EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0551

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fl-14 ta’ Jannar 2021.


Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:16

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fl‑14 ta’ Jannar 2021 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑551/19 P u C‑552/19 P

ABLV Bank AS (C‑551/19 P)

Ernests Bernis,

Oļegs Fiļs,

OF Holding SIA,

Cassandra Holding Company SIA (C‑552/19 P)

vs

Il‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Appell ‑ Unjoni Bankarja ‑ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment (SRM) ‑ Regolament (UE) Nru 806/2014 ‑ Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli fil-każ ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli ‑ Kumpannija omm u sussidjarja ‑ Dikjarazzjoni mill-BĊE ta’ sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ‑ Atti preparatorji ‑ Atti li ma jistgħux jiġu kkontestati ‑ Inammissibbiltà”

1.

Fit‑23 ta’ Frar 2018, il-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem, il-“BĊE”), li kellu l-inkarigu jeżerċita superviżjoni fir-rigward ta’ ABLV Bank AS (iktar ’il quddiem, “ABLV Bank”) minħabba li hija istituzzjoni finanzjarja “importanti”, iddikjara li din l-entità u ABLV Luxembourg SA (iktar ’il quddiem “ABLV Luxembourg”) “kienu qegħdin ifallu jew x’aktarx kienu ser ifallu”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 ( 2 ).

2.

ABLV Bank u xi wħud mill-azzjonisti tagħha, diretti u indiretti, appellaw din id-dikjarazzjoni tal-BĊE quddiem il-Qorti Ġenerali li, permezz ta’ żewġ digrieti ( 3 ) mogħtija fil-Kawżi T‑281/18 ( 4 ) u T‑283/18 ( 5 ), qieset inammissibbli r-rikorsi għal annullament rispettivi.

3.

Ir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali issa qegħdin jappellaw, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ appell, dawn iż-żewġ digrieti.

4.

Filwaqt li tiddeċiedi dawn l-appelli, il-Qorti tal-Ġustizzja hija offruta l-possibbiltà li tiddeċiedi għall-ewwel darba, sakemm ma iniex żbaljat, dwar il-proċedura applikabbli għall-adozzjoni ta’ “skemi ta’ riżoluzzjoni” tal-istituzzjonijiet finanzjarji suġġetti għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (iktar ’il quddiem, is-“SSM”), li għandu jwettaq il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem, is-“SRB”) fil-qafas tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem, is-“SRM”).

5.

F’wieħed mill-istadji ta’ din il-proċedura huwa previst l-intervent tal-BĊE, li jevalwa l-“falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ” ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

6.

It-tilwima tiffoka fuq il-kwistjoni dwar jekk jistax jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra din l-evalwazzjoni tal-BĊE. Iż-żewġ teżijiet opposti jargumentaw, minn perspettivi opposti:

li din hija att vinkolanti, sostanzjali fih innifsu li, minħabba li jipproduċi effetti legali, jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (teżi tal-appellanti).

li, billi hija sempliċi att preparatorju tad-deċiżjoni finali li tikkorrispondi għas-SRB, ma tistax tiġi kkontestata. Biss id-deċiżjoni li jadotta s-SRB tista’ tkun is-suġġett tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (teżi tal-BĊE, sostnuta mill-Kummissjoni Ewropea).

I. Il-kuntest ġuridiku: Ir-Regolament SRM

7.

Skont il-premessi 24 u 26 tiegħu:

“(24)

Billi huma biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jistabbilixxu l-politika ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni ubilli jibqa’ marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni ta’ kull skema ta’ riżoluzzjoni speċifika, huwa neċessarju li jiġi previst l-involviment adegwat tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, bħala l-istituzzjonijiet li jistgħu jeżerċitaw setgħat ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE,. Il-valutazzjoni tal-aspetti diskrezzjonarji tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni meħuda mill-Bord għandha tkun eżerċitata mill-Kummissjoni. Fid-dawl tal-impatt konsiderevoli tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u fuq l-Unjoni bħala tali, kif ukoll fuq is-sovranità fiskali tal-Istati Membri, huwa importanti li l-Kunsill jingħata s-setgħa ta’ implimentazzjoni li jieħu ċerti deċiżjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni. Għaldaqstant għandu jkun il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, li jeżerċita kontroll effettiv fuq il-valutazzjoni mill-Bord tal-eżistenza ta’ interess pubbliku u li jivvaluta kwalunkwe bidla materjali tal-ammont tal-Fond [Uniku ta’ Riżoluzzjoni] li għandu jintuża f’azzjoni speċifika ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati sabiex tispeċifika l-kriterji jew il-kondizzjonijiet ulterjuri li għandhom jitqiesu mill-Bord fl-eżerċizzju tas-setgħat differenti tiegħu. Tali għoti ta’ kompiti ta’ riżoluzzjoni bl-ebda mod ma għandu jostakola l-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji. L-ABE [Awtorità Bankarja Ewropea] għandha żżomm ir-rwol tagħha, flimkien mas-setgħat u l-kompiti tagħha: għandha tiżviluppa u tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-leġislazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-Istati Membri kollha u żżid il-konverġenza tal-prattiki ta’ riżoluzzjoni fl-Unjoni kollha kemm hi.

