EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0095

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-28 ta’ Ottubru 2021.
"VARCHEV FINANS" EOOD vs Komisia za finansov nadzor.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administrativen sad - Varna.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/65/UE – Swieq ta’ strumenti finanzjarji – Regolament Delegat (UE) 2017/565 – Impriżi ta’ investiment – Artikolu 56 – Evalwazzjoni tan-natura xierqa u obbligi fil-qasam ta’ reġistrazzjoni konnessi – Artikolu 72 – Żamma tar-rekords – Modalitajiet ta’ żamma – Informazzjoni dwar il-kategorizzazzjoni tal-klijenti – Informazzjoni dwar l‑ispejjeż u l-ħlasijiet marbuta mas-servizzi ta’ investiment.
Kawża C-95/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:891

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

28 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/65/UE – Swieq ta’ strumenti finanzjarji – Regolament Delegat (UE) 2017/565 – Impriżi ta’ investiment – Artikolu 56 – Evalwazzjoni tan-natura xierqa u obbligi fil-qasam ta’ reġistrazzjoni konnessi – Artikolu 72 – Żamma tar-rekords – Modalitajiet ta’ żamma – Informazzjoni dwar il-kategorizzazzjoni tal-klijenti – Informazzjoni dwar l‑ispejjeż u l-ħlasijiet marbuta mas-servizzi ta’ investiment”

Fil-Kawża C‑95/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

“Varchev Finans” EOOD

vs

Komisia za finansov nadzor,

fil-preżenza ta’:

Okrazhna prokuratura – Varna,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, S. Rodin (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de La Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Varchev Finans” EOOD, minn M. Valchanova, advokat,

għal Komisia za finansov nadzor, minn B. Gercheva, L. Valchovska u M. Vasileva,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn Y. Marinova, J. Rius u T. Scharf, sussegwentement minn Y. Marinova u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56(2) u tal-Artikolu 72(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal‑25 ta’ April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta’ dik id‑Direttiva (ĠU 2017, L 87, p. 1), moqrija flimkien mal-Anness I ta’ dan ir‑regolament delegat.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Varchev Finans” EOOD u l‑Komisia za finansov nadzor (il-Kummissjoni ta’ Sorveljanza Finanzjarja, il‑Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“KFN”) dwar sanzjonijiet pekunjarji imposti fuq din il-kumpannija għall-ksur tal-obbligu li jinżammu reġistri dwar il‑kategorizzazzjoni tal-klijenti u l-informazzjoni pprovduta lilhom dwar l-ispejjeż u l-ħlasijiet marbuta mas-servizzi ta’ investiment.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2014/65/UE

3

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d‑Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349, rettifiki fil-ĠU 2016, L 188, p. 28, fil-ĠU 2016, L 273, p. 35, u fil-ĠU 2017, L 64, p. 116), intitolat “Rekwiżiti organizzazzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 6 tiegħu:

“Ditta ta’ investiment għandha tagħmel arranġamenti biex jinżammu rekords tas-servizzi, l-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet kollha li wettqet li għandhom ikunu biżżejjed biex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tissodisfa l-kompiti superviżorji tagħha u twettaq l-azzjonijiet ta’ infurzar skont din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2014, L 173, p. 84, rettifiki fil-ĠU 2015, L 270, p. 4, fil‑ ĠU 2016, L 187, p. 30, u fil‑ĠU 2017, L 278, p. 54)], id-Direttiva 2014/57/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (direttiva dwar l-abbuż tas-suq) (ĠU 2014, L 173, p. 179)] u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU 2014, L 173, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 287, p. 320)], u partikolarment biex tkun ċerta li d-ditta ta’ investiment ikkonformat mal-obbligi kollha inklużi dawk fir-rigward tal-klijenti jew il-klijenti potenzjali u tal-integrità tas-suq”.

