EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0307

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Marzu 2021.
Obala i lučice d.o.o. vs NLB Leasing d.o.o.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt applikabbli – Regolament (KE) Nru 864/2007 u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolamenti (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ – Il-punt 1 tal-Artikolu 7 – Kunċetti ta’ ‘qasam kuntrattwali’ u ta’ ‘provvista ta’ servizzi’ – Il-punt 1 tal-Artikolu 24 – Kunċett ta’ ‘kiri ta’ proprjetà immobbli’ – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji – Nutara li jaġixxu fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata – Proċedura intiża għall-ġbir tal-ħlas ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata ta’ vettura f’post tal-ipparkjar fi triq miftuħa għall-pubbliku.
Kawża C-307/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:236

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt applikabbli – Regolament (KE) Nru 864/2007 u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolamenti (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ – Il-punt 1 tal-Artikolu 7 – Kunċetti ta’ ‘qasam kuntrattwali’ u ta’ ‘provvista ta’ servizzi’ – Il-punt 1 tal-Artikolu 24 – Kunċett ta’ ‘kiri ta’ proprjetà immobbli’ – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji – Nutara li jaġixxu fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata – Proċedura intiża għall-ġbir tal-ħlas ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata ta’ vettura f’post tal-ipparkjar fi triq miftuħa għall-pubbliku”

Fil-Kawża C‑307/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Visoki trgovački sud (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ April 2019, fil-proċedura

Obala i lučice d.o.o.

vs

NLB Leasing d.o.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur), M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Obala i lučice d.o.o., minn M. Kuzmanović, odvjetnik,

għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, R. Kanitz, M. Hellmann u E. Lankenau, bħala aġenti,

għall-Gvern Sloven, minn J. Morela, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Mataija, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 10(1), tal-Artikolu 11(1) u tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”), tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79), tal-Artikolu 4(1)(b) u (ċ) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), kif ukoll tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 7 u tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Obala i lučice d.o.o. (iktar ’il quddiem “Obala”), kumpannija li għandha s-sede tagħha fil-Kroazja, u NLB Leasing d.o.o., kumpannija stabbilita fis-Slovenja, dwar talba għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata għall-ipparkjar f’post tal-ipparkjar bi spazju identifikat, li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Ruma II

3

L-Artikolu 31 tar-Regolament Ruma II, intitolat “Regola temporali relattiva għall-applikazzjoni”, jiddisponi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal avvenimenti li jwasslu għal dannu li jseħħu wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.”

Ir-Regolament Nru 1393/2007

4

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1393/2007, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal servizz hemmhekk. Dan m’għandux jinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi jew ir-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (‘acta iure imperii’).”

5

Skont l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Servizz bis-servizzi postali”:

“Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq is-servizz tad-dokumenti ġudizzjarji direttament bis-servizzi postali lill-persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor permezz ta’ ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla ta’ l-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti.”

6

L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, intitolat “Trasmissjoni”, jiddisponi:

“Id-dokumenti extra-ġudizzjarji jistgħu jkunu mibgħuta għal servizz fi Stat Membru ieħor skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

7

Ir-Regolament Nru 1393/2007, fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, tħassar bir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) (servizz ta’ dokumenti) (ĠU 2020, L 405, p. 40).

Ir-Regolament Ruma I

8

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Applikazzjoni temporali”:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kuntratti konklużi sa mis‑17 ta’ Diċembru 2009.”

Ir-Regolament Nru 1215/2012

9

Il-premessi 10 u 15 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxu:

“(10)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew […]

[…]

(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.”

10

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”

11

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

12

Skont il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 7 tal-istess regolament:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(1)   

(a)

fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

(b)

għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati,

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati;

(c)

jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a);

(2)   fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

13

L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 jiddisponi:

“Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:

(1)

fi proċedimenti li l-objettiv tagħhom ikunu drittijiet in rem fi proprjetà immobbli jew kirjiet ta’ proprjetà immobbli, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà.

[…]”

Id-dritt Kroat

Il-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni Forzata

14

L-Artikolu 1 tal-Ovršni zakon (il-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni Forzata) (Narodne novine, br. 112/12, 25/13, 93/14, 55/16 u 73/17) jawtorizza lin-nutara jwettqu l-irkupru forzat ta’ dejn abbażi ta’ “dokument awtentiku”, billi joħorġu digriet ta’ eżekuzzjoni li għandu s-saħħa ta’ titolu eżekuttiv, mingħajr il-kunsens espliċitu tad-debitur.

Il-Liġi dwar is-Sigurtà fit-Toroq

15

L-Artikolu 1 taż-Zakon o sigurnosti prometa na cestama (il-Liġi dwar is-Sigurtà fit-Toroq) (Narodne novine, br. 67/08, 48/10 u 74/11) jipprevedi li s-suġġett ta’ din il-liġi jikkonsisti, b’mod partikolari, fid-definizzjoni tal-prinċipji fundamentali li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet reċiproċi, l-aġir tal-utenti u ta’ persuni oħra fil-kuntest tat-traffiku fit-toroq, il-kundizzjonijiet fundamentali li għandhom jiġu ssodisfatti mit-toroq fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq, ir-regoli tat-traffiku fit-toroq, is-sistema ta’ sinjali tat-triq u l-indikazzjonijiet mogħtija mill-uffiċjali awtorizzati bl-infurzar ta’ dawn ir-regoli.

16

Skont l-Artikolu 5 ta’ din il-liġi:

“(1)   L-awtoritajiet lokali u reġjonali awtonomi jirregolaw, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, wara l-approvazzjoni tal-Ministeru responsabbli għall-affarijiet interni, iċ-ċirkulazzjoni fit-territorju tagħhom, u b’mod partikolari:

[…]

6.

iż-żoni u l-modalitajiet ta’ pparkjar, il-projbizzjonijiet ta’ pparkjar kif ukoll iż-żoni ta’ pparkjar ristrett, […]”

Id-Deċiżjoni dwar l-Ipparkjar fil-Belt ta’ Zadar

17

L-Odluka o organizaciji i načinu naplate parkiranja u Gradu Zadru (id-Deċiżjoni dwar l-Organizzazzjoni u Proċeduri għall-Ġbir tat-Tariffi tal-Ipparkjar fil-Belt ta’ Zadar) (Glasnik Grada Zadra, br. 4/11), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar l-Ipparkjar fil-Belt ta’ Zadar”), tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-metodu ta’ pagament tal-ipparkjar kif ukoll is-sorveljanza tal-ipparkjar ta’ vetturi f’parkeġġi pubbliċi bil-ħlas.

