Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0393

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Jannar 2021.
    Proċeduri kriminali kontra OM.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Apelativen sad - Plovdiv.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 17 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-proprjetà – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI – Konfiska ta’ rikavati, mezzi strumentali u proprjetà marbuta mal-kriminalità – Direttiva 2014/42/UE – Iffriżar u konfiska ta’ mezzi strumentali u ta’ rikavati minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-konfiska, favur l-Istat, tal-proprjetà użata sabiex jitwettaq ir-reat ta’ kuntrabandu doganali – Proprjetà li tappartjeni lil terz in bona fide.
    Kawża C-393/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:8

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    14 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 17 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-proprjetà – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI – Konfiska ta’ rikavati, mezzi strumentali u proprjetà marbuta mal-kriminalità – Direttiva 2014/42/UE – Iffriżar u konfiska ta’ mezzi strumentali u ta’ rikavati minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-konfiska, favur l-Istat, tal-proprjetà użata sabiex jitwettaq ir-reat ta’ kuntrabandu doganali – Proprjetà li tappartjeni lil terz in bona fide

    Fil-Kawża C‑393/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Apelativen sad – Plovdiv (il-Qorti tal-Appell ta’ Plovdiv, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Mejju 2019, fil-proċeduri kriminali kontra

    OM,

    fil-preżenza ta’:

    Okrazhna prokuratura – Haskovo,

    Apelativna prokuratura – Plovdiv,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Okrazhna prokuratura – Haskovo, minn V. Radeva-Rancheva, bħala aġent,

    għall-Apelativna prokuratura – Plovdiv, minn I. Perpelov, bħala aġent,

    għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, S. Charitaki u A. Magrippi, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn Y. Marinova u R. Troosters, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra OM dwar il-konfiska, wara l-kundanna tiegħu għal kuntrabandu doganali kkwalifikat, ta’ proprjetà użata sabiex jitwettaq l-imsemmi reat li tappartjeni lil terz in bona fide.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI

    3

    Il-premessa 3 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU 2006, L 159M, p. 223), tipprovdi:

    “Skond il-paragrafu 50(b) tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Vjenna, fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiggvernaw il-qbid u l-konfiska tar-rikavati tal-kriminalità għandhom jiġu mtejba u approssimati fejn meħtieġ, b’kont meħud tad-drittijiet tat-terzi in bona fide.”

    4

    Skont it-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjonijiet”:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:

    […]

    ‘mezzi strumentali’ tfisser kwalunkwe proprjetà wżata jew intiża li tiġi wżata, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, sabiex jiġi mwettaq reat kriminali jew jiġu mwettqa reati kriminali,

    ‘konfiska’ tfisser penali jew miżura, ordnata minn qorti b’segwitu għal proċedimenti fir-rigward ta’ reat kriminali jew reati kriminali, li jirriżultaw fil-privazzjoni finali ta’ proprjetà”.

    5

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Konfiska”, jipprovdi:

    “1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati.

    2.   Fir-rigward ta’ reati fiskali, l-Istati Membri jistgħu jużaw proċeduri oħra barra l-proċeduri kriminali sabiex jipprivaw lill-awtur tar-reat mir-rikavati tar-reat.”

    6

    Skont l-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Rimedji legali”:

    “Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-partijiet interessati milquta mill-miżuri taħt l-Artikoli 2 u 3 jkollhom rimedji legali effikaċi sabiex jippreżervaw id-drittijiet tagħhom.”

    Id-Direttiva 2014/42/UE

    7

    Il-premessi 9, 33 u 41 tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 138, p. 114) jipprovdu:

    “(9)

    Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u li tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI [tal-Kunsill tal-26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 158)] u 2005/212/ĠAI. Dawk id-Deċiżjonijiet Kwadru għandhom jiġu parzjalment sostitwiti għall-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva.

    […]

    (33)

    Din id-Direttiva taffettwa b’mod sostanzjali d-drittijiet tal-persuni, mhux biss ta’ dawk suspettati jew akkużati iżda anke ta’ partijiet terzi li ma jkunux qed jitressqu quddiem il-qorti. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jkun hemm salvagwardji u rimedji ġudizzjarji speċifiċi sabiex jiġi ggarantit il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tagħhom meta ssir l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dan jinkludi d-dritt li jinstemgħu għall-partijiet terzi li jiddikjaraw li huma s-sidien tal-proprjetà kkonċernata, jew li jiddikjaraw li jkollhom drittijiet oħra ta’ proprjetà (“drittijiet reali”, “ius in re”), bħad-dritt ta’ użufrutt. L-ordni ta’ ffriżar għandha tiġi kkomunikata lill-persuna affettwata kemm jista’ jkun malajr wara li tiġi eżegwita. Minkejja dan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipposponu l-komunikazzjoni ta’ tali ordnijiet lill-persuna affettwata minħabba l-ħtiġijiet tal-investigazzjoni.”