4

L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/65, intitolat “Valutazzjoni tal-adattament u l‑adegwatezza u r-rappurtar lill-klijenti”, jipprevedi, fil-paragrafi 2, 3, 5 u 8 tiegħu:

“2.   Meta tipprovdi pariri dwar l-investiment jew il-ġestjoni ta’ portafoll, id-ditta ta’ investiment għandha tikseb it-tagħrif meħtieġ dwar l-għarfien u l-esperjenza tal-klijent jew tal-klijent potenzjali fil-kamp ta’ investiment rilevanti għat-tip speċifiku tal-prodott jew tas-servizz, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dik il-persuna, inkluża l-abilità tiegħu li jġarrab it-telf, u l-għanijiet ta’ investiment tiegħu, inkluża t-tolleranza tiegħu għar-riskju, sabiex id-ditta ta’ investiment tkun tista’ tirrakkomanda lill-klijent jew lill-klijent potenzjali s-servizzi ta’ investiment u l-istrumenti finanzjarji li huma adattati għalih u, b’mod partikolari, huma konformi mat-tolleranza tiegħu għar-riskju u l-abilità li jġarrab it-telf.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ditta ta’ investiment tipprovdi parir dwar l-investiment li jirrakkomanda pakkett ta’ servizzi jew prodotti marbuta flimkien skont l-Artikolu 24(11), il-pakkett globali ta’ prodotti flimkien ikun xieraq.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi d-ditti ta’ investiment, meta jkunu qegħdin jipprovdu servizzi ta’ investiment oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2, jistaqsu lill-klijent jew lill-klijent potenzjali rigward l-għarfien u l-esperjenza ta’ dik il-persuna fil-kamp ta’ investiment rilevanti għat-tip speċifiku tal-prodott jew servizz offrut jew mitlub sabiex id-ditta ta’ investiment tkun tista’ tivvaluta jekk is-servizz jew il-prodott ta’ investiment previst huwiex adattat għall-klijent. Meta pakkett ta’ servizzi jew prodotti jiġi previst skont l-Artikolu 24(11), il-valutazzjoni għandha tqis jekk hux xieraq il-pakkett globali ta’ prodotti flimkien.

Meta, fuq il-bażi tat-tagħrif li tingħata skont l-ewwel subparagrafu, ditta ta’ investiment tikkunsidra illi l-prodott jew is-servizz ma jkunx adattat għall-klijent jew għall-klijent potenzjali, id-ditta ta’ investiment għandha twissi lill-klijent jew lill-klijent potenzjali b’dan. Dik it-twissija tista’ tiġi pprovduta f’format standardizzat.

Meta l-klijenti jew il-klijenti potenzjali ma jipprovdux it-tagħrif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, jew meta ma jipprovdux biżżejjed tagħrif dwar l-għarfien u l-esperjenza tagħhom, id-ditta ta’ investiment għandha twissihom illi d-ditta ta’ investiment mhix f’qagħda li tistabbilixxi jekk is-servizz jew il-prodott previst huwiex adattat għalihom. Dik it-twissija tista’ tiġi pprovduta f’format standardizzat.

[…]

5.   Id-ditta ta’ investiment għandha tistabbilixxi reġistru li jinkludi d-dokument jew id-dokumenti miftiehma bejn id-ditta ta’ investiment u l-klijent li jiddikjaraw id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, u termini oħra li fuqhom id-ditta ta’ investiment se tipprovdi servizzi lill-klijent. Id-drittijiet u d-dmirijiet tal-partijiet fil-kuntratt jistgħu jiġu inkorporati b’riferiment għal dokumenti jew testi legali oħrajn.

[…]

8.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 li jiżguraw li d-ditti ta’ investiment jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu meta jipprovdu servizzi ta’ investiment jew servizzi anċillari lill-klijenti tagħhom, inkluż it-tagħrif li għandu jinkiseb meta jiġu vvalutati l-adattament u l-adegwatezza tas-servizzi u l-istrumenti finanzjarji għall-klijenti tagħhom […]”.

