EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0241

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2022.
I. L. vs Politsei- ja Piirivalveamet.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Riigikohus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Artikolu 15(1) – Żamma taħt detenzjoni – Raġunijiet għal detenzjoni – Kriterju ġenerali bbażat fuq ir-riskju li l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tkun kompromessa – Riskju li jitwettaq reat kriminali – Konsegwenzi tal-istabbiliment tar-reat u tal-għoti ta’ sanzjoni – Kumplikazzjoni tal-proċess ta’ tneħħija – Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Limitazzjoni tad-dritt fundamentali għal-libertà – Rekwiżit ta’ bażi legali – Rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ prevedibbiltà u ta’ aċċessibbiltà – Protezzjoni mill-arbitrarjetà.
Kawża C-241/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:432

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑2 ta’ Ġunju 2022 ( 1 )

Kawża C‑241/21

I.L.

vs

Politsei- ja Piirivalveamet

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti irregolarment – Artikolu 15(1) – Detenzjoni għall-finijiet tal-proċedura tat-tneħħija – Raġunijiet – Żieda – Riskju stabbilit li jitwettaq reat kriminali segwit minn investigazzjoni u sanzjoni li tista’ tfixkel b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tat-tneħħija”

I. Introduzzjoni

1.

Id-domanda preliminari magħmula mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115/KE ( 2 ).

2.

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa minn I.L., ċittadin tal-Moldova li kontrih kienet inħarġet ordni mill-Politseija Piirivalveamet (l-Uffiċċju tal-Pulizija u tal-Gwardji tal-Fruntiera, l-Estonja, iktar ’il quddiem il-“PPA”) biex jitlaq mit-territorju Estonjan, kontra d-deċiżjoni li jinżamm taħt detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu. Huwa jikkontesta l-legalità tar-raġuni mogħtija, jiġifieri li kien ikun ta’ riskju reali, li kieku baqa’ fil-libertà qabel it-tneħħija tiegħu, li jwettaq reat kriminali li jista’ jikkumplika b’mod kunsiderevoli l-proċess ta’ tneħħija minħabba l-proċeduri ġudizzjarji u l-piena li tirriżulta minnhom.

3.

F’dawn il-konklużjonijiet, se nispjega r-raġunijiet għalfejn jiena tal-fehma li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati li jibbażaw iż-żamma taħt detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari fuq raġuni meħuda mill-għan li tiġi ggarantita l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn imsemmija fid-Direttiva 2008/115 u li jiġġustifikaw din iż-żamma taħt detenzjoni permezz tar-riskju li din il-proċedura tiġi posposta minħabba l-probabbiltà li dan iwettaq atti suġġetti għal sanzjonijiet kriminali.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

4.

Skont il-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, ir-riskju ta’ ħarba huwa ddefinit bħala “l-eżistenza ta’ raġunijiet f’każ individwali li huma bbażati fuq kriterji oġġettivi definiti bil-liġi nazzjonali biex wieħed jemmen li ċittadin ta’ pajjiż terz li hu soġġett għal proċeduri ta’ ritorn jista’ jaħrab”.

5.

L-Artikolu 15(1) li jinsab fil-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, intitolat “Detenzjoni għall-għan ta’ tneħħija”, jipprovdi:

“1.   Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

(a)

jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.”

B.   Id‑dritt Estonjan

6.

L-Artikolu 68 tal-väljasõidukohustuse ja sissesõidukeelu seadus (il-Liġi dwar l-Obbligu ta’ Tluq mit-Territorju u l-Projbizzjoni tad-Dħul fit-Territorju) ( 3 ), tal‑21 ta’ Ottubru 1998, intitolat “Riskju ta’ ħarba tal-barrani”, huwa fformulat kif ġej:

“L-adozzjoni ta’ ordni ta’ tluq mit-territorju jew iż-żamma taħt detenzjoni ta’ barrani jagħtu lok għal evalwazzjoni tar-riskju tiegħu li jaħrab. Barrani jippreżenta riskju li jaħrab meta:

1)

huwa ma jkunx telaq mill-Estonja jew Stat Membru tal-Konvenzjoni ta’ Schengen wara l-iskadenza tat-terminu għat-tluq volontarju stabbilit bl-ordni biex jitlaq mit-territorju;

2)

huwa jkun ipprovda informazzjoni falza jew dokumenti ffalsifikati fl-applikazzjoni għal residenza legali fl-Estonja, fl-applikazzjoni għal estensjoni ta’ din ir-residenza, fl-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Estonjana, fl-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew fl-applikazzjoni għal dokumenti ta’ identità;

3)

ikun hemm dubju leġittimu dwar l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu;

4)

huwa jkun ripetutament wettaq reati intenzjonali jew ikun wettaq reat kriminali li għalih ġie kkundannat għal sentenza ta’ priġunerija;

5)

huwa ma jkunx osserva l-miżuri ta’ sorveljanza li ttieħdu kontrih sabiex jiżgura l-konformità mal-ordni ta’ tluq mit-territorju;

6)

huwa jkun għarraf lill-[PPA] jew lill-Kaitsepolitseiamet (l-Aġenzija tas-Sigurtà Interna, l-Estonja) bl-intenzjoni tiegħu li ma jikkonformax mal-ordni li jitlaq mit-territorju, jew l-awtorità amministrattiva tasal għal din il-konklużjoni fid-dawl tal-attitudni u l-imġiba tal-barrani;

7)

huwa jkun daħal fl-Estonja matul il-perijodu ta’ validità tal-projbizzjoni tad-dħul suġġett għaliha;

8)

huwa jkun miżmum taħt detenzjoni minħabba li jkun qasam illegalment il-fruntiera esterna tal-Estonja u ma ngħatax permess jew id-dritt ta’ residenza fl-Estonja;

9)

huwa jkun ħalla l-post ta’ residenza indikat jew Stat Membru ieħor tal-Konvenzjoni ta’ Schengen mingħajr awtorizzazzjoni;

10)

l-ordni ta’ tluq mit-territorju mogħtija lill-barrani ssir eżegwibbli bis-saħħa ta’ deċiżjoni ta’ qorti.”

