Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0700

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati l-5 ta’ Mejju 2022.
London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association Limited vs Kingdom of Spain.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court of Justice Business and Property Courts of England and Wales.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor – Motivi ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent – Il-punt 3 tal-Artikolu 34 – Deċiżjoni irrikonċiljabbli ma’ deċiżjoni mogħtija preċedentement bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent – Kundizzjonijiet – Osservanza, permezz mogħtija preċedentement u li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ ta’ dispożizzjonijiet u ta’ għanjiet fundamentali tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 – Il-punt 1 tal-Artikolu 34 – Rikonoxximent manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub – Kundizzjonijiet.
Kawża C-700/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:358

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fil‑5 ta’ Mejju 2022 ( 1 )

Kawża C‑700/20

The London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association Limited

vs

Ir‑Renju ta’ Spanja

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali) (Ir-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 1(2)(d) – Il-punti 1 u 3 tal-Artikolu 34 – Rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor – Sentenza irrikonċiljabbli ma’ sentenza li tinkorpora deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru fejn ir-rikonoxximent jintalab”

I. Daħla

1.

Ftit inqas minn żewġ deċennji ilu, f’Novembru 2002, l-M/T Prestige (iktar ’il quddiem il-“bastiment”), tanker taż-żejt b’buq wieħed, irreġistrat fil-Baħamas, inqasam f’żewġ biċċiet u għereq barra mill-kosta ta’ Galicia (Spanja). Fl-istess ħin il-bastiment kien qiegħed iġorr 70000 tunnellata ta’ żejt karburant tqil u t-tixrid taż-żejt li rriżulta kkawża ħsara serja lill-bajjiet, l-ibliet u l-irħula tul il-kosta tat-tramuntana ta’ Spanja u l-kosta tal-punent ta’ Franza. Kif spjegat fil-punti 13 sa 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għarqa tal-bastiment wasslet għal tilwima twila bejn l-assiguraturi tal-bastiment u l-Istat Spanjol fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri differenti li saru f’żewġ Stati Membri. Hija rriżultat f’żewġ sentenzi: waħda mogħtija mill-Audiencia Provincial de La Coruña (il-Qorti Provinċjali ta’ A Coruña, Spanja), l-oħra mogħtija mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali), (Ir-Renju Unit)). L-Istat Spanjol finalment ipprova jikseb ir-rikonoxximent tas-sentenza tal-Audiencia Provincial de La Coruña (il-Qorti Provinċjali ta’ A Coruña) mill-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales. Fl-aħħar jiem tal-perijodu tranżitorju wara l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-High Court of Justice (England & Wales) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales)) ressqet talba għal deċiżjoni preliminari għal interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 1(2)(d) u l-punti 1 u 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt internazzjonali

2.

L-Artikolu I(1) tal-Konvenzjoni għar-Rikonoxximent u għall-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet Arbitrali Barranin, konkluża fi New York fl‑10 ta’ Ġunju 1958 ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958”), jipprevedi:

“Din il-Konvenzjoni għandha tapplika għar-rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ mogħtija fuq it-territorju ta’ Stat li ma jkunx l-Istat fejn ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkunu qed jiġu mitluba, u li jinqalgħu minn differenzi bejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Hija għandha tapplika wkoll għal deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ li ma humiex ikkunsidrati bħala sentenzi nazzjonali fl-Istat fejn ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tagħhom ġew mitluba.”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

3.

L-Artikolu III tal-Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958 jistabbilixxi:

“Kull Stat Kontraenti għandu jirrikonoxxi l-awtorità ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ u jaċċetta l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni skont ir-regoli tal‑proċedura applikabbli fit-territorju fejn id-deċiżjoni hija invokata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-artikoli li ġejjin. Ma għandhomx jiġu imposti kundizzjonijiet sostanzjalment iktar onerużi jew miżati iktar għoljin fuq ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ li għalihom tapplika din il-konvenzjoni minn dawk imposti fuq ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ domestiċi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 44/2001

4.

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi li dan għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali indipendentement min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Skont l-Artikolu 1(2)(d) tiegħu, dan ma għandux japplika għall-arbitraġġ.

5.

Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001, “[…] ‘sentenza’ tfisser xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.”

6.

L-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi:

“1.   Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.

2.   Xi parti interessata li tqajjem rikonoxximent ta’ sentenza bħala s-suġġet prinċipali fi kwestjoni tista’, bi qbil mal-proċeduri li hemm disposizzjoni dwarhom f’Sezzjonijiet 2 u 3 ta’ dan il-Kapitolu, japplika għal deċiżjoni li s-sentenza tiġi rikonoxxuta.

3.   Jekk ir-riżultat tal-proċedimenti f’qorti ta’ Stat Membru jiddependi mid-determinazzjoni ta’ kwistjoni inċidentali tar-rikonoxximent, dik il-qorti għandha jkollha ġurisdizzjoni fuq dak il-każ.”

7.

Skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1.

jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex [intalab] ir-rikonoxximent;

[…]

3.

jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

4.

jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li jinvolvi l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet, basta illi dik is-sentenza aktar kmieni twettaq il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru indirizzat.”

8.

L-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi li dan ma għandux jaffettwa l-konvenzjonijiet li l-Istati Membri jkunu partijiet għalihom u li, f’materji partikolari, jirregolaw il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi.

2. Ir-Regolament Nru 1215/2012

9.

Peress li l-formulazzjoni li biha hija espressa l-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 44/2001 ma nbidlux wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-premessa 12 tar-Regolament Nru 1215/2012 tidher li hija rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni li hija prevista fih ( 4 ). Din il-premessa taqra kif ġej:

“Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-arbitraġġ. Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jżomm lill-qrati ta’ Stat Membru, meta jieħdu konjizzjoni ta’ kwistjoni li fir-rigward tagħha l-partijiet kienu daħlu fi ftehim ta’ arbitraġġ, milli jirreferu lill-partijiet għall-arbitraġġ, milli jissospendu jew iwaqqfu l-proċedimenti, jew milli jeżaminaw jekk il-ftehim ta’ arbitraġġ huwiex null u bla effett, mhux operattiv jew mhux kapaċi li jitwettaq, skont id-dritt nazzjonali tagħhom.

Sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru dwar jekk ftehim ta’ arbitraġġ huwiex null u bla effett legali, mhux operattiv jew mhux kapaċi li jitwettaq m’għandhiex tkun soġġetta għar-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament, indipendentement minn jekk il-qorti ddeċidietx dwar dan bħala kwistjoni prinċipali jew bħala kwistjoni inċidentali.

Min-naħa l-oħra, meta qorti ta’ Stat Membru, li teżerċita ġurisdizzjoni skont dan ir-Regolament jew skont id-dritt nazzjonali, tkun iddeċidiet li ftehim ta’ arbitraġġ huwa null u bla effett legali, mhux operattiv jew mhux kapaċi li jitwettaq, dan m’għandux jagħmilha impossibbli li s-sentenza tal-qorti dwar is-sustanza tal-kwistjoni tkun rikonoxxuta jew, skont il-każ, eżegwita skont dan ir-Regolament. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-qrati tal-Istati Membri li jieħdu deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ f’konformità mal-[Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958], li tieħu preċedenza fuq dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal kwalunkwe azzjoni jew proċediment anċillari li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ tribunal tal-arbitraġġ, is-setgħa tal-arbitri, it-tmexxija tal-proċedura ta’ arbitraġġ jew kwalunkwe aspett ieħor ta’ tali proċedura, u lanqas għal azzjoni jew sentenza li tirrigwarda l-annullament, ir-rieżami, l-appell, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ.”

C.   Id-dritt Ingliż

10.

L-Artikolu 66 tal-Arbitration Act 1996 (l-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996) ( 5 ), intitolat “Eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ”, jipprevedi:

“(1)

Deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija mit-tribunal skont ftehim ta’ arbitraġġ tista’, fuq awtorizzazzjoni tal-qorti, tiġi eżegwita bl-istess mod bħal sentenza jew digriet tal-qorti fl-istess sens.

(2)

Fejn tingħata din l-awtorizzazzjoni, tista’ tingħata sentenza skont id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

(3)

L-awtorizzazzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma għandhiex tingħata meta, jew fejn, il-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tagħha turi li t-tribunal ma kellux ġurisdizzjoni fil-mertu sabiex jipproċedi bl-għoti tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Id-dritt li ssir tali oġġezzjoni jista’ jkun li ntilef […].

[…]”

11.

L-Artikolu 73 tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996, intitolat “Telf tad-dritt ta’ oġġezzjoni”, jipprevedi:

“(1)

Jekk parti fi proċeduri arbitrali tieħu sehem, jew tkompli tieħu sehem fil-proċeduri mingħajr ma tagħmel, immedjatament jew fit-terminu stabbilit mill-ftehim ta’ arbitraġġ jew mit-tribunal jew minn kwalunkwe dispożizzjoni ta’ din il-Parti, kwalunkwe oġġezzjoni –

(a)

li t-tribunal ma għandux ġurisdizzjoni fuq il-mertu,

(b)

li l-proċeduri twettqu b’mod irregolari,

(c)

li kien hemm nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim ta’ arbitraġġ jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ din il-Parti, jew

(d)

li kien hemm kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa t-tribunal jew il-proċeduri,

hija ma tistax tinvoka din l-oġġezzjoni iktar tard, quddiem it-tribunal jew il-qorti, sakemm ma turix li, fil-mument li fih hija ħadet sehem jew kompliet tieħu sehem fil-proċeduri, hija ma kinitx taf u ma setgħetx tiskopri l-motivi tal-oġġezzjoni b’diliġenza raġonevoli.