(26)

Il-BĊE, bħala s-superviżur fl-SSM, u l-Bord, għandhom ikuni jistgħu jevalwaw jekk istituzzjoni ta’ kreditu hijiex qed tfalli jew li x’aktarxtfalli u jekk ma hemm l-ebda prospett raġonevoli li azzjoni alternattiva mis-settur privat jew superviżorja tkun tista’ tevita li din tfalli fi żmien raġonevoli. Il-Bord, jekk iqis li l-kriterji kollha relatati mal-iskattar tar-riżoluzzjonijiet huma ssodisfati, għandu jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Il-proċedura relatata mal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li tinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, issaħħaħ l-indipendenza operattiva neċessarja tal-Bord filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ delega ta’ setgħat lill-aġenziji kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (‘il-Qorti tal-Ġustizzja’). Għaldaqstant, dan ir-Regolament jiddisponi li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord tidħol fis-seħħ biss jekk, fi żmien 24 siegħa wara l-adozzjoni tagħha mill-Bord, ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew jekk l-iskema ta’ riżoluzzjoni tkun approvata mill-Kummissjoni. Ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kunsill huwa permess li joġġezzjona, fuq proposta tal-Kummissjoni, fil-konfront tal-iskema ta’ riżoluzzjoni tal-Bord għandhom ikunu limitati strettament għall-eżistenza ta’ interess pubbliku u għal modifiki materjali min-naħa tal-Kummissjoni tal-ammont tal-użu tal-Fond [Uniku ta’ Riżoluzzjoni] kif propost mill-Bord.

[...]”.

8.

L-Artikolu 18 (“Proċedura ta’ riżoluzzjoni”) jipprovdi li:

“1.   Il-Bord għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni skont il-paragrafu 6 fir-rigward ta’ entitajiet u gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u lill-entitajiet u lill-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5), fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi, biss meta dan jivvaluta, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, hekk kif jirċievi komunikazzjoni skont ir-raba’ subparagrafu jew fuq inizjattiva proprja, li ntlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-entità qed tfalli jew x’aktarx li tfalli;

(b)

b’kont meħud taż-żmien u ta’ ċirkostanzi rilevanti oħra, ma hemmx prospett raġonevoli li xi miżura alternattiva tas-settur privat, inklużi miżuri minn IPS, jew azzjoni ta’ superviżjoni, inklużi miżuri ta’ intervent bikri jew valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 21, meħuda fir-rigward tal-entità, jistgħu jimpedixxu l-falliment tagħha f’limitu ta’ żmien raġonevoli;

(c)

hija meħtieġa azzjoni ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont il-paragrafu 5.

Għandha ssir mill-BĊE valutazzjoni tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, wara konsultazzjoni mal-Bord. Il-Bord, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jista’ jagħmel tali valutazzjoni biss wara li jkun informa lill-BĊE bl-intenzjoni tiegħu u biss jekk il-BĊE, fi żmien tlitt ijiem kalendarji wara li tkun waslet tali informazzjoni, ma jkunx għamel tali valutazzjoni. Il-BĊE għandu jipprovdi, mingħajr dewmien, lill-Bord bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li l-Bord jirrikjedi biex ikollu informazzjoni għall-valutazzjoni tiegħu.

Fejn l-BĊE jivvaluta li l-kondizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ntlaħqet fir-rigward ta’ istituzzjoni jew grupp imsemmija fl-ewwel subparagrafu, huwa għandu jikkomunika dik il-valutazzjoni mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Bord.

Il-valutazzjoni tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha ssir mill-Bord, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jew, fejn applikabbli, mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE. Il-BĊE jista’ jinforma wkoll lill-Bord jew lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni konċernati li huwa jqis li l-kondizzjoni stipulata f’dak il-punt ġiet sodisfatta.

[…]

4.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, l-entità għandha titqies li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli f’waħda jew iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-entità qed tikser jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu deteminazzjoni li l-istituzzjoni, fil-futur qrib, ser tkun qed tikser ir-rekwiżiti għall-kontinwazzjoni tal-awtorizzazzjoni b’mod li jkun jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni mill-BĊE, inkluż iżda mhux biss, il-fatt li l-istituzzjoni ġarrbet jew x’aktarx iġġarrab telf li se juża l-fondi proprji kollha jew ammont sinifikanti minnhom;

(b)

l-assi tal-entità huma, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li l-assi tal-entità se jkunu, fil-futur qrib, inqas mill-obbligazzjonijiet tagħha;

(c)

l-entità hija, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li dik l-entità se tkun, fil-futur qrib, f’pożizzjoni li ma tistax tħallas id-dejn tagħha jew obbligazzjonijiet oħrajn malli jsiru dovuti;

(d)

hija meħtieġa għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja, [...]

5.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba ta’ objettiv ta’ riżoluzzjoni wieħed jew aktar u hija proporzjonata magħhom kif speċifikat fl-Artikolu 14 u l-istralċ tal-entità skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jilħaqx dawn l-objettivi ta’ riżoluzzjoni sal-istess punt.