Ir-Regolament Delegat 2017/565

5

Ir-Regolament Delegat 2017/565 ġie adottat abbażi, b’mod partikolari, tal‑Artikolu 25(8) tad-Direttiva 2014/65.

6

Il-premessa 92 ta’ dan ir-regolament delegat tistipula:

“Ir-rekords li ditta tal-investiment hija meħtieġa żżomm, għandhom ikunu adattati għat-tip ta’ negozju u għall-firxa ta’ servizzi u attivitajiet tal-investiment imwettqa, sakemm l-obbligi taż-żamma tar-rekords stabbiliti fid-Direttiva [2014/65], ir-Regolamant [Nru 600/2014], ir-Regolament […] Nru 596/2014, id-Direttiva [2014/57] u dan ir-Regolament jiġu ssodisfati u li l-awtoritajiet kompetenti jkunu kapaċi jissodisfaw il-kompiti superviżorji tagħhom u jagħmlu azzjonijiet ta’ infurzar bil-għan li jiżguraw kemm il-protezzjoni tal-investitur kif ukoll l-integrità tas-suq”.

7

L-Artikolu 50 tar-Regolament Delegat 2017/565, intitolat “Informazzjoni dwar spejjeż u ħlasijiet assoċjati”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Għall-iżvelar “ex-ante” u “ex-post” tal-informazzjoni dwar l-ispejjeż u t-tariffi lill-klijenti, id-ditti tal-investiment għandhom jaggregaw dan li ġej:

a)

l-ispejjeż kollha u t-tariffi assoċjati imposti mid-ditta tal-investiment jew partijiet oħrajn fejn il-klijent ikun ġie dirett lejn dawn il-partijiet, għas-servizzi ta’ investiment u/jew servizzi anċillari pprovduti lill-klijent; u

b)

l-ispejjeż kollha u l-imposti assoċjati marbuta mal-manifattura u l-ġestjoni tal-istrumenti finanzjarji.

[…]”

8

L-Artikolu 56 ta’ dan ir-regolament delegat, intitolat “Valutazzjoni tal‑adegwatezza u obbligi maż-żamma tar-reġistri relatati”, jipprovdi:

“1.   Id-ditti tal-investiment għandhom jiddeterminaw jekk dak il-klijent għandux l-esperjenza u l-għarfien meħtieġa sabiex jifhem ir-riskji involuti fir-rigward tal-prodott jew tas-servizz tal-investiment offrut jew mitlub meta jivvalutaw jekk servizz tal-investiment kif imsemmi fl-Artikolu 25(3) tad-Direttiva [2014/65] huwiex adegwat għal klijent.

Ditta tal-investiment għandha tkun intitolata tassumi li klijent professjonali għandu l-esperjenza u l-għarfien meħtieġa sabiex jifhem ir-riskji involuti fir-rigward ta’ dawk is-servizzi jew tranżazzjonijiet tal-investiment partikolari, jew it-tipi ta’ tranżazzjoni jew prodott, li għalihom il-klijent huwa kklassifikat bħala klijent professjonali.

2.   Id-ditti tal-investiment għandhom iżommu reġistri tal-valutazzjonijiet ta’ adegwatezza mwettqa li għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

ir-riżultat ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza;

(b)

kull twissija mogħtija lill-klijent fejn is-servizz tal-investiment jew xiri tal-prodott kienu vvalutati bħala potenzjalment mhux adegwati għall-klijent, jekk il-klijent talabx sabiex jipproċedi bit-tranżazzjoni minkejja t-twissija u, fejn applikabbli, jekk id-ditta aċċettatx it-talba tal-klijent sabiex jipproċedi bit-tranżazzjoni;

(c)

kull twissija mogħtija lill-klijent fejn il-klijent ma pprovdiex biżżejjed informazzjoni sabiex jippermetti lid-ditta twettaq valutazzjoni tal-adegwatezza, jekk il-klijent talabx sabiex jipproċedi bit-tranżazzjoni minkejja din it-twissija u, fejn applikabbli, jekk id-ditta aċċettatx it-talba tal-klijent sabiex jipproċedi bit-tranżazzjoni.”