7.

L-Artikolu 72 tal-VSS, intitolat “L-iffissar tat-terminu ta’ eżekuzzjoni tal-ordni ta’ tluq mit-territorju”, jistabbilixxi:

“[…]

(2) Huwa possibbli li ma jiġix stabbilit terminu għat-tluq volontarju u li l-ordni biex jitlaq mit-territorju eżegwita immedjatament meta:

1)

il-barrani jippreżenta riskju ta’ ħarba;

[…]

4)

il-barrani jikkostitwixxi perikolu għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali;

[…]”

8.

Skont l‑Artikolu 73(2) tal-VSS, “[l]-eżekuzzjoni forzata tal-ordni biex jitlaq mit-territorju mogħtija lill-barrani twassal għaż-żamma tiegħu taħt detenzjoni u t-tneħħija tiegħu mill-Estonja”.

9.

L‑Artikolu 15 tal-VSS, intitolat “Detenzjoni tal-barrani u arranġamenti ta’ tkeċċija”, jipprovdi:

“(1)   Il-barrani jista’ jinżamm taħt detenzjoni taħt il-paragrafu 2 iktar ’l isfel meta l-miżuri ta’ sorveljanza previsti minn din il-liġi ma jkunux jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv. Iż-żamma taħt detenzjoni għandha tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandha tqis, f’kull każ, l-elementi rilevanti marbuta mal-barrani.

(2)   Il-barrani jista’ jinżamm taħt detenzjoni meta l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza previsti minn din il-liġi ma tkunx tiggarantixxi l-eżekuzzjoni effettiva tal-ordni ta’ tluq mit-territorju u, b’mod partikolari, meta:

1)

ikun hemm riskju ta’ ħarba mill-barrani;

2)

il-barrani ma jaqdix id-dmir tiegħu ta’ kooperazzjoni, jew

3)

il-barrani ma jkunx fil-pussess tad-dokumenti meħtieġa għall-vjaġġ tar-ritorn jew meta dawn id-dokumenti jdumu biex jinkisbu mill-pajjiż ospitanti jew ta’ tranżitu.

[…]”

III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

10.

I.L., ċittadin Moldovan, imwieled fl‑1993 fir-Russja, irrisjeda fl-Estonja taħt eżenzjoni mill-viża. Fit‑12 ta’ Ottubru 2020, huwa nżamm taħt detenzjoni bħala persuna ssuspettata li kkawżat tbatijiet fiżiċi u ħsara għas-saħħa lis-sieħba tiegħu u kif ukoll lil mara oħra.

11.

Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2020, il-Harju Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Harju, l-Estonja) iddikjarat lil I.L. ħati ta’ atti li kien akkużat bihom, ikkwalifikati bħala offiżi fuq il-persuna fis-sens tal-Kodiċi Kriminali Estonjan, u mhux ta’ atti ta’ theddid, li s-sieħba tiegħu kienet iddikjarat li kienet vittma tagħhom. Din il-qorti kkundannat lil I.L. għal sentenza ta’ priġunerija ta’ sena, xahar u tmienja u għoxrin jum, flimkien ma’ perijodu ta’ probation ta’ sentejn, u ordnat il-ħelsien immedjat tiegħu.

12.

Fl-istess jum, il-PPA temm ir-residenza ta’ I.L. b’mod antiċipat, imbagħad ordna, fil-bini tal-Harju Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Harju), iż-żamma taħt detenzjoni ta’ I.L., skont il-punt 1 tal-Artikolu 15(2) tal-VSS.

13.

Din id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tal-attitudni ta’ I.L. fir-rigward tar-reat kriminali mwettaq u l-imġiba tiegħu wara l-kundanna tiegħu, minn fejn irriżulta li kien hemm raġunijiet biex wieħed jaħseb li hu seta’ jfittex li jevita t-tneħħija, minkejja l-wegħda tiegħu li jħalli l-pajjiż b’mod volontarju u t-talba tiegħu li jingħata ordni ta’ tluq volontarju.

14.

Għal darba oħra fit‑13 ta’ Ottubru 2020, il-PPA ħareġ kontra I.L. ordni biex jitlaq mill-Estonja immedjatament, suġġetta għal eżekuzzjoni forzata, skont l-Artikolu 72(1) u 4 tal-VSS, għar-raġuni li huwa kien qiegħed jirrisjedi hemm irregolarment.

15.

Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2020, wara li laqgħet it-talba tal-PPA, it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) awtorizzat id-detenzjoni ta’ I.L. sad-data tat-tneħħija tiegħu, stabbilita għal mhux iktar tard mill‑15 ta’ Diċembru 2020. I.L kien is-suġġett ta’ tneħħija mill-Estonja lejn il-Moldova fit‑23 ta’ Novembru 2020.

16.

Id-deċiżjoni ta’ żamma taħt detenzjoni ġiet ikkonfermata b’digriet tat‑2 ta’ Diċembru 2020, mogħti mit-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja), li ddeċieda r-rikors ippreżentat minn I.L. għall-iskop tal-annullament tal-imsemmija deċiżjoni u sabiex jingħata l-libertà.

17.

Adita b’appell minn dan id-digriet tal-aħħar, fejn intalab l-annullament tiegħu u l-konstatazzjoni tal-illegalità taż-żamma taħt detenzjoni, il-qorti tar-rinviju tqis, fl-ewwel lok, li d-detenzjoni ma setgħetx tiġi ġġustifikata mir-riskju ta’ ħarba ta’ I.L., abbażi tal-punt 1 tal-Artikolu 15(2) tal-VSS. Hija tfakkar li l-kriterji għal tali riskju huma stabbiliti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 68 ta’ din il-liġi u eżaminati fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull każ. Issa, dik il-qorti tqis li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-punti 1 u 4 ta’ dan l-artikolu ma ġewx issodisfatti f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tikkonstata l-assenza, minn naħa, ta’ ordni bil-miktub għat-tluq mit-territorju bl-għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju lill-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, ta’ kundanna kriminali definittiva fil-mument tal-awtorizzazzjoni għaż-żamma taħt detenzjoni.

