EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0069

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fid-9 ta’ Ġunju 2022.
X vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats 's-Hertogenbosch.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Artikoli 4, 7 u 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Protezzjoni fil-każ ta’ tneħħija, ta’ tkeċċija u ta’ estradizzjoni – Dritt ta’ residenza għal raġunijiet mediċi – Standards u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115/KE – Ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda gravi – Kura medika maħsuba sabiex jitnaqqas l-uġigħ – Kura indisponibbli fil-pajjiż tal-oriġini – Kundizzjonijiet li taħthom it-tneħħija għandha tiġi posposta.
Kawża C-69/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:451

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PRIIT PIKAMÄE

ippreżentati fid‑9 ta’ Ġunju 2022 ( 1 )

Kawża C‑69/21

X

vs

Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, fis-sede tagħha fi ’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fuq il-fruntiera, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Ċittadini li jbatu minn marda gravi u li huma suġġetti għal proċedura ta’ ritorn – Kura medika maħsuba sabiex jitnaqqas l-uġigħ – Kura indisponibbli fil-pajjiż tal-oriġini – Rifjut ta’ estensjoni tat-tneħħija – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 4 – Dritt li persuna ma tiġix suġġetta għal trattamenti inumani jew degradanti – Artikolu 7 – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata”

1.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mistoqsija dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jostakola l-eżekuzzjoni tat-tneħħija tiegħu skont id-Direttiva 2008/115/KE ( 2 ).

2.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) ( 3 ), li l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi limitu għall-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ tneħħija fis-sens tad-Direttiva 2008/115. F’dan il-każ, zittingsplaats il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tipprovdi, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha u dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), kjarifiki dwar il-kriterju użat f’din is-sentenza sabiex jiġi identifikat il-limitu ta’ gravità li lil hinn minnu jista’ jkun hemm ksur tal-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani u degradanti.

3.

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi f’din il-kawża fuq il-kwistjonijiet dwar, minn naħa, jekk żieda fl-uġigħ esperjenzat minn ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba t-tneħħija tiegħu, mingħajr ebda tibdil tas-sintomi tal-marda tiegħu, hijiex ta’ natura li tikkaratterizza “deterjorament”, jew “indebboliment”, tal-istat ta’ saħħa ta’ dan iċ-ċittadin fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti, u min-naħa l-oħra, jekk l-Istati Membri għandhomx id-dritt li jipprevedu terminu strett li fih għandu jimmaterjalizza dan id-deterjorament jew dan it-tnaqqis.

4.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar il-kriterji legali li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ kunflitt bejn l-eżekuzzjoni tat-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u d-dritt ta’ dan tal-aħħar għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu, kif jidher fl-Artikolu 7 tal-Karta, billi tippreċiża jekk l-istat ta’ saħħa ta’ dan iċ-ċittadin għandux jittieħed inkunsiderazzjoni bħala komponent tal-ħajja privata tiegħu.

I. Il‑qafas ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

5.

F’din il-kawża huma rilevanti l-Artikoli 1, 5 u 9 tad-Direttiva 2008/115, kif ukoll l-Artikoli 4, 7 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta.

B.   Id‑dritt Olandiż

6.

L-Artikolu 64 tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”) jipprevedi kif ġej:

“L-akkumpanjament lejn il-fruntiera għandu jiġi pospost sakemm l-istat ta’ saħħa tal-barrani jew ta’ membru tal-familja tiegħu ma jippermettix li wieħed jivvjaġġa.”

7.

Il-Vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari tal‑2000 dwar il-Barranin, iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari dwar il-Barranin”) tipprevedi:

“[…]

7. Nuqqas ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera għal raġunijiet ta’ saħħa

7.1. Dispożizzjonijiet ġenerali

L- [Immigratie- en Naturalisatiedienst (IND) (id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni u tan-Naturalizzazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi)] jista’ jikkonċedi l-posponiment tat-tluq skont l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin meta:

mill-perspettiva medika, il-barrani ma jkunx fi stat li jivvjaġġa; jew

jeżisti riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), għal raġunijiet mediċi.

7.1.1. Il-barrani ma jkunx fi stat li jivvjaġġa

Il-barrani jikseb posponiment tat-tluq skont l-Artikolu 64 tal-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin jekk il-Bureau Medische Advisering (BMA) (l-Uffiċċju tal-Kunsill Mediku tal-Ministeru tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) jindika li, mill-perspettiva medika, l-istat ta’ saħħa tal-barrani jew ta’ membru tal-familja tiegħu ma jippermettix li wieħed jivvjaġġa.

[…]

7.1.3. Riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB għal raġunijiet mediċi

Il-barrani jikseb posponiment tat-tluq skont l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin meta jkun hemm riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB għal raġunijiet mediċi.

Jeżisti riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB biss meta:

fl-opinjoni tal-BMA jirriżulta li huwa probabbli ħafna li l-assenza ta’ trattament mediku ser tikkawża sitwazzjoni ta’ emerġenza medika; u

it-trattament mediku neċessarju ma huwiex disponibbli fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza permanenti; jew

jekk it-trattament mediku jkun disponibbli, jidher ċar li dan ma huwiex manifestament aċċessibbli.

Sitwazzjoni ta’ urġenza medika

B’urġenza medika, l-IND għandu jifhem is-sitwazzjoni li fiha l-barrani jbati minn kundizzjoni li fir-rigward tagħha huwa stabbilit, skont l-għarfien medikoxjentifiku attwali, li l-assenza ta’ trattament twassal f’terminu ta’ tliet xhur għall-mewt, l-invalidità jew forma oħra ta’ dannu psikiku jew fiżiku.

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑proċedura fil‑kawża prinċipali, id‑domanda preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

8.

X huwa ċittadin Russu, imwieled fl‑1988, li żviluppa, fl-età ta’ sittax-il sena, forma rari ta’ kanċer tad-demm li għalih huwa attwalment qiegħed jirċievi l-kura fil-Pajjiżi l-Baxxi. It-trattament mediku tiegħu jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-prattika tal-flebotomija kif ukoll fis-somministrazzjoni tal-kannabis terapewtika għall-finijiet tal-kontroll tal-uġigħ. Is-somministrazzjoni ta’ dan it-trattament ibbażat fuq il-kannabis ma hijiex awtorizzata fir-Russja.

9.

Fil‑31 ta’ Ottubru 2013, X ippreżenta l-ewwel applikazzjoni għall-ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, is-Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà) ikkunsidra li r-Renju tal-Isvezja kienet responsabbli għall-ipproċessar ta’ din l-applikazzjoni. Din id-deċiżjoni saret definittiva.

10.

Fit‑13 ta’ Diċembru 2013, X, skont l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin, talab il-posponiment tat-tneħħija tiegħu minħabba l-problemi mediċi tiegħu. Il-konvenut ċaħad din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Diċembru 2013, li wkoll saret definittiva.

11.

Fid‑19 ta’ Mejju 2016, X ippreżenta applikazzjoni ġdida għall-ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi, peress li t-terminu li fih seta’ jiġi ttrasferit lejn l-Isvezja kien skada. Insostenn ta’ din it-talba, X sostna li t-trattament mediku li kien ġie ssomministrat lilu fir-Russja kien jikkawżalu effetti sekondarji u li, sussegwentement, kien skopra li t-teħid tal-kannabis għal finijiet terapewtiċi kien aħjar għall-istat ta’ saħħa tiegħu. Peress li l-użu tal-kannabis ma kienx awtorizzat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwa kien ikkultiva pjanti tal-kannabis għal finijiet mediċinali, fatt li kien ikkawżalu problemi tali li issa kellu bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Fl-okkażjoni tal-imsemmija talba, X kien ukoll talab, mill-ġdid, posponiment tat-tneħħija tiegħu skont l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin.

12.

Wara li rċieva l-opinjoni tal-BMA, is-Segretarju tal-Istat, permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2018, ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ X billi kkunsidra li l-problemi li l-applikant jallega li kien ikkonfrontat bihom fir-Russja ma kinux kredibbli. Huwa ddeċieda wkoll li l-applikant ma setax jikseb permess ta’ soġġorn ordinarja u rrifjuta li jilqa’ t-talba tiegħu li jissospendi, skont l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin, l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ritorn tiegħu.

13.

Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2018, ikkonfermata mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) fit‑28 ta’ Marzu 2019, ir-Rechtbank den Haag zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti b’sede f’ s-Hertogenbosch,, il-Pajjiżi l-Baxxi) annullat parzjalment din id-deċiżjoni. Għalhekk, għalkemm ikkonferma li X ma setax jinvoka l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, huwa madankollu ordna lis-Segretarju tal-Istat jeżamina għal darba oħra kemm l-argument ta’ X ibbażat fuq id-dritt tiegħu li jikseb permess ta’ soġġorn abbażi tal-Artikolu 8 tal- KEDB kif ukoll it-talba tiegħu għall-implementazzjoni tal-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin.

14.

Fid‑19 ta’ Frar 2020, is-Segretarju tal-Istat, mill-ġdid, irrifjuta li jagħti lil X permess ta’ soġġorn għal żmien limitat, skont l-Artikolu 8 tal-KEDB, kif ukoll posponiment tat-tneħħija tiegħu. Permezz tal-istess att, is-Segretarju tal-Istat adotta deċiżjoni ta’ ritorn li ordnat lil X jitlaq mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’terminu ta’ erba’ ġimgħat.

15.

X ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jqis li permess ta’ soġġorn għandu jinħariġlu skont l-Artikolu 8 tal-KEDB jew li, tal-inqas, għandu jingħatalu posponiment ta’ tneħħija skont l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li t-trattament tal-uġigħ permezz tal-kannabis huwa tant essenzjali li ma jkunx jista’ jibqa’ jgħix ħajja deċenti li kieku dan it-trattament kellu jiġi interrott. Huwa jindika, b’mod partikolari, li, fil-każ ta’ tali interruzzjoni, l-uġigħ tant ikun kbir li la jista’ jorqod iktar u lanqas jiekol u jixrob, u dan ikollu konsegwenzi mhux biss fiżiċi, iżda wkoll psikiċi, billi jrendih depressiv u suwiċidali.

16.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, qabelxejn, li, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, tkeċċija tista’ tiġi posposta meta, minn perspettiva medika, il-barrani ma jkunx fi stat li jivvjaġġa jew meta jkun hemm riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB għal raġunijiet mediċi. Din l-aħħar ipoteżi tippresupponi li mill-opinjoni tal-BMA jirriżulta, minn naħa, li l-interruzzjoni tat-trattament mediku twassal, probabbilment, għal “sitwazzjoni ta’ emerġenza medika” u, min-naħa l-oħra, li t-trattament idoneju ma huwiex disponibbli fil-pajjiż ta’ oriġini, jew li l-barrani ma jkunx jista’ jaċċedi għalih.

