Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0014

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2020.
    Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea vs KF.
    Appell – Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN) – Membru tal-persunal bil-kuntratt tas-SATCEN – Ilmenti għal fastidju psikoloġiku – Investigazzjoni amministrattiva – Talba għal assistenza – Sospensjoni tal-membru tal-persunal – Proċeduri dixxiplinari – Tneħħija tal-membru tal-persunal – Bord tal-Appelli tas-SATCEN – Għoti ta’ ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tittieħed konjizzjoni tat-tilwim tal-persunal tas-SATCEN – Rikors għal annullament – L-ewwel u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Rikors għad-danni – Artikolu 268 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Ammissibbiltà – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Natura kuntrattwali tat-tilwima – Artikoli 272 u 274 TFUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – L-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali – Żnaturament tal-fatti u tal-provi – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
    Kawża C-14/19 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:492

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    25 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

    “Appell – Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN) – Membru tal-persunal bil-kuntratt tas-SATCEN – Ilmenti għal fastidju psikoloġiku – Investigazzjoni amministrattiva – Talba għal assistenza – Sospensjoni tal-membru tal-persunal – Proċeduri dixxiplinari – Tneħħija tal-membru tal-persunal – Bord tal-Appelli tas-SATCEN – Għoti ta’ ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tittieħed konjizzjoni tat-tilwim tal-persunal tas-SATCEN – Rikors għal annullament – L-ewwel u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Rikors għad-danni – Artikolu 268 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Ammissibbiltà – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Natura kuntrattwali tat-tilwima – Artikoli 272 u 274 TFUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – L-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali – Żnaturament tal-fatti u tal-provi – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

    Fil-Kawża C‑14/19 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl-10 ta’ Jannar 2019

    Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN), irrappreżentat minn A. Guillerme, avukat,

    appellant,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    KF, irrappreżentata minn N. Macaulay, barrister, kif ukoll minn A. Kunst, Rechtsanwältin,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u A. Vitro, bħala aġenti,

    intervenjent fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2019,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Marzu 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tiegħu, iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Ottubru 2018, KF vs SATCEN (T‑286/15, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2018:718), li permezz tagħha din il-qorti laqgħat parzjalment ir-rikors ippreżentat minn KF, sa fejn hija, minn naħa, annullat żewġ deċiżjonijiet tad-Direttur tas-SATCEN, dwar is-sospensjoni u t-tneħħija ta’ KF rispettivament, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli tas-SATCEN mogħtija fil-kuntest tal-istess tilwima u, min-naħa l-oħra, ikkundannat lis-SATCEN iħallas lill-persuna kkonċernata s-somma ta’ EUR 10000 bħala kumpens għad-dannu morali subit minn din tal-aħħar.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Fis-27 ta’ Ġunju 1991, il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni tal-Ewropa tal-Punent (UEP) adotta d-deċiżjoni tiegħu li stabbilixxiet ċentru operattiv ta’ data satellitari, abbazi tad-deċiżjoni tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 1990 dwar il-kooperazzjoni spazjali fl-UEP.

    3

    Permezz tad-dikjarazzjoni tiegħu tat-13 ta’ Novembru 2000 f’Marseille (Franza), il-Kunsill tal-Ministri tal-UEP qabel mal-prinċipju tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-10 ta’ Novembru preċedenti, dwar l-istabbiliment, fil-forma ta’ aġenzija tal-Unjoni Ewropea, ta’ ċentru satellitari li jinkludi l-elementi rilevanti ta’ dak stabbilit fi ħdan l-UEP.

    4

    Permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2001/555/PESK tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar it-twaqqif ta’ ċentru tas-Satelliti ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Maltim, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 187), is-SATCEN twaqqaf u beda jopera mill-1 ta’ Jannar 2002.

    Id-Deċiżjoni 2014/401/PESK

    5

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/401/PESK tas-26 ta’ Ġunju 2014 dwar iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2001/555 (ĠU 2014, L 188, p. 73), tipprevedi, fl-Artikolu 2(1) u (3) tagħha, li l-kompiti essenzjali tas-SATCEN jikkonsistu fis-sostenn tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) u b’mod partikolari l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK), inklużi l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea tal-immaniġġar ta’ kriżijiet, billi jipprovdi, fuq it-talba tal-Kunsill jew tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, prodotti u servizzi li jirriżultaw mill-użu ta’ assi spazjali rilevanti u data kollaterali, inklużi immaġini satellitari u mill-ajru, u servizzi relatati.

    6

    Skont l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2014/401, id-Direttur tas-SATCEN huwa r-rappreżentant legali ta’ dan tal-aħħar. Skont l-Artikolu 7(4) u l-punt (e) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(6) ta’ din id-deċiżjoni, dan id-direttur huwa, minn naħa, responsabbli għar-reklutaġġ tal-membri tal-persunal l-oħra kollha tas-SATCEN u, min-naħa l-oħra, responsabbli għall-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-persunal.

    7

    L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2014/401 jipprevedi:

    “1.   Il-persunal tas-SATCEN, inkluż id-Direttur, għandu jikkonsisti minn persunal taħt kuntratt reklutat fuq il-bażi l-aktar wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri u minn esperti ssekondati.

    2.   Il-persunal taħt kuntratt għandu jinħatar mid-Direttur fuq il-bażi tal-mertu u permezz ta’ proċeduri kompetittivi ġusti u trasparenti.

    […]

    5.   Il-Bord għandu jfassal, fuq proposta mid-Direttur, regoli tal-persunal tas-SATCEN li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill.

    […]”

    Ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN

    8

    Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/747/PESK tal-14 ta’ Settembru 2009 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 276, p. 1), il-Kunsill adotta ir-Regolamenti tal-Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN”), li l-Artikolu 2 tiegħu intitolat “Dispożizzjonijiet applikabbli għall-impjegati kollha”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-impjegati għandhom ikunu suġġetti għall-awtorità tad-Direttur u responsabbli lejh għall-prestazzjoni tad-doveri tagħhom, li huma għandhom jintrabtu li jwettqu skrupolożament u bl-aktar mod kuxjenzjuż possibbli.”

    9

    Skont l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN:

    “1.   Azzjoni dixxiplinarja tista’ tittieħed kontra membru tal-persunal jew ex-membru tal-persunal li jonqos b’mod intenzjonali jew b’traskuraġni milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont dawn ir-Regolamenti tal-Persunal.

    2.   Fejn id-Direttur isir konxju ta’ evidenza ta’ nuqqas fit-tifsira tal-paragrafu 1, huwa jista’ jniedi investigazzjonijiet amministrattivi biex jivverifika jekk seħħx dan in-nuqqas.

    3.   Ir-regoli, proċeduri u miżuri dixxiplinarji u r-regoli li jkopru l-investigazzjonijiet amministrattivi huma stabbiliti fl-Anness IX.”

    10

    L-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, intitolat “Appelli”, jinsab fil-Kapitolu VIII ta’ dawn ir-regolamenti, intitolat “Appelli u bord tal-appell”. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Kwalunkwe persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tippreżenta lid-Direttur talba sabiex tieħu deċiżjoni relatata miegħu rigward kwistjonijiet koperti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. Id-Direttur għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata dwar id-deċiżjoni motivata tiegħu fi żmien xahrejn mid-data li fiha tkun saret it-talba. Jekk wara li jgħaddi dan il-perijodu ma jkunx hemm tweġiba għat-talba, dan għandu impliċitament ifisser li t-talba tkun inċaħdet, u kontra dan jista’ jitressaq ilment skont il-paragrafi li ġejjin.