18

L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jiddefinixxi l-parkeġġi pubbliċi bħala “żoni pubbliċi għall-waqfien u l-ipparkjar tal-vetturi”.

19

L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni jistabbilixxi li l-parkeġġi pubbliċi huma mmarkati b’sinjalazzjoni, konformement mal-Liġi dwar is-Sigurtà fit-Toroq.

20

Skont l-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni, l-immarkar ta’ parkeġġi pubbliċi għandu jsir mill-organizzatur tal-ipparkjar, taħt is-sorveljanza tad-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni muniċipali.

21

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni dwar l-Ipparkjar fil-Belt ta’ Zadar jistabbilixxi l-ġranet u l-ħinijiet li fihom iridu jitħallsu l-miżati għall-ipparkjar.

22

L-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni jistabbilixxi:

“Billi jwaqqaf jew jipparkja l-vettura tiegħu f’żona pubblika għall-ipparkjar, is-sewwieq jew is-sid tal-vettura jikkonkludi mal-amministratur tal-parkeġġ kuntratt għall-użu tal-parkeġġ pubbliku bl-użu ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata […] u jaċċetta l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt għall-ipparkjar previsti minn din id-deċiżjoni.”

23

Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija deċiżjoni, il-biljett ta’ ġurnata li huwa validu għal 24 siegħa mill-ħruġ tiegħu jikkorrispondi għat-tariffa bis-siegħa għall-ipparkjar f’żona ddeterminata permezz tan-numru ta’ sigħat ta’ pparkjar bi ħlas matul perijodu ta’ pparkjar ta’ 24 siegħa.

24

L-Artikolu 10 ta’ din l-istess deċiżjoni jipprevedi li l-ġbir tal-ħlas ta’ biljett ta’ ġurnata jsir permezz tal-pagament tal-ordni ta’ ħlas tal-biljett ta’ ġurnata fil-kont kurrenti tal-amministratur tal-parkeġġ jew permezz tal-pagament tal-biljett ta’ ġurnata lill-kaxxier tal-amministratur tal-parkeġġ.

25

Konformement mal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni dwar l-Ipparkjar fil-Belt ta’ Zadar, l-utent tal-parkeġġ li nħariġlu biljett ta’ ġurnata u ordni ta’ ħlas ta’ dan il-biljett huwa obbligat li jħallsu f’terminu ta’ tmint ijiem mid-data tal-ħruġ tiegħu.

26

L-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li, jekk l-utent tal-parkeġġ ma jħallasx il-biljett ta’ ġurnata fit-terminu stabbilit, huwa jkun obbligat li jħallas, f’terminu addizzjonali ta’ tmint ijiem, minbarra l-ammont tal-biljett ta’ ġurnata, ukoll l-ispejjeż reali u l-interessi moratorji legali li għandhom jissemmew fl-ordni ta’ ħlas. Jekk l-utent tal-parkeġġ ma jħallasx il-biljett ta’ ġurnata, l-ispejjeż reali u l-interessi moratorji legali fit-termini stabbiliti, l-amministratur tal-parkeġġ jibda, f’ismu stess u għall-interessi tiegħu, proċedura ġudizzjarja kontra dan l-utent.

Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27

Fl‑20 ta’ Frar 2017, Obala, kumpannija kummerċjali maħluqa mill-Belt ta’ Zadar (il-Kroazja) għall-finijiet tal-ġbir tal-ħlas tal-miżati għall-ipparkjar ta’ vetturi fit-toroq pubbliċi, bdiet proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata kontra NLB Leasing quddiem nutar li jipprattika fil-Kroazja, abbażi ta’ dokument awtentiku, li tirrigwarda l-irkupru ta’ spejjeż li jikkorrispondu għall-biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata ta’ vettura f’post tal-ipparkjar bi spazju identifikat, li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku f’Zadar. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-preżenza ta’ din il-vettura ġiet ikkonstatata f’post tal-ipparkjar, fit‑30 ta’ Ġunju 2012 fis‑13.02, u li Obala titlob il-ħlas tal-biljett ta’ ġurnata għal ġurnata sħiħa ta’ pparkjar.

28

Fit‑8 ta’ Marzu 2017, dan in-nutar ħareġ mandat ta’ eżekuzzjoni li permezz tiegħu ordna lil NLB Leasing tħallas id-dejn mitlub ta’ 84 kuna Kroati (HRK) (madwar EUR 11), bħala dejn prinċipali li jirrappreżenta l-miżata għall-ipparkjar ta’ ġurnata, kif ukoll is-somom ta’ HRK 1235 (madwar EUR 165) għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċedura u ta’ HRK 506.25 (madwar EUR 67) bħala spejjeż prevedibbli tal-proċedura.

29

Sabiex jinnotifika l-mandat ta’ eżekuzzjoni lil NLB Leasing, in-nutar ibbaża ruħu fuq l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1393/2007 u bagħat ittra rreġistrata b’rikonoxximent tal-wasla.

30

NLB Leasing ressqet oppożizzjoni kontra dan il-mandat. It-Trgovački sud u Pazinu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Pazin, il-Kroazja) annullat l-imsemmi mandat sa fejn dan ippreveda l-eżekuzzjoni forzata iżda ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-oppożizzjoni, filwaqt li bagħtet il-kawża lit-Trgovački sud u Zadru (il-Qorti Kummerċjali ta’ Zadar, il-Kroazja) li, min-naħa tagħha, irrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha u adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’dan il-kunflitt negattiv ta’ ġurisdizzjoni.

31

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar diversi aspetti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari, dwar il-legalità tan-notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’rikonoxximent tal-wasla lill-konvenuta ta’ mandat ta’ eżekuzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija quddiem nutar abbażi ta’ dokument awtentiku, dwar il-klassifikazzjoni tar-relazzjoni legali eżistenti bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tal-qrati Kroati sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din it-tilwima, kif ukoll dwar id-dritt sostantiv applikabbli.

32

Din il-qorti tistaqsi qabelxejn jekk in-nutara, li ma humiex “qrati” fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012, jistgħux jibbażaw ruħhom fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007 sabiex iwettqu n-notifika tal-mandati ta’ eżekuzzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ dokument awtentiku, u jekk, fil-kuntest ta’ litigazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qrati jistgħux jipproċedu bin-notifika lill-konvenuti ta’ atti ta’ eżekuzzjoni abbażi tar-Regolament Nru 1393/2007.