17.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil mibdija fid‑19 ta’ Mejju 2016, X ippreżenta diversi dokumenti mediċi intiżi sabiex jissostanzjaw l-allegazzjoni tiegħu li l-problemi tas-saħħa tiegħu huma ta’ natura li jiġġustifikaw is-sospensjoni tat-tneħħija tiegħu.

18.

Fl-opinjoni tiegħu mogħtija fuq talba tas-Segretarju tal-Istat, il-BMA indika b’mod partikolari li għalkemm, fl-assenza ta’ flebotomiji, wieħed seta’ jistenna li X jiġi kkonfrontat b’sitwazzjoni ta’ emerġenza medika fi żmien qasir, dan it-trattament kien madankollu disponibbli fir-Russja. Għall-kuntrarju, il-BMA kkunsidra li, peress li l-effett mediċinali tal-kannabis ma ġiex ipprovat, kien impossibbli li tingħata deċiżjoni dwar il-konsegwenzi mediċi ta’ interruzzjoni ta’ trattament bbażat fuq il-kannabis. Il-BMA osserva wkoll li ma kienet ġiet indikata ebda problema marbuta mal-uġigħ li seta’ jwassal għall-biża’ tal-mewt ta’ X jew tad-dipendenza ta’ dan tal-aħħar fl-atti ordinarji tal-ħajja. Il-BMA għalhekk qies li ma setax jiġi kkonfermat li l-użu tal-kannabis jipprevjeni li sseħħ sitwazzjoni ta’ emerġenza medika għal żmien qasir. Fl-aħħar nett il-BMA indika li jeżistu biżżejjed mezzi oħra kontra l-uġigħ li jistgħu jiġu ssomministrati lil X.

19.

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, mill-informazzjoni ppreżentata minn X jirriżulta li t-tobba li qegħdin jagħtuh il-kura jikkunsidraw li l-kannabis terapewtika tikkostitwixxi l-uniku trattament adegwat kontra l-uġigħ u li l-analġeżiċi l-oħra huma kontro-indikati. Barra minn hekk, din il-qorti hija tal-opinjoni li X ipprova sal-grad rikjest mil-liġi li t-trattament ibbażat fuq il-kannabis terapewtika huwa preskritt u użat biss meta s-soluzzjonijiet l-oħra kontra l-uġigħ jirriżultaw mhux biss ineffettivi, iżda wkoll kontro-indikati.

20.

Il-Qorti tar-rinviju tikkonstata wkoll li ebda trattament xieraq kontra l-uġigħ, inkluż permezz tal-kannabis terapewtika, ma kien disponibbli fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ X. Għaldaqstant, jekk ma jingħatalu ebda posponiment tat-tneħħija, it-trattament tiegħu kontra l-uġigħ ser jiġi interrott u l-intensità ta’ din tal-aħħar ser tiżdied. F’dan ir-rigward, din il-qorti tfakkar li X ippreżenta informazzjoni li minnha jirriżulta li l-uġigħ sar bilkemm supportabbli bis-saħħa tal-amministrazzjoni tal-kannabis terapewtika. Madankollu, din l-informazzjoni ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk iż-żieda fl-uġigħ ikkawżata mill-interruzzjoni tat-trattament tiegħu tikkawżax deterjorazzjoni tas-sintomi tal-marda, anki jekk huwa probabbli, fid-dawl tal-informazzjoni li għandha l-qorti tar-rinviju, li dan ma jkunx il-każ.

21.

Qabel ma titlob perizja medika dwar iż-żieda fl-intensità tal-uġigħ li X jista’ jiffaċċja jekk ma jibqax iktar ikkurat b’kannabis terapewtika, il-qorti tar-rinviju tqis għalhekk li huwa neċessarju li jiġi stabbilit, permezz ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qafas ġuridiku li jirregola t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali fattur.

22.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma interpretatx l-Artikolu 19(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikoli 1 u 4 tagħha, sabiex tiddetermina jekk raġunijiet mediċi jistgħux jostakolaw it-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, meta s-sintomi tal-marda tiegħu ma jkunux jistgħu jiggravaw, iżda l-intensità tal-uġigħ tiegħu tiżdied b’mod konsiderevoli, fil-każ ta’ ritorn, minħabba li t-trattament mediku xieraq ma jkunx disponibbli fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

23.

Fit-tieni lok, din il-qorti tosserva li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), abbażi tar-rekwiżit ta’ deterjorament rapidu tal-istat ta’ saħħa fis-sens tas-sentenza Paposhvili vs il-Belġju ( 4 ), huma biss il-konsegwenzi mediċi li jseħħu fit-tliet xhur wara l-interruzzjoni tat-trattament mediku li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk tali interruzzjoni twassalx għal sitwazzjoni ta’ emerġenza medika. Skont il-qorti tar-rinviju, il-Qorti EDB madankollu ma stabbilietx terminu espliċitu fl-imsemmija sentenza. Għalhekk, hija tqis li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-konsegwenzi marbuta mal-interruzzjoni tat-trattament mediku ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz marid b’mod gravi, fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jistgħux jaqgħu taħt l-Artikolu 4 tal-Karta biss jekk dawn iseħħu f’perijodu ta’ tliet xhur, tkun xi tkun in-natura tal-patoloġija u jkun xi jkun it-trattament mediku.

24.

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin jimponi wkoll li jiġi eżaminat jekk il-miżura ta’ tneħħija, bħala tali, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi tistax twassal għal riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Madankollu, din l-evalwazzjoni ssir biss waqt l-eżami tal-kapaċità ta’ tali ċittadin li jivvjaġġa, b’mod li qatt ma huwa mitlub lill-BMA jekk konsegwenzi mediċi jistgħu jirriżultaw mis-sempliċi tneħħija u b’mod li dawn il-konsegwenzi ma jittieħdux inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk “sitwazzjoni ta’ emerġenza medika”, fis-sens taċ-Ċirkulari dwar il-Barranin, tipprekludix tali tneħħija, meta t-trattament mediku li l-imsemmi ċittadin jirċievi ma huwiex disponibbli jew ma huwiex aċċessibbli fil-pajjiż ta’ oriġini.

25.

Fil-kuntest ta’ tali stħarriġ, żieda fil-konsegwenzi psikiċi, bħal riskju ta’ suwiċidju, tista’ diffiċilment, skont din il-qorti, tostakola t-tneħħija minkejja li tista’ tikkawża sitwazzjoni ta’ urġenza medika.

26.

Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni medika ta’ ċittadin u l-fatt li huwa jirċievi trattament mediku, fl-Istat Membru fejn jirrisjedi, jistgħux jikkostitwixxu elementi tal-ħajja privata li r-rispett tagħhom għandu jiġi żgurat fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta u tal-Artikolu 8 tal-KEDB.

27.

F’dan il-każ, X isostni li t-trattament mediku tiegħu jaqa’ taħt ir-rispett dovut għall-ħajja privata tiegħu u jipprekludi t-tneħħija tiegħu.

28.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhomx jeżaminaw jekk għandux jiġi rrikonoxxut dritt ta’ soġġorn, skont id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba l-problemi mediċi serji tiegħu u minħabba t-trattament mediku li huwa jirċievi f’dan l-Istat u jekk ir-rispett tal-ħajja privata ta’ dan iċ-ċittadin jikkostitwixxix element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni dwar it-talba tiegħu għall-posponiment tal-miżura ta’ tneħħija li huwa s-suġġett tagħha.

29.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag b’sede f’ zittingsplaats ’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Żieda sinjinfikattiva fl-intensità tal-uġigħ ikkawżata mill-assenza ta’ kura medika, mingħajr bidla fis-sintomi tal-marda, tikkostitwixxi sitwazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta u mal-Artikolu 4 tal-Karta, jekk l-ebda posponiment tal-obbligu ta’ tluq li jirriżulta mid-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-ritorn”) ma huwa permess?

2.

L-istabbiliment ta’ terminu fiss li fih l-konsegwenzi tal-assenza ta’ kura medika għandhom jimmanifestaw ruħhom sabiex ikun hemm ostakolu mediku għall-obbligu ta’ ritorn li jirriżulta mid-Direttiva 2008/115 huwa kompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta? Jekk l-istabbiliment ta’ terminu fiss ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni, Stat Membru jista’ jistabbilixxi perijodu ġenerali li jkun identiku għall-kundizzjonijiet mediċi kollha possibbli u għall-konsegwenzi mediċi kollha possibbli?

3.

L-istabbiliment li l-konsegwenzi ta’ tkeċċija de facto għandhom jiġu evalwati biss fil-mument li fih jiġi stabbilit jekk, u f’liema kundizzjonijiet, il-barrani jista’ jivvjaġġa, huwa konformi mal-Artikolu 19(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta u mal-Artikolu 4 tal-Karta, u mad-Direttiva 2008/115?

4.

L-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta u mal-Artikolu 4 tal-istess Karta, u fid-dawl tad-Direttiva 2008/115, jeżiġi li l-istat ta’ saħħa tal-barrani u l-kura li huwa jirċievi għal dan l-istat fl-Istat Membru jiġu evalwati fil-mument li jiġi eżaminat jekk ir-rispett tal-ħajja privata għandux jagħti lok għall-awtorizzazzjoni tar-residenza?L-Artikolu 19(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta u mal-Artikolu 4 tal-Karta, u fid-dawl tad-Direttiva 2008/115, jeżiġi li l-ħajja privata u l-ħajja tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni dwar jekk problemi mediċi jistgħux jikkostitwixxu ostakolu għat-tkeċċija?”

30.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn X, il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni Ewropea.

31.

L-istess partijiet instemgħu fis-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2022.

III. Analiżi

A.   Fuq il‑ġuriżdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑ammissibbiltà tad-domandi preliminari

32.

Il-Gvern Olandiż isostni, fl-ewwel lok, li d-domandi preliminari huma inammissibbli sa fejn dawn saru b’mod prematur mill-qorti tar-rinviju. Peress li d-Direttiva 2008/115 tapplika biss meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun jinsab f’sitwazzjoni ta’ soġġorn irregolari, l-interpretazzjoni tagħha, moqrija flimkien mal-Karta, ma hijiex, skont dan il-Gvern, neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li l-qorti tar-rinviju għandha l-ewwel tistabbilixxi jekk X għandux dritt jikseb permess ta’ soġġorn fil-Pajjiżi l-Baxxi.

33.

Sabiex jiġi miċħud dan l-argument, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali huma liberi li jadixxuha fi kwalunkwe mument tal-proċedura li huma jqisu xierqa ( 5 ), b’tali mod li rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistax jitqies bħala inammissibbli minħabba s-sempliċi fatt li sar fi stadju bikri tal-proċedura nazzjonali. Mill-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li tirrispondi għal domandi preliminari li ġew irrinvijati lilha minn qorti nazzjonali qabel ma din tal-aħħar tkun eżaminat jekk it-tilwima setgħetx tiġi solvuta biss skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 6 ).

