwivalenti rregolati mid-dritt tal-Unjoni ( 31 ). Fi kliem ieħor, kien hemm interess tal-Unjoni fl-interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għal sitwazzjonijiet ekwivalenti.

61.

Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja rraġunat ukoll b’mod simili f’numru ta’ kawżi li jaqgħu taħt tad-dritt tal-kompetizzjoni, li fihom regoli tal-Unjoni kienu ġew trasposti mil-leġiżlatur nazzjonali għal sitwazzjonijiet purament interni mingħajr ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ( 32 ).

62.

Raġuni importanti li tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi kollha ċċitati iktar ’il fuq kienet l-ekwivalenza bejn, minn naħa, sitwazzjonijiet purament interni li għar-regolamentazzjoni tagħhom id-dritt nazzjonali kien jirreferi għad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, sitwazzjonijiet tal-Unjoni li għalihom ir-regola rilevanti tal-Unjoni kienet stabbilita. Għall-kuntrarju, f’sitwazzjonijiet fejn l-iskop tar-regola tal-Unjoni ma kienx relatat mal-iskop li għalih din kienet intużat fil-kuntest nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni ( 33 ).

63.

Kif ġie spjegat fit-Taqsima IV.A.2. hawn fuq, id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(83) għandha għan kompletament differenti fil-kuntest tal-GBER milli fid-Digriet Nru 725. Għalhekk, huwa manifest li l-kawżi quddiem il-qrati tar-rinviju ma jikkostitwixxux sitwazzjoni nazzjonali ekwivalenti għal dik li tista’ tqum taħt il-GEBR.

64.

Il-“ġurisdizzjoni tal-kawża Dzodzi” tistrieħ essenzjalment fuq żewġ rekwiżiti: l-interess tal-Unjoni f’interpretazzjoni uniformi u l-ekwivalenza bejn is-sitwazzjonijiet nazzjonali u tal-Unjoni inkwistjoni ( 34 ).

65.

Anki jekk relattivament ftit kredibbli, wieħed jista’ jargumenta li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(83) tal-GBER fil-kawżi preżenti hija fl-interess tal-uniformità tad-dritt tal-Unjoni. Huwa tabilħaqq possibbli li wieħed jikkonċepixxi sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qrati nazzjonali jużaw din l-interpretazzjoni fl-applikazzjoni tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu III tal-GBER.

66.

Madankollu, is-sitwazzjoni li fiha l-Artikolu 2(83) tal-GBER għandu jintuża fil-kawżi preżenti ma hijiex ekwivalenti għall-użu tiegħu fil-kuntest ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta biss l-Artikolu 2(83) tal-GBER fil-kuntest tal-GBER innifsu u b’mod konformi mal-iskop speċifiku tiegħu, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti fil-kawża preżenti ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tkun ta’ ebda użu għall-qrati tar-rinviju. Dan ikun jammonta għal taħlit tat-tuffieħ mal-larinġ.

67.

Fl-aħħar, għandu jingħad ukoll li l-qrati tar-rinviju ma spjegawx, hekk kif meħtieġ mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’liema mod l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(83) tal-GBER tista’ tkun rilevanti f’kuntest tad-dritt nazzjonali funzjonalment u ġuridikament differenti ( 35 )

68.

Jien, għalhekk, tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha fil-kawżi preżenti, peress li r-rekwiżit ta’ sitwazzjoni nazzjonali ekwivalenti meħtieġ mill-ġurisprudenza Dzodzi ma huwiex issodisfatt.

69.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tiddeċiedi li għandha ġurisdizzjoni, issa ser nittratta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(83) tal-GBER.

B.   X’inhi organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal‑għarfien fis‑sens tal‑Artikolu 2(83) tal‑GBER?

70.

L-Artikolu 2(83) tal-GBER jiddeskrivi “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien” bħala entità li l-iskop ewlieni tagħha huwa li twettaq b’mod indipendenti riċerka (fundamentali, industrijali jew sperimentali) ( 36 )jew li jxerrdu b’mod wiesa’ riżultati tar-riċerka permezz tat-tagħlim, tal-pubblikazzjoni jew tat-trasferiment tal-għarfien.

