EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0401

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ April 2022.
Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Direttiva (UE) 2019/790 – Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine – Artikolu 11 u Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni – Protezzjoni tal-proprjetà intellettwali – Obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online – Kontroll awtomatiku minn qabel (filtrazzjoni) tal-kontenut imqiegħed online mill-utenti.
Kawża C-401/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:297

 SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ April 2022 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Direttiva (UE) 2019/790 – Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine – Artikolu 11 u Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni – Protezzjoni tal-proprjetà intellettwali – Obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online – Kontroll awtomatiku minn qabel (filtrazzjoni) tal-kontenut imqiegħed online mill-utenti”

Fil-Kawża C‑401/19,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fil‑24 ta’ Mejju 2019,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, M. Wiącek u J. Sawicka, bħala aġenti, assistiti minn J. Barski, bħala espert,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn D. Warin, S. Alonso de León u W. D. Kuzmienko, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Alver, F. Florindo Gijón u D. Kornilaki, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn S. Centeno Huerta u J. Rodríguez de la Rúa Puig, sussegwentement minn Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.-L. Desjonquères u A. Daniel, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Portugiża, inizjalment irrappreżentata minn M. A. Capela de Carvalho Galaz Pimenta, P. Barros da Costa, P. Salvação Barreto u L. Inez Fernandes, sussegwentement minn Capela de Carvalho Galaz Pimenta, Barros da Costa u Salvação Barreto, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Erlbacher, S. L. Kalėda, J. Samnadda u B. Sasinowska, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič (Relatur), J.-C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Novembru 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, li tannulla l-punt (b) u l-punt (c) in fine tal-Artikolu 17(4) tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU 2019, L 130, p. 92), u, sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu sseparati minn dispożizzjonijiet oħra tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, mingħajr ma tinbidel is-sustanza tal-artikolu, li tannulla dan l-Artikolu 17 fl-intier tiegħu.

Il‑kuntest ġuridiku

Il‑Karta

2

L-Artikolu 11(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) huwa fformulat kif ġej:

“Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ l-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.”

3

L-Artikolu 17(2) tal-Karta jipprevedi li “[i]l-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta”.

4

Skont l-Artikolu 52(1) u (3) tal-Karta:

“1.   Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti [mill-]Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni [Ewropea] jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[…]

3.   Safejn […] il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali [(KEDB)], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

5

Skont l-Artikolu 53 tal-Karta, “[x]ejn [fil]-Karta m’għandu jiġi interpretat bħala li jillimita jew li jolqot b’mod negattiv id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġi internazzjonali u mill-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma parti, b’mod partikolari l-[KEDB], u mill-kostituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri”.

Id‑Direttiva 2000/31/KE

6

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), jipprevedi:

“Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

(a)

dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat, ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti;

jew

(b)

dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni.”

Id‑Direttiva 2001/29/KE

7

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

Id‑Direttiva 2019/790

8

Il-premessi 2, 3, 61, 65, 66, 70 u 84 tad-Direttiva 2019/790 jiddikjaraw:

“(2)

Id-direttivi li ġew adottati fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq intern, jipprevedu livell għoli ta’ protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet, jiffaċilitaw l-ikklerjar tad-drittijiet u joħolqu qafas li fih jista’ jsir l-isfruttament ta’ xogħlijiet u materjal protett ieħor. Dak il-qafas legali armonizzat jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jistimula l-innovazzjoni, il-kreattività, l-investiment u l-produzzjoni ta’ kontenut ġdid, anki fl-ambjent diġitali, sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern. Il-protezzjoni mogħtija minn dak il-qafas legali tikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet tal-Unjoni ta’ rispett u promozzjoni tad-diversità kulturali, filwaqt li fl-istess ħin tressaq il-wirt kulturali komuni Ewropew fuq quddiem nett. […]

(3)

L-iżviluppi teknoloġiċi mgħaġġla qed ikomplu jbiddlu l-mod kif ix-xogħlijiet u materjal protett ieħor jinħolqu, jiġu prodotti, distribwiti u sfruttati. Qed ikomplu joħorġu mudelli kummerċjali ġodda u atturi ġodda. Il-leġislazzjoni rilevanti teħtieġ tkun valida għall-futur sabiex ma tillimitax l-iżvilupp teknoloġiku. L-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti mill-Unjoni fil-qafas tad-drittijiet tal-awtur jibqgħu sodi. Madankollu, […] f’xi oqsma huwa meħtieġ li l-qafas tad-drittijiet tal-awtur attwali tal-Unjoni jiġi adattat u supplimentat, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet oħrajn. […]

[…]

(61)

Matul dawn is-snin reċenti, il-funzjonament tas-suq tal-kontenut online sar iktar kumpless. Is-servizzi online tal-kondiviżjoni tal-kontenut li jipprovdu aċċess għal ammont kbir ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur imtella’ mill-utenti tagħhom saru sors ewleni ta’ aċċess għall-kontenut online. Is-servizzi online huma mezz kif jingħata aċċess usa’ għal xogħlijiet kulturali u kreattivi u jiġu offruti opportunitajiet kbar biex l-industriji kulturali u kreattivi jiżviluppaw mudelli kummerċjali ġodda. Madankollu, għalkemm huma jippermettu d-diversità u l-faċilità tal-aċċess għall-kontenut, huma jiġġeneraw ukoll kontestazzjonijiet meta kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur jittella’ mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detenturi tad-drittijiet. Teżisti inċertezza legali dwar jekk il-fornituri ta’ tali servizzi jinvolvux ruħhom f’atti rilevanti għad-drittijiet tal-awtur u jekk hemmx bżonn li jiksbu awtorizzazzjonijiet mid-detenturi tad-drittijiet għall-kontenut imtella’ mill-utenti tagħhom li ma jkollhomx id-drittijiet rilevanti fil-kontenut imtella’, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fil-liġi tal-Unjoni. Dik l-inċertezza taffettwa l-kapaċità tad-detenturi tad-drittijiet li jiddeterminaw jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, ix-xogħlijiet u materjal ieħor tagħhom jintużawx kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiksbu remunerazzjoni xierqa għal tali użu. Għalhekk huwa importanti li jitrawwem l-iżvilupp tas-suq tal-liċenzjar bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online. Dawn il-ftehimiet ta’ liċenzjar jenħtieġ li jkunu ġusti u jżommu bilanċ raġonevoli bejn iż-żewġ partijiet. Id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet u ta’ materjal ieħor tagħhom. Madankollu, billi l-libertà kuntrattwali jenħtieġ li ma tiġix affettwata minn dawk id-dispożizzjonijiet, id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li ma jkunux obbligati jagħtu awtorizzazzjoni jew jikkonkludu ftehimiet ta’ liċenzjar.

[…]

(65)

Meta l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jkunu responsabbli għal atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew għad-disponibbiltà tagħhom lill-pubbliku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2000/31] jenħtieġ li ma japplikax għar-responsabbiltà li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar l-użu ta’ kontenut protett mill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online. Jenħtieġ li dak ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2000/31] għal tali fornituri ta’ servizz għal finijiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(66)

Filwaqt li jitqies il-fatt li l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħtu aċċess għal kontenut li ma jkunx imtella’ minnhom iżda mill-utenti tagħhom, huwa xieraq li jiġi previst mekkaniżmu speċifiku ta’ responsabbiltà għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għall-każijiet fejn ma tkun ingħatat l-ebda awtorizzazzjoni. […] Meta ma tkun ingħatat l-ebda awtorizzazzjoni lill-fornituri ta’ servizz, jenħtieġ li huma jagħmlu ħilithom kollha skont standards tal-industrija għoljin ta’ diliġenza professjonali biex jevitaw id-disponibbiltà fuq is-servizzi tagħhom ta’ xogħlijiet u materjal ieħor mhux awtorizzati, kif identifikat mid-detenturi tad-drittijiet rilevanti. Għal dak l-għan, id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jipprovdu lill-fornituri ta’ servizz bl-informazzjoni rilevanti u neċessarja li tqis, fost fatturi oħra, id-daqs taddetenturi tad-drittijiet u t-tip ta’ xogħlijiet u materjal ieħor tagħhom. Jenħtieġ li l-passi meħuda mill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online b’kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet ma jwasslux biex jipprevjenu d-disponibbiltà ta’ kontenut mingħajr ksur, inkluż xogħlijiet jew materjal protett ieħor koperti minn ftehim ta’ liċenzjar, jew eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. Passi meħuda minn tali fornituri ta’ servizz, għalhekk, jenħtieġ li ma jaffettwawx lill-utenti li qed jużaw is-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online i sabiex itellgħu u jaċċessaw b’mod legali l-informazzjoni dwar tali servizzi.

