EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0232

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fid-9 ta’ Settembru 2021.


Court reports – general ;

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:727

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fid-9 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑232/20

NP

vs

Daimler AG, Mercedes‑Benz Werk Berlin

(talba mressqa mil-Landesarbeitsgericht Berlin‑Brandenburg (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Berlin‑Brandenburg, il-Ġermanja) għal deċiżjoni preliminari)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Soċjali – Tifsira ta’ “b’mod temporanju” skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104/KE – Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2008/104 – Dispożizzjoni tranżitorja li tipprekludi dipendenza, qabel data speċifikata, fuq perijodi sabiex ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jiġi assenjat lil impriża utenti – Introduzzjoni skont il-liġi ta’ Stat Membru ta’ perijodu massimu ta’ assenjazzjoni għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija lil impriżi utenti – Dritt ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għal kuntratt ta’ impjieg permanenti ma’ impriża utenti f’każ ta’ użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija”

1.

Dan ir-rinviju mressaq mil-Landesarbeitsgericht Berlin‑Brandenburg (il‑Qorti Industrijali Superjuri, Berlin‑Brandeburg, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”), huwa dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija ( 2 ). Il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, kjarifika dwar l-erba’ kwistjonijiet li ġejjin.

2.

Fl-ewwel lok, il-frażi “b’mod temporanju” tal-Artikolu 1 tad‑Direttiva 2008/104 hija relatata biss mal-perijodu li matulu ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jiġi assenjat lil impriża utenti, jew il-frażi “b’mod temporanju” hija wkoll marbuta man-natura tax-xogħol li jkollu jitwettaq, hekk li la xogħlijiet permanenti u lanqas xogħlijiet li ma jitwettqux sabiex ikunu koperti impjegati assenti (“kopertura”) ma jkunu qatt jistgħu jseħħu “b’mod temporanju”?

3.

Fit-tieni lok, huwa konsistenti mad-dritt tal-Unjoni li l-leġiżlatura ta’ Stat Membru, hawnhekk il-Ġermanja, tintroduċi perijodu massimu li lil hinn minnu l‑assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija ma tistax titqies temporanja, iżda li fl-istess waqt ma tħallix ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jistrieħu fuq perijodi ta’ assenjazzjoni qabel data speċifikata sabiex ikun stabbilit jekk dak il-perijodu massimu jkunx inqabeż, b’mod partikolari meta l‑esklużjoni ta’ tali perijodi tirriżulta f’li jkun tħares il-perijodu massimu ta’ assenjazzjoni mill-impriża utenti?

4.

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar jekk dikjarazzjoni dwar kuntratt ta’ impjieg permanenti bejn impriża utenti u ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija huwiex rimedju ggarantit mid-dritt tal-Unjoni jekk jinstab li ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija kien is-suġġett ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi lill-istess impriża utenti sabiex wieħed jevadi d-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2008/104, b’mod inkonsistenti mal-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2008/104 (“użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija”).

5.

Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk, skont id-Direttiva 2008/104, l‑estensjoni tal-perijodu massimu ta’ assenjazzjoni, xorta oħra pprovdut mil-liġi tal-Ġermanja, tistax bl-istess mod titħalla fid-diskrezzjoni tal-partijiet fi ftehim kollettiv. Jekk huwa hekk, dan japplika wkoll għal partijiet fi ftehim kollettiv li jeżerċitaw kompetenza mhux fir-rigward tar-relazzjoni ta’ impjieg tal-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija kkonċernata, iżda fir-rigward tas-settur li fih l‑impriża utenti tkun attiva?

6.

Wasalt għall-konklużjoni li, filwaqt li l-frażi “b’mod temporanju” tal‑Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/104 tfisser “għal perijodu limitat ta’ żmien” u “mhux permanenti” ( 3 ), hija relatata biss mal-perijodu ta’ assenjazzjoni tal-ħaddiem temporanju inkwistjoni permezz ta’ aġenzija, pjuttost milli mal-impjieg li jkun ġie assenjat lilu jew lilha, sabiex b’hekk xogħlijiet permanenti u xogħlijiet li ma jsirux sabiex jipprovdu kopertura ma jkunux awtomatikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104. In-natura tax-xogħol, madankollu, inkluż jekk ikunx impjieg permanenti jew le, għandha titqies sabiex jiġi ddeterminat jekk l-assenjazzjoni suċċessiva ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija lill-istess impriża utenti tkunx tista’ tiġi spjegata oġġettivament ( 4 ), sabiex ma tkunx tammonta għal użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija b’mod inkonsistenti mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 ( 5 ).

7.

Barra minn dan, liġi ta’ Stat Membru li espressament teskludi li jkunu meqjusa perijodi ta’ assenjazzjoni qabel data speċifika, iżda li jseħħu wara d-data għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/104, esklużjoni tali li tkun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx seħħ użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, tkun inkonsistenti mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, meta hija tirrendi f’kuntratt it-tul ta’ perijodu ta’ assenjazzjoni li fuqu jkun jista’ mod ieħor jistrieħ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija. Madankollu, f’azzjoni orizzontali bejn żewġ partijiet privati, liġijiet ta’ Stat Membru li jkunu jipprovdu għal tali esklużjoni ma għandhomx jiġu applikati biss jekk dan ma jġigħelx interpretazzjoni ta’ liġi ta’ Stat Membru kkonċernat tkun contra legem, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi ( 6 ).

8.

Madankollu, dikjarazzjoni dwar kuntratt ta’ impjieg permanenti bejn impriża utenti u ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija ma hijiex meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni biex tirrimedja jekk jinstab użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija ( 7 ).

9.

Fl-aħħar nett, meqjusa r-regola stabbilita li dispożizzjonijiet ta’ direttivi tal‑Unjoni fil-qasam tal-liġi tal-impjiegi tista’ tiġi implimentata mhux biss b’mezzi leġiżlattivi, iżda wkoll permezz ta’ ftehim kollettiv ġeneralment applikabbli ( 8 ), l-estensjoni ta’ kull perijodu massimu ta’ assenjazzjoni previst fil‑liġi tal-Ġermanja, tista’ titħalla fid-diskrezzjoni tal-partijiet fi ftehim kollettiv li jeżerċitaw kompetenza biss fuq is-settur li fih l-impriża utenti tkun attiva. Madankollu, il-limitazzjoni deskritta fil-punt 7 tapplika wkoll għal tali ftehim.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

10.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, jgħid dan li ġej:

“Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li huma assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b’mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom.”

B.   Id-dritt Ġermaniż

11.

It-tieni sentenza tal-paragrafu 1(1) tal-Gesetz zur Regelung der Arbeitnehmerüberlassung (il-Liġi Ġermaniża li Tirregola Xogħol Temporanju Permezz ta’ Aġenzija, iktar ’il quddiem l-“AÜG”), fil-verżjoni fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2011 sal-31 ta’ Marzu 2017, kienet tipprovdi li “l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema lil impriżi utenti għandha tkun temporanja”.

12.

Skont id-digriet tar-rinviju, sa April 2017 ma kienx hemm penali speċifika għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni ( 9 ), iżda l-paragrafu 9 tal-AÜG kien jiddikjara li kuntratti konklużi bejn aġenziji ta’ xogħol temporanju u impriżi utenti u bejn aġenziji ta’ xogħol temporanju u ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, fost oħrajn, kienu jkunu invalidi jekk l-aġenzija ta’ xogħol temporanju ma kienx ikollha l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont l-AÜG. Il-paragrafu 10 tal-AÜG kien iżid jgħid li f’dak il-każ kien jitqies li kienet inħolqot relazzjoni ta’ impjieg bejn l‑impriża utenti u l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija.

13.

Il-Gesetz zur Änderung des Arbeitnehmerüberlassungsgesetzes und anderer Gesetze (l-Att li Jemenda l-Liġi li Tirregola Xogħol Temporanju Permezz ta’ Aġenzija u Liġijiet Oħra) tal-21 ta’ Frar 2017 emenda l-AÜG b’seħħ mill-1 ta’ April 2017. Iddaħħal subparagrafu ġdid fil-paragrafu 1 tal-AÜG kif ġej:

“L-aġenzija ta’ xogħol temporanju ma għandhiex tassenja l-istess ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija lill-istess impriża utenti għal iktar minn tmintax‑il xahar konsekuttivi; l-impriża utenti ma għandhiex timpjega l-istess ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għal iktar minn tmintax‑il xahar konsekuttivi. Kull assenjazzjoni preċedenti mill-istess aġenzija jew oħra ta’ xogħol temporanju lill-istess impriża utenti tgħodd bħala perijodu wieħed meta kull żewġ assenjazzjonijiet bħal dawn ikunu separati b’mhux iktar minn tliet xhur. Ftehim kollettiv milħuq minn partijiet fis-settur li fih isseħħ l-assenjazzjoni jista’ jippreskrivi perijodu massimu ta’ assenjazzjoni differenti minn dak stabbilit fl‑ewwel sentenza hawnhekk. […]. Ftehim ta’ kunsill ta’ xogħlijiet tas-settur privat jew pubbliku milħuq ma’ min iħaddem abbażi ta’ ftehim kollettiv konkluż minn partijiet fis-settur li fih isseħħ l-assenjazzjoni jista’ jippreskrivi perijodu massimu ta’ assenjazzjoni differenti minn dak stabbilit fl-ewwel sentenza hawnhekk. […]”

14.