6.   Jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, il-Bord għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni. L-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha:

(a)

tqiegħed lill-entità taħt riżoluzzjoni;

(b)

tiddetermina l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni lill-istituzzjoni taħt rizoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2), b’mod partikolari kwalunkwe esklużjonimill-applikazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 27(5) u (14);

(c)

tiddetermina l-użu tal-Fond [Uniku ta’ Riżoluzzjoni] biex jappoġġa l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 76 u skont deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-Artikolu 19.

[...]”.

9.

L-Artikolu 86 (“Azzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”) jipprovdi li:

“1.   Jistgħu jinbdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 263 TFUE, li jikkontestaw deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell jew, fejn ma jkun hemm l-ebda dritt tal-appell lill-Bord tal-Appell, mill-Bord.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjoniji tal-Unjoni, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jistgħu jibdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bord, skont l-Artikolu 263 TFUE.

3.   Fil-każ li l-Bord ikollu obbligu li jaġixxi u jonqos milli jieħu deċiżjoni, il-proċedimenti għan-nuqqas ta’ azzjoni jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 265 TFUE.

4.   Il-Bord għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża ( 6 )

10.

ABLV Bank hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Latvja u l-kumpannija omm tal-grupp ABLV.

11.

ABLV Luxembourg hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Lussemburgu. Hija tikkostitwixxi waħda mis-sussidjarji tal-grupp ABLV, li tiegħu ABLV Bank hija l-unika azzjonista.

12.

Ernest Bernis, Oļegs Fiļs, OF Holding SIA u Cassandra Holding Company SIA ( 7 ) huma azzjonisti, diretti u indiretti, ta’ ABLV Bank.

13.

ABLV Bank kienet ikklassifikata bħala “entità importanti”, u bħala tali hija suġġetta għas-superviżjoni tal-BĊE fil-qafas tas-SSM.

14.

Fit‑13 ta’ Frar 2018, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti tal-Amerika ppubblika l-intenzjoni tiegħu li jadotta miżuri speċjali sabiex jimpedixxi lill-grupp ABLV milli jkollu aċċess għas-sistema finanzjarja f’dollari Amerikani.

15.

Fit‑22 ta’ Frar 2018, il-BĊE kkomunika lis-SRB l-abbozz ta’ evalwazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ ABLV Bank u ta’ ABLV Luxembourg, sabiex jikkonsultah f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM.

16.

Fit‑23 ta’ Frar 2018, il-BĊE ddikjara li ABLV Bank u ABLV Luxembourg kienu qegħdin ifallu jew x’aktarx kienu ser ifallu (failing or likely to fail), fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM. L-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ ABLV Bank u ta’ ABLV Luxembourg ġiet ikkomunikata lis-SRB f’dan l-istess jum.

17.

Fit‑23 ta’ Frar 2018, is-SRB adotta żewġ deċiżjonijiet (SRB/EES/2018/09 u SRB/EES/2018/10), dwar ABLV Bank u ABLV Luxembourg, rispettivament. Fit-tnejn li huma huwa qabel mal-evalwazzjonijiet ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament SRM, iżda qies li, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet u s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tagħhom, l-interess pubbliku ma kienx jeżiġi azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tagħhom.

18.

Fl-istess jum, fit‑23 ta’ Frar 2018, iż-żewġ deċiżjonijiet tas-SRB kienu nnotifikati lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali (iktar ’il quddiem, l-“ARN”) tal-Latvja u tal-Lussemburgu, jiġifieri, il-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, il-Latvja) u l-Commission de surveillance du secteur financier, (il-Kummissjoni ta’ Sorveljanza tas-Settur Finanzjarju, il-Lussemburgu).

19.

Kemm ABLV Bank kif ukoll l-azzjonisti diretti u indiretti ppreżentaw, it-tnejn li huma, rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali, kontra d-dikjarazzjonijiet tal-BĊE tat‑23 ta’ Frar 2018. Ir-rikors ta’ ABLV Bank ġie rreġistrat taħt in-numru T‑281/18 u dak tal-azzjonisti diretti u indiretti taħt in-numru T‑283/18.

20.

Fl-istess ħin, ABLV Bank u l-azzjonisti diretti u indiretti tagħha ppreżentaw, it-tnejn li huma, quddiem il-Qorti Ġenerali, rikorsi għal annullament (numri T‑280/18 u T‑282/18, rispettivament) kontra d-deċiżjonijiet tas-SRB tat‑23 ta’ Frar 2018 ( 8 ).

21.

Fis‑26 ta’ Frar 2018, l-azzjonisti ta’ ABLV Bank bdew proċedura li tippermetti lil din tal-aħħar tikkonkludi l-likwidazzjoni tagħha u ressqu quddiem l-ARN tal-Latvja t-talba għall-approvazzjoni ta’ pjan ta’ likwidazzjoni volontarja.

22.

Fil‑11 ta’ Lulju 2018, il-BĊE rtira l-awtorizzazzjoni ta’ ABLV Bank, wara l-proposta tal-ARN Latvjana.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digrieti appellati

23.

Kemm ABLV Bank (rikors T‑281/18) kif ukoll l-azzjonisti diretti u indiretti (rikors T‑283/18) ressqu l-istess għaxar motivi ta’ annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

24.

Fiż-żewġ rikorsi, il-BĊE qajjem diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, taħt l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jippermetti lill-konvenut jitlob li dik il-qorti tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża.