(2)

Meta t-tribunal tal-arbitraġġ jiddeċiedi li għandu ġurisdizzjoni fuq il-mertu u parti fi proċedura arbitrali li setgħet tikkontesta din id-deċiżjoni:

(a) permezz ta’ kwalunkwe proċedura arbitrali ta’ appell jew ta’ reviżjoni disponibbli, jew

(b) billi tikkontesta d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ,

ma tagħmilx dan, jew ma jagħmilx dan fit-terminu stabbilit mill-ftehim ta’ arbitraġġ jew kwalunkwe dispożizzjoni ta’ din il-Parti, hija ma tistax sussegwentement toġġezzjona għall-ġurisdizzjoni fil-mertu tat-tribunal għal xi raġuni li kienet is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni.”

D.   Id-dritt Spanjol

12.

L-Artikolu 117 tal-Ley Orgánica 10/1995 del Código Penal (il-Liġi Organika 10/95 tal-Kodiċi Kriminali) tat‑23 ta’ Novembru 1995 ( 6 ) jipprevedi li l-“assiguraturi li assumew ir-riskju ta’ responsabbiltajiet finanzjarji li jirriżultaw mill-użu jew mill-isfruttament ta’ kull beni, industrija, impriża jew attività, meta l-avveniment li jikkostitwixxi r-riskju assigurat iseħħ minħabba ċirkustanza prevista minn dan il-Kodiċi, ikollhom responsabbiltà ċivili diretta fil-limitu tal-kumpens stabbilit bil-liġi jew bi ftehim, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ rkupru kontra l-persuna kkonċernata”.

III. Il-fatti tat-tilwima, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13.

Fil-mument tal-għarqa tal-bastiment, il-proprjetarji tiegħu (iktar ’il quddiem il-“proprjetarji”) kellhom assigurazzjoni ta’ Protection & Indemnity (iktar ’il quddiem il-“P&I”) ma’ The London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association Limited (iktar ’il quddiem il-“Club”) ( 7 ), skont kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż permezz ta’ ċertifikat ta’ dħul iddatat l‑20 ta’ Frar 2002 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ assigurazzjoni”). Permezz ta’ dan il-kuntratt, il-Club aċċetta li jipprovdi kopertura P&I lill-proprjetarji f’dak li jirrigwarda, inter alia, kull okkurrenza individwali ta’ responsabbiltà għat-tniġġis sa ammont totali massimu ta’ 1 biljun dollaru Amerikan (USD). Il-kuntratt ta’ assigurazzjoni kien suġġett għar-Regoli tal-Club, jiġifieri, it-termini u l-kundizzjonijiet standard tal-polza ta’ assigurazzjoni inkorporati fiċ-ċertifikat ta’ dħul. Ir-Regola 3, intitolata “Dritt għall-irkupru”, kienet tipprevedi klawżola “pay to be paid” ( 8 ) fit-termini segwenti:

“3.1

Jekk membru għandu jħallas għal danni jew spejjeż li għalihom huwa assigurat huwa jkun intitolat għall-irkupru mill-Assoċjazzjoni mill-fondi ta’ din il-klassi, BIL-KUNDIZZJONI li:

3.1.1

il-ħlas attwali (minn flus li jappartjenu lilu b’mod assolut u mhux b’self jew mod ieħor) mill-Membru tal-ammont sħiħ ta’ dawn ir-responsabbiltajiet u spejjeż huwa kundizzjoni sospensiva għad-dritt tiegħu għall-irkupru;

[…]”

14.

Ir-Regola 43 tar-Regoli tal-Club, intitolata “Ġurisdizzjoni u liġi”, kienet tinkludi klawżola ta’ arbitraġġ li skontha “jekk tqum diverġenza jew tilwima bejn Membru u l-Assoċjazzjoni”“din id-diverġenza jew tilwima” kellha tiġi suġġetta għal arbitraġġ f’Londra (ir-Renju Unit) quddiem arbitru ġuridiku uniku suġġett għad-dritt Ingliż u għall-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996.

15.

Fi tmiem l‑2002, inbdew proċeduri kriminali fi Spanja kontra, inter alia, il-kaptan tal-bastiment, is-sekond uffiċjal u l-inġinier kap.

16.

Bejn wieħed u ieħor f’Ġunju 2010, wara l-konklużjoni tal-fażi istruttorja tal-proċeduri kriminali, diversi entitajiet ġuridiċi, fosthom l-Istat Spanjol, fetħu kawżi ċivili kontra diversi konvenuti, fosthom il-Club bħala l-assiguratur għar-responsabbiltà tal-proprjetarji skont il-kuntratt ta’ assigurazzjoni permezz ta’ dritt ta’ azzjoni diretta skont l-Artikolu 117 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol. Il-Club ma ħax parti fil-proċeduri Spanjoli.

17.

Fis‑16 ta’ Jannar 2012, il-Club beda proċedura ta’ arbitraġġ f’Londra, li permezz tagħha huwa fittex dikjarazzjonijiet fis-sens li, skont il-klawżola ta’ arbitraġġ fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni, l-Istat Spanjol kien obbligat ifittex dwar il-pretensjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 117 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol f’Londra u li l-Club ma kienx responsabbli lejn l-Istat Spanjol għal tali pretensjonijiet bħala materja tad-dritt Ingliż u/jew skont dan il-kuntratt. L-Istat Spanjol ma pparteċipax fil-proċeduri ta’ arbitraġġ ( 9 ).

18.

Permezz ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fit‑13 ta’ Frar 2013 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ”), it-tribunal tal-arbitraġġ iddeċieda li, peress li l-pretensjonijiet inkwistjoni kienu ta’ natura kuntrattwali skont id-dritt internazzjonali privat Ingliż, id-dritt Ingliż kien japplika għall-kuntratt. Għalhekk l-Istat Spanjol ma setax jibbenefika mid-drittijiet kuntrattwali tal-proprjetarji mingħajr ma josserva kemm il-klawżola ta’ arbitraġġ kif ukoll il-klawżola “pay to be paid”. Barra minn hekk, l-Istat Spanjol kellu jibda proċeduri ta’ arbitraġġ f’Londra sabiex jikseb rimbors mingħand il-Club. Id-Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ ddikjarat ukoll li, fl-assenza ta’ ħlas minn qabel tad-dejn assigurat mill-proprjetarji, il-Club ma kienx responsabbli lejn l-Istat Spanjol fir-rigward tal-pretensjonijiet. Fi kwalunkwe każ, ir-responsabbiltà tal-Club ma qabżitx il-USD 1 biljun.

19.

F’Marzu 2013, il-Club ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 66(1) u (2) tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996, għall-awtorizzazzjoni sabiex jeżegwixxi d-Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ fit-territorju nazzjonali bl-istess mod bħal sentenza jew digriet u sabiex tingħata sentenza li tinkorpora t-termini tad-Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ. L-Istat Spanjol oppona dan ir-rikors. Huwa talab lill-qorti tar-rinviju li tannulla d-Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ u/jew tiddikjara li d-Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ ma għandhiex effett, skont l-Artikoli 67 u/jew 72 tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996. Dawn l-artikoli jipprevedu li deċiżjoni arbitrali Ingliża tista’ tiġi kkontestata minħabba, inter alia, li t-tribunal ma kellux ġurisdizzjoni fuq il-mertu u li t-tilwima inkwistjoni ma setgħetx tiġi suġġetta għall-arbitraġġ. L-Istat Spanjol sostna wkoll li l-qorti tar-rinviju kellha tirrifjuta li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha li tagħti sentenza.

20.

Wara proċess ta’ sebat ijiem li matulu ġew prodotti provi fattwali kif ukoll instemgħu esperti tad-dritt Spanjol, il-qorti tar-rinviju tat sentenza fit‑22 ta’ Ottubru 2013. Hija ordnat li r-rikorsi tal-Istat Spanjol jiġu miċħuda, awtorizzat lill-Club, skont l-Artikolu 66(1) tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996, jeżegwixxi d-Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ u ddikjarat li, skont l-Artikolu 66(2) ta’ dan l-att, kellha tingħata sentenza kontra l-Istat Spanjol li tinkorpora t-termini tad-Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ. Fl-istess jum hija tat sentenza formali separata li tgħid li “skont l-Artikolu 66(2) tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996, ingħatat sentenza kontra l-[Istat Spanjol] li tinkorpora t-termini tad-Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ” ( 10 ).

21.

L-Istat Spanjol appella mis-sentenza tal-Artikolu 66 quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit). Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ April 2015, din il-qorti ċaħdet l-appell.

22.

Fit‑13 ta’ Novembru 2013, l-Audiencia Provincial de La Coruña (il-Qorti Provinċjali ta’ A Coruña) tat sentenza fil-proċeduri Spanjoli. Hija ma għamlet ebda konstatazzjoni dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarji jew tal-Club. Diversi partijiet appellaw minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja). Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2016, din il-qorti ddeċidiet, inter alia, li l-kaptan u l-proprjetarji kienu responsabbli fir-rigward tal-kawżi ċivili u li l-Club kien direttament responsabbli skont l-Artikolu 117 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol, sal-limitu massimu tar-responsabbiltà ta’ USD 1 biljun. Hija rrinvijat il-kawża quddiem l-Audiencia Provincial de La Coruña (il-Qorti Provinċjali ta’ A Coruña) sabiex tiddetermina l-quantum tar-responsabbiltajiet rispettivi tal-konvenuti fil-proċeduri Spanjoli. Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2017 (irrettifikata fil‑11 ta’ Jannar 2018), dik il-qorti kkunsidrat li, bħala riżultat tal-inċident, il-kaptan, il-proprjetarji u l-Club kienu responsabbli fil-konfront ta’ iktar minn 200 parti separata (inkluż l-Istat Spanjol) għal ammonti ogħla minn EUR 1.6 biljun, suġġett, fil-każ tal-Club sal-limitu massimu ta’ responsabbiltà ta’ USD 1 biljun. Diversi partijiet appellaw minn dik is-sentenza ġiet appellata quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li, permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018 (emendata fil‑21 ta’ Jannar 2019), ikkonfermatha, suġġett għal numru limitat ta’ varjazzjonijiet.