Iddaħħal il-punt 1b fil-paragrafu 9(1) tal-AÜG:

“Dawn li ġejjin għandhom ikun invalidi:

1b.

kuntratti ta’ impjieg bejn aġenziji ta’ xogħol temporanju u ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jaqbżu l-perijodu massimu permissibbli ta’ assenjazzjoni stabbilit fil-paragrafu 1(1b), sakemm il-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija ma jgħarrafx bil-miktub lill-aġenzija ta’ xogħol temporanju jew lill-impriża utenti, mhux iktar tard minn xahar li l-perijodu massimu permissibbli ta’ assenjazzjoni jkun inqabeż, li huwa jkun qiegħed iżomm il-kuntratt ta’ impjieg tiegħu mal-aġenzija ta’ xogħol temporanju,

[…]”

15.

Fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 10(1) tal-AÜG, il-konsegwenza legali ta’ invalidità issa hija prevista:

“Jekk il-kuntratt konkluż bejn aġenzija ta’ xogħol temporanju u ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jkun invalidu skont il-paragrafu 9, relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża utenti u l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għandu jitqies li jkun daħal fis-seħħ fid-data li fiha jibda l-impjieg miftiehem bejn l‑impriża utenti u l-aġenzija ta’ xogħol temporanju; jekk dak il-kuntratt ma jsirx invalidu sa wara li jkun beda l-impjieg mal-impriża utenti, ir-relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża utenti u l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għandha titqies li tkun daħlet fis-seħħ fiż-żmien meta l-kuntratt ikun sar invalidu […]”.

16.

Il-paragrafu 19(2) tal-AÜG għandu dispożizzjoni tranżitorja (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni tranżitorja”):

“Perijodi ta’ assenjazzjoni ta’ qabel l‑1 ta’ April 2017 ma għandhomx jitqiesu sabiex jiġi kkalkolat il-perijodu massimu ta’ assenjazzjoni stabbilit fil‑paragrafu 1(1b) […]”.

17.

It-“Tarifvertrag zur Leih-/Zeitarbeit in der Metall- und Elektroindustrie in Berlin und Brandenburg vom 01.06.2017” (il-Ftehim Kollettiv tal-1 ta’ Ġunju 2017 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija fl-industriji tal-ħadid u tal-elettriku f’Berlin u fi Brandenburg), jagħmel riferiment espress għall-klawżola ta’ deroga tal-paragrafu 1(1b) tal-AÜG. Skont id-dispożizzjoni tranżitorja ta’ dan il-paragrafu, fil-każ ta’ impriżi mingħajr ftehim ta’ xogħlijiet, min iħaddem u l‑kunsill ta’ xogħlijiet għandhom jiftiehmu dwar perijodu massimu ta’ assenjazzjoni. Jekk ma jkunx intlaħaq tali ftehim għandu japplika perijodu massimu ta’ assenjazzjoni ta’ sitta u tletin xahar mill-1 ta’ Ġunju 2017.

18.

L-impjant tal-konvenuta f’Berlin ma għandux ftehim ta’ xogħlijiet. Ftehim ta’ kunsill ċentrali ta’ xogħlijiet f’livell supplimentari ta’ kumpannija (milħuq bejn il-konvenuta u l-kunsill ċentrali ta’ xogħlijiet) fl-20 ta’ Settembru 2017 jipprovdi li fil-manifattura l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji ma għandhiex taqbeż is‑sitta u tletin xahar. Għal ħaddiema temporanji li kienu diġà impjegati fl-1 ta’ April 2017, perijodi biss wara l-1 ta’ April 2017 għandhom jgħoddu għal dak il‑perijodu.

II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari

19.

Ir-rikorrent NP (ir-“rikorrent”) ilu impjegat ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju mill-1 ta’ Settembru 2014, u kien jitħallas EUR 9.36 is-siegħa ( 10 ). Għall-bidu r-relazzjoni ta’ impjieg kienet limitata darbtejn għal perijodu ta’ sena, u wara dan kienet għal żmien indeterminat. L-assenjazzjonijiet tar-rikorrent kienu suġġetti għal tmintax‑il estensjoni matul perijodu ta’ sitta u ħamsin xahar.

20.

Ftehim li jissupplimenta l-kuntratt ta’ impjieg bejn ir-rikorrent u l-aġenzija ta’ xogħol temporanju kien jgħid li r-rikorrent kellu jaħdem bħala ħaddiem fil‑metallurġija għall-impriża utenti D. (il-“konvenuta”) fl-impjant tal-karozzi ta’ din tal-aħħar f’Berlin. Ix-xogħol li kellu jsir fuq il-linja tal-produzzjoni tal-magni kien deskritt f’dak il-ftehim. Skont il-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent mal‑aġenzija ta’ xogħol temporanju, ir-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu kienet suġġetta għal ċerti ftehimiet kollettivi applikabbli għas-settur ta’ xogħol temporanju tal-aġenzija.

21.

Mill-1 ta’ Settembru 2014 sal-31 ta’ Mejju 2019 ir-rikorrent kien assenjat esklużivament mal-impriża utenti konvenuta. Huwa ħadem kontinwament fuq il‑linja tal-produzzjoni tal-magni. Ma kienx qiegħed jipprovdi kopertura. Dak il‑perijodu kien interrott għal xahrejn biss (mill-21 ta’ April 2016 sal-20 ta’ Ġunju 2016), li matulu kien fuq leave tal-ġenituri.

22.

Bl-azzjoni mressqa quddiem l-Arbeitsgericht Berlin (il-Qorti Industrijali Superjuri, Berlin, il-Ġermanja) fis-27 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrent talab għal dikjarazzjoni li kien hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn il-partijiet, f’waħda minn għadd ta’ dati alternattivi ( 11 ).

23.

Id-digriet tar-rinviju jgħid li, fl-ewwel istanza, ir-rikorrent talab, inter alia, li l-assenjazzjoni għand il-konvenuta ma setgħetx tkun għadha kklassifikata bħala “temporanja” u li d-dispożizzjoni tranżitorja stabbilita fil-paragrafu 19(2) tal‑AÜG, kienet kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

24.

Il-konvenuta kienet tal-fehma li kienet teżisti kjarifika mil-leġiżlatura tal‑kriterju “temporanju” sa mill-1 ta’ April 2017. Wara dik id-data, kienu permissibbli derogi mill-perijodu massimu ta’ assenjazzjoni ta’ tmintax‑il xahar skont il-ftehimiet kollettivi rilevanti. Barra minn hekk, il-perijodu massimu ta’ assenjazzjoni ta’ sitta u tletin xahar stabbilit fil-ftehim tal-kunsill ċentrali ta’ xogħlijiet tal-20 Settembru 2017, dan ma kienx inqabeż, minħabba li setgħu jitqiesu biss perijodi wara l-1 ta’ April 2017.

25.

Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2019, l-Arbeitsgericht Berlin (il-Qorti Industrijali Superjuri, Berlin) qablet mal-konvenuta.

26.

Kien ippreżentat appell fil-qorti tar-rinviju fit-22 ta’ Novembru 2019. Intbagħtu d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

L-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija ma’ impriża utenti għandha titqies li ma għadhiex “temporanja” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-[Direttiva 2008/104], meta l-impjieg ta’ dan il-ħaddiem ikun għal pożizzjoni li hija permanenti, u ma jkunx imtela bħala sostituzzjoni?

(2)

L-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għal perijodu ta’ inqas minn 55 xahar għandha titqies li ma għadhiex ‘temporanja’ fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104?

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda iktar ’il fuq, iqumu d-domandi addizzjonali li ġejjin.

(3.1)

Ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jista’ jsostni li għandu bażi għal relazzjoni ta’ xogħol mal-impriża utenti, ukoll meta d-dritt nazzjonali ma jipprevedix din is-sanzjoni qabel l-1 ta’ April 2017?

(3.2)

Regola nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 19(2) tal-[AÜG] tikser l-Artikolu 1 tad-[Direttiva 2008/104] sa fejn tipprevedi, għall-ewwel darba, perijodu massimu individwali ta’ assenjazzjoni ta’ 18‑il xahar, iżda teskludi speċifikament it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi mgħoddija, jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi mgħoddija jkollu bħala konsegwenza li l-assenjazzjoni ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi kklassifikata bħala temporanja?

(3.3)

L-estensjoni tal-perijodu massimu individwali ta’ assenjazzjoni tista’ titħalla f’idejn l-imsieħba soċjali? Fil-każ ta’ risposta affermattiva: dan japplika wkoll għal imsieħba soċjali li għandhom kompetenza mhux fir-rigward tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-ħaddiem temporanju kkonċernat, iżda fir-rigward tas-settur tal-impriża utenti?”

27.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati fil-Qorti tal-Ġustizzja mir‑rikorrent, mill-konvenuta, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir‑Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni Ewropea. Ma kienx hemm seduta.