    2.   Kwalunkwe persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tippreżenta lid-Direttur ilment kontra att li jaffetwaha ħażin, jew fejn id-Direttur ikun ħa deċiżjoni jew inkella fejn naqas milli jadotta miżura preskritta mir-Regolamenti tal-Persunal. L-ilment għandu jkun ippreżentat fi żmien tliet xhur. […]

    […]

    5.   Wara li jużaw il-possibbiltajiet kollha tal-ewwel rikors (appell amministrattiv intern), il-membri tal-persunal għandhom il-libertà li jirrikorru għal soluzzjoni quddiem il-Bord tal-Appelli [tas-SATCEN].

    Il-kompożizzjoni, l-operat u l-proċeduri speċifiċi ta’ dak il-korp huma mogħtijin fl-Anness X.

    6.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jorbtu liż-żewġ partijiet. M’għandu jkun hemm l-ebda appell minnhom. Il-Bord tal-Appell jista’:

    (a)

    jannulla, jew jikkonferma, id-deċiżjonijiet ikkontestati;

    (b)

    jordna [lis-SATCEN] inċidentalment jikkumpensa lill-membru tal-persunal għal kwalunkwe ħsara materjali li jkun bata mill-jum minn meta beda jkollha effett id-deċiżjoni annullata;

    (c)

    jordna ulterjorment li [s-SATCEN] għandu jirrimborża, fil-limiti stabbiliti mill-Bord tal-Appell, spejjeż ġustifikati li saru minn min għamel it-talba, kif ukoll spejjeż relatati mat-trasport u l-għajxien li tħallsu mix-xhieda li nstemgħu. Dawn l-ispejjeż għandhom jinħadmu abbażi tal-Artikolu 18 u l-Anness VII ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal.”

    11

    L-Artikolu 1(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN jipprovdi:

    “Kull meta investigazzjoni interna turi l-possibbiltà ta’ involviment personali ta’ membru tal-persunal, jew ta’ ex membru tal-persunal, dik il-persuna għandha tiġi nfurmata bla telf ta’ żmien, sakemm dan ma jkunx ta’ dannu għall-investigazzjoni. Fi kwalunkwe każ, ladarba l-investigazzjoni tkun kompluta, ma jistgħux jittieħdu konklużjonijiet li jirreferu għal membru tal-persunal b’ismu mingħajr ma tingħata l-opportunità lill-membru tal-persunal ikkonċernat li jikkummenta dwar il-fatti li jikkonċernawh. Il-konklużjonijiet għandhom jagħmlu referenza għal dawn il-kummenti.”

    12

    L-Artikolu 2 tal-Anness IX ta’ dan ir-regolament tal-persunal jippreċiża:

    “Abbażi tar-rapport tal-investigazzjoni, wara li jkun għarraf lill-membru tal-persunal konċernat dwar il-provi kollha fil-fajls u wara li jkun sema’ lill-membru tal-persunal konċernat, id-Direttur jista’:

    […]

    (c)

    fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi fit-tifsira tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal:

    (i)

    jiddeċiedi li jagħti bidu għall-proċeduri dixxiplinarji previsti fit-Taqsima 4 ta’ dan l-Anness, jew

    (ii)

    jiddeċiedi li jagħti bidu għall-proċeduri dixxiplinarji quddiem il-Bord Dixxiplinari.”

    13

    Il-punt 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

    “Il-Bord tal-Appell għandu jkollu l-aworità li jiddeċiedi tilwim li jirriżulta minn ksur ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal jew tal-kuntratti previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għal dan il-għan għandu jkollu kompetenza fir-rigward tal-appelli miġjuba minn membri tal-persunal waqt il-kariga jew ex membri tal-persunal, jew mill-werrieta u/jew rappreżentanti tagħhom, kontra deċiżjoni tad-Direttur.”

    14

    Il-punt 4(b) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li “[l‑]appellant [quddiem il-Bord tal-Appelli] għandu jkollu perijodu ta’ 20 jum min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata […] biex jippreżenta talba bil-miktub li tali deċiżjoni tkun irtirata jew modifikata mill-Bord tal-Appell” kif ukoll “[d]ik it-talba għandha tiġi indirizzata lill-Kap tal-Amministrazzjoni u l-Persunal ta[s-SATCEN], li għandu jirrikonoxxi li rċeviha u għandu jagħti bidu għall-proċedura biex ilaqqa’ l-Bord tal-Appell.”

    15

    Skont il-punt 2(a), (b), (d) u (e) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, il-Bord tal-Appelli għandu jkun kompost minn President u żewġ membri maħtura mill-Bord tas-SATCEN, għal perijodu ta’ sentejn, li ma humiex parti mill-persunal tas-SATCEN, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa u l-emolumenti tal-President u tal-membri tal-Bord tal-Appelli huma stabbiliti mill-Bord tas-SATCEN.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    16

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 17 sa 46 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

    17

    KF kienet ġiet irreklutata mis-SATCEN bħala membru tal-persunal b’kuntratt mill-1 ta’ Awwissu 2009 sabiex tokkupa l-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni Amministrattiva tiegħu.

    18

    Fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni annwali għall-2010 u 2011, ġiet irrilevata disfunzjoni fir-relazzjonijiet umani fi ħdan din id-Diviżjoni Amministrattiva mill-Assistent Direttur tas-SATCEN, li wassal sabiex KF tingħata l-iktar marka baxxa għas-sena 2010. Fil-kuntest ta’ kull waħda mill-evalwazzjonijiet tagħha li ġiet ikkontestata minn KF, din tal-aħħar setgħet tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha.

    19

    Permezz ta’ memorandum intern tas-17 ta’ Ottubru 2012, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni korrispondenti, id-Direttur tas-SATCEN inkariga lill-Assistent Direttur tiegħu sabiex jiġbor l-informazzjoni mill-persunal rigward l-etikett u r-relazzjonijiet umani fi ħdan is-SATCEN. Id-Direttur tas-SATCEN indika f’dan il-memorandum li kellha tingħata attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal li għandhom responsabbilitajiet ta’ tmexxija, b’mod partikolari kapijiet ta’ diviżjoni, billi jidentifika, jekk ikun il-każ, sitwazzjonijiet potenzjali ta’ pressjoni psikoloġika jew ta’ fastidju fi ħdan it-timijiet ta’ dawn il-membri tal-persunal.

    20

    Fl-14 ta’ Novembru 2012, tnax-il membru tal-persunal ressqu lment mad-Direttur tas-SATCEN u mal-Assistent Direttur tiegħu, fejn ikkundannaw “is-sitwazzjoni diffiċli li [huma kienu] qegħdin jaffaċċjaw għal iktar minn tliet snin fit-twettiq tal-attività professjonali [tagħhom] b’mod regolari”, billi qalu li dik is-sitwazzjoni “[kienet] tirriżulta mill-aġir u mill-imġiba tal-Kap tad-Diviżjoni Amministrattiva, [KF]”.