33

Il-qorti tar-rinviju sussegwentement tistaqsi dwar il-portata tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012, sabiex jiġi ddeterminat jekk litigazzjoni dwar il-ġbir tal-ħlas ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata f’post tal-ipparkjar bi spazju identifikat, li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku, taqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.

34

F’dan ir-rigward, hija ssostni li, skont il-punt 6 tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar is-Sigurtà fit-Toroq u r-regoli dwar it-twettiq tal-attivitajiet muniċipali, l-awtoritajiet lokali għandhom jadottaw deċiżjonijiet dwar iż-żoni ta’ pparkjar u jiddelegaw il-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubblika lil impriżi kummerċjali muniċipali maħluqa sabiex jiġbru l-ħlas tal-miżati ta’ pparkjar.

35

F’dan il-każ, id-Deċiżjoni dwar l-Ipparkjar fil-Belt ta’ Zadar tistabbilixxi, inter alia, iż-żoni ta’ pparkjar kif ukoll il-perijodu li matulu jsir il-ġbir tal-flus tal-miżati għall-ipparkjar fit-toroq pubbliċi, it-tariffa tal-biljett bis-siegħa kif ukoll it-tariffa ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata jekk jiġi stabbilit li vettura li għaliha l-biljett għall-ipparkjar bis-siegħa ma tħallasx jew skada qiegħda f’żona pubblika ta’ pparkjar.

36

Skont il-qorti tar-rinviju, l-obbligu li jitħallas il-biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata huwa stabbilit b’mod unilaterali u għandu natura repressiva, li jista’ jitqies bħala penali jekk il-miżata ta’ pparkjar ma tħallsitx volontarjament minn qabel skont it-tariffa bis-siegħa jew jekk il-perijodu li għalih tħallset ikun skada.

37

Fil-fehma ta’ din il-qorti, teżisti differenza bejn, minn naħa, l-ipparkjar f’postijiet magħluqa, li fihom l-utenti jieħdu biljett li jiċċertifika l-ħin meta jidħlu f’dan il-postijiet u jħallsu l-ispejjeż tal-ipparkjar fil-ħin tat-tluq mill-imsemmija postijiet, li jaqa’ taħt kuntratt klassiku tad-dritt ċivili u għalhekk taħt il-qasam ċivili, u, min-naħa l-oħra, l-ipparkjar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għalih il-miżata tħallset minn qabel għal terminu fiss li l-qbiż tiegħu jwassal għall-ħlas ta’ biljett ta’ ġurnata ta’ natura repressiva.

38

Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn il-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

39

F’dan ir-rigward, din il-qorti ssostni li, skont il-ġurisprudenza tal-qrati Kroati, huwa ġeneralment ikkunsidrat li kuntratt ta’ pparkjar jiġi konkluż malli vettura tipparkja fi spazju identifikat li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku. Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan il-kuntratt għandux jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi jew bħala kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli.

40

Fil-fehma ta’ din il-qorti, jekk tali kuntratt ta’ pparkjar jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, jista’ jkun hemm ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 56 TFUE. Barra minn hekk, il-qrati Kroati jistgħu jisiltu l-ġurisdizzjoni tagħhom mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari tas-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (C‑533/07, EU:C:2009:257), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-attività ta’ Obala, li f’dan il-każ hija sempliċement l-immarkar ta’ postijiet tal-ipparkjar u l-ġbir tal-ħlas ta’ miżati għall-ipparkjar, hijiex suffiċjenti sabiex tiġi kklassifikata bħala “servizz”, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza.

41

Fir-rigward tal-possibbiltà tal-klassifikazzjoni tal-kuntratt ta’ pparkjar bħala kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli, fis-sens tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti tar-rinviju ssostni li, b’differenza minn kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli rregolata mid-dritt ordinarju li għalih il-forma bil-miktub hija meħtieġa taħt piena ta’ nullità, il-kuntratt ta’ pparkjar ma huwiex konkluż bil-miktub. Barra minn hekk, ma jeżistix dritt ta’ garanzija legali fuq il-vetturi pparkjati. Mill-banda l-oħra, jista’ jiġi sostnut li spazju partikolari ta’ proprjetà immobbli huwa okkupat b’tali mod li jeżisti ċertu xebh bejn kuntratt ta’ pparkjar u kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli.

42

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqajjem l-ipoteżi li l-ipparkjar fit-toroq pubbliċi ma għandux natura kuntrattwali u tistaqsi jekk dan jistax jitqies li, minħabba l-fatt li l-utent tal-post tal-ipparkjar ma jkunx xtara biljett bis-siegħa, ir-responsabbiltà tiegħu tista’ tkun ta’ natura delittwali jew kważi delittwali, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

43

Din il-qorti fl-aħħar tistaqsi dwar il-liġi applikabbli. Fil-fatt, hija ssostni li, f’dan il-każ, l-ipparkjar seħħ fit‑30 ta’ Ġunju 2012, jiġifieri qabel id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, u tistaqsi, għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar kuntratti konklużi qabel din id-data ta’ adeżjoni, b’mod partikolari tad-digriet tal‑5 ta’ Novembru 2014, VG Vodoopskrba (C‑254/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2354), kif ukoll tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević (C‑630/17, EU:C:2019:123), jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Ruma II u Ruma I humiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Visoki trgovački sud (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell, il-Kroazja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

In-nutara huma awtorizzati jwettqu n-notifika ta’ dokumenti b’applikazzjoni tar-Regolament [Nru 1393/2007], meta huma jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom f’kawżi li fir-rigward tagħhom ma japplikax ir-Regolament Nru 1215/2012, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, fil-Kroazja, in-nutara, meta huma jaġixxu fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ ‘dokument awtentiku’, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ ‘qorti’ fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012? Fi kliem ieħor, peress li n-nutara ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ ‘qorti’ imsemmi fir-Regolament Nru 1215/2012, huma jistgħu, meta jaġixxu fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ ‘dokument awtentiku’, japplikaw ir-regoli relatati man-notifika ta’ dokumenti stabbiliti fir-Regolament […] Nru 1393/2007?

