This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0071
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 8 July 2021.#Criminal proceedings against VAS Shipping ApS.#Request for a preliminary ruling from the Østre Landsret.#Reference for a preliminary ruling – Articles 49 and 54 TFEU – Freedom of establishment – National legislation requiring third-country nationals employed on a vessel flying the flag of a Member State to hold a work permit in that Member State – Exemption covering vessels that call at the Member State’s port no more than 25 times in a one-year period – Restriction – Article 79(5) TFEU – National legislation aimed at fixing the volumes of admission of third-country nationals coming from third countries to the territory of the Member State concerned in order to seek work, whether employed or self-employed.#Case C-71/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-8 ta’ Lulju 2021.
Proċeduri kriminali kontra VAS Shipping ApS.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari Artikoli 49 u 54 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati fuq bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru jkollhom permess ta’ xogħol f’dan l-Istat Membru – Eċċezzjoni għall-bastimenti li ma jidħlux f’portijiet tal-Istat Membru iktar minn 25 darba f’perijodu ta’ sena – Restrizzjoni – Artikolu 79(5) TFUE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa l-volumi ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, minn pajjiżi terzi, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat bil-għan li jfittxu xogħol bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha hemmhekk.
Kawża C-71/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-8 ta’ Lulju 2021.
Proċeduri kriminali kontra VAS Shipping ApS.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari Artikoli 49 u 54 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati fuq bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru jkollhom permess ta’ xogħol f’dan l-Istat Membru – Eċċezzjoni għall-bastimenti li ma jidħlux f’portijiet tal-Istat Membru iktar minn 25 darba f’perijodu ta’ sena – Restrizzjoni – Artikolu 79(5) TFUE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa l-volumi ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, minn pajjiżi terzi, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat bil-għan li jfittxu xogħol bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha hemmhekk.
Kawża C-71/20.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:550
*A9* Østre Landsret, Kendelse af 10/02/2020 (S146600L - JJ)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
8 ta’ Lulju 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 u 54 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati fuq bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru jkollhom permess ta’ xogħol f’dan l-Istat Membru – Eċċezzjoni għall-bastimenti li ma jidħlux f’portijiet tal-Istat Membru iktar minn 25 darba f’perijodu ta’ sena – Restrizzjoni – Artikolu 79(5) TFUE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa l-volumi ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, minn pajjiżi terzi, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat bil-għan li jfittxu xogħol bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha hemmhekk”
Fil-Kawża C‑71/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Frar 2020, fil-proċeduri kriminali kontra
VAS Shipping ApS,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Hogan,
Reġistratur: C. Strömholm,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal VAS Shipping ApS, minn M. Clemmensen, advokat, |
|
– |
għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, M. Jespersen u M. S. Wolff, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, S. L. Kalėda u H. Støvlbæk, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Ġunju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra VAS Shipping ApS talli impjegat abbord bastimenti li jtajru bandiera Daniża baħħara ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma għandhomx permess ta’ xogħol Daniż u li ma humiex eżenti mill-obbligu li jkollhom dan il-permess. |
Il-kuntest ġuridiku
|
3 |
L-Artikolu 13(1) tal-Udlændingeloven (il-Liġi dwar Ċittadini Barranin), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-lovbekendtgørelse nr. 1061 (Digriet ta’ kodifikazzjoni Nru 1061) tat‑18 ta’ Awwissu 2010 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar Ċittadin Barranin”), kien ifformulat kif ġej: “Ċittadin barrani għandu jkollu permess tax-xogħol sabiex jieħu impjieg imħallas jew mhux imħallas, sabiex ikun persuna li taħdem għal rasha jew sabiex jipprovdi servizzi bi ħlas jew mod ieħor fid-Danimarka. Permess tax-xogħol għandu jkun meħtieġ ukoll għall-impjieg fuq bastiment jew ajruplan Daniż li, bħala parti minn servizzi regolari jew mod ieħor, jieqaf regolarment f’portijiet jew ajruporti Daniżi. Madankollu, għandu jsir riferiment għall-eżenzjonijiet fl-Artikolu 14. […]” |
|
4 |