9

L-Artikolu 72 tal-imsemmi regolament delegat, intitolat “Iż-żamma tar-rekords”, jipprevedi:

“1.   Ir-rekords għandhom jinżammu f’mezz li jippermetti l-ħażna ta’ informazzjoni b’mod aċċessibbli għal referenza fil-ġejjieni mill-awtorità kompetenti, u f’dik il-forma u b’tali mod li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti għandha tkun kapaċi taċċesshom malajr u tikkostitwixxi mill-ġdid kull stadju prinċipali tal-ipproċessar ta’ kull tranżazzjoni;

(b)

għandu jkun possibbli li xi korrezzjonijiet jew emendi oħra, u l-kontenut tar-rekords qabel dawn il-korrezzjonijiet jew emendi, ikunu aċċertati faċilment;

(c)

ma għandux ikun possibbli li r-rekords ikunu jistgħu jiġu mmanipulati jew mibdula b’xi mod ieħor;

(d)

tippermetti użu bl-IT jew kull użu effiċjenti ieħor meta l-analiżi tad-data ma tistax titwettaq faċilment minħabba l-volum u n-natura tad-data; u

(e)

l-arranġamenti tad-ditta huma konformi mar-rekwiżiti taż-żamma tar-rekords irrispettivament mit-teknoloġija użata.

2.   Id-ditti tal-investiment għandhom tal-anqas iżommu r-rekords imsemmija fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament skont in-natura tal-attivitajiet tagħhom.

Il-lista tar-rekords imsemmija fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu taż-żamma tar-rekords li jirriżulta minn leġiżlazzjoni oħra.

3.   Id-ditti tal-investiment għandhom iżommu wkoll rekords ta’ kull politika u proċedura li huma mitluba jżommu skont id-Direttiva [2014/65], ir-Regolament […] Nru 600/2014, id-Direttiva [2014/57] u r-Regolament […] Nru 596/2014 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni rispettivi bil-miktub.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lid-ditti tal-investiment sabiex iżommu rekords addizzjonali għal-lista msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.”

10

L-Anness I tar-Regolament Delegat 2017/565, intitolat “Iż-żamma ta’ rekords”, jinkludi lista minima tar-reġistrazzjonijiet li għandhom jinżammu mid-ditti ta’ investiment skont in-natura tal-attivitajiet tagħhom. Skont din il-lista, l‑informazzjoni li għandha tiġi rreġistrata tinkludi, b’mod partikolari, taħt il‑“Valutazzjoni tal-klijent”, informazzjoni marbuta mal-“Valutazzjoni tal‑adattament u l-adegwadezza [tas-servizz li ser jiġi pprovdut]” u, taħt il‑“Komunikazzjoni mal-klijenti”, l-“Informazzjoni dwar l-ispejjeż u ħlasijiet assoċjati”.

Id-dritt Bulgaru

11

Konformement mal-punt 4 tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 71 taż-Zakon za pazarite na finansovi instrumenti (il-Liġi dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji) (DV Nru 15 tas‑16 ta’ Frar 2018), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil‑kawża prinċipali, id-ditti ta’ investiment jikkomunikaw lill-klijenti tagħhom jew lill-klijenti potenzjali, fi żmien xieraq, b’mod adegwat u b’osservanza tar‑rekwiżiti relatati mal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni vera, ċara u mhux qarrieqa, informazzjoni dwar id-diversi spejjeż u ħlasijiet li huwa responsabbli għalihom il-klijent u l-ammont tagħhom.