    21

    Fil-bidu tas-sena 2013 l-Assistent Direttur tas-SATCEN segwa l-memorandum tas-17 ta’ Ottubru 2012 billi bagħat lil 40 membru tal-persunal tas-SATCEN, minn diversi diviżjonijiet, kwestjonarju fejn talabhom, billi uża mistoqsijiet b’għażla multipla, jevalwaw ir-relazzjonijiet umani mal-Kap tad-Diviżjoni rispettivi tagħhom. Permezz ta’ memorandum intern tas-7 ta’ Marzu 2013, l-Assistent Direttur tas-SATCEN informa lid-Direttur tiegħu li, fid-dawl tat-tweġibiet tal-kwestjonarju, “[kien] jidher b’mod ċar li [kienet] teżisti problema reali ta’ relazzjonijiet umani mal-Kap tad-Diviżjoni Amministrattiva, [KF], fid-dawl tat-tweġibiet negattivi ġenerali tal-membri tal-persunal tad-Diviżjoni Amministrattiva”.

    22

    Permezz ta’ memorandum intern tat-8 ta’ Marzu 2013, id-Direttur tas-SATCEN talab lill-Assistent Direttur tiegħu, abbażi tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, jibda investigazzjoni amministrattiva fil-konfront ta’ KF.

    23

    L-investigazzjoni amministrattiva kkonsistiet fi kwestjonarju b’mistoqsijiet b’għażla multipla mibgħut fit-12 ta’ Ġunju 2013, lil 24 membri tal-persunal tas-SATCEN, intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk huma kinux esperjenzaw jew le ċerti tipi ta’ mġiba minn-naħa ta’ KF u jekk huma kinux ġarrbu xi effetti fuqhom innifishom jew fuq membri oħra tal-persunal bħala riżultat tal-imġiba inkwistjoni. Dan il-kwestjonarju kien jistieden ukoll lill-membri tal-persunal mistoqsija jipprovdu kull xhieda jew prova sabiex jikkorroboraw it-tweġibiet tagħhom. Mill-24 membru tal-persunal hekk mistoqsi, 18 wieġbu.

    24

    Fil-frattemp, b’reazzjoni għall-evalwazzjoni annwali tagħha għas-sena 2012, li abbażi tagħha l-prestazzjoni ġenerali tagħha kienet reġgħet tqieset bħala insuffiċjenti, KF, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2013, minn naħa, ikkontestat dik l-evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, talbet lid-Direttur tas-SATCEN jieħu l-miżuri neċessarji sabiex tintemm is-sitwazzjoni ta’ fastidju li tagħha hija kienet tqis li hija vittma.

    25

    Fit-2 ta’ Lulju 2013, l-Assistent Direttur tas-SATCEN iffinalizza l-investigazzjoni tiegħu, billi kkonkluda li l-fatti li l-appellata kienet ikkritikata bihom kienu ġew stabbiliti. Skont ir-rapport tal-investigazzjoni stabbilit minnu, il-persuna kkonċernata kienet ta’ aġir “intenzjonali, repetittiv, [sostnut] jew sistematiku […] intiż sabiex jiskredita jew ixejjen il-persuni kkonċernati” u “[peress li dan l-aġir allegat fil-konfront [ta’ KF kien] ikkonfermat u, [minħabba] n-natura tiegħu, il-frekwenza tiegħu u l-effett tiegħu fuq ċerti membri tal-persunal, [huwa] [kien] jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku”.

    26

    L-għada, id-Direttur tas-SATCEN informa lil KF, permezz ta’ posta elettronika li magħha kien hemm mehmuż, mingħajr l-Annessi tiegħu, ir-rapport tal-investigazzjoni tal-Assistent Direttur tiegħu, bil-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport. Permezz ta’ din il-posta elettronika, l-persuna kkonċernata ġiet ukoll imsejħa għal intervista, fil-5 ta’ Lulju 2013, sabiex titkompla l-proċedura kif prevista fl-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN.

    27

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2013 id-Direttur tas-SATCEN innota li, wara l-investigazzjoni mmexxija mill-Assistent Direttur tiegħu, dan tal-aħħar kien wasal għall-konklużjoni li l-imġiba allegata fil-konfront ta’ KF kienet ikkonfermata u kienet tikkostitwixxi fastidju psikoloġiku. Fuq il-bażi ta’ din il-konklużjoni u wara li KF instemgħet fl-istess jum, huwa ddeċieda, minn naħa, li jibda proċeduri dixxiplinari fil-konfront tal-persuna kkonċernata (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari”) u, min-naħa l-oħra, li jissospendi lil din tal-aħħar mill-funzjonijiet tagħha filwaqt li madankollu rrikonoxxielha ż-żamma tar-remunerazzjoni tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ sospensjoni”).

    28

    Fit-23 ta’ Awwissu 2013, id-Direttur tas-SATCEN iddeċieda l-kompożizzjoni tal-Bord Dixxiplinari u informa lil KF b’dan.

    29

    Fit-28 ta’ Awwissu 2013 KF ressqet ilment amministrattiv quddiem id-Direttur tas-SATCEN kontra, b’mod partikolari, id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni u d-deċiżjoni li permezz tagħha d-Direttur tas-SATCEN, impliċitament, kien ċaħad it-talba tagħha għal assistenza fir-rigward ta’ fastidju psikoloġiku li tiegħu kienet is-suġġett. Permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2013, dan l-ilment ġie miċħud kollu kemm hu minn dan id-Direttur. Fit-2 ta’ Diċembru 2013, KF ikkontestat din id-deċiżjoni tal-aħħar quddiem il-Bord tal-Appelli.

    30

    Fil-11 ta’ Settembru 2013, il-kompożizzjoni tal-Bord Dixxiplinari ġiet definittivament deċiża.

    31

    Fil-25 ta’ Ottubru 2013 id-Direttur tas-SATCEN bagħat rapport lill-Bord Dixxiplinari, li huwa kien bagħat ukoll lil KF, konformement mal-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN.

    32

    Permezz tal-ittra tat-28 ta’ Novembru 2013, il-President tal-Bord Dixxiplinari informa lil KF li s-smigħ tagħha quddiem dan il-Bord kien ser iseħħ fit-13 jew fl-14 ta’ Jannar 2014. F’din l-istess ittra, huwa talabha wkoll sabiex tissottometti l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Bord Dixxiplinari tal-inqas ġimgħa qabel id-data tas-seduta. Peress li t-talba ta’ KF sabiex is-seduta tagħha tiġi posposta minħabba t-terminu qasir li kien ingħatalha kienet ġiet miċħuda mill-President tal-Bord Dixxiplinari, il-persuna kkonċernata kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub fil-21 ta’ Diċembru 2013.

    33

    Wara din is-seduta li nżammet fit-13 ta’ Jannar 2014, il-Bord Dixxiplinari ta opinjoni motivata fl-4 ta’ Frar 2014, li permezz tagħha, minn naħa, huwa qies b’mod unanimu li KF kienet naqset milli tħares l-obbligi professjonali tagħha u, min-naħa l-oħra, irrakkomanda li hija titniżżel mill-inqas żewġ gradi, sabiex ma tibqax tokkupa pożizzjoni b’responsabbiltajiet ta’ tmexxija.