III. Osservazzjonijiet preliminari

28.

Għandu jiġi nnotat, fl-ewwel lok, li d-domandi magħmula jirreferu għall‑kelma “temporanju” fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104, meta fil-fatt l‑Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jirreferi għal assenjazzjoni ta’ “ħaddiema […] assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b’mod temporanju” (enfasi miżjuda) ( 12 ). Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il quddiem nipproponi li nifformula mill-ġdid id-domandi magħmula. Hemmhekk l-aġġettiv “temporanju” għandu jinbidel għall‑frażi avverbjali “b’mod temporanju”.

29.

It-tieni nett, għandu jkun innotat ukoll li d-digriet tar-rinviju kien intbagħat mill-qorti tar-rinviju fit-13 ta’ Mejju 2020, qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja kienet tat is-sentenza tagħha tal-14 ta’ Ottubru 2020 fil-kawża KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, (“KG”)) ( 13 ). Dik is-sentenza kienet proprju dwar il-kwistjonijiet li l-qorti tar-rinviju qiegħda tittratta f’dan il-każ; jiġifieri (i) il-konsegwenzi legali li jirriżultaw minn bosta assenjazzjonijiet suċċessivi ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija lil impriża utenti waħda fir-rigward ta’ post tax-xogħol li ma kienx jimplika li tingħata kopertura, u (ii) dwar jekk ir-rikorrent ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija kellux dritt, skont id-Direttiva 2008/104, għal dikjarazzjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg permanenti ma’ impriża utenti fil-każ ta’ użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija.

30.

Madankollu, it-tilwima fil-kawża KG kienet tqieset bħala waħda dwar l‑Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, iktar milli tal-Artikolu 1 ta’ din id‑direttiva; argumenti dwar l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 li kienu jissemmew fl-osservazzjonijiet bil-miktub, anki għalkemm id-domandi magħmula ma jitolbux interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni. Minħabba li t-tilwima fil‑kawża prinċipali u dik meqjusa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża KG jixtiebhu, il-kwistjonijiet li jinqalgħu f’din il-kawża kienu, sa ċertu punt, jew inħallu b’dik id-deċiżjoni, jew dik id-deċiżjoni għall-inqas ipprovdiet is-sisien li fuqhom it-tilwima tista’ tinħall fil-kawża prinċipali. Għalhekk, dawn il‑konklużjonijiet jisiltu b’mod sostanzjali mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal‑Ġustizzja fil-kawża KG.

31.

It-tielet nett, u jsegwi minn dan, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 1 meta tingħata r-risposta għall-ewwel żewġ domandi magħmula. Kif il-Gvern Franċiż innota fl-osservazzjonijiet bil-miktub, il-proċess tal-qorti juri li l-qorti tar-rinviju ma hijiex tfittex li tkun aċċertata, billi titlob għal interpretazzjoni tal-kliem “b’mod temporanju” tal-Artikolu 1 tad‑Direttiva 2008/104, dwar jekk ir-rikorrent huwiex skont l-iskop ta’ din id‑direttiva. Anzi, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li l-istess impriża utenti tirrikorri għal kuntratti temporanji suċċessivi jikkostitwixxix abbuż tas-sitwazzjoni ta’ xogħol temporanju, minħabba li r-rikorrent argumenta li 18‑il prolungament tal-kuntratt tiegħu tul perijodu ta’ 56 xahar kienu jikkostitwixxu abbuż.

32.

Kif kien innotat ukoll mill-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, skont il-ġurisprudenza stabbilita, “sabiex tingħata risposta utli lill-qorti li minnha toriġina domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha bżonn tieħu inkunsiderazzjoni regoli ta’ dritt tal-Unjoni li għalihom ma jkunx sar riferiment mill-qorti nazzjonali fid-domandi preliminari tagħha”. ( 14 ). Għalhekk, il‑Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tifformula mill-ġdid d-domandi ( 15 ).

33.

Ladarba hu hekk, nissuġġerixxi li l-ewwel u t-tieni domanda għandhom jiġu fformulati mill-ġdid f’domanda waħda kif ġej:

“(1)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, moqrija flimkien mal-frażi “b’mod temporanju” tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104, għandha tinqara bħala li tipprekludi assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija lill-istess impriża utenti, tul perijodu ta’ iktar minn 55 xahar, għal xogħol permanenti u mhux li jitwettaq għal kopertura, bħal assenjazzjoni suċċessiva maħsuba sabiex tevadi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104?”

34.

Id-domandi 3.1 u 3.2 it-tnejn huma dwar emendi għal-liġi Ġermaniża li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2017. Emenda waħda hija dwar l-impożizzjoni ta’ perijodu massimu ta’ assenjazzjoni li warajh jitqies li jkun seħħ użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), filwaqt li l‑oħra hija dwar ir-rimedju wara tali ksur (punti 14 u 15 iktar ’il fuq). Jista’ jkun iktar loġiku, għalhekk, li s-sekwenza tad-domandi tinqaleb, u l-formulazzjoni tiġi ssemplifikata, kif ġej:

“(2)

Liġi ta’ Stat Membru li tippreskrivi perijodu massimu ta’ assenjazzjoni għal impriża utenti waħda ta’ tmintax‑il xahar mill-1 ta’ April 2017, iżda li espressament teskludi li jitqiesu perijodi ta’ assenjazzjoni qabel din id-data sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx seħħ użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, tkun konsistenti mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 meta l‑assenjazzjoni ma tkunx għadha tista’ tiġi kklassifikata bħala temporanja jekk ikunu tqiesu l-perijodi ta’ assenjazzjoni qabel l-1 ta’ April 2017?

3.

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jkollu dritt skont id-Direttiva 2008/104 li titwaqqaf relazzjoni ta’ impjieg permanenti mal-impriża utenti jekk jinstab użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija skont l-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2008/104 ( 16 )?

35.

Id-domanda 3.3 tista’ tibqa’ kif inhi, imposta mill-ġdid bħala r-raba’ domanda.

IV. Risposti għad-domandi kif ifformulati mill-ġdid

A.   Ir-risposta għall-ewwel domanda

36.

L-ewwel domanda għandha tingħata risposta kif ġej:

“Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2008/104, moqrija flimkien mal-frażi “b’mod temporanju” tal‑Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104, tipprekludix l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija lill-istess impriża utenti, tul perijodu ta’ iktar minn 55 xahar, għal xogħol li jkun permanenti u li ma jitwettaqx għal kopertura, qorti ta’ Stat Membru jkun jeħtiġilha, bħala materja ta’ dritt tal-Unjoni, tagħmel l‑analiżi li ġejja:

(i)

L-assenjazzjoni suċċessiva ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija lill‑istess impriża utenti rriżultat f’perijodu ta’ servizz li ma huwiex itwal minn dak li jista’ raġonevolment jitqies bħala assenjazzjoni ta’ ħaddiema lil impriża utenti “biex jaħdmu b’mod temporanju” skont l-Artikolu 1(1) tad‑Direttiva 2008/104?

(ii)

Ingħatat spjegazzjoni oġġettiva għad-deċiżjoni tal-impriża utenti li tirrikorri għal sensiela ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija?

(iii)

Kien hemm evażjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104?

(iv)

Meqjusa dawn il-fatturi kollha, u li jittieħdu ċ-ċirkustanzi kollha f’kunsiderazzjoni, relazzjoni ta’ impjieg permanenti kienet moħbija wara kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, b’mod inkonsistenti mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104?”

1. Tifsira ta’ “b’mod temporanju”

37.

Kif kien innotat mill-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża AKT, id-Direttiva 2008/104 “ma tiddefinixxix ix-xogħol temporanju u lanqas ma kienet intiża sabiex telenka l-każijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-użu ta’ din il-forma ta’ xogħol. Il-premessa 12 tagħha tfakkar mill-banda l-oħra li hija għandha tirrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol”. ( 17 ) L-Istati Membri jibqa’ jkollhom diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiddeterminaw sitwazzjonijiet li fihom ikun iġġustifikat l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija ( 18 ), bid-Direttiva 2008/104 tipprovdi “biss […] l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi” ( 19 ).

38.

Filwaqt li l-frażi “b’mod temporanju” tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104 għandha tkun interpretata b’mod wiesa’, sabiex ma tkunx f’perikolu l-kisba tal-għanijiet tagħha jew tkun imminata l-effikaċja tagħha, billi b’mod inordinat u mhux iġġustifikat ikun ristrett il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva ( 20 ), bl-interpretazzjoni letterali tiegħu, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/104 jirreferi għal kemm iddum l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, mhux għall-post tax-xogħol okkupat.

39.

L-Artikolu 1(1) huwa dwar ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jkunu assenjati lil impriża utenti “biex jaħdmu b’mod temporanju” ( 21 ). Fi kliem ieħor, u kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, din il‑formulazzjoni tissuġġerixxi li hija r-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija u l-impriża utenti li tkun temporanja, u mhux il‑post tax-xogħol li l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jkun assenjat, minħabba li ma jingħad xejn fid-direttiva dwar in-natura tax-xogħol, sabiex b’hekk ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-post tax-xogħol li l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jkun assenjat ma jistax ikun permanenti. Ikun hemm l-istess konklużjonijiet minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 3(1)(a), (b), (c), u (e) tad-Direttiva 2008/104, dwar id-definizzjonijiet ta’ ħaddiem, ta’ aġenzija ta’ xogħol temporanju, ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija u assenjazzjoni, rispettivament ( 22 ). Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża KG irreferiet għal dawn id-dispożizzjonijiet meta kkonkludiet li hija “r-relazzjoni ta’ xogħol” ma’ impriża utenti li hija, “min-natura tagħha, ta’ natura temporanja” ( 23 ).