18.

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, barra minn hekk, li l-punt 6 tal-Artikolu 68 tal-VSS huwa wkoll inapplikabbli għar-raġuni li l-intenzjoni li ma jiġix osservat att amministrattiv ma tistax tiġi awtomatikament dedotta minn dikjarazzjonijiet li l-persuna kkonċernata għamlet waqt is-smigħ tagħha fil-qafas ta’ proċedura amministrattiva għall-ħruġ ta’ ordni biex jitlaq mit-territorju, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi oħra li jindikaw li huwa f’riskju li jevadi t-tneħħija. Ir-riskju ta’ ħarba lanqas ma jirriżulta mill-fatt li, f’dan il-każ, waqt is-seduta quddiem il-qorti amministrattiva, l-individwu kkonċernat kien esprima x-xewqa li jieħu f’idejh l-affarijiet tiegħu li kienu għadhom għand is-sieħba tiegħu u li jieħu s-salarju dovut mill-persuna li timpjegah.

19.

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tesponi li ma jistax jiġi eskluż li s-sitwazzjoni inkwistjoni tista’ tikkorrispondi, pereżempju, mar-raġuni msemmija fl-Artikolu 15(1)(b) tad-Direttiva tal‑2008/115, li ma ġiex traspost bl-istess kliem fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 15(2) tal-VSS, iżda d-drittijiet tal-persuna kkonċernata ma jistgħux jiġu ristretti direttament fuq il-bażi ta’ din id-direttiva, anki jekk għandha effett dirett.

20.

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li l-legalità taż-żamma taħt detenzjoni ta’ I.L. tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(2) tal-VSS li jinkludi, fil-punti 1 sa 3, l-enumerazzjoni tar-raġunijiet għal tali żamma, preċeduta mill-espressjoni “b’mod partikolari, meta”. Waqt li jitqies, fid-dawl ta’ dan il-kliem, li hija lista ta’ raġunijiet mogħtija bħala eżempju, dik il-qorti hija tal-fehma li ż-żamma taħt detenzjoni ta’ I.L. tista’ tkun ibbażata fuq il-kundizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 15(2) tal-VSS. Din iż-żamma tkun, għalhekk, iġġustifikata mill-fatt li “l-eżekuzzjoni effettiva tal-ordni ta’ tluq mit-territorju” tkun kompromessa. Il-legalità ta’ din il-miżura għandha tiġi evalwata wkoll skont il-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

21.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, minħabba l-prossimità fiż-żmien tal-avvenimenti fil-kawża inkwistjoni u n-natura tar-reat imwettaq minn I.L., kien hemm biżżejjed raġunijiet biex wieħed jaħseb li huwa seta’ jfittex għal darb’oħra biex isolvi l-kunflitt li kellu mas-sieħba tiegħu. Għaldaqstant, dik il-qorti tqis li kien hemm riskju reali li, matul il-perijodu ta’ libertà ta’ qabel it-tneħħija tiegħu, I.L. iwettaq reat kriminali. Issa, il-konstatazzjoni u s-sanzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti ta’ tali reat u, skont il-każ, l-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija huma ta’ natura li jipposponu l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tneħħija għal data indeterminata, u b’hekk jikkumplikaw b’mod kunsiderevoli dan il-proċess. Barra minn hekk, minħabba s-sitwazzjoni personali u materjali ta’ I.L., il-miżuri ta’ sorveljanza previsti fl-Artikolu 10(2) tal-VSS ma jippermettux li tiġi ggarantita b’mod daqstant effettiv l-eżekuzzjoni tat-tneħħija.

22.

Madankollu, peress li l-Artikolu 15 tal-VSS għandu l-għan li jittrasponi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tiegħu, għar-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx fuq il-punt dwar jekk waħda mill-kundizzjonijiet elenkati minn din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi ssodisfatta jew jekk l-għan li tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija jistax ikun biżżejjed biex jiġġustifika ż-żamma taħt detenzjoni meta riskju reali ta’ twettiq ta’ reat mill-persuna kkonċernata jista’ jikkomplika b’mod kunsiderevoli dan il-proċess.

23.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jżommu taħt detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz li, sakemm ikun jinsab liberu qabel ma jitneħħa, jippreżenta riskju reali li jwettaq delitt li l-investigazzjoni u s-sanzjoni tiegħu jistgħu jikkomplikaw b’mod kunsiderevoli l-proċess ta’ tneħħija?”

24.

Il-Gvern Estonjan u l-Gvern Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet għamlu wkoll l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fis‑17 ta’ Marzu 2022.

IV. Analiżi

25.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li ż-żamma taħt detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti irregolarment tistax tiġi ġġustifikata minn riskju reali li huwa se jwettaq reat kriminali ta’ natura li jikkomprometti l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija tiegħu.

26.

Din id-domanda tirriżulta mill-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix, sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma taħt detenzjoni tal-persuna kkonċernata, li tintlaqa’ r-raġuni tar-riskju ta’ ħarba previst mill-VSS.

27.

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet bil-miktub magħmula f’dan ir-rigward mill-Gvern Estonjan ( 4 ) u dak Spanjol ( 5 ), infakkar, minn naħa, li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tqiegħed f’dubju il-kunsiderazzjonijiet tal-fatti u l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-qorti tar-rinviju ( 6 ).

28.

