Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0521

    Kawża T-521/19: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Lulju 2019 — Haswani vs Il-Kunsill

    ĠU C 305, 9.9.2019, p. 67–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.9.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 305/67


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Lulju 2019 — Haswani vs Il-Kunsill

    (Kawża T-521/19)

    (2019/C 305/77)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: George Haswani (Yabroud, is-Sirja) (rappreżentant: G. Karouni, avukat)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/850 tas-27 ta’ Mejju 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/840 tas-27 ta’ Mejju 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/917 tad-29 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/907 tad-29 ta’ Mejju 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;

    tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1245 tal-10 ta’ Lulju 2017 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1241 tal-10 ta’ Lulju 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/778 tat-28 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/774 tat-28 ta’ Mejju 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/806 tas-17 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/798 tas-17 ta’ Mejju 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;

    konsegwentement

    tordna t-tneħħija ta’ isem George Haswani mill-annessi marbuta mal-atti msemmija iktar ’il fuq;

    tikkundanna lill-Kunsill iħallas is-somma ta’ EUR 100 000 bħala kumpens għad-danni morali tar-rikorrent;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż rispettivi tiegħu u għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent, li prova tagħhom ser tingħata mir-rikorrent matul il-proċedura.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talli llimita ruħu li jaċċetta kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali mingħajr ma semma, b’mod speċifiku u konkret, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu ta’ evalwazzjoni, li r-rikorrent għandu jkun suġġett għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Għalhekk, il-Kunsill ma jsemmi ebda element konkret u oġġettiv fil-konfront tar-rikorrent u li jista’ jiġġustigfika l-miżuri inkwistjoni.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-ksur tad-drittijiet fundamentali. Ir-rikorrent isostni li l-miżura kontenzjuża għandha tiġi ddikjarata invalida, peress li din hija sproporzjonata fid-dawl tal-għan iddikjarat u tikkostitwixxi indħil żmiżurat fil-libertà ta’ intrapriża u fid-dritt għall-proprjetà, sanċiti, rispettivament fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-isproporzjonalità tirriżulta mill-fatt li l-miżura tikkonċerna kull attività ekonomika influwenti mingħajr ebda kriterju ieħor.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq l-assenza ta’ prova. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, teżiġi b’mod partikolari li sabiex tistħarreġ il-legalità tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata id-deċiżjoni li isem persuna jiġi inkluż u miżmum fil-listi ta’ persuni kkonċernati mis-sanzjonijiet, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura li din id-deċiżjoni hija msejjsa fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Skont ir-rikorrent, l-allegazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward kemm tar-“rabtiet stretti mar-reġim” kif ukoll dawk relatati mal-allegat rwol ta’ intermedjarju, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet relatai maż-żejt bejn ir-reġim u l-EILL, għandhom jinċaħdu definittivament minħabba li dawn huma mingħajr bażi u huma vvizjati mill-assenza ta’ kull bażi fattwali li ssostnihom.

    4.

    Ir-raba’ motiv jirrigwarda t-talba għad-danni sa fejn l-imputazzjoni ta’ ċerti fatti gravi mhux ipprovati jesponu kemm lir-rikorrent kif ukoll lill-familja tiegħu għal perikoli, u dan jenfasizza l-importanza tad-dannu subit u jiġġustifika t-talba tiegħu għal kumpens.


    Top