    34

    Wara li KF instemgħet fil-25 ta’ Frar 2014, fit-28 ta’ Frar 2014 id-Direttur tas-SATCEN neħħieha mill-pożizzjoni tagħha għal raġunijiet dixxiplinari (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tneħħija”) u din id-deċiżjoni kellha tidħol fis-seħħ fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħha.

    35

    Id-deċiżjoni ta’ tneħħija kienet is-suġġett ta’ lment amministrattiv imressaq minn KF fis-17 ta’ April 2014, li ġie miċħud b’deċiżjoni tad-Direttur tas-SATCEN tal-4 ta’ Ġunju 2014. Fit-12 ta’ Ġunju 2014, KF ikkontestat id-deċiżjoni ta’ tneħħija quddiem il-Bord tal-Appelli.

    36

    Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli”), innotifikata lil KF fit-23 ta’ Marzu 2015, il-Bord tal-Appelli, minn naħa, ċaħad it-talbiet ta’ KF intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni, ippreżentati fit-talba tagħha tat-2 ta’ Diċembru 2013, imsemmija fil-punt 29 tas-sentenza preżenti, kif ukoll, min-naħa l-oħra, ċaħad il-motivi kollha mqajma mill-persuna kkonċernata kontra d-deċiżjoni ta’ tneħħija, filwaqt li annulla parzjalment din tal-aħħar inkwantu d-data tad-dħul fis-seħħ kienet stabbilita b’mod żbaljat.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    37

    Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Mejju 2015, KF bdiet azzjoni li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-allegata deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal assistenza, tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni, tad-deċiżjoni ta’ tneħħija, tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tagħha kontra l-allegata deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal assistenza u tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”) kif ukoll, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-kundanna tas-SATCEN sabiex iħallasha somma korrispondenti għas-salarji li ma rċevitx, bħala dannu materjali li rriżultalha, u s-somma ta’ EUR 500000 bħala dannu morali li hija ġarrbet ukoll.

    38

    Insostenn tar-rikors tagħha, KF sostniet b’mod partikolari li, l-ewwel nett, id-deċiżjonijiet tal-korpi tas-SATCEN għandhom ikunu jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ta’ legalità mill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 263 TFUE, peress li huma atti purament ta’ tmexxija tal-persunal li jirriżultaw minn organu tal-Unjoni, u li, fil-każ kuntrarju, dawn jevitaw, bi ksur tal-prinċipji fundamental tal-Ujoni, kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju, billi l-istħarriġ min-naħa tal-Bord tal-Appelli ma jistax fil-fatt jiġi assimilat ma’ stħarriġ ġudizzjarju.

    39

    Imbagħad, insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal assistenza, tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni u tad-deċiżjoni ta’ tneħħija, KF invokat motivi bbażati fuq, b’mod partikolari ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.

    40

    Fl-aħħar nett, insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli, KF sostniet ksur tad-dritt tagħha għal rimedju effettiv, b’mod partikolari, dovut għall-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appelli li ma kienx jissodisfa l-kriterji ta’ qorti jew tribunal indipendenti u imparzjali. Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, hija qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, essenzjalment minħabba li din id-dispożizzjoni tagħmel lill-Bord tal-Appelli l-unika istanza ta’ stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tad-Direttur tas-SATCEN, u b’hekk teżenta lil dawn id-deċiżjonijiet minn kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju.

    41

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħat parzjalment dan ir-rikors li KF kienet ressqet quddiemha, sa fejn hija annullat id-deċiżjoni ta’ sospensjoni, id-deċiżjoni ta’ tneħħija u d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli kif ukoll sa fejn ikkundannat lis-SATCEN iħallas lil KF is-somma ta’ EUR 10000 b’kumpens għad-dannu morali subit minnha, filwaqt li l-kumplament tar-rikors ġie miċħud.

    It-talbiet tal-partijiet

    42

    Is-SATCEN essenzjalment jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiċħad ir-rikors ippreżentat minn KF, u

    tikkundanna lil KF għall-ispejjeż.

    43

    Il-Kunsill essenzjalment jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiċħad ir-rikors ippreżentat minn KF, u

    tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    44

    KF titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell, u

    tikkundanna lis-SATCEN għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    45

    Insostenn tal-appell tiegħu, is-SATCEN iqajjem erba’ aggravji bbażati, l-ewwel, fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors fl-ewwel istanza, it-tieni, fuq l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, it-tielet, fuq żnaturament tal-fatti u, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.

    Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    46

    Permezz tal-ewwel aggravju, li jinqasam fi tliet partijiet, is-SATCEN jikkritika lill-Qorti tal-Ġustizzja li ddikkjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors imressaq minn KF.

    47

    Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, is-SATCEN isostni, l-ewwel nett, li l-ġurisdizzjoni tal-Unjoni tippreżumi, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi sanċit fl-Artikolu 5 TUE, li din tkun prevista b’mod espress f’dispożizzjoni. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

    48

    Sussegwentement, mis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753) jirriżulta li l-Qorti tal-Unjoni ma għandhiex “awtomatikament” ġurisdizzjoni meta d-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx tinvolvi fondi mill-baġit tal-Unjoni. Madankollu, il-baġit tas-SATCEN huwa magħmul biss minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri.

    49

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jippermettix lill-Kunsill jeżenta, bħal fl-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, it-tilwim li jinvolvi korp jew organu tal-Unjoni mill-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni.

    50

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, is-SATCEN isostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi essenzjalment imponiet l-istess protezzjoni ġudizzjarja għall-uffiċjali u l-membri tal-persunal imsemmija fl-Artikolu 270 TFUE, minn naħa, u l-membri tal-persunal bil-kuntratt irreklutati mis-SATCEN, min-naħa l-oħra, filwaqt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persunal tal-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni jinsabu f’sitwazzjonijiet fundamentalment differenti minn xulxin. Fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma għandux japplika ħlief f’sitwazzjonijiet identiċi u mhux f’sitwazzjonijiet paragunabbli li għalihom il-Qorti Ġenerali rreferiet b’mod żbaljat.

    51

    Għaldaqstant, mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jirriżultax li l-persunal tal-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni għandu jkollu l-istess rimedji ġudizzjarji fil-każ ta’ tilwima mal-persuna li timpjegahom. B’mod partikolari, il-membri tal-persunal lokali impjegati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u ċerti membri tal-persunal bil-kuntratt li l-kuntratt tagħhom jipprevedi klawżola ta’ arbitraġġ li tistipola l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali ma jistgħux jadixxu lill-qorti tal-Unjoni.

    52

    Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 96 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza riżultanti mis-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:569), ma tapplikax b’analoġija fil-każ ineżami, peress li KF la hija membru tal-persunal ikkollokat minn Stat Membru u lanqas membru tal-persunal ikkollokat minn istituzzjoni tal-Unjoni, iżda hija membru tal-persunal bil-kuntratt irreklutata mis-SATCEN. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-istatus tagħha, KF ma tistax tiġi pparagunata ma’ membru tal-persunal ikkollokat minn istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    53

    Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, is-SATCEN isostni li l-Qorti Ġenerali ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors fl-ewwel istanza sempliċement abbażi ta’ prinċipju bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, it-tilwim ta’ natura kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-każ ineżami, jaqgħu biss taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni jekk ikun hemm klawżola ta’ arbitraġġ, li tistipula b’mod espress din il-ġurisdizzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 272 TFUE. Madankollu, fil-każ ineżami, ebda klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti tal-Unjoni ma kienet prevista.