Min-naħa l-oħra, id-diskussjoni lanqas ma tista’ tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(b) tad-Direttiva 2008/115 għar-raġuni li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li d-direttivi jkunu jistgħu, minnhom innifishom, joħolqu obbligi għal individwu ( 7 ). Direttiva għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra dan tal-aħħar ( 8 ). Madankollu, din il-konstatazzjoni qiegħda ssir mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit għall-awtoritajiet kollha ta’ Stat Membru, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, li jinterpretawh kemm jista’ jkun fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttivi, sabiex jinkiseb ir-riżultat imfittex minn dawn tal-aħħar, b’mod li l-imsemmija awtoritajiet għalhekk ikunu jistgħu jinvokaw interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali fil-konfront ta’ individwi ( 9 ).

29.

Issa, għar-raġunijiet relatati mal-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 li ser nispjega, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu b’mod preċiż ir-raġunijiet li jiġġustifikaw iż-żamma taħt detenzjoni, irrispettivament minn jekk humiex jew le previsti minn din id-direttiva.

A.   Fuq in‑natura eżawrjenti jew le tar‑raġunijiet għaż‑żamma taħt detenzjoni stabbiliti fl‑Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2008/115

30.

Jiena tal-fehma, bħall-partijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jeħtieġ li jitqies li d-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi, bħala eżempju, raġunijiet li jippermettu ż-żamma taħt detenzjoni ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ ritorn. Dawn ir-raġunijiet huma r-riskju ta’ ħarba jew li tiġi evitata jew li tiġi prekluża t-tħejjija tar-ritorn jew tal-proċedura tat-tneħħija. Huwa biżżejjed, fil-fehma tiegħi, li nirrileva li l-espressjoni “partikolarment” tippreċedi l-enumerazzjoni li tidher fl-Artikolu 15(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva ( 10 ) u tindika b’mod ċar li l-lista ta’ dawn ir-raġunijiet imsemmija ma hijiex eżawrjenti.

31.

L-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija ġġustifikata mill-għan tad-Direttiva 2008/115, li tistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw ir-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti irregolarment ( 11 ).

32.

Din l-analiżi tal-portata tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 hija koerenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33/UE ( 12 ), fejn kull waħda mir-raġunijiet li tista’ tiġġustifika ż-żamma taħt detenzjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali, elenkati b’mod eżawrjenti minn din id-dispożizzjoni, tissodisfa ħtieġa speċifika u hija ta’ natura awtonoma ( 13 ).

33.

L-istess jgħodd għall-Artikolu 28(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 14 ), li jipprevedi raġuni unika għal detenzjoni, jiġifieri dik tar-riskju mhux insinjifikattiv li l-persuna kkonċernata taħrab ( 15 ).

34.

Konsegwentement, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw raġunijiet oħrajn ta’ detenzjoni minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 u li jiddefinixxu l-kriterji ta’ applikazzjoni tagħhom, sakemm jissodisfaw l-għanijiet segwiti minn din id-direttiva.

35.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar b’mod kostanti li din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tal-persuni kkonċernati ( 16 ).

36.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza wkoll li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tal-istess direttiva jirregolaw b’mod strett kull detenzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, sabiex jiġu ggarantiti, minn naħa, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u l-għanijiet segwiti u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kkonċernati ta’ pajjiżi terzi ( 17 ).

37.

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li sempliċement, sabiex tipprovdi bażi għal żamma taħt detenzjoni, tiddikjara l-għan li tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni effettiva ta’ ordni ta’ ħruġ mit-territorju, mingħajr, barra minn hekk, ma tipprevedi kriterji preċiżi.

B.   Fuq id‑determinazzjoni tar‑raġunijiet għad‑detenzjoni minn kull Stat Membru

38.

Fin-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-Direttiva 2008/115 fir-rigward tal-limiti li fihom l-Istati Membri jistgħu jżidu raġunijiet għal detenzjoni ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, jew saħansitra jadattawhom, ir-risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju tirriżulta minn interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni, li tippermetti li jiġu identifikati l-prinċipji applikabbli u l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħhom.

39.

Fil-fehma tiegħi, diversi prinċipji għandhom jiggwidaw l-għażla tal-Istati Membri. Fl-ewwel lok, ir-rekwiżit, espress mill-bidu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, tal-użu prinċipali ta’ miżuri l-inqas koerċittivi jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, imfisser fil-premessa 16 ta’ din id-direttiva, li jillimita strettament il-każijiet ta’ detenzjoni ( 18 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-ordni ta’ eżekuzzjoni tal-istadji tal-proċedura ta’ ritorn stabbilita bid-Direttiva 2008/115 tikkorrispondi mal-gradazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu fid-dawl tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, gradazzjoni li tmur mill-miżura li tħalli l-iktar libertà lill-persuna kkonċernata, jiġifieri l-għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju, għall-miżuri restrittivi li jillimitawha l-iktar, jiġifieri d-detenzjoni f’ċentru speċjalizzat, fejn l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha tiġi dejjem żgurata matul dawn l-istadji kollha” ( 19 ).

40.

Għaldaqstant, huwa biss fejn fil-każ li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-forma ta’ tneħħija tirriskja, fid-dawl ta’ evalwazzjoni ta’ kull sitwazzjoni speċifika, li tiġi kompromessa mill-aġir tal-persuna kkonċernata li l-Istati Membri jistgħu jċaħħduha mil-libertà tagħha permezz ta’ detenzjoni ( 20 ) u għandhom iqisu kriterji oġġettivi ( 21 ).

41.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “meta tiġi ordnata għal finijiet ta’ tneħħija, id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti irregolarment hija intiża biss sabiex tiżgura l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn u ma għandha ebda għan punittiv” ( 22 ).

42.

Fit-tieni lok, l-indħil gravi li tikkostitwixxi d-deċiżjoni ta’ żamma taħt detenzjoni fuq id-dritt għal-libertà, sanċit fl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 23 ), huwa suġġett għall-osservanza ta’ garanziji stretti, jiġifieri l-eżistenza ta’ bażi legali, iċ-ċarezza, il-prevedibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-protezzjoni kontra l-arbitrarjetà ( 24 ). Għalhekk, l-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ ċaħda tal-libertà, biex tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, timplika, b’mod partikolari, li tkun ħielsa minn kull element ta’ mala fide jew qerq min-naħa tal-awtoritajiet ( 25 ).

