Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0862

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Ġunju 2021.
Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Fond Soċjali Ewropew (FSE) – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Annullament parzjali ta’ għajnuna għal programmi operattivi fir-Repubblika Ċeka – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 16(b) – Esklużjoni speċifika – Kuntratti pubbliċi għal servizzi dwar programmi intiżi għal xandir.
Kawża C-862/19 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:493

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Appell – Fond Soċjali Ewropew (FSE) – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Annullament parzjali ta’ għajnuna għal programmi operattivi fir-Repubblika Ċeka – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 16(b) – Esklużjoni speċifika – Kuntratti pubbliċi għal servizzi dwar programmi intiżi għal xandir”

Fil-Kawża C‑862/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑26 ta’ Novembru 2019,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, O. Serdula u J. Vláčil, kif ukoll minn I. Gavrilová, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Ondrůšek u P. Arenas, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika tal-Polonja,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász (Relatur), C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ċeka qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Settembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑629/17, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:596), li permezz tagħha ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2017) 4682 finali, tas‑6 ta’ Lulju 2017, li tannulla parti mill-għajnuna tal-Fond Soċjali Ewropew għall-programm operattiv “Taħriġ fil-qasam tal-kompetittività” skont l-għanijiet “Konverġenza” u “Kompetittività reġjonali u impjiegi” fir-Repubblika Ċeka u parti mill-għajnuna tal-Fond Soċjali Ewropew għall-programm operattiv “Riċerka u żvilupp fil-qasam tal-innovazzjoni” skont l-għan “Konverġenza” fir-Repubblika Ċeka u “Għajnuna Teknika” skont l-għanijiet “Konverġenza” u “Kompetittività reġjonali u impjiegi” fir-Repubblika Ċeka (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 92/50/KEE

2

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), li ġiet imħassra u ssostitwita mid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU 2004, L 134, p. 114), kien jgħid:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] għandhom ifissru kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti, bl-esklużjoni ta’:

[…]

(iv)

kuntratti għall-akkwist, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta’ materjal ta’ programmi minn xandara u kuntratti għal ħin ta’ xandir”.

Id-Direttiva 2004/18

3

Il-premessa 25 tad-Direttiva 2004/18, imħassra bid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18 (ĠU 2014, L 94, p. 65), iżda li hija, f’dan il-każ, applikabbli ratione temporis, kienet tipprovdi:

“L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal ċerti servizzi awdjoviżivi fil-qasam tax-xandir għandhom iħallu l-aspetti ta’ sinifikat kulturali u soċjali biex jiġu meqjusa li tagħmel applikazzjoni ta’ regoli ta’ kisba mhux xierqa. Għal dawn ir-raġunijiet, għandha ssir eċċezzjoni fil-kuntratti għal servizz pubbliku għax-xiri, żvilupp, produzzjoni jew koproduzzjoni ta’ programmi minn fuq l-iskaffa [lesti għall-użu] u servizzi oħra preparatorji, bħal ma huma dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ skripts, jew esekuzzjoni artistika meħtieġa għall-produzzjoni tal-programm u kuntratti li jikkonċernaw ħin ta’ xandir. Però din l-esklużjoni ma tistax tiġi applikata għall-forniment ta’ tagħmir tekniku meħtieġ għall-produzzjoni, koproduzzjoni u x-xandir ta’ dawn il-programmi. Xandira għandha tiġi definita bħala trasmissjoni jew distribuzzjoni li tuża xi forma ta’ network elettroniku.”

4

L-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] għal:

(b)

l-akkwist, żvilupp, produzzjoni jew ko-produzzjoni ta’ materjal ta’ programm intiżi għal xandir minn xandara u kuntratti għal ħin ta’ xandir”.