    54

    Permezz tat-tieni aggravju, is-SATCEN jikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Artikoli 263 u 268 TFUE jipprovdulha l-bażi legali sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors ippreżentat minn KF bħala ammissibbli. Billi bbażat ruħha esklużivament fuq l-applikazzjoni b’analoġija tas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:569) sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u, fi kwalunkwe każ, wettqet żball ta’ liġi.

    55

    Il-Qorti Ġenerali naqset, b’mod partikolari, milli tispjega sa fejn applikazzjoni b’analoġija ta’ din is-sentenza tippermetti li tqis ir-rikors ippreżentat minn KF bħala ammissibbli, ladarba l-kwalità ta’ din tal-aħħar ta’ membru tal-persunal tas-SATCEN jipprekludi li hija tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “terz” fis-sens tal-ġurisprudenza, fil-konfront tas-SATCEN. Fil-fatt, bil-kontra taċ-ċirkustanzi inkwisjoni fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, KF ma kinitx ikkollokata fi ħdan is-SATCEN.

    56

    Il-Kunsill isostni l-argumenti tas-SATCEN.

    57

    KF tikkontesta l-argumenti tas-SATCEN.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    58

    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-argumenti invokati fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jippermettix lill-Kunsill jeżenta, bħal fl-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, it-tilwim li jinvolvu korp jew organu tal-Unjoni mill-ġuridsizzjoni tal-qorti tal-Unjoni, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 TUE, l-Unjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-valuri ta’ ugwaljanza u tal-Istat tad-dritt. Madankollu, l-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż sabiex jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza ta’ tali Stat tad-dritt (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill etC‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 41).

    59

    L-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja r-responsabbiltà li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li l-partijiet f’kawża jisiltu minn dan id-dritt, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva tal-imsemmi dritt (Opinjoni 1/17, tat-30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 111, kif ukoll is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 et C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 167).

    60

    Is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni hija kkostitwita minn sett komplut ta’ rimedji ġudizzjarji u proċeduri intiżi li jiżguraw l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/09, tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 70).

    61

    Il-kompiti attribwiti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament huma essenzjali għall-ħarsien tan-natura stess tad-dritt stabbilit mit-Trattati (Opinjoni 1/09, tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 85).

    62

    Minn dan isegwi li għalkemm, fil-każ ineżami, il-“kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari” imsemmija fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ċertament jippermettu l-istabbiliment, minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, ta’ kundizzjonijiet u arranġamenti interni, prerekwiżiti għal rimedju ġudizzjarju, li jirregolaw, fost oħrajn, il-funzjonament ta’ mekkaniżmu ta’ awtomonitoraġġ jew l-iżvolġiment ta’ proċedura ta’ ftehim bonarju, hekk kif il-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 107 tas-sentenza appellata, dawn il-kundizzjonijiet u arranġamenti ma jistgħux, bil-kontra ta’ dak li jallega s-SATCEN, jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw istituzzjoni tal-Unjoni teżenta t-tilwim li jinvolvi l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-ġurisdizzjoni kemm tal-qrati tal-Istati Membri kif ukoll tal-qorti tal-Unjoni.

    63

    Issa, mill-punt 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN jirriżulta li l-Bord tal-Appelli huwa mitlub japplika u jinterpreta dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, li ġew adottati minn deċiżjoni tal-Kunsill u jinkludu, għaldaqstant, dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 28(6) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, id-deċiżjonijiet ta’ dan il-Bord “[m]’għandu jkun hemm l-ebda appell minnhom”.

    64

    Għaldaqstant, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi Bord tal-Appelli jissodisfax jew le l-kriterji ta’ ġurisdizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-għoti lil dan il-Bord ta’ ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jinterpreta u japplika r-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN, kif previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 28(6) tal-istess Regolamenti tal-Persunal jmur kontra, fi kwalunkwe każ, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 58 sa 61 tas-sentenza preżenti.

    65

    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Kunsill jadotta dispożizzjoni bħat-tieni sentenza tal-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN.

    66

    Għandu jingħad ukoll li, ċertament, għal dak li jirrigwarda fil-każ ineżami, dispożizzjonijiet relatati mal-PESK kif ukoll atti adottati fuq il-bażi tagħhom, għandu jitfakkar li l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE, jintroduċu deroga mir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiggarantixxi l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattati. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett u l-portata tad-deroga li huma jistabbilixxu ma tistax testendi sal-punt li teskludi li l-qorti tal-Unjoni jkollha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti ta’ ġestjoni tal-persunal, bħad-deċiżjonijiet kontenzjużi, hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament qieset fil-punt 96 tas-sentenza appellata u li ma huwiex ikkonstestat mis-SATCEN (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill etC‑455/14 P, EU:C:2016:569, punti 39405455).

    67

    Fit-tieni lok, sa fejn is-SATCEN jikkritika lill-Qorti Ġenerali, permezz ta’ diversi argumenti li jaqgħu taħt l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju, li fis-sentenza appellata ddeċidiet li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE kienu, fil-każ ineżami, issodisfatti, għandu jitfakkar li mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew ta’ organi tal-Unjoni intiżi li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi.

    68

    Ir-rikors għal annullament huwa intiż li jiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattat FUE u għaldaqstant, ikun kuntrarju għal dan l-għan li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors jiġu interpretati b’mod ristrett billi tiġi limitata l-portata tar-rikors sempliċement għall-kategoriji ta’ atti li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 288 TFUE (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    69

    Għaldaqstant, l-atti kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, irrispettivament minn natura u mill-forma, li jkunu intiżi li joħolqu effetti legali vinkolanti tali li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni legali tiegħu, jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il-Parlament, C‑261/13 P, EU:C:2014:2423, punt 13, u tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 16).

    70

    Minn ġurisprudenza ferm stabbilita dwar l-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal annullament jirriżulta wkoll li għandha tingħata importanza lis-sustanza stess tal-atti kkontestati kif ukoll lill-intenzjoni tal-awtur tagħhom sabiex dawn l-atti jiġu kklassifikati. F’dan ir-rigward, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi sabiex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, bl-esklużjoni, b’mod partikolari, ta’ miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li ma għandhomx tali effetti, kif ukoll atti purament konfermatorji ta’ att preċedenti li ma jkunx ġie kkontestat fit-termini previsti (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 52).

    71

    Fil-każ ineżami, huwa paċifiku li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kollha jistabbilixxu b’mod definittiv, fi tmiem il-proċeduri amministrattivi, il-pożizzjoni tas-SATCEN. Barra minn hekk, kemm is-sustanza tagħhom stess kif ukoll mill-intenzjoni tal-awturi tagħhom jirriżulta li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi ta’ KF, billi jbiddlu b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni legali ta’ din tal-aħħar.