34.

Fit-tieni lok, il-Gvern Olandiż iqis li t-tieni domanda preliminari hija inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-legalità ta’ terminu strett applikabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-degradazzjoni tal-istat ta’ saħħa ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz fil-każ ta’ eżekuzzjoni tat-tneħħija tiegħu, minkejja li dan it-terminu ma jikkostitwixxix element determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

35.

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ ritorn adottata fil-konfront ta’ X kienet b’mod partikolari bbażata fuq l-esklużjoni tal-possibbiltà li sitwazzjoni ta’ emerġenza medika għal żmien qasir isseħħ f’każ ta’ rinviju. Issa, ma hemmx dubju li, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża applikabbli, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza medika għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-terminu ta’ tliet xhur previst miċ-Ċirkulari dwar il-Barranin. Inżid li l-kwistjoni dwar il-legalità ta’ dan it-terminu ssir iktar ċentrali peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, kuntrarjament għal dak li jafferma l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-uġigħ ta’ X huwa marbut mal-marda li minnha jsofri u li ma jeżisti ebda trattament ta’ sostituzzjoni li jippermetti li jtaffi l-uġigħ tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ir-Russja.

36.

Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Gvern Olandiż jikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-raba’ domanda preliminari sa fejn din tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk dritt ta’ soġġorn jistax jinsilet mill-Artikolu 8 tal-KEDB. Din id-domanda hija, barra minn hekk, inammissibbli, skont dan il-Gvern, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk l-Artikolu 7 tal-Karta jimponix fuq l-Istati Membri li jagħtu dritt ta’ soġġorn lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fis-sitwazzjoni ta’ X.

37.

Għandi nesprimi, għal darba oħra, in-nuqqas ta’ qbil tiegħi mal-argument tal-Gvern Olandiż. Minn naħa, huwa paċifiku li l-imsemmija domanda ma tirrigwardax l-Artikolu 8 tal-KEDB, iżda l-Artikolu 7 tal-Karta. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk dritt ta’ soġġorn għandux jingħata lill-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-mertu tar-raba’ domanda preliminari ( 7 ).

38.

Konsegwentement, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u li dan huwa ammissibbli fl-intier tiegħu.

B.   Fuq il‑mertu

1. Fuq l‑ewwel u t‑tieni domandi

39.

Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa marid b’mod gravi u li jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, ikun suġġett għal miżura ta’ tneħħija, fil-każ fejn huwa jkun espost, minħabba l-indisponibbiltà legali, fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, tal-unika trattament analġeżiku effettiv, għal żieda sinifikattiva tal-uġigħ tiegħu, mingħajr tibdil ieħor tas-sintomi l-oħra tal-marda, jew, tal-inqas, meta din iż-żieda sinifikattiva tal-uġigħ tiegħu timmanifesta ruħha f’terminu ta’ tliet xhur wara r-ritorn tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu.

a) Osservazzjonijiet preliminari

40.

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, X, ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat, ma jistax jitlob l-istatus ta’ refuġjat, għall-protezzjoni sussidjarja jew għal permess ta’ soġġorn ordinarju fil-Pajjiżi l-Baxxi. X jinsab f’sitwazzjoni ta’ “soġġorn illegali”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115, sa fejn huwa preżenti fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) ( 8 ) jew ta’ kundizzjonijiet oħra ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza f’dan l-Istat. Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni ta’ X hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

41.

Din timponi b’mod partikolari fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment (l-Artikolu 6) u li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jeżegwixxu tali deċiżjoni fl-assenza ta’ tluq volontarju tiegħu (l-Artikolu 8). Peress li l-eżekuzzjoni tal-proċeduri nazzjonali ta’ ritorn tikkostitwixxi implementazzjoni tad-Direttiva 2008/115, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, din tal-aħħar tapplika f’din il-kawża.

42.

Minħabba l-marda gravi li minnha jsofri X, tista’ tostakola l-eżekuzzjoni tat-tneħħija tiegħu skont il-qorti tar-rinviju l-Artikolu 4 tal-Karta (“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”) u l-Artikolu 19(2) tagħha (“Ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti”). Peress li din il-projbizzjoni ġiet ikkonfermata mill-ġdid, essenzjalment, fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, hemm lok li jsir riferiment, fl-ewwel żewġ domandi kif ifformulati mill-ġdid, għal dan tal-aħħar, moqri flimkien mal-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta.

43.

Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta ( 9 ), id-dritt li jinsab fl-Artikolu 4 tal-Karta jikkorrispondi għal dak iggarantit mill-Artikolu tal-KEDB, filwaqt li l-Artikolu 19(2) tal-Karta jirrifletti l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB. Minn dan jirriżulta, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li s-sens u l-portata ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom ikunu l-istess bħas-sens u l-portata mogħtija mill-KEDB fl-Artikolu 3 tagħha, ħlief jekk dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja.

44.

Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk, u eventwalment f’liema kundizzjonijiet, l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta ( 10 ) jipprekludu t-tneħħija minn Stat Membru ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa marid b’mod gravi u f’sitwazzjoni ta’ soġġorn irregolari tiddependi fuq eżami tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti EDB fil-kawżi N. vs Ir-Renju Unit ( 11 ) u Paposhvili u tas-sentenzi, li kienu jiddependu ħafna fuq il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti EDB, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Abdida, C. K. ( 12 ). et u MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) Fil-fatt, dan l-eżami ser jippermetti li jiġi identifikat il-kriterju ġuridiku applikabbli sabiex tiġi vverifikata l-konformità tal-imsemmija tneħħija mal-projbizzjoni tat-trattamenti inumani u degradanti.

45.

Qabel ma jinbeda l-analiżi, huwa neċessarju li jiġu spjegati fil-qasir ir-raġunijiet għaliex il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja naxxenti mis-sentenzi N. S. et, Jawo u Ibrahim et ( 13 ), liema sentenzi ttrasponew l-insenjamenti tas-sentenza M.S.S.ve il-Belġju u l-Greċja tal-Qorti EDB ( 14 ), ma hijiex applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kif sostnew l-partijiet ikkonċernati kollha waqt is-seduta.

46.

F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru għal ieħor jikser il-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani u degradanti meta din il-persuna tkun “kompletament dipendenti fuq l-għajnuna pubblika” u li “l-indifferenza tal-awtoritajiet [ta’ dan l-aħħar Stat] ikollha l-konsegwenza li [din] tkun tinsab, indipendentement mill-volontà tagħha u mill-għażliet personali tagħha, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema, tħallihiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħha, bħalma huma b’mod partikolari dawk li tiekol, li tinħasel u li jkollha fejn tgħix, u li ddgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew li tpoġġiha fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem” ( 15 ).

47.

Fil-fehma tiegħi, ċertament ftit li xejn jista’ jiġi kkontestat li, fid-dawl tan-natura assoluta tal-Artikolu 4 tal-Karta, dan il-kriterju jista’ jintuża wkoll meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jipproċedi għar-ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi irregolarment, lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, X sempliċement issostni li r-rinviju tiegħu lejn ir-Russja jippreġudika b’mod gravi s-saħħa tiegħu u fl-ebda mument ma jallega li huwa jiddependi kompletament mill-għajnuna pubblika u li, fil-każ ta’ rinviju fir-Russja, huwa jsib ruħu f’sitwazzjoni ta’ “deprivazzjoni materjali estrema” minħabba l-indifferenza tal-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż. Issa, jidhirli li l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq teżiġi l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawża u effett bejn dan id-deprivazzjoni materjali estrema, ikkawżat mill-indifferenza tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, u d-degradazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata. Għaldaqstant, tali ġurisprudenza ma tapplikax fil-kawża li għandna quddiemna.

b) L-Artikolu 3 tal-KEDB bħala garanzija kontra r-refoulement fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB

48.

Il-konstatazzjoni li fetħet il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-konformità mal-Artikolu 3 tal-KEDB tal-miżuri ta’ tbegħid adottati mill-awtoritajiet pubbliċi kontra persuni li jbatu minn marda gravi tinsab fis-sentenza D. vs Ir-Renju Unit ( 16 ). F’din is-sentenza, il-Qorti EDB ikkunsidrat li l-eżami ta’ miżura ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 3 tal-KEDB ma jistax ikun suġġett għall-fatt li r-riskju għall-persuna suġġetta għal wieħed mit-trattamenti pprojbiti jirriżulta minn atti intenzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ destinazzjoni. Fil-fehma tagħha, xejn ma jipprekludiha milli teżamina sitwazzjonijiet fejn dan ir-riskju joriġina minn fatturi li ma jistgħux jinvolvu, direttament jew indirettament, ir-responsabbiltà ta’ dawn l-awtoritajiet jew li, meħuda waħedhom, ma jiksrux minnhom infushom id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu.

49.

Dan l-approċċ ġie żviluppat fis-sentenza Pretty vs Ir-Renju Unit skont liema: “is-sofferenza minħabba marda li sseħħ naturalment […] tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB jekk hija tinsab jew tista’ ssib ruħha aggravata minn trattament – jekk dan jirriżulta minn kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, minn tkeċċija jew minn miżuri oħra – li l-awtoritajiet jistgħu jinżammu responsabbli għalihom” ( 17 ).

50.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ individwu milqut mill-Aids, il-Qorti EDB iddeċidiet, fis-sentenza D. vs Ir-Renju Unit, li l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tesponi lil dan l-individwu għal riskju reali li jmut f’ċirkustanzi ta’ uġigħ partikolari u jikkostitwixxi trattament inuman fis-sens tal-Artikolu 3 tal-KEDB. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, minkejja li dawk li ma humiex ċittadini li huma suġġetti għal deċiżjoni ta’ tkeċċija ma jistgħux, bħala prinċipju, jinvokaw id-dritt li jibqgħu fit-territorju tal-Istat akkoljenti sabiex ikomplu jibbenefikaw mill-assistenza medika u soċjali assigurat lilhom minn dak l-Istat, il-ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB kien immotivat minn “ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna” tal-kawża inkwistjoni u l-“kunsiderazzjonijiet umanitarji imperattivi” li kienu involuti ( 18 ). Il-Qorti EDB ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li d-destinatarja tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija kienet tinsab fi stadju terminali tal-marda tagħha u li t-twaqqif f’daqqa tal-prestazzjonijiet mediċi pprovduti fl-Istat akkoljenti, kif ukoll l-assenza ta’ trattament adegwat fil-pajjiż tal-oriġini tagħha, kienu jnaqqsu l-aspettattiva tagħha tal-ħajja u kienu jikkawżawlha tbatija fiżika u mentali akuti ( 19 ).