    […]

    (41)

    Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-konfiska tal-proprjetà fil-qasam kriminali, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif inhu stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif inhu stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.”

    8

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (3)

    “mezzi strumentali” tfisser kwalunkwe proprjetà użata jew maħsuba biex tintuża, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, biex jitwettaq reat kriminali jew biex jitwettqu reati kriminali;

    (4)

    ‘konfiska’ tfisser ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali;

    […]”

    9

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għar-reati kriminali koperti minn:

    (a)

    Il-Konvenzjoni mfassla skont l-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea […];

    (b)

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta’ pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar inkonnessjoni mad-dħul tal-ewro [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 187)];

    (c)

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/413/ĠAI tat-28 ta’ Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 123)];

    (d)

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tal-26 ta’ Ġunju 2001 dwar ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, il-kanċellament, l-iffriżar jew il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 158)];

    (e)

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18)];

    (f)

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 182)];

    (g)

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi [(ĠU 2006, L 153M, p. 94)];

    (h)

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata [(ĠU 2008, L 300, p. 42)];

    (i)

    Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/629/ĠAI [(ĠU 2011, L 101, p. 1)];

    (j)

    Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI [(ĠU 2011, L 335, p. 1)];

    (k)

    Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/222/ĠAI [(ĠU 2013, L 218, p. 8)],

    kif ukoll strumenti legali oħrajn jekk dawk l-istrumenti jipprevedu speċifikament li din id-Direttiva tapplika għar-reati kriminali armonizzati fiha.”

    10

    L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/42, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-4 ta’ Ottubru 2016. Huma għandhom jibagħtu immedjatament it-test li jkun fih dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.”

    11

    l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Is-sostituzzjoni tal-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI u ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI”, jipprovdi

    “1.   L-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI [tat-3 ta’ Diċembru 1998 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ Artikolu K.3 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-money laundering, l-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar, is-sekwestru u l-konfiska ta’ għodda u qligħ mill-kriminalità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 97)], il-punt (a) tal-Artikolu 1 u l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/500/ĠAI, u l-ewwel erba’ inċiżi tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI, huma sostitwiti b’din id-Direttiva għall-Istati Membri marbuta minn din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni ta’ dawk id-Deċiżjonijiet Kwadru fil-liġi nazzjonali.

    2.   Għall-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, ir-referenzi għall-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI u għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.”

    Id-dritt Bulgaru

    12

    Skont l-Artikoli 37(1) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NK”):

    “Il-pieni huma:

    […]

    3.

    il-konfiska tal-proprjetà disponibbli;

    […]”

    13

    Mill-Artikolu 242(1) tan-NK jirriżulta li l-kuntrabandu kkwalifikat huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ minn tliet snin sa għaxar snin u b’multa ta’ minn 20000 sa 100000 levi Bulgari (BGN) (madwar EUR 10226 sa EUR 51130).

    14

    L-Artikolu 242(7) u (8) tan-NK jipprovdi:

    “(7)   […] L-oġġett tal-kuntrabandu għandu jiġi kkonfiskat favur l-Istat ikun min ikun il-proprjetarju, jekk ma jkunx għadu jeżisti jew ikun ġie ttrasferit, għandu jiġi ddeterminat ammont li jikkorrispondi għall-valur tiegħu skont il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut nazzjonali.

    (8)   […] Il-mezz ta’ trasport jew il-kontenitur użat għat-trasport tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-kuntrabandu għandu jiġi kkonfiskat favur l-Istat, u dan ukoll meta dan ma jkunx jappartjeni għall-awtur tar-reat kriminali, ħlief jekk il-valur tiegħu ma jikkorrispondix għall-gravità tal-ksur.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15

    Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, OM, impjegat bħala xufier minn kumpannija tat-trasport stabbilita fit-Turkija, kien iwettaq trasport internazzjonali bi trattur u trejler proprjetà ta’ din il-kumpannija.