2)

L-ipparkjar fit-triq u fit-toroq prinċipali pubbliċi, meta d-dritt għall-ġbir tal-ħlas huwa previst fiż-Zakon o sigurnosti prometa na cestama (il-Liġi dwar is-Sigurtà fit-Toroq) u fir-regoli dwar it-twettiq tal-attivitajiet muniċipali bħala attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi stess, jista’ jitqies bħala kwistjoni ċivili fis-sens tar-Regolament [Nru 1215/2015], li jirregola l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati kif ukoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, meta tiġi kkonstatata l-preżenza ta’ vettura mingħajr biljett tal-ipparkjar jew b’biljett tal-ipparkjar invalidu, din il-vettura tkun immedjatament suġġetta għall-obbligu ta’ ħlas ta’ biljett ta’ ġurnata, daqs li kieku din kienet ipparkjata l-ġurnata kollha, irrispettivament mit-tul ta’ ħin eżatt tal-użu tal-post tal-ipparkjar, b’mod li dan il-ġbir tal-ħlas tal-biljett ta’ ġurnata huwa ta’ natura sanzjonatorja, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li f’ċerti Stati Membri, dan l-ipparkjar jitqies bħala kontravvenzjoni tat-traffiku?

3)

Fil-proċeduri ġudizzjarji msemmija iktar ’il fuq relatati mal-ipparkjar fit-triq u fit-toroq prinċipali pubbliċi, meta d-dritt għall-ġbir tal-ħlas huwa previst fil-Liġi dwar is-Sigurtà fit-Toroq u fir-regoli dwar it-twettiq tal-attivitajiet muniċipali bħala attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi stess, il-qrati jistgħu jwettqu n-notifika ta’ dokument lill-konvenuti fi Stat Membru ieħor b’applikazzjoni tar-Regolament [Nru 1393/2007]?

Fil-każ li, abbażi tad-domandi magħmula iktar ’il fuq, jiġi deċiż li dan it-tip ta’ pparkjar huwa kwistjoni ċivili, id-domandi sussegwenti jsiru b’mod sussidjarju:

4)

F’dan il-każ, tapplika l-preżunzjoni ta’ konklużjoni ta’ kuntratt permezz tal-imsemmi pparkjar fit-triq f’post identifikat permezz ta’ sinjali orizzontali u/jew vertikali, jiġifieri, huwa meqjus li permezz tal-ipparkjar kuntratt huwa konkluż u li jekk il-prezz ma jitħallasx skont it-tariffa fis-siegħa tal-ipparkjar, il-biljett ta’ ġurnata jkun dovut. Għaldaqstant, tqum id-domanda dwar jekk din il-preżunzjoni ta’ konklużjoni ta’ kuntratt permezz ta’ dan l-ipparkjar u l-kunsens għall-ħlas tal-prezz tal-biljett ta’ ġurnata meta l-biljett ma jinxtarax skont it-tariffa fis-siegħa tal-ipparkjar jew meta jiskadi t-tul ta’ ħin tal-biljett mixtri jmorrux kontra d-dispożizzjonijiet fundamentali fil-qasam ta’ provvista ta’ servizzi previsti fl-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-acquis tal-Unjoni […]

5)

F’dan il-każ l-ipparkjar kien sar f’Zadar u, għaldaqstant, teżisti rabta bejn dan il-kuntratt u l-qrati Kroati, iżda dan l-ipparkjar huwa ‘servizz’ skont [il-punt 1 tal-Artikolu 7] tar-Regolament […] Nru 1215/2012, peress li l-kunċett ta’ servizz jimplika li l-parti li tipprovdih twettaq attività speċifika, jiġifieri, li hija twettaq din l-attività speċifika inkambju għal ħlas u, għaldaqstant, tqum id-domanda dwar jekk l-attività mwettqa mir-rikorrenti hijiex biżżejjed sabiex titqies bħala servizz? Fil-każ ta’ assenza ta’ ġurisdizzjoni speċjali tal-qrati Kroati bis-saħħa tal-[punt 1 tal-Artikolu 7] tar-Regolament […] Nru 1215/2012, il-qorti tad-domiċilju tal-konvenuta jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża.

6)

L-ipparkjar fit-triq u fit-toroq prinċipali pubbliċi, meta d-dritt għall-ġbir tal-ħlas huwa stabbilit permezz tal-Liġi dwar is-Sigurtà fit-Toroq u tar-regoli dwar it-twettiq tal-attivitajiet muniċipali bħala attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi u l-ġbir tal-ħlas isir biss matul perijodu speċifiku tal-ġurnata, jista’ jitqies bħala kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli abbażi tal-[punt 1 tal-Artikolu 24] tar-Regolament […] Nru 1215/2012?

7)

Jekk f’dan il-każ ma tistax tiġi applikata l-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq li dan l-ipparkjar wassal għall-konklużjoni ta’ kuntratt (ir-raba’ domanda preliminari), dan it-tip ta’ pparkjar, li fir-rigward tiegħu l-kompetenza fil-qasam tal-ġbir tal-ħlas għall-ipparkjar tirriżulta mil-Liġi dwar is-Sigurtà fit-Toroq u li tipprevedi l-ħlas ta’ biljett ta’ ġurnata jekk il-biljett ma jitħallasx minn qabel għal kull siegħa ta’ użu tal-post tal-ipparkjar jew jekk it-tul ta’ ħin li għalih il-biljett tħallas ikun skada, jista’ jitqies bħala delitt jew kważi delitt fis-sens tal-[punt 2 tal-Artikolu 7] tar-Regolament […] Nru 1215/2012?

8)

F’dan il-każ, l-ipparkjar seħħ qabel id-data ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni […], preċiżament fit‑30 ta’ Ġunju 2012 fis‑1.02 ta’ waranofsinhar. Għaldaqstant, qiegħed jiġi mistoqsi jekk ir-regolamenti relatati mal-liġi applikabbli, jiġifieri r-Regolament [Ruma I] jew ir-Regolament [Ruma II], humiex applikabbli f’dan il-każ, fid-dawl tal-validità ratione temporis ta’ dawn ir-regolamenti?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt sostantiv issir id-domanda sussegwenti:

9)