51.

Fil-kawża N. vs Ir-Renju Unit ( 20 ), il-Qorti EDB ġiet mistiedna, essenzjalment, tiffissa dan il-limitu f’livell inqas għoli, billi tadotta interpretazzjoni inqas stretta tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna”.

52.

Din il-kawża kienet tikkonċerna t-tneħħija ta’ persuna seropożittiva li kienet tinsab fi stat stabbli bis-saħħa ta’ trattament mediku li kien issomministrat lilha fl-Istat ospitanti. Madankollu, ma huwiex ikkontestat li, f’każ ta’ interruzzjoni ta’ dan it-trattament mediku, l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata kien jiddegrada malajr u din tal-aħħar kienet mietet fl-ispazju ta’ xi snin wara perijodu ta’ skumdità u ta’ tbatija. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti allegat, l-ewwel, li hija ma kellhiex il-mezzi sabiex tixtri l-prodotti mediċinali neċessarji għall-finijiet tal-imsemmi trattament fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, l-Uganda, u, it-tieni, li l-familja tiegħu li kienet residenti hemmhekk la kienet tixtieq u lanqas f’pożizzjoni li tikkuraha ladarba hija kienet marida b’mod gravi.

53.

Madankollu, il-Qorti EDB qieset li l-limitu għoli ta’ serjetà stabbilit fis-sentenza D. vs Ir-Renju Unit u applikat fil-ġurisprudenza ulterjuri tagħha kellu jinżamm ( 21 ).

54.

Sabiex jiġi stabbilit jekk l-imsemmija kawża N. vs ir-Renju Unit kinitx ikkaratterizzata minn ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna, hija b’hekk intrabtet mas-serjetà tal-istat ta’ saħħa tar-rikorrenti fil-mument meta kienet prevista t-tneħħija, mingħajr ma wettqet eżami ddettaljat dwar jekk hija setgħetx effettivament tikseb it-trattament u l-kura neċessarja fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. B’mod iktar preċiż, il-Qorti EDB ikkunsidrat li l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx, fiż-żmien meta ngħatat is-sentenza, fi stat kritiku u kienet adatta sabiex tivvjaġġa kien ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna” u, għaldaqstant, ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, il-fatt li, fil-każ ta’ tkeċċija lejn l-Uganda, il-persuna kkonċernata kellha degradazzjoni tas-sitwazzjoni tagħha, u b’mod partikolari tnaqqis tal-aspettattiva tal-ħajja tagħha, ma kienx, skont din il-qorti, rilevanti ( 22 ).

55.

Iktar reċentement, il-Qorti EDB ikkunsidrat, fis-sentenza Paposhvili, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB biss għat-tneħħija ta’ persuni li jinsabu fil-limitu tal-mewt, kif għamlet wara s-sentenza N. vs Ir-Renju Unit ( 23 ), kellha l-effett li ċċaħħad mill-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni lill-barranin marid b’mod gravi li ma kinux fi stat kritiku. Għalhekk, ir-rekwiżit li tiġi ggarantita l-effettività tal-Artikolu 3 tal-KEDB kien jimponi, fil-fehma tagħha, li l-espressjoni “każijiet eċċezzjonali oħra” tiġi interpretata fis-sens li l-protezzjoni stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi rikonoxxuta wkoll lil dawn il-persuni ( 24 ).

56.

B’mod iktar preċiż, il-Qorti EDB qieset li “każijiet eċċezzjonali oħra” għandhom ifissru “il-każijiet ta’ tneħħija ta’ persuna marida b’mod gravi li fihom ikun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li din il-persuna, minkejja li ma tiżvolġix riskju imminenti li tmut, taffaċċja, minħabba l-assenza ta’ trattamenti xierqa fil-pajjiż ta’ destinazzjoni jew minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għalihom, riskju reali li tiġi esposta għal indebboliment gravi, rapidu u irriversibbli tal-istat ta’ saħħa tagħha” ( 25 ).

57.

F’din il-kawża, ir-rikorrent kien milqut minn marda estremament gravi. Skont l-informazzjoni li huwa pprovda, l-istat ta’ saħħa tiegħu kien stabilizzat bis-saħħa tat-trattament li kien jibbenefika minnu fil-Belġju u, li kieku dan it-trattament kellu jiġi interrott, l-aspettattiva tal-ħajja medja tiegħu kienet tkun ta’ inqas minn sitt xhur. Il-Qorti EDB qieset li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent li skonthom l-imsemmi trattament ma kienx disponibbli fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu u skont liema dan ir-rikorrent ma kellu l-ebda garanzija li se jkollu aċċess għal forom oħra ta’ trattament għall-marda tiegħu disponibbli f’dak il-pajjiż, kienu kredibbli ( 26 ). B’hekk, skont il-Qorti EDB, seta’ jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB fl-assenza ta’ evalwazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tar-riskju sostnut mir-rikorrent fid-dawl tad-data marbuta mal-istat ta’ saħħtu u mal-eżistenza ta’ trattament adegwat fil-Georgia ( 27 ).

58.

Il-kriterju adottat fis-sentenza Paposhvili sabiex jiġi vverifikat jekk l-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ tneħħija kontra persuna marida b’mod gravi tikkostitwixxix trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 3 tal-KEDB, ġie reċentement ikkonfermat fis-sentenza mogħtija mill-Awla Manja tal-Qorti EDB fil-kawża Savran vs Id-Danimarka ( 28 ).

59.

Fir-rigward tal-portata ta’ dan il-kriterju, hija meħtieġa preċiżazzjoni. Għalkemm dan ċertament jimplika estensjoni tal-portata tal-Artikolu 3 tal-KEDB, li tirriżulta mid-definizzjoni ta’ limitu ta’ serjetà li jippermetti li jiġu inklużi l-persuni li ma humiex qrib il-mewt fost il-benefiċjarji tal-protezzjoni offruta minn dan l-artikolu, il-Qorti EDB kienet partikolarment attenta li turi n-natura relattiva ta’ dan it-tkabbir ( 29 ), kif jirriżulta b’mod partikolari minn tliet elementi. L-ewwel, hija tenniet li l-każijiet li fihom l-Artikolu 3 tal-KEDB jostakola l-eżekuzzjoni tat-tneħħija ta’ persuna marida b’mod gravi huma “eċċezzjonali ħafna”. It-tieni, hija indikat li dawn il-każijiet “jikkorrispondu għal livell għoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3 [tal-KEDB] fil-kawżi marbuta mat-tneħħija tal-barranin morda b’mod gravi”. It-tielet, il-livell ta’ gravità li hija stabbiliet jimplika li l-indebboliment tal-istat ta’ saħħa tal-persuna suġġetta għal miżura ta’ tneħħija jkun mhux biss “gravi” u “irriversibbli”, iżda wkoll “rapidu”. Filwaqt li l-ewwel żewġ elementi huma attributi essenzjali tad-dannu riskjuż meta l-kwistjoni tirrigwarda ksur purament virtwali, anki jekk huwa prevedibbli, tal-KEDB ( 30 ), dan l-aħħar element ma jsib ebda spjegazzjoni oħra ħlief dik dwar l-intenzjoni li jiġi limitat kemm jista’ jkun iċ-ċirku ta’ individwi li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 3 tal-KEDB.

c) L-Artikolu 4 tal-Karta bħala garanzija kontra r-refoulement fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

60.

Fir-rigward tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi osservat li din tal-aħħar, f’erba’ okkażjonijiet, identifikat espressament il-kriterju li għandu jiġi applikat sabiex jiġi ddeterminat jekk iċ-ċaqliq forzat ta’ persuna marida b’mod gravi jikkostitwixxix trattament inuman u degradanti fis-sens tal-Artikolu 3 tal-KEDB.

61.

Fil-Kawża Abdida, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti EDB fil-Kawża N. vs Ir-Renju Unit ( 31 ), li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li timplika t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda gravi lejn pajjiż fejn ma jkunx hemm trattamenti adegwati tikser l-Artikolu 4 tal-Karta f’każijiet eċċezzjonali ħafna. Hija speċifikat ukoll li dawn l-aħħar imsemmija każijiet huma kkaratterizzati mis-serjetà u min-natura irreparabbli tad-dannu li jirriżulta mit-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz lejn pajjiż li fih ikun hemm riskju serju li jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti. L-effettività tal-appell ippreżentat kontra tali deċiżjoni ta’ ritorn teżiġi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li dan l-appell ikollu effett sospensiv, peress li l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tesponi lill-imsemmi ċittadin għal riskju serju ta’ deterjorament gravi u irriversibbli tal-istat ta’ saħħtu ( 32 ). Sussegwentement, dan il-kriterju ġie riprodott fis-sentenza CPAS de Seraing ( 33 ).

62.

Fil-kawża C. K. et, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistoqsija dwar il-kwistjoni jekk it-trasferiment mis-Slovenja lejn il-Kroazja, fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin, ta’ applikanti għall-ażil b’kundizzjoni psikoloġika partikolarment gravi, jiġifieri depressjoni post partum u tendenzi suwiċidali perjodiċi, kienx jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

63.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qabelxejn indikat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, ma setax jiġi eskluż li t-trasferiment ta’ applikant jista’, fih innifsu, iwassal, għall-persuna kkonċernata, għal riskju reali li ssofri trattamenti inumani u degradanti, indipendentement mill-kwalità tal-akkoljenza u tal-kura disponibbli fl-Istat Membru kkonċernat ( 34 ).

64.

Fir-rigward tal-kriterju li għandu jiġi applikat sabiex tipi vverifikata l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta f’din l-ipoteżi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-trasferiment ta’ applikant għall-ażil jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti jekk iwassal għal riskju reali u kkonfermat tadeterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa ta’ dan tal-aħħar ( 35 ). Sussegwentement hija żiedet li, ladarba l-applikant ipprovda elementi oġġettivi suffiċjenti sabiex tingħata prova tas-serjetà partikolari tal-istat ta’ saħħtu kif ukoll il-konsegwenzi sinjifikattivi u irremedjabbli ta’ transferiment fuq dan tal-aħħar, ikun imiss lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jeżaminaw dawn l-elementi, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-assjem tal-konsegwenzi li jirriżultaw mit-trasferiment, mingħajr ma jieqfu biss fuq il-konsegwenzi tat-trasport fiżiku tal-applikant għall-ażil ( 36 ).

65.

Dan l-approċċ ġie kkonfermat u applikat fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115 mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni sussidjarja għandhiex tingħata lil ċittadin li ġie ttorturat mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li s-severità psikoloġika tiegħu tista’ taggrava b’mod sostanzjali fil-każ li jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

66.