25.

Permezz tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, il-BĊE essenzjalment allega li “l-atti kkontestati huma miżuri preparatorji li jipprovdu evalwazzjoni ta’ fatti mingħajr effett obbligatorju, li dawn l-atti ma humiex ikkomunikati lill-istituzzjoni kkonċernata iżda lill-Bord, li dawn ma jistgħux ikunu suġġetti għal rikors għal annullament, li iżda dawn jikkostitwixxu l-bażi tal-adozzjoni, mill-Bord, ta’ skema ta’ riżoluzzjoni jew ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi li riżoluzzjoni ma hijiex fl-interess pubbliku” ( 9 ).

26.

Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel eċċezzjoni invokata mill-BĊE, mingħajr ma kien hemm il-ħtieġa li tiddeċiedi fuq il-bqija.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-allegazzjonijiet tal-partijiet

27.

Iż-żewġ appelli, ippreżentati, minn ABLV Bank (Kawża C‑551/19 P) u mill-azzjonisti diretti u indiretti tagħha (Kawża C‑552/19 P) rispettivament, għandhom kontenut simili ħafna, u għaldaqstant ingħaqdu.

28.

Fiż-żewġ appelli, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digrieti tal-Qorti Ġenerali li jiddikjaraw l-inammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament tagħhom;

tqis ir-rikorsi għal annullament bħala ammissibbli;

tibgħat lura l-kawżi lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikors;

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

29.

Il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appelli, minħabba li tqishom bħala manifestament inammissibbli, jew tiċħadhom bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati. Huwa jitlob ukoll li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

30.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet l-intervent tal-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tal-BĊE. Il-Kummissjoni titlob li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi r-raġunament tal-punt 34 tad-digrieti appellati.

31.

Waqt is-seduta tat‑22 ta’ Ottubru 2020, intervjenew ABLV Bank, l-azzjonisti diretti u indiretti, il-BĊE u l-Kummissjoni.

V. Analiżi

A. Ammissibbiltà

32.

Skont il-BĊE, l-aggravji huma bbażati fuq il-fatt li l-evalwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tal-istituzzjoni finanzjarja li jwettaq l-istess BĊE ma torbotx lis-SRB. Tali argument, madankollu, ma kienx il-bażi tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fid-digrieti appellati, b’mod li l-aggravji huma ineffettivi.

33.

L-oġġezzjoni tal-BĊE ma tistax tiġi milqugħa.

34.

Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, bħala inammissibbli, ir-rikorsi għal annullament billi bbażat ruħha fuq in-natura preparatorja tal-evalwazzjonijiet ta’ falliment imwettqa mill-BĊE fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji.

35.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni wara li interpretat li, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament SRM, l-evalwazzjoni tal-BĊE “bl-ebda mod ma torbot lill-Bord” u li l-BĊE “ma għandu l-ebda setgħa deċiżjonali fil-qafas previst għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni” ( 10 ).

36.

B’dan ir-raġunament, il-Qorti Ġenerali tqis li l-evalwazzjonijiet tal-BĊE huma atti preparatorji mingħajr il-kapaċità li jbiddlu s-sitwazzjoni legali tal-appellanti minħabba li ma għandhomx saħħa legali vinkolanti fil-qafas tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni bankarja.

37.

Il-Qorti Ġenerali b’hekk tenfasizza li, fil-fehma tagħha, l-assenza ta’ natura obbligatorja (għas-SRB) tal-evalwazzjonijiet tal-BĊE hija punt ewlieni fir-raġunament li jwassal għad-deċiżjoni tad-digrieti appellati. Sa dan l-istess estent, l-appellanti jistgħu jikkontestawh.

38.

Fir-rigward tat-talba tal-Kummissjoni dwar is-sostituzzjoni tal-punt 34 tad-digrieti appellati, għandu jitfakkar li din l-istituzzjoni qiegħda tipparteċipa fl-appell bħala intvervenjenti insostenn tat-talbiet tal-BĊE. Fost dawn tal-aħħar ma hemmx is-sostituzzjoni tal-kontenut tal-punt 34 ta’ dawn id-digrieti.

39.

L-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikoli 129 u 132 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, applikabbli għall-appelli skont l-Artikolu 190 tagħhom, jistabbilixxu li l-intervent ma jistax ikollu skop ieħor ħlief li jsostni, kompletament jew parzjalment, it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Peress li l-BĊE qiegħed jitlob biss iċ-ċaħda tal-appelli (kif ukoll li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż), it-talba tal-Kummissjoni tmur lil hinn minn dak li huwa permess li jiġi mitlub fl-intervent tagħha, u għaldaqstant ma għandhiex tiġi milqugħa ( 11 ).

B. Fuq il-mertu

40.

L-appellanti jinvokaw żewġ aggravji:

il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fejn kisret l-Artikolu 263 TFUE, minħabba li naqset milli tibbaża d-digrieti appellati fuq id-deċiżjoni effettivament adottata mill-BĊE;

il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin l-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM.

1.   L-ewwel aggravju: ksur tal-Artikolu 263 TFUE

a)   L-argumenti tal-partijiet

41.