71.

Din il-“jew” enfasizzata toħloq konfużjoni.

72.

Entità tista’ twettaq biss jew b’mod predominanti r-riċerka? Din tista’ tinvolvi ruħha biss jew b’mod predominanti fit-tixrid tal-għarfien? Jeħtieġ li twettaq ir-riċerka? Jeħtieġ li tinvolvi ruħha fit-tixrid tal-għarfien? Alternattivament, għandha timpenja ruħha kemm fir-riċerka kif ukoll fit-tixrid tal-għarfien, kif jista’ jissuġġerixxi t-terminu “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien”?

73.

Fil-fehma tiegħi, il-frażi “skop ewlieni” għandha tinftiehem f’termini ta’ attivitajiet li l-entità ġiet stabbilita sabiex twettaq fl-ewwel lok. Naturalment, jista’ jkun hemm iktar minn attività primarja waħda.

74.

Pereżempju, istituzzjonijiet bħalma huma universitajiet huma komunement stabbiliti kemm sabiex ixerrdu l-għarfien kif ukoll sabiex iwettqu riċerka. Kemm it-tagħlim kif ukoll ir-riċerka huma hawnhekk l-attivitajiet primarji tagħhom. L-istituzzjonijiet ta’ riċerka jistgħu jkunu stabbiliti esklużivament għar-riċerka u jistgħu jxerrdu r-riżultati tagħhom f’pubblikazzjonijiet esterni. Għalhekk, ir-riċerka hija l-unika attività primarja tagħhom. Fl-aħħar, xi istituzzjonijiet, bħal skejjel tal-lingwi jew istituzzjonijiet ta’ taħriġ vokazzjonali, jistgħu jkunu stabbiliti biss sabiex jgħallmu iżda dawn jistgħu wkoll iwettqu riċerka dwar, pereżempju, it-titjib tal-metodoloġija tat-tagħlim tagħhom. Madankollu, din it-tip ta’ riċerka ma hijiex l-iskop ewlieni ta’ istituzzjoni bħal din; f’dan ix-xenarju, ir-riċerka tkun biss strumentali u għalhekk anċillari għall-iskop ewlieni ta’ tagħlim tal-istituzzjoni.

75.

Meta wieħed iqis li d-definizzjoni fl-Artikolu 2(83) tal-GBER tinsab fit-taqsima ta’ dan l-artikolu intitolata “Definizzjonijiet għal Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni”, jiena tal-fehma li r-riċerka għandha tkun waħda mill-iskopijiet ewlenin ta’ “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien”.

76.

Jekk entità jkollha r-riċerka bħala l-iskop ewlieni tagħha, hija tkun “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien”, irrispettivament minn jekk hijiex stabbilita taħt id-dritt pubbliku jew privat u irrispettivament mill-mod ta’ finanzjament tagħha. Nifhem din tal-aħħar fis-sens li “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien” tista’ twettaq attivitajiet kemm ekonomiċi kif ukoll mhux ekonomiċi ( 37 ). Huwa rilevanti biss li r-riċerka indipendenti tkun fost l-attivitajiet primarji tagħha.

77.

Madankollu, anki jekk tali entità tista’, għalhekk, twettaq attivitajiet ekonomiċi, jista’ jiġi konkluż mit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(83) tal-GBER li xi wħud mill-attivitajiet ta’ riċerka tagħha għandhom ikunu mhux ekonomiċi. It-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu tipprovdi: “ [m]eta din l-entità tiżvolġi wkoll attivitajiet ekonomiċi, il-finanzjament, l-ispejjeż u d-dħul ta’ dawn l-attivitajiet ekonomiċi jridu jitqiesu b’mod separat” ( 38 ).

78.