40.

Kif il-Ġermanja innotat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-formulazzjoni tad-direttiva turi li l-Istati Membri għandhom jingħataw marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fit-traspożizzjoni tal-frażi “b’mod temporanju”, bla ħsara għar-rekwiżit li assenjazzjoni temporanja ma għandhiex issir assenjazzjoni ta’ tul eċċessiv, ekwivalenti għal assenjazzjoni permanenti.

41.

Argumenti magħmula fl-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrent, fis-sens li l-kuntest tal-kliem “b’mod temporanju” tal-Artikolu 1(1) u l-għan tad-Direttiva 2008/104 jissuġġerixxu li dan kien attribwit għall-post tax-xogħol okkupat, kif ukoll għall-assenjazzjoni tal-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, ma jistgħux ikunu aċċettati. Il-premessa 12 tad-Direttiva 2008/104 tirreferi għar-rispett lejn “[i]d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali” ( 24 ), għan li jkun f’perikolu jekk il-kunċett ta’ “b’mod temporanju” kellha tkun relatata mal-post tax-xogħol li ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jkun assenjat, u b’hekk tolqot ħażin id-diskrezzjoni ta’ Stati Membri li jippermetti assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għal xogħlijiet permanenti li ma jipprovdux kopertura. Barra minn hekk, kif kien innotat fis-sentenza KG, id-direttiva tirreferi fil-premessa 15, għal “kuntratti ta’ impjieg għal żmien indefinit”, b’din id-dispożizzjoni, flimkien mal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2008/104 li jistabbilixxi “relazzjonijiet ta’ impjieg permanenti” bħala l-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg ( 25 ). L-oppost ta’ dan hija relazzjoni ta’ impjieg jew assenjazzjoni, li jkunu għal żmien determinat.

42.

L-oġġettivi ewlenin tad-Direttiva 2008/104 huma stabbiliti fl-Artikolu 2 tagħha, u huma dwar il-ħolqien ta’ forom flessibbli ta’ xogħol, u l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija ( 26 ). Ma hemmx rabta ċara bejn xi waħda minn dawn l-għanijiet u l-att li jorbot l-ħsieb wara “b’mod temporanju” mal-impjieg assenjat lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija. L-istess japplika għall-għan intrinsiku għad-Direttiva 2008/104 li wieħed jirrikorri għal xogħol temporanju ma għandux isir sitwazzjoni permanenti ( 27 ). Kif kien innotat mill-konvenuta fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-għanijiet li jinħolqu xogħlijiet u l-integrazzjoni ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol (ara l-premessa 11) ma jistgħux iwasslu għall-konklużjoni li xogħlijiet permanenti ma jistgħux per se jkunu assenjati lill-ħaddiema temporanjament.

43.

Fl-aħħar nett, intendi naċċetta argumenti mressqa mill-Kummissjoni u mill‑Ġermanja fis-sens li l-oriġini tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/104 ma jorbtux il-kunċett wara “b’mod temporanju” man-natura tal-post tax-xogħol li ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jiġi assenjat ( 28 ), minkejja argumenti kuntrarji tar-rikorrent ( 29 ).

44.

Għalhekk, “b’mod temporanju” tirreferi esklużivament għall-assenjazzjoni tal-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, u tfisser “għal perijodu limitat ta’ żmien” u “mhux permanenti” ( 30 ) u hija relatata biss mal-perijodu ta’ assenjazzjoni tal-ħaddiem temporanju permezz tal-aġenzija inkwistjoni.

2. Użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija

45.

Madankollu, u kuntrarju għal suġġerimenti magħmula fl-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrent, dak li huwa ssuġġerit hawnhekk ma jwassalx għall‑approvazzjoni ta’ assenjazzjoni indefinita ta’ ħaddiema temporanji għal xogħlijiet permanenti jew għal xogħlijiet li ma jsirux biex jipprovdu kopertura. Filwaqt li kien stabbilit fil-kawża KG li l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 “ma [j]imponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jillimitaw in-numru ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem mal-istess impriża utenti jew li jissuġġettaw l-użu ta’ din il-forma ta’ xogħol għal żmien determinat għall‑indikazzjoni tar-raġunijiet ta’ natura teknika jew relatati ma’ rekwiżiti ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni” ( 31 ), kien ugwalment stabbilit fil-kawża KG li l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 għandu l-għan li jobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa sabiex ma jħallux isir użu ħażin (i) tad‑derogi mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament permessi skont dik id‑dispożizzjoni, u (ii) ta’ assenjazzjonijiet temporanji suċċessivi maħsuba sabiex ikunu evitati d-dispożizzjonijiet tad-direttiva fl-intier tagħha ( 32 ), l-obbligu tal-aħħar ikun stabbilit b’mod wiesa’ ( 33 ).

46.

Għalhekk, kien ġie deċiż fil-kawża KG li l-qorti tar-rinviju għandha tirrevedi l-klassifikazzjoni legali tar-relazzjoni ta’ impjieg, billi b’mod xieraq jitqiesu kemm id-Direttiva 2008/104 innifisha u l-liġi ta’ Stat Membru li tittrasponiha, b’tali mod li jkun iddeterminat jekk relazzjoni ta’ impjieg permanenti kinitx inħbiet wara kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija maħsuba sabiex ikunu evitati l-għanijiet tad-Direttiva 2008/104 u, b’mod partikolari, in-natura temporanja tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija ( 34 ).

47.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, sabiex tagħmel dik l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tista’ tqis: (a) jekk kienx hemm assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija lill-istess impriża utenti f’perijodu ta’ servizz ma’ dik l-impriża li kien itwal minn dak li jista’ raġonevolment jitqies bħala “temporanju”, li jista’ jindika użu ħażin ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi, għall-finijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104. Din il‑konstatazzjoni saret meta tqies il-fatt, inter alia, li assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija lill-istess impriża utenti kienu qalbu l-bilanċ stabbilit minn dik id-direttiva bejn flessibbiltà għal dawk li jħaddmu u sigurtà għal dawk li jaħdmu billi mminaw lil tat-tieni; (b) meta, f’każ partikolari, ma tingħata ebda spjegazzjoni oġġettiva għad-deċiżjoni tal-impriża utenti kkonċernata sabiex tirrikorri għal sensiela ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, ikun għall-qorti nazzjonali li teżamina, fil‑kuntest tal-qafas leġiżlattiv nazzjonali u billi tqis iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk kienx hemm evażjoni ta’ xi waħda mid-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2008/104, l-iktar meta s-sensiela ta’ kuntratti inkwistjoni tkun assenjat l-istess ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija lill-impriża utenti ( 35 ).

48.

Għalhekk, u kif innotat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Franċiż, kemm iddum assenjazzjoni ta’ xogħol temporanju huwa biss element wieħed li għandu jitqies sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija. Kif wieħed jista’ jara mill-elementi tad‑deċiżjoni fil-kawża KG riprodotti iktar ’il fuq, qorti ta’ Stat Membru hija obbligata, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal‑Artikolu 1(1) tagħha, tagħmel l-evalwazzjoni li ġejja:

(i)

L-assenjazzjoni suċċessiva lill-istess impriża utenti rriżultat f’perijodu ta’ servizz li raġonevolment ma għadux jista’ jitqies raġonevolment bħala assenjazzjoni lil impriża utenti sabiex ħaddiema “jaħdmu b’mod temporanju” skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/104?

(ii)

Ingħatat spjegazzjoni oġġettiva għad-deċiżjoni tal-impriża utenti li tirrikorri għal sensiela ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija?

(iii)

Kien hemm evażjoni ta’ xi waħda mid-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2008/104?

(iv)

Meqjusa dawn il-fatturi kollha, u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi kollha, inħbiet relazzjoni ta’ impjieg permanenti wara kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, b’mod inkonsistenti mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104?

49.

Huwa fil-punt (ii) li n-natura tax-xogħol li ħaddiem temporanju jiġi assenjat permezz ta’ aġenzija jsir rilevanti, inkluż jekk ix-xogħol ikunx permanenti u ma jingħatax għal kopertura. Id-deċiżjoni fil-kawża KG ma tippermettix li f’dan il-kuntest ma jitqisux raġunijiet “ta’ natura teknika jew relatati ma’ rekwiżiti ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni”, minħabba li fil-kawża KG kien deċiż biss li dawn ma kellhomx ikunu suġġetti “għall-indikazzjoni” mingħajr ma jissemma xejn li kienu esklużi minn spjegazzjoni oġġettiva ( 36 ).

50.