Fil-kuntest tal-eżami ta’ din il-kwistjoni, hija enfasizzat b’mod partikolari li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar it-tneħħija ta’ persuni morda b’mod gravi, huwa neċessarju li s-sofferenzi li jirriżultaw minn tneħħija jilħqu minimu ta’ serjetà sabiex jikkawżaw ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB u fakkret li din l-evalwazzjoni ssir mill-Qorti EDB billi tapplika l-kriterju stabbilit fis-sentenza Paposhvili ( 37 ).

67.

F’dan l-istadju tar-raġunament tagħha, kien leġittimu li wieħed jistenna li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta dan il-kriterju billi tafferma li dan għandu jintuża wkoll sabiex jiddefinixxi s-sitwazzjonijiet li fihom l-Artikolu 4 tal-Karta jipprekludi t-tneħħija ta’ persuna marida b’mod gravi. Issa, il-punt sussegwenti tas-sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) tiddikjara li: “[f]l-istess perspettiva, l-Artikolu 4 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi, jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, […], jekk dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu” ( 38 ).

68.

Il-kriterju applikat hawnhekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà użat fis-sentenza C. K. et ( 39 ), huwa differenti minn dak li jirriżulta mis-sentenza Paposhvili. Għalkemm huwa minnu, fil-fatt, li l-espressjoni “deterjorament sinjifikattiv u irrimedjabbli” tidher semantikament ekwivalenti għal dik ta’ “indebboliment gravi u irriversibbli”, għandu madankollu jiġi kkonstatat li dan il-kriterju la jeżiġi li d-degradazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata toħloq “sofferenzi intensi” jew “tnaqqis sinjifikattiv tal-aspettattiva tal-ħajja”, u lanqas li din id-degradazzjoni tkun ukoll “rapida”. Fuq dan l-aħħar punt, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ippreċiżat li l-implimentazzjoni ta’ dan il-kriterju timplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-“l-konsegwenzi sinjifikattivi u rrimedjabbli kollha li jirriżultaw mit-tkeċċija” ( 40 ).

69.

Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tiffissa l-livell ta’ serjetà rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta f’dawn it-tipi ta’ kawżi f’livell inferjuri għal dak meħtieġ mill-Artikolu 3 tal-KEDB skont is-sentenza Paposhvili, b’tali mod li l-ewwel artikolu jipprekludi t-tneħħija ta’ persuna marida b’mod gravi f’firxa ta’ sitwazzjonijiet iktar wiesgħa mit-tieni wieħed. Fi kliem ieħor, din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrifletti għażla ta’ interpretazzjoni iktar protettiva tad-dritt li ma jiġux suġġetti għal trattamenti inumani u degradanti.

70.

Din l-għażla taqa’, barra minn hekk, taħt il-prerogattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalkemm huwa minnu, fil-fatt, li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jeżiġi li d-drittijiet imsemmija fih u li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB jinftiehmu bħala li għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawn tal-aħħar, issa huwa paċifiku li, sakemm il-KEDB ma tikkostitwixxix strument legali formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ir-rekwiżit ta’ koerenza mfittex minn din id-dispożizzjoni ma jistax jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ leġittimament tagħti lill-imsemmija drittijiet sens u portata differenti meta mqabbla mad-drittijiet stabbiliti fil-KEDB, bil-kundizzjoni li l-interpretazzjoni tagħha twassal għal livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak iggarantit minn din tal-aħħar ( 41 ), liema riżultat inkiseb fil-każ ineżamina.

71.

Dan il-qari tas-sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi fil-passat) huwa sostnut mill-fatt li, f’din is-sentenza, l-espressjoni “fl-istess perspettiva” torbot il-kriterju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja mat-tfakkira tal-kriterju li jirriżulta mis-sentenza Paposhvili, peress li l-użu ta’ tali espressjoni juri, mid-definizzjoni tagħha, relazzjoni ta’ xebh u mhux ta’ ekwivalenza sostanzjali.

d) L‑applikazzjoni għall‑kawża prinċipali

72.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, X ibati minn marda partikolarment gravi li teħtieġ trattament mediku speċifiku. Huwa paċifiku li, jekk jitkeċċa, X ikun jista’ madankollu jikseb dan it-trattament, peress li dan tal-aħħar huwa disponibbli u aċċessibbli fir-Russja. Min-naħa l-oħra, X ma għandux iktar, f’każ ta’ tkeċċija, aċċess għat-trattament ibbażat fuq il-kannabis li ġiet preskritta lilu mit-tabib u hija somministrata lilu attwalment għall-finijiet tal-ġestjoni tal-uġigħ ikkawżat mill-marda tiegħu, peress li dan it-trattament ma huwiex awtorizzat fir-Russja. Għalkemm jidher improbabbli li l-interruzzjoni ta’ din l-imsemmi trattament twassal għal aggravar tal-marda tiegħu, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tad-dokumentazzjoni rilevanti prodotta mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, tali interruzzjoni twassal għal żieda fis-sofferenza mġarrba minn X, peress li kull wieħed mit-trattamenti analġeżiċi oħra li jistgħu jiġu ssomministrati lilu fir-Russja ma huwa xieraq.

73.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi mistoqsi jekk il-konstatazzjoni ta’ żieda fis-sofferenza tistax, waħedha, tkun tista’ tikkaratterizza “deterjorazzjoni tal-istat ta’ saħħa” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fehma tiegħi, huwa ċar li r-risposta għandha tkun pożittiva. Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-premessa, magħmula mill-Qorti EDB, li s-sempliċi sofferenza minħabba marda, li tirriżulta b’mod naturali jew le, tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB jekk tkun tiżdied jew hemm riskju li tiżdied minn trattament, bħat-tkeċċija, li l-awtoritajiet jistgħu jinżammu responsabbli għalih ( 42 ). Barra minn hekk, huwa osservat li l-ebda element ieħor naxxenti mill-imsemmija ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hija ta’ natura li tiġġustifika interpretazzjoni li skontha l-Artikolu 4 tal-Karta huwa applikabbli biss meta ż-żieda tas-sofferenza li tirriżulta minn tneħħija tkun akkumpanjata minn tibdil tas-sintomi fil-persuna kkonċernata. Bħala eżempju, l-Artikolu 4 tal-Karta ġie applikat fis-sentenza MP minħabba li t-tkeċċija tar-rikorrent kellha l-effett li taggrava s-sofferenzi psikoloġiċi tiegħu, indipendentement minn kull bidla tas-sintomi tal-istress posttrawmatiku gravi u tad-depressjoni severa li kien isofri minnha ( 43 ).

74.

Ħadt sew inkunsiderazzjoni l-preokkupazzjonijiet espressi matul il-proċedura mill-Gvern Olandiż, li skonthom, fid-dawl tan-natura suġġettiva tal-uġigħ, sempliċi allegazzjonijiet tad-destinatarju tal-miżura ta’ tneħħija ma għandhomx jitqiesu bħala li huma suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hemm ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta. Għalhekk nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu din l-okkażjoni sabiex tippreċiża espressament, bħalma għamlet il-Qorti EDB fis-sentenza Paposhvili, li huwa dan iċ-ċittadin li għandu jipproduċi elementi li jistgħu juru li hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jaħseb li, jekk din il-miżura tiġi eżegwita, huwa jkun espost għal riskju reali li jsofri trattamenti inumani u degradanti ( 44 ).

75.

Barra minn hekk, it-tneħħija tal-imsemmi ċittadin tkun inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta biss jekk jintlaħaq il-limitu ta’ gravità stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk it-tneħħija ta’ X toħloqx riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu.

76.

Għalkemm tali eżami, li jiddependi ħafna fuq iċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni, jaqa’ fuq il-qorti tar-rinviju fl-evalwazzjoni tar-riżultati tal-perizja ordnata fil-kawża prinċipali, l-elementi li jirriżultaw mill-proċess jippermettu, fil-fehma tiegħi, li jsiru l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

77.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li X ipproduċa dokumenti li juru li huwa milqut minn marda gravi li tikkawżalu, fost oħrajn, migranji, uġigħ ta’ żaqq, uġigħ fil-għonq, fl-għadam, fil-muskoli u fin-nervituri, u li dawn l-istanzi differenti ta’ uġigħ saru attwalment bilkemm supportabbli permezz tas-somministrazzjoni ta’ trattament ibbażat fuq il-kannabis terapewtika. Barra minn hekk, X issemmi l-fatt li l-interruzzjoni tat-trattament ibbażat fuq il-kannabis terapewtika timplika żieda fl-uġigħ tali li la jkun jista’jorqod u lanqas jiekol u li n-natura permanenti ta’ dan l-uġigħ tiġġenera, fuq perijodu itwal, il-ħolqien ta’ problemi psikiċi, fil-forma ta’ ħsibijiet depressivi u suwiċidali. Min-naħa l-oħra, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li dan it-trattament, li huwa l-uniku trattament kontra l-uġigħ li huwa adegwat għal X, peress li l-alternattivi huma saħansitra kontraindikati, ma huwiex legalment disponibbli fir-Russja.

78.

Jekk tiġi stabbilita r-realtà ta’ dawn l-elementi kollha, il-qorti tar-rinviju jkollha, fil-fehma tiegħi, tikkonkludi li t-tneħħija ta’ X ma tistax, f’dan il-każ, tiġi eżegwita minħabba li din twassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu ( 45 ).

79.

Fid-dawl tat-tieni parti tal-ewwel żewġ domandi, kif ifformulati mill-ġdid, infakkar li l-kwistjoni dwar jekk l-aggravazzjoni tal-uġigħ li tirriżulta minn eventwali tneħħija ta’ X lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ssirx “malajr” wara l-eżekuzzjoni tagħha ma hijiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-limitu ta’ gravità ntlaħaqx u jekk b’hekk kienx hemm ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta.

80.

Filwaqt li s-sentenza Paposhvili teħtieġ li l-indebboliment tal-istat ta’ saħħa jkun mhux biss “gravi” u “irriversibbli”, iżda wkoll “rapidu”, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt illimitat ruħha, fil-kuntest tal-interpretazzjoni awtonoma tagħha tal-Artikolu 4 tal-Karta, li teżiġi, kif intwera’ iktar ’il fuq, li l-istat ta’ saħħa jiġi indebbolit b’mod sinjifikattiv u irrimedjabbli minħabba t-tneħħija.

81.

Ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tallinja l-interpretazzjoni tagħha, iktar protettiva, ma’ dik tal-Qorti EDB.

82.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza l-iktar antika tal-Qorti EDB, din tal-aħħar għandha d-dritt tevalwa jekk it-tneħħija ta’ barrani hijiex ta’ natura li tikser id-dritt li ma jiġix issuġġettat għal trattamenti inumani u degradanti minħabba s-sofferenza li tista’ tirriżulta minnha fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, minkejja li dan huwa ksur li għadu ma seħħx tal-KEDB. Din l-interpretazzjoni hija neċessarja, skont din il-qorti, sabiex tiġi ggarantita l-effettività ta’ dan id-dritt, bħala dritt assolut u valur fundamentali tas-soċjetajiet demokratiċi, peress li d-dannu li jirriżulta mit-tneħħija huwa gravi u irreparabbli ( 46 ).