Il-konklużjoni li attività ta’ riċerka trid tkun mhux ekonomika, tal-inqas parzjalment, hija kkorroborata wkoll mill-komponent ta’ tixrid tal-għarfien fid-definizzjoni taħt l-Artikolu 2(83) tal-GBER. Huwa inerenti fir-riċerka ta’ natura mhux ekonomika li r-riżultati tagħha jkunu mxerrda b’mod wiesa’ u pubblikament. L-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni ssostni din l-interpretazzjoni, peress li l-organizzazzjoni ta’ riċerka ma tistax tagħti aċċess preferenzjali għar-riżultati tar-riċerka, pereżempju, lill-azzjonisti jew lill-membri tagħha.

79.

Il-konklużjoni tiegħi li r-riċerka, bħala waħda mill-attivitajiet primarji, trid tkun mhux ekonomika tal-inqas parzjalment tirriżulta wkoll mir-rwol mogħti mill-GBER lil “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien”. Il-parteċipazzjoni ta’ tali organizzazzjonijiet fi proġetti kollaborattivi jew ir-rwol ewlieni tagħhom f’ċerti tipi ta’ riċerka jżidu l-probabbiltà tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-riċerka mas-suq intern mingħajr notifika.

80.

Nista’, għalhekk, nikkonkludi mill-kliem tal-Artikolu 2(83) tal-GBER li “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien” għandha twettaq riċerka li r-riżultati tagħha jkunu disponibbli pubblikament u tista’ tittrasferixxi r-riżultati tar-riċerka permezz tat-tagħlim, tal-pubblikazzjoni jew ta’ mezzi oħra. Sakemm ir-riċerka (jew parti minnha) titwettaq bħala attività mhux ekonomika, it-tagħlim jista’ jiġi pprovdut bi ħlas.

81.

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-attivitajiet primarji ta’ organizzazzjoni, jistgħu jkunu utli diversi fatturi: l-istatut jew dokument kostituttiv simili tal-entità inkwistjoni, ir-rapporti annwali tagħha, u jekk l-entità tissodisfax il-kriterji fid-dritt nazzjonali sabiex tikseb l-istatus ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla jew ta’ riċerka (bħal akkreditazzjoni) ( 39 ), kif ukoll rapporti tal-awtorità nazzjonali tal-akkreditazzjoni. Peress li l-akkreditazzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla normalment jingħataw għal perjodu limitat u huma suġġetti għal tiġdid, deċiżjonijiet ta’ riakkreditazzjoni jistgħu wkoll jitqiesu bħala okkażjoni sabiex tiġi ddeterminata l-attività primarja ta’ entità.

82.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑164/21, ġie ddikjarat li l-attività kummerċjali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija permessa sa fejn ma tmurx kontra l-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Ogħla. Dan jista’ jkun rilevanti wkoll għall-iżvelar tal-attività primarja tal-entità inkwistjoni.

83.

Jekk organizzazzjoni twettaq ir-riċerka u t-tagħlim bħala l-attivitajiet primarji tagħha, ikun irrilevanti liema perċentwali ta’ dawn l-attivitajiet ikun ekonomiku u liema ma jkunx ekonomiku għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien”. Separazzjoni ċara tal-ispejjeż tal-attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi tkun rilevanti biss meta jiġi deċiż jekk għotja għar-riċerka mogħtija lil organizzazzjoni bħal din taqax fl-ambitu tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

V. Konklużjoni

84.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) u mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja).

85.

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddikjarax li ma għandhiex ġurisdizzjoni, nipproponi li hija tirrispondi kif ġej:

(1)

Entità li l-attivitajiet tagħha jikkonsistu fir-riċerka u fl-edukazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien” fis-sens tal-Artikolu 2(83) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] jekk waħda mill-attivitajiet primarji tagħha tkun ir-riċerka indipendenti, li tkun tal-inqas parzjalment ta’ natura mhux ekonomika, anki jekk xi wħud mill-attivitajiet tagħha jkunu ekonomiċi jew, fi kliem ieħor, anki jekk parti mid-dħul tagħha jkun jirriżulta mill-provvista ta’ servizzi bi ħlas.

(2)

Il-proporzjon ta’ finanzjament minn attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk entità tkunx “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien” taħt l-Artikolu 2(83) tar-Regolament Nru 651/2014.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014 L 187, p. 1). Verżjoni kkonsolidata ġuridikament mhux vinkolanti tista’ tiġi kkonsultata fuq l-indirizz internet: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/651/2021-08-01.