Pereżempju, impriża involuta kontinwament tagħmel xogħol ta’ riċerka u żvilupp jista’ jkun jeħtiġilha tespandi l-għadd tagħha ta’ ħaddiema li jkollhom sengħa partikolari li għaliha l-impriża normalment timpjega ħaddiema permanenti biss. Il-ħtieġa għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija tista’ tinqala’ mir-riżultati preliminari ta’ programm ta’ riċerka u żvilupp. Tali espansjoni tista’ ssir, għall-bidu, billi wieħed jirrikorri għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, jew minħabba li investituri jkunu għadhom ma humiex imħajra jiżviluppaw ir‑riżultati ta’ dik ir-riċerka, jew minħabba li l-proċess ta’ riċerka nnifsu jkun għandu ma tlestiex. Din hija x-xorta ta’ spjegazzjoni li mħallef nazzjonali jista’ jikkonkludi, meta jieħu ċ-ċirkustanzi kollha inkunsiderazzjoni, li tkun tammonta għal spjegazzjoni oġġettiva sabiex wieħed jirrikorri b’mod suċċessiv għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, ukoll għalkemm ix-xogħlijiet ikkonċernati ma jsirux biex jipprovdu għal kopertura, u xorta oħra jsiru fuq bażi permanenti f’dik l-impriża utenti.

51.

Forsi ma huwiex ċar mis-sentenza KG jekk l-użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija jkunx jiddependi minn konstatazzjoni ta’ evażjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104, minbarra l-Artikolu 5(5) innifsu ( 37 ).

52.

Intendi, madankollu, nifhem li ma huwiex minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża KG li assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija lill-istess impriża utenti kienu evitaw il-qalba stess tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 ( 38 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, iddeċidiet fil-kawża KG li wieħed mill-obbligi imposti fuq l-Istati Membri kien mill-Artikolu 5(5) kien ir-rekwiżit li dawn jieħdu miżuri xierqa sabiex ma jħallux ikun hemm assenjazzjonijiet suċċessivi maħsuba sabiex ikunu evitati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 fl-intier tagħha ( 39 ), u li d-Direttiva 2008/104 “hija intiża wkoll sabiex l-Istati Membri jiżguraw li x-xogħol temporanju mal-istess impriża utenti ma jsirx sitwazzjoni permanenti għal ħaddiem temporanju” ( 40 ).

53.

Bħala konsegwenza, is-sentenza KG issostni l-interpretazzjoni li kull ksur tal-obbligi imposti mid-Direttiva 2008/104, b’żieda ma’ dawk tal-Artikolu 5(5) tagħha, bħal, pereżempju, il-garanzija ta’ paga ugwali bejn ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u dawk reklutati direttament mill-impriża utenti sabiex jagħmlu l-istess xogħol (ara l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, flimkien mal‑Artikolu 3(1)(f) ta’ dik id-direttiva) ( 41 ), huwa rilevanti għad-deċiżjoni meħuda finalment mill-qorti tar-rinviju, fil-punt (iv) (ara l-punt 48 iktar ’il fuq dwar jekk, jekk jittieħdu ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża inkunsiderazzjoni, relazzjoni ta’ impjieg permanenti kinitx inħbiet wara kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, b’mod inkonsistenti mal-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2008/104. Għandu jitfakkar li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet involviet 18‑il estensjoni fi żmien 56 xahar.

54.

Dan il-mod jirrifletti dak li iktar ikkonstatat KG li l-garanzija ta’ “[i]l‑kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ l-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija” skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104, għandha tkun interpretata b’mod wiesa’ sabiex tkun żgurata l-konformità mal-Karta ( 42 ).

55.

Għal dawn ir-raġunijiet ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun kif deskritt fid-dettall fil-punt 36 iktar ’il fuq.

B.   Ir-risposta għat-tieni domanda

56.

Ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li liġi ta’ Stat Membru li espressament teskludi li jitqiesu perijodi ta’ assenjazzjoni qabel data speċifika, iżda li jseħħu wara data għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/104, esklużjoni tali li tkun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx seħħ użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, tkun inkonsistenti mal-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2008/104, meta hija tirrendi f’kuntratt it-tul ta’ perijodu ta’ assenjazzjoni li fuqu altrimenti jkun jista’ jistrieħ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija. Madankollu, f’azzjoni orizzontali bejn żewġ partijiet privati, liġijiet inkonsistenti ta’ Stati Membri li jipprovdu għal tali esklużjoni ma għandhomx ikunu applikati biss jekk dan ma jġigħelx li jkun hemm interpretazzjoni contra legem ta’ liġi ta’ Stat Membru, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi.

57.

Dan huwa hekk għar-raġunijiet li ġejjin.

58.

L-implimentazzjoni tal-Ġermanja tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 kienet għall-bidu limitata, skont it-tieni sentenza tal-paragrafu 1(1) tal-AÜG, li tipprovdi li “l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema lil impriżi utenti għandha tkun temporanja” ( 43 ), bis-sistema rimedjali apposta limitata għas-sanzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (ara l-punt 12). Filwaqt li din tista’ tkun implimentazzjoni minimalista, tieqaf milli tieħu “ebda miżura sabiex jippreżerva n-natura temporanja tax-xogħol temporanju” permezz ta’ aġenzija, b’mod inkonsistenti mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 ( 44 ).

59.

Kieku ma kienx għar-riforma li seħħet fil-Ġermanja mill-1 ta’ April 2017 (ara l-punti 13 sa 16 iktar ’il fuq) u skont it-test deskritt iktar ’il fuq fir-rigward tal-ewwel domanda (ara l-punt 36), ir-rikorrent kien ikun jista’ jargumenta li, skont id-dritt tal-Unjoni, assenjazzjoni ta’ erba’ snin u disa’ xhur mal-konvenuta, mill-1 ta’ Settembru 2014 sal-31 ta’ Mejju 2019, kienet tammonta, fiċ-ċirkustanzi kollha, għal użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija b’mod inkonsistenti mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, meqjus l-obbligu tal-Ġermanja li timplimenta d-direttiva sal-5 ta’ Diċembru 2011. It-tieni sentenza tal-paragrafu 1(1) tal-AÜG għandha tkun interpretata f’konformità ma’ dan ( 45 ).

60.

Madankollu, ir-riformi għal-liġi Ġermaniża li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2017 jidher li, effettivament, neħħew dan it-tapit legali minn taħt saqajn ir-rikorrent. Il-qari tar-riformi sostnuti mill-konvenuta, tħassar il-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2014 sal-1 ta’ April 2017 għall-finijiet tal-evalwazzjoni jekk kienx seħħ użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, u fl-istess waqt fisser li r-rikorrent kompla jkun affettwat mil-limitu massimu l-ġdid ta’ tmintax‑il xahar għall-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija lill-istess impriża utenti kif stabbilit bil-liġi kkonċernata.

61.

Qiegħed isir l-argument fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Ġermanja li l‑bidla fil-liġi tal‑1 ta’ April 2017 kienet biss darba li fiha l-Ġermanja għaddiet minn mudell flessibbli għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 għal wieħed fiss, billi introduċiet il-limitu ta’ tmintax‑il xahar għall-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija lill-istess impriża utenti.

62.

Madankollu, u meqjusa l-analiżi fir-rigward tal-ewwel domanda, il-Ġermanja eċċediet id-diskrezzjoni mogħtija lilha skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 li tistabbilixxi perijodi massimi għall-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija lill-istess impriża utenti, għalkemm id‑Direttiva 2008/104 ma tobbligahiex tistabbilixxi tali limiti ( 46 ), minħabba li, kif argumentat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-riformi tal-1 ta’ April 2017 jippreġudikaw b’mod attiv l-effet utile tad-Direttiva 2008/104, meta mqabbla mal-iskema leġiżlattiva li kien hemm qabel skont id-dritt ta’ dak l‑Istat Membru, u huma bi ħsara ta’ rikorrent li kellu l-istatus mhux ikkontestat matul il-perijodu kkonċernat ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, skont l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/104, u li kien is-suġġett ta’ “assenjazzjoni”, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/104, lill-istess impriża utenti, għal perijodu ta’ erba’ snin u disgħa xhur wara d-data tal-iskadenza għall‑implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/104, jiġifieri l-5 ta’ Diċembru 2011 ( 47 ). Sitwazzjoni bħal din hija inkonsistenti mal-Artikolu 10 u mal-premessa 21 tad‑Direttiva 2008/104, kif ukoll mal-obbligu li din id-direttiva “tiżgura l‑protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija” imniżżel fl‑Artikolu 2 ta’ dik id-direttiva, u mal-obbligi usa’ ta’ bona fide tal-Ġermanja skont l-Artikolu 4 TUE fit-twettiq ta’ xogħlijiet li jirriżultaw mit-Trattati kif ukoll mill-Artikolu 288 TFUE fir-rigward tal-effett vinkolanti tad-direttivi.

63.