83.

Madankollu, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra wkoll, fis-sentenza futura tagħha, dan ir-rekwiżit ta’ ħeffa fl-okkorrenza tad-dannu (f’dan il-każ, il-ħeffa tal-indebboliment tal-istat tas-saħħa) jirriskja, fil-fehma tiegħi, li jiġi interpretat bħala attenwazzjoni tan-natura assoluta tad-dritt sanċit fl-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba bbilanċjar bejn dan id-dritt u s-setgħa tal-Istati Membri li jikkontrollaw id-dħul u s-soġġorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tagħhom. Barra minn hekk, huwa preċiżament ix-xewqa li tiġi ggarantita aħjar in-natura assoluta ta’ din id-dispożizzjoni li, jidhirli, wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, fil-ġurisprudenza tagħha, tfittex livell ta’ protezzjoni ogħla tad-dritt li persuni ma jiġux suġġetti għal trattamenti inumani u degradanti ( 47 ).

84.

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jimplikaw neċessarjament li l-Artikolu 4 tal-Karta jipprekludi prassi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-iffissar ta’ terminu strett li fih iż-żieda sinjifikattiva u irrimedjabbli tal-uġigħ taċ-ċittadin suġġett għat-tneħħija għandha obbligatorjament timmanifesta ruħha.

85.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel żewġ domandi, kif ifformulati mill-ġdid, li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa marid b’mod gravi u li jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, ikun suġġett għal miżura ta’ tneħħija, fil-każ li huwa jkun espost, minħabba l-indisponibbiltà legali, fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, għal żieda sinifikattiva u irrimedjabbli tal-uġigħ tiegħu. It-terminu li fih tali żieda ser timmanifesta ruħha ma għandu l-ebda rilevanza għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

86.

Fl-aħħar nett għandu jitfakkar li, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tqis li X ma jistax jintbagħat lura lejn ir-Russja minħabba li din it-tneħħija tesponih għal riskju reali ta’ trattamenti inumani u degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, it-tneħħija tiegħu għandha obbligatorjament tiġi posposta skont l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2008/115.

87.

Il-posponiment ta’ din it-tneħħija ma jistax ikollu l-konsegwenza, fl-opinjoni tiegħi, ta’ ċaħda tal-effett tad-deċiżjoni ta’ ritorn adottata mill-awtorità Olandiża kompetenti, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta ( 48 ). Fil-fatt ma narax kif jista’ jitqies li tali konsegwenza tirriżulta mis-sentenza CPAS de Seraing ( 49 ), meta l-istess Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dik is-sentenza, li l-problema tal-għoti ta’ effett sospensiv ipso jure jikkonċerna neċessarjament id-deċiżjoni ta’ ritorn u, possibbilment, id-deċiżjoni ta’ tneħħija li takkumpanjaha ( 50 ).

88.

Kif sostna l-Gvern Olandiż waqt is-seduta, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk it-tneħħija tiġi differita, ma hemm l-ebda raġuni sabiex id-deċiżjoni ta’ ritorn, li tikkonstata l-irregolarità tas-soġġorn, titlef l-effetti tagħha, iktar u iktar meta l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta jkollhom quddiemhom ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab f’sitwazzjoni ta’ soġġorn illegali, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw fir-rigward tiegħu deċiżjoni ta’ ritorn għaliex “ikun kuntrarju kemm għall-għan tad-Direttiva 2008/115 […] kif ukoll għall-formulazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, li tiġi ttollerata l-eżistenza ta’ status intermedju ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr dritt jew permess ta’ residenza […] iżda li fir-rigward tagħhom ma tkun għadha teżisti ebda deċiżjoni ta’ ritorn valida” ( 51 ).

2. Fuq it‑tielet domanda

89.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-konsegwenzi tal-miżura ta’ tneħħija fuq l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-mument li jiġi ddeterminat jekk, u jekk ikun il-każ taħt liema kundizzjonijiet, dan tal-aħħar ikun fi stat li jivvjaġġa.

90.

B’mod iktar preċiż, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dritt Olandiż, il-konsegwenzi mediċi li jistgħu jirriżultaw minn miżura ta’ tneħħija ma humiex eżaminati fl-opinjoni mogħtija mill-BMA ħlief jekk iseħħu matul l-eżekuzzjoni tat-tneħħija fil-veru sens tal-kelma, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi mediċi, ta’ natura psikoloġika, li jistgħu jimmanifestaw ruħhom minħabba l-indisponibbiltà jew l-inaċċessibbiltà, fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, tal-kura neċessarja għat-teħid ta’ responsabbiltà għal dawn il-konsegwenzi mediċi.

91.

Minn perspettiva strettament ġuridika, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jidhru li jirrigwardaw l-applikabbiltà tal-kuntest ġuridiku li jirriżulta mis-sentenza C.K. ( 52 ), mogħtija fil-qasam tas-sistema ta’ Dublin, fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115. Din il-qorti tiddikjara li hija konxja mill-fatt li din is-sentenza tindika l-obbligi li Stat Membru għandu jwettaq sabiex ikun jista’ jwettaq it-trasferiment ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jippreżenta tendenzi suwiċidali. Madankollu, hija tqis li l-obbligi imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw biss il-kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar ta’ dan iċ-ċittadin, fatt li huwa spjegat mill-fatt li l-Istat li jwettaq it-trasferiment jista’, skont il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu hija bbażata s-sistema ta’ Dublin, jippreżumi li l-kura disponibbli fl-Istati Membri l-oħra hija suffiċjenti sabiex tiġi ttrattata l-marda li minnha jsofri l-imsemmi ċittadin.

92.

Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li n-natura ġenerali u assoluta tal-Artikolu 4 tal-Karta, li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jimponi essenzjalment l-osservanza tiegħu, timplika li l-kuntest ġuridiku stabbilit fl-imsemmija sentenza C.K. huwa, bħala prinċipju, applikabbli wkoll għat-trasferiment ta’ persuna lejn pajjiż terz, bħal tneħħija eżegwita skont id-Direttiva 2008/115. Traspost f’dan l-aħħar imsemmi kuntest, dan il-qafas ġuridiku huwa bbażat fuq il-prinċipji li ġejjin.

93.

It-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi, tikkostitwixxi, fiha nnifisha, trattament inuman u degradanti meta dan iwassal għar-riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħtu ( 53 ).

94.

Huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jeliminaw kull dubju serju dwar l-impatt ta’ din it-tneħħija fuq l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, billi jieħdu inkunsiderazzjoni “l-konsegwenzi sinjifikattivi u irrimedjabbli kollha” li jirriżultaw mit-tneħħija. Dan jimplika li l-Istat Membru li jwettaq it-tneħħija għandu mhux biss jorganizza din it-tneħħija b’mod li l-kura kollha neċessarja tkun żgurata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat matul it-trasferiment fiżiku tiegħu lejn l-Istat ta’ destinazzjoni, permezz ta’ akkumpanjament mediku adegwat, iżda għandu jiżgura wkoll li, mal-wasla tiegħu f’dan l-Istat, dan iċ-ċittadin ikun jista’ jibbenefika minn kura medika indispensabbli sabiex jiġi evitat kull riskju reali ta’ aggravazzjoni sinjifikattiva u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu ( 54 ).

95.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-konsegwenzi tal-miżura ta’ tneħħija fuq l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-mument li jiġi ddeterminat jekk, u jekk ikun il-każ taħt liema kundizzjonijiet, dan tal-aħħar ikun fi stat li jivvjaġġa. Dawn il-konsegwenzi għandhom jiġu evalwati wkoll waqt il-verifika li, sa mill-wasla tiegħu fl-Istat ta’ destinazzjoni, dan iċ-ċittadin ikun jista’ jibbenefika minn kura medika indispensabbli sabiex jiġi evitat kull riskju reali ta’ aggravazzjoni sinjifikattiva u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu.

3. Fuq ir‑raba’ domanda

96.

Permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk id-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 1, 4 u 7 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-problemi mediċi serji ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru u l-kura tas-saħħa li jirċievi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-Istat Membru huwiex obbligat li jirrikonoxxilu dritt ta’ soġġorn.

97.

Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “d-Direttiva 2008/115 tirrigwarda biss ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment u għalhekk ma għandhiex l-għan li tarmonizza fl-intier tagħhom ir-regoli tal-Istati Membri dwar ir-residenza tal-barranin” u li “l-istandards u l-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2008/115 jirrigwardaw biss l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet” ( 55 ). Dan ifisser li l-kundizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ soġġorn liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma humiex irregolati minn din id-direttiva, iżda jaqgħu taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali.

98.

F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li l-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva ma jagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jilleġiżlaw skont id-dritt tal-Unjoni, iżda sempliċement jirrikonoxxi s-setgħa ta’ dawn l-Istati skont id-dritt nazzjonali li jagħtu dritt ta’ soġġorn, b’mod partikolari għal raġunijiet umanitarji, sabiex jispjegaw l-artikolazzjoni ta’ tali dritt mad-deċiżjoni ta’ ritorn. ( 56 )

99.

L-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa għalhekk ma jikkostitwixxix implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, b’tali mod li l-kwistjoni dwar jekk applikazzjoni għal permess ta’ soġġorn għandhiex tintlaqa’ ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar. L-invokazzjoni tal-Karta, u b’mod partikolari tal-Artikolu 7 tagħha, moqrija flimkien mad-Direttiva 2008/115, fl-ebda każ ma tista’ twassal sabiex X jingħata dritt ta’ soġġorn li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni.

100.

Fit-tieni lok, ir-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 1, 4, u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, bħala komponent tal-ħajja privata tiegħu, meta jeżaminaw jekk għandhiex tiġi posposta t-tneħħija tiegħu.

101.

B’differenza mill-ewwel żewġ domandi preliminari, din id-domanda ma tagħmilx riferiment għall-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jiġi stabbilit jekk l-eżekuzzjoni tat-tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin tistax tiġi analizzata bħala trattament inuman u degradanti. L-Istat tas-saħħa huwa invokat biss bħala komponent tal-ħajja privata. Għalhekk, l-Artikoli 1, 4 u 19(2) tal-Karta ma jidhrux li huma rilevanti għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda.

102.

Obbligu li jirrigwarda r-rispett tad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja jista’ jiġi stabbilit, fil-fehma tiegħi, mill-Artikolu 5(b) tad-Direttiva 2008/115, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut tal-ħajja tal-familja fl-implementazzjoni ta’ din id-direttiva.