Il-preżunzjoni ta’ konklużjoni ta’ kuntratt permezz ta’ dan l-ipparkjar u tal-kunsens għall-ħlas tal-prezz tal-biljett ta’ ġurnata meta l-biljett ma jinxtarax skont it-tariffa fis-siegħa tal-ipparkjar jew meta jiskadi t-tul ta’ ħin tal-biljett mixtri jmorru kontra d-dispożizzjonijiet fundamentali fil-qasam ta’ provvista ta’ servizzi stabbiliti fl-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-acquis tal-Unjoni […], irrispettivament minn jekk il-proprjetarju tal-vettura huwiex persuna fiżika jew ġuridika? Fi kliem ieħor, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dritt sostantiv, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament [Ruma I] jistgħu japplikaw f’dan il-każ (meta jiġi osservat li l-proċess preżenti ma jinkludi ebda prova li l-partijiet qablu dwar il-liġi applikabbli)?

jekk jitqies li jeżisti kuntratt, f’dan il-każ ikun kuntratt ta’ servizzi, jiġifieri, dan il-kuntratt ta’ pparkjar jista’ jitqies bħala servizz fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament [Ruma I]?

sussidjarjament, dan l-ipparkjar jista’ jitqies bħala kuntratt ta’ kiri skont l-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament [Ruma I]?

sussidjarjament, jekk fir-rigward ta’ dan l-ipparkjar japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament [Ruma I], tqum id-domanda dwar liema hija f’dan il-każ il-provvista karatteristika, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti, essenzjalment, timmarka biss il-wiċċ tat-triq għall-finijiet tal-ipparkjar u tiġbor il-ħlas għall-ipparkjar, filwaqt li l-konvenuta tipparkja u tħallas il-parking. Fil-fatt, jekk jitqies li l-provvista karatteristika hija dik tar-rikorrenti, id-dritt Kroat ikun japplika, iżda jekk il-provvista karatteristika kienet dik tal-konvenuta, huwa d-dritt Sloven li jkun japplika. Madankollu, peress li d-dritt għall-ġbir tal-ħlas għall-ipparkjar huwa rregolat f’dan il-każ mid-dritt Kroat li miegħu l-kuntratt inkwistjoni għandu, għaldaqstant, rabtiet iktar stretti, jistgħu, minkejja dan, japplikaw ukoll f’din il-kawża d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4[(3)] tar-Regolament [Ruma I]?

jekk jitqies li jeżisti obbligu mhux kuntrattwali fis-sens tar-Regolament [Ruma II], dan l-obbligu mhux kuntrattwali jista’ jitqies bħala dannu, b’mod li l-liġi applikabbli tkun iddeterminata abbażi tal-Artikolu 4(1) [ta’ dan ir-]Regolament […]?

sussidjarjament, dan it-tip ta’ pparkjar jista’ jitqies bħala arrikkiment indebitu, b’mod li l-liġi applikabbli tkun iddeterminata abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament [Ruma II]?

sussidjarjament, dan it-tip ta’ pparkjar jista’ jitqies bħala negotiorum gestio, b’mod li l-liġi applikabbli tkun iddeterminata abbażi tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament [Ruma II]?

sussidjarjament, dan it-tip ta’ pparkjar jista’ jitqies bħala responsabbiltà min-naħa tal-konvenuta għal culpa in contrahendo, b’mod li l-liġi applikabbli tkun iddeterminata abbażi tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament [Ruma II]?”

45

Minħabba r-riskji sanitarji marbuta mal-pandemija tal-coronavirus, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2020, iddeċidiet li tagħti deċiżjoni mingħajr ma żżomm is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li kienet inizjalment prevista f’din il-kawża u indirizzat lill-partijiet u lill-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diversi mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub li għalihom wieġbu Obala, il-Gvern Kroat u l-Gvern Sloven kif ukoll il-Kummissjoni.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ domanda kif ukoll tal-ewwel parti tad-disa’ domanda

46

Obala u l-Gvern Kroat jeċċepixxu l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, minħabba li, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju ma esponietx b’mod suffiċjenti l-ġustifikazzjonijiet li wassluha sabiex tagħmel id-domandi preliminari jew ir-rilevanza għat-tilwima fil-kawża prinċipali ta’ kwalunkwe risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal domandi li huma jqisu li huma ta’ natura fattwali. Barra minn hekk, skont Obala, jista’ jiġi kkunsidrat li ma hemmx tilwima f’dan il-każ sa fejn, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, l-ewwel qorti adita bil-kawża prinċipali kellha tiċħad l-oppożizzjoni kontra l-mandat ta’ eżekuzzjoni mogħti abbażi ta’ dokument awtentiku minħabba li din l-oppożizzjoni kienet imfassla mhux biss minn persuna li ma kinitx awtorizzata tirrappreżenta lill-konvenuta fl-eżekuzzjoni iżda barra minn hekk f’lingwa oħra li ma kinitx il-lingwa Kroata.

47

Skont il-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda biss kunflitt ta’ ġurisdizzjoni bejn żewġ qrati. Għaldaqstant, hija għandha biss tiddetermina l-kwistjoni dwar liema miż-żewġ qrati kkonċernati għandha ġurisdizzjoni territorjali. Konsegwentement, fl-opinjoni ta’ din l-istituzzjoni, il-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 huma l-uniċi kwistjonijiet rilevanti sabiex jiġi riżolt dan il-kunflitt ta’ ġurisdizzjoni. Id-domandi l-oħra dwar in-notifika tal-atti u d-determinazzjoni tal-liġi applikabbli ma għandhom l-ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali u huma, għaldaqstant, inammissibbli.

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Huwa biss possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunux osservati jew meta jkun jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation, C‑343/19, EU:C:2020:534, punt 19, u tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et, C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha barra minn dan tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Elme Messer Metalurgs, C‑743/18, EU:C:2020:767, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Dawn ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-qorti tar-rinviju għandha tosserva fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE. Dawn huma mfakkra wkoll fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2018, C 257, p. 1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et, C‑492/17, EU:C:2018:1019, punti 3839).

51

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007, li tirrigwarda l-ewwel u t-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju, adita fil-kuntest ta’ kunflitt negattiv ta’ ġurisdizzjoni, ma indikatx lill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement ma’ dak li jeżiġi l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, kif is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-konvenuta fil-kawża prinċipali adixxiet lill-qrati Kroati u ressqet oppożizzjoni għall-mandat ta’ eżekuzzjoni li ġie nnotifikat lilha.