43.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tar-riskju ta’ ħarba, li l-kriterji oġġettivi li d-dritt nazzjonali għandu jiddefinixxi, sabiex l-awtoritajiet ikkonċernati jkunu jistgħu jevalwaw l-eżistenza ta’ tali riskju, joffru l-garanziji neċessarji, billi din l-evalwazzjoni tidħol fil-qafas ta’ ċerti limiti stabbiliti minn qabel. Għalhekk, dawn il-kriterji għandhom jiġu ddefiniti b’att vinkolanti u prevedibbli fl-applikazzjoni tiegħu ( 26 ).

44.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2009, Kadzoev ( 27 ), li l-possibbiltà li persuna tinżamm taħt detenzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u sigurtà pubblika ma tistax issib il-bażi tagħha fid-Direttiva 2008/115 ( 28 ).

45.

Ċertament, kif enfasizza l-Gvern Estonjan, din l-interpretazzjoni ġiet esposta f’każ partikolari dwar it-tul ta’ detenzjoni fin-nuqqas ta’ prospettiva raġonevoli ta’ tneħħija tal-persuna li neħħiet il-kawża tad-detenzjoni. Madankollu, id-deċiżjoni tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja li teskludi tali raġunijiet ġiet ifformulata f’termini ġenerali. Hija bbażata fuq il-limitazzjoni stretta tal-użu taċ-ċaħda tal-libertà ta’ persuna, f’konformità ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2008/115 li jipprovdu għal raġuni bbażata fuq l-ordni pubbliku, b’differenza mill-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva ( 29 ).

46.

Fil-fehma tiegħi, diġà jista’ jiġi dedott mill-qafas ġenerali vinkolanti li għadni kif fakkart li l-Istati Membri jistgħu jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 billi jipprovdu raġunijiet oħra għal detenzjoni ddefiniti preċiżament mil-liġi, li jkunu bbażati fuq elementi oġġettivi, konkreti, reali u attwali ( 30 ).

47.

Fil-fehma tiegħi, dawn ir-rekwiżiti probatorji jistgħu, barra minn hekk, jiġu dedotti mir-raġuni ta’ detenzjoni stabbilita fl-Artikolu 15(1)(a) ta’ din id-direttiva, jiġifieri r-riskju ta’ ħarba, kif iddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, u minn dik imsemmija fl-Artikolu 15(1)(b), jiġifieri l-fatt li l-persuna kkonċernata “tevita” jew “tfixkel” it-tħejjija tar-ritorn jew tal-proċedura ta’ tkeċċija. Dan il-kliem jimplika li dawn ir-riskji seħħew u ġew ikkonstatati. Għalhekk, ma kienx previst li tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata, fl-assenza ta’ elementi tanġibbli.

48.

Fil-fatt, ma jkunx konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jiġi aċċettat li d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari tista’ tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ raġunijiet impreċiżi, li ma humiex ibbażati fuq kriterji oġġettivi, stabbiliti minn qabel f’att vinkolanti u prevedibbli fl-applikazzjoni tiegħu.

49.

Konsegwentement, naqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(2) tal-VSS ma tikkostitwixxix bażi legali suffiċjenti sabiex tiġġustifika żamma taħt detenzjoni.

50.

Fil-fatt din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej: “Il-barrani jista’ jinżamm taħt detenzjoni meta l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza previsti minn din il-liġi ma tiggarantixxix l-eżekuzzjoni effettiva tal-ordni ta’ tluq mit-territorju u, b’mod partikolari, meta […]” ( 31 ). Dan ir-riferiment għal nuqqas ta’ garanzija tal-eżekuzzjoni effettiva tal-ordni ta’ tluq mit-territorju għalhekk ma jiddefinixxix raġuni konkreta għaż-żamma taħt detenzjoni, bħar-riskju ta’ ħarba jew l-assenza ta’ kooperazzjoni mill-barrani, li huma msemmijin hemm bħala eżempji wara din is-sentenza, fil-punti 1 u 2 rispettivament. Din id-dikjarazzjoni sempliċement ittenni l-kundizzjoni essenzjali għall-użu ta’ miżura ta’ detenzjoni, li diġà tidher fl-Artikolu 15(1) tal-VSS, jiġifieri l-ineffettività tal-miżuri ta’ sorveljanza fid-dawl tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ritorn.

51.

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ riskju serju li l-persuna kkonċernata twettaq reat kriminali qabel it-tneħħija tagħha ma tistax tagħmel tajjeb għall-impreċiżjoni ta’ din ir-raġuni ġenerali għall-użu tad-detenzjoni.

52.

Minn naħa, tali kriterju ma għandux bażi legali. Il-kunsiderazzjoni li eżami każ b’każ jista’ jkun biżżejjed biex jiġġustifika żamma taħt detenzjoni fuq il-bażi tal-għan segwit, kif issuġġerit matul is-seduta mill-Gvern Spanjol insostenn tal-argumenti tal-Gvern Estonjan, ma tistax tiġi aċċettata peress li din tkun tammonta għal żieda ta’ raġuni ġdida għal detenzjoni fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, mingħajr ma jkun issodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali ( 32 ).

53.

Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “riskju li jitwettaq reat kriminali” qabel it-tneħħija, li jiġġustifika d-detenzjoni, iqajjem mistoqsijiet serji.

54.

Fil-fehma tiegħi, għandu jiġi enfasizzat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tirrigwardax reat kriminali li twettaq jew li allegatament twettaq mill-persuna kkonċernata, iżda reat li jista’ jitwettaq. Għalhekk din tirrigwarda l-probabbiltà li jitwettaq reat fil-futur qrib.

55.