Madankollu, isegwi mill-ġurisprudenza stabbilita li l-obbligu ta’ interpretazzjoni jissodisfa l-limiti tad-Direttiva 2008/104 meta interpretazzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni tirriżulta f’tifsira contra legem tad-dritt ta’ Stat Membru ( 48 ). Għalhekk, huwa għall-qorti tar‑rinviju ( 49 ) li tiddetermina jekk id-dispożizzjoni tranżitorja tal-paragrafu 19(2) tal-AÜG, li tgħid li “Perijodi [ta’ assenjazzjoni] ta’ qabel l-1 ta’ April 2017 ma jitqisux sabiex ikun ikkalkolat il-perijodu massimu ta’ assenjazzjoni stabbilit fil‑paragrafu 1(1b) […]”, ma tistax tkun interpretata, meqjus “id-dritt intern kollu” ( 50 ), b’ebda mod għajr billi r-rikorrent jitneħħielu kull dritt li jistrieħ fuq il‑perijodu sħiħ ta’ assenjazzjoni ta’ erba’ snin u disa’ xhur, li seħħ mill-1 ta’ Settembru 2014 sal-31 ta’ Mejju 2019, u li kien previst skont il-liġi Ġermaniża sal-1 ta’ April 2017.

64.

Fi kliem ieħor, jista’ r-riżultat previst mid-Direttiva 2008/104 jinkiseb biss billi jiġu interpretati l-paragrafu 1(1b) u l-paragrafu 19(2) tal-AÜG contra legem? Pereżempju, ladarba kien tqies id-dritt kollu Ġermaniż, jistgħu dawn id‑dispożizzjonijiet jinqraw bħala li ma jissostitwixxux is-sistema kollha li kien hemm diġà qabel, u jagħtu lil ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija l-għażla li jiddikjaraw użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija billi jirreferu għall-kriterji stabbiliti fil-kawża KG u deskritti fid-dettall fir-risposta għall-ewwel domanda fir-rigward tal-perijodu sħiħ ta’ assenjazzjoni? Jekk hemm bżonn ta’ interpretazzjoni contra legem sabiex jinkiseb tali riżultat, allura, skont il‑ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-mod rimedjali li jifdallu r‑rikorrent jinsab f’azzjoni għal responsabbiltà tal-Istat kontra l-Ġermanja, skont ir-regoli Francovich ( 51 ), għal ksur tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2008/104 li “[tieħu] miżuri xierqa […] sabiex [tipprevjeni] li jkun hemm użu ħażin fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u, b’mod partikolari, [tipprevjeni] lijkun hemm assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex [tevita] id‑dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva” ( 52 ).

65.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjonijiet tal-Karta huma biżżejjed minnhom innifishom u ma jeħtiġilhomx ikunu iktar speċifiċi permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali sabiex jagħtu drittijiet lil individwi ( 53 ), bħall-Artikoli 21 u 47 ( 54 ) u l-Artikolu31(2) ( 55 ), wieħed jista’ jistrieħ fuqhom bħala tali, u jirriżultaw f’obbligu sabiex, jekk ikun meħtieġ, ma tkunx applikata kull dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt nazzjonali, ukoll f’tilwimiet orizzontali li fihom xorta oħra tkun operattiva l-projbizzjoni ta’ interpretazzjoni contra legem ta’ liġi ta’ Stat Membru. Madankollu kuntrarju għal argumenti mressqa fl-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrent, L-Artikolu 31(1) tal-Karta ma huwiex dispożizzjoni bħal din.

66.

Dan huwa hekk minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “il-qorti nazzjonali ma hijiex meħtieġa, fuq il-bażi biss tad-dritt tal-Unjoni, ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dispożizzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li, […] ma jkollhiex effett dirett” ( 56 ). Minħabba n-natura flessibbli tat-test tal-Artikolu 31(1) tal-Karta, li jgħid li “Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is‑saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”, dak l-artiklu ma jissodisfax il-prerekwiżiti essenzjali ta’ effett dirett li jkun biżżejjed ċar, inkundizzjonat u preċiż ( 57 ). Minħabba li huwa hekk, wieħed ma jistax jistrieħ li jobbliga lill-qorti tar-rinviju, hija u taġixxi skont il-kompetenza tagħha ( 58 ), li ma tapplikax il-paragrafu 1(1b) u l‑paragrafu 19(2) tal-AÜG jekk il-qorti tar-rinviju tqis li t-test tagħhom ikun ta’ garanziji contra legem li joriġinaw mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104.

67.

Huwa għal dawn ir-raġunijiet li t-tieni domanda għandha tingħata risposta fis-sens kif indikat fil-punt 56 iktar ’il fuq.

C.   Ir-risposta għat tielet domanda

68.

Ir-risposta għad-domanda 3 għandha tkun fis-sens li ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija ma għandux dritt, skont id-Direttiva 2008/104, jistabbilixxi relazzjoni ta’ impjieg permanenti ma’ impriża utenti jekk jinstab użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, skont l-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2008/104. Madankollu, jekk il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi, wara li tkun qieset id-dritt intern kollu tal-Istat Membru kkonċernat, li interpretazzjoni ta’ dak id-dritt, f’konformità mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, ma ġġigħelx li jkun hemm interpretazzjoni contra legem tad-dritt ta’ Stat Membru, ikun għaliha li tiddetermina jekk ikunx hemm proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji adegwati sabiex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li joriġinaw mid‑Direttiva 2008/104, u li tiggarantixxi li d-dritt tal-Istat Membru kkonċernat li jipprovdi sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, kif jitlob l-Artikolu 10 ta’ dik id-direttiva, bla ħsara għal-limitazzjonijiet tal-ġurisprudenza stabbilita.

69.

Fil-kawża KG il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2008/104 ma jistax ikun interpretat bl-istess mod bħall-klawżola 5 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss milħuq fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70/KE ( 59 ). Fil-kawża Sciotto ( 60 ) kien deċiż, inter alia, li l-obbligu speċifiku sabiex ma jitħalliex ikun hemm abbuż li jseħħ mill-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal żmien fiss, kif deskritt fid-dettall fil‑klawżola 5 tal-imsemmi ftehim qafas, kien ifisser li l-assenza, ukoll fil-każ ta’ abbuż, għal ħaddiema fis-settur tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali, ta’ faċilità għat-trasformazzjoni tal-kuntratti ta’ impjieg tagħhom għal żmien fiss għal relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit (fl-assenza ta’ forom oħra ta’ protezzjoni bħal li jkun stabbilit limitu għall-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal kuntratt ta’ żmien fiss), kienet tfisser li ma kienx hemm miżura effettiva, skont it‑tifsira tal-ġurisprudenza rilevanti relatata mal-ftehim qafas, bħala sanzjoni għall-abbuż ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien fiss ( 61 ).

70.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża KG li l-“filwaqt li l‑klawżola 5 tal-imsemmi ftehim qafas tipprevedi obbligi speċifiċi sabiex jiġi evitat l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, dan ma huwiex il-każ tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2008/104.” ( 62 ) L-interpretazzjoni tal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas ma setgħetx, għalhekk, tiġi trasposta għall‑Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 ( 63 ). L‑Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża KG irreferiet b’mod speċifiku għall‑konstatazzjonijiet fil-kawża Sciotto dwar it-trasformazzjoni ta’ kuntratti għal żmien fiss għal kuntratti għal żmien indeterminat qabel ma kkonkludiet, li Sciotto ma setgħetx tiġi trasportata għall-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, minħabba li din id-dispożizzjoni ma timponi ebda obbligi dettaljati jew speċifiċi ( 64 ).

71.

Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda hija fin-negattiv.

72.

Dwar l-obbligi tal-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 10 tad‑Direttiva 2008/104, l-ewwel paragrafu tiegħu jafferma mill-ġdid id-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta ( 65 ). Ir-rekwiżiti tad-dispożizzjoni dwar rimedji effettivi, proporzjonati u dissważivi, kif iggarantiti bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 10, jitolbu li l-Istati Membri jintroduċu miżuri li jkunu effettivi biżżejjed sabiex jinkiseb l-għan tad-Direttiva 2008/104 ( 66 ) u li ġenwinament jipprovdu effett dissważiv ( 67 ). Id-dritt tal-Unjoni ma jitlobx li qrati ta’ Stat Membru joħolqu rimedji li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li partijiet jisiltu mid-dritt tal-Unjoni minbarra dawk stabbiliti mid-dritt nazzjonali ( 68 ), sakemm “l-istruttura tas-sistema ġuridika interna kkonċernata tkun tali li ma jkunx hemm rimedju” ( 69 ). Dan bl-esklużjoni, madankollu, ta’ rimedju li jkun jimplika dikjarazzjoni dwar kuntratt ta’ impjieg permanenti bejn ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija u impriża utenti (għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 69 sa 70 iktar ’il fuq) ( 70 ) jew interpretazzjoni contra legem tad-dritt ta’ Stat Membru (punti 63 sa 64 iktar ’il fuq).

D.   Ir-risposta għar-raba’ domanda

73.

Ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun fis-sens li l-estensjoni ta’ kull perijodu individwali massimu ta’ assenjazzjoni tista’ titħalla fid-diskrezzjoni tal‑partijiet fi ftehim kollettiv, inklużi partijiet fi ftehim kollettiv li jeżerċitaw kompetenza biss fuq is-settur li fih l-impriża utenti tkun attiva. Madankollu, ir‑risposta għat-tieni domanda tapplika l-istess għal tali ftehimiet.