103.

Il-Qorti tal-Ġustizzja riċentement iddeċidiet li l-għan tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 huwa li jiġi żgurat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ritorn stabbilit minn din tal-aħħar, ir-rispett ta’ diversi drittijiet fundamentali ( 57 ). Din il-konstatazzjoni timplika, fl-ewwel lok, li l-frażi “ħajja tal-familja” għandha tinftiehem bħala li tagħmel riferiment għad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, kif sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta, u, fit-tieni lok, li l-obbligu li jittieħed kont debitu ta’ dan id-dritt ma jiġix sodisfatt minn sempliċi teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti tal-ħajja privata u tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, kif sostna l-Gvern Olandiż waqt is-seduta ( 58 ). Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, is-sentenza K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), iċċitata waqt is-seduta minn dan il-Gvern, ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika interpretazzjoni kuntrarja, peress li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċiment qieset li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija elementi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta dawn jiġu pprovduti lilhom mill-persuna kkonċernata, jikkonstitwixxi kundizzjoni preliminari neċessarja għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ( 59 ).

104.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li din id-domanda għandha tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja mill-perspettiva tal-Artikolu 5(b) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva (“Posponiment tat-tneħħija”).

105.

Għalhekk, qabelxejn għandu jiġi pprovdut lill-qorti tar-rinviju l-kuntest ġuridiku li jirregola l-evalwazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-legalità tal-eżekuzzjoni tat-tneħħija ta’ X fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ dan tal-aħħar, billi jiġi ppreċiżat jekk, u, jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet, l-istat ta’ saħħa ta’ X għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest ( 60 ).

106.

Kuntrarjament għal dak li ġie sostnut waqt is-seduta mill-Gvern Olandiż, din l-evalwazzjoni għandha neċessarjament issir mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti meta jeżaminaw talba għal posponiment tat-tneħħija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, indipendentement mill-fatt li l-kwistjoni tkun spiss eżaminata minn dawn l-awtoritajiet waqt l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal soġġorn.

107.

Fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-Artikolu 7 tal-Karta għandu bħala prinċipju jirċievi interpretazzjoni li tagħtih l-istess sens u l-istess portata bħall-Artikolu 8 tal-KEDB, u dan jirrendi neċessarju li tiġi eżaminata l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar din id-dispożizzjoni.

108.

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB f’dan il-każ, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha twettaq evalwazzjoni ta’ proporzjonalità, li tikkonsisti f’ibbilanċjar bejn id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ X u s-setgħa tal-Istat Olandiż li jkeċċi lill-barranin li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ soġġorn fit-territorju tiegħu.

109.

Fil-fatt, ftit li xejn hemm dubju, minn naħa, li l-eżekuzzjoni eventwali tat-tneħħija ta’ X lejn ir-Russja ser tiġi analizzata f’indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu ( 61 ) u, min-naħa l-oħra, li tali miżura għandha l-bażi legali tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin, kif interpretat fil-punt A/37 taċ-Ċirkolari omonima) u għandha wieħed mill-“għanijiet leġittimi” elenkati fl-Artikolu 8(2) tal-KEDB (“difiża tal-ordinament”). F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni tippreskrivi li jiġi vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni hijiex neċessarja, f’soċjetà demokratika, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, li jirriżulta, skont il-Qorti EDB, minn eżami ta’ proporzjonalità ( 62 ).

110.

Il-karatteristiċi essenzjali ta’ dan l-eżami ġew identifikati prinċipalment mill-Qorti EDB fil-kawżi li jgħaqqdu immigrazzjoni irregolari u d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja. Fis-sentenza Pormes vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, din il-qorti indikat madankollu li l-prinċipji fformulati u l-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni f’dawn il-kawżi jistgħu jiġu applikati mutatis mutandis għas-sitwazzjoni ta’ barrani li jkun stabbilixxa rabtiet, li jikkostitwixxu ħajja privata, fit-territorju ta’ Stat matul il-perijodu ta’ soġġorn irregolari tiegħu ( 63 ). Dan jimplika dan li ġej.

111.

Il-portata tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiddependi, bħala prinċipju, mis-sitwazzjoni partikolari tal-barrani u mill-interess ġenerali. Ħlief sa fejn il-barrani jiġi kklassifikat bħala “immigrant stabbilit” għaliex għandu awtorizzazzjoni ta’ soġġorn fl-Istat ospitanti, l-eżistenza ta’ “raġunijiet solidi ħafna” ma hijiex neċessarja sabiex id-dritt li jitkeċċa minn dan l-Istat jipprevali fuq id-dritt tal-barrani għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu ( 64 ).

112.

Fil-każ fejn il-barrani kkonċernat ikun stabbilixxa ħajja privata fl-Istat ospitanti fi żmien meta kien jaf li l-istatus tiegħu fir-rigward tar-regoli tal-immigrazzjoni kien tali li ż-żamma ta’ din il-ħajja privata fi ħdan dan l-Istat kellha qabelxejn natura prekarja, it-tkeċċija ta’ dan il-barrani tkun tista’ tikser l-Artikolu 8 tal-KEDB biss “f’ċirkustanzi eċċezzjonali” ( 65 ).

113.

Il-fatturi rilevanti għall-finijiet tal-ibbilanċjar tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-interess ġenerali huma l-estensjoni ta’ rabtiet soċjali, kulturali u familjari fl-Istat ospitanti u fil-pajjiż ta’ destinazzjoni kif ukoll l-eżistenza ta’ elementi marbuta mal-kontroll tal-immigrazzjoni jew ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku li jimmilita favur it-tkeċċija ( 66 ). Din hija biss lista mhux eżawrjenti li bl-ebda mod ma teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra marbuta maċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, bħal fatturi ta’ natura medika ( 67 ). Dawn tal-aħħar huma marbuta mal-istat tas-saħħa tar-rikorrent u mal-evoluzzjoni li huwa suxxettibbli li jesperjenza f’każ li tiġi implimentata l-miżura ta’ tneħħija ( 68 ).

114.

Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont il-Qorti EDB, is-saħħa għandha titqies bħala komponent tal-ħajja privata, peress li l-kunċett ta’ “ħajja privata”, li għandu jinftiehem b’mod wiesa’ u ma huwiex korett minn definizzjoni eżawrjenti, jiġbor fih l-integrità fiżika u morali ta’ persuna ( 69 ). Dwar l-integrità morali, din il-qorti diġà indikat li s-salvagwardja tas-saħħa mentali hija kundizzjoni preliminari inevitabbli għat-tgawdija effettiva tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, mifhum bħala dritt “għall-identità u għas-sodisfdazzjoni personali” u “ta’ bini u żvilupp ta’ relazzjonijiet mal-pari tiegħu u mad-dinja esterna” ( 70 ). Jidhirli li huwa raġonevoli li jitqies li l-integrità fiżika tikkostitwixxi wkoll tali kundizzjoni preliminari.

115.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti EDB ma teskludix li trattament li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “inuman jew degradanti” fis-sens tal-Artikolu 3 tal-KEDB jista’ madankollu jippreġudika l-integrità fiżika u morali sal-punt li jikser dan l-artikolu mill-perspettiva tal-ħajja privata. Fil-proroga ta’ dan l-approċċ, hija essenzjalment ikkunsidrat, fis-sentenza Paposhvili, li t-tneħħija ta’ barrani tista’ tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB minkejja li ebda ksur tal-Artikolu 3 tagħha ma jista’ jiġi kkonstatat ( 71 ).

116.

B’mod partikolari, meta jkun hemm sitwazzjoni fejn it-tneħħija tirriskja li taggrava l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata sal-punt li din tal-aħħar ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tiżviluppa rabtiet li jikkostitwixxu ħajja privata, dawn il-fatturi ta’ natura medika jista’ jkollhom importanza kbira fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandu jsir sabiex tiġi ddeterminata n-natura proporzjonata ta’ din it-tneħħija.

117.

Jekk jirriżulta, wara eżami ta’ proporzjonalità kkaratterizzat b’dan il-mod, li d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi miksur minħabba t-tneħħija tiegħu, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi ta’ kull att ta’ dritt sekondarju mad-drittijiet fundamentali, kif iddikjarat mill-ġdid fil-premessa 24 tad-Direttiva 2008/115, jimponi l-konklużjoni li t-tneħħija ma tistax tiġi eżegwita.

118.

Madankollu, dan ma jfissirx li posponiment tat-tneħħija għandu neċessarjament jingħata skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, il-posponiment tat-tneħħija huwa fil-fatt obbligatorju biss jekk l-eżekuzzjoni tagħha tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement [inċiż (a)] jew fil-każ fejn jiġi rrikonoxxut effett sospensiv għall-appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ tneħħija [inċiż (b)]. Fir-rigward tal-ewwel ipoteżi, din ma tikkonċernax id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. Fir-rigward tat-tieni waħda, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-preġudizzju għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, fil-każ ta’ eżekuzzjoni tat-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa marid b’mod gravi, jista’ jitqies li huwa “gravi u irreparabbli” fis-sens tas-sentenza Abdida ( 72 ) u għalhekk jiġġustifika li jiġi rrikonoxxut li r-rikors għandu effett sospensiv. Madankollu, għandi naċċetta li għandi diffikultà sabiex nimmaġina sitwazzjoni li fiha dan ikun il-każ.

119.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni li fatturi ta’ natura medika li ma jwasslux għal sitwazzjoni li tmur kontra l-prinċipju ta’ non-refoulement iżda li, minħabba n-natura inqas gravi tagħhom, huma rilevanti biss bħala komponenti tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz suġġett għal miżura ta’ tneħħija, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/115, fid-determinazzjoni tal-mument tat-tneħħija.

120.

Jien ma naqbilx ma’ din il-fehma. Fil-fatt, jidhirli li huwa evidenti li l-possibbiltà li tiġi posposta t-tneħħija, mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 9(2)(a) ta’ din id-direttiva, tikkonċerna s-sitwazzjonijiet li fihom “l-istat fiżiku jew mentali” taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jirrendi t-trasferiment fiżiku tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu inopportun jew impossibbli fid-data prevista fil-bidu. Jekk dan l-istat fiżiku jew mentali kien imputabbli għal ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-imsemmi ċittadin, din l-ipoteżi tidher pjuttost fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, li jipprevedi posponiment obbligatorju tat-tneħħija f’żewġ każijiet fejn l-eżekuzzjoni tiegħu tkun ta’ natura li tikser dritt fundamentali ( 73 ).

121.

Konsegwentement, għandu jiġi rrikonoxxut li d-Direttiva 2008/115 tibqa’ siekta dwar il-konsegwenzi legali ta’ konstatazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li l-eżekuzzjoni tat-tneħħija twassal għall-ksur tad-dritt taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu. Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/115 ma tirregola tali konsegwenzi, peress li dawn tal-aħħar jaqgħu għalhekk taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali.