Dan ix-xenarju huwa ferm differenti minn dawk li fuq il-bażi tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet meta proċedura kriminali tkun għaddejja, jew fl-istadju ta’ investigazzjoni jew inkella fl-istadju tas-sentenza, billi tistabbilixxi, barra minn hekk, livell strett ta’ ħtieġa ( 33 ) u li jassumu li r-reat diġà twettaq. Kif qed nifhem jien l-ipoteżi prevista, lanqas ma hija kwistjoni li tinżamm bħala kriterju l-eżistenza ta’ atti preparatorji għat-twettiq ta’ reat jew ta’ indizji konkreti li l-persuna kkonċernata tirrappreżenta perikolu sinjifikattiv għall-ħajja u l-integrità personali ta’ terzi jew għal proprjetà speċifika ( 34 ).

56.

Jiena nosserva, fl-ewwel lok, li r-raġuni mogħtija mill-awtoritajiet Estonjani hija mmirata biex tevita mhux li l-persuna kkonċernata tevita l-miżura ta’ tneħħija, iżda biss biex din il-miżura tiġi ttardjata jew ikkumplikata minħabba l-iżvolġiment tal-proċedura kriminali li tkun sussegwenti għat-twettiq tar-reat ( 35 ). Fil-fatt, f’dan il-każ, il-persuna kkonċernata tibqa’ taħt il-kontroll tal-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, jidhirli li huwa diffiċilment konċepibbli – anki jekk mhux impossibbli – li dan juri intenzjoni li jwettaq reat bl-uniku għan li jikkomprometti t-tneħħija tiegħu. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li nikkunsidra li l-proposta tal-Gvern Spanjol, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li jirreferi għall-Artikolu 15(1)(b) tad-Direttiva 2008/115 ma tistax tiġi milqugħa.

57.

Fit-tieni lok, xejn ma huwa iktar suġġettiv minn riskju ta’ ksur ta’ regola soċjali suġġetta għal sanzjoni kriminali, li kull individwu jista’ jaffaċċja, anki jekk kundanna kriminali preċedenti tkun ingħatat jew ġiet eżegwita. Fil-fehma tiegħi, ir-riskju li jitwettaq reat, jew saħansitra li jiġi rripetut, huwa ta’ ordni divinatorju jekk ma jistax jirriżulta minn elementi materjali, b’differenza, pereżempju, mir-riskju ta’ ħarba jew ta’ tfixkil fit-tneħħija. L-adozzjoni ta’ evalwazzjoni tal-probabbiltà tar-riskju li jitwettaq reat, kif issuġġerit mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jew ibbażata fuq il-gravità tar-reat, skont l-opinjoni espressa waqt is-seduta mill-Gvern Spanjol, ma tidhirx li hija konforma mar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali u, barra minn hekk, ma tkunx effettiva jekk ma tkunx ibbażata fuq kriterji konkreti u indizji serji u konkordanti.

58.

Madankollu, wara li rajt l-osservazzjonijiet orali mressqa bi tweġiba għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-definizzjoni tal-kriterji, stajt ukoll ninnota d-diffikultà li standards ġenerali jiġu stabbiliti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni ta’ stat perikoluż jew ta’ riskju serju ta’ reċidiva, fl-istadju ta’ tneħħija, ma hijiex, fil-fehma tiegħi, fil-kompetenza tal-awtorità responsabbli għall-eżekuzzjoni tar-ritorn, iżda fil-kompetenza ta’ dik li timplimenta l-proċeduri fil-qasam kriminali.

59.

Fit-tielet lok, hija meħtieġa viġilanza sabiex ma tiġix evitata l-esklużjoni ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku, filwaqt li, barra minn hekk, din l-evalwazzjoni ssir fl-istadju tad-deċiżjoni li jingħata terminu għat-tluq volontarju ( 36 ).

60.

Fil-każ ineżami, dan kien il-każ għal I.L. Is-sitwazzjoni partikolari tiegħu hija wkoll illustrazzjoni tal-konfużjoni possibbli bejn l-elementi utli għall-proċedura ta’ detenzjoni u dawk relatati ma’ proċedura kriminali. Fil-fatt, dan huwa theddid ta’ mewt minn I.L. kontra s-sieħba tiegħu, għalkemm ma ġiex ikkundannat għal dawn il-fatti, li kkostitwixxew il-bażi tat-talba għal żamma taħt detenzjoni. Barra minn hekk, ma huwiex speċifikat jekk ittiħdux miżuri sabiex tiġi evitata r-reċidiva favur il-vittma mill-qorti kriminali.

61.

Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal, jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(2) tal-VSS, kif prevista mill-qorti tar-rinviju, sa fejn hija bbażata fuq il-konstatazzjoni ta’ riskju serju li ċittadin ta’ pajjiż terz se jwettaq reat kriminali qabel it-tneħħija tiegħu, ma hijiex konformi mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115.

62.

Wara li smajt it-tħassib espress mill-partijiet waqt is-seduta, napprezza bis-sħiħ l-effetti, fil-prattika, ta’ tali analiżi, abbażi tar-rekwiżit li jiġu ddefiniti kriterji konkreti fil-liġi, fejn, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-qorti kriminali li tipprovdi għal jew li twassal għar-ritorn taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ( 37 ), reati kriminali jistgħu jibqgħu jsiru mingħajr tmiem. Fl-opinjoni tiegħi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jegħlbu dawn id-diffikultajiet billi jirrikorru għal qafas kriminali u kif ukoll soċjali.

63.

Jidhirli konċepibbli, minn naħa, li, fil-qasam kriminali, miżuri ta’ protezzjoni tal-vittma jew tal-persuna mhedda jista’ jkollhom effett dissważiv fuq min wettaq ir-reati, speċjalment fil-każ ta’ vjolenza domestika li għaliha hemm stabbiliti sistemi ta’ prevenzjoni f’ħafna Stati Membri.

64.