    72

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet li dawn id-deċiżjonijiet kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitqiesu li huma atti li jistgħu jiġu kkontestati, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

    73

    B’mod partikolari, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 110 u 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jillimita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-atti intiżi li jipproduċu effeti legali fir-rigward ta’ “terzi”, hija ġurisprudenza stabbilita li dawn it-termini huma intiżi sabiex jeskludu l-atti li ma jikkostitwixxux atti li jikkawżaw preġudizzju, inkwantu huma intiżi esklużivament għall-organizzazzjoni interna tal-amministrazzjoni u ma jipproduċux effetti ħlief f’din l-isfera interna, mingħajr ebda dritt jew obbligu fir-rigward ta’ terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1988, Les Verts vs Il-Parlament, 190/84, EU:C:1988:94, punt 8, tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑443/97, EU:C:2000:190, punt 28, u tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Franza vs Il‑Parlament (Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja), C‑73/17, EU:C:2018:787, punt 15).

    74

    Issa, għalkemm id-deċiżjonijiet kontenzjużi jikkonċernaw ċertament l-organizzazzjoni interna tas-SATCEN, xorta jibqa’ l-fatt li dawn id-deċiżjonijiet huma atti li KF hija d-destinatarja tagħhom, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u li jikkawżawlha preġudizzju, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 69, 70 u 73 tas-sentenza preżenti.

    75

    Barra minn hekk, peress li l-imsemmija deċiżjonijiet huma relatati mal-obbligi reċiproċi riżultanti mill-konklużjoni tal-kuntratt ta’ impjieg bejn is-SATCEN u KF u jwasslu għat-terminazzjoni tar-relazjonijiet kuntrattwali li jorbtu lil dawn tal-aħħar, ma jistax jitqies li t-tilwima preżenti ma hijiex bejn is-SATCEN u “terz”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    76

    Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 122 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 270 TFUE ma japplikax għas-sitwazzjoni ta’ KF, peress li la d-Deċiżjoni 2014/401 u lanqas ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN ma jipprevedu l-applikabbiltà tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni.

    77

    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta fil-punt 123 tas-sentenza appellata essenzjalment iddeċidiet li r-relazzjoni ta’ impjieg eżistenti bejn KF u s-SATCEN ma kinitx teskludi din it-tilwima mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    78

    Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ SATCEN ibbażat fuq in-natura kuntrattwali tar-relazzjonijiet tiegħu ma’ KF, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li, meta s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent tidħol fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali li l-qafas ġuridiku tagħhom ikun irregolat mil-liġi indikata mill-partijiet kontraenti, is-setgħa ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tar-rikors għal annullament ma tapplikax, peress li tali sitwazzjoni taqa’, fil-prinċipju u konformement mal-Artikolu 274 TFUE, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. Għaldaqstant, meta jkun hemm kuntratt li jorbot lir-rikorrent ma waħda mill-istituzzjonijiet, wieħed mill-korpi jew organi tal-Unjoni, il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jiġu aditi b’rikors fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE ħlief fil-każ li l-att ikkontestat ikun intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti li ma jaqgħux taħt ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet u li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu tal-Unjoni kontraenti fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punti 1820, u tat-28 ta’ Frar 2019, Alfamicro vs Il-Kummissjoni, C‑14/18 P, EU:C:2019:159, punti 4850).

    79

    Fil-fatt, kieku l-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi għall-annullament ta’ atti li jaqgħu taħt kuntest purament kuntrattwali, hija tirriskja mhux biss li telimina s-sens tal-Artikolu 272 TFUE, li jippermetti l-għoti ta’ ġurisdizzjoni tal-Unjoni permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, iżda, fil-każ li l-kuntratt ma jkunx fih tali klawżola, hija anki tkun qiegħda testendi l-ġurisdizzjoni tagħha lil hinn mil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 274 FUE, li jagħti lill-qrati nazzjonali ġurisdizzjoni ordinarja sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwim li fihom l-Unjoni tkun parti (sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 19 u tat‑28 ta’ Frar 2019, Alfamicro vs Il‑Kummissjoni, C‑14/18 P, EU:C:2019:159, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    80

    Ir-rinunzja mill-qorti tal-Unjoni tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 263 TFUE, meta s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent tkun tidħol fil-kuntest ta relazzjonijiet kuntrattwali, hija għaldaqstant intiża sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni koerenti tal-Artikoli 263, 272 u 274 TFUE u, għaldaqstant, sabiex iżżomm il-koerenza tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni li hija kkostitwita, hekk kif imfakkar fil-punt 60 tas-sentenza preżenti, minn sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi sabiex jiżguraw l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni.

    81

    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kuntest ta’ tilwima dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li, sabiex tiġi ddeterminata liema qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja partikolari mressqa kontra l-Unjoni sabiex din tikkumpensa dannu, għandu jiġi eżaminat jekk din l-azzjoni tikkonċernax ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni jew ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha u li s-sempliċi invokazzjoni ta’ regoli legali li ma jirriżultawx minn kuntratt rilevanti fil-każ ineżami, iżda li huma imposti fuq il-partijiet, ma jistax ikollha l-konsegwenza li tbiddel in-natura tat-tilwima u li tneħħi, għaldaqstant, lil din it-tilwima minn taħt il-ġurisdizzjoni kompetenti. Li kieku kien mod ieħor, in-natura tat-tilwima u, għalhekk, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni jkunu jistgħu jinbidlu skont regoli invokati mill-partijiet, li jmur kontra regoli ta’ ġurisdizzjoni sostantiva tal-qrati differenti (sentenza tat-18 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg, C‑103/11 P, EU:C:2013:245, punti 6165).

    82

    Il-kunċett ta’ “responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li għandu natura awtonoma, għandu, għaldaqstant, fil-prinċipju, jiġi interpretat fid-dawl tal-għan tiegħu, jiġifieri li jippermetti tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u l-qrati nazzjonali.(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni u Systran u Systran Luxembourg, C‑103/11 P, EU:C:2013:245, punt 62).

    83

    Fil-każ ineżami, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 62 iktar ’il fuq, it-tieni sentenza tal-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN teskludi espressament kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati nazzjonali jew mill-qorti tal-Unjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appelli u, konsegwentement, tad-deċiżjonijiet tad-direttur tas-SATCEN li huma s-suġġett dawk id-deċiżjonijiet.

    84

    Għaldaqstant, f’tali kuntest, rinunzja mill-Qorti tal-Unjoni u l-Qorti Ġenerali tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilhom mill-Artikoli 263 u 268 TFUE jkollha l-konsegwenza, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 112 tal-konklużjonijiet tiegħu, li teżenta lil tali deċiżjonijiet minn kull stħarriġ ġudizzjarju, sew jekk imwettaq mill-qorti tal-Unjoni jew mill-qrati nazzjonali, mingħajr ma din ir-rinunzja tkun iġġustifikata mit-tħassib tal-osservanza tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qorti tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali mixtieqa mit-Trattat FUE.

    85

    Issa, f’tali ċirkustanzi, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali li jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni mogħtija lilhom mit-Trattat FUE, sabiex jiżguraw l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effectif, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 58 sa 61 tas-sentenza preżenti.

    86

    Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li jallega s-SATCEN, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, li minkejja r-relazzjonijiet kuntrattwali eżistenti bejn is-SATCEN u KF, hija kellha ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 263 u 268 TFUE sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-tilwima.

    87

    Fir-raba’ lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsab fil-punti 65sa 86 tas-sentenza preżenti, l-argumenti invokati mis-SATCEN fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju u bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi sanċit fl-Artikolu 5 TUE kif ukoll fin-nuqqas ta’ użu ta’ fondi mill-baġit tal-Unjoni għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala infondati.