Id-Direttiva 2014/24

5

L-Artikolu 10(b) tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi ta’ servizzi għal:

[…]

(b)

l-akkwist, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta’ materjal għall-programm maħsuba għas-servizzi tal-media awdjoviżiva jew servizzi tal-media radjofoniċi, li huma mogħtija minn fornituri ta’ servizzi tal-media awdjoviżivi jew radjofoniċi, jew il-kuntratti għal ħin ta’ xandir jew il-forniment ta’ programmi li jingħataw lill-fornituri tas-servizz tal-media awdjoviżivi jew radjofoniċi. […]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

6

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma indikati fil-punti 1 sa 6 tas-sentenza appellata. Għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

7

Permezz tad-Deċiżjonijiet C(2007)5113, tat‑12 ta’ Ottubru 2007, C(2007)6920, tas‑27 ta’ Diċembru 2007, u C(2008)5344, tal‑25 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea adottat, rispettivament, il-programm operattiv “Taħriġ fil-qasam tal-kompetittività”, il-programm operattiv “Riċerka u żvilupp fil-qasam tal-innovazzjoni”, u l-programm operattiv “Għajnuna teknika”, ippreżentati mir-Repubblika Ċeka bis-saħħa tal-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25).

8

Mill‑14 sas‑16 ta’ April 2014, il-Kummissjoni wettqet verifika tal-kuntratti pubbliċi li jirrigwardaw servizzi ta’ xandir koffinanzjati mir-Repubblika Ċeka permezz tar-riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-imsemmija programmi operattivi. Fir-rapport ta’ verifika, il-Kummissjoni rrilevat li erba’ minn dawn il-kuntratti pubbliċi kienu ngħataw direttament, mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt. Issa, il-Kummissjoni qieset li tali għoti dirett ma kienx ammess, peress li l-imsemmija kuntratti ma setgħux ikunu s-suġġett tal-esklużjoni fir-rigward tal-“l-akkwist, żvilupp, produzzjoni jew ko-produzzjoni ta’ materjal ta’ programm intiżi għal xandir minn xandara [organi ta’ xandir]”, prevista fl-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18 (iktar ’il quddiem l-“esklużjoni kontenzjuża”). B’mod partikolari, l-erba’ kuntratti inkwistjoni kienu ngħataw mill-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali kif ukoll mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, taż-Żgħażagħ u għall-Isport, filwaqt li, skont il-Kummissjoni, din l-esklużjoni kienet tapplika biss għall-awtoritajiet kontraenti li kienu organi ta’ xandir.

9

Wara proċedura ta’ korrezzjoni finanzjarja miftuħa mill-Kummissjoni fis‑17 ta’ Ġunju 2016, li fil-kuntest tagħha r-Repubblika Ċeka sostniet li l-esklużjoni kontenzjuża kienet tapplika mhux biss għal-organi ta’ xandir, iżda wkoll għal kull awtorità kontraenti, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, billi annullat parti mill-għajnuna tal-FSE għall-programm operattiv “Għajnuna fil-qasam tal-kompetittività” skont l-għanijiet “Konverġenza” u “Kompetittività reġjonali u impjiegi” fir-Repubblika Ċeka, u parti mill-għajnuna tal-FEŻR għall-programmi operattivi “Riċerka u żvilupp fil-qasam tal-innovazzjoni” skont l-għan “Konverġenza” fir-Repubblika Ċeka, u “Għajnuna teknika” skont l-għanijiet “Konverġenza” u “Kompetittività reġjonali u impjiegi” fir-Repubblika Ċeka. Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni adottat korrezzjonijiet finanzjarji fir-rigward tar-Repubblika Ċeka.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Settembru 2017, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Kummissjoni talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala infondat. Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika tal-Polonja intervjeniet insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka.

11

Insostenn tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, ir-Repubblika Ċeka qajmet motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 99(1)(a) tar‑Regolament Nru 1083/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18. B’mod partikolari, ir-Repubblika Ċeka sostniet li l-għoti dirett tal-kuntratti pubbliċi kontenzjużi kienu konformi mal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18 u li, konsegwentement, il-korrezzjonijiet finanzjarji adottati mill-Kummissjoni ma kinux iġġustifikati. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv uniku u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12

Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

L-argumenti tal-partijiet

14

Fil-kuntest tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ċeka tressaq aggravju wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18. Dan l-aggravju jfittex li juri li l-applikazzjoni tal-esklużjoni kontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi mogħtija minn organi ta’ xandir fil-kwalità tagħhom ta’ awtoritajiet kontraenti.