Min-naħa l-oħra, dawn il-miżuri ġeneralment għandhom il-vantaġġ li jiġu kkombinati ma’ diversi forom ta’ appoġġ soċjali, li jikkostitwixxu alternattivi għad-detenzjoni ( 38 ). Barra minn hekk, tali organizzazzjoni tista’ tiggarantixxi li l-proċedura ta’ tneħħija tiġi implimentata f’kundizzjonijiet li jirrispettaw id-dinjità tal-persuni kkonċernati ( 39 ), meta, bħal fil-każ ineżami, din il-persuna tesprimi l-ħtieġa li tiddisponi mill-effetti personali tagħha u tiġbor l-arretrati tas-salarji.

V. Konklużjoni

65.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja) bil-mod li ġej:

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li ż-żamma taħt detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti irregolarment tkun ibbażata fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni effettiva tat-tneħħija, fl-assenza ta’ dispożizzjoni legali, li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà, ta’ aċċessibbiltà u, b’mod partikolari, ta’ protezzjoni kontra l-arbitrarjetà, li tipprevedi li din iż-żamma tista’ tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi evitat it-twettiq ta’ reat.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

( 3 ) RT I 1998, 98, 1575, iktar ’il quddiem il-“VSS”. Il-verżjoni applikabbli fil-kawża prinċipali hija dik tas‑27 ta’ Ġunju 2020 (RT I, 17.06.2020, 3), fis-seħħ sal‑14 ta’ Lulju 2021.

( 4 ) Il-Gvern Estonjan iqis li d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju dwar l-assenza ta’ riskju ta’ ħarba tal-persuna kkonċernata ma hijiex iġġustifikata.

( 5 ) Il-Gvern Spanjol ried jenfasizza li, mill-perspettiva tiegħu, ir-raġuni msemmija fl-Artikolu 15(1)(b) tad-Direttiva 2008/115 effettivament tippermetti d-detenzjoni fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

( 6 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg) (C‑303/20, EU:C:2021:479, punt 25).

( 7 ) Ara, għall-kuntrarju, fir-rigward tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn (C‑519/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Landkreis Gifhorn, EU:C:2022:178, punt 100).

( 8 ) Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 48), u tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 108).

( 9 ) Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2007, Kofoed (C‑321/05, EU:C:2007:408, punti 4245, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et (C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punti 114115).

( 10 ) Dwar il-konkordanza ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra mal-verżjoni tal-lingwa Estonjana, ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża, Spanjola, Taljana, Pollakka u Ingliża li stajt nivverifika. Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas‑16 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn (ĠU 2017, L 339, p. 83, b’mod partikolari p. 140, punt 14.1(1) u (2), iktar ’il quddiem il-“Manwal dwar ir-Ritorn”), li jispeċifika li “dawn iż-żewġ każijiet konkreti [imsemmija fl-Artikolu 15(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2008/115] [i]kopru x-xenarji ewlenin li wieħed jiltaqa’ magħhom fil-prattika li jiġġustifikaw detenzjoni sabiex jitħejja u jiġi organizzat ir-ritorn u jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija”.

( 11 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru) (C‑673/19, EU:C:2021:127, punt 28).

( 12 ) Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).

( 13 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 168 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31), imsejjaħ ukoll ir-“Regolament Dublin III”.

( 15 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, Khir Amayry (C‑60/16, EU:C:2017:675, punt 25). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Istati Membri ma jistgħux iqiegħdu persuna taħt detenzjoni, sabiex jiggarantixxu l-proċeduri ta’ trasferiment, sempliċement għax tkun is-suġġett tal-proċedura stabbilita minn dan ir-regolament.

( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Landkreis Gifhorn (punt 39), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi tat‑3 ta’ Marzu 2022 fil-kawża Sofiyska rayonna prokuratura et (Proċess ta’ akkużat imneħħi mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:157, punti 8081).

( 17 ) Ara s-sentenza Landkreis Gifhorn (punt 40).

( 18 ) Fir-rigward tal-prinċipju li d-detenzjoni hija miżura tal-aħħar għażla, ara r-referenzi Ewropej iċċitati fil-konklużjonijiet tiegħi f’Landkreis Gifhorn (C‑519/20, EU:C:2021:958, punt 34). Ara wkoll l-Anness tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 74/195 tad‑19 ta’ Diċembru 2018 intitolat “Patt Globali għal Migrazzjoni Sigura, Ordnata u Regolari”, imsejjaħ ukoll “Patt ta’ Marrakexx dwar il-Migrazzjoni”, li jistieden lill-Istati biex “jirrikorru għad-detenzjoni amministrattiva tal-migranti biss bħala l-aħħar għażla u biex ifittxu soluzzjonijiet alternattivi” (għan 13).

( 19 ) Sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 41). Ara, ukoll, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 248 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara s-sentenza Landkreis Gifhorn (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main (C‑18/19, EU:C:2020:511, punt 38).

( 22 ) Sentenza Landkreis Gifhorn (punt 38).

( 23 ) Ara s-sentenza Landkreis Gifhorn (punt 41).

( 24 ) Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punti 3840), kif ukoll tas‑17 ta’ Settembru 2020, JZ (Priġunerija f’każ ta’ projbizzjoni ta’ dħul) (C‑806/18, EU:C:2020:724, punt 41), din tal-aħħar hija l-iktar sentenza reċenti li tikkwota s-sentenza tal-QEDB tal‑21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja (CE:ECHR:2013:1021JUD 004275009, punt 125), li l-Qorti tal-Ġustizzja normalment tirreferi għaliha. Fir-rigward tat-tfakkira stabbilita, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċedura ta’ ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, tal-qafas strett ta’ detenzjoni bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 42), tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 55), u tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 62), kif ukoll is-sentenza Landkreis Gifhorn (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 39).