Barra minn hekk l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva 13 jenħtieġ li ma jwasslux biex l-Istati Membri jimponu obbligu ta’ monitoraġġ ġenerali. Meta jiġi vvalutat jekk fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online ikunx għamel ħiltu kollha f’konformità mal-istandards tal-industrija għoljin tad-diliġenza professjonali, jenħtieġ li jitqies jekk il-fornitur ta’ servizz ikunx ħa l-passi kollha li jittieħdu minn operatur diliġenti biex jikseb ir-riżultat tal-prevenzjoni tad-disponibbiltà ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor mhux awtorizzati fuq is-sit web tiegħu, filwaqt li jitqiesu l-aħjar prattiki tal-industrija u l-effettività tal-passi meħuda fid-dawl tal-fatturi u l-iżviluppi rilevanti kollha, kif ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità. Għall-finijiet ta’ dik il-valutazzjoni, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati għadd ta’ elementi, bħad-daqs tas-servizz, l-istat l-aktar avvanzat li jkun qed jevolvi fir-rigward tal-mezzi eżistenti, inklużi l-iżviluppi futuri potenzjali, biex tiġi evitata d-disponibbiltà ta’ tipi differenti ta’ kontenut u l-ispiża ta’ tali mezzi għas-servizzi. Mezzi differenti biex tiġi evitata d-disponibbiltà ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur mhux awtorizzat jistgħu jkunu xierqa u proporzjonati skont it-tip ta’ kontenut, u, għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li f’xi każijiet id-disponibbiltà ta’ kontenut mhux awtorizzat tista’ tiġi evitata biss b’notifika tad-detenturi tad-drittijiet. Kwalunkwe pass li jieħdu l-fornituri ta’ servizz jenħtieġ li jkun effettiv fir-rigward tal-objettivi mixtieqa iżda jenħtieġ li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv li tiġi evitata u mitmuma ddisponibbiltà ta’ xogħlijiet u materjal ieħor mhux awtorizzati.

[…]

(70)

Jenħtieġ li l-passi li jittieħdu mill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online f’kooperazzjoni ma’ detenturi tad-drittijiet ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur, inkluż, b’mod partikolari, dawk li jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni tal-utenti. Jenħtieġ li l-utenti jitħallew itellgħu u jagħmlu disponibbli kontenut iġġenerat mill-utenti għall-iskopijiet speċifiċi ta’ kwotazzjoni, kritika, riċensjoni, karikatura, parodija jew pastiċċ. Dak huwa partikolarment importanti għall-finijiet li jinstab bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-[Karta], b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-arti, u d-dritt għall-proprjetà, inkluża l-proprjetà intellettwali. Jenħtieġ li dawk l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet, għalhekk, isiru obbligatorji sabiex jiġi żgurat li l-utenti jirċievu protezzjoni uniformi fl-Unjoni. Huwa importanti li jiġi żgurat li fornituri ta’ servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online joperaw mekkaniżmu effikaċi għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju sabiex jappoġġaw l-użu għal tali skopijiet speċifiċi.

Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jistabbilixxu wkoll mekkaniżmi għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju effikaċi u rapidi li jippermettu lill-utenti jressqu lment dwar il-passi meħuda fir-rigward tal-uploads tagħhom, b’mod partikolari meta jkunu jistgħu jibbenefikaw minn eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur fir-rigward ta’ upload li l-aċċess għalih ikun ġie diżattivat jew li tneħħa. Jenħtieġ li kwalunkwe lment imressaq taħt tali mekkaniżmi jiġi pproċessat mingħajr dewmien żejjed u jkun soġġett għal reviżjoni minn bniedem. Meta d-detenturi tad-drittijiet jitolbu li l-fornituri ta’ servizz jieħdu azzjoni kontra l-uploads min-naħa tal-utenti, bħad-diżattivazzjoni tal-aċċess jew it-tneħħija tal-kontenut imtella’, jenħtieġ li tali detenturi tad-drittijiet jiġġustifikaw it-talbiet tagħhom kif xieraq. […] Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll li l-utenti jkollhom aċċess għal mekkaniżmi ta’ rimedju alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim. Jenħtieġ li tali mekkaniżmi jippermettu li t-tilwim jiġi solvut b’mod imparzjali. Jenħtieġ li l-utenti jkollhom wkoll aċċess għal qorti jew awtorità ġudizzjarja rilevanti oħra biex isostnu l-użu ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati.

[…]

(84)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi interpretat u applikat bi qbil ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji.”

9

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2019/790, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li din tistabbilixxi regoli li għandhom l-għan li jkomplu jarmonizzaw il-liġi tal-Unjoni applikabbli għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-użi diġitali u transfruntieri tal-kontenut protett u li hija tistabbilixxi wkoll regoli dwar l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, dwar il-faċilitazzjoni tal-liċenzji, kif ukoll regoli li għandhom l-għan li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq għall-isfruttament tax-xogħlijiet u materjal ieħor protett. Dan l-artikolu jindika, fil-paragrafu 2 tiegħu, li d-Direttiva 2019/790 ma taffettwax, bħala prinċipju, ir-regoli eżistenti stabbiliti fid-direttivi fis-seħħ f’dan il-qasam, b’mod partikolari fid-Direttivi 2000/31 u 2001/29.

10

L-ewwel paragrafu tal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi, għall-għanijiet tagħha, il-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” bħala “fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li l-iskop prinċipali jew wieħed mill-iskopijiet prinċipali tiegħu huwa li jaħżen u jagħti aċċess lill-pubbliku għal ammont sinifikanti ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal ieħor protett mtellgħin mill-utenti tiegħu, li s-servizz jorganizza u jippromwovi għal skopijiet ta’ qligħ”. It-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jeskludi minn dan il-kunċett “[i]l-fornituri ta’ servizz, bħal enċiklopediji online mingħajr skopijiet ta’ qligħ, repożitorji edukattivi u xjentifiċi mingħajr skopijiet ta’ qligħ, pjattaformi ta’ żvilupp ta’ software u ta’ kondiviżjoni b’sors miftuħ, fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi […], swieq online u servizzi tal-cloud għan-negozju u servizzi cloud li jippermettu lill-utenti jtellgħu kontenut għall-użu tagħhom stess”.

11

L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-użu ta’ kontenut protett minn fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online”, huwa l-unika dispożizzjoni li tinsab fil-Kapitolu 2, intitolat “Ċerti użi ta’ kontenut protett minn servizzi online”, tat-Titolu IV tal-istess direttiva, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Miżuri biex jinkiseb suq għad-drittijiet tal-awtur li jaħdem sew”. Dan l-Artikolu 17 huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew f’att ta’ disponibbiltà għall-pubbliku għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva meta jagħti aċċess pubbliku għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal protett ieħor imtella’ mill-utenti tiegħu.

Fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandu għaldaqstant jikseb awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva [2001/29], pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta’ liċenzjar, sabiex jikkomunika lill-pubbliku jew jagħmel disponibbli lill-pubbliku xogħlijiet jew materjal ieħor.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fejn fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jikseb awtorizzazzjoni, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta’ liċenzjar, dik l-awtorizzazzjoni għandha tkopri wkoll atti mwettqa mill-utenti ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [2001/29] meta ma jkunux qed jaġixxu fuq bażi kummerċjali jew fejn l-attività tagħhom ma tiġġenerax dħul sinifikanti.

3.   Meta fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew għad-disponibbiltà tagħhom lill-pubbliku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, il-limitazzjoni ta’ responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2000/31] m’għandhiex tapplika għas-sitwazzjonijiet koperti minn dan l-Artikolu.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu m’għandux jaffettwa l-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2000/31] għal dawk il-fornituri ta’ servizz għal finijiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

4.   Jekk ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni, il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandhom ikunu responsabbli għal atti ta’ komunikazzjoni mhux awtorizzati lill-pubbliku, inkluż li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur u materjal ieħor, sakemm il-fornituri ta’ servizz ma jurux li huma:

(a)

għamlu l-aħjar sforzi biex jiksbu awtorizzazzjoni, u

(b)

f’konformità mal-istandards għoljin ta’ diliġenza professjonali tal-industrija, għamlu l-aħjar sforzi biex jiżguraw li ma kienx hemm disponibbli xogħlijiet speċifiċi u materjal ieħor li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdew l-informazzjoni rilevanti u neċessarja lill-fornituri ta’ servizz; u fi kwalunkwe każ,

(c)

aġixxew malajr, malli rċevew notifika sostanzjata biżżejjed mid-detenturi tad-drittijiet, biex jiddiżattivaw l-aċċess għal, jew ineħħu, mis-siti web tagħhom ix-xogħlijiet jew materjal ieħor notifikati, u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom skont il-punt (b).

5.   Meta jkun irid jiġi ddeterminat jekk il-fornitur ta’ -servizz huwiex konformi mal-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 4, u fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandhom, fost oħrajn, jitqiesu l-elementi li ġejjin:

(a)

it-tip, l-udjenza u d-daqs tas-servizz u t-tip ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor imtella’ mill-utenti tas-servizz; u

(b)

id-disponibbiltà ta’ mezzi xierqa u effikaċi u l-ispiża tagħhom għall-fornituri ta’ servizz.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online ġodda li s-servizzi tagħhom kienu disponibbli għall-pubbliku fl-Unjoni għal inqas minn tliet snin u li għandhom fatturat annwali ta’ inqas minn EUR 10 miljun, ikkalkolat f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE [tas‑6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU 2003, L 124, p. 36)], il-kundizzjonijiet taħt ir-reġim ta’ responsabbiltà stabbilit fil-paragrafu 4 huma limitati għall-konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 4 u li jaġixxu malajr, malli jirċievu avviż sostanzjat biżżejjed, biex jiddiżattivaw l-aċċess għax-xogħlijiet jew għal materjal ieħor notifikati jew li jneħħu dawk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor mis-siti web tagħhom.

Meta l-għadd medju ta’ viżitaturi uniċi ta’ kull xahar ta’ tali fornituri ta’ servizz jaqbeż il-5 miljuni, ikkalkolat abbażi tas-sena kalendarja preċedenti, għandhom juru wkoll li għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu uploads ulterjuri tax-xogħlijiet u ta’ materjal ieħor notifikati li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ipprovdew informazzjoni rilevanti u neċessarja.

7.   Il-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet m’għandhiex tirriżulta fil-prevenzjoni tad-disponibbiltà ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor imtella’ mill-utenti li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, inkluż fejn tali xogħlijiet jew materjal ieħor ikunu koperti minn eċċezzjoni jew limitazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti f’kull Stat Membru jkunu jistgħu jserrħu fuq kwalunkwe mill-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet eżistenti li ġejjin meta jtellgħu u jagħmlu disponibbli l-kontenut iġġenerat mill-utenti dwar is-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online:

(a)

kwotazzjoni, kritika jew riċensjoni;

(b)

użu għal skop ta’ karikatura, parodija jew pastiċċ;

8.   L-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu m’għandhiex twassal għal obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet, fuq talba tagħhom, b’informazzjoni adegwata dwar il-funzjonament tal-prattiki tagħhom fir-rigward tal-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 u, fejn jiġu konklużi ftehimiet ta’ liċenzjar bejn il-fornituri ta’ servizz u d-detenturi tad-drittijiet, informazzjoni dwar l-użu tal-kontenut kopert mill-ftehimiet.

9.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal- kontenut online jistabbilixxu mekkaniżmu effettiv u rapidu għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju li jkun disponibbli għall-utenti tas-servizzi tagħhom f’każ ta’ tilwim dwar id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, jew it-tneħħija ta’, xogħlijiet jew materjal ieħor imtella’ minnhom.

Fejn id-detenturi tad-drittijiet jitolbu li l-aċċess għax-xogħlijiet speċifiċi jew materjal ieħor tagħhom jiġi diżattivat jew li dawk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor jitneħħew, dawn għandhom jiġġustifikaw debitament ir-raġunijiet għat-talbiet tagħhom. L-ilmenti mressqa taħt il-mekkaniżmu previst fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu pproċessati mingħajr dewmien żejjed, u d-deċiżjonijiet biex jiġi diżattivat jew jitneħħa l-aċċess għall-kontenut imtella’ għandhom ikunu soġġetti għal rieżami minn bniedem. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-mekkaniżmi ta’ rimedju alternattivi jkunu disponibbli għas-soluzzjoni tat-tilwim. Tali mekkaniżmi għandhom jippermettu li t-tilwim jiġi solvut b’mod imparzjali u m’għandhomx iċaħħdu lill-utent mill-protezzjoni legali mogħtija mil-liġi nazzjonali, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-utenti li jkollhom rikors għal rimedji ġudizzjarji effiċjenti. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti jkollhom aċċess għal qorti jew awtorità ġudizzjarja rilevanti oħra biex isostnu l-użu ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni għar-regoli tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati.

Din id-Direttiva bl-ebda mod m’għandha taffettwa l-użi leġittimi, bħalma huma l-użi taħt l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti mil-liġi tal-Unjoni, u m’għandha twassal għall-ebda identifikazzjoni tal-utenti individwali u lanqas għall-ipproċessar tad-data personali, ħlief skont id-Direttiva 2002/58/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514)] u r-Regolament (UE) 2016/679 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1)].

Il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandhom jinfurmaw lill-utenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom li jistgħu jużaw xogħlijiet u materjal ieħor taħt eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati previsti mil-liġi tal-Unjoni.

10.   Sa mis‑6 ta’ Ġunju 2019 il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha torganizza djalogi mal-partijiet ikkonċernati biex jiġu diskussi l-aħjar prattiki għall-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet. Il-Kummissjoni għandha, b’konsultazzjoni mal-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, id-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet tal-utenti u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u filwaqt li tqis ir-riżultati tad-djalogi mal-partijiet ikkonċernati, toħroġ gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari rigward il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4. Meta jiġu diskussi l-aħjar prattiki, għandha titqies, fost l-oħrajn, il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u l-użu tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet. Għall-fini tad-djalogi mal-partijiet ikkonċernati, l-organizzazzjonijiet tal-utenti għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni adegwata mill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online dwar il-funzjonament tal-prattiki tagħhom fir-rigward tal-paragrafu 4”.

It‑talbiet tal‑partijiet u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

12

Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punt (b) tal-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 u l-punt (c) in fine ta’ dan l-Artikolu 17(4), jiġifieri għal dak li jirrigwarda l-kliem “u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom skont il-punt (b)”;

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dawn id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu sseparati minn dispożizzjonijiet oħra tal-Artikolu 17 tal-imsemmja direttiva mingħajr ma tinbidel is-sustanza tal-artikolu, li tannulla dan l-artikolu 17 fl-intier tiegħu;

tikkundana lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

13

Il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors bħala infondat u tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

14

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-talbiet imressqa b’mod prinċipali bħala inammissibbli jew tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu bħala infondat u tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Ottubru 2019, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni Ewropea ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill, skont l-Aritkolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq ir‑rikors

Fuq l‑ammissibiltà

16

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni, isostnu li t-talbiet ippreżentati b’mod prinċipali huma inammissibbli, peress li l-punt (b) u l-punt (c) in fine tal-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 ma jistgħux jiġu sseparati mill-bqija ta’ dan l-Artikolu 17.

17

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li tagħhom ikun qiegħed jintalab l-annullament ikunu separabbli mill-kumplament tal-att. Il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jbiddel is-sustanza tiegħu (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑626/18, EU:C:2020:1000, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

18

Barra minn hekk, il-verifika tan-natura separabbli tal-elementi ta’ att tal-Unjoni tippreżumi l-eżami tal-portata tagħhom sabiex jiġi evalwat jekk annullament ta’ dawn l-elementi jbiddilx l-ispirtu u s-sustanza ta’ dan l-att (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑626/18, EU:C:2020:1000, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19

Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni jbiddilx is-sustanza ta’ dan l-att tikkostitwixxi kriterju oġġettiv u mhux kriterju suġġettiv marbut mar-rieda politika tal-istituzzjoni li tkun adottat l-imsemmi att (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑626/18, EU:C:2020:1000, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif isostnu l-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 jistabbilixxi, fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, sistema ġdida ta’ responsabbiltà, li d-diversi dispożizzjonijiet tagħha fit-totalità tagħhom jiffurmaw u, kif jirriżulta mill-premessi 61 u 66 ta’ din id-direttiva, hija intiża li tistabbilixxi l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-interessi ta’ dawn il-fornituri, dawk tal-utenti tas-servizzi tagħhom u dawk tad-detenturi tad-drittijiet. B’mod partikolari, l-annullament tal-punt (b) u l-punt (c) in fine biss tal-Artikolu 17(4) tal-imsemmija direttiva jkollu bħala konsegwenza li jissostitwixxi, flok din is-sistema ta’ responsabbiltà, sistema li hija kemm kompletament differenti u kif ukoll ħafna iktar favorevoli għal dawn il-fornituri. Bħala konsegwenza, tali annullament parzjali jbiddel is-sustanza ta’ dan l-Artikolu 17.

21

Minn dan jirriżulta li l-punt (b) u l-punt (c) in fine tal-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 ma jistgħux jiġu sseparati mill-bqija tal-Artikolu 17 u li, għaldaqstant, it-talbiet imressqa b’mod prinċipali, intiżi biss għall-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huma inammissibbli.

22

Min-naħa l-oħra, ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, li jinsab f’kapitolu separat mit-Titolu IV tagħha, dwar miżuri intiżi li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq tad-drittijiet tal-awtur, huwa separabbli mill-kumplament ta’ din id-direttiva u li, għaldaqstant, it-talbiet imressqa b’mod sussidjarju mir-Repubblika tal-Polonja, intiżi għall-annullament ta’ dan l-Artikolu 17 fl-intier tiegħu, huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

23

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni, iggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta.

24

Dan il-motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq l-argument li, sabiex jiġu eżentati minn kull responsabbiltà għall-fatt li jingħata lill-pubbliku l-aċċess għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew lil materjal ieħor protett li jkunu ttellgħu mill-utenti tagħhom bi ksur tad-drittijiet tal-awtur, il-fornituri ta’ servizzi tal-kondiviżjoni ta’ kontenut online huma obbligati, skont l-Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine, tad-Direttiva 2019/790, li jwettqu, b’mod preventiv, il-monitoraġġ tal-kontenut kollu li l-utenti jixtiequ jqiegħdu online. Biex jagħmlu dan, huma għandhom jużaw għodod diġitali li jippermettu l-filtrazzjoni awtomatika minn qabel ta’ dan il-kontenut. Billi jimponu, de facto, tali miżuri ta’ monitoraġġ preventiv lill-fornituri ta’ servizzi tal-kondiviżjoni ta’ kontenut online mingħajr ma jipprevedu garanziji li jiżguraw ir-rispett tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi jikkostitwixxu limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fundamentali li ma josservax la l-kontenut essenzjali tiegħu u lanqas il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li, konsegwentement, ma jistgħux jitqiesu li huma ġġustifikati.

25

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni, jikkontestaw il-fondatezza tal-imsemmi motiv waħdieni.

Fuq is‑sistema ta’ responsabbiltà introdotta fl‑Artikolu 17 tad‑Direttiva 2019/790

26

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, ir-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għall-fatt li jagħtu lill-pubbliku l-aċċess għal kontenut protett, imtella’ fuq il-pjattaformi tagħhom minn utenti ta’ dawn tal-aħħar bi ksur tad-drittijiet tal-awtur, kienet irregolata mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31.

27

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, li fuqha l-utenti jistgħu jqiegħdu illegalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kontenut protett, ma jwettaqx “komunikazzjoni lill-pubbliku” tiegħu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm ma jikkontribwixxix, lil hinn mis-sempliċi provvista tal-pjattaforma, fl-għoti lill-pubbliku ta’ aċċess għal tali kontenut bi ksur tad-drittijiet tal-awtur. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta dan l-operatur ikollu għarfien konkret tal-provvista illegali ta’ kontenut protett fuq il-pjattaforma tiegħu u jastjeni milli jħassarha jew jibblokka l-aċċess għaliha b’mod immedjat, jew meta l-imsemmi operatur, minkejja li jaf jew għandu jkun jaf li, b’mod ġenerali, kontenut protett ikun tqiegħed illegalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-pjattaforma tiegħu minn utenti tagħha, jastjeni milli jimplimenta l-miżuri tekniċi xierqa li wieħed jistenna minn operatur normalment diliġenti fis-sitwazzjoni tiegħu sabiex jikkombatti b’mod kredibbli u effettiv il-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq din il-pjattaforma, jew meta jipparteċipa fl-għażla ta’ kontenut protett ikkomunikat illegalment lill-pubbliku, jipprovdi fuq il-pjattaforma tiegħu għodod speċifikament maħsuba għall-kondiviżjoni illegali ta’ tali kontenut jew xjentement jippromwovi tali kondiviżjoni, li jista’ jidher mill-fatt li l-operatur adotta mudell ekonomiku li jinkoraġġixxi lill-utenti tal-pjattaforma tiegħu jikkomunikaw illegalment lill-pubbliku kontenut protett fuqha (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 102).

28

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-attività tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, sakemm dan l-operatur ma għandux irwol attiv ta’ natura li jagħtih għarfien jew kontroll tal-kontenut imtella’ fuq il-pjattaforma tiegħu. Barra minn hekk, sabiex jiġi eskluż, skont l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista f’dan l-Artikolu 14(1), tali operatur għandu jkun jaf bl-atti illegali konkreti tal-utenti tiegħu relatati ma’ kontenut protett li jkun ġie mtella’ fuq il-pjattaforma tiegħu (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punti 117118).

29

Madankollu, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 61 u 66 tad-Direttiva 2019/790, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li, fid-dawl tal-fatt li, matul dawn l-aħħar snin, il-funzjonament tas-suq tal-kontenut online sar iktar kumpless u li s-servizzi ta’ qsim ta’ dan il-kontenut li jagħtu aċċess għal ammont sinjifikattiv ta’ kontenut protett saru sors prinċipali ta’ aċċess għall-kontenut online, kien neċessarju li jiġi previst mekkaniżmu ta’ responsabbiltà speċifika għall-fornituri ta’ dawn is-servizzi sabiex jiġi inkoraġġut l-iżvilupp tas-suq ta’ għoti ta’ liċenzji ġusti bejn id-detenturi tad-drittijiet u dawn il-fornituri.

30

Għal dan il-mekkaniżmu ġdid ta’ responsabbiltà speċifika, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda kamp ta’ applikazzjoni limitat, permezz tal-ewwel paragrafu tal-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/790, li jiddefinixxi l-fornitur ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online bħala fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li l-iskop prinċipali jew wieħed mill-iskopijiet prinċipali tiegħu huwa li jaħżen u jagħti aċċess lill-pubbliku għal ammont sinjifikattiv ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal ieħor protett li jkunu ttellgħu mill-utenti tiegħu, li huwa jorganizza u jippromwovi għal skopijiet ta’ qligħ. Konsegwentement, l-imsemmi mekkaniżmu ma jirrigwardax lill-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li ma jissodisfawx wieħed jew iktar mill-kriterji li jinsabu f’din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, dawn tal-aħħar jibqgħu suġġetti għas-sistema ġenerali ta’ responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, fir-rigward ta’ servizz ta’ “hosting”, u, jekk ikun il-każ, għal dak previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2019/790.

31

Barra minn hekk, dan il-leġiżlatur, minn naħa, naqqas, permezz tat-tieni paragrafu tal-imsemmi punt 6 tal-Artikolu 2, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ġdid ta’ responsabbiltà speċifika stabbilit mid-Direttiva 2019/790, u, min-naħa l-oħra, illimita l-portata tiegħu, permezz tal-Artikolu 17(6) ta’ din id-direttiva, li bħala prinċipju jeskludi, għal ċerti fornituri ġodda, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva msemmija fir-rikors għal annullament.

32

Fir-rigward ta’ dan il-mekkaniżmu ġdid ta’ responsabbiltà speċifika, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 jipprevedi li fornitur ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jwettaq att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku meta jagħti lill-pubbliku l-aċċess għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew għal materjal ieħor protett li jkunu ttellgħu mill-utenti tiegħu u li għalhekk għandu jikseb, għal dan il-għan, awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta’ liċenzja.

33

Fl-istess ħin, l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2019/790 jeskludi, fir-rigward ta’ tali atti, il-fornitur ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31.

34

L-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 jintroduċi sistema ta’ responsabbiltà speċifika fil-każ fejn ebda awtorizzazzjoni ma tingħata. Għalhekk, f’din l-ipoteżi, il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jistgħu jiġu eżentati mir-responsabbiltà tagħhom għal tali atti ta’ komunikazzjoni u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur biss taħt ċerti kundizzjonijiet kumulattivi, elenkati fil-punti (a) sa (c) ta’ din id-dispożizzjoni. Skont din tal-aħħar, dawn il-fornituri għandhom juru li:

għamlu l-aħjar sforzi biex jiksbu awtorizzazzjoni (punt (a)); u

f’konformità mal-istandards għoljin ta’ diliġenza professjonali tal-industrija inkwistjoni, għamlu l-aħjar sforzi biex jiżguraw li ma kienx hemm disponibbli xogħlijiet u materjal ieħor protett speċifiku li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdew lill-fornituri ta’ servizzi l-informazzjoni rilevanti u meħtieġa (punt (b)); u fi kwalunkwe każ

huma aġixxew malajr, malli rċevew notifika ssostanzjata biżżejjed mid-detenturi tad-drittijiet, biex jiddiżattivaw l-aċċess għax-xogħlijiet jew materjal ieħor protett li jkun is-suġġett tan-notifika jew biex ineħħuhom mis-siti internet tagħhom, u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu l-uploads tagħhom fil-futur, skont il-punt (b) (punt (c)).

35

Din is-sistema ta’ responsabbiltà speċifika, stabbilita fl-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790, hija ċċarata u kkompletata fl-Artikolu 17(5) sa (10) ta’ din id-direttiva.

36

Għalhekk, qabel kollox, l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2019/790 jelenka elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jekk il-fornitur ta’ servizzi osservax l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 17(4) tagħha.

37

Sussegwentement, l-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790 jippreċiża li l-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet ma għandhiex tirriżulta fil-prevenzjoni tad-disponibbiltà ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor protett imtellgħin mill-utenti li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, inkluż fejn tali xogħlijiet jew materjal ieħor protett ikunu koperti minn eċċezzjoni jew limitazzjoni. Din id-dispożizzjoni telenka dawk fost dawn l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li l-utenti f’kull Stat Membru għandhom ikunu jistgħu jinvokaw. Fir-rigward tal-Artikolu 17(8) ta’ din id-direttiva, dan jipprovdi b’mod partikolari li l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ma tagħti lok għal ebda obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ u l-Artikolu 17(9) tagħha jipprevedi, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni ta’ sistema għat-trattament tal-ilmenti kif ukoll ta’ rimedju rapidu u effettiv għall-utenti, bħal mekkaniżmi ta’ rimedji alternattivi li jikkompletaw ir-rimedji ġudizzjarji.

38

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 17(10) tad-Direttiva 2019/790 jinkariga lill-Kummissjoni sabiex torganizza, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, djalogi bejn il-partijiet ikkonċernati, sabiex teżamina l-aħjar prattiki, billi tagħti attenzjoni partikolari għall-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u l-użu tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet, kif ukoll li toħroġ, wara konsultazzjoni ma’ dawn il-partijiet, linji gwida dwar l-applikazzjoni b’mod partikolari tal-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet, imsemmija fl-Artikolu 17(4) ta’ din id-direttiva.

Fuq l‑eżistenza ta’ limitazzjoni tal‑eżerċizzju tad‑dritt għal‑libertà ta’ espressjoni u tal‑informazzjoni li tirriżulta mis‑sistema ta’ responsabbiltà introdotta fl‑Artikolu 17 tad‑Direttiva 2019/790

39

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, billi timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online l-obbligu li jipprovdu l-aħjar sforzi tagħhom, minn naħa, sabiex tiġi ggarantita l-indisponibbiltà ta’ kontenut speċifiku protett li fir-rigward tiegħu d-detenturi tad-drittijiet ipprovdew l-informazzjoni rilevanti u meħtieġa u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi evitat li l-kontenut protett li kien is-suġġett ta’ notifika ssostanzjata biżżejjed min-naħa ta’ dawn id-detenturi jkun imtella’ fil-futur, l-Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine, tad-Direttiva 2019/790 jillimita l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti tas-servizzi, iggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta.

40

Fil-fatt, skont ir-Repubblika tal-Polonja, sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw dawn l-obbligi u, b’hekk, jibbenefikaw mill-eżenzjoni tar-responsabbiltà, prevista fl-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790, il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online huma obbligati jikkontrollaw il-kontenut kollu mtella’ mill-utenti tagħhom qabel ma jxandruh lill-pubbliku. Għal dan il-għan, dawn il-fornituri jkunu, fl-assenza ta’ soluzzjonijiet prattiċi oħra, meħtieġa jużaw għodod ta’ filtrazzjoni awtomatika.

41

Issa, tali kontroll preventiv jikkostitwixxi ndħil partikolarment serju fid-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, peress li, minn naħa, dan jinvolvi r-riskju li kontenut legali jiġi bblokkat u, min-naħa l-oħra, l-illegalità u, b’hekk, id-diżattivazzjoni tal-kontenut ikunu ddeterminati b’mod awtomatiku minn algoritmi, u dan anki qabel kull tixrid tal-kontenut inkwistjoni.

42

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, barra minn hekk, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiċħad ir-responsabbiltà tiegħu għal dan l-indħil fid-dritt iggarantit fl-Artikolu 11 tal-Karta, peress li din hija l-konsegwenza inevitabbli, jew saħansitra antiċipata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tas-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790.

43

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni, jikkontestaw il-fatt li din is-sistema ta’ responsabbiltà għandha bħala konsegwenza limitazzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online u jsostnu li, fi kwalunkwe każ, eventwali limitazzjoni għal dan id-dritt li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-imsemmija sistema ma tistax tkun imputabbli lil-leġiżlatur tal-Unjoni.

44

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 11 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, li tinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew li tikkomunika informazzjoni jew ideat mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u indipendentement mill-fruntieri. Kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) u konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 11 tagħha għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk iggarantiti fl-Artikolu 10 tal-KEDB.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fuq l-internet permezz ta’ pjattaformi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online taqa’ taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-KEDB u tal-Artikolu 11 tal-Karta.

46

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 10 tal-KEDB jiggarantixxi l-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni lil kull persuna u jirrigwarda mhux biss il-kontenut tal-informazzjoni, iżda wkoll il-mezzi għat-tixrid tagħha, u kull restrizzjoni għal dawn il-mezzi li taffettwa d-dritt li wieħed jirċievi u jikkomunika informazzjoni. Kif irrilevat dik il-qorti, l-internet illum sar wieħed mill-mezzi prinċipali ta’ eżerċizzju mill-individwi tad-dritt tagħhom għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni. Is-siti Internet u b’mod partikolari l-pjattaformi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, grazzi għall-aċċessibbiltà tagħhom kif ukoll għall-kapaċità tagħhom li jaħżnu u jxerrdu ammonti kbar ta’ data, jikkontribwixxu ħafna għat-titjib tal-aċċess tal-pubbliku għall-aħbarijiet u, b’mod ġenerali, sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni tal-informazzjoni, għall-possibiltà għall-individwi li jesprimu ruħhom fuq l-Internet li tikkostitwixxi għodda mingħajr preċedent għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2015, Cengiz et vs It‑Turkija, CE:ECHR:2015:1201JUD004822610, punt 52, kif ukoll Qorti EDB, 23 ta’ Ġunju 2020, Vladimir Kharitonov vs Ir‑Russja, CE:ECHR:2020:0623JUD001079514, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Għalhekk, fl-interpretazzjoni tagħha tas-sistema ta’ responsabbiltà bbażata fuq l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online sad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-ħtieġa li tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-importanza partikolari tal-internet għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni, iggarantita fl-Artikolu 11 tal-Karta, u b’hekk tiżgura r-rispett ta’ dan id-dritt fundamentali matul l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punti 64, 65113).

48

Sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sistema ta’ responsabbiltà speċifika, stabbilita fl-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 għall-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, tinkludix limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ dawn is-servizzi ta’ kondiviżjoni, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-premessa li dawn il-fornituri ma humiex neċessarjament f’pożizzjoni li jiksbu awtorizzazzjoni għall-kontenut protett kollu, li jista’ jittella’ fuq il-pjattaformi tagħhom minn utenti tagħhom. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li d-detenturi tad-drittijiet huma liberi li jiddeterminaw jekk u f’liema kundizzjonijiet ix-xogħlijiet u oġġetti protetti oħra tagħhom jintużaw. Fil-fatt, kif tenfasizza l-premessa 61 ta’ din id-direttiva, din ma tippreġudikax il-libertà kuntrattwali u dawn id-detenturi b’hekk bl-ebda mod ma huma obbligati li jagħtu awtorizzazzjonijiet jew liċenzji għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom lill-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi evitat li jinżammu responsabbli meta utenti jtellgħu kontenut illegali fuq il-pjattaformi tagħhom li għalihom il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online ma jkollhomx awtorizzazzjoni min-naħa tad-detenturi tad-drittijiet, dawn il-fornituri għandhom juru li huma pprovdew l-aħjar sforzi tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 17(4)(a) tad-Direttiva 2019/790, sabiex jiksbu tali awtorizzazzjoni u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra kollha ta’ eżenzjoni, previsti fl-Artikolu 17(4)(b) u (c) ta’ din id-direttiva.

50

Skont dawn il-kundizzjonijiet l-oħra, l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online ma humiex limitati għal dawk imsemmija fil-bidu tal-Artikolu 17(4)(c) tad-Direttiva 2019/790, li jikkorrispondu għal dak li kienu diġà imposti fuqhom skont l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2000/31 u li jikkonsistu f’li jkollhom jaġixxu malajr, malli jirċievu notifika ssostanzjata biżżejjed mid-detenturi tad-drittijiet, biex jiddiżattivaw l-aċċess għall-kontenut protett li jkun is-suġġett tan-notifika jew biex ineħħuhom mill-pjattaformi tagħhom (ara, ukoll, sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 116).

51

Fil-fatt, minbarra dan l-obbligu, dawn il-fornituri huma obbligati, minn naħa, fir-rigward ta’ kontenut protett speċifiku li għalih id-detenturi tad-drittijiet ikunu bagħtulhom l-informazzjoni rilevanti u meħtieġa, li jipprovdu, skont l-Artikolu 17(4)(b) tad-Direttiva 2019/790, “f’konformità mal-istandards għoljin ta’ diliġenza professjonali tal-industrija, […] l-aħjar sforzi biex jiżguraw li ma kienx hemm disponibb[iltà]” ta’ dan il-kontenut.

52

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kontenut protett li, wara t-tqegħid tiegħu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, kien is-suġġett ta’ notifika ssostanzjata biżżejjed mid-detenturi tad-drittijiet, dawn il-fornituri għandhom, skont l-Artikolu 17(4)(c) in fine tad-Direttiva 2019/790, jipprovdu “l-aħjar sforzi biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom skont il-punt (b)” ta’ din id-dispożizzjoni.

53

B’hekk, mill-kliem u mill-istruttura tal-Artikolu 17(4)(b) u (c) tad-Direttiva 2019/790 jirriżulta li, sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà u bla ħsara għall-eċċezzjoni prevista għal fornituri ġodda, fis-sens tal-Artikolu 17(6) ta’ din id-direttiva, il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għandhom mhux biss ikunu obbligati li jaġixxu malajr sabiex iwaqqfu, fuq il-pjattaformi tagħhom, ksur konkret tad-drittijiet tal-awtur wara li dan ikun seħħ u jkun ġie nnotifikat lilhom b’mod issostanzjat biżżejjed mid-detenturi tad-drittijiet, iżda għandhom ukoll, wara riċevuta ta’ tali notifika jew meta dawn id-detenturi jkunu pprovdewhom bl-informazzjoni rilevanti u meħtieġa qabel l-okkorenza ta’ ksur tad-dritt tal-awtur, jipprovdu “f’konformità mal-istandards għoljin ta’ diliġenza professjonali tal-industrija, […] l-aħjar sforzi” biex jevitaw li tali ksur iseħħ jew jerġa’ jseħħ. Dawn l-obbligi tal-aħħar għalhekk de facto jimponu, kif tiddikjara r-Repubblika tal-Polonja, fuq dawn il-fornituri obbligu sabiex iwettqu kontroll minn qabel tal-kontenut li l-utenti jixtiequ jtellgħu fuq il-pjattaformi tagħhom, sa fejn huma rċevew, min-naħa tad-detenturi tad-drittijiet, l-informazzjoni jew in-notifiki previsti f’dan l-Artikolu 17(4)(b) u (c).

54

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 sa 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex ikunu jistgħu jwettqu tali kontroll minn qabel, il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online huma, skont in-numru ta’ fajls imtella’ u tat-tip ta’ oġġett protett inkwistjoni, fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2019/790, obbligati jirrikorru għal għodod ta’ rikonoxximent u ta’ filtrazzjoni awtomatika. B’mod partikolari, la l-istituzzjonijiet konvenuti u lanqas l-intervenjenti ma kienu f’pożizzjoni, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li jindikaw alternattivi possibbli għal tali għodod.

55

Issa, tali kontroll u tali filtrazzjoni minn qabel huma ta’ natura li joħolqu restrizzjoni fuq mezz importanti ta’ tixrid ta’ kontenut online u li jikkostitwixxu, għalhekk, limitazzjoni tad-dritt iggarantit fl-Artikolu 11 tal-Karta.

56

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-istituzzjonijiet konvenuti, din il-limitazzjoni hija imputabbli lil-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li hija l-konsegwenza diretta tas-sistema ta’ responsabbiltà speċifika, stabbilita għall-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online fl-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790.

57

Barra minn hekk, l-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva jirreferi espressament għall-“obbligi” li “[jġarrbu] skont il-paragrafu 4” ta’ dan l-Artikolu 17 l-imsemmija fornituri u jelenka elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tali fornitur “huwiex konformi [ma’]” dawn l-obbligi.

58

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li s-sistema ta’ responsabbiltà speċifika, stabbilita fl-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 għall-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, tinkludi limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ dawn is-servizzi ta’ kondiviżjoni, iggarantit fl-Artikolu 11 tal-Karta.

Fuq il‑ġustifikazzjoni tal‑limitazzjoni tal‑eżerċizzju tad-dritt għal‑libertà ta’ espressjoni u tal‑informazzjoni li tirriżulta mis-sistema ta’ responsabbiltà introdotta fl‑Artikolu 17 tad‑Direttiva 2019/790

59

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fundamentali tal-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, li tirriżulta mis-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

60

Fil-fatt, skont ir-Repubblika tal-Polonja, dan l-Artikolu 17 ma jinkludix garanziji li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza tal-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt fundamentali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-implimentazzjoni tal-obbligi previsti fl-Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine tad-Direttiva 2019/790. B’mod partikolari, dawn l-aħħar dispożizzjonijiet ma jipprevedu ebda regola ċara u preċiża fir-rigward tal-mod kif il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għandhom jissodisfaw dawn l-obbligi, fatt li jħallilhom “carte blanche” sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ filtraġġ minn qabel li jiksru d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ dawn is-servizzi. Barra minn hekk, l-Artikolu 17(7) sa (9) ta’ din id-direttiva ma jippermettix li jiġi evitat li, waqt l-implimentazzjoni tal-imsemmija obbligi, kontenut legali jiġi wkoll awtomatikament iddiżattivat u li x-xandir tiegħu lill-pubbliku jiġi mill-inqas ittardjat b’mod sinjifikattiv, bir-riskju li dan il-kontenut jitlef l-interess kollu tiegħu u l-valur informattiv kollu tiegħu qabel it-tixrid tiegħu.

61

Bl-adozzjoni tas-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni injora l-bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet u dik tal-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, iktar u iktar peress li l-għanijiet intiżi minn din is-sistema ta’ responsabbiltà jistgħu diġà fil-biċċa l-kbira jintlaħqu mill-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 17(4) tal-istess direttiva.

62

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argument invokat mir-Repubblika tal-Polonja u jsostnu, b’mod partikolari, li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 jinkludi sistema ta’ garanziji sħiħa li tippreżerva d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online u l-bilanċ xieraq bejn id-drittijiet u l-interessi inkwistjoni.

63

Għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ drittijiet u libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, limitazzjonijiet jistgħu jiġu imposti biss jekk ikunu meħtieġa u jissodisfaw b’mod effettiv għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ oħrajn.

64

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rekwiżit li kwalunkwe limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-att li jippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandu jiddefinixxi huwa stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 175 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-limitazzjonijiet li jistgħu b’mod partikolari jiġu imposti minn atti tad-dritt tal-Unjoni lil drittijiet u libertajiet stabbiliti fil-Karta ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa xieraq u meħtieġ sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet leġittimi mfittxija jew il-bżonn ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet ta’ oħrajn, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu minn din ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2019, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑128/17, EU:C:2019:194, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Barra minn hekk, meta iktar minn dritt fundamentali wieħed jew prinċipju wieħed stabbiliti mit-trattati huma inkwistjoni, l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha titwettaq fl-osservanza tar-rikonċiljazzjoni meħtieġa tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tad-diversi drittijiet u prinċipji inkwistjoni u ta’ bilanċ xieraq bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67

Barra minn hekk, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, il-leġiżlazzjoni li tinvolvi ndħil fid-drittijiet fundamentali għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni li l-eżerċizzju tagħhom ta’ dawn id-drittijiet huwa limitat ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li dawn jiġu protetti b’mod effettiv kontra r-riskji ta’ abbuż. Din il-leġiżlazzjoni għandha b’mod partikolari tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed tali miżura, li tiggarantixxi li l-indħil ikun limitat għal dak li jkun strettament neċessarju. Il-ħtieġa għal tali garanziji tkun iktar u iktar importanti meta l-indħil jirriżulta minn proċess awtomatizzat (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 176 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68

Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li, għalkemm l-Artikolu 10 tal-KEDB ma jipprojbixxix bħala tali kull restrizzjoni minn qabel għal mezz ta’ xandir, tali restrizzjonijiet madankollu jippreżentaw tant perikoli kbar għar-rispett ta’ dan id-dritt fundamentali li għandhom jiġu inklużi f’kuntest ġuridiku partikolarment strett (Qorti EDB, 18 ta’ Diċembru 2012, Ahmet Yildirim vs It‑Turkija, CE:ECHR:2012:1218JUD000311110, punti 47 u 64 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

69

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta, li tirriżulta mis-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 għall-fornituri ta’ dawn is-servizzi ta’ kondiviżjoni, tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss l-Artikolu 17(4), b’mod iżolat, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet li jippreċiżaw u jikkompletaw din is-sistema u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 17(7) sa (10) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan leġittimu segwit permezz tal-implimentazzjoni ta’ din is-sistema, jiġifieri l-protezzjoni tal-persuni li huma proprjetarji ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati, iggarantiti, bħala drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, fl-Artikolu 17(2) tal-Karta.

70

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jqigħedx inkwistjoni l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta. B’dan il-mod, meta l-kliem tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jista’ jkun suġġett għal iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mad-dritt primarju milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà tagħha miegħu (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71

Barra minn hekk, dan l-eżami, fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, jirrigwarda s-sistema ta’ responsabbiltà speċifika tal-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, kif stabbilita fl-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790, fatt li ma jippreġudikax kull eżami li jista’ jirrigwarda, sussegwentement, l-eżami tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva jew tal-miżuri ddeterminati minn dawn il-fornituri sabiex jikkonformaw ruħhom mal-imsemmija sistema.

72

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online hija prevista mil-liġi, peress li din tirriżulta mill-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ dawn is-servizzi permezz ta’ dispożizzjoni ta’ att tal-Unjoni, jiġifieri, kif ġie indikat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine tad-Direttiva 2019/790.

73

Ċertament, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax il-miżuri konkreti li dawn il-fornituri ta’ servizzi għandhom jadottaw sabiex jiggarantixxu l-indisponibbiltà ta’ kontenut speċifiku protett li fir-rigward tiegħu d-detenturi tad-drittijiet ipprovdew l-informazzjoni rilevanti u meħtieġa jew sabiex jiġi evitat li kontenut protett li kien is-suġġett ta’ notifika ssostanzjata biżżejjed min-naħa ta’ dawn id-detenturi jkun imtella’ fil-futur. L-imsemmija dispożizzjoni tillimita ruħha għat-talba imposta lill-imsemmija fornituri ta’ servizzi sabiex jipprovdu, f’dan ir-rigward, l-“aħjar sforzi” tagħhom, u dan “f’konformità mal-istandards għoljin ta’ diliġenza professjonali tal-industrija”. Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Parlament u mill-Kunsill, il-formulazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura li l-obbligi imposti b’dan il-mod ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għaċ-ċirkustanzi tal-każ tad-diversi fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online kif ukoll għall-iżvilupp tal-prattiki tas-settur u tat-teknoloġiji disponibbli.

74

Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rekwiżit li kwalunkwe limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi ma jeskludix li l-leġiżlazzjoni li tinkludi din il-limitazzjoni tkun ifformulata f’termini suffiċjentement disponibbli sabiex tkun tista’ tadatta ruħha għall-bidliet ta’ sitwazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 16 ta’ Ġunju 2015, Delfi AS vs L‑Estonja, CE:ECHR:2015:0616JUD006456909, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ obbligu, impost fuq il-fornituri ta’ servizzi tal-internet, li jadottaw miżuri intiżi sabiex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-awtur waqt l-użu tas-servizzi tagħhom, jista’, skont il-każ, jirriżulta meħtieġ, sabiex tiġi osservata l-libertà ta’ intrapriża ta’ dawn il-fornituri ta’ servizzi, iggarantita fl-Artikolu 16 tal-Karta, u l-bilanċ xieraq bejn, id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti tas-servizzi tagħhom, stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta, u d-dritt għall-proprjetà intellettwali tad-detenturi tad-drittijiet, protett fl-Artikolu 17(2) tal-Karta, li jitħalla lill-imsemmija fornituri ta’ servizzi l-obbligu li jiddeterminaw l-miżuri konkreti li għandhom jittieħdu sabiex jinkiseb ir-riżultat mistenni, b’tali mod li huma jkunu jistgħu jagħżlu li jimplimentaw miżuri li jkunu l-iktar adattati għar-riżorsi u għall-kapaċitajiet li huma jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom u li jkunu kompatibbli mal-obbligi u l-isfidi l-oħra li jkollhom jaffaċċjaw fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 52).

76

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online tosserva, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-kontenut essenzjali tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni, iggarantit fl-Artikolu 11 tal-Karta.

77

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790 jippreċiża b’mod espress li l-“kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet m’għandhiex tirriżulta fil-prevenzjoni tad-disponibbiltà ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor imtella’mill-utenti li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, inkluż fejn tali xogħlijiet jew materjal ieħor ikunu koperti minn eċċezzjoni jew limitazzjoni” għal dawn id-drittijiet.

78

Skont it-termini inekwivoċi tiegħu, dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17(7), kuntrarjament għall-Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine tad-Direttiva 2019/790, ma jillimitax ruħu li jeżiġi mill-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online li jipprovdu, għal dan il-għan, l-“aħjar sforzi” tagħhom, iżda jistabbilixxi riżultat preċiż li għandu jintlaħaq.

79

Barra minn hekk, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 17(9) tad-Direttiva 2019/790 jenfasizza li din id-direttiva “bl-ebda mod m’għandha taffettwa l-użi leġittimi, bħalma huma l-użi taħt l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti mil-liġi tal-Unjoni”.

80

Jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 17(7) u (9) tad-Direttiva 2019/790 kif ukoll mill-premessi 66 u 70 tagħha li, sabiex jiġi protett id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta, u l-bilanċ xieraq bejn id-diversi drittijiet u interessi involuti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li l-implimentazzjoni tal-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ dawn is-servizzi fl-Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine, ta’ din id-direttiva ma jistax b’mod partikolari jwassal biex jieħdu miżuri li jaffettwaw il-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt fundamentali tal-utenti li jaqsmu, fuq il-pjattaformi tagħhom, kontenut li ma jiksirx id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati.

81

Id-Direttiva 2019/790 tirrifletti wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-miżuri adottati minn fornituri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jirrispettaw id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti tal-internet u għandhom, b’mod partikolari, ikunu mmirati b’mod strett sabiex jippermettu protezzjoni effettiva tad-dritt tal-awtur mingħajr ma l-utenti, li jużaw is-servizzi ta’ dawn il-fornituri b’mod legali, ikunu affettwati (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punti 5556).

82

Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-kontroll tal-proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, imsemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, tissodisfa l-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri, f’dan il-każ, il-bżonn ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali ggarantita fl-Artikolu 17(2) tal-Karta. Fil-fatt, l-obbligi imposti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, li minnhom tirriżulta din il-limitazzjoni, huma intiżi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 2, 3 u 61 tad-Direttiva 2019/790, li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali b’mod li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ suq effiċjenti u ġust għad-drittijiet tal-awtur. Issa, fil-kuntest tas-servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għandha neċessarjament tkun akkumpanjata, sa ċertu punt, minn limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti.

83

Sussegwentement, il-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà msemmi fl-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 mhux biss huwa adattat iżda jidher ukoll bħala meħtieġ sabiex jissodisfa l-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. B’mod partikolari, għalkemm il-mekkaniżmu alternattiv, propost mir-Repubblika tal-Polonja, li b’applikazzjoni tiegħu huma biss l-obbligi previsti f’dan l-Artikolu 17(4)(a) u fil-bidu ta’ dan il-paragrafu 4(c), li huma imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, jikkostitwixxi, ċertament, miżura inqas restrittiva għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-mekkaniżmu alternattiv ma huwiex daqstant effettiv f’termini ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali bħal dak adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

84

Fl-aħħar lok, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligi imposti fl-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online ma jillimitawx id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ dawn is-servizzi b’mod sproporzjonat.

85

Fil-fatt, l-ewwel, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 164, 165 u 191 sa 193 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 17(7) u (9) tad-Direttiva 2019/790 kif ukoll mill-premessi 66 u 70 tagħha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni, sabiex jipprevjeni r-riskju li b’mod partikolari l-użu ta’ għodod ta’ rikonoxximent u ta’ filtrazzjoni awtomatika jinvolvi għad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, huwa stabbilixxa limitu ċar u preċiż, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, għall-miżuri li jistgħu jittieħdu jew ikunu meħtieġa fl-implimentazzjoni tal-obbligi previsiti fl-Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine tad-Direttiva 2019/790, b’esklużjoni, b’mod partikolari, tal-miżuri li jiffiltraw u jiddiżattivaw kontenut legali waqt li jkun qiegħed jittella’.

86

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata li sistema ta’ filtrazzjoni li għandha r-riskju li ma toħloqx distinzjoni suffiċjenti bejn kontenut illegali u kontenut legali, b’tali mod li l-introduzzjoni tagħha jista’ jkollha bħala effett li twassal għad-diżattivazzjoni ta’ komunikazzjonijiet b’kontenut legali, tkun inkompatibbli mad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni, iggarantit fl-Artikolu 11 tal-Karta, u ma tosservax il-bilanċ xieraq bejn dan tal-aħħar u d-dritt għall-proprjetà intellettwali. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, f’dan ir-rigward, li r-risposta għad-domanda dwar il-legalità ta’ trażmissjoni tiddependi wkoll mill-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet legali għad-drittijiet tal-awtur li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Barra minn hekk, uħud mix-xogħlijiet jistgħu, f’ċerti Stati Membri, jaqgħu taħt id-dominju pubbliku jew jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tqegħid bla ħlas fuq l-internet min-naħa tal-awturi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, SABAM, C‑360/10, EU:C:2012:85, punti 5051 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87

It-tieni, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur, li jipproteġu d-drittijiet favur l-utenti ta’ xogħlijiet jew ta’ materjal ieħor protett u li huma intiżi sabiex jiżguraw il-bilanċ xieraq bejn id-drittijiet fundamentali ta’ dawn l-utenti u tad-detenturi tad-drittijiet (ara, f’dan is-sens, sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW, C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkonstatat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790 jimponi fuq kull Stat Membru l-obbligu li jiżgura li l-utenti f’kull Stat Membru jkunu awtorizzati li jtellgħu u li jqiegħdu għad-dispożizzjoni l-kontenut iġġenerat minnhom għall-finijiet speċifiċi tal-kwotazzjoni, tal-kritika, tar-riċensjoni, tal-karikatura, tal-parodija u tal-pastiċċ. Kif jirriżulta mill-premessa 70 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-fatt, qies li, fid-dawl tal-importanza partikolari tagħhom għal-libertà ta’ espressjoni u għal-libertà tal-arti u, għaldaqstant, għall-imsemmi bilanċ xieraq, kien meħtieġ li dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, li jinsabu fost dawk previsti b’mod fakultattiv fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, jiġu reżi obbligatorji, sabiex jiġi ggarantit li l-utenti jibbenefikaw f’dan ir-rigward minn protezzjoni uniformi fl-Unjoni kollha.

88

Barra minn hekk, bl-istess għan li jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-utenti, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 17(9) tad-Direttiva 2019/790 jobbliga lil fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online sabiex jinfurmaw lill-utenti tagħhom, fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ użu tagħhom, li huma jistgħu jużaw xogħlijiet u materjal ieħor protett taħt eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u għad-drittijiet relatati previsti mil-liġi tal-Unjoni.

89

It-tielet, il-fatt li r-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi sabiex tiġi ggarantita l-indisponibbiltà ta’ ċertu kontenut tista’ tiġi stabbilita biss, skont l-Artikolu 17(4)(b) u (c), in fine, tad-Direttiva 2019/790, bil-kundizzjoni li d-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati jittrażmettulhom l-informazzjoni rilevanti u meħtieġa fir-rigward ta’ dan il-kontenut, jipproteġi l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti li jużaw b’mod legali dawn is-servizzi. Fil-fatt, peress li t-tranżmissjoni tal-informazzjoni għandha mingħajr ebda dubju din il-kwalità li tikkostitwixxi l-kundizzjoni minn qabel tal-konstatazzjoni eventwali ta’ din ir-responsabbiltà fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi, dawn tal-aħħar ma jkunux meħtieġa, fl-assenza ta’ tali informazzjoni, jagħmlu l-kontenut imsemmi indisponibbli.

90

Ir-raba’, l-Artikolu 17(8) tad-Direttiva 2019/790, billi jistabbilixxi, bħall-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31, li l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 17 ma tagħti lok għal ebda obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ, jistabbilixxi garanzija addizzjonali għall-osservanza tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online. Fil-fatt, din il-preċiżazzjoni timplika li l-fornituri ta’ dawn is-servizzi ma jistgħux ikunu obbligati jipprevjenu t-tlugħ u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ kontenut li l-konstatazzjoni tan-natura illegali tiegħu teħtieġ, min-naħa tagħhom, evalwazzjoni awtonoma tal-kontenut fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mid-detenturi tad-drittijiet kif ukoll ta’ eventwali eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Glawischnig-Piesczek, C‑18/18, EU:C:2019:821, punti 41 sa 46).

91

B’mod partikolari, kif tenfasizza l-premessa 66 tad-Direttiva 2019/790, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti każijiet, id-disponibbiltà ta’ kontenut mhux awtorizzat protetta mid-drittijiet tal-awtur tista’ tiġi evitata biss b’notifika tad-detenturi tad-drittijiet. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ tali notifika, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din għandha tinkludi biżżejjed elementi li jippermettu lill-fornitur ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online li jiżgura, mingħajr eżami ġuridiku fil-fond, in-natura illegali tal-komunikazzjoni tal-kontenut ikkonċernat u tal-kompatibbiltà tal-eventwali rtirar ta’ dan il-kontenut mal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 116).

92

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, għalkemm il-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali hija stabbilita fl-Artikolu 17(2) tal-Karta, bl-ebda mod ma jirriżulta la minn din id-dispożizzjoni u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tali dritt huwa intanġibbli u li l-protezzjoni tiegħu għandha għalhekk tiġi żgurata b’mod assolut (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW, C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

Fil-ħames lok, l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17(9) tad-Direttiva 2019/790 jintroduċu diversi garanziji ta’ natura proċedurali li jiżdiedu ma’ dawk previsti fl-Artikolu 17(7) u (8) ta’ din id-direttiva u li jipproteġu d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għall-każijiet fejn, minkejja l-garanziji imposti f’dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, il-fornituri ta’ dawn is-servizzi xorta waħda jiddiżattivaw, bi żball jew mingħajr bażi, kontenut legali.

94

Għalhekk, mill-ewwel u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 17(9) kif ukoll mill-premessa 70 tad-Direttiva 2019/790 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien importanti li jiġi żgurat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jimplimentaw sistemi tat-trattament tal-ilmenti u ta’ rimedji rapidi u effettivi sabiex isostnu l-użu legali ta’ xogħlijiet jew ta’ materjal ieħor protett u, b’mod partikolari, dawk koperti minn eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur li huma intiżi għall-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni u tal-libertà tal-arti. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-utenti għandhom ikunu jistgħu jressqu lment meta jikkunsidraw li huwa żbaljat li l-aċċess għal kontenut li jkunu tellgħu ġie ddiżattivat jew meta tali kontenut ikun ġie rtirat. Huwa meħtieġ li kwalunkwe lment jiġi eżaminat mingħajr dewmien żejjed u jkun suġġett għal kontroll minn bniedem. Barra minn hekk, meta detenturi tad-drittijiet jitolbu lill-fornituri ta’ servizzi jieħdu miżuri fir-rigward ta’ kontenut imtella’ mill-utenti, bħad-diżattivazzjoni tal-aċċess għal dan il-kontenut jew l-irtirar tiegħu, it-talba tagħhom għandha tkun debitament motivata.

95

Barra minn hekk, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti jkollhom aċċess għal mekkaniżmi ta’ rimedji alternattivi li jippermettu riżoluzzjoni imparzjali ta’ tilwim kif ukoll għal rimedji ġudizzjarji effettivi. B’mod partikolari, l-utenti għandhom ikunu jistgħu jindirizzaw ruħhom lil qorti jew awtorità ġudizzjarja kompetenti oħra biex jinvokaw il-benefiċċju ta’ eċċezzjoni jew ta’ limitazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati.

96

Fis-sitt lok, l-Artikolu 17(10) tad-Direttiva 2019/790 jikkompleta s-sistema ta’ garanziji prevista fl-Artikolu 17(7) sa (9) tagħha billi jinkariga lill-Kummissjoni sabiex torganizza, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, djalogi bejn il-partijiet ikkonċernati sabiex jiġu eżaminati l-aħjar prattiċi għall-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet, kif ukoll sabiex toħroġ, fid-dawl tar-riżultat ta’ dawn id-djalogi u wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet ta’ utenti, linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 17(4) tagħha.

97

L-Artikolu 17(10) tad-Direttiva 2019/790 jenfasizza, f’dan ir-rigward, b’mod espress li, fl-eżami tal-aħjar prattiċi, għandha tingħata attenzjoni partikolari, b’mod partikolari, għall-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u l-użu ta’ eċċezzjonijiet u ta’ limitazzjonijiet. Barra minn hekk, għall-finijiet tad-djalogi bejn il-partijiet ikkonċernati, l-organizzazzjonijiet tal-utenti għandhom aċċess għal informazzjoni adegwata pprovduta mill-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online dwar il-funzjonament tal-prattiċi tagħhom fir-rigward tal-Artikolu 17(4) ta’ din id-direttiva.

98

Mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 72 sa 97 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, l-obbligu, għall-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, li jikkontrollaw il-kontenut li l-utenti jixtiequ jtellgħu fuq il-pjattaformi tagħhom qabel ix-xandir tagħhom lill-pubbliku, li jirriżulta mis-sistema ta’ responsabbiltà speċifika, stabbilita fl-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790, u b’mod partikolari mill-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni previsti fl-Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine tagħha, ikun ġie mdawwar, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, minn garanziji adegwati sabiex tiġi żgurata, b’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-osservanza tad-dritt għal-liberta ta’ espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti ta’ dawn is-servizzi, iggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta, kif ukoll il-bilanċ xieraq bejniethom, minn naħa, u d-dritt ta’ proprjetà intellettwali, protett mill-Artikolu 17(2) tal-Karta, min-naħa l-oħra.

99

Huma l-Istati Membri li għandhom l-obbligu, waqt it-traspożizzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 fid-dritt intern tagħhom, li jiżguraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mill-Karta. Sussegwentement, meta jiġu implimentati l-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri ma humiex obbligati biss li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi ma’ din l-istess dispożizzjoni, iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tkun kunfliġġenti mal-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 68).

100

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-motiv waħdieni mqajjem mir-Repubblika tal-Polonja insostenn tar-rikors tagħha u, għaldaqstant, dan ir-rikors għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l‑ispejjeż

101

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament u mill-Kunsill.

102

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Il-lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top