12

Skont l-ewwel ipoteżi tal-punt 16 tal-paragrafu 9 tal-Artikolu 290 ta’ din il-liġi, moqrija flimkien mal-punt 16 tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, fil-każ ta’ ksur tar‑rekwiżiti previsti minn regolament tal-Unjoni Ewropea, il-persuni ġuridiċi u l‑kummerċjanti persuni fiżiċi huma suġġetti, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja, għal sanzjoni pekunjarja ta’ 5000 sa 1000000 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 2500 sa EUR 510000) u, fil-każ ta’ reċidività, sanzjoni pekunjarja ta’ BGN 10000 sa BGN 2000000 (madwar EUR 5000 sa EUR 1020000).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Varchev Finans hija ditta ta’ investiment li għandha liċenzja, maħruġa mill-KFN, li tawtorizzaha tipprovdi servizzi ta’ investiment u teżerċita attivitajiet ta’ investiment.

14

Skont digriet tal-Viċi President tal-KFN tal‑20 ta’ Awwissu 2018, Varchev Finans kienet suġġetta għal kontroll, li fil-kuntest tiegħu ġiet ordnata tagħti aċċess għar-reġistri kollha li hija kienet iżżomm konformement mar-rekwiżiti leġiżlattivi. Ġie kkonstatat li Varchev Finans la kienet iżżomm reġistru li fih informazzjoni dwar l‑evalwazzjonijiet tan-natura xierqa tal-prodotti u tas-servizzi ta’ investiment magħmula għall-klijenti tagħha, u lanqas reġistru li jżomm l-informazzjoni kkomunikata lill-klijenti dwar l-ispejjeż u l-ħlasijiet tas-servizzi ta’ investiment.

15

Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Mejju 2019, ġew imposti fuq Varchev Finans żewġ sanzjonijiet pekunjarji għal ksur, l-ewwel, tal‑Artikolu 56(2) tar-Regolament Delegat 2017/565, moqri flimkien mal‑Artikolu 72(2) u l-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat u, it-tieni, tal‑Artikolu 72(2), moqri flimkien mal-Anness I tal-imsemmi regolament delegat.

16

Varchev Finans ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Rayonen sad Varna (il-Qorti Distrettwali ta’ Varna, il-Bulgarija), li ċaħdet dan ir-rikors u kkonfermat li Varchev Finans ma kinitx iżżomm reġistri, bi ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament Delegat 2017/565.

17

Varchev Finans appellat fil-kassazzjoni quddiem l-Administrativen sad Varna (il‑Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tar-Rayonen sad Varna (il-Qorti Distrettwali ta’ Varna), billi sostniet, b’mod partikolari, li r-Regolament Delegat 2017/565 kien ġie interpretat u applikat b’mod żbaljat mill-KFN. Minn qari tal-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża ta’ dan ir-regolament delegat, Varchev Finans ma hijiex obbligata żżomm reġistri fis-sens formali, iżda biss li żżomm ir-“rekords”, u dawn tal-aħħar huma – konformement ma’ dak li ġie stabbilit mill-KFN – disponibbli fl-impriża.

18

Il-KFN issostni, min-naħa l-oħra, li mill-verżjoni bil-lingwa Bulgara tad‑dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament delegat isegwi li hemm lok għar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali li żżomm reġistri fis-sens formali.

19

Il-qorti tar-rinviju tqis, fid-dawl ta’ dawn l-argumenti u li billi pparagunat il‑verżjonijiet fil-lingwa Bulgara, Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża tat-termini rilevanti li jinsabu fl-Artikolu 56(2) u fl-Artikolu 72(2) tar-Regolament Delegat 2017/565, li deċiżjoni preliminari hija neċessarja sabiex jiġi ddeterminat jekk, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwiex biżżejjed li l-informazzjoni msemmija fihom tiġi rreġistrata fil-fajls tal-klijenti tad-ditta ta’ investiment jew jekk għandhiex tiġi rreġistrata sistematikament f’reġistri separati.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 56(2) [tar-Regolament Delegat 2017/565], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 72(2) u mal-Anness I [ta’ dan ir-regolament delegat] jirrikjedi:

li l-impriżi ta’ investiment iżommu aġġornat reġistru individwali u separat (bħala database bl-informazzjoni) b’entrati dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa fir-rigward tal-adegwatezza u tal-adattabbiltà ta’ kull klijent, bil-kontenut previst fl-Artikolu 25(2) u (3) tad-Direttiva [2014/65] u fl-Artikolu 50 tar-Regolament Delegat [2017/565]?