15

L-uniku aggravju tar-Repubblika Ċeka jinkludi sensiela ta’ erba’ argumenti li jirrigwardaw, rispettivament, l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni u l-interpretazzjoni litterali, teleoloġika u sistematika tagħha.

16

Permezz tas-sensiela ta’ argumenti li jirrigwardaw l-oriġini tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18, hija tallega, qabel kollox, li, għalkemm il-proposta ta’ direttiva tal-Kummissjoni dwar il-Koordinazzjoni tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi għal Servizzi, tat‑13 ta’ Diċembru 1990 [COM(1990) 372 finali], li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 92/50, kienet semmiet esklużjoni li kienet tikkonċerna biss ix-xiri ta’ programmi mill-organi ta’ xandir, il-proċess leġiżlattiv kien madankollu wessa’ l-portata ta’ din l-esklużjoni sabiex tkopri wkoll l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta’ programmi minn organi ta’ xandir. Issa, f’każijiet bħal dawn, l-organu ta’ xandir huwa l-fornitur tas-servizz ta’ żvilupp, ta’ produzzjoni jew ta’ koproduzzjoni tal-programmi. Konsegwentement, l-Artikolu 1(a)(iv) tad-Direttiva 92/50 kien intiż li japplika wkoll għall-kuntratti pubbliċi li fihom l-organu ta’ xandir ma jkunx l-awtorità kontraenti, iżda l-kokontraenti tiegħu.

17

Sussegwentement, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/18, mibdi bil-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti, servizzi u xogħlijiet, tal‑11 ta’ Lulju 2000 [COM(2000) 275 finali], juri li, fid-definizzjoni tal-esklużjoni kontenzjuża, il-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa l-kunċett ta’ programmi “intiżi għal xandir”. B’hekk, l-enfasi tqiegħdet fuq is-suġġett tal-kuntratt u l-użu tiegħu, u mhux fuq il-persuna li teżerċita l-funzjoni ta’ awtorità kontraenti fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt.

18

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, permezz tal-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tal‑20 ta’ Diċembru 2011 [COM(2011) 896 finali], li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2014/24, il-Kummissjoni ssuġġerixxiet li tiġi llimitata l-esklużjoni kontenzjuża għall-awtoritajiet kontraenti li jkunu organi ta’ xandir. Skont dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni reġgħet falliet f’dan ir-rigward, peress li l-Artikolu 10(b) tad-Direttiva 2014/24, kif adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jipprevedi esklużjoni iktar wiesgħa minn dik li kienet ġiet proposta mill-Kummissjoni u li din l-esklużjoni ma hijiex marbuta mal-persuna li teżerċita l-funzjoni ta’ awtorità kontraenti. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(b) tad-Direttiva 2014/24 magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata hija żbaljata.

19

Ir-Repubblika Ċeka tikkonkludi li, fis-seħħ għal kważi 30 sena, l-esklużjoni li hija s-suġġett tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18 qatt ma kienet limitata biss għall-kuntratti pubbliċi konklużi mill-organi ta’ xandir li jaġixxu fil-kwalità ta’ awtoritajiet kontraenti. Skont dan l-Istat Membru, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(b) adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata hija, konsegwentement, kuntrarja għal dak li jirriżulta mill-proċess leġiżlattiv li ta lok għall-adozzjoni ta’ din id-direttiva u ta’ proċessi leġiżlattivi oħra f’dan il-qasam, kif ukoll għall-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni espressa fil-kuntest tal-imsemmija proċessi.

20

Permezz tas-sensiela ta’ argumenti li jirrigwardaw l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tammetti li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex limitat għall-kuntratti pubbliċi konklużi mill-organi ta’ xandir li jaġixxu bħala awtoritajiet kontraenti.