Għalkemm il-qari tal-ewwel aggravju ma jippermettix li jinftiehmu b’mod kompletament ċar l-allegazzjonijiet ta’ dawk li jifformulawhom, nemmen li l-elementi tad-digrieti appellati, li hija diskussa l-korrettezza tagħhom, jistgħu jiġu identifikati fihom.

42.

Jekk fhimt sewwa, fl-ewwel aggravju jitressqu argumenti sabiex jiddefendu l-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, billi qieset bħala inammissibbli r-rikorsi għal annullament fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet li l-BĊE kien imissu adotta (skont il-qari tal-Artikolu 18 tar-Regolament SRM li twettaq l-istess Qorti Ġenerali) u mhux fuq dawk effettivament adottati fir-rigward tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ ABLV Bank.

43.

Skont l-appellanti, it-teżi tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata, għaliex id-dikjarazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tal-BĊE, adottata b’rabta ma’ ABLV Bank, skonthom tirrappreżenta att b’effetti legali vinkolanti u konsegwenzi diretti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom.

44.

Abbażi ta’ din il-premessa, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, minħabba ksur tal-Artikolu 263 TFUE, billi ma bbażatx id-digriet tagħha fuq id-deċiżjoni effettivament adottata mill-BĊE. Ir-rikorsi għal annullament, għaldaqstant, kien imisshom ġew iddikjarati ammissibbli u huwa meħtieġ li tiġi eżaminata, bħala kwistjoni ta’ mertu, il-legalità tal-azzjoni tal-BĊE.

45.

Minbarra l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament SRM, l-appellanti jressqu diversi elementi sabiex isostnu t-tesi tagħhom. B’mod partikolari, jindikaw li l-evalwazzjoni tal-falliment ġiet ikkomunikata mill-BĊE lil ABLV Bank u ABLV Luxembourg; li l-BĊE ppubblika l-evalwazzjonijiet fuq il-paġna internet tiegħu, fejn indika li dawn kienu evalwazzjonijiet ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ f’konformità mal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament SRM; u li l-BĊE ma llimitax ruħu jittrażmetti data fattwali dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-banek.

46.

Il-BĊE jqis li l-appellanti ma jidentifikawx b’mod ċar l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali sabiex tikser l-Artikolu 263 TFUE. Mill-bqija, il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

b)   Evalwazzjoni

47.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis dan l-aggravju bħala ammissibbli, għalkemm ma hijiex preċiżament konspikwa ċ-ċarezza tiegħu. Il-qari tiegħu, li ma huwiex faċli, jgħin sabiex jiġi identifikat l-iżball ta’ liġi li hija akkużata bih il-Qorti Ġenerali, jiġifieri, li ma bbażatx id-digrieti tagħha fuq id-deċiżjonijiet effettivament adottati mill-BĊE.

48.

Fir-rigward tal-mertu, inqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

49.

Il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha, fl-astratt, fuq id-deċiżjonijiet li l-BĊE kien imissu adotta dwar il-vijabbiltà ta’ ABLV Bank. Għall-kuntrarju, ħadet inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet effettivament u realment adottati mill-BĊE, li għalihom applikat, mingħajr ma wettqet ebda żball ta’ liġi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament.

50.

Il-Qorti Ġenerali, intenni, ħadet inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE ( 12 ). Skont din il-ġurisprudenza:

jistgħu jiġu kkontestati minn persuna fiżika jew ġuridika, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss l-atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu ( 13 ).

fil-każ ta’ atti integrati fi proċedura interna b’diversi fażijiet, bħala prinċipju, huma atti li jistgħu jiġu kkontestati biss dawk li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedji li l-għan tagħhom huwa l-preparazzjoni tad-deċiżjoni finali, u li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi invokata b’mod utli f’rikors kontra din tal-aħħar ( 14 ).

att intermedjarju ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors meta jiġi stabbilit “li l-illegalità li huwa vvizzjat biha dan l-att tista’ tiġi invokata insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li għaliha jikkostitwixxi att ta’ tfassil. F’tali ċirkustanzi, ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti” ( 15 ).

is-sitwazzjoni tkun differenti biss fil-każ li l-atti jew id-deċiżjonijiet adottati matul il-fażi preparatorja jippreżupponu huma stess il-konklużjoni definittiva ta’ proċedura speċjali, differenti minn dik li għandha tippermetti lill-istituzzjoni tiddeċiedi fuq il-mertu ( 16 ).

51.

Wara li fakkret din il-ġurisprudenza, li ma hijiex ikkontestata mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk, f’dan il-każ, l-evalwazzjonijiet ta’ falliment imwettqa mill-BĊE, b’kunsiderazzjoni għall-kontenut essenzjali tagħhom, kellhomx konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti jew jekk, għall-kuntrarju, kinux sempliċement preparatorji għad-deċiżjoni finali tas-SRB dwar l-applikazzjoni jew le ta’ skema ta’ riżoluzzjoni ( 17 ).

52.

Skont il-Qorti Ġenerali, l-evalwazzjonijiet ta’ falliment imwettqa mill-BĊE kienu jirrappreżentaw miżuri preparatorji matul il-proċedura intiża li tippermetti lis-SRB jadotta deċiżjoni dwar ir-riżoluzzjoni taż-żewġ istituzzjonijiet bankarji, u għaldaqstant ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors dirett għal annullament.