[j]ew huwa biżżejjed li l-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq tkun disponibbli għand l-impriża ta’ investiment u tkun annessa mal-fajl tal-klijent ikkonċernat konformement mal-Artikolu 25(5) tad-Direttiva 2014/65 u li din l-informazzjoni tinżamm b’mod li tkun aċċessibbli għal użu futur mill-awtorità kompetenti u b’mod li jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 72(1) [tal-imsemmi regolament delegat]?

2)

L-Artikolu 72(2) [tar-Regolament Delegat 2017/565], flimkien mal-Anness I [ta’ dan ir-regolament delegat] jirrikjedi:

li l-impriżi ta’ investiment iżommu aġġornat reġistru individwali u separat (bħala database bl-informazzjoni) b’entrati dwar l-informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-ħlasijiet assoċjati mogħtija lil kull klijent, bil-kontenut previst fl-Artikolu 45 tar-Regolament Delegat 2017/565 fir-rigward tal-klijenti kollha?

[j]ew huwa biżżejjed li l-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq tkun disponibbli għand l-impriża ta’ investiment u tkun annessa mal-fajl tal-klijent ikkonċernat konformement mal-Artikolu 25(5) tad-Direttiva 2014/65 u li din l-informazzjoni tinżamm b’mod li tkun aċċessibbli għal użu futur mill-awtorità kompetenti u b’mod li jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 72(1) [tal-imsemmi regolament delegat]?”

Fuq id-domandi preliminari

21

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56(2) u l-Artikolu 72(2) tar‑Regolament Delegat 2017/565, moqrija flimkien mal-Anness I ta’ dan ir‑regolament delegat, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-ditti ta’ investiment huma obbligati jżommu r-reġistrazzjonijiet relatati mal‑evalwazzjonijiet tal-adegwatezza u tan-natura xierqa tal-prodotti jew tas‑servizzi ta’ investiment magħmula għal kull klijent kif ukoll dwar l‑informazzjoni kkomunikata lil kull klijent dwar l-ispejjeż u l-ħlasijiet marbuta mas-servizzi ta’ investiment f’reġistri indipendenti uniċi, b’mod partikolari fil‑forma ta’ database elettronika.

22

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jiġi preżunt li, kif tenfasizza l-KFN, fil-verżjoni bil-lingwa Bulgara ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn tintuża hemmhekk il-kelma “registri”, dawn jinftiehmu bħala li jagħmlu riferiment għal obbligu li jinżammu reġistri fis-sens formali, jeżistu, kif ġie rrilevat kemm mill‑qorti tar-rinviju kif ukoll mill-partijiet kollha fil-kawża prinċipali, diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