( 3 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley (C‑279/12, EU:C:2013:853, punti 2930), u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44); digriet tal‑21 ta’ Frar 2022, Leonardo (C‑550/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:139, punt 11).

( 4 ) Jekk jiġu osservati l-limiti tan-notifika stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(i)(i) tal-GBER.

( 5 ) Artikolu 25(6)(b)(i) tal-GBER. L-intensità tal-għajnuna mill-Istat hija perċentwali ta’ finanzjament eliġibbli permezz ta’ riżorsi tal-Istat għal tipi partikolari ta’ proġetti. Pereżempju, l-intensità tal-għajnuna għar-riċerka industrijali li, taħt il-GBER, ma għandhiex għalfejn tiġi nnotifikata, hija ta’ 50 %. Madankollu, jekk organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien tipparteċipa f’dak il-proġett, l-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied bi 15 %, jiġifieri, sa 65 % tal-ispejjeż kollha tal-proġett.

( 6 ) Artikolu 28(2)(b) tal-GBER.

( 7 ) Artikolu 30(5) tal-GBER.

( 8 ) Ara t-Taqsima IV.A.3. iktar ’il quddiem.

( 9 ) L-importanza tar-riċerka hija rikonoxxuta mill-Artikolu 179(1) TFUE kif ukoll fi programmi differenti tal-Unjoni. B’hekk, pereżempju, ir-riċerka kienet tokkupa post importanti fl-istrateġija għal tkabbir “Ewropa 2020” (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Ewropa 2020. Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Brussell, 3 ta’ Marzu 2010, COM(2010) 2020 finali u hija promossa fl-istrateġija għar-riċerka u l-innovazzjoni 2020-2024 (https://ec.europa.eu/info/research-and-innovation/strategy/strategy-2020-2024_mt?etrans=mt). Ara wkoll von Wendland, B., “New Rules for State Aid for Research, Development and Innovation: Not a Revolution but a Silent Reform”, European State Aid Law Quarterly, 2015, Vol. 14(1), p. 25.

( 10 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU 2014 C 198, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Qafas”), punt 49.

( 11 ) Ibid.

( 12 ) Artikolu 2(16) tar-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU 2021 L 170, p. 1).

( 13 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 1987, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (118/85, EU:C:1987:283, punt 7); tat‑18 ta’ Ġunju 1998, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑35/96, EU:C:1998:303, punt 36); u tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 46).

( 14 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98, punti 4647), u tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 41).

( 15 ) Il-Qafas (Nru 10), punt 17.

( 16 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 44). Ara wkoll, Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016 C 262, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“Avviż”), punt 10.

( 17 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 1988, Humbel u Edel (263/86, EU:C:1988:451, punti 17 sa 19), u tas‑7 ta’ Diċembru 1993, Wirth (C‑109/92, EU:C:1993:916, punti 1516).

( 18 ) Il-finanzjament jista’ jiġi pprovdut mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom, iżda wkoll minn terzi, peress li n-natura ekonomika tal-attività ta’ tagħlim ma tiddependix mill-fatt li titħallas minn dawk li jibbenefikaw minnu. Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 49).

( 19 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑318/05, EU:C:2007:495, punt 69), u tal‑20 ta’ Mejju 2010, Zanotti (C‑56/09, EU:C:2010:288, punt 32).

( 20 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punti 45 sa 48).

( 21 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 48).

( 22 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 51). Ara wkoll Buts, C., Nicolaides P., u Pirlet H., “Puzzles of the State Aid Rules on RDI”, European State Aid Law Quarterly, 2019, Vol. 18(4), p. 489, f’p. 494.

( 23 ) Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 25).

( 24 ) Il-Qafas (Nru 10), punt 18.

( 25 ) Il-Qafas (Nru 10), punt 20 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

( 26 ) Il-Qafas (Nru 10), punt 19(b). Ara wkoll, l-Avviż (Nru 17), punt 32.

( 27 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 41), u tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise (C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 45). Għal ħarsa ċar u ddettaljata tal-ġurisprudenza Dzodzi, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:649, punti 27 sa 50).