    16

    Fil-11 ta’ Ġunju 2018, filwaqt li kien qed jipprepara ruħu sabiex iwettaq trasport bejn Istanbul (it-Turkija) u Delmenhorst (il-Ġermanja), OM aċċetta l-proposta magħmula lilu minn persuna sabiex jittrasporta illegalment, bi ħlas, 2940 munita antika fil-Ġermanja.

    17

    Fit-12 ta’ Ġunju 2018, wara li qasam il-fruntiera bejn it-Turkija u l-Bulgarija, OM kien suġġett għal kontroll doganali li matulu ġew skoperti l-muniti, li kienu ġew moħbija fit-trattur tal-ġarr tat-trejler.

    18

    Il-muniti, li perizja arkeoloġika u numismatika tagħhom evalwat il-valur għal BGN 73500 (madwar EUR 37600), it-trattur, it-trejler, iċ-ċavetta ta’ kuntatt u ċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-imsemmi trattur ittieħdu u nġabru bħala provi materjali tar-reat preżunt.

    19

    Matul l-investigazzjoni, id-direttur tal-kumpannija Torka li timpjega lil OM talab ir-restituzzjoni tat-trattur u t-trejler, billi sostna li l-imsemmija kumpannija ma kellha ebda rabta mar-reat kriminali u li r-restituzzjoni tal-imsemmija beni ma kinitx ser ixxekkel l-investigazzjoni. Din it-talba ġiet miċħuda mill-prosekutur responsabbli għall-investigazzjoni minħabba li l-provi materjali kellhom jinżammu, skont id-dritt Bulgaru, sal-għeluq tal-proċeduri kriminali u minħabba li restituzzjoni kienet tfixkel l-investigazzjoni. Id-direttur ikkontesta d-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem l-Okrazhen sad Haskovo (il-Qorti Reġjonali ta’ Haskovo, il-Bulgarija), li kkonfermat id-deċiżjoni b’digriet tad-19 ta’ Ottubru 2018, li ma jistax jiġi kkontestat.

    20

    Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Marzu 2019, OM ġie kkundannat mill-Okrazhen sad Haskovo (il-Qorti Reġjonali ta’ Haskovo) għal kuntrabandu doganali kkwalifikat għal piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin u għal multa ta’ BGN 20000 (madwar EUR 10200). Il-muniti u t-trattur ġew suġġetti għal qbid favur l-Istat skont, rispettivament, l-Artikolu 242(7) u l-Artikolu 242(8) tan-NK. Min-naħa l-oħra, it-trejler, mhux direttament marbut mat-twettiq tar-reat, ingħata lura lill-kumpannija li tħaddem lil OM.

    21

    OM ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem l-Apelativen sad – Plovdiv (il-Qorti tal-Appell ta’ Plovdiv, il-Bulgarija) sa fejn din ordnat il-qbid tat-trattur, fejn sostna li dan il-qbid kien jikser b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta.

    22

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-qbid favur l-Istat tal-vettura li serviet sabiex jiġi ttrasportat l-oġġett tal-kuntrabandu, previst fl-Artikolu 242(8) tan-NK, huwa, ċertament, qbid obbligatorju wara t-twettiq tar-reat ta’ kuntrabandu, iżda ma jikkostitwixxix piena, kuntrarjament għall-konfiska tal-proprjetà tal-persuna ħatja, imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 37(1) tan-NK.

    23

    Madankollu, dik il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 242(8) tan-NK, li ġie adottat qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007, mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 17(1) u mal-Artikolu 47 tal-Karta.

    24

    B’mod iktar partikolari, l-imsemmija qorti tqis li l-qbid previst minn din id-dispożizzjoni, inkluż meta l-mezz ta’ trasport li jkun serva sabiex jiġi ttrasportat l-oġġett tal-kuntrabandu ma jkunx jappartjeni lill-awtur tar-reat, jista’ jwassal għal żbilanċ bejn l-interess tat-terz proprjetarju li ma jkunx ipparteċipa u bl-ebda mod ma jkun marbut mar-reat kriminali, u l-interess tal-Istat li jaqbad din il-proprjetà għar-raġuni li din tkun intużat għat-twettiq tar-reat.

    25

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-13 ta’ Ottubru 2015, Ünsped Paket Servisi San. Ve TiC. Ve TIC. A. Ș. vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2015:1013JUD000350308), li permezz tagħha hija ddeċidiet li l-qbid, abbażi tal-Artikolu 242(8) tan-NK, ta’ trakk li jappartjeni lil kumpannija stabbilita fit-Turkija kien kuntrarju għall-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li l-kontenut tiegħu huwa identiku għal dak tal-Artikolu 17(1) tal-Karta. Fil-fatt, din il-qorti rrilevat li l-kumpannija proprjetarja tat-trakk kienet ġiet imċaħħda minn aċċess għall-ġustizzja, peress li l-proċedura nazzjonali ma ppermettitilhiex tesponi l-perspettiva tagħha, b’tali mod li ma ġiex żgurat bilanċ bejn l-interessi kollha.