21

Minn naħa, filwaqt li tfakkar li ġie aċċettat, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li l-kliem “minn organi ta’ xandir” jistgħu jikkonċernaw kemm l-awtorità kontraenti kif ukoll is-suġġett tal-kuntratt u x-xandir, dan l-Istat Membru jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset, fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, li ma teżistix rabta bejn il-kliem “organu ta’ xandir” u l-kliem “programmi intiżi għal xandir” ħlief fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, peress li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra huma ekwivoċi, u li verżjoni lingwistika waħda ma tistax isservi bħala bażi għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata. Issa, skont l-imsemmi Stat Membru, verżjonijiet oħra, jiġifieri dawk fil-lingwa Ċeka, Griega, Ingliża, Franċiża, Kroata, Litwana, Ungeriża, Olandiża, Pollakka, Rumena u Slovakka, jikkonfermaw ukoll l-eżistenza ta’ din ir-rabta.

22

Min-naħa l-oħra, jekk jitqies li, fl-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18, il-kliem “mill-organi ta’ xandir” kienu verament marbuta mal-kliem “l-akkwist, żvilupp, produzzjoni jew ko-produzzjoni ta’ materjal ta’ programmi”, l-esklużjoni kontenzjuża ma hijiex madankollu limitata għall-kuntratti pubbliċi konklużi minn organi ta’ xandir li jaġixxu bħala awtoritajiet kontraenti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma ssemmix espressament li l-organu ta’ xandir għandu jkun l-awtorità kontraenti tal-kuntratt pubbliku kkonċernat. Issa, jekk organu ta’ xandir jiżviluppa, jipproduċi jew jikkoproduċi l-programmi u, għaldaqstant, jipprovdi s-servizz, huwa ma jistax, skont ir-Repubblika Ċeka, ikun l-awtorità kontraenti tal-kuntratt pubbliku. Konsegwentement, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument tagħha, li għalih jirreferi dan il-punt.

23

Permezz tas-sensiela ta’ argumenti li jirrigwardaw l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18, ir-Repubblika Ċeka ssostni, l-ewwel nett, li, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-argument tagħha, li jgħid li l-esklużjoni kontenzjuża tirrigwarda biss il-kuntratti pubbliċi għal servizzi li jirrigwardaw programmi intiżi li jiġu trażmessi minn organi ta’ xandir tkun min tkun l-awtorità kontraenti, ma kienx sostnut mill-premessa 25 tad-Direttiva 2004/18. Dan l-Istat Membru jenfasizza li din il-premessa tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni kontenzjuża mhux fid-dawl tal-identità tal-awtorità kontraenti, imma fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt, u jqis li din il-konstatazzjoni hija meħtieġa minħabba l-fatt li l-organi ta’ xandir ma jissemmewx f’din il-premessa.

24

Fit-tieni lok, skont ir-Repubblika Ċeka, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li l-inklużjoni tal-kliem “intiżi għal xandir”, li jinsab fl-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18, tikkorrispondi għall-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li “jirreferi espressament għall-kuntratti ta’ servizzi pubbliċi mogħtija minn organi ta’ xandir li jikkonċernaw programmi intiżi li jixxandru fuq kull network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluż l-internet”. Hija ssostni li, anki mingħajr iż-żieda tal-kliem “intiżi għal xandir”, din id-dispożizzjoni ma tħalli ebda dubju dwar il-fatt li l-programmi jistgħu jixxandru permezz ta’ kull network elettroniku u tqis li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li din il-konklużjoni hija konformi mal-ispirtu tal-aħħar sentenza tal-premessa 25 tad-Direttiva 2004/18, li tgħid li “Xandira għandha tiġi definita bħala trasmissjoni jew distribuzzjoni li tuża xi forma ta’ network elettroniku.”