Skont l-Artikolu 59(4) u (5) tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin: “4. Kull persuna li timpjega ċittadin barrani mingħajr il-permess tax-xogħol meħtieġ jew bi ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti għal permess tax-xogħol tista’ teħel multa jew terminu ta’ priġunerija sa sentejn. 5. Il-fatt li l-ksur twettaq apposta jew bħala riżultat ta’ negliġenza serja, li qligħ finanzjarju inkiseb jew ġie mfittex mill-ksur għall-persuna kkonċernata nnifisha jew għal oħrajn, jew li ċ-ċittadin barrani ma għandux id-dritt li jkun residenti fid-Danimarka għandu jitqies li huwa ċirkustanza aggravanti fid-determinazzjoni tal-piena taħt is-subparagrafu 4.” |
|
5 |
Mill-Artikolu 61 ta’ din il-liġi jirriżulta li persuna ġuridika, b’mod partikolari kumpannija, tista’ tinżamm responsabbli kriminalment. |
|
6 |
Il-punt 4 tal-Artikolu 33 tal-bekendtgørelse nr. 270 om udlændinges adgang her til landet (id-Digriet Ministerjali Nru 270 dwar l-Aċċess ta’ Ċittadini Barranin għad-Danimarka), tat‑22 ta’ Marzu 2010, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali dwar iċ-Ċittadini Barranin”), kien jiddisponi: “Iċ-ċittadini barranin li ġejjin għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit tal-permess tax-xogħol: […]
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 103 tas-Søloven (il-Kodiċi Marittimu), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Marittimu”), jiddisponi: “1. Sid maniġerjali għandu jintgħażel għal vapur miżmum f’komproprjetà. 2. Persuna, kumpannija b’responsabbiltà limitata jew kumpannija responsabbli tista’ tintgħażel bħala sid maniġerjali, sakemm din il-parti tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 u 3 rispettivament tal-Artikolu 1(2).” |
|
8 |
Konformement mal-Artikolu 104 tal-Kodiċi Marittimu: “Fir-rigward ta’ partijiet terzi, is-sid maniġerjali għandu, bis-saħħa tal-kapaċità tiegħu jew tagħha, ikun intitolat li jikkonkludi kwalunkwe tranżazzjoni legali normalment konkluża minn kumpannija tal-vapuri. Is-sid maniġerjali jista’ għalhekk jimpjega, ikeċċi u jagħti struzzjonijiet lill-kaptan, jagħmel assigurazzjoni ordinarja, u jirċievi flus imħallsa lill-kumpannija tat-tbaħħir. Is-sid maniġerjali ma għandux, mingħajr awtorizzazzjoni speċjali, ibigħ jew jipoteka l-bastiment jew jikri l-bastiment għal iktar minn sena.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
9 |
Erba’ kumpanniji tat-tbaħħir stabbiliti fl-Iżvezja u kkostitwiti minn diversi kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata rregolati mid-dritt Żvediż, irreġistraw erba’ bastimenti fid-Dansk Internationalt Skibsregister (ir-Reġistru Internazzjonali Daniż tal-Bastimenti) sabiex jeżerċitaw l-attività tagħhom ta’ trasport marittimu fid-Danimarka. Kif jeżiġi l-Artikolu 103 tal-Kodiċi Marittimu, huma ħatru lil VAS Shipping, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Daniż, bħala sid maniġerjali, sabiex twettaq, bis-saħħa tal-Artikolu 104 ta’ dan il-kodiċi, l-atti ġuridiċi kollha li l-attività ta’ tbaħħir marittimu timplika normalment. VAS Shipping hija 100 % miżmuma minn Sirius Rederi AB, kumpannija rregolata mid-dritt Svediż. |
|
10 |
VAS Shipping qed titressaq kriminalment quddiem il-qrati Daniżi għal ksur tal-Artikolu 59(4) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin, ikkunsidrat flimkien mal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, tal-Artikolu 61 ta’ din il-liġi kif ukoll tal-punt 4 tal-Artikolu 33 tad-Digriet Ministerjali dwar iċ-Ċittadini Barranin. Skont l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, bħala sid maniġerjali, VAS Shipping ħalliet, matul il-perijodu bejn it‑22 ta’ Awwissu 2010 u t‑22 ta’ Awwissu 2011, l-erba’ bastimenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidħlu fil-portijiet Daniżi għal iktar minn 25 darba, meta abbord kien hemm ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma kellhomx permess ta’ xogħol fid-Danimarka u ma kinux eżentati mill-obbligu li jkollhom tali permess skont il-Liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin. |
|
11 |
Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2018, ir-Retten i Odense (il-Qorti Muniċipali ta’ Odense, id-Danimarka) ikkundannat lil VAS Shipping għal multa ta’ 1500000 krona Daniża (DKK) (madwar EUR 201407) għal dan il-ksur. Insostenn tad-deċiżjoni tagħha, din il-qorti qieset li l-leġiżlazzjoni Daniża, sa fejn tipprevedi obbligu ta’ żamma ta’ permess ta’ xogħol applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 54 TFUE. Madankollu, ir-Retten i Odense (il-Qorti Muniċipali ta’ Odense) ikkunsidrat li din ir-restrizzjoni kienet iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, marbuta mal-istabbiltà tas-suq tax-xogħol Daniż u li ma kinitx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Fil-fatt, skont din il-qorti, fid-dawl tad-differenza fil-livell tas-salarju bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi membri tal-ekwipaġġ ta’ bastiment u l-ħaddiema Daniżi, ir-rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol huwa mezz effikaċi u xieraq sabiex jiġi evitat it-tfixkil fis-suq tax-xogħol nazzjonali. |
|
12 |
Is-sentenza tar-Retten i Odense (il-Qorti Muniċipali ta’ Odense) kienet is-suġġett ta’ appell minn VAS Shipping quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka). |
|
13 |