    26

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont il-premessa 33 tad-Direttiva 2014/42, fid-dawl tal-fatt li din tippreġudika b’mod sinjifikattiv id-drittijiet tal-persuni, huwa neċessarju li jiġu previsti garanziji speċifiċi u rimedji ġudizzjarji sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni, jiġifieri mhux biss tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati iżda wkoll ta’ terzi li ma humiex suġġetti għal prosekuzzjoni, u li dan jinkludi d-dritt għal smigħ għat-terzi li jsostnu li huma l-proprjetarji tal-beni kkonċernati.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Apelativen sad Plovdiv (il-Qorti tal-Appell ta’ Plovdiv) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 17(1) tal-Karta […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, sabiex ma jiġix kompromess bilanċ ġust bejn l-interess pubbliku u r-rekwiżit li jiġi protett id-dritt għall-proprjetà, dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 242(8) tan-[Nk], li tipprevedi l-konfiska favur l-Istat ta’ vettura użata għat-twettiq ta’ kontrabandu, liema vettura tkun il-proprjetà ta’ terz li la kien jaf, la kien imissu kien jaf u lanqas ma seta’ jkun jaf li l-impjegat tiegħu kien qiegħed iwettaq dan ir-reat?

    2)

    L-Artikolu 47 tal-Karta […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 242(8) tan-[NK], li tippermetti l-konfiska ta’ vettura li tkun il-proprjetà ta’ terz li ma jkunx l-istess individwu li wettaq ir-reat, mingħajr ma huwa previst aċċess dirett għall-ġustizzja għal dan it-terz proprjetarju sabiex iressaq il-pożizzjoni tiegħu?”

    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    28

    L-Apelativna prokuratura – Plovdiv (il-Prosekutur tal-Appell ta’ Plovdiv, il-Bulgarija) u l-Gvern Grieg isostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li l-qorti nazzjonali ma tinvoka ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermetti li tiġi stabbilita rabta suffiċjenti bejn it-tilwima fil-kawża prinċipali u d-dritt tal-Unjoni.

    29

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-domandi preliminari jirrigwardaw espliċitament biss dispożizzjonijiet tal-Karta, jiġifieri l-Artikolu 17, dwar id-dritt għall-proprjetà, kif ukoll l-Artikolu 47, dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali.

    30

    Għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    L-Artikolu 51(1) tal-Karta jikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Għaldaqstant, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom innifishom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-proprjetà ta’ terz ġiet ikkonfiskata favur l-Istat Membru kkonċernat minħabba li ntużat fil-kuntest ta’ reat kriminali, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    34

    F’dan il-każ, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-Direttiva 2014/42, li timponi obbligi fuq l-Istati Membri sabiex, kif tispeċifika l-premessa 41 tagħha, tiffaċilita l-konfiska tal-proprjetà f’materji kriminali.

    35

    Madankollu, ir-reat ta’ kuntrabandu, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jinsabx fost dawk li għalihom tapplika din id-direttiva skont l-Artikolu 3 tagħha, b’tali mod li s-suġġett tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva.

    36

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li d-Direttiva 2014/42 issostitwixxiet parzjalment id-Deċiżjoni Qafas 2005/212, li tirrigwarda, bħal din id-direttiva, il-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavati mill-kriminalità. Fil-fatt, konformement mal-premessa 9 tal-imsemmija direttiva, din hija intiża sabiex temenda u testendi d-dispożizzjonijiet b’mod partikolari ta’ din id-deċiżjoni qafas.

    37

    B’mod iktar preċiż, mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/42 jirriżulta li din issostitwixxiet biss l-ewwel erba’ inċiżi tal-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 għall-Istati Membri li din id-direttiva torbot, fatt li kellu bħala konsegwenza li l-Artikoli 2, 4 u 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas inżammu fis-seħħ wara l-adozzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001, C‑234/18, EU:C:2020:221, punt 48).

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni Qafas 2005/212 tipprevedi, fl-Artikolu 2(1) tagħha, f’termini iktar ġenerużi minn dawk li jinsabu fid-Direttiva 2014/42 li “[k]ull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati”.

