Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0283

    Kawża T-283/20: Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2020 – Billions Europe et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 255, 3.8.2020, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 255/20


    Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2020 – Billions Europe et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-283/20)

    (2020/C 255/26)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Billions Europe Ltd (Stockton-on-Tees, ir-Renju Unit), u seba’ rikorrenti oħra (rappreżentanti: J. Montfort, T. Delille, u P. Chopova-Leprêtre, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/217 (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”) sa fejn jikkonċerna d-diossidu tat-titanju, jiġifieri l-premessa 5 tar-regolament ikkontestat, l-Annessi I u II tar-regolament ikkontestat, l-emendi għall-Parti 1 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (2) fl-Anness III tar-regolament ikkontestat, u l-entrata għad-diossidu tat-titanju fil-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008 inkluż permezz tal-Anness III tar-regolament ikkontestat;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li r-regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet imperattivi tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 li jirregolaw il-klassifikazzjoni taħt “karċinoġeniċità” ta’ sustanzi li huma ta’ perikolu għas-saħħa tal-bniedem, inklużi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 36 u tat-Taqsima 3.6 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

    Il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (iktar ’il quddiem ir-“RAC”) wettaq diversi żbalji fattwali serji fl-evalwazzjoni tal-informazzjoni disponibbli u naqas milli jistabbilixxi b’mod sodisfaċenti li d-data disponibbli hija “affidabbli u aċċettat[a]” u li jissuġġerixxi li t-TiO2 għandu il-karatteristika intrinsika li jikkawża l-kanċer. Li kieku r-RAC ma wettaqx tali żbalji, huwa neċessarjament kien ikun ħareġ opinjoni favur “l-ebda klassifikazzjoni” tat-TiO2. Għalhekk, it-TiO2 ma setax jiġi legalment ikklassifikat.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li r-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. L-operaturi ekonomiċi, inklużi r-rikorrenti, huma preklużi milli jsiru jafu l-portata preċiża tal-obbligi tagħhom u jieħdu l-passi legali xierqa skont il-ħtieġa. Din l-inċertezza teżisti, fir-rigward tal-portata tal-klassifikazzjoni armonizzata, l-użu maħsub tan-Noti u tal-impatt tar-regolament ikkontestat fuq l-istatus legali u regolatorju tal-prodotti li fihom jew li huma mmanifatturati bit-TiO2 u l-klassifikazzjoni ta’ perikolu tal-iskart ta’ tali prodotti.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li r-regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn ma huwiex meħtieġ (peress li effetti karċinoġeniċi ġew osservati biss fi studji fuq annimali mwettqa taħt kundizzjonijiet tant estremi ta’ tagħbija fuq il-pulmun li dawn qatt ma jistgħu jintlaħqu fl-agħar xenarji fil-kundizzjonijiet reali tal-ħajja) u sa fejn l-iżvantaġġi kkawżati mill-klassifikazzjoni armonizzata tat-TiO2 huma sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija minnha.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li, bl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni eżerċitat b’mod żbaljat il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha u kisret id-dmir ta’ diliġenza tagħha. Sabiex tiġġustifika r-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni sempliċement ibbażat ruħha fuq l-Opinjoni tar-RAC dwar it-TiO2 mingħajr ma wettqet evalwazzjoni suffiċjenti tas-saħħa probatorja ta’ tali Opinjoni tar-RAC, bi ksur tad-dmirijiet tagħha f’dan ir-rigward.

    Il-Kummissjoni għażlet interpretazzjoni wiesgħa tar-rekwiżiti għall-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ li jirregolaw is-sustanza ta’ perikolu għas-saħħa tal-bniedem “karċinoġeniċità” u ta’ dak li tista’ tikkostitwixxi “karatteristika intrinsika” ta’ sustanza. Hija sempliċement ibbażat ruħha fuq ir-RAC, mingħajr ma evalwat il-portata u l-impatt ta’ tali interpretazzjoni wiesgħa u mingħajr ma stabilixxiet limiti adegwati li jippermettu implimentazzjoni xierqa. B’dan il-mod, il-Kummissjoni bbażat ir-regolament ikkontestat fuq fatti materjalment mhux preċiżi u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni il-fatturi u ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li, fl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 37(4) tar-Regolament (KE) No 1272/2008, id-dmir tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, u d-dritt ta’ smigħ tar-rikorrenti. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma ngħatawx l-opportunità li jesprimu ruħhom b’mod utli fuq l-Opinjoni tar-RAC innifisha, li ddevjat b’mod sinjifikattiv mill-proposta oriġinali ta’ klassifikazzjoni kemm fir-rigward tar-raġuni xjentifika użata kif ukoll tal-konklużjoni finali fuq il-klassifikazzjoni finali tat-TiO2. Għall-kuntrarju, li kieku r-rikorrenti ngħataw opportunità suffiċjenti u formali li jesprimu ruħhom fuq l-Opinjoni tar-RAC matul l-adozzjoni tagħha, tali kummenti kienu x’aktarx iwasslu għal eżitu ieħor fil-proċess deċiżjonali.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li, bl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, mingħajr it-twettiq minn qabel u d-dokumentazzjoni ta’ Valutazzjoni tal-Impatt, il-Kummissjoni kisret l-impenji tagħha Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, (3) u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.


    (1)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/217 tal-4 ta’ Ottubru 2019 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet u li jikkoreġi dak ir-Regolament (ĠU 2020, L 44, p. 1)

    (2)  Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008 L 353, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8).

    (3)  Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 (ĠU 2016, L 123, p. 1).


    Top