Il-partijiet fil-kawża prinċipali jqisu li r-rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol, previst fl-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin, ikkunsidrat flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 33 tad-Digriet Ministerjali dwar iċ-Ċittadini Barranin, jikkostitwixxi restrizzjoni għad-dritt ta’ stabbiliment stabbilit fl-Artikolu 49 TFUE. Madankollu, filwaqt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku iqis li l-imsemmija restrizzjoni hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, VAS Shipping issostni li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tobbliga lis-sidien tal-bastimenti li ġejjin minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea jbiddlu l-politika ta’ reklutaġġ tagħhom, mingħajr ma tkun neċessarja sabiex tiggarantixxi l-għan ta’ interess ġenerali mfittex. |
|
14 |
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet imposti fuq persuna li timpjega fir-rigward tal-għażla tagħha tal-ħaddiema. Issa, din il-ġurisprudenza tikkonċerna r-regoli fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għalhekk, ma huwiex ċert li din tista’ tiġi trasposta għall-evalwazzjoni tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari għal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE, tal-leġiżlazzjoni Daniża li timponi, f’ċerti ċirkustanzi, fuq il-persuni li jimpjegaw ta’ Stati Membri oħra, l-obbligu li jimpjegaw ħaddiema li jibbenefikaw minn permess ta’ xogħol Daniż. |
|
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 49 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tobbliga lil ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħmlu parti minn ekwipaġġ ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera tal-Istat Membru kkonċernat, proprjetà ta’ sid ta’ bastiment li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, ikollhom permess ta’ xogħol, ħlief jekk il-bastiment jidħol fil-port tal-Istat Membru kkonċernat għal massimu ta’ 25 darba kkalkolati kontinwament matul il-perijodu tas-sena preċedenti?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
16 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-membri tal-ekwipaġġ, ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ dan l-Istat Membru u miżmum, direttament jew indirettament, minn kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, għandu jkollhom permess ta’ xogħol f’dan l-ewwel Stat Membru, sakemm il-bastiment ikkonċernat ma jkunx daħal hemmhekk għal iktar minn 25 darba matul sena. |
|
17 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-libertà ta’ stabbiliment li l-Artikolu 49 TFUE jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Istati Membri u li tinkludi għalihom l-aċċess għall-attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom u l-eżerċizzju tagħhom, kif ukoll li jinħolqu u jitmexxew impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk iddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu, tinkludi, konformement mal-Artikolu 54 TFUE, għall-kumpanniji stabbiliti konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, it-tmexxija ċentrali tagħhom jew is-sede prinċipali tagħhom stabbilita ġewwa l-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
18 |
Għalhekk, b’mod partikolari, taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment is-sitwazzjoni fejn kumpannija stabbilita fi Stat Membru toħloq sussidjarja fi Stat Membru ieħor. L-istess japplika, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tali kumpannija jew ċittadin ta’ Stat Membru jiksbu, fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, sehem li jippermettilhom jeżerċitaw influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
19 |
Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “stabbiliment”, fis-sens tal-Artikoli 49 u 54 TFUE, jinkludi l-eżerċizzju effettiv ta’ attività ekonomika permezz ta’ arranġament stabbli fi Stat Membru ieħor għal żmien indeterminat u li r-reġistrazzjoni ta’ vapur ma tistax tiġi sseparata mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment meta dan il-vapur jikkostitwixxi strument għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li tinkludi installazzjoni stabbli fl-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 1991, Factortame et, C‑221/89, EU:C:1991:320, punti 20 sa 22, kif ukoll tal‑11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 70). |
|
20 |
Minn dan jirriżulta, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Artikoli 49 u 54 TFUE huma applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik li wasslet għall-kawża prinċipali, sa fejn erba’ kumpanniji tat-tbaħħir Svediżi rreġistraw erba’ bastimenti fir-Reġistru Internazzjonali Daniż tal-Bastimenti, ħatru kumpannija stabbilita fid-Danimarka u miżmuma kollha kemm hija minn kumpannija Svediża bħala sid maniġerjali ta’ bastimenti, u użaw il-bastimenti inkwistjoni sabiex jeżerċitaw attività ekonomika. |
|
21 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix “restrizzjoni” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE. |
|
22 |
Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “restrizzjoni”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE, jirrigwarda, b’mod partikolari, il-miżuri li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, jistgħu jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