    88

    Fil-ħames lok, għal dak li jirrigwarda l-argumenti invokati mis-SATCEN fil-kuntest tat-tieni u tielet parti tal- ewwel aggravju kif ukoll tat-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-ilment li l-Qorti Ġenerali ddikjarat b’mod żbaljat li għandha ġurisdizzjoni fuq is-sempliċi bażi ta’ dan il-prinċipju jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata.

    89

    Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-Qorti Ġenerali semmiet l-imsemmi prinċipju fil-kuntest tal-motivi żviluppati, xorta jibqa’ l-fatt li jirriżulta mingħajr ekwivoku, b’mod partikolari, mill-punti 99, 103 u 120 tas-sentenza appellata, li huwa abbażi tal-Artikoli 263 u 268 TFUE li l-Qorti Ġenerali ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors ippreżentat minn KF.

    90

    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 164).

    91

    Għaldaqstant, is-SATCEN lanqas ma jista’ jallega li dan il-prinċipju japplika biss għal sitwazzjonijiet identiċi.

    92

    Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-paragun bejn is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-SATCEN, bħal KF, minn naħa, u dik ta’ esperti, uffiċjali u membri tal-persunal ikkollokat tal-Istati Membri jew tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 95 sa 98 tas-sentenza appellata, li t-tilwima preżenti hija paragunabbli għal tilwim bejn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni li ma jaqax taħt il-PESK u wieħed mill-uffiċjali tagħha jew wieħed mill-membri tal-persunal u li ma jistax jitqies li d-deroga mill-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni prevista fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, li għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, testendi sabiex teskludi l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ atti bħad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

    93

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-evalwazzjoni li tinsab fil-punti 71, 72, 74 sa 77 u 86 tas-sentenza preżenti, dawn is-sitwazzjonijiet huma fil-fatt paragunabbli waħda mal-oħra.

    94

    Barra minn hekk, huwa wkoll b’mod ġust li, fil-punti 102 u 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, għalkemm ir-rabta inizjali tas-SATCEN u l-UEP, li hija organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva, fil-passat kienet timpika li s-sitwazzjoni tal-persunal tas-SATCEN ma setgħetx tiġi assimilata ma’ dik tal-membri tal-persunal tal-Komunità Ewropea, dan ma għadux il-każ sa mid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tat-Trattat ta’ Lisbona, peress li t-tilwim bejn is-SATCEN u l-persunal tiegħu huma meqjusa, sa minn din id-data, paragunabbli għal dawk bejn il-membri tal-persunal tal-Unjoni u l-persuna li timpjegahom.

    95

    Konsegwentement, huwa mingħajr ma kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li l-Qorti Ġenerali qieset li kellha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ atti ta’ ġestjoni tal-persunal bħad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

    96

    Fit-sitt u s-seba’ lok, għal dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, invokat fil-kuntest tat-tieni aggravju, huwa biżżejjed li jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jobbligax lill-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha artikolati mill-partijiet fit-tilwima billi l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħatx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Ellinikos Chrysos vs Il-Kummissjoni, C‑100/16 P, EU:C:2017:194, punt 32).

    97

    Fil-każ ineżami, il-motivazzjoni li tinsab fil-punti 80 sa 114, 119 sa 123 u 125 sa 131 tas-sentenza appellata tippermetti lis-SATCEN jifhem ir-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tiegħu bbażat kemm fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors fl-ewwel istanza kif ukoll l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

    98

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel u t-tieni parti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    Fuq it-tielet aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    99

    Is-SATCEN jikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-fatti billi qieset li l-użu ta’ kwestjonarju b’għażla multipla fil-kuntest ta’ investigazzjoni amministrattiva kien jikkostitwixxi metodu manifestament mhux xieraq sabiex jistabbilixxi r-realtà tal-fatti u sabiex jiġi evalwat l-aġir ta’ KF, filwaqt li laqgħat bilaterali setgħu jikkostitwixxu mezz iktar adatt f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-persuni li mlew dan il-kwestjonarju kienu diġà ġew intervistati, bejn ix-xahar ta’ Jannar u x-xahar ta’ Frar 2013, matul investigazzjoni oħra relatata mal-etikett u mar-relazzjonijiet umani fi ħdan is-SATCEN. Barra minn hekk, kienu saru laqgħat bilaterali matul l-investigazzjoni amministrattiva nnifisha.

    100

    Il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta qieset li d-deċiżjonijiet kienu bbażati biss fuq akkużi li jirreferu għal kategoriji ġenerali ta’ aġir, mingħajr ma ġiet identifikata l-eżistenza ta’ avveniment jew aġir preċiż li seta’ jiġi kklassifikat bħala “fastidju”. Fil-fatt, xhieda bil-miktub u ddettaljati ġew annessi mar-rapport tal-investigazzjoni tat‑2 ta’ Lulju 2013. Madankollu, dawn ix-xiehda ma ttieħdux inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, bir-riżultat li din ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dokumenti kollha li fuqhom l-Assistent Direttur tas-SATCEN ibbaża ruħu sabiex jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.

    101

    Il-Kunsill isostni l-argumenti tas-SATCEN.

    102

    KF tikkontesta l-argumenti tas-SATCEN.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    103

    Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex, minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza sostantiva tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-annessi tal-proċess sottomessi lilha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    104

    Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    105

    Meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    106

    Fil-każ ineżami, għandu jitfakkar li, bil-kontra ta’ dak li jallega s-SATCEN, ir-rapport tal-investigazzjoni tat-2 ta’ Lulju 2013 ma fih ebda anness li jsostni r-risposti tal-persuni mistoqsija u lanqas provi oħrajn peress li dawn il-provi ġew annessi biss mar-rapport sottomess lill-Bord Dixxiplinari fil-25 ta’ Ottubru 2013.

    107

    Għal dak li jirrigwarda dan ir-rapport tal-investigazzjoni, jirriżulta b’mod espress u mingħajr ekwivoku, l-ewwel nett li r-riżultat tal-intervisti li saru bejn ix-xahar ta’ Jannar u x-xahar ta’ Frar 2013 ċertament ikkontribwixxa għall-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva, iżda li dawn ma kinux jagħmlu parti minn din l-investigazzjoni, sussegwentement, li l-imsemmi rapport tal-investigazzjoni kien ibbażat esklużivament fuq ix-xiehda bil-miktub u ffirmati tal-persuni li kienu ġew mistoqsija permezz tal-kwestjonarju b’għażla multipla u, fl-aħħar nett, li l-konklużjonijiet tal-istess rapport tal-investigazzjoni kienu jibbażaw ruħhom biss fuq kunsiderazzjonijiet relatati ma’ kategoriji ġenerali ta’ aġir imputat lil KF f’dan il-kwestjonarju, mingħajr ma jsemmu provi preċizi li setgħu jirriżultaw mir-risposti tal-membri tal-persunal għaż-żewġ domandi bi tweġiba ħielsa tal-imsemmi kwestjonarju, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 204 tas-sentenza appellata.