53.

Il-Qorti Ġenerali, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM, qieset li d-deċiżjoni dwar ir-rilevanza jew le tal-applikazzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni kellha tittieħed mis-SRB u li l-BĊE kien limitat li jikkomunika l-evalwazzjoni tiegħu tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tal-istituzzjoni bankarja. Hija fakkret, f’dan ir-rigward, li l-appellanti kienu ppreżentaw ukoll it-tnejn li huma rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjonijiet tas-SRB fil-Kawżi T‑280/18 u T‑282/18.

54.

Ma nara l-ebda żball f’dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li, fil-fehma tiegħi, huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

55.

L-appellanti jressqu diversi argumenti, li ħafna minnhom diġà ġew diskussi u miċħuda mill-Qorti Ġenerali, sabiex jipproduċu l-prova li l-evalwazzjonijiet ta’ falliment imwettqa mill-BĊE fil-verità kienu ta’ natura vinkolanti u kienu jaffettwaw l-interessi tagħhom, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħhom.

56.

Uħud minn dawn l-allegazzjonijiet huma simili għall-invokazzjoni ta’ żnaturament tal-fatti ( 18 ), anki jekk l-appellanti ma jilmentawx dan fir-rigward tal-Qorti Ġenerali ( 19 ). Fi kwalunkwe każ, l-argumenti mressqa f’dan l-ewwel aggravju jistħoqilhom jiġu analizzati fl-appell ( 20 ), peress li ma jillimitawx ruħhom, mingħajr element ieħor, jirrepetu jew jirriproduċu litteralment dak li diġà ġie spjegat quddiem il-Qorti Ġenerali ( 21 ).

57.

Fl-ewwel lok , l-appellanti jsostnu li teżisti preżunzjoni li skontha kull evalwazzjoni ta’ awtorità hija vinkolanti, ħlief jekk din l-awtorità tiddikjara b’mod espliċitu l-kuntrarju.

58.

Din l-asserzjoni ma tistax tiġi aċċettata. Kieku kienet teżisti tali preżunzjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tobbliga l-analiżi tal-kontenut u tan-natura ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex vinkolanti jew le ma tkunx tagħmel sens. Jekk jiġi segwit ir-raġunament tal-appellanti, l-atti kollha tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni jkunu vinkolanti, sakemm ma jindikawx b’mod espliċitu bil-kontra, fatt li jkun jiddependi fuq ir-rieda esklużiva tal-awturi tagħhom. Huwa ċar li dan ma huwiex il-każ.

59.

Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li l-evalwazzjonijiet ta’ falliment imwettqa mill-BĊE jwettqu analiżi ta’ proporzjonalità u, għaldaqstant, huma ta’ natura vinkolanti.

60.

Huwa minnu li bosta atti legali vinkolanti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni jinkludu analiżi tal-proporzjonalità tal-miżuri inklużi fihom. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li kull att li jinkludi analiżi ta’ proporzjonalità huwa vinkolanti. Fi kwalunkwe każ, l-aggravju ma jesponix ir-raġunijiet għaliex l-analiżi allegata ta’ proporzjonalità mwettqa mill-BĊE fl-evalwazzjonijiet tagħha ta’ falliment tagħtihom effetti vinkolanti li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tal-banek affettwati.

61.

Fit-tielet lok, l-appellanti jallegaw li l-evalwazzjonijiet ta’ falliment imwettqa mill-BĊE huma atti b’kontenut vinkolanti, għaliex il-BĊE għamel avviż pubbliku tar-redazzjoni tagħhom u kkomunikahom lill-banek affettwati.

62.

Lanqas dan l-argument ma jista’ jirnexxi. Minn naħa, dan huwa bbażat fuq evalwazzjoni ta’ fatti li ma tistax tiġi rriveduta fl-appell: il-Qorti Ġenerali qieset li “l-atti kkontestati ma kinux is-suġġett ta’ pubblikazzjoni, iżda l-BĊE ppubblika żewġ komunikazzjonijiet li bl-ebda mod ma jikkostitwixxu l-atti kkontestati” ( 22 ).

63.

Min-naħa l-oħra, il-pubblikazzjoni ta’ żewġ komunikati stampa dwar evalwazzjoni ta’ falliment ma timplikax li l-BĊE jixtieq jagħti natura vinkolanti lil dawn l-evalwazzjonijiet jew li huma għandhom din in-natura vinkolanti minnhom innifishom. Ser nerġa’ niġi lura għal dan il-punt iktar 'il quddiem.

64.

Fir-raba’ lok, skont l-appellanti, in-natura vinkolanti tal-evalwazzjonijiet ta’ falliment imwettqa mill-BĊE ġejja mill-fatt li l-BĊE nnifsu u s-SRB ddikjaraw li l-likwidazzjoni ta’ ABLV Bank u tas-sussidjarja Lussemburgiża tagħha kienet inevitabbli.

65.