L-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta’ stabbiliment jimplika b’hekk, b’mod partikolari, bħala addizzjoni neċessarja għaliha, li s-sussidjarja, l-aġenzija jew il-fergħa maħluqa minn persuna ġuridika stabbilita fi Stat Membru ieħor tkun tista’, skont il-każ, u jekk l-attività li hija jkollha l-intenzjoni li teżerċita tkun teħtieġ, timpjega ħaddiema f’dan l-Istat Membru (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis,C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Madankollu, għandu jitfakkar li d-domanda magħmula tikkonċerna leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg, abbord bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ dan l-Istat Membru, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u, b’mod iktar preċiż, l-obbligu tagħhom li jkollhom permess ta’ xogħol. |
|
25 |
Issa, mill-Artikolu 79(5) TFUE jirriżulta li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jiffissaw il-volumi ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ġejjin minn pajjiżi terzi, fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu impjieg, kemm jekk bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha hemmhekk. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istat tal-bandiera ta’ bastiment għandu jitqies bħala l-Istat li fih huwa impjegat ċittadin ta’ pajjiż terz impjegat abbord dan il-bastiment (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2004, DFDS Torline, C‑18/02, EU:C:2004:74, punt 44). |
|
26 |
F’dan ir-rigward, l-obbligu għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess ta’ xogħol għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg fi Stat Membru jikkostitwixxi, kif isostni l-Gvern Daniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, miżura intiża sabiex tirregola l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għax-xogħol u għar-residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju nazzjonali. Tali obbligu jippermetti, f’dan ir-rigward, lill-Istati Membri li jikkontrollaw il-volumi ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom, bil-għan li jfittxu impjieg hemmhekk. |
|
27 |
Għaldaqstant, Stat Membru għandu d-dritt li jipprevedi li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati fit-territorju tiegħu, inkluż fuq bastiment irreġistrat f’dan l-Istat Membru, għandhom jiksbu permess ta’ xogħol, billi jipprovdu wkoll, jekk ikun il-każ, eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu. |
|
28 |
Ċertament, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 1991, Factortame et, C‑221/89, EU:C:1991:320, punt 14, kif ukoll tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punt 23), b’mod partikolari tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE, fosthom il-libertà ta’ stabbiliment (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Xorta jibqa’ l-fatt li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, applikabbli mingħajr distinzjoni għall-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera tiegħu, li tipprevedi, konformement mal-Artikolu 79(5) TFUE, l-obbligu għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi impjegati bħala membri tal-ekwipaġġ ta’ tali bastimenti, li jkollhom permess tax-xogħol, filwaqt li teżenta minn dan l-obbligu lill-membri tal-ekwipaġġ tal-bastimenti li ma jkunux daħlu, għal iktar minn 25 darba matul sena, fil-portijiet ta’ dan l-aħħar Stat Membru, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE, u, għaldaqstant, bħala inkompatibbli ma’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
30 |
Huwa minnu li tali dispożizzjoni tista’ tqiegħed lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru ieħor sabiex topera bastiment li jtajjar bandiera ta’ dan l-aħħar Stat Membru f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik ta’ kumpanniji li joperaw, fit-tieni Stat Membru, bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru differenti minn dan tal-aħħar u li l-leġiżlazzjoni tagħhom ma tipprevedix obbligu analogu. |
|
31 |
Madankollu, tali konsegwenzi sfavorevoli jirriżultaw mid-differenzi eventwali fl-applikazzjoni, minn kull Stat Membru, tad-dritt li huwa espressament irriżervat għalih fl-Artikolu 79(5) TFUE, fil-qasam tal-kontroll tal-volumi ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fit-territorju tiegħu, bil-għan li jfittex impjieg (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Sparkasse Allgäu, C‑522/14, EU:C:2016:253, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE, ikkunsidrat fid-dawl tal-Artikolu 79(5) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-membri tal-ekwipaġġ, ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ dan l-Istat Membru u miżmum, direttament jew indirettament, minn kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, għandu jkollhom permess ta’ xogħol f’dan l-ewwel Stat Membru, sakemm il-bastiment ikkonċernat ma jkunx daħal hemmhekk għal iktar minn 25 darba matul sena. |
Fuq l-ispejjeż
|
33 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 49 TFUE, ikkunsidrat fid-dawl tal-Artikolu 79(5) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-membri tal-ekwipaġġ, ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ dan l-Istat Membru u miżmum, direttament jew indirettament, minn kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, għandu jkollhom permess ta’ xogħol f’dan l-ewwel Stat Membru, sakemm il-bastiment ikkonċernat ma jkunx daħal hemmhekk għal iktar minn 25 darba matul sena. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.