122.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-raba’ domanda preliminari tkun li l-Artikolu 5(b) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta, u l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, bħala komponent tal-ħajja privata tiegħu, meta jevalwaw jekk l-eżekuzzjoni tat-tneħħija tiegħu tistax tikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja nazzjonali, peress li l-konsegwenzi legali ta’ konstatazzjoni eventwali ta’ ksur jaqgħu taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali.

IV. Konklużjoni

123.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-Rechtbank Den Haag zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’ zittingsplaats ’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), kif ifformulati mill-ġdid:

1)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri flimkien mal-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz, marid b’mod gravi u li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, ikun suġġett għal miżura ta’ tneħħija, fil-każ li jiġi espost, minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà legali, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, tal-uniku trattament antalġiku effettiv, għal żieda sinjifikattiva u irrimedjabbli fl-uġigħ tiegħu. It-terminu li fih tali żieda ser timmanifesta ruħha ma għandu l-ebda rilevanza għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

2)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-konsegwenzi tal-miżura ta’ tneħħija fuq l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-mument li jiġi ddeterminat jekk dan tal-aħħar huwiex fi stat li jivvjaġġa, u eventwalment taħt liema kundizzjonijiet. Dawn il-konsegwenzi għandhom jiġu evalwati wkoll waqt il-verifika li, sa mill-wasla tiegħu fl-Istat ta’ destinazzjoni, dan iċ-ċittadin ikun jista’ jibbenefika minn kura medika indispensabbli sabiex jiġi evitat kull riskju reali ta’ aggravazzjoni sinjifikattiva u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu.

3)

L-Artikolu 5(b) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta, u l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, bħala komponent tal-ħajja privata tiegħu, meta jevalwaw jekk l-eżekuzzjoni tat-tneħħija tiegħu tistax tikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ dan iċ-ċittadin, peress li l-konsegwenzi legali ta’ konstatazzjoni eventwali ta’ ksur jaqgħu taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

( 3 ) Sentenza tal‑24 ta’ April 2018 (C‑353/16, iktar ’il quddiem MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passata) EU:C:2018:276).

( 4 ) Il-Qorti EDB, 13 ta’ Diċembru 2016, iktar ’il quddiem is-“sentenza Paposhvili” ECHR: 2016: 1213JUD004173810.

( 5 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank (C‑407/18, EU:C:2019:537, punti 3539).

( 6 ) Sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Veselības ministrija (C‑243/19, EU:C:2020:872, punt 63).

( 7 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia (C‑417/10, EU:C:2012:184, punt 23).

( 8 ) ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifka fil-ĠU 2020, L 245, p. 32.

( 9 ) ĠU 2007, C 303, p. 17.

( 10 ) Għal finijiet ta’ simplifikazzjoni, ser nirreferi, fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, għall-Artikolu 4 tal-Karta biss, sa fejn l-Artikolu 19(2) tagħha jikkostitwixxi applikazzjoni għall-każ ta’ tneħħija tal-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani u degradanti stabbilita f’dan l-Artikolu 4.

( 11 ) Qorti EDB tas‑27 ta’ Mejju 2008, CE:ECHR:2008:0527JUD002656505.

( 12 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453), u tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et. (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127).

( 13 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), tad‑19 ta’ Marzu 2019, (C‑163/17, EU:C:2019:218) u tad‑19 ta’ Marzu 2019, (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219).

( 14 ) Qorti EDB, 21 ta’ Jannar 2011, (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609).

( 15 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 92) u tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 90). Korsiv miżjud minni.

( 16 ) Qorti EDB, 2 ta’ Mejju 1997, D. vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1997:0502JUD003024096, § § 49 u 50).

( 17 ) Qorti EDB, 29 ta’ April 2002, Pretty vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2002:0429JUD000234602, § 52) (il-korsiv huwa miżjud minni).

( 18 ) Qorti EDB, tat‑2 ta’ Mejju 1997, D. vs ir-Renju Unit, CE:ECHR:1997:0502JUD003024096§ 54.

( 19 ) Ibid., § 50 sa 52.

( 20 ) Il-Qorti EDB, tas‑27 ta’ Mejju 2008, N. vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2008:0527JUD002656505).

( 21 ) Ibid., § 43.

( 22 ) Ibid., § § 50 u 51.

( 23 ) Qorti EDB, 27 ta’ Mejju 2008, CE:ECHR:2008:0527JUD002656505.

( 24 ) Sentenza Paposhvili, § 181 u 183.

( 25 ) Ibid., § 183. Korsiv miżjud minni.

( 26 ) Ibid., § 194 sa 198.

( 27 ) Ibid., § § 205 u 206.

( 28 ) Il-Qorti EDB, tas‑7 ta’ Diċembru 2021, (CE:ECHR:2021:1207JUD005746715).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, Mavronicola N., “Specifying the Non-Refoulement Duty under Article 3 ECHR”, Torture, Inhumanity and Degradation under Article e of the ECHR: Absolute Rights and Absolute Wrongs, Hart Publishing, Oxford, 2021, p. 181.

( 30 ) Il-Qorti EDB, tas‑7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1989:0707JUD001403888, § 90).

( 31 ) Qorti EDB, tas‑27 ta’ Mejju 2008, N. Vs ir-Renju Unit, CE:ECHR:2008:0527JUD002656505.

( 32 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 45 sa 50).

( 33 ) Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2020, (C‑402/19, EU:C:2020:759, punt 36).

( 34 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C-578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 68 u 71 sa 73).

( 35 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 74).

( 36 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16, EU:C:2017:127, punti 7576).

( 37 ) Sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) punti 36 sa 40.

( 38 ) Sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passata) punt 41. Korsiv miżjud minni.

( 39 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127).

( 40 ) Sentenza tal‑24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) (C‑353/16, EU:C:2018:276, punti 41 u 42). Korsiv miżjud minni. Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 76).

( 41 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 47), tal‑14 ta’ Settembru 2017, K. (C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 50) u tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punti 2223). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:294, punti 148149).

( 42 ) Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 68) u MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passata) punti 38 u 39.

( 43 ) Ara s-sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passata) punt 43.

( 44 ) Sentenza Paposhvili § 186).

( 45 ) Fin-nuqqas ta’ emenda fil-leġiżlazzjoni Russa, dan id-deterjorament jidher effettivament, fil-fatti, irrimedjabbli.

( 46 ) Il-Qorti EDB, tas‑7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1989:0707JUD001403888, § 91).

( 47 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 59) u MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passata) punt 36.

( 48 ) Ma ninjorax li tali interpretazzjoni tkun tfisser li tissaħħaħ il-protezzjoni legali taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ “tneħħija fit-tul”, peress li dawn huma, bħala prinċipju, esklużi mit-tgawdija ta’ numru kbir ta’ drittijiet soċjoekonomiċi minħabba n-natura irregolari tas-soġġorn tagħhom. Hija kemm hija ta’ dispjaċir is-sitwazzjoni tagħhom, dan xorta ma jawtorizzax qari żbaljat tad-Direttiva 2008/115.

( 49 ) Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2020(C‑402/19, EU:C:2020:759).

( 50 ) Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2020, CPAS de Seraing (C‑402/19, EU:C:2020:759, punti 43 sa 48). Ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 56).

( 51 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis (C‑546/19, EU:C:2021:432, punt 57).

( 52 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017 (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127).

( 53 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 73).

( 54 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 7681 sa 85).

( 55 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 44).

( 56 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 44) u tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punti 4950).

( 57 ) Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2021, État belge (Retour du parent d’un mineur) (C‑112/20, EU:C:2021:197, punt 35).

( 58 ) Għandu jiġi osservat li l-użu mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-espressjoni “jieħdu kont dovut” minflok “jirrispettaw”, peress li dan l-aħħar verb jintuża biss b’riferiment għall-prinċipju ta’ non-refoulement, ma jinvalidax tali interpretazzjoni. Din id-differenza fir-redazzjoni hija spjegata fil-fatt, fil-fehma tiegħi, mill-fatt li l-prinċipju ta’ non-refoulement ma jistax, minħabba n-natura assoluta tiegħu, ikun suġġett għal limitazzjonijiet, b’differenza mid-drittijiet bħad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja jew l-aħjar interess tal-wild minuri. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz suġġett għal proċedura ta’ ritorn meta jevalwaw jekk il-limitazzjonijiet għal dan id-dritt, kif jirriżultaw mill-implementazzjoni ta’ miżura ta’ tneħħija, humiex leġittimi u proporzjonati.

( 59 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, (C‑82/16, EU:C:2018:308, punti 102 sa 104).

( 60 ) Min-naħa l-oħra, l-aspett tal-“ħajja tal-familja” ma huwiex ser jiġi eżaminat f’dawn il-konklużjonijiet, peress li X ikkonferma waqt is-seduta li t-talba tiegħu bl-ebda mod ma hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabtiet familjari fil-Pajjiżi l-Baxxi.

( 61 ) Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, tas‑7 ta’ Diċembru 2021, Savran vs Id-Danimarka (CE:ECHR:2021:1207JUD005746715, § 179).

( 62 ) Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, tat‑18 ta’ Ottubru 2006, Üner vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2006:1018JUD004641099, § 54).

( 63 ) Il-Qorti EDB, tal‑14 ta’ Diċembru 2020, (CE:ECHR:2020:0728JUD002540214, § 58).

( 64 ) Ibid., § § 52‑53 u 59. Għaldaqstant, l-istatus ta’ “immigrant stabbilit” ma huwiex kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-applikabbiltà tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iżda element li jiddetermina l-livell ta’ protezzjoni li għandu jiġi rrikonoxxut lil dan id-dritt f’sitwazzjoni partikolari.

( 65 ) Ibidem. § § 57 u 58).

( 66 ) Ibid., § § 56 u 58.

( 67 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Qorti EDB, tas‑7 ta’ Diċembru 2021, Savran vs Id-Danimarka (CE:ECHR:2021:1207JUD005746715, § 184).

( 68 ) Ibidem,§ 192).

( 69 ) Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, tal‑25 ta’ Ġunju 2019, Nicolae Virgiliu Tănase vs Ir-Rumanija (ECHR: 2019: 0625JUD004172013, § 126).

( 70 ) Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, tas‑7 ta’ Diċembru 2021, Savran vs Id-Danimarka (CE:ECHR:2021:1207JUD005746715, § 172), li tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2001, Bensaid vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2001:0206JUD004459998, punt 47).

( 71 ) Sentenza Paposhvili § 225).

( 72 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 50).

( 73 ) Dan huwa d-dritt li persuni ma jiġux suġġetti għal trattamenti inumani u degradanti u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Top