74.

Kif innotat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Ġermanja, l-Istati Membri huma ħielsa jħallu l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-politika soċjali lill-imsieħba soċjali ( 71 ), u li wieħed jista’ jirrikorri għal ftehimiet kollettivi huwa espressament previst fid-Direttiva 2008/104 ( 72 ), minħabba li ma huwiex rilevanti jekk partijiet fi ftehim kollettiv jeżerċitawx kompetenza mhux fuq ir-relazzjoni ta’ impjieg tal‑ħaddiem temporanju kkonċernat permezz ta’ aġenzija, iżda fuq is-settur li fih l‑impriża utenti tkun attiva. ( 73 ) Madankollu, ftehim ta’ kunsill ċentrali ta’ xogħlijiet f’livell ta’ kumpannija supplimentari (milħuq bejn il-konvenuta u l-kunsill ċentrali ta’ xogħlijiet) tal-20 ta’ Settembru 2017 […] jipprovdi, inter alia, li fil‑manifattura, l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji ma għandhiex teċċedi sitta u tletin xahar. Għal ħaddiema temporanji li kienu diġà impjegati fl-1 ta’ April 2017, perijodi li jkunu ġew biss wara l-1 ta’ April 2017 għandhom jgħoddu sabiex ikun ikkalkolat il-perijodu massimu ta’ assenjazzjoni ta’ sitta u tletin xahar. Kif spjegat fil-punti 56 sa 67, din il-preklużjoni hija inkonsistenti mal‑Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, sabiex il-liġi elaborata f’dawk il-punti tkun tapplika ugwalment għal tali ftehimiet kollettivi.

V. Konklużjoni

75.

Għalhekk nipproponi li r-risposta lil Landesarbeitsgericht Berlin‑Brandenburg (il-Qorti Industrijali Superjuri, Berlin‑Brandenburg, il‑Ġermanja) għandha tkun kif ġej:

1.

Sabiex ikun iddeterminat jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2008/104 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, moqrija flimkien mal-frażi ‘b’mod temporanju’ tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104, tipprekludix assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija lill-istess impriża utenti, tul perijodu li jkun jeċċedi ħamsa u ħamsin xahar, għal xogħol li jkun permanenti u li ma jsirx għal kopertura, qorti ta’ Stat Membru jkun jeħtiġilha, skont id-dritt tal-Unjoni, tagħmel l-analiżi li ġejja:

(i)

l-assenjazzjoni suċċessiva ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija lill‑istess impriża utenti rriżultat f’perijodu ta’ servizz li ma jkunx itwal minn dak li raġonevolment jista’ jitqies bħala assenjazzjoni lil impriża utenti ta’ ħaddiema ‘biex jaħdmu b’mod temporanju’ skont l-Artikolu 1(1) tad‑Direttiva 2008/104?

(ii)

Ingħatat spjegazzjoni oġġettiva għad-deċiżjoni tal-impriża utenti li tirrikorri għal sensiela ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija?

(iii)

Kien hemm evażjoni ta’ xi waħda mid-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2008/104?

(iv)

Meqjusa dawn il-fatturi, u meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha, relazzjoni ta’ impjieg permanenti kienet inħbiet wara kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, b’mod inkonsistenti mal-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2008/104?

2.

Liġi ta’ Stat Membru li espressament teskludi milli jitqiesu perijodi ta’ assenjazzjoni qabel data speċifika, iżda li jseħħu wara d-data għall‑implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/104, esklużjoni tali li tkun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, tkun inkonsistenti mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, meta hija tirrendi f’kuntratt it-tul ta’ perijodu ta’ assenjazzjoni li fuqu xorta oħra jkun jista’ jistrieħ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija. Madankollu, f’azzjoni orizzontali bejn żewġ partijiet privati, liġijiet inkonsistenti ta’ Stat Membru li jipprovdu għal tali esklużjoni ma għandhomx ikunu applikati biss jekk dan ma jġigħelx li jkun hemm interpretazzjoni contra legem ta’ liġi ta’ Stat Membru, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi.

3.

Ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija ma għandux dritt, skont id‑Direttiva 2008/104, jistabbilixxi relazzjoni ta’ impjieg permanenti ma’ impriża utenti jekk jinstab użu ħażin ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija skont l‑Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104. Madankollu, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tiddeċiedi, wara li tkun qieset id-dritt kollu ta’ Stat Membru kkonċernat, li interpretazzjoni ta’ dak id-dritt, f’konformità mal-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2008/104, ma ġġigħelx li jkun hemm interpretazzjoni contra legem tad-dritt ta’ Stat Membru, hija għandha tiddetermina jekk ikunx hemm proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji adegwati sabiex jiżgura t-twettiq tal-obbligi li joriġinaw mid-Direttiva 2008/104, u li jiggarantixxu li d-dritt ta’ Stat Membru kkonċernat jipprovdi sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, kif jitlob l‑Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, bla ħsara għal-limitazzjonijiet tal-ġurisprudenza stabbilita.

4.

L-estensjoni ta’ kull perijodu massimu ta’ assenjazzjoni tista’ titħalla fid‑diskrezzjoni tal-partijiet fi ftehim kollettiv, inklużi partijiet fi ftehim kollettiv li jeżerċitaw kompetenza biss fuq is-settur li fih l-impriża utenti tkun attiva. Madankollu, ir-risposta għat-tieni domanda tapplika ugwalment għal tali ftehimiet.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 2008, L 327, p. 9. Ara, qabel dan, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Della Rocca (C‑290/12, EU:C:2013:235); tas-17 ta’ Marzu 2015, AKT (C‑533/13, EU:C:2015:173); tas-17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik (C‑216/15, EU:C:2016:883); tal-14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823); tat-3 ta’ Ġunju 2021, TEAM POWER EUROPE (C‑784/19, EU:C:2021:427); u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Manpower Lit (C‑948/19, EU:C:2021:624) (sentenza pendenti). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2016, IPSO vs ECB (T‑713/14, EU:T:2016:727).

( 3 ) Kif konkluż fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:300).

( 4 ) KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 71).

( 5 ) Ara l-punti 36 sa 55 iktar ’il quddiem.

( 6 ) Ara l-punti 56 sa 67 iktar ’il quddiem.

( 7 ) Ara l-punti 68 sa 72 iktar ’il quddiem.

( 8 ) Pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża AKT (C‑533/13, EU:C:2014:2392, punt 72).

( 9 ) Iżda dan huwa kkontestat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Ġermanja.

( 10 ) Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrent. L-istess osservazzjonijiet bil-miktub jgħidu li l-ftehim kollettiv rilevanti applikabbli għas-settur tal-metallurġija f’Berlin jipprovdi għal ħlas ta’ EUR 15.50 is-siegħa.

( 11 ) Sa mill-1 ta’ Settembru 2015, b’mod alternattiv, u sa mill-1 ta’ Marzu 2016, u iktar b’mod alternattiv, sa mill-1 ta’ Novembru 2016, u iktar b’mod alternattiv, sa mill-1 ta’ Ottubru 2018 jew sa mill-1 ta’ Mejju 2019.

( 12 ) Ara r-rivista ta’ verżjonijiet lingwistiċi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il quddiem.

( 13 ) C‑681/18, EU:C:2020:823.

( 14 ) Sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Petersen (C‑544/11, EU:C:2013:124, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, pereżempju, id-digriet tal-4 ta’ Frar 2016, Baudinet et (C‑194/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:81, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif imsemmi fil-paragrafu 45 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Manpower Lit (C‑948/19, EU:C:2021:624), dwar id-Direttiva 2008/104, fil-proċedura stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, huwa għal qorti li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta li tkun utli għaliha u li biha hija tkun tista’ tiddetermina l-kawża quddiemha.

( 15 ) Ibid., punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata. B’mod simili, KG punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 16 ) Id-domanda magħmula tuża l-kelma “abbuż”. Din inbidlet għal “użu ħażin” ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija f’konformità mal-formulazzjoni tal-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2008/104.

( 17 ) C‑533/13, EU:C:2014:2392, punt 113.

( 18 ) Ara wkoll ibid., il-punt 114.

( 19 ) KG punt 41.

( 20 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni fir-rigward tat-tifsira ta’ “ħaddiem” skont id-Direttiva 2008/104. Ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik (C‑216/15, EU:C:2016:883, punt 36). Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Manpower Lit (C‑948/19, EU:C:2021:624, punt 71), jiena nsostni interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104 dwar ingaġġ f’“attivitajiet ekonomiċi” għall-istess raġuni.