23

Fil-fatt, filwaqt li ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 56(2) u tal‑Artikolu 72(2) tar-Regolament Delegat 2017/565, kif ukoll tal-Anness I tiegħu, jagħmlu riferiment, bħall-verżjoni bil-lingwa Bulgara, għar-“reġistru”, bħall‑verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“registros”), Ingliża (“records”), Taljana (“registrazioni”) jew dik Portugiża (“registos”), verżjonijiet lingwistiċi oħrajn jagħmlu riferiment pjuttost għal sempliċi “reġistrazzjonijiet”, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża (“Aufzeichnungen”) jew dik Franċiża (“enregistrements”) ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex ma jistax jiġi dedott mingħajr ekwivoku minn dan li dawn it-termini għandhom jinftiehmu fis-sens li jagħmlu riferiment għal reġistri fis-sens formali pjuttost milli sempliċi “reġistrazzjonijiet”.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, għaldaqstant, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad‑dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew li tingħata natura prijoritarja fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil‑lingwi kollha tal-Unjoni u fil-każ ta’ diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet, id‑dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Teglgaard u Fløjstrupgård, C‑239/17, EU:C:2018:597, punti 3738 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Għal dan l-għan, għandu jiġi rrilevat li l-obbligi fil-qasam tar-reġistrazzjoni li r‑Regolament Delegat 2017/565 jimponi fuq id-ditti ta’ investiment huma stabbiliti mhux biss b’mod ad hoc f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament delegat bħal, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet tan-natura xierqa tal-prodotti u tas-servizzi ta’ investiment imwettqa, fl-Artikolu 56(2) tal-imsemmi regolament delegat, iżda wkoll b’mod ġenerali fit-Taqsima 8 tal-Kapitolu III tal-istess regolament delegat, dwar ir-“Rekords”.

26

F’din it-taqsima hemm l-Artikolu 72 tar-Regolament Delegat 2017/565, li jirrigwarda “Iż-żamma tar-rekords”. Dan jipprovdi, minn naħa, fil-paragrafu 1 tiegħu, li din għandha titwettaq f’forma u b’mod li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (e) ta’ dan il-paragrafu, b’mod partikolari dik li tipprovdi li l-awtorità kompetenti għandha tkun tista’ taċċedi faċilment għar‑reġistrazzjonijiet ikkonċernati.

27

Min-naħa l-oħra, fil-paragrafu 2 tiegħu, l-Artikolu 72 ta’ dan ir-regolament delegat jipprevedi l-obbligu li jinżammu tal-inqas ir-reġistrazzjonijiet li jidhru fil‑lista tal-Anness I tal-imsemmi regolament delegat, fosthom dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, relatati mal-evalwazzjonijiet tal-adegwatezza u tan-natura xierqa tal-prodotti u tas-servizzi ta’ investiment magħmula għal kull klijent u mal‑informazzjoni kkomunikata lil kull klijent dwar l-ispejjeż u l-ħlasijiet marbuta mas-servizzi ta’ investiment.

28

Kif jirriżulta mill-premessa 92 tal-istess regolament delegat, dawn ir-rekwiżiti relatati maż-żamma tar-rekords huma intiżi li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw il-kompiti tagħhom ta’ sorveljanza u l-attivitajiet ta’ kontroll tagħhom sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-investitur kif ukoll l‑integrità tas-suq.

29

Għalhekk mill-istruttura ġenerali u mill-għan tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat 2017/565 fil-qasam tal-obbligi ta’ reġistrazzjoni jirriżulta li dan huwa intiż li jippreskrivi l-informazzjoni li d-ditti ta’ investiment huma, tal-inqas, obbligati li jżommu, filwaqt li jillimita ruħu, f’dak li jirrigwarda l-forma u l-mod taż-żamma ta’ din l-informazzjoni, li jimponi ċerti rekwiżiti li din iż-żamma għandha tissodisfa, b’mod partikolari aċċessibbiltà faċli għall-awtoritajiet ta’ kontroll kompetenti.

30

Minn dan isegwi li, sa fejn jagħmlu riferiment, fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tagħhom, għal “rekords”, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jimponu fuq id-ditti ta’ investiment forma speċifika ta’ konservazzjoni tal-informazzjoni kkonċernata, bħall-istabbiliment ta’ reġistru indipendenti uniku fil-forma ta’ database elettronika.

31

Tali interpretazzjoni tkun iċċaħħad mir-raġuni tagħha d-definizzjoni tar-rekwiżiti li għandha tissodisfa ż-żamma tar-reġistrazzjonijiet, li tinsab fl-Artikolu 72(1)(a) sa (e) tar-Regolament Delegat 2017/565.