52

F’dak li jirrigwarda r-raba’ domanda u l-ewwel parti tad-disa’ domanda, il-qorti tar-rinviju lanqas ma tipprovdi spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-preżunzjoni li kuntratt huwa konkluż minħabba pparkjar f’post tal-ipparkjar bi spazju identifikat, li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku, mad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi previsti fl-Artikolu 56 TFUE jew inkella fuq l-influwenza li jista’ jkollu f’dan il-kuntest il-fatt li l-proprjetarju tal-vettura kkonċernata jkun persuna fiżika jew ġuridika.

53

Minn dan isegwi li l-ewwel, it-tielet u r-raba’ domanda kif ukoll l-ewwel parti tad-disa’ domanda huma inammissibbli.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għat-tmien domanda u għat-tieni parti tad-disa’ domanda

54

Permezz tat-tmien domanda u tat-tieni parti tad-disa’ domanda, li għandhom jiġu eżaminati fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Ruma I jew Ruma II, dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal relazzjoni legali li nħolqot mill-ipparkjar ta’ vettura f’post tal-ipparkjar bi spazju identifikat, li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku, f’sitwazzjoni fejn l-imsemmi pparkjar ikun seħħ qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat mal-Unjoni.

55

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2012, L 112, p. 21) jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja jorbtu lil dan l-Istat Membru u japplikaw fl-imsemmi Stat biss mid-data tal-adeżjoni tiegħu, jiġifieri mill‑1 ta’ Lulju 2013.

56

Fir-rigward tar-Regolament Ruma I, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 28 tiegħu, l-applikazzjoni tiegħu tiddependi fuq id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑13 ta’ Jannar 2016, Raiffeisen Privatbank Liechtenstein, C‑397/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:16, punt 16).

57

Fir-rigward tar-Regolament Ruma II, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 31 tiegħu, l-uniku mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament huwa dak ta’ meta seħħ il-fatt li ta lok għad-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011, Homawoo, C‑412/10, EU:C:2011:747, punt 36).

58

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ipparkjar tal-vettura inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħ fit‑30 ta’ Ġunju 2012, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni. Minn dan isegwi li, ratione temporis, ir-Regolamenti Ruma I u Ruma II ma humiex applikabbli u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għat-tmien domanda u għat-tieni parti tad-disa’ domanda.

Fuq it-tieni domanda

59

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata fir-rigward ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata f’post tal-ipparkjar, li għandu spazju identifikat u li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku, mibdija minn kumpannija li ġiet inkarigata minn awtorità lokali għall-amministrazzjoni ta’ tali postijiet tal-ipparkjar, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

60

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, li jinsab fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, sabiex jiġu żgurati, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament għall-Istati Membri u għall-persuni kkonċernati, l-imsemmi kunċett ma għandux jiġi interpretat bħala sempliċi riferiment għad-dritt intern ta’ Stat Membru. Dan il-kunċett għandu jitqies bħala kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għall-istruttura tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana, C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern kif ukoll dik li jiġi evitat, għall-funzjonament armonjuż tal-ġustizzja, li jingħataw deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fl-Istati Membri jeħtieġu interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmi kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, German Graphics Graphische Maschinen, C‑292/08, EU:C:2009:544, punti 2223).

62

Sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni taqax jew le taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, u konsegwentement fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, hemm lok li tiġi identifikata r-relazzjoni legali eżistenti bejn il-partijiet fit-tilwima u s-suġġett tagħha, jew, alternattivament, li jiġu eżaminati l-bażi u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni mressqa (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Movic et, C‑73/19, EU:C:2020:568, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63

Għalhekk, għalkemm ċertu tilwim bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 meta l-azzjoni ġudizzjarja tirrigwarda atti mwettqa iure gestionis, dan ma jkunx il-każ meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, minħabba l-eżerċizzju minn din ta’ setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi, jeskludi tali tilwima mill-“materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et, C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

Barra minn hekk, l-għan pubbliku ta’ ċerti attivitajiet ma jikkostitwixxix, fih innifsu, element suffiċjenti sabiex dawn l-attivitajiet jiġu kklassifikati bħala mwettqa iure imperii, sa fejn dawn ma jikkorrispondux għall-eżerċizzju ta’ setgħat eżorbitanti fid-dawl tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et, C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66

F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda s-suġġett tal-azzjoni fil-kawża prinċipali, din tirrigwarda l-irkupru ta’ dejn li jikkorrispondi għall-ammont ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata f’post tal-ipparkjar bi spazju identifikat, li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku, flimkien mal-ispejjeż tal-proċedura.

67

Kif jirriżulta mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, din l-azzjoni, għalkemm eżerċitata minn Obala konformement mal-mandat tagħha mogħti lilha permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika, hija bbażata fuq relazzjoni legali tad-dritt privat li fil-kuntest tagħha l-partijiet jassumu drittijiet u obbligi konformement mal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ pparkjar previsti mid-Deċiżjoni dwar l-Ipparkjar fil-Belt ta’ Zadar, inkluż fir-rigward tal-obbligu tal-ħlas jew ta’ biljett bis-siegħa, jew ta’ biljett ta’ ġurnata, u tal-prezz ta’ dawn il-biljetti. Kuntratt li jirrigwarda biljett ta’ ġurnata jitqies li ġie konkluż fin-nuqqas ta’ ħlas ta’ biljett bis-siegħa.

68

Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tweġibiet bil-miktub ipprovduti mill-Gvern Kroat għall-mistoqsijiet mibgħuta mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata, li jitħallsu l-ispejjeż reali kif ukoll l-interessi moratorji legali huwa bbażat fuq il-liġi Kroata dwar l-obbligi li tipprevedi d-dritt tal-kreditur għal kumpens sħiħ.

69

Mill-informazzjoni li tinsab fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata ma jikkostitwixxix sanzjoni ta’ ksur tar-regolamenti tat-traffiku.

70

F’dak li jirrigwarda l-bażi u l-modalitajiet għall-eżerċizzju tal-azzjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat ukoll li l-ġbir tal-ħlas tal-miżata għall-ipparkjar huwa mfittex minn Obala skont ir-regoli tad-dritt komuni, peress li din, skont il-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni Forzata, bdiet proċedura inizjali quddiem nutar, li hija segwita minn proċedura mibdija quddiem qorti, wara li l-konvenuta fl-eżekuzzjoni tkun ressqet oppożizzjoni għall-mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ mill-imsemmi nutar.