    39

    F’dan il-każ, ir-reat ta’ kuntrabandu kkwalifikat inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ minn tliet snin sa għaxar snin, flimkien mal-possibbiltà li l-mezz ta’ trasport użat għat-trasport tal-merkanzija, suġġett tal-kuntrabandu, ikun suġġett għal qbid konformement mal-Artikolu 242(8) tan-NK.

    40

    Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 neċessarjament jagħmlu parti mill-elementi ta’ dritt tal-Unjoni li, fid-dawl tal-kawża prinċipali u tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tal-aħħar tagħti risposta utli għad-domandi li sarulha. Għalhekk, is-sitwazzjoni legali fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ta’ din id-deċiżjoni qafas.

    41

    Barra minn hekk, din tal-aħħar tipprevedi regoli dwar il-konfiska ta’ “mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali” u dwar ir-rimedji ġudizzjarji li l-persuni affettwati minn miżura ta’ konfiska għandu jkollhom, fl-Artikoli 2 u 4 tagħha, rispettivament. Minn dan isegwi li, permezz tad-domandi tagħha, li jirrigwardaw il-legalità tal-konfiska tal-proprjetà li tappartjeni lil terz in bona fide kif ukoll ir-rimedji ġudizzjarji li għandhom ikunu miftuħa għal terz affettwat minn miżura ta’ konfiska, il-qorti tar-rinviju tfittex, fir-realtà, li tingħata interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta.

    42

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

    Fuq l-ewwel domanda

    43

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, moqri fid-dawl tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska ta’ mezz strumentali użat sabiex jitwettaq reat ta’ kuntrabandu kkwalifikat, meta dan jappartjeni lil terz in bona fide.

    44

    F’dan ir-rigward, hemm lok, qabelxejn, li jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “konfiska” huwa ddefinit fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212.

    45

    Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, ir-raba’ inċiż ta’ dan l-Artikolu 1 ġie ssostitwit bid-Direttiva 2014/42 għall-Istati Membri li din id-direttiva torbot.

    46

    Issa, f’dan il-każ, peress li l-fatti fil-kawża prinċipali seħħew wara t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/42, stabbilit għall-4 ta’ Ottubru 2016, konformement mal-Artikolu 12(1) tagħha, f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, għandu jsir riferiment għall-imsemmija direttiva għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konfiska”.

    47

    Skont il-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, dan il-kunċett ta’ “konfiska” huwa ddefinit bħala li jikkostitwixxi “ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali”.

    48

    Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, f’dan il-kuntest, ma huwiex rilevanti jekk il-konfiska tikkostitwixxix jew le piena taħt id-dritt kriminali. Għalhekk, miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lok għal ċaħda definittiva tal-proprjetà maqbuda, ordnata minn qorti b’rabta ma’ reat kriminali, taqa’ taħt l-imsemmi kunċett ta’ “konfiska”.

    49

    Sussegwentement, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 jipprovdi li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati.

    50

    F’dan ir-rigward, huwa minnu li din id-dispożizzjoni ma tirreferix espliċitament għall-persuna li l-proprjetà tagħha tista’ tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ konfiska. Hija tirreferi biss għall-“mezzi strumentali” li huma marbuta ma’ reat kriminali, mingħajr ma huwa importanti li jiġi ddeterminat min għandu l-pussess jew huwa l-proprjetarju tagħhom.

    51

    Madankollu, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas, li minnha jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet ta’ terzi in bona fide. Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas japplikaw ukoll għall-konfiska tal-proprjetà li tappartjeni lil terzi, filwaqt li jeżiġu, b’mod partikolari, li d-drittijiet ta’ dawn tal-aħħar ikunu protetti meta jkunu in bona fide.

    52

    F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 17(1) tal-Karta, li jipprevedi, b’mod partikolari, li kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni li tkun akkwistat legalment, li tużahom u li tiddisponi minnhom.

    53

    Ċertament, id-dritt għall-proprjetà ggarantit minn din id-dispożizzjoni ma huwiex prerogattiva assoluta. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti minnha, bil-kundizzjoni li dawn il-limitazzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Adusbef u Federconsumatori, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    F’dan il-każ, il-Prosekutur tal-Appell ta’ Plovdiv, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, indika li l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa dak li jipprekludi, fl-interess ġenerali, l-importazzjoni illegali ta’ merkanzija fil-pajjiż.