23.

Fl‑1 ta’ Marzu 2019, l-Audiencia Provincial de La Coruña (il-Qorti Provinċjali ta’ A Coruña) tat digriet ta’ eżekuzzjoni li jistabbilixxi l-ammonti li kull wieħed mill-kredituri, inkluż l-Istat Spanjol, kien intitolat jeżegwixxi kontra l-konvenuti rispettivi, inkluż il-Club (iktar ’il quddiem is-“sentenza Spanjola”).

24.

Fil‑25 ta’ Marzu 2019, l-Istat Spanjol ippreżenta rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales)) sabiex is-sentenza Spanjola tiġi rrikonoxxuta skont l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 44/2001. Din il-qorti laqgħet dan ir-rikors permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ Mejju 2019 (iktar ’il quddiem id-“digriet ta’ reġistrazzjoni”) ( 11 ).

25.

Fis‑26 ta’ Ġunju 2019, il-Club ippreżenta appell mid-digriet ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 44/2001. Huwa invoka żewġ motivi. L-ewwel, huwa sostna li, skont il-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza Spanjola kienet irrikonċiljabbli mas-sentenza tal-Artikolu 66 li l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)) kienet ikkonfermat fl‑1 ta’ April 2015. It-tieni, b’riferiment għall-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, huwa sostna li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza Spanjola kienu manifestament kuntrarji għall-ordni pubbliku Ingliż. L-Istat Spanjol ikkontesta l-appell tal-Club. Huwa talab lill-qorti tar-rinviju tagħmel sitt domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

26.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fit‑22 ta’ Diċembru 2020, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali)) iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Minħabba n-natura tal-kwistjonijiet li l-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra meta tiddeċiedi jekk tagħtix sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 66 tal-Arbitration Act 1996 (il-Liġi dwar l-Arbitraġġ tal‑1996), sentenza mogħtija skont dik id-dispożizzjoni tista’ tikkostitwixxi “sentenza” tal-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent għall-finijiet tal-Artikolu 34(3) tar-[Regolament Nru 44/2001]?

2)

Minħabba li sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, bħal dik mogħtija taħt l-Artikolu 66 tal- Liġi dwar l-Arbitraġġ tal‑1996, hija deċiżjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 44/2001 bħala riżultat tal-eċċezzjoni ta’ arbitraġġ prevista fl-Artikolu 1(2)(b), tali sentenza tista’ tikkostitwixxi ‘sentenza’ rilevanti tal-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent għall-finijiet tal-Artikolu 34(3) tar-[regolament]?

3)

Fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax u jekk ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenza ta’ Stat Membru ieħor imorru kontra l-ordni pubbliku intern fuq il-bażi li din is-sentenza tikser il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata minħabba deċiżjoni ta’ arbitraġġ interna preċedenti jew sentenza preċedenti rreġistrata fit-termini tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija mill-qorti tal-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent, huwa permissibbli li wieħed jinvoka l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 bħala raġuni għar-rifjut ta’ rikonoxximent jew infurzar jew l-Artikolu 34(3) u (4) tar-regolament jipprevedi b’mod eżawrjenti r-raġunijiet li għalihom l-awtorità tar-res judicata u/jew in-natura irrikonċiljabbli tista’ tipprekludi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenza fis-sens tal-imsemmi regolament?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.

Il-Club, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ Spanja, ta’ Franza u tal-Polonja, ir-Renju Unit, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

28.

Waqt is-seduta tal‑31 ta’ Jannar 2022, il-Club, il-Gvern ta’ Spanja, ta’ Franza u tal-Polonja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali u wieġbu għall-mistoqsijiet li għamlitilhom il-Qorti tal-Ġustizzja.

29.

Fil‑31 ta’ Jannar 2020, ir-Renju Unit irtira mill-Unjoni. Skont l-Artikolu 86(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja żżomm il-ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar it-talbiet mill-qrati u tribunali tar-Renju Unit imressqa qabel it-tmiem tal-perijodu tranżitorju, iddefinit mill-Artikolu 126 tiegħu bħala l‑31 ta’ Diċembru 2020. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 89(1) ta’ dan il-ftehim, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm jekk tingħata qabel it-tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni jew f’data futura, għandha saħħa vinkolanti fit-totalità tagħha fir-Renju Unit u fuqu. Peress li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fit‑22 ta’ Diċembru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwarha u l-qorti tar-rinviju sejra tkun marbuta bis-sentenza li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

V. Evalwazzjoni legali

A.   Osservazzjonijiet preliminari

30.

Preliminarjament, ser nagħmel żewġ osservazzjonijiet.

31.

L-ewwel, waqt is-seduta ċerti partijiet fittxew li jikkontestaw problemi li l-qorti tar-rinviju diġà ddeterminat. Dawn jinkludu l-konstatazzjonijiet li l-pretensjonijiet tal-Istat Spanjol kontra l-Club taħt l-Artikolu 117 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol kellhom jiġu kklassifikati taħt id-dritt Ingliż bħala pretensjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-dispożizzjoni, iktar milli bħala drittijiet indipendenti bbażati fuq liġijiet Spanjoli; li dawn l-obbligi tad-dritt Ingliż jistgħu jiġu eżegwiti biss skont it-termini tagħhom, jiġifieri, permezz ta’ arbitraġġ u suġġetti għall-klawżola “pay to be paid”; u li l-pretensjonijiet setgħu jiġu ġġudikati permezz ta’ arbitraġġ.

32.

Fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali ( 13 ). Ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew li tiġġudika jekk l-interpretazzjoni li l-qorti nazzjonali tagħtihom hijiex korretta ( 14 ). Minn dan isegwi li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu konjizzjoni tal-argumenti deskritti fil-punt immedjatament preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

33.

It-tieni, il-Gvern Franċiż jsostni li s-sentenza Spanjola u s-sentenza tal-Artikolu 66 ma humiex irrikonċiljabbli. Il-fatt li qorti nazzjonali għandha l-ġurisdizzjoni ma jipprekludix neċessarjament, f’termini assoluti u b’mod partikolari fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni, lil qorti nazzjonali oħra, jew tribunal ta’ arbitraġġ, milli jiddikjaraw li għandhom ġurisdizzjoni u viċe versa. Huwa josserva li l-Club ma kkunsidrax li huwa neċessarju li jipparteċipa fil-proċeduri Spanjoli u li, skont id-dritt Spanjol jew id-dritt internazzjonali, qorti ma hijiex marbuta li tqajjem ex officio eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-eżistenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ. Kien għalhekk manifestament fid-dawl tal-fatt li l-ġurisdizzjoni tagħha ma kinitx ġiet ikkontestata minħabba l-eżistenza ta’ tali klawżola li l-qorti Spanjola aċċettat li għadha ġurisdizzjoni fuq it-tilwima. Il-fatt li s-sentenza tal-Artikolu 66 tikkonstata li t-tribunal ta’ arbitraġġ adit mill-Club għandu l-ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni għalhekk ma jagħmilhiex irrikonċiljabbli mas-sentenza Spanjola.

34.

Il-Gvern Franċiż isostni wkoll li l-fatt li t-tribunal ta’ arbitraġġ iddeċieda li l-klawżola “pay to be paid” kienet eżegwibbli kontra terzi li sofrew dannu kkawżat mill-assigurat fl-assenza ta’ ħlas minn qabel ma jipprekludix lil qorti nazzjonali milli ma tapplikax din il-klawżola, iktar u iktar meta – bħal f’dan il-każ – il-persuna kkonċernata la invokat u lanqas straħet fuq l-assenza ta’ xi ħlas minn qabel quddiem din il-qorti. Parti ma tistax issostni li sentenza hija irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor minħabba n-nuqqas ta’ din il-parti li tidher quddiem il-qorti li tat it-tieni sentenza, li r-rikonoxximent tagħha ntalab fl-Istat Membru li fih ingħatat l-ewwel sentenza.

35.

L-argumenti tal-Gvern Franċiż huma żbaljati għaż-żewġ raġunijiet segwenti.

36.

L-ewwel, kif osserva r-Renju Unit waqt is-seduta u kif jindika l-Gvern Franċiż stess fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-domandi preliminari huma bbażati fuq il-premessa li s-sentenza Spanjola u s-sentenza tal-Artikolu 66 huma irrikonċiljabbli. Barra minn hekk, kif osserva wkoll ir-Renju Unit waqt is-seduta, mis-sentenza tal-qorti tar-rinviju tat‑18 ta’ Diċembru 2020, li fiha hija ddeċidiet fuq id-domandi preliminari, jirriżulta li hija rrifjutat l-istedina espressa tal-Istat Spanjol sabiex jirrinvija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kwalunkwe kwistjoni ta’ irrikonċiljabbiltà. Minn dak li ntqal jirriżulta li hija l-qorti tar-rinviju biss li tista’ tiddetermina u tifformula d-domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali ( 15 ). Għalkemm il-qorti tar-rinviju hija libera li tistieden lill-partijiet quddiemha sabiex jissuġġerixxu l-formulazzjoni li tista’ tiġi adottata għad-domandi preliminari, hija l-qorti weħidha li tiddeċiedi fl-aħħar mill-aħħar kemm il-forma kif ukoll il-kontenut tagħhom ( 16 ). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, jekk il-qorti tar-rinviju tkun tindika espressament fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li hija ma qisitx neċessarju li tagħmel domanda jew jekk hija impliċitament tirrifjuta li tressaq quddiem l-Qorti tal-Ġustizzja domanda mqajma minn waħda mill-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti risposta għal din id-domanda u lanqas teħodha inkunsiderazzjoni fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ( 17 ). Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, l-argumenti tal-Gvern Franċiż dwar il-kwistjoni ta’ irrikonċiljabbiltà huma manifestament inammissibbli.