71

Barra minn hekk, bħas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193), billi toħroġ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata lill-persuni kkonċernati, Obala ma tagħtix titolu eżekuttiv lilha nnifisha, b’deroga mir-regoli tad-dritt komuni, peress li, wara tali ħruġ, din il-kumpannija tkun sempliċement f’pożizzjoni li tinvoka dokument awtentiku ta’ natura li jippermettilha tibda proċedura skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni Forzata jew, eventwalment, f’każ ta’ kontestazzjoni, proċedura ġudizzjarja.

72

Minn dak li ntqal jirriżulta li la r-relazzjoni legali eżistenti bejn il-partijiet f’azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u lanqas il-bażi u l-modalitajiet ta’ tali azzjoni ma jistgħu jitqiesu li jiżvelaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li azzjoni ta’ dan it-tip għandha titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

73

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata fir-rigward ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata f’post tal-ipparkjar, li għandu spazju identifikat u li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku, mibdija minn kumpannija li ġiet inkarigata minn awtorità lokali għall-amministrazzjoni ta’ tali postijiet tal-ipparkjar, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq is-sitt domanda

74

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata fir-rigward ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata f’post tal-ipparkjar bi spazju identifikat, li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kiri ta’ proprjetà immobbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

75

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, is-sistema tal-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni komuni prevista fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 hija bbażata fuq ir-regola ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 4(1) tiegħu, li l-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom jitressqu quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Feniks, C‑337/17, EU:C:2018:805, punt 35).

76

Huwa biss b’deroga għar-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut li t-Taqsima 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 tipprevedi ċertu numru ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, fosthom dik tal-punt 1 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament li jagħti lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-proprjetà immobbli kkonċernata tkun tinsab il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fil-qasam tal-kiri ta’ proprjetà immobbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Reitbauer et, C‑722/17, EU:C:2019:577, punt 38). Fid-dawl tan-natura derogatorja tagħhom, id-dispożizzjonijiet tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament ma għandhomx jiġu interpretati f’sens iktar wiesa’ milli jeħtieġ l-għan tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li r-raġuni essenzjali tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-proprjetà immobbli hija l-fatt li l-qorti tal-post fejn tkun tinsab din il-proprjetà tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex, fid-dawl tal-prossimità, ikollha konoxxenza tajba tas-sitwazzjonijiet fattwali u sabiex tapplika r-regoli u l-użanzi li, b’mod ġenerali, ikunu dawk tal-Istat fejn tinsab il-proprjetà immobbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

F’dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-kirjiet ta’ proprjetà immobbli, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-ġurisdizzjoni esklużiva hija ġġustifikata mill-kumplessità tar-relazzjoni proprjetarju-kerrej, li tinkludi sensiela ta’ drittijiet u ta’ obbligi, minbarra dak relatat mal-kera. Din ir-relazzjoni hija rregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi partikolari, fosthom xi wħud b’natura imperattiva, tal-Istat fejn il-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tal-kirja tkun tinsab, bħal dawk li jiddeterminaw il-persuna responsabbli għall-manutenzjoni tal-proprjetà immobbli u għall-ħlas tat-taxxi fuq il-proprjetà immobbli, dawk li jirregolaw id-dmirijiet tal-okkupant tal-immobbli fil-konfront tal-ġirien, kif ukoll dawk li jikkontrollaw jew jillimitaw id-dritt tal-proprjetarju li jieħu pussess tal-proprjetà immobbli fi tmiem il-kirja (digriet tal‑15 ta’ Mejju 2019, MC, C‑827/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:416, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-azzjoni fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-kundizzjonijiet ta’ użu ta’ proprjetà immobbli, iżda l-ġbir tal-ħlas ta’ miżata li tirriżulta mill-ipparkjar f’post tal-ipparkjar bi spazju identifikat, li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku. Indipendentement mill-klassifikazzjoni tar-relazzjoni legali hekk stabbilita fid-dritt nazzjonali, tali azzjoni, fid-dawl tal-għan tagħha u tal-portata tal-verifiki li l-qorti nazzjonali jkollha twettaq, ma tistax taqa’ taħt ir-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012.

80

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda hija li l-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata fir-rigward ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata f’post tal-ipparkjar bi spazju identifikat, li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “kiri ta’ proprjetà immobbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq il-ħames u s-seba’ domanda

81

Permezz tal-ħames u tas-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, qabel kollox, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata fir-rigward ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata f’post tal-ipparkjar bi spazju identifikat, li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku, taqa’ taħt il-“qasam kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sussegwentement, jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-kuntratt ta’ pparkjar konkluż f’tali ċirkustanzi jikkostitwixxix kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament u, fl-aħħar nett, jekk, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, tali azzjoni taqax taħt ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitti jew kważi delitti prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament.

82

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-natura kuntrattwali jew delittwali tal-azzjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar ukoll li l-kunċett ta’ “qasam kuntrattwali” u ta’ “materji ta’ delitt jew kważi delitt”, fis-sens, rispettivament, tal-punt 1 u tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi jsir riferiment prinċipalment għas-sistema u għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament, u dan sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, dawn il-kunċetti ma jistgħux jinftiehmu fis-sens li jagħmlu riferiment għall-klassifikazzjoni mil-liġi nazzjonali applikabbli tar-relazzjoni legali inkwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Granarolo, C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “materji ta’ delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, jinkludi kull talba intiża sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex marbuta mal-qasam kuntrattwali, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li ma hijiex ibbażata fuq obbligu legali assunt liberament minn persuna fir-rigward ta’ persuna oħra (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Wikingerhof, C‑59/19, EU:C:2020:950, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Hija ppreċiżat li l-applikabbiltà tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 jew tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tiegħu tiddependi, minn naħa, fuq l-għażla tar-rikorrent li jinvoka jew le waħda minn dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżami, mill-qorti adita, tal-kundizzjonijiet speċifiċi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Wikingerhof, C‑59/19, EU:C:2020:950, punt 29).

85

Meta rikorrent jinvoka waħda mill-imsemmija regoli, huwa għalhekk neċessarju għall-qorti adita li tivverifika jekk it-talbiet tar-rikorrent humiex, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali, ta’ natura kuntrattwali jew, għall-kuntrarju, ta’ natura delittwali jew kważi delittwali, fis-sens tal-imsemmi regolament (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Wikingerhof, C‑59/19, EU:C:2020:950, punt 30).

86

Minn dan isegwi li qabel kollox għandu jiġi vverifikat jekk azzjoni għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata fir-rigward ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata f’post tal-ipparkjar bi spazju identifikat, li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku għandhiex, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali, natura kuntrattwali.

