Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0198

Kawża C-198/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Polonja) fil-11 ta’ Mejju 2020 – MN, DN, JN, ZN vs X Bank S.A.

ĠU C 304, 14.9.2020, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/4


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Polonja) fil-11 ta’ Mejju 2020 – MN, DN, JN, ZN vs X Bank S.A.

(Kawża C-198/20)

(2020/C 304/06)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: MN, DN, JN, ZN

Konvenuta: X Bank S.A.

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 2(b), l-Artikolu 3(1) u (2) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1), kif ukoll il-premessi tagħha [ċċitati hawn taħt]: [“]

Billi l-konsumatur għandu jirċievi protezzjoni ugwali taħt kuntratti konklużi bil-kliem u kuntratti bil-miktub minkejja kollox, f’dan l-aħħar każ, jekk il-klawżoli tal-kuntratt ikunux jinsabu f’dokument wieħed jew aktar;

[…]

Billi l-istima, skond il-kriterji ġenerali magħżula, tal-karattru inġust ta’ klawżoli, b’mod partikolari fil-bejgħ jew f’attivitajiet ta’ provvista ta’ natura pubblika li jipprovdu servizzi kollettivi li jqisu s-solidarjetà fost l-utenti, għandha tiġi supplimentata billi ssir valutazzjoni globali tad-diversi interessi involuti; billi din tikkostitwixxi l-ħtieġa ta’ buona fede; billi, waqt li tkun qed issir stima ta’ buona fede, għandha titqies b’mod partikolari s-saħħa tal-posizzjonijiet tal-ftehim tal-partijiet, kemm jekk il-konsumatur kellu xi jħajru biex jaqbel mal-klawżola kif ukoll jekk il-merkanzija jew is-servizzi nbiegħu jew ġew ipprovduti bl-ordni speċjali tal-konsumatur; billi l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha;

[…]

Billi l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha u, jekk ikollu xi dubju, l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli lejn il-kunsumatur għandha tirbaħ; [”]

fid-dawl tal-punti 16 u 21 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2015 Horațiu Ovidiu Costea vs SC Volksbank România SA (C-110/14, ECLI:EU:C:2015:538) u l-punti 20 u 26 sa 33 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pedro Cruz Villalón ippreżentati fit-23 ta’ April 2015 (ECLI:EU:C:2015:271),

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni tal-konsumatur mogħtija mid-Direttiva 93/13 tapplika għal kull konsumatur?

Jew ukoll kif issuġġerit fil-punt 74 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2014 fil-kawża Árpád Kásler, Hajnalka Káslerné Rábai vs OTP Jelzálogbank Zrt, (C-26/13, ECLI:EU:C:2014:282) protezzjoni tal-konsumatur tingħata biss lil konsumaturi medji li huma informati b’mod normali u li huma attentivi u avżati b’mod raġonevoli? Fi kliem ieħor, il-qorti nazzjonali tista’ tikkonstata n-natura inġusta tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt konkluż minn kull konsumatur, jew tista’ wkoll tikkonstata biss in-natura inġusta tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt li jkun ikkonkluda konsumatur medju li jitqies li huwa informat b’mod normali u li huwa attentiv u avżat b’mod raġonevoli?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-protezzjoni tal-konsumatur taħt id-Direttiva 93/13 ma tapplikax għal kull konsumatur iżda biss għall-konsumatur medju li jitqies li huwa informat b’mod normali u li huwa attentiv u avżat b’mod raġonevoli, konsumatur li qabel il-konklużjoni tiegħu ma qarax il-kuntratt ta’ kreditu għal self ipotekarju indiċjat f’valuta barranija u li jammonta għal 150 000 złoty Pollakka (PLN) konkluż għal 30 sena jista’ jitqies li huwa informat b’mod normali u li huwa attentiv u avżat b’mod raġonevoli? Dan il-konsumatur jista’ jingħata protezzjoni taħt id-Direttiva 93/13?

3)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-protezzjoni tal-konsumatur taħt id-Direttiva 93/13 ma tapplikax għal kull konsumatur iżda biss għall-konsumatur medju li jitqies li huwa informat b’mod normali u li huwa attentiv u avżat b’mod raġonevoli, konsumatur li effettivament qara l-abbozz tal-kuntratt ta’ kreditu għal self ipotekarju indiċjat f’valuta barranija konkluż għal 30 sena u li jammonta għal PLN 150 000 iżda li ma fehmux kompletament, u minkejja dan ma pprovax jifhem it-tifsira tiegħu qabel ma kkonkludieh, u li fuq kollox ma talabx lill-parti l-oħra fil-kuntratt, il-bank, sabiex jispjega t-tifsira tiegħu, it-tifsira tad-dispożizzjonijiet individwali, jista’ jitqies li huwa informat b’mod normali u li huwa attentiv u avżat b’mod raġonevoli? Dan il-konsumatur jista’ jingħata protezzjoni taħt id-Direttiva 93/13?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.


Top