Din id-deduzzjoni ma hijiex fondata. Il-kontenut tal-evalwazzjonijiet ta’ falliment ma kellux l-għan li jiddetermina r-riżoluzzjoni taż-żewġ banek b’applikazzjoni tad-dritt Latvjan u Lussemburgiż, u din lanqas ma kienet l-intenzjoni tal-BĊE meta adottahom. Din l-eventwalità kienet il-konsegwenza tal-fatt li s-SRB iddeċieda li ma kienx hemm interess pubbliku fl-applikazzjoni ta’ skemi ta’ riżoluzzjoni għaż-żewġ istituzzjonijiet finanzjarji, f’konformità mar-Regolament SRM.

66.

Finalment, l-appellanti jikkontestaw ir-riferiment tal-Qorti Ġenerali għas-silta tas-sentenza tat-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu), tad‑9 ta’ Marzu 2018, fejn ġie indikat li “l-partijiet jaqblu li l-evalwazzjonijiet u l-konstatazzjonijiet li saru mill-BĊE u mill-Bord fl-ambitu tar-Regolament ma jorbtux lill-qorti adita b’din it-talba” ( 23 ).

67.

Sabiex tiġi miċħuda din il-kritika, huwa suffiċjenti li jingħad li, b’dan ir-riferiment, il-Qorti Ġenerali kienet qiegħda sempliċement tikkorrobora l-argument prinċipali tagħha. Jekk għaldaqstant, it-traskrizzjoni ta’ din is-silta ma kinitx tikkostitwixxi r-ratio decidendi tad-digriet tal-Qorti Ġenerali, l-ilment korrelattiv li jinsab fl-aggravju jsir ineffettiv.

68.

Fil-qosor, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-ewwel aggravju.

2.   It-tieni aggravju: interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM

69.

Fit-tieni aggravju, huwa lmentat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-interpretazzjoni b’mod strett tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM, sabiex issostni l-fatt li l-evalwazzjonijiet ta’ falliment imwettqa mill-BĊE ma humiex atti li jistgħu jiġu kkontestati.

70.

L-appellanti jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li s-sitwazzjoni ta’ ABLV Bank u ta’ ABLV Luxembourg ma kinitx inbiddlet permezz tal-evalwazzjonijiet ta’ falliment imwettqa mill-BĊE.

a)   L-ewwel parti tal-aggravju: interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM

1) L-allegazzjonijiet tal-partijiet

71.

Skont l-appellanti, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM ma jistax jiġi interpretat bil-mod li ġie interpretat mill-Qorti Ġenerali (jiġifieri, li jinftiehem li jipprovdi biss komunikazzjoni mhux obbligatorja ta’ informazzjoni mill-BĊE lis-SRB, li huwa l-uniku kompetenti sabiex jadotta skema ta’ riżoluzzjoni).

72.

Fil-fehma tal-appellanti, l-evalwazzjoni tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ teħtieġ analiżi ġuridika u konklużjoni tal-istess tip. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM jagħti lill-BĊE s-setgħa li jiddeċiedi b’effetti vinkolanti għas-SRB.

73.

Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, qiegħdet inkwistjoni l-koerenza tar-relazzjonijiet bejn is-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali u dik ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. F’konformità ma’ din is-sistema, l-awtorità superviżorja (f’dan il-każ, il-BĊE) tiddetermina jekk bank jinsabx f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u l-evalwazzjoni tagħha torbot lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

74.

Finalment, l-appellanti jaffermaw li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx b’mod xieraq l-ekwivalenza funzjonali bejn l-evalwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni bankarja.

75.

Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

2) Evalwazzjoni

76.

Jiena tal-fehma, bħall-Qorti Ġenerali, li l-evalwazzjonijiet ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ imwettqa mill-BĊE għandhom jiġu kklassifikati bħala atti preparatorji fi ħdan il-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet bankarji. Għalkemm uħud mir-raġunamenti użati fid-digrieti appellati sabiex issir din il-klassifikazzjoni jistgħu jiġu ċċarati, jiena nqis li, fis-sustanza, ma juru l-ebda żball ta’ liġi.

77.

Sabiex tintlaħaq din il-konklużjoni, fl-ewwel lok ser neżamina l-proċedura amministrattiva kumplessa ta’ approvazzjoni tal-iskemi ta’ riżoluzzjoni. Fit-tieni lok, ser nindirizza l-koerenza tar-relazzjonijiet bejn is-SSM u s-SRM. Fit-tielet lok, ser niffoka fuq l-ekwivalenza funzjonali possibbli bejn l-evalwazzjoni ta’ falliment u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni bankarja.

i) Il-proċedura amministrattiva kumplessa ta’ approvazzjoni tal-iskemi ta’ riżoluzzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament SRM

78.

L-approvazzjoni tal-iskemi ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji għandha konsegwenzi ekonomiċi u legali enormi. Għalhekk, ir-Regolament SRM stabbilixxa proċedura li fiha jintervjenu, jew jistgħu jipparteċipaw, diversi istituzzjonijiet u aġenzija tal-Unjoni.

79.

L-ikbar setgħa deċiżiva tinsab f’idejn is-SRB. Il-BĊE għandu setgħa ta’ inizjattiva, għalkemm mhux esklużiva, u l-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom setgħa ta’ oġġezzjoni tal-aħħar istanza, b’mod partikolari, għall-każijiet li jeħtieġu mobilizzazzjoni ta’ ammonti mill-Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni ( 24 ).