87

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jeħtieġx il-konklużjoni ta’ kuntratt bil-miktub, l-identifikazzjoni ta’ obbligu kuntrattwali hija xorta waħda indispensabbli għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għandu jiġi ppreċiżat li tali obbligu jista’ jitqies li tnissel b’mod taċitu, b’mod partikolari meta dan jirriżulta mill-atti inekwivoki li jesprimu r-rieda tal-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Granarolo, C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu taż-żoni pubbliċi ta’ pparkjar, jiġifieri, inter alia, id-determinazzjoni tal-postijiet tal-ipparkjar, il-ħinijiet u t-tariffi tal-ipparkjar inkluż l-obbligu ta’ ħlas ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata, ġew ippubblikati fid-Deċiżjoni dwar l-Ipparkjar fil-Belt ta’ Zadar. L-ipparkjar f’post tal-ipparkjar bi spazju identifikat, li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku, joħloq relazzjoni legali bejn l-amministratur ta’ dan il-post u l-persuna li użatu permezz tal-ħlas ta’ biljett ta’ pparkjar bis-siegħa jew ta’ ġurnata, li n-natura tagħha tista’ tiġi kklassifikata bħala kuntrattwali.

89

L-azzjoni għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata fir-rigward ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata hija bbażata, għalhekk, fuq allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi kuntrattwali u taqa’ taħt il-“qasam kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, b’tali mod li l-qrati Kroati jistgħu jisiltu l-ġurisdizzjoni tagħhom minn din id-dispożizzjoni, indipendentement min-natura tal-kuntratt ta’ pparkjar inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

90

L-argument invokat mill-Gvern Sloven fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-konvenuta fl-eżekuzzjoni ma tatx il-kunsens liberu tagħha għal obbligu, sa fejn, f’dan il-każ, il-vettura inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ipparkjata fil-post tal-ipparkjar ikkonċernat mhux minn din il-parti nnifisha iżda mill-persuna li tikri l-vettura (b’leasing), ma huwiex ta’ natura li jikkontesta n-natura kuntrattwali tal-azzjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, dan l-argument jikkonċerna l-eżami tal-mertu li qorti għandha twettaq wara li tkun iddeċidiet dwar il-ġurisdizzjoni tagħha.

91

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti adita b’azzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għandha ġurisdizzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, anki meta l-konvenut iqajjem, bħala motiv ta’ difiża, l-ineżistenza ta’ dan il-kuntratt (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1982, Effer, 38/81, EU:C:1982:79, punt 8).

92

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-possibbiltà li l-kuntratt ta’ pparkjar fil-kawża prinċipali jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi ppreċiżat li tali klassifikazzjoni teskludi l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fil-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, fid-dawl tal-ġerarkija stabbilita mill-punt (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni bejn il-punti (a) u (b) tagħha, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista f’dan il-punt (a) hija intiża li tapplika biss b’mod alternattiv u b’esklużjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fl-imsemmi punt (b) (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, Saey Home & Garden, C‑64/17, EU:C:2018:173, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

93

Il-kunċett ta’ “servizzi”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, jimplika, tal-inqas, li l-parti li tipprovdihom twettaq attività partikolari bħala korrispettiv ta’ remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, Saey Home & Garden, C‑64/17, EU:C:2018:173, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

94

Fir-rigward tal-kriterju relatat mal-eżistenza ta’ attività, dan jeħtieġ it-twettiq ta’ atti pożittivi, bl-esklużjoni ta’ sempliċi astensjonijiet (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, Saey Home & Garden, C‑64/17, EU:C:2018:173, punt 39). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kuntratt li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kontraenti d-dritt li tużah bħala korrispettiv għall-ħlas ta’ remunerazzjoni ma jimplikax tali attività, peress li l-proprjetarju tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali ma jwettaq l-ebda servizz meta jikkonċedi l-użu iżda jorbot lilu nnifsu biss li jħalli lill-parti kontraenti tgawdi liberament l-imsemmi dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch, C‑533/07, EU:C:2009:257, punti 3031).

95

Issa, f’dan il-każ, mill-informazzjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Obala hija responsabbli għall-amministrazzjoni taż-żoni pubbliċi ta’ pparkjar, li jinvolvi attività partikolari li tikkonsisti tal-inqas fl-istabbiliment, fid-delimitazzjoni u fl-immarkar fit-toroq pubbliċi ta’ postijiet tal-ipparkjar kif ukoll fl-amministrazzjoni tal-modalitajiet tal-ġbir tal-ispejjeż tal-ipparkjar.

96

Fir-rigward tal-kriterju tar-remunerazzjoni mħallsa bħala korrispettiv għal attività, ma huwiex ikkontestat, f’dan il-każ, li l-ħlas ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata jista’ jiġi kklassifikat bħala remunerazzjoni.

97

Għaldaqstant, u kif ġie rrilevat, essenzjalment, mill-Avukat Ġenerali fil-punti 119 u 120 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kuntratt ta’ pparkjar inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi kklassifikat bħala “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

98

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames u għas-seba’ domanda hija li l-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li azzjoni għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata li tirriżulta minn kuntratt li għandu bħala suġġett l-ipparkjar f’wieħed mill-postijiet tal-ipparkjar bi spazji identifikati, li jinsabu fi triq miftuħa għall-pubbliku, organizzati u amministrati minn kumpannija inkarigata għal dan l-għan, taqa’ taħt il-“qasam kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, li dan il-kuntratt jikkostitwixxi kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

Fuq l-ispejjeż

99

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata fir-rigward ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata f’post tal-ipparkjar, li għandu spazju identifikat u li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku, mibdija minn kumpannija li ġiet inkarigata minn awtorità lokali għall-amministrazzjoni ta’ tali postijiet tal-ipparkjar, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

Il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata fir-rigward ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata f’post tal-ipparkjar bi spazju identifikat, li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “kiri ta’ proprjetà immobbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

3)

Il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li azzjoni għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata li tirriżulta minn kuntratt li għandu bħala suġġett l-ipparkjar f’wieħed mill-postijiet tal-ipparkjar bi spazji identifikati, li jinsabu fi triq miftuħa għall-pubbliku, organizzati u amministrati minn kumpannija inkarigata għal dan l-għan, taqa’ taħt il-“qasam kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, li dan il-kuntratt jikkostitwixxi kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Kroat.

Top