( 26 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C 528/15, EU:C:2017:213, punti 4142), li tinterpreta l-kunċett ta’ “riskju ta’ ħarba” fuq il-bażi tad-definizzjoni li tidher fl-Artikolu 2(n) tar-Regolament Nru 604/2013, li jirreferi għad-dritt nazzjonali għad-definizzjoni tal-kriterji oġġettivi ta’ riskju ta’ ħarba. Il-kliem tiegħu huwa sostanzjalment identiku għal dak tad-definizzjoni stabbilita fil-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115.

( 27 ) C‑357/09 PPU, EU:C:2009:741.

( 28 ) Ara l-punt 70 ta’ din is-sentenza.

( 29 ) Fid-Direttiva 2008/115, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku jew sigurtà nazzjonali jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 6(2) fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ ritorn, fl-Artikolu 7(4) dwar il-kundizzjonijiet ta’ rifjut jew tnaqqis ta’ perijodu ta’ tluq volontarju (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punti 50 sa 52, kif ukoll il-punti 60 u 62)), u fl-Artikolu 11(2) u (3) dwar projbizzjonijiet ta’ dħul.

( 30 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Manwal dwar ir-Ritorn (p. 92 u 93), li fih huma stabbiliti l-kriterji li jistgħu jindikaw l-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba u hija mfakkra l-possibbiltà għall-Istati Membri li jikkwalifikaw fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ċerti ċirkustanzi oġġettivi ta’ preżunzjoni konfutabbli.

( 31 ) Il-korsiv huwa tiegħi.

( 32 ) Għalkemm id-deċiżjonijiet ta’ żamma taħt detenzjoni jridu jittieħdu fuq bażi ta’ każ b’każ skont l-imġiba tal-persuna kkonċernata, dawn għandhom madankollu jqisu kriterji oġġettivi. Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 274 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza Landkreis Gifhorn (punt 37).

( 33 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punti 50 sa 52, kif ukoll il-punti 60 u 62), fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 dwar il-kundizzjonijiet għar-rifjut jew it-tnaqqis ta’ perijodu ta’ tluq volontarju, inkluża l-eżistenza ta’ perikolu għall-ordni pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “riskju għall-ordni pubbliku” jippresupponi, minbarra perikolu għall-ordni soċjali li jikkostitwixxi kwalunkwe ksur tal-liġi, l-eżistenza ta’ theddida reali, attwali u serja biżżejjed, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (punt 60). Hija speċifikat, ukoll li, sabiex tiġi evalwata din it-theddida meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun issuspettat li wettaq att punibbli kklassifikat bħala delitt jew reat fid-dritt nazzjonali jew li kien suġġett għal sentenza kriminali għal tali att, in-natura u l-gravità ta’ dan l-att kif ukoll iż-żmien li għadda mit-twettiq tiegħu jistgħu jkunu elementi rilevanti (punt 62). Ara wkoll, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ tali theddida li tiġġustifika l-eżekuzzjoni ta’ detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija f’faċilità korrettiva, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main (C‑18/19, EU:C:2020:511, punti 4546).

( 34 ) Ara, bħala eżempju, fuq il-probabbiltà li jitwettaq attakk evalwata fl-istadju tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main (C‑18/19, EU:C:2020:511, punti 1415).

( 35 ) Tali loġika tista’ twassal sabiex żamma taħt detenzjoni tkun iġġustifikata għal raġunijiet oħra rikorrenti bħal, pereżempju, riskju ta’ suwiċidju jew kwalunkwe riskju ieħor serju għas-saħħa prevedibbli, li jista’ jwassal għar-rikoverazzjoni tal-persuna kkonċernata fi sptar għal tul ta’ żmien bejn wieħed u ieħor twil u jdewwem b’mod sistematiku t-tneħħija tiegħu.

( 36 ) Ara l-punti 44 u 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, dan l-aspett tad-domanda ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni fil-Manwal dwar ir-Ritorn (p. 140, paragrafu 3). Hemmhekk huwa speċifikat li “[m]huwiex l-iskop tal-Artikolu 15 [tad-Direttiva 2008/115] li jipproteġi lis-soċjetà minn persuni li huma ta’ theddida għall-politika jew is-sigurtà pubblika. L-iskop leġittimu li tiġi protetta s-soċjetà għandu jiġi indirizzat permezz ta’ siltiet oħrajn tal-legiżlazzjoni, b’mod partikolari l-liġi kriminali, il-liġi amministrattiva kriminali u l-leġiżlazzjoni li tkopri t-tmiem tal-permanenza legali għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. […] Jekk l-imġiba/kondotta fl-imgħoddi tal-persuna kkonċernata tippermetti li tinħareġ il-konklużjoni li l-persuna aktarx li mhix ser taġixxi skont il-liġi u ser tevita r-ritorn, din tista’ tiġġustifika d-deċiżjoni li hemm riskju ta’ ħarba”.

( 37 ) Infakkar, f’dan ir-rigward, li, bis-saħħa tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġetti għal sanzjoni kriminali li tipprevedi jew li tirriżulta fir-ritorn tagħhom, skont id-dritt nazzjonali, jew ikunu s-suġġett ta’ proċeduri ta’ estradizzjoni. Waqt is-seduta għat-trattazzjoni, il-Gvern Estonjan ma indikax lill-Qorti tal-Ġustizzja li kien eżerċita din il-fakultà.

( 38 ) Madankollu, il-Gvern Estonjan ma pprovda l-ebda informazzjoni bi tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt. Il-qorti tar-rinviju sempliċement indikat li, “fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-istatus individwali tal-appellant (età, stat ta’ saħħa), l-imġiba tiegħu u s-sitwazzjoni tiegħu (rabtiet mal-Estonja, nuqqas ta’ indirizz fiss), il-miżuri ta’ sorveljanza l-oħra (l-Artikolu 10(2) tal-VSS) ma kinux jippermettu li tiġi ggarantita b’mod daqstant effettiv l-eżekuzzjoni tat-tneħħija”.

( 39 ) Dwar dan ir-rekwiżit, ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll, b’mod partikolari, is-sentenza Landkreis Gifhorn (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top