37.

It-tieni, dawn l-argumenti huma, fi kwalunkwe każ, ineffettivi. Fis-sentenza tagħha Hoffmann, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-irrikonċiljabbiltà ta’ żewġ sentenzi għandha tiġi vverifikata billi jiġi eżaminat jekk dawn jinvolvux konsegwenzi ġuridiċi reċiprokament esklużivi ( 18 ). L-irrikonċiljabbiltà, b’hekk, tiġi ddeterminata b’riferiment għall-effetti li jipproduċu dawn is-sentenzi; hija la tirrigwarda r-raġunament legali li fuqu huma bbażati u lanqas il-passi proċedurali li wasslu għall-adozzjoni tagħhom ( 19 ). L-irrikonċiljabbiltà ta’ sentenzi lanqas ma tiddependi fuq l-aġir tal-partijiet, kif jissuġġerixxi l-Gvern Franċiż. F’dan il-każ, is-sentenzi inkwistjoni għandhom konsegwenzi ġuridiċi dijametrikament opposti, almenu sa fejn huwa kkonċernat il-Club: waqt li s-sentenza Spanjola ddeċidiet li l-Club huwa responsabbli, is-sentenza tal-Artikolu 66 iddikjarat li l-Club ma kienx responsabbli minħabba l-klawżola “pay to be paid”.

B.   Fuq l-ewwel żewġ domandi preliminari

38.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 66(2) tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996 tistax tikkostitwixxi “sentenza” rilevanti ta’ Stat Membru li fih qiegħed jintalab ir-rikonoxximent fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001. Permezz tat-tieni domanda tagħha, hija tistaqsi jekk il-fatt li tali sentenza taqa’ ’barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 44/2001 skont l-Artikolu 1(2)(d) tiegħu jipprekludihiex milli tikkostitwixxi tali “sentenza” rilevanti għall-għanijiet tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tiegħu.

39.

Peress li dawn iż-żewġ domandi huma marbuta mill-qrib, nipproponi li dawn jiġu eżaminati flimkien.

40.

Preliminarjament, niċħad is-suġġeriment tar-Renju Unit li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tirrispondi għall-ewwel żewġ domandi sa fejn dawn “jikkonċernaw essenzjalment kunflitt dwar jekk it-tilwima hijiex riżolta b’mod eżawrjenti permezz ta’ arbitraġġ jew le” u li, konsegwentement, il-mertu tagħhom jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni stabbilit bl-Artikolu 1(2)(d). L-ewwel, iż-żewġ domandi jfittxu l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(d), l-Artikolu 32 u l-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001. Sakemm ma tkunx ingħatat din l-interpretazzjoni, ma huwiex possibbli li jingħad jekk it-tilwima sottostanti bejn il-partijiet ġietx riżolta b’mod eżawrjenti permezz ta’ arbitraġġ. L-oġġezzjoni tar-Renju Unit fil-kuntest ta’ din l-intestatura hija għalhekk każ fejn il-karrettun jitqiegħed qabel iż-żiemel. It-tieni, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Owens Bank ( 20 ), mit-tliet domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel tnejn kienu dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għal proċeduri fl-Istati Kontraenti dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija fi Stati mhux Kontraenti, filwaqt li t-tielet domanda kienet intiża sabiex taċċerta l-prinċipji tad-dritt Komunitarju applikabbli għal lis alibi pendens. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għall-ewwel żewġ domandi fin-negattiv, u fid-dawl ta’ din ir-risposta hija kkunsidrat li t-tielet domanda ma kinitx teħtieġ risposta. Isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssottometta r-Renju Unit, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rrifjutatx li tirrispondi għad-domandi magħmula lilha fil-kawża Owens Bank minħabba li dawn kienu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

41.

Ir-raġunijiet għall-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 – u l-portata tagħha – huma inklużi fix-xogħol preparatorju tal-verżjoni preċedenti tal-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 44/2001 li tinsab fil-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 21 ), jiġifieri l-Artikolu 1(2)(4), fl-hekk imsejjaħ “Rapport Heidelberg” ( 22 ), f’ċerti konklużjonijiet mogħtija mill-Avukati Ġenerali, u f’diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

42.

Mir-Rapport Jenard ( 23 ) u mir-Rapporti Evrigenis u Kerameus ( 24 ) jidher li l-arbitraġġ ġie eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell minħabba l-eżistenza ta’ ħafna ftehimiet internazzjonali multilaterali dwar l-arbitraġġ. Ir-Rapport Schlosser ( 25 ) jagħmel riferiment b’mod partikolari għall-Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958, li għaliha kienu partijiet l-Istati Membri kollha dak iż-żmien, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u tal-Lussemburgu. B’mod simili, ir-Rapport Heidelberg ( 26 ) jinnota li, storikament, l-esklużjoni hija spjegata mir-relazzjoni bejn is-“sistema ta’ Brussell” u l-Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958. Dan ir-rapport jiddikjara li, “[m]eta l-Konvenzjoni [ta’ Brussell] ġiet innegozjata fis-snin 1960, kien hemm qbil wiesa’ li r-rikonoxximent tal-ftehimiet arbitrali u tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ kien jaħdem b’mod effettiv taħt il-Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958 u li, għaldaqstant, l-arbitraġġ ma għandux jiġi indirizzat mill-istrument Ewropew” u li, “[b]arra minn hekk, il-[Kunsill Ewropew] kien qiegħed jiżviluppa strument parallel dwar l-arbitraġġ f’dak iż-żmien li finalment ma kellux suċċess” ( 27 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-fatt li l-Konvenzjoni ta’ Brussell inkludiet l-eċċezzjoni ta’ arbitraġġ sabiex tikkonforma ruħha ma’ ftehimiet internazzjonali eżistenti diġà f’dan il-qasam, b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958, ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Rich ( 28 ), mill-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu li ppreżenta fil-kawża Van Uden ( 29 ) u mill-Avukata Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha li ppreżentat fil-kawża Allianz u Generali Assicurazioni Generali ( 30 ).

43.

Il-Konvenzjoni ta’ Brussell u s-suċċessur tagħha, ir-Regolament Nru 44/2001, għalhekk kellhom l-intenzjoni li ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958 fl-Istati Membri ( 31 ). B’mod partikolari, l-ebda wieħed minn dawn l-istrumenti ma jindirizza proċeduri għar-rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, li huma rregolati mid-dritt nazzjonali u internazzjonali applikabbli fl-Istat Membru fejn jintalbu dan ir-rikonoxximent u din l-eżekuzzjoni.

44.

Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, il-Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958 ma hijiex inkwistjoni fil-proċeduri li minnhom tressaq dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, minħabba li dawn il-proċeduri ma jinvolvux, kif jeħtieġ l-Artikolu I(1) ta’ din il-konvenzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ fi Stat li ma huwiex dak li fih ingħatat din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Barra minn hekk, is-sentenza Spanjola taqa’ b’mod ċar fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 li d-dispożizzjonijiet tiegħu jirregolaw b’hekk ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor.

45.

Filwaqt li t-test tal-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 44/2001 (u tal-predeċessur tiegħu, l-Artikolu 1(2)(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell) ma jagħti ebda indikazzjoni ċara dwar kemm l-arbitraġġ huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, huwa stabbilit sew li din l-esklużjoni hija “komprensiva” ( 32 ) u li għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’.

46.

Għalhekk huwa ċar mir-Rapport Jenard ( 33 ) li l-esklużjoni tal-arbitraġġ ma hijiex limitata għall-proċeduri quddiem arbitru, iżda tinkludi proċeduri ġudizzjarji relatati mal-arbitraġġ. Ir-Rapport Schlosser jiddikjara li l-Konvenzjoni ta’ Brussell la tkopri l-proċeduri ġudizzjarji anċillari għall-proċedura ta’ arbitraġġ ( 34 ) u lanqas is-sentenzi li jiddeċiedu dwar il-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ u, jekk ikun il-każ, li jordnaw lill-partijiet sabiex ma jkomplux proċeduri ta’ arbitraġġ ( 35 ). Dan ir-rapport jindika wkoll li l-Konvenzjoni ta’ Brussell ma tapplikax għal proċeduri u deċiżjonijiet li jikkonċernaw rikorsi għar-revoka, emenda, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, jew “deċiżjonijiet tal-qorti li jinkorporaw deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ – metodu komuni ta’ rikonoxximent fid-dritt tar-Renju Unit” ( 36 ). B’mod simili, ir-Rapport Evrigenis u Kerameus ( 37 ) jiddikjara li l-Konvenzjoni ta’ Brussell ma tkoprix proċeduri li jikkonċernaw direttament l-arbitraġġ bħala l-kwistjoni prinċipali, pereżempju kawżi fejn il-qorti tkun strumentali fl-istabbiliment tal-korp ta’ arbitraġġ, l-annullament ġudizzjarju jew ir-rikonoxximent tal-validità jew in-natura difettiva ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