( 28 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 43). Is-sitwazzjoni kienet tirrigwarda d-dritt idderivat ta’ ċittadina ta’ pajjiż terz, il-konjuġi ta’ ċittadin Belġjan li kien jaħdem il-Belġju, li tirresjedi f’dak il-pajjiż. Sabiex jevita diskriminazzjoni retroattiva taċ-ċittadini tiegħu, il-Belġju ppreveda li d-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema jkun japplika wkoll għal sitwazzjonijiet purament interni.

( 29 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C‑3/04, EU:C:2006:176, punti 11 sa 19); tat‑28 ta’ Ottubru 2010, Volvo Car Germany (C‑203/09, EU:C:2010:647, punti 23 sa 28); tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K. (C‑338/14, EU:C:2015:795, punti 17 sa 19); u tas‑17 ta’ Mejju 2017, ERGO Poist’ovňa (C‑48/16, EU:C:2017:377, punti 29 sa 32).

( 30 ) Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”).

( 31 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Hermès (C‑53/96, EU:C:1998:292, punt 32). Il-kawża kienet tikkonċerna miżura interim prevista mill-Ftehim TRIPs għal trademark tal-Benelux. Anki jekk tali trademarks ma kinux irregolati mid-dritt tal-Unjoni, l-istess dispożizzjoni tal-Ftehim TRIPs kienet potenzjalment applikabbli għat-trademarks tal-Unjoni.

( 32 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija (C‑345/14, EU:C:2015:784, punti 12 sa 14); tal‑21 ta’ Lulju 2016, VM Remonts et (C‑542/14, EU:C:2016:578, punti 16 sa 19); u tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise (C‑306/20, EU:C:2021:935, punti 41 sa 49).

( 33 ) Ara. pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:1011, punti 44 sa 49).

( 34 ) L-Avukat Ġenerali Bobek ppropona tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kawża Dzodzi tistax tiġi applikata sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni f’kawżi li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. L-ewwel, id-dritt nazzjonali għandu jinkludi riferiment dirett u inkundizzjonat għad-dispożizzjoni tal-Unjoni li tkun qiegħda tiġi mitluba l-interpretazzjoni tagħha. It-tieni, ir-regoli tal-Unjoni estiżi mid-dritt nazzjonali għandhom joperaw f’kuntest funzjonalment u ġuridikament paragunabbli, fejn ikun hemm interess f’li tiġi ppreżervata uniformità kunċettwali, u fejn l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tkun għadha tista’ tkun ta’ xi għajnuna prattika għall-qorti tar-rinviju. Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu tispjega b’mod ċar kif iż-żewġ rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq huma ssodisfatti fil-każ inkwistjoni, billi tindika d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Ara, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:649, punti 43 sa 45, 54 sa 6171 sa 73).

( 35 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 55). Xi wħud iqisu li tali spjegazzjoni mill-qorti nazzjonali għandha tkun imposta bħala rekwiżit proċedurali għall-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’sitwazzjonijiet tat-tip tal-kawża Dzodzi. Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529, punti 54 sa 62) u tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:649, punt 57).

( 36 ) L-Artikolu 2(84) tal-GBER jiddefinixxi r-“riċerka fundamentali”, l-Artikolu 2(85) tiegħu jiddefinixxi r-“riċerka industrijali”, l-Artikolu 2(86) tiegħu jiddefinixxi l-“[i]żvilupp sperimentali”, u l-Artikolu 2(87) tiegħu jiddefinixxi l-“[i]studju ta’ vijabilità”.

( 37 ) Il-Qafas (Nru 10) jipprevedi wkoll li organizzazzjoni ta’ riċerka tista’ twettaq attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi fl-istess ħin. Ara, pereżempju, il-punt 20 tiegħu.

( 38 ) Enfasi tiegħi.

( 39 ) Ara wkoll, Kleiner, T., ‘The new Framework for Research, Development and Innovation, 2007‑2013”, European State Aid Law Quarterly, 2007, Vol. 6(2), p. 231, fil-p. 238 u 239.

Top