32

B’mod partikolari, mill-Artikolu 72(1)(e) ta’ dan ir-regolament delegat isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-ditta ta’ investiment għandhom josservaw l-obbligi ta’ reġistrazzjoni “irrispettivament mit-teknoloġija użata”. Minn dan isegwi li l‑imsemmi regolament delegat huwa bbażat fuq ċerta “newtralità teknoloġika”, fis-sens li jħalli l-għażla tal-metodu ta’ żamma tar-reġistrazzjonijiet lid-ditti ta’ investiment, bil-kundizzjoni li l-mod magħżul jissodisfa r-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament Delegat 2017/565.

33

Interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56(2) u tal-Artikolu 72(2) tar‑Regolament Delegat 2017/565, kif ukoll tal-Anness I tiegħu, fis-sens li l‑formulazzjonijiet użati fihom jinkludu reġistri fis-sens formali pjuttost milli sempliċi “reġistrazzjonijiet”, lanqas ma tirriżulta mid-Direttiva 2014/65 li abbażi tagħha dan ir-regolament delegat ġie adottat.

34

Fil-fatt, la l-Artikolu 16(6) tad-Direttiva 2014/65 – li jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li kull ditta ta’ investiment iżżomm reġistrazzjoni ta’ kull servizz ipprovdut, ta’ kull attività eżerċitata u ta’ kull tranżazzjoni mwettqa minnha stess, li tippermetti lill-awtorità kompetenti teżerċita l-funzjonijiet tagħha ta’ sorveljanza u l-attivitajiet ta’ kontroll tagħha – u lanqas l-Artikolu 25(5) ta’ din id-direttiva li jipprovdi li d-ditta ta’ investiment għandha tikkostitwixxi fajl li jinkludi d‑dokument jew dokumenti konklużi bejnha u l-klijent, li fihom huma stabbiliti d‑drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kif ukoll il-kundizzjonijiet l-oħrajn taħt liema hija tipprovdi servizzi lill-klijent – ma jippreskrivu l-forma teknika li taħtha għandhom jinżammu r-reġistrazzjonijiet tad-ditti ta’ investiment.

35

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 56(2) u l-Artikolu 72(2) tar-Regolament Delegat 2017/565, moqrija flimkien mal-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-ditti ta’ investiment ma humiex obbligati jżommu r‑reġistrazzjonijiet relatati mal-evalwazzjonijiet tal-adegwatezza u tan-natura xierqa tal-prodotti u tas-servizzi ta’ investiment magħmula għal kull klijent kif ukoll l-informazzjoni kkomunikata lil kull klijent dwar l-ispejjeż u l-ħlasijiet marbuta mas-servizzi ta’ investiment f’reġistri indipendenti uniċi, b’mod partikolari fil-forma ta’ database elettronika, peress li l-mod ta’ żamma ta’ dawn ir-reġistrazzjonijiet jista’ jintgħażel b’mod liberu, sakemm, madankollu, huwa jissodisfa r-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikolu 72(1) tal-imsemmi regolament delegat.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 56(2) u l-Artikolu 72(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal‑25 ta’ April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall‑finijiet ta’ dik id-Direttiva, moqrija flimkien mal-Anness I ta’ dan ir‑regolament delegat, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-ditti ta’ investiment ma humiex obbligati jżommu r-reġistrazzjonijiet relatati mal‑evalwazzjonijiet tal-adegwatezza u tan-natura xierqa tal-prodotti u tas‑servizzi ta’ investiment magħmula għal kull klijent kif ukoll l‑informazzjoni kkomunikata lil kull klijent dwar l-ispejjeż u l-ħlasijiet marbuta mas-servizzi ta’ investiment f’reġistri indipendenti uniċi, b’mod partikolari fil-forma ta’ database elettronika, peress li l-mod ta’ żamma ta’ dawn ir-reġistrazzjonijiet jista’ jintgħażel b’mod liberu, sakemm, madankollu, huwa jissodisfa r-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikolu 72(1) tal‑imsemmi regolament delegat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top