47.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, fil-kawża Rich, li kienet tikkonċerna l-ħatra ta’ arbitru minn qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Partijiet Kontraenti riedu jeskludu l-arbitraġġ fl-intier tiegħu, inklużi l-proċeduri mibdija quddiem il-qrati nazzjonali” ( 38 ). Hija ddeċidiet ukoll li, sabiex jiġi ddeterminat jekk tilwima taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, għandu jsir riferiment esklużiv għas-suġġett ta’ din it-tilwima. Għaldaqstant, jekk, permezz tas-suġġett tagħha, kawża taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-eżistenza ta’ kwistjoni preliminari li l-qorti għandha tiddeċiedi sabiex tiddeċiedi din it-tilwima ma tistax, tkun xi tkun din il-kwistjoni, tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni ( 39 ). Fis-sentenza Van Uden, li kienet tikkonċerna rikors għal miżuri provviżorji relatat mal-ħlas ta’ djun li jirriżultaw minn kuntratt li jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri provviżorji ma humiex, bħala prinċipju, anċillari għal proċeduri ta’ arbitraġġ, iżda huma ordnati b’mod parallel magħhom bħala miżuri ta’ sostenn, li huma ma jikkonċernawx l-arbitraġġ bħala tali iżda l-protezzjoni ta’ varjetà kbira ta’ drittijiet, u li l-post tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għandu għalhekk jiġi ddeterminat mhux min-natura tagħhom stess, iżda min-natura tad-drittijiet li huma jfittxu li jipproteġu. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ikkonkludiet li, meta s-suġġett ta’ rikors għal miżuri provviżorji jirrigwarda kwistjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, din għandha tapplika ( 40 ). Finalment, fil-kawża Gazprom ( 41 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi jekk ir-Regolament Nru 44/2001 jipprekludix lil qorti ta’ Stat Membru milli tirrikonoxxi u teżegwixxi, jew milli tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi, deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija minn tribunal ta’ arbitraġġ ta’ Stat Membru ieħor li tipprojbixxi lil parti fi proċedura ta’ arbitraġġ milli tressaq ċerti talbiet quddiem qorti tal-ewwel Stat Membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fin-negattiv għal din id-domanda, billi enfasizzat li r-Regolament Nru 44/2001 ma jirregolax ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, fi Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija minn tribunal arbitrali fi Stat Membru ieħor.

48.

Fil-fehma tiegħi, minn dak li ntqal qabel jirriżulta ċar li sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, bħal sentenza skont l-Artikolu 66(2) tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996, taqa’ taħt l-esklużjoni tal-arbitraġġ prevista fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 44/2001. Barra minn hekk jidher li l-qorti tar-rinviju u l-partijiet kollha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jaqblu ma’ din l-interpretazzjoni.

49.

Kif isostnu ġustament il-Club, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, l-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 44/2001 għandha l-effett, b’mod partikolari, li tagħmilha impossibbli li jintuża dan ir-regolament għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ fi Stat Membru ieħor billi l-ewwel tiġi mibdula f’sentenza mbagħad issir talba lill-qrati tal-Istat Membru l-ieħor għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza skont il-Kapitolu III tiegħu ( 42 ).

50.

Dan, madankollu, ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Dan ma huwiex tentattiv ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza Ingliża skont l-Artikolu 66 tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996 fi Stat Membru ieħor. Din il-kawża tikkonċerna l-effett ta’ tali sentenza f’ċirkustanzi ta’ inkompatibbiltà ma’ sentenza ta’ Stat Membru ieħor li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha huma mitluba fl-Ingilterra u Wales.

51.

Għalhekk imbagħad tqum il-kwistjoni dwar jekk dan ix-xenarju jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak previst mill-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001.

52.

Bħall-Club, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, nikkunsidra li, għat-tliet raġunijiet segwenti, sentenza mogħtija skont l-Artikolu 66 tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996 tikklassifika b’mod ċar bħala “sentenza” fl-Istat mitlub għall-għanijiet tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001.

53.

L-ewwel, l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sentenza” f’termini wisgħin ħafna ( 43 ). Din id-definizzjoni tapplika għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-regolament fejn jinsab dan il-kunċett ( 44 ), inkluż il-punt 3 tal-Artikolu 34 tiegħu.

54.

It-tieni, fil-punt 17 tas-sentenza tagħha Solo Kleinmotoren, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “sentenza” għall-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, id-“deċiżjoni għandha toriġina minn korp ġudizzjarju ta’ Stat Kontraenti li jiddeċiedi fuq l-awtorità tiegħu stess fuq il-kwistjonijiet bejn il-partijiet” ( 45 ).

55.

Sentenza mogħtija skont l-Artikolu 66(2) tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996 tissodisfa kompletament dawn il-kundizzjonijiet. Mid-deskrizzjoni mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju tal-proċess li permezz tiegħu l-qrati Ingliżi jagħtu sentenza sabiex tagħti effett għal deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 66 tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996 jirriżulta li dan ma jikkonsistix fl-approvazzjoni awtomatika tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u lanqas ma jammonta għal eżerċizzju ta’ rubber-stamping. Il-qorti tisma’ l-argumenti tal-partijiet u tagħmel determinazzjoni ġudizzjarja fuq serje ta’ kwistjonijiet fuq il-mertu, bħall-ġurisdizzjoni tal-arbitru, jekk huwiex fl-interessi tal-ġustizzja li tingħata s-sentenza (kunsiderazzjonijiet ta’ prattikabbiltà u utilità fl-għoti tad-digriet), kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku u l-interessi ta’ terzi. Sabiex tiddeċiedi dwar dawn il-kwistjonijiet, il-qorti tista’ tordna l-istruttorja u s-smigħ ta’ diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi ( 46 ). Isegwi li, kif tindika d-deċiżjoni tar-rinviju, qorti adita b’rikors tal-Artikolu 66 tista’ tiddetermina kwistjonijiet ta’ mertu importanti bejn il-partijiet, anki jekk dawn ma humiex relatati mad-domandi jew kwistjonijiet iddeterminati mit-tribunal tal-arbitraġġ u koperti mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

56.

Jidher ukoll li, kif jindikaw ġustament ir-Renju Unit u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-awtorità li tiddeċiedi tagħtix sentenza li tinkorpora deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma toriġinax mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew mill-ftehim tal-partijiet li jissottomettu t-tilwima għall-arbitraġġ, iżda mill-ġurisdizzjoni mogħtija lill-qorti Ingliża għal dan l-għan, li tinkludi s-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet fuq il-mertu bejn il-partijiet. Kuntrarjament għal dak sostnut mill-Gvernijiet tal-Ġermanja u ta’ Franza, il-qorti Ingliża ma hijiex fl-istess sitwazzjoni bħal qorti li tirratifika ftehim konkluż bejn il-partijiet, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslet għas-sentenza Solo Kleinmotoren, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[t]tranżazzjonijiet ġudizzjarji huma essenzjalment kuntrattwali fis-sens li l-kontenut tagħhom jiddependu qabel kollox mir-rieda tal-partijiet” ( 47 ). Bħalma ssostni ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma hijiex il-manifestazzjoni ta’ ftehim bejn il-partijiet dwar il-kwistjonijiet li hija tkopri iżda l-ġudizzju ta’ tilwima dwar dawn il-kwistjonijiet.

57.

It-tielet, naqbel mas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Club u tar-Renju Unit meta jsostnu li l-fatt li sentenza adottata skont l-Artikolu 66 tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996 ma tittrattax kull kwistjoni quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ ma jipprekludix li din tkun “sentenza” fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 48 ). B’mod partikolari, ma hemm ebda rekwiżit li qorti għandha tevalwa l-elementi kollha dwar il-mertu ta’ tilwima sabiex tagħti sentenza li tissodisfa l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni. Pereżempju, fis-sentenza tagħha Gambazzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex deċiżjonijiet jikkwalifikaw bħala “sentenzi”, huwa biżżejjed li dawn ikunu “deċiżjonijiet ġudizzjarji li […] kienu, jew setgħu jkunu s-suġġett, [fl]-Istat ta’ oriġini, skont proċeduri diversi, ta’ istruttorja kontradittorja” ( 49 ). F’din il-kawża, sentenza fil-kontumaċja mogħtija minn qorti Ingliża meta l-konvenut kien ġie eskluż mill-proċeduri minħabba n-nuqqas tiegħu ta’ osservanza ta’ digriet tal-qorti ġiet ikkunsidrata bħala “sentenza”, minkejja li l-qorti ma kinitx eżaminat il-mertu tat-talbiet tar-rikorrent iżda llimitat l-eżami tagħha għall-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżiti sabiex tingħata sentenza fil-kontumaċja kinux issodisfatti.

58.

Huwa minnu li l-punt 17 tal-verżjoni bil-lingwa Ingliża tas-sentenza Solo Kleinmotoren ( 50 ), jagħmel riferiment għal “‘the issues between the parties (il-kwistjonijiet bejn il-partijiet)’”. Madankollu, mill-punt 21 tal-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta’ din is-sentenza, li jagħmel riferiment għal “a matter at issue between the parties (punt ta’ tilwim bejn il-partijiet)” bejn il-partijiet, u mill-verżjoni tal-punt 17 fil-lingwa tal-proċedura, jiġifieri l-Ġermaniż, li l-użu tal-artikolu ddefinit fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża ma kienx intiż li jkollu xi piż ( 51 ).

59.

Naqbel ukoll mal-fehma tal-Club, tal-Gvern Ġermaniż ( 52 ), tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni li l-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 japplika għal kwalunkwe sentenza irrikonċiljabbli mogħtija f’tilwima bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk is-suġġett tagħha jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 44/2001. Fi kliem ieħor, l-esklużjoni tal-arbitraġġ fl-Artikolu 1(2)(d) tiegħu ma tapplikax b’mod li teskludi lil tali sentenzi milli jaqgħu fl-ambitu tal-punt 3 tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

60.

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 44/2001 ma huwiex determinanti dwar jekk sentenza skont il-punt 3 tal-Artikolu 34 tiegħu taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament għas-sempliċi raġuni li dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati għal skopijiet differenti u jsegwu għanijiet differenti.

61.