80.

Mal-kumplessità tal-proċedura tiżdied il-ħeffa li biha għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dawn l-istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni sabiex jiġi evitat l-impatt negattiv tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni bankarja fuq is-swieq finanzjarji. Din il-ħeffa, barra minn hekk, tobbligahom de facto jkunu “ppreparaw” id-deċiżjoni qabel ma jniedu l-proċedura, li normalment tibda u tispiċċa fi tmiem il-ġimgħa, sabiex japprofittaw mill-għeluq tas-swieq tat-titoli.

81.

Il-kumplessità tal-proċedura deċiżjonali tirriżulta mill-fatt li fiha jintervjenu, jew jistgħu jipparteċipaw:

l-awtorità superviżorja (il-BĊE), li kienet dik responsabbli għas-superviżjoni tal-bank bi problemi ta’ solvenza.

l-awtorità ta’ riżoluzzjoni (is-SRB), li għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tiġi applikata skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-istituzzjoni ta’ kreditu;

il-Kummissjoni u l-Kunsill, li l-intervent tagħhom huwa meħtieġ minħabba li s-SRB huwa aġenzija tal-Unjoni, li huwa mogħti setgħat b’mod limitat, u minħabba li jeżisti Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni b’komponent intergovernattiv sal-unifikazzjoni definittiva tiegħu fl‑2024 ( 25 ).

82.

F’din il-proċedura kumplessa għandu jiġi speċifikat liema atti huma sempliċement preparatorji (li ma jistgħux jiġu kkontestati), sabiex jiġu distinti mid-deċiżjonijiet finali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

83.

Il-proċedura ta’ riżoluzzjoni ( 26 ) tibda bid-dikjarazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tal-istituzzjoni bankarja ( 27 ). Din id-dikjarazzjoni, b’xi mod, ittemm is-superviżjoni u twissi dwar ir-riskju għall-istabbiltà finanzjarja li tippreżenta s-sitwazzjoni ta’ insolvenza tal-istituzzjoni, sabiex l-azzjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun tista’ tiġi speċifikata.

84.

Ir-responsabbiltà sabiex jiġi evalwat jekk bank suġġett għas-superviżjoni tiegħu huwiex qiegħed ifalli jew x’aktarx ser ifalli, tikkorrispondi, fl-ewwel lok, għall-BĊE, għalkemm dan għandu jikkonsulta lis-SRB qabel ( 28 ). Jekk l-evalwazzjoni tiegħu tkun fl-affermattiv, il-BĊE għandu jikkomunikaha mingħajr dewmien lill-Kumissjoni u lis-SRB ( 29 ).

85.

Huwa loġiku li r-responsabbiltà ewlenija fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-falliment hija tal-BĊE, peress li għandhom jiġu mwieżna sensiela ta’ elementi li hija r-responsabbiltà tiegħu li jsir jafhom b’mod dirett bħala awtorità superviżorja fil-kuntest tas-SRB ( 30 ).

86.

Madankollu, il-BĊE ma jimmonopolizzax l-evalwazzjoni tal-falliment ( 31 ). Is-SRB għandu intervent sussidjarju, peress li jista’ jagħmel tali evalwazzjoni biss wara li jkun informa lill-BĊE bl-intenzjoni tiegħu u biss jekk il-BĊE, fi żmien tlett ijiem kalendarji wara li tkun waslet tali informazzjoni, ma jkunx għamel tali evalwazzjoni. F’dan il-każ, il-BĊE għandu jipprovdi mingħajr dewmien l-informazzjoni kollha rilevanti li s-SRB jirrikjedi sabiex ikun jista’ jagħmel l-evalwazzjoni tiegħu ( 32 ).

87.

Ladarba titwettaq l-evalwazzjoni tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ mill-BĊE (jew, sussidjarjament, mis-SRB), huwa s-SRB li għandu jiddeċiedi jekk jadottax jew le skema ta’ riżoluzzjoni. Sabiex din tiġi adottata, huwa essenzjali li jiġu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM:

konferma li l-entità qiegħda tfalli jew x’aktarx ser tfalli.

nuqqas ta’ eżistenza ta’ perspettivi raġonevoli li miżuri alternattivi oħra tas-settur privat jistgħu jimpedixxu l-falliment tal-entità fi żmien raġonevoli, b’kunsiderazzjoni għaż-żmien u ċirkustanzi oħra rilevanti.

neċessità tar-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku ( 33 ).

88.

Jekk is-SRB jivverifika li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma ssodisfatti, huwa għandu jadotta, skont l-Artikolu 18(6) tar-Regolament SRM, skema ta’ riżoluzzjoni li: a) tissottometti lill-entità għal proċedura ta’ riżoluzzjoni; b) tiddetermina l-applikazzjoni tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2); u c) tiddeċiedi dwar “l-użu tal-Fond [Uniku għar-Riżoluzzjoni] biex jappoġġa l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 76 u skont deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-Artikolu 19”.

89.

Minn din id-deskrizzjoni jiġi dedott li d-deċiżjoni tas-SRB li jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni (jew li jiddeċiedi li ma japplikahiex u jagħmel riferiment għad-