( 21 ) Il-frażi “biex jaħdmu b’mod temporanju” hija riflessa f’verżjonijiet ta’ lingwi oħra tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/104. Ara, pereżempju, il-verżjoni Franċiża “afin de travailler de manière temporaire”; il-verżjoni Bulgara “на временна работа”; il-verżjoni Ġermaniża “um vorübergehend zu arbeiten”; il-verżjoni Spanjola“a fin de trabajar de manera temporal”; il-verżjoni Taljana “per lavorare temporaneamente”; il-verżjoni Portugiża “temporariamente a fim de trabalharem”; il-verżjoni Slovakka “na dočasný výkon práce”; il-verżjoni Ċeka “po přechodnou dobu pracovali”; il-verżjoni Pollakka “w celu wykonywania tymczasowo pracy”; il‑verżjoni Olandiża “tijdelijk te werken”; u l-verżjoni Svediża “för att temporärt arbeta”. Ara wkoll l-analiżi tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża KG (C‑681/18, EU:C:2020:300, punt 51). B’mod kuntrarju għall-argumenti magħmula fl-osservazzjonijiet bil-miktub tar‑rikorrenti, kull sfumatura fil-verżjonijiet lingwistiċi hija insuffiċjenti li tiġġenera dubji fir‑rigward tad-differenza fit-tifsira.

( 22 ) Huwa sinjifikattiv li l-kelma “assenjazzjoni” kif stabbilita fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/104 “tfisser il-perijodu li matulu l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jintbagħat fl‑impriża utenti biex jaħdem temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha”.

( 23 ) KG, punt 61.

( 24 ) Ara b’mod partikolari dwar dan il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża AKT (C‑533/13, EU:C:2014:2392, punti 113 sa 115).

( 25 ) KG, punt 62.

( 26 ) Ara wkoll il-premessa 18 dwar titjib fil-protezzjoni minima ta’ ħaddiema temporanji.

( 27 ) KG, punt 60.

( 28 ) Il-Ġermanja u l-Kummissjoni jirreferu għall-Proposta oriġinali għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kundizzjonijiet tax-xogħol għal ħaddiema temporanji (COM (2002) 149 final); il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-21 ta’ Novembru 2002 sabiex tiġi adottata d-Direttiva 2002/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, ĠU 2004, C 25 E, p. 368; il-proposta emendata għad-direttiva COM (2002)0701) u l-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 24/2008 tal-15 ta’ Settembru 2008 adottata mill-Kunsill, li aġixxa skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, sabiex tkun adottata direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, ĠU 2008, C 254 E, p. 36.

( 29 ) Is-sorsi magħżula mir-rikorrent ma jurux intenzjoni leġiżlattiva lejn esklużjoni totali ta’ pożizzjoni permanenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104. Ara l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-21 ta’ Novembru 2002 sabiex tkun adottata d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/.../KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, ĠU 2004, C 25 E, p. 368, f’p. 373; Il-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 24/2008 tal-15 ta’ Settembru 2008 adottata mill-Kunsill, li aġixxa skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, sabiex tkun adottata direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, ĠU 2008, C 254 E, p. 36, f’p. 41; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija – Ftehim politiku dwar pożizzjoni komuni (QMV)(COM/2008) 0569 final) p. 6.

( 30 ) Kif kien konkluż fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża KG (C‑681/18, EU:C:2020:300).

( 31 ) KG, punt 42.

( 32 ) Ibid., punt 55.

( 33 ) Ibid., punt 57.

( 34 ) Ibid., punt 67.

( 35 ) Ibid., punti 68 sa 71.

( 36 ) Ibid., punt 42.

( 37 ) Ara b’mod partikolari l-punt 71 tas-sentenza KG. Kien x’kien, ir-rikorrent argumenta fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fis-sens li huwa kellu joqgħod għal diżugwaljanza fit‑trattament, b’mod inkonsistenti mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104, kemm dwar paga, kif ukoll riskju ta’ diżimpjieg.

( 38 ) KG, punt 70.

( 39 ) KG, punt 55. Ara wkoll il-punt 57.

( 40 ) KG, punt 60.

( 41 ) Kif diġà ġie nnotat, ksur f’paga inugwali huwa mill-inqas intimat mir-rikorrent fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

( 42 ) KG, punt 54. Għandu jiżdied jingħad li l-obbligu kif interpretat huwa skont l-Artikolu 5(1) u l‑Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104, minkejja l-fatt li, meta Stati Membri jeċċedu r‑rekwiżiti minimi stabbiliti bid-Direttiva 2008/104, huma ma jkunux “jimplimentaw” id-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Manpower Lit (C‑948/19, EU:C:2021:624, punt 61).

( 43 ) Fil-verżjoni fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2011 sal-31 ta’ Marzu 2017. Punt 11 iktar ’il fuq.

( 44 ) KG, punt 63.

( 45 ) KG, punti 64 u 65. Il-prinċipju li d-dritt nazzjonali għandu jkun interpretat f’konformità mad‑dritt tal-Unjoni, li skontu l-qorti nazzjonali hija marbuta li, kemm jista’ jkun, tinterpreta d‑dritt nazzjonali f’konformità mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, huwa inerenti fis-sistema tat‑Trattati, jiġifieri huwa jgħin lil dik il-qorti tiżgura, fil-limiti tal-kompetenza tagħha, l‑effikaċja sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta hija tiddetermina t-tilwima quddiemha. Ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2021, Academia de Studii Economice din Bucureşti (C‑585/19, EU:C:2021:210, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) KG punt 42. Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża KG (C‑681/18, EU:C:2020:300, punt 66).

( 47 ) Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/104.

( 48 ) KG punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara iktar riċenti, pereżempju, il-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2021:620, punti 3031 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 49 ) Punt enfasizzat riċentement fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Thelen Technopark Berlin ibid., punt 32).

( 50 ) KG punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll b’mod partikolari s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 107 sa 119). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 71).

( 51 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 1995, Francovich (C‑479/93, EU:C:1995:372).

( 52 ) Ara sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara iktar riċenti s-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 56).

( 53 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 7678).

( 54 ) Ibid., punt 78.

( 55 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871).

( 56 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Poplawski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 63 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 57 ) Ara wkoll l-Ispjegazzjonijiet għall-Artikolu 31(1) tal-Karta. Dawn jgħidu li d-dispożizzjoni hija fil-fatt ibbażata fuq direttiva, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349) (Ara l-kawża Egenberger u l-kundizzjoni minn qabel ta’ ebda ħtieġa ta’ iktar leġiżlazzjoni). Ir-referenza fl‑ispjegazzjonijiet għall-Artikolu 156 TFUE dwar “kundizzjonijiet tax-xogħol” ma hijiex iktar preċiża. Kif innotat fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża KG (C‑681/18, EU:C:2020:300, punt 44), l-Artikolu 156 TFUE ma jiddefinixxix “kundizzjonijiet tax-xogħol”. Dwar kundizzjonijiet minn qabel ta’ effett dirett, ara riċentement, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631).

( 58 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 79).

( 59 ) Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.

( 60 ) KG, punt 45. Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859).

( 61 ) Sciotto ibid., punti 61 u 62. Għandu jiġi nnotat li d-delineazzjonijiet, f’kull każ, ta’ kull obbligu fuq l-Istati Membri, skont id-Direttiva 1999/70, li jkun hemm faċilità għat-trasformazzjoni ta’ kuntratti għal żmien fiss għal kuntratti ta’ żmien indeterminat jekk ikun hemm abbuż, bħalissa, f’kull każ, huma suġġetti għal żvilupp fil-ġurisprudenza. Ara b’mod partikolari l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża GILDA‑UNAMS et (C‑282/19, EU:C:2021:217) (sentenza pendenti).

( 62 ) KG punt 45.

( 63 ) Ibid.

( 64 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża KG, (C‑681/18, EU:C:2020:300, punt 66).

( 65 ) Ara b’analoġija s-sentenza tal-15 ta’ April 2021, Braathens Regional Aviation (C‑30/19, EU:C:2021:269, punt 33).

( 66 ) Ibid., punt 37.

( 67 ) Ibid., punt 38.

( 68 ) Ibid., punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 69 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 104). Fl-istess kuntest ara s-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2019, Deutsche Lufthansa (C‑379/18, EU:C:2019:1000, punt 61).

( 70 ) Għandu jiġi nnotat li, ukoll jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza kellu jkun rilevanti għall‑interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/104, id-dikjarazzjoni dwar relazzjoni ta’ impjieg introdotta fil-dritt Ġermaniż (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) ma għandhiex x’taqsam ma’ talba analoga ta’ natura purament interna iżda ma’ talba li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni. Ara l‑konklużjonijiet tiegħi fil-kawża GILDA‑UNAMS et (C‑282/19, EU:C:2021:217, nota ta’ qiegħ il-paġna 72) (sentenza pendenti).

( 71 ) Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Ruben Andersen (C‑306/07, EU:C:2008:743, punti 2526). Ara wkoll, pereżempju, sentenza tal-11 ta’ Frar 2010, Ingeniorforeningen i Danmark, (C‑405/08, EU:C:2010:69, punt 39).

( 72 ) Ara l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 11(1), u l-premessi 16, 17 u 19. L-affermazzjoni tar-rikorrent li jew l-Artikolu 9(1) jew l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jista’ jiġi interpretat bħala li jnaqqas din id-diskrezzjoni stabbilita għandha tkun miċħuda, bħala tali tnaqqis ta’ diskrezzjoni ta’ Stat Membru jkun jeħtieġ li jkun hemm formulazzjoni ċara u mhux ambigwa għal dak il‑għan.

( 73 ) Ara d-Domanda 3.3 magħmula u riprodotta fil-punt 26 iktar ’il fuq.

Top