Fir-rigward tal-iskop u tal-għanijiet tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 44/2001, ladarba “sentenza”, kif iddefinita fl-Artikolu 32 tiegħu, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament hija tista’ tibbenefika minn rikonoxximent reċiproku u tista’ għalhekk “tiċċirkola”. Sabiex nadotta d-deskrizzjoni li jinvoka l-Club: “L-Art[ikolu] 1 jindirizza l-applikazzjoni tar-regolament għall-proċeduri, li, fil-każ ta’ rikors għal eżekuzzjoni fis-sens tal-Kapitolu III hija ddeterminata mis-suġġett tas-sentenza li għandha tiġi eżegwita (f’din il-kawża, is-sentenza Spanjola)”, u “[j]ekk jiġi deċiż li r-regolament japplika b’riferiment għal dawn il-proċeduri, l-Art[ikolu] 1 ma jkollu ebda rwol ieħor x’jaqdi”.

62.

Kif jindikaw il-Club, il-Gvern Ġermaniż, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, il-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu skop differenti u għandu għanijiet differenti, jiġifieri li jipproteġi l-integrità tal-ordinament ġuridiku intern ta’ Stat Membru u li jiżgura li l-Istat tad-dritt tiegħu ma jiġix iddisturbat billi jiġi meħtieġ jirrikonoxxi sentenza barranija inkompatibbli ma’ deċiżjoni tal-qrati tiegħu stess. Ir-Rapport Jenard identifika dan il-prinċipju fundamentali fil-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 53 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ressqet dan il-prinċipju insostenn tar-raġunament tagħha fis-sentenza Solo Kleinmotoren ( 54 ). L-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għalhekk għandha tieħu inkonsiderazzjoni r-rekwiżit li l-Istat tad-dritt fl-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent ma għandux jiġi ddisturbat ( 55 ).

63.

Peress li l-esklużjoni ta’ ċerti materji mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 44/2001 ħolqot ir-riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli, kellhom jiġu adottati regoli li jirregolaw dawn iċ-ċirkustanzi. Dan ir-riskju fil-qasam tal-arbitraġġ huwa rrikonoxxut espressament fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon li pppreżenta fil-kawża Rich u dawk tal-Avukata Ġenerali Kokott li ppreżentat fil-kawża Allianz u Generali Assicurazioni Generali ( 56 ). Skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, diversi materji importanti jitqiesu li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, inkluż l-istatus jew il-kapaċità ġuridika tal-persuni fiżiċi, testmenti u suċċessjoni, fallimenti, insolvenza u sigurtà soċjali. Għaldaqstant naqbel mal-Club, il-Gvern Ġermaniż, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħhom fis-sens li l-Istat tad-dritt u l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri jiġu serjament iddisturbati jekk il-qrati tagħhom ikunu obbligati jinjoraw is-sentenzi dwar dawn il-kwistjonijiet kollha, mogħtija fil-ġurisdizzjoni tagħhom minn qrati oħra ta’ dan l-istess Stat Membru, u li jista’ jkun akkwistaw is-saħħa ta’ res judicata, favur sentenza – potenzjalment sussegwenti – li toriġina minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li tiġġudika fuq l-istess kwistjoni. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet ċari kuntrarji, huwa raġonevoli li jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jadotta dispożizzjonijiet li jkollhom impatt tant disturbanti fuq l-Istat tad-dritt fl-Istati Membri.

64.

Is-sentenza Hoffmann ( 57 ) tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha ċara wkoll li sentenza mogħtija minn qorti tal-Istat li fih jintalab ir-rikonoxximent ta’ sentenza barranija għandha debitament tittieħed inkunsiderazzjoni, minkejja l-fatt li s-suġġett ta’ din l-ewwel sentenza jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-kawża Hoffmann, sentenza Ġermaniża kkundannat lil raġel iħallas pagamenti ta’ manteniment lil martu, li kien isseparat minnha fil-Ġermanja. Sussegwentement huwa kien kiseb digriet ta’ divorzju mingħand qorti Olandiża, li ma kienx irrikonoxxut fil-Ġermanja. Fiż-żmien inkwistjoni, il-Konvenzjoni ta’ Brussell kienet teskludi l-istatus ta’ persuni fiżiċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha iżda kienet tinkludi l-manteniment konjugali. Fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Ġermaniża fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija jekk l-eżekuzzjoni kellhiex tiġi rrifjutata skont l-Artikolu 27(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 58 ) minħabba li kienet irrikonċiljabbli mad-digriet tad-divorzju Olandiża. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti Olandiża kellha tirrifjuta li teżegwixxi d-digriet Ġermaniż. Hija osservat, inter alia, li “s-sentenzi inkwistjoni għandhom konsegwenzi ġuridiċi li huma reċiprokamenet esklużivi” u li “s-sentenza barranija, li neċessarjament tippreżupponi l-eżistenza tar-relazzjoni matrimonjali, ikollha tiġi eżegwita minkejja li din ir-relazzjoni tkun ġiet xolta permezz ta’ sentenza mogħtija f’tilwima bejn l-istess partijiet fl-Istat fejn qiegħda tintalab l-eżekuzzjoni” ( 59 ).

65.

Naqbel mal-Kummissjoni li l-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Hoffmann ( 60 ) tissodisfa r-rekwiżiti tas-sistema ta’ ġurisdizzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001 billi ġiet iffaċilitata l-validità tas-sentenzi fil-ġurisdizzjonijiet fejn jingħataw. Is-sentenza Ġermaniża u d-digriet ta’ divorzju Olandiż ma setgħux jeżistu fl-istess ordinament ġuridiku. Kieku l-Konvenzjoni ta’ Brussell ippermettiet tali sitwazzjoni kienet timmina l-Istat tad-dritt fil-Pajjiżi l-Baxxi ( 61 ). Peress li, għall-għanijiet ta’ din l-analiżi, ma hemm l-ebda raġuni li ssir distinzjoni bejn l-eċċezzjonijiet differenti inklużi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 44/2001, huwa barra minn hekk irrilevanti li s-sentenza Hoffmann ma tikkonċernax l-Artikolu 1(2)(d).

66.

Finalment, inqis li ninsab konvint ukoll mill-argument imressaq mill-Club, mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni, li interpretazzjoni tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 44/2001, fis-sens li d-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali li jagħtu effett lil deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, bħas-sentenza inkwistjoni mogħtija skont l-Artikolu 66(2) tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal 1996, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, toħloq mill-inqas żewġ anomaliji.

67.

L-ewwel, skont l-Artikolu 34(4) tar-Regolament Nru 44/2001, sentenza preċedenti mogħtija fi Stat terz, li bħala definizzjoni taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, tista’ tipprekludi r-rikonoxximent ta’ sentenza sussegwenti li tkun inkonsistenti magħha mogħtija fi Stat Membru differenti minn dak li fih jintalab ir-rikonoxximent. Min-naħa l-oħra, sentenza inkonsistenti mogħtija fl-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent, li s-suġġett tagħha jitqies li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, ma jkollhiex dan l-effett. Pereżempju, sentenza mogħtija minn qorti fil-Bolivja, Stat terz, tista’ tipprekludi li sentenza mogħtija minn qorti fl-Irlanda, Stat Membru, tiġi rrikonoxxuta fi Franza, Stat Membru ieħor, filwaqt li sentenza mogħtija minn qorti ta’ Franza ma tkunx tista’ tiġi invokata sabiex is-sentenza Irlandiża tiġi prekluża milli tkun irrikonoxxuta fi Franza.

68.

It-tieni, deċiżjoni ta’ arbitraġġ ta’ pajjiż barrani tkun tinsab f’pożizzjoni superjuri fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent meta mqabbla ma’ sentenza ta’ arbitraġġ nazzjonali li ġiet eżegwita mill-qrati ta’ dan l-Istat Membru. Meta Stat Membru kien irrikonoxxa deċiżjoni ta’ arbitraġġ barrani skont il-Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958, huwa ma jistax sussegwentement jinvoka r-Regolament Nru 44/2001 sabiex jeżegwixxi sentenza ta’ Stat Membru li tikkontradixxi din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ barrani. Deċiżjoni ta’ arbitraġġ nazzjonali eżegwita permezz ta’ sentenza fl-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent tkun f’sitwazzjoni agħar peress li la tibbenefika mill-istatus ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont il-Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958 ( 62 ), u lanqas ma tkun intitolata għall-protezzjoni taħt l-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 44/2001. F’dan il-każ, kieku s-sentenza tal-Artikolu 66 ma tipprekludix l-eżekuzzjoni tas-sentenza Spanjola fl-Ingilterra, id-Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ titlef l-effetti ġuridiċi fil-ġurisdizzjoni tas-sede tal-arbitraġġ iżda tista’ madankollu tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor bi preferenza għas-sentenza Spanjola. Nieħdu l-eżempju li l-Kummissjoni tat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Kieku l-qrati Franċiżi jikkunsidraw li l-Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958 tobbligahom jirrikonoxxu d-Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ, ir-Regolament Nru 44/2001 ma jipprekludix l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ fi Franza, u l-qrati Franċiżi ma jkunu taħt l-ebda obbligu li jirrikonoxxu s-sentenza Spanjola sa fejn din tkun irrikonċiljabbli mad-Deċiżjoni tal-Arbitraġġ.

69.

Bħala konklużjoni, naqbel mal-Club, mar-Renju Unit u mal-Kummissjoni li sentenza mogħtija taħt l-Artikolu 66(2) tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996 tista’ tikkostitwixxi “sentenza mogħtija […] fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent” fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din taqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

70.

Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għall-ewwel u t-tieni domanda billi tiddeċiedi li sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 66(2) tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996 tista’ tikkostitwixxi “sentenza” rilevanti tal-Istat Membru li fih huwa mfittex ir-rikonoxximent għall-għanijiet tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, minkejja li tali sentenza taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament minħabba l-Artikolu 1(2)(d) tiegħu.

C.   Fuq it-tielet domanda

71.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax, hija setgħet tinvoka il-punt 1 tal-Artikolu 34 tiegħu sabiex tirrifjuta li tirrikonoxxi jew teżegwixxi sentenza ta’ Stat Membru ieħor minħabba l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ nazzjonali preċedenti jew ta’ sentenza li tinkorpora t-termini ta’ din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija minn qorti tal-istess Stat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’tali ċirkustanzi, hija tistax tirrikorri għall-punt 1 tal-Artikolu 34 jew jekk il-punti 3 u 4 tal-Artikolu 34 jeżawrixxux ir-raġunijiet li għalihom ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jistgħu jiġu rrifjutati minħabba res judicata u/jew irrikonċiljabbiltà.

72.

Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għall-ewwel żewġ domandi, li tiddisponi mill-kwistjonijiet imqajma fil-kawża prinċipali u li tippermetti lill-qorti tar-rinviju ssolvi l-kunflitt bejn is-sentenza tal-Artikolu 66 u s-sentenza Spanjola, nissuġġerixxi li ma hemmx bżonn li tingħata risposta għat-tielet domanda. Madankollu, fl-interess tal-kompletezza u fid-dawl tal-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tadotta fehma differenti fir-rigward tar-risposta proposta għall-ewwel żewġ domandi, ser nindirizza t-tielet domanda fil-qosor.

73.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod strett inkwantu jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant din tista’ tiġi invokata biss f’każijiet eċċezzjonali ( 63 ). Għalkemm, skont ir-riżerva li tinsab il-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, l-Istati Membri huma, bħala prinċipju, ħielsa li jiddeterminaw ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku, dan ir-regolament jiddefinixxi l-limiti ta’ dan il-kunċett ( 64 ). Għaldaqstant, filwaqt li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru, madankollu hija għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru jista’ jkollha rikors għal dan sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor ( 65 ).

74.

Jidher ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kunċett ta’ ordni pubbliku jista’ jkun ta’ bażi biss fil-każ fejn ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor ikunu jikkostitwixxu ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali kkunsidrata bħala essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent jew ta’ dritt irrikonoxxut bħala fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku ( 66 ). Fis-sentenza Hoffmann ( 67 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ ordni pubbliku, li ma huwiex disponibbli ħlief f’każijiet eċċezzjonali, huwa fi kwalunkwe każ prekluż li jkun ta’ bażi meta l-kwistjoni tikkonċerna l-kompatibbiltà ta’ sentenza barranija ma’ sentenza nazzjonali. Il-kwistjoni għandha għalhekk tiġi riżolta fuq il-bażi tal-Artikolu 27(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 68 ).

75.

Jista’ wkoll isir riferiment għar-Rapport Jenard ( 69 ), li osserva li “l-każ fejn sentenza barranija tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija minn qorti nazzjonali huwa, fil-konvenzjonijiet eżistenti, ittrattat bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku […] jew huwa rregolat minn dispożizzjoni speċjali. Dan ir-rapport jiddikjara wkoll li “biex dan il-każ jiġi kkunsidrat bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku jinvolvi l-perikolu li l-kunċett ta’ ordni pubbliku jiġi interpretat b’mod wiesa’ wisq”.

76.

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet li ppreżenta fil-kawża Salzgitter Mannesmann Handel, il-punti 2, 3 u 4 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 jikkostitwixxi lex specialis fil-konfront tal-punt 1 tal-Artikolu 34, li għandu natura ġenerika. Sa fejn l-eċċezzjonijiet l-oħra jindirizzaw il-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku rilevanti, din l-aħħar dispożizzjoni ma hijiex applikabbli ( 70 ).

77.

Jiena għaldaqstant naqbel mal-osservazzjoni tal-Gvern Franċiż li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirregola b’mod eżawrjenti l-kwistjoni ta’ res judicata u/jew tal-irrikonċiljabbiltà permezz tal-punti 3 u 4 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, u b’hekk jeskludi l-possibbiltà li jintuża l-kunċett ta’ ordni pubbliku f’dan il-kuntest. Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tadotta interpretazzjoni wiesgħa tal-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 li tillimita l-effettività tal-paragrafi 3 u 4 tiegħu jew li tiffaċilita xi evitar tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-paragrafi.

78.

Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax għaċ-ċirkustanzi ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, nissuġġerixxi li tiddeċiedi li l-qorti tar-rinviju ma tistax tinvoka l-punt 1 tal-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament sabiex tirrifjuta li tirrikonoxxi jew li teżegwixxi sentenza ta’ Stat Membru ieħor minħabba l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ nazzjonali preċedenti jew ta’ sentenza li tinkorpora t-termini ta’ din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija minn qorti tal-Istat Membru li jitlob ir-rikonoxximent u li l-punti 3 u 4 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 jeżawrixxi l-motivi li għalihom ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jistgħu jiġu rrifjutati minħabba res judicata u/jew irrikonċiljabbiltà.

VI. Konklużjoni

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali), ir-Renju Unit) kif ġej:

Sentenza li tinkorpora t-termini ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 66(2) tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996 tista’ tikkostitwixxi “sentenza” rilevanti tal-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent għall-għanijiet tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, minkejja li tali sentenza taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament minħabba l-Artikolu 1(2)(d) tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42. Ir-Regolament Nru 44/2001 ħassar u ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1978, L 304, p. 36; test ikkonsolidat fil-ĠU 1998, C 27, p. 1). Dan ir-regolament ġie hu stess imħassar u ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). L-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi li dan ir-regolament “għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi imfassla jew irreġistrati formalment u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi fid-data jew wara l‑10 ta’ Jannar 2015”. Peress li l-proċeduri li wasslu għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari kienu nbdew qabel din id-data, ir-Regolament Nru 44/2001 japplika ratione temporis. L-għan tar-Regolament Nru 44/2001 bħal dak tal-predeċessur tiegħu, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, huwa li jiddetermina liema qorti għandha ġurisdizzjoni f’tilwim rigward materji ċivili u kummerċjali fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u li jiffaċilita r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi.

( 3 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNTS), Vol. 330, p. 3.

( 4 ) Id-dikjarazzjoni segwenti tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu f’Gazprom (C‑536/13, EU:C:2014:2414) hija xierqa: “Ċertament, ir-[Regolament Nru 1215/2012] ma huwiex applikabbli ħlief mill‑10 ta’ Jannar 2015, imma […] jiena naħseb li l‑Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħdu inkunsiderazzjoni, għaliex il-fattur innovativ f’dan ir-regolament, li jerġa’ jinkludi l-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ma jinsabx fit-test tad-dispożittiv, iżda iktar fil-premessa 12 li, fir-realtà, xi ftit bl-istess mod bħal liġi interpretattiva retroattiva, tispjega kif din l-esklużjoni għandha jew kellha dejjem tiġi interpretata.”

( 5 ) https://www.legislation.gov.uk/ukpga/1996/23/contents

( 6 ) BOE Nru 281 tal‑24 ta’ Novembru 1995, p. 33987.

( 7 ) Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-assigurazzjoni P&I hija forma ta’ assigurazzjoni reċiproka ta’ danni pprovduta minn “clubs” P&I għall-benefiċċju tal-membri tagħhom li huma proprjetarji tal-bastimenti fir-rigward ta’ responsabbiltajiet sostnuti minn terzi li jirriżultaw mill-użu u l-operat tal-bastimenti tagħhom. Din tista’ tinkludi l-kopertura tat-tniġġis fir-rigward tar-responsabbiltajiet sostnuti minn terzi f’każ li jseħħ avveniment ta’ tniġġis. Il-Club kien ukoll l-assiguratur tal-proprjetarji għall-obbligi separati tagħhom ta’ assigurazzjoni obbligatorja skont il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt. B’riferiment għal din il-konvenzjoni, il-Club ħallas il-kumpens lill-partijiet li ġarrbu dannu fuq din il-bażi sal-limitu previst minnha.

( 8 ) Il-qorti tar-rinviju tindika li, bħala materja tad-dritt Ingliż, il-klawżoli “Pay to be paid (ħallas sabiex titħallas)” joħolqu kundizzjoni sospensiva għal kwalunkwe rkupru ta’ somom skont il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, kemm jekk mill-kontraenti jew minn terzi li jeżerċitaw id-drittijiet kuntrattwali ta’ ħaddieħor. Qabel ma dawn is-somom jistgħu jkunu rkuprati mingħand l-assiguraturi, il-persuna assigurata, f’dan il-każ il-proprjetarji, għandha tkun ħallset dan l-ammont dovut kollu ta’ kumpens minn qabel. Tali klawżoli huma eżegwibbli taħt id-dritt Ingliż skont it-termini tagħhom. Persuna li titlob il-benefiċċju ta’ din il-kopertura ta’ assigurazzjoni, bħall-vittma ta’ tixrid ta’ żejt, għandha, bħala materja tad-dritt Ingliż, tosserva l-kundizzjonijiet previsti minn dan il-kuntratt, inklużi kwalunkwe klawżoli ta’ arbitraġġ u ta’ għażla tal-liġi.

( 9 ) It-tribunal tal-arbitraġġ stieden lill-Istat Spanjol sabiex jipparteċipa fil-proċeduri u nnotifikah bid-dokumenti kollha fl-istadji kollha tal-proċedura.

( 10 ) Dan id-digriet u din is-sentenza huma msemmija iktar ’il quddiem bħala s-“sentenza tal-Artikolu 66”.

( 11 ) L-Istat Spanjol u l-Club kienu l-uniċi partijiet fir-rikors għad-digriet ta’ reġistrazzjoni.

( 12 ) ĠU 2020, L 29, p. 7. Skont l-Artikolu 86(3) ta’ dan il-ftehim, it-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari huma kkunsidrati li tressqu meta r-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jirreġistra d-dokument li jiftaħ din il-proċedura.

( 13 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 46).

( 14 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 32), u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt (C‑221/15, EU:C:2016:704, punt 15).

( 15 ) Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi (C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 31).

( 16 ) Sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Kelly (C‑104/10, EU:C:2011:506, punt 65).

( 17 ) Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Touring Tours und Travel u Sociedad de Transportes (C‑412/17 u C‑474/17, EU:C:2018:1005, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Sentenza tal‑4 ta’ Frar 1988 (145/86, EU:C:1988:61, punt 22). Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2002, Italian Leather (C‑80/00, EU:C:2002:342, punt 40).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2002, Italian Leather (C‑80/00, EU:C:2002:342, punt 44) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’Italian Leather (C‑80/00, EU:C:2002:107, punt 54).

( 20 ) Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 1994 (C‑129/92, EU:C:1994:13).

( 21 ) Kif tosserva l-Avukata Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha f’Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2008:466, punti 2829), għad-determinazzjoni ta’ “arbitraġġ”, jista’ jsir riferiment kemm għax-xogħol preparatorju tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 22 ) Hess, B., Pfeiffer, T., u Schlosser, P., Report on the Application of Regulation Brussels I in the Member States (Study JLS/C4/2005/03) (Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Brussell I fl-Istati Membri (Studju JLS/C4/2005/03)), Ruprecht-Karls-Universität Heidelberg, Settembru 2007, punti 106 u 107. Dan ir-rapport ġie ppreparat fuq talba tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex tiġi ffaċilitata r-riforma ta’ dan ir-regolament.

( 23 ) Jenard, P., Rapport rigward il-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, u l-eżekuzzjoni ta’ strumenti awtentiċi (ĠU 1979 C 59, p. 1, p. 13).

( 24 ) Evrigenis, D. I., u Kerameus, K. D., Rapport rigward l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika għall-Konvenzjoni tal-Komunità dwar ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1986, C 298, p. 1, punt 35).

( 25 ) P. Schlosser, Rapport dwar il-Konvenzjoni tad‑9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-Assoċjazzjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali u l-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 71, punt 61).

( 26 ) Rapport Heidelberg (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 106).

( 27 ) Ibid.

( 28 ) Sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1991 (C‑190/89, EU:C:1991:319, punti 1718).

( 29 ) Fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu (C‑391/95, EU:C:1997:288), l-Avukat Ġenerali Léger jiddikjara li “[l]-għan kien […] li l-Konvenzjoni ta’ Brussell ma titħallhiex tirdoppja dispożizzjonijiet internazzjonali preeżistenti jew futuri”.

( 30 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott (C‑185/07, EU:C:2008:466, punt 46).

( 31 ) Kif stabbilit fl-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958.

( 32 ) Rapport Heidelberg (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 106).

( 33 ) “Il-konvenzjoni ta’ Brussell ma tapplikax għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ arbitraġġ […] ma tapplikax għall-għan tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati u tribunali fir-rigward ta’ litigazzjoni relatata ma’ arbitraġġ – pereżempju proċeduri għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ; u, finalment, ma tapplikax għar-rikonoxximent ta’ sentenzi mogħtija f’tali proċeduri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Rapport Jenard (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, p. 13).

( 34 ) Bħalma huma “l-ħatra jew it-tkeċċija ta’ arbitri, l-istabbiliment tal-post tal-arbitraġġ, l-estensjoni tat-terminu għall-għoti tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ jew il-kisba ta’ deċiżjoni preliminari dwar kwistjonijiet fuq il-mertu, kif previst fid-dritt Ingliż fil-proċedura magħrufa bħala ‘statement of a special case (dikjarazzjoni ta’ każ partikolari’” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Rapport Schlosser, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 64).

( 35 ) Ibid.

( 36 ) Ibid., punt 65. B’mod simili, il-premessa 12 tar-Regolament Nru 1215/2021 tagħmilha ċara li d-dispożizzjonijiet tiegħu ma japplikaw għal ebda azzjoni jew sentenza dwar l-annullament, ir-reviżjoni, l-appell, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

( 37 ) Rapport Evrigenis u Kerameus (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 35). Jista’ jsir riferiment ukoll għar-Rapport Heidelberg (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), li jindika, fil-punt 106, li l-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 44/2001 jeskludi b’mod komprensiv mhux biss il-proċeduri ta’ arbitraġġ, iżda wkoll il-proċeduri fil-qrati tal-Istat relatati mal-arbitraġġ, kemm jekk ikunu ta’ superviżjoni, ta’ appoġġ jew jekk jikkostitwixxu eżekuzzjoni.

( 38 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991 (C‑190/89, EU:C:1991:319, punt 18). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddetermina jekk l-esklużjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ fil-Konvenzjoni ta’ Brussell testendix għal proċeduri pendenti quddiem qorti nazzjonali u, fl-affermattiv, jekk din l-esklużjoni tapplikax ukoll meta titqajjem kwistjoni preliminari f’dawn il-proċeduri dwar l-eżistenza jew il-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ. Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 1998, Van Uden (C‑391/95, EU:C:1998:543, punt 31) u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2008:466, punti 4547).

( 39 ) Ibid., punt 26. Ara wkoll ir-Rapport Jenard (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23), p. 10.

( 40 ) Sentenza tas‑17 ta’ Novembru 1998 (C‑391/95, EU:C:1998:543, punti 3334).

( 41 ) Sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015 (C‑536/13, EU:C:2015:316).

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, Hartley, T., “Arbitration and the Brussels I Regulation – Before and After Brexit”, Journal of Private International Law, 2021, Vol. 17, Nru 1, 72. Ara wkoll l-iżviluppi fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Ara d-definizzjoni ċċitata fil-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punti 1520). L-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li din is-sentenza interpretat, għandu l-istess kontenut tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001.

( 45 ) Ibid., punt 17.

( 46 ) Hawn jikkonsistu fi smigħ ta’ sebat ijiem li matulu provi fattwali flimkien ma’ provi ta’ esperti tal-liġi Spanjola nstemgħu. Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994 (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 18).

( 48 ) Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk sentenza adottata skont l-Artikolu 66 tal-Att dwar l-Arbitraġġ tal‑1996 tikkwalifikax bħala “sentenza” meta l-qorti nazzjonali ddeterminat ċerti kwistjonijiet dwar il-mertu kontenzjużi bejn il-partijiet, iżda mhux kollha, liema kwistjonijiet kienu nstemgħu mit-tribunal ta’ arbitraġġ.

( 49 ) Sentenza tat‑2 ta’ April 2009 (C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 23). F’dan il-każ l-Istat Spanjol aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qorti Ingliża u l-proċeduri li wasslu għas-sentenza tal-Artikolu 66 kienu ta’ natura kontradittorja.

( 50 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994 (C‑414/92, EU:C:1994:221).

( 51 ) Il-verżjoni Ġermaniża tal-punt 17 taqra kif ġej: “über […] Streitpunkte”. Ara wkoll il-verżjoni Franċiża (“sur des points litigieux”) u dik Taljana (“su questioni controverse”) ta’ dan il-punt.

( 52 ) Il-Gvern Ġermaniż huwa finalment tal-fehma li sentenzi tal-qrati tal-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent li huma marbuta ma’ proċeduri ta’ arbitraġġ nazzjonali jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001.

( 53 ) Ir-Rapport Jenard (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23), p. 45: “L-Istat tad-dritt fi Stat jiġi ddisturbat jekk ikun possibbli li jittieħed vantaġġ minn żewġ sentenzi kontradittorji” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 54 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994 (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 21).

( 55 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Italian Leather (C‑80/00, EU:C:2002:107, punt 53).

( 56 ) Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon (C‑190/89, EU:C:1991:58, punt 102) u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott (C‑185/07, EU:C:2008:466, punti 70 sa 73).

( 57 ) Sentenza tal‑4 ta’ Frar 1988 (145/86, EU:C:1988:61).

( 58 ) Il-predeċessur tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001.

( 59 ) Sentenza tal‑4 ta’ Frar 1988, Hoffmann (145/86, EU:C:1988:61, punt 24).

( 60 ) Ibid.

( 61 ) L-istess fehma tinsab fil-letteratura legali. Ara, pereżempju, Hartley (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 iktar ’il fuq): “[…] rajna fil-kawża Hoffmann […] li sentenza li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament (jew tal-Konvenzjoni) tista’ madankollu tikkostitwixxi ostakolu għar-rikonoxximent jew għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza minn Stat Membru ieħor. Dan jagħmel sens. Mill-perspettiva ta’ ordinament ġuridiku partikolari, kunflitt bejn żewġ sentenzi huwa bl-istess mod inaċċettabbli jekk sentenza waħda tkun barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Brussell: li jgħodd huwa li ż-żewġ sentenzi huma validi fi ħdan l-ordinament ġuridiku inkwistjoni.” [traduzzjoni libera]

( 62 ) L-Artikolu I(1) tal-Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958 japplika din il-konvenzjoni biss għar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ mogħtija fit-territorju ta’ Stat li ma huwiex dak fejn jintalab ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

( 63 ) Sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni (C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 64 ) Ibid., punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 65 ) Ibid., punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 66 ) Ibid., punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 67 ) Sentenza tal‑4 ta’ Frar 1988 (145/86, EU:C:1988:61, punt 21).

( 68 ) Il-predeċessur tal-punt 3 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001.

( 69 ) Rapport Jenard (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23), p. 45.

( 70 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl (C‑157/12, EU:C:2013:322, punt 30).

Top