EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CB0082

Kawża C-82/20: Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-24 ta’ Marzu 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-tribunal de grande instance de Rodez – Franza) – BNP Paribas Personal Finance SA vs AN, CN (Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Protezzjoni tal-konsumatur – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat f’munita barranija (frank Svizzeru) – Artikolu 4(2) – Għan ewlieni tal-kuntratt – Klawżoli li jesponu lil min jissellef għal riskju tal-kambju – Rekwiżiti ta’ komprensibbiltà u ta’ trasparenza – Artikolu 3(1) – Żbilanċ sinjifikattiv – Artikolu 5 – Redazzjoni ċara u li tinftiehem ta’ klawżola kuntrattwali)

ĠU C 198, 16.5.2022, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 198, 16.5.2022, p. 11–12 (GA)

16.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/12


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-24 ta’ Marzu 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-tribunal de grande instance de Rodez – Franza) – BNP Paribas Personal Finance SA vs AN, CN

(Kawża C-82/20) (1)

(Talba għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Protezzjoni tal-konsumatur - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat f’munita barranija (frank Svizzeru) - Artikolu 4(2) - Għan ewlieni tal-kuntratt - Klawżoli li jesponu lil min jissellef għal riskju tal-kambju - Rekwiżiti ta’ komprensibbiltà u ta’ trasparenza - Artikolu 3(1) - Żbilanċ sinjifikattiv - Artikolu 5 - Redazzjoni ċara u li tinftiehem ta’ klawżola kuntrattwali)

(2022/C 198/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal de grande instance de Rodez

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BNP Paribas Personal Finance SA

Konvenuti: AN, CN

Fil-prezenza ta’: Caisse régionale de crédit agricole mutuel du Languedoc

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, huwa ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita tal-ħlas u li għandhom l-effett li r-riskju tal-kambju jaqa’ fuq min jissellef, sakemm il-bejjiegħ jew fornitur ikun ipprovda lill-konsumatur informazzjoni suffiċjenti u preċiża li tippermetti lil konsumatur medju, normalment infurmat u raġonevolment attent u prudenti, sabiex jifhem l-operat prattiku tal-mekkaniżmu finanzjarju inkwistjoni u sabiex b’hekk jevalwa r-riskju ta’ konsegwenzi ekonomiċi negattivi potenzjalment sinjifikattivi ta’ klawżoli bħal dawn fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu matul it-tul tal-imsemmi kuntratt?

2)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self, li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita tal-ħlas u li għandhom l-effett li r-riskju tal-kambju, mingħajr previżjoni ta’ limitu massimu, jaqa’ fuq min jissellef, jistgħu joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt għad-detriment tal-konsumatur, peress li l-bejjiegħ jew fornitur ma setax jistenna b’mod raġonevoli, billi jikkonforma mar-rekwiżit ta’ trasparenza fir-rigward tal-konsumatur, li dan tal-aħħar jaċċetta riskju sproporzjonat tal-kambju li jirriżulta minn tali klawżoli, fejn is-sempliċi konstatazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-assenza ta’ bona fide tal-bejjiegħ jew fornitur ma tkunx biżżejjed sabiex tikkaratterizza tali żbilanċ?


(1)  Data tal-preżentata: 14.2.2020.


Top