    108

    Barra minn hekk, mill-punti 200 sa 206 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma injoratx, bħalma jissuġġerixxi s-SATCEN, ir-risposti ddettaljati pprovduti mill-persuni mistoqsija, iżda ċċensurat l-investigazzjoni amministrattiva minħabba n-natura mhux xierqa tal-kwestjonarju b’għażla multipla li hija kienet ikkonstatat u li fil-fehma tagħha neċessarjament affettwa wkoll ir-risposti tal-persuni mistoqsija li taw għad-domandi bi tweġiba ħielsa ta’ dan il-kwestjonarju.

    109

    Konsegwentement, peress li ma jidher ebda żnaturament b’mod manifest għall-annessi tal-proċess, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq ir-raba’ aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    110

    Is-SATCEN isostni, l-ewwel nett, li d-dritt tal-persuna li tkun suġġett ta’ investigazzjoni amministrattiva għal fastidju psikoloġiku li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel tmiem din l-investigazzjoni jista’ jiġi limitat sabiex jiġu protetti l-interessi ta’ terzi involuti, b’mod partikolari sabiex jiġu evitati r-ritaljazzjonijiet. Issa, f’dan il-każ, il-limitazzjoni ta’ dan id-dritt kien neċessarju, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-numru kbir ta’ ilmenti u d-daqs żgħir tas-SATCEN. Fi kwalunkwe każ, id-diversi intervisti li saru qabel, b’mod partikolari dawk li seħħew fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet annwali, li matuhom KF setgħet tippreżenta osservazzjonijiet, għandhom jitqiesu li huma suffiċjenti sabiex jiggarantixxu d-dritt li l-persuna kkonċernata tinstema’.

    111

    Sussegwentement, la jirriżulta mir-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN u lanqas mill-ġurisprudenza li għandu jkun osservat terminu preċiż bejn l-istedina għall-intervista li għandha ssir qabel il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari u l-jum li ssir din l-intervista. Fi kwalunkwe każ, it-terminu mogħti lil KF sabiex tipprepara għall-imsemmija intervista kellu jiġi evalwat fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-fatti serji li bihom kienet akkużata l-persuna kkonċernata u l-urġenza li kienet tirriżulta minn dan. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju.

    112

    Fl-aħħar nett, skont is-SATCEN, minħabba l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandu, id-direttur tiegħu kien intitolat, waqt l-ibbilanċjar tal-interessi involuti, jagħti prijorità lid-drittijiet u interessi ta’ persuni li ressqu l-ilmenti minħabba fastidju fuq id-dritt ta’ KF li taċċedi għall-annessi tal-proċess qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, peress li r-riskju ta’ ritaljazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-persuni kien wisq ogħli u kien jippersisti anki wara tmiem l-investigazzjoni amministrattiva.

    113

    Il-Kunsill isostni l-argumenti tas-SATCEN.

    114

    KF tikkonstata l-argumenti tas-SATCEN.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    115

    L-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet u l-organi tal-Unjoni.

    116

    L-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, l-ewwel nett, id-dritt għal smigħ ta’ kull persuna, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament, sussegwentement, id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju; kif ukoll, fl-aħħar nett, l-obbigu tal-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

    117

    B’mod partikolari, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (sentenza tal-4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 53).

    118

    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, konklużjonijiet li jirreferu bl-isem għal membru tal-persunal ma jistgħux jiġu misluta fi tmiem investigazzjoni interna mingħajr ma dan tal-aħħar jkun ingħata l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-fatti li jikkonċernawh.

    119

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 ta’ dan l-Anness IX, huwa biss wara li jkun ikkomunika lill-membru tal-persunal ikkonċernat l-annessi kollha tal-proċess u wara li dan inkun instema’ li d-Direttur tas-SATCEN jista’ jiddeċiedi, b’mod partikolari abbażi tar-rapport tal-investigazzjoni, li potenzjalment jiftaħ proċedura dixxiplinari.

    120

    Fil-każ ineżami, isegwi li l-Assistent Direttur tas-SATCEN, qabel ma ttrażmetta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lid-direttur tiegħu, u, fi kwalunkwe każ, dan id-direttur, qabel ma ħa deċiżjoni negattiva fil-konfront ta’ KF, kienu obbligati jirrispettaw id-dritt tagħha għal smigħ (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 56).

    121

    B’mod partikolari, KF kellha d-dritt, sabiex tkun tista’ tippreżenta b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħha, li tiġi kkomunikata, tal-inqas, sunt tad-dikjarazzjonijiet tad-diversi persuni mistoqsija, sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet intużaw mill-Assistent Direttur tas-SATCEN, fir-rapport tiegħu tal-investigazzjoni, sabiex jifformula rakkomandazzjonijiet lid-Direttur tas-SATCEN, li fuq il-bażi tagħhom dan tal-aħħar iddeċieda li jiftaħ proċedura dixxiplinari fil-konfront ta’ KF u l-komunikazzjoni ta’ dan is-sunt għandha titwettaq fl-osservanza, skont il-każ, tal-interessi leġittimi ta’ kunfidenzjalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 57).

    122

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża li, meta tul il-proċedura ma jkunx stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura “raġonevoli” tal-perijodu ta’ żmien li l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu jieħu sabiex jadotta l-miżura inkwistjoni għandha tkun evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti għal kull każ u, b’mod partikolari, l-importanza tal-każ għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tiegħu u l-imġiba tal-partijiet fil-kawża.(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Réexamen Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX-II, EU:C:2013:134, punt 28).

    123

    Konsegwentement, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 154, 156 u 158 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 216 u 219 sa 223 tas-sentenza appellata, l-ewwel nett, li kien l-obbligu tal-Assistent Direttur tas-SATCEN u mhux tad-Direttur tiegħu li jisma’ b’mod utli lil KF qabel l-adozzjoni kemm tar-rapport tal-investigazzjoni kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari fir-rigward tagħha, sussegwentement, li dawn kellhom jikkomunikaw lill-persuna kkonċernata, għal dan il-għan, il-fatti li jikkonċernawha kif ukoll jagħtuha terminu raġonevoli sabiex tipprepara l-osservazzjonijiet tagħha u, fl-aħħar nett, li din il-komunikazzjoni kellha ssir, tal-inqas, permezz ta’ sunt tad-dikjarazzjonijiet tad-diversi persuni mistoqsija, li kellu jkun stabbilit fl-osservanza tal-interessi leġittimi potenzjali ta’ kunfidenzjalità ta’ dawn ix-xhieda.

    124

    Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punt 104 tas-sentenza preżenti, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, peress li s-SATCEN ma qiegħed jinvoka ebda żnaturament ta’ provi, l-allegazzjonijiet tiegħu għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn huma kienu jeħtieġu li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għal evalwazzjoni ġdida tal-fatti relatati mal-ibbilanċjar tal-interessi preżenti u man-natura raġonevoli tat-terminu mogħti lil KF sabiex tipprepara għall-invervista tagħha mad-Direttur tas-SATCEN.

    125

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

    126

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    127

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    128

    Skont l-Artikolu 138(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    129

    Skont l-Artikolu 184(4) tal-istess Regoli tal-Proċedura, meta ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, intervenjent fl-ewwel istanza jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali intervenjent jipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

    130

    Peress li s-SATCEN tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti minn KF, kif mitlub minn din tal-aħħar.

    131

    Peress li l-Kunsill ipparteċipa għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi deċiż li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, huwa għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN) huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti minn KF.

     

    3)

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top