    55

    Issa, fid-dawl tal-preġudizzju sinjifikattiv għad-drittijiet tal-persuni li l-konfiska ta’ proprjetà tinvolvi, jiġifieri t-tneħħija definittiva tad-dritt għall-proprjetà fuq oġġett, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ terz in bona fide, li ma kienx jaf u ma setax ikun jaf li l-proprjetà tiegħu intużat sabiex jitwettaq reat, tali konfiska tikkostitwixxi, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà tiegħu.

    56

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tirrispettax id-dritt għall-proprjetà ggarantit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta, sa fejn tipprevedi li l-proprjetà ta’ terz in bona fide użata għat-twettiq ta’ reat ta’ kuntrabandu kkwalifikat tista’ tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ konfiska.

    57

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li fil-kuntest tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, il-konfiska ma tistax tiġi estiża għall-proprjetà ta’ terzi in bona fide.

    58

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, moqri fid-dawl tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska ta’ mezz strumentali użat sabiex jitwettaq reat ta’ kuntrabandu kkwalifikat, meta dan jappartjeni lil terz in bona fide.

    Fuq it-tieni domanda

    59

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, ta’ proprjetà li tappartjeni lil persuna differenti minn dik li wettqet ir-reat kriminali, mingħajr ma din l-ewwel persuna jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv.

    60

    Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas tipprevedi obbligu għal kull Stat Membru li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-partijiet interessati milquta mill-miżuri previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas ikollhom rimedji ġudizzjarji effettivi sabiex jippreżervaw id-drittijiet tagħhom.

    61

    Fid-dawl tan-natura ġenerali tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, il-persuni li lilhom l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu rimedji ġudizzjarji effettivi ma humiex biss dawk misjuba ħatja ta’ reat iżda wkoll il-persuni l-oħra kollha affettwati mill-miżuri previsti fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni qafas, inklużi t-terzi.

    62

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta, kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ġew miksura għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu u b’mod partikolari li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod ġust.

    63

    B’mod partikolari, id-dritt għal rimedju effettiv ifisser li terz li l-proprjetà tiegħu tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ konfiska għandu jkun jista’ jikkontesta l-legalità ta’ din il-miżura sabiex jirkupra din il-proprjetà meta l-konfiska ma tkunx iġġustifikata.

    64

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju enfasizzat fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li terz li l-proprjetà tiegħu kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ konfiska ma għandux aċċess dirett għall-ġustizzja skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’tali mod li ma huwiex f’pożizzjoni li jinvoka validament id-drittijiet tiegħu.

    65

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, f’kawża bħal dik tal-kawża prinċipali, terz li l-proprjetà tiegħu hija kkonfiskata huwa mċaħħad mid-dritt għal rimedju effettiv.

    66

    Barra minn hekk, għar-raġuni esposta fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argument invokat mill-Prosekutur tal-Appell ta’ Plovdiv, li jipprovdi li, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iż-Zakon za zadalzheniata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti) tippermetti lill-proprjetarju tal-proprjetà kkonfiskata li jfittex lill-persuna kkundannata għad-danni li jirriżultaw minn din il-konfiska.

    67

    Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, essenzjalment, li, f’sitwazzjoni fejn l-Istat huwa l-awtur tal-konfiska u fejn il-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali ma jipprevedux proċedura li permezz tagħha l-proprjetarju jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu, dan l-Istat ma jistax jissodisfa l-obbligu, li jirriżulta għalih mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jistabbilixxi tali proċedura billi jitlob lil persuna li ma kinitx ġiet iġġudikata għar-reat kriminali li wassal għall-konfiska li tfittex li tirkupra l-proprjetà tagħha mingħand terz (il-Qorti EDB, 13 ta’ Ottubru 2015, Ünsped Paket Servisi SaN. Ve TiC. Ve TIC. A. Ș. vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2015:1013JUD000350308, punt 32).

    68

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, ta’ proprjetà li tappartjeni lil persuna differenti minn dik li wettqet ir-reat kriminali, mingħajr ma din l-ewwel persuna jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv.

    Fuq l-ispejjeż

    69

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità, moqri fid-dawl tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska ta’ mezz strumentali użat sabiex jitwettaq reat ta’ kuntrabandu kkwalifikat, meta dan ikun jappartjeni lil terz in bona fide.

     

    2)

    L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, ta’ proprjetà li tappartjeni lil persuna differenti minn dik li wettqet ir-reat kriminali, mingħajr ma din l-ewwel persuna jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

    Top