25

Fit-tielet lok, ir-Repubblika Ċeka tqis li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet b’mod żbaljat l-għan tal-esklużjoni kontenzjuża mis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C‑337/06, EU:C:2007:786). Fil-fatt, minn naħa, il-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kif jirriżulta mill-punti 2, 23 u 29 tagħha, tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-organi pubbliċi ta’ xandir Ġermaniżi, minħabba l-mod ta’ finanzjament tagħhom, kinux jikkostitwixxu awtoritajiet kontraenti, fis-sens tad-Direttiva 2004/18, u jekk l-esklużjoni li tikkonċerna l-programmi kinitx tkopri wkoll servizzi ta’ tindif. Dan l-Istat Membru jsostni li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 62 tal-imsemmija sentenza, li jgħidu li l-esklużjoni kontenzjuża kienet tikkonċerna l-kuntratti pubbliċi li jkollhom bħala suġġett is-servizzi li jolqtu l-funzjoni tal-organi pubbliċi ta’ xandir, kienu jirriżultaw loġikament mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tiddistingwi x-xogħlijiet ta’ tindif mill-ħolqien ta’ programmi u li l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-kwalità pubblika mingħajr l-intenzjoni li toħloq kundizzjoni ġdida għall-applikazzjoni ta’ din l-esklużjoni.

26

Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 38 u 39 tas-sentenza appellata, li jgħidu li l-esklużjoni kontenzjuża hija bbażata fuq il-missjoni ta’ servizz pubbliku tal-organi pubbliċi ta’ xandir u l-awtoritajiet kontraenti li ma jwettqux tali funzjoni ta’ servizz pubbliku ma humiex koperti minn din l-esklużjoni, ma humiex ikkorroborati mis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C‑337/06, EU:C:2007:786), anki jekk wieħed ikollu jibbaża ruħu fuq il-konklużjonijiet ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minn dan ma jirriżultax li l-funzjoni ta’ servizz pubbliku tal-organi ta’ xandir pubbliċi, li tiġġustifika l-esklużjoni kontenzjuża, kellha tiġi protetta biss meta l-organu ta’ xandir ikun l-awtorità kontraenti. L-esklużjoni kontenzjuża għalhekk tapplika wkoll għal tranżazzjoni ta’ organu ta’ xandir li jaġixxi bħala fornitur ta’ programmi mingħajr ma jkun l-awtorità kontraenti f’din it-tranżazzjoni.

27

Permezz tas-sensiela ta’ argumenti li jirrigwardaw l-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18, ir-Repubblika Ċeka ssostni li n-natura żbaljata tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali hija kkonfermata mill-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni tinkludi wkoll esklużjoni oħra għall-kuntratti dwar il-ħin ta’ xandir. Issa, fir-rigward ta’ dawn il-kuntratti, ma hemm ebda dubju li l-organu ta’ xandir ma għandux ikollu l-istatus ta’ awtorità kontraenti, iżda dak ta’ fornitur tal-prestazzjoni karatteristika, jiġifieri l-ħin ta’ xandir tiegħu stess. Dan l-Istat Membru jenfasizza li dan il-fatt ma huwiex ikkontestat mill-Qorti Ġenerali u jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punt 61 tas-sentenza appellata.

28

Skont il-Kummissjoni, għandu jiġi miċħud kollu kemm hu l-argument ippreżentat mir-Repubblika Ċeka fl-appell tagħha u dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Permezz tas-sensiela ta’ argumenti li jirrigwardaw l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18, li għandhom jiġu eżaminati fl-ewwel lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li taċċetta li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tillimitax l-esklużjoni kontenzjuża għall-kuntratti pubbliċi konklużi mill-organi ta’ xandir li jaġixxu fil-kwalità ta’ awtoritajiet kontraenti.

30

F’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-argumenti invokati fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jiġi preżunt li ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18, imsemmija mir-Repubblika Ċeka, jistgħu jikkorroboraw l-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni li hija pproponiet, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-Istat Membru mhux qiegħed jirnexxilu juri li ma jeżistux diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-imsemmija dispożizzjoni, u lanqas li tiġi kkonfutata l-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li tgħid li dan l-Istat Membru ma jurix li ma jeżistux diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-imsemmija dispożizzjoni, u lanqas sabiex tiġi kkonfutata l-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-espressjoni “mill-organi ta’ xandir” tista’ tirreferi kemm għall-“akkwist, żvilupp, produzzjoni jew il-ko-produzzjoni ta’ materjal tal-programmi”, kif ukoll għax-“xandir”.

31

Bl-istess mod, jidher li l-inklużjoni tal-espressjoni “intiżi għal xandir” mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-formulazzjoni tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18, li tikkostitwixxi sors ta’ ambigwità grammatikali, tat lok għal verżjonijiet lingwistiċi diverġenti ta’ din id-dispożizzjoni. Ebda argument invokat mir-Repubblika Ċeka dwar dan is-suġġett ma jinvalida l-fatt li l-użu ta’ din l-espressjoni ma rrendiex univoka, fuq livell grammatikali, il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 41 u 52 sa 54 tas-sentenza appellata.

32

Barra minn hekk, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 77 sa 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija espressjoni ma tinsabx fil-verżjonijiet bil-lingwa Bulgara u Slovena ta’ din id-dispożizzjoni u din l-ommissjoni żżid id-differenzi li jeżistu bejn il-verżjonijiet tal-imsemmija dispożizzjoni.

33

Kien għalhekk li l-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Tarragó da Silveira, C‑250/17, EU:C:2018:398, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata), u li, fil-każ ta’ diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tagħha, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħha hija tikkostitwixxi element (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Ambisig, C‑46/15, EU:C:2016:530, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ddeċidiet, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li kien neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti din id-dispożizzjoni kif ukoll il-kuntest tagħha għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, u lanqas li waslet għall-konklużjoni, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tan-natura ekwivoka tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni inkwistjoni, l-argumenti bbażati fuq il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mir-Repubblika Ċeka kellhom jiġu miċħuda bħala infondati.

35

Min-naħa l-oħra, għall-istess raġunijiet, hemm lok li jiġi osservat li l-argument tar-Repubblika Ċeka msemmi fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, sa fejn huwa bbażat fuq waħda mill-interpretazzjonijiet possibbli tal-kliem tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18, ma jistax, minnu nnifsu, iqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li wassluha twarrab l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ssuġġerita minn dan l-Istat Membru.

36

Fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà li l-organi ta’ xandir jassumu r-rwol ta’ fornitur bl-ebda mod ma taffettwa l-kwistjoni dwar jekk, f’dak li jirrigwarda l-awtoritajiet kontraenti, l-esklużjoni kontenzjuża tkunx applikabbli biss għall-organi ta’ xandir.

37

Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati s-sensiela ta’ argumenti tar-Repubblika Ċeka relatati mal-oriġini tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18.

38

F’dak li jirrigwarda l-argument imsemmi fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika Ċeka ma tikkontestax li, sa fejn hija tipprevedi esklużjoni li tikkonċerna l-akkwist ta’ programmi minn organi ta’ xandir, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni li wasslet għad-Direttiva 92/50 kienet tipprevedi li tillimita din l-esklużjoni unikament għall-kuntratti li tagħhom l-awtorità kontraenti tkun organu ta’ xandir.

39

Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-emendi li saru matul din il-proċedura leġiżlattiva sabiex tiġi emendata l-proposta inizjali tal-Kummissjoni, li qegħdin jiġu invokati minn dan l-Istat Membru, ippreċiżaw u kkompletaw it-tipi ta’ servizzi li jaqgħu taħt l-esklużjoni kontenzjuża. Madankollu, minn tali emenda tal-kamp materjali ta’ din l-esklużjoni ma jistax jiġi dedott li dawn l-emendi wettqu estensjoni tal-entitajiet li jistgħu jibbenefikaw minnha.

40

Fir-rigward tal-argument evokat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, dwar il-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/18, għandu jiġi rrilevat li l-emendi tad-definizzjoni tal-esklużjoni kontenzjuża ma sarux sabiex jenfasizzaw il-kriterju relatat mas-suġġett tal-kuntratt, għad-detriment ta’ dak ibbażat fuq l-identità tal-awtorità kontraenti. Fil-fatt, l-introduzzjoni, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tal-kliem “intiżi għal xandir” fil-formulazzjoni ta’ din l-esklużjoni, kienet motivata min-neċessità li tadatta ruħha għall-progress teknoloġiku, jiġifieri l-espansjoni tax-xandir permezz tal-internet, kif turi, b’mod partikolari, l-aħħar sentenza tal-premessa 25 tad-Direttiva 2004/18.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li sar riferiment għall-inklużjoni tal-kliem “intiżi għal xandir”, fl-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18, fir-rakkomandazzjoni, maħruġa mill-Parlament Ewropew, għat-tieni qari dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fid-dawl tal-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti, servizzi u xogħlijiet, tad‑19 ta’ Ġunju 2003 (A5-0242/2003 finali). Dan id-dokument jesponi, fil-paġni 24 u 25, f’dak li jirrigwarda l-emenda 25, il-“[ġ]ustifikazzjoni” ta’ din l-inklużjoni bil-kliem li ġej: “[I]-akkwist, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-ko-produzzjoni ta’ programmi minn organi ta’ xandir u tal-kuntratti li jirrigwardaw il-ħin ta’ xandir huma diġà esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għal raġunijiet marbuta mal-ħolqien u mal-editjar. Din l-emenda tfittex tippreċiża li din l-eċċezzjoni tapplika wkoll għall-attivitajiet tal-organi ta’ xandir fil-qasam tal-internet, u dan għall-istess raġunijiet”.

42

Bl-istess mod, sar riferiment għal din l-inklużjoni fl-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi tal-Parlament għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, tal‑14 ta’ Awwissu 2003 [COM(2003) 503 finali]. Dan id-dokument jesponi, fil-paġna 4 tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-emenda 25, li, “skont il-ġustifikazzjoni tagħha, l-emenda tibdel l-Artikolu 16(b) sabiex jiġi ppreċiżat li l-eċċezzjoni għandha tkun applikabbli wkoll għall-organi ta’ xandir fil-qasam tal-Internet”.

43

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li ż-żieda tal-kliem “intiżi għal xandir” fl-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18 ma tirriflettix intenzjoni li l-portata tal-esklużjoni kontenzjuża tiġi estiża għall-kuntratti mogħtija minn kull awtorità kontraenti dwar programmi intiżi li jixxandru minn organi ta’ xandir.

44

Fit-tielet lok, fir-rigward tas-sensiela ta’ argumenti li jirrigwardaw l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18, għandu jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 40 sa 43 ta’ din is-sentenza, l-argument tar-Repubblika Ċeka msemmi fil-punt 24 tagħha għandu jiġi miċħud.

45

L-argumenti invokati minn dan l-Istat Membru u msemmija fil-punti 23, 25 u 26 ta’ din is-sentenza lanqas ma jistgħu jintlaqgħu.

46

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18 jeskludi l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għoti tal-kuntratti għal ċerti servizzi awdjoviżivi fil-qasam tax-xandir sabiex, konformement mal-premessa 25 ta’ din id-direttiva, jiġu kkontemplati kunsiderazzjonijiet li jkollhom importanza kulturali u soċjali, li jagħmlu tali applikazzjoni inadegwata. Għalkemm huwa minnu, kif tirrileva r-Repubblika Ċeka, li l-premessa 25 ma ssemmix l-organi ta’ xandir, din iċ-ċirkustanza madankollu la hija ta’ natura li tinvalida u lanqas tikkonferma l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali.

47

Barra minn hekk, anki jekk iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk li wasslu għas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C‑337/06, EU:C:2007:786), il-Qorti Ġenerali fakkret, ġustament, fil-punti 35 sa 38 tas-sentenza appellata, li minn din is-sentenza jirriżulta, b’mod partikolari mill-punti 62 u 64 tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ippreċiżat li, fid-dawl b’mod partikolari tal-imsemmija premessa 25, l-esklużjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi tirrigwarda biss il-kuntratti pubbliċi li jkollhom bħala suġġett is-servizzi relatati mal-funzjoni proprja tal-organi ta’ xandir. Min-naħa l-oħra, huma għalkollox suġġetti għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi li ma jkollhomx relazzjoni mal-attivitajiet li jaqgħu taħt it-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku proprjament imsejjaħ tal-organi pubbliċi ta’ xandir.

48

Għandu jiġi osservat li, fir-rigward tan-natura derogatorja tiegħu, l-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2017, Compania Naţională de Administrare a Infrastructurii Rutiere, C‑408/16, EU:C:2017:940, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-esklużjoni kontenzjuża għandha għalhekk tiġi interpretata bħala li tirreferi biss għall-kuntratti li jingħataw mill-organi ta’ xandir, fil-kwalità ta’ awtoritajiet kontraenti, sabiex iwettqu l-missjoni ta’ servizz pubbliku tagħhom.

49

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddikjarat, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li l-esklużjoni kontenzjuża tikkonċerna biss lill-awtoritajiet kontraenti li jkunu organi ta’ xandir u warrbet, fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, l-argument fis-sens kuntrarju invokat mir-Repubblika Ċeka.

50

Fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rigward tas-sensiela ta’ argumenti invokati mir-Repubblika Ċeka u msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħhom hija tikkontesta l-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18 adottata mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jistax jintlaqa’.

51

Fil-fatt, qabel kollox, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-Repubblika Ċeka, li l-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 16 setgħu jiġu ddefiniti fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratti kkonċernati, tal-identità tal-fornitur tagħhom jew kemm minħabba l-għan tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet inerenti għall-awtorità kontraenti tagħhom. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li “xejn ma jeskludi li diversi kuntratti msemmija mill-istess ittra li tinsab fl-Artikolu 16 ta’ [din id-]direttiva jiġu ddefiniti b’mod differenti, b’mod partikolari, skont l-għan tagħhom, l-awtorità kontraenti tagħhom, jew il-fornitur tagħhom”. Għaldaqstant, huwa possibbli, skont interpretazzjoni sistematika, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18, il-kuntratti li jkollhom bħala suġġett il-ħin ta’ xandir ikunu jistgħu jingħataw kemm minn organi ta’ xandir kif ukoll minn awtoritajiet kontraenti oħra, filwaqt li l-kuntratti li jkollhom bħala suġġett il-programmi, konformement mal-għan imfittex mill-esklużjoni kontenzjuża, ikunu jistgħu jingħataw biss mill-organi ta’ xandir.

52

Wara dan, għandu jiġi rrilevat li, kif ikkonstatat il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka ma għamlet ebda kritika fir-rigward tal-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata, li huma marbuta ma’ element ieħor li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18. Minn dan jirriżulta li s-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratti msemmija f’din id-dispożizzjoni huma koperti wkoll bl-eċċezzjoni li tidher fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 3 tal-Anness IIB ta’ din id-direttiva, fil-verżjoni emendata bir-Regolament (KE) Nru 213/2008 tal-Kummissjoni, tat‑28 ta’ Novembru 2007 (ĠU 2008, L 74, p. 1), li jikkonċerna l-“kuntratti għall-akkwist, żvilupp, produzzjoni jew ko-produzzjoni ta’ materjal ta’ programmi minn xandara u kuntratti għal ħin ta’ xandir”. Għal raġunijiet ta’ koerenza interna tad-Direttiva 2004/18, l-esklużjoni kontenzjuża u dik prevista fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 3 għandhom jitqiesu li għandhom l-istess portata. Issa, il-formulazzjoni tal-imsemmija nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 3 tikkonferma li, filwaqt li l-kuntratti li jkollhom bħala suġġett il-ħin ta’ xandir jistgħu jingħataw kemm minn organi ta’ xandir kif ukoll minn awtoritajiet kontraenti oħra, f’dak li jirrigwarda l-kuntratti li jkollhom bħala suġġett il-programmi, jissemmew biss l-organi ta’ xandir.

53

Fl-aħħar nett, peress li ebda waħda mill-partijiet ma tikkontesta l-konstatazzjoni, li tinsab fl-aħħar sentenza tal-punt 73 tas-sentenza appellata, li d-Direttiva 2014/24 ma kinitx applikabbli ratione temporis għall-fatti msemmija fit-tilwima, kif enfasizzat ir-Repubblika Ċeka stess quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li argumenti bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u fuq il-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tagħha, bħal dawk imsemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jinvalidaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18.

54

Peress li l-argumenti mqajma insostenn tal-uniku aggravju ġew miċħuda kollha kemm huma, hemm lok li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala infondat u li l-appell jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

55

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

56

Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Ċeka tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tal-aggravju uniku tagħha, hemm lok li r-Repubblika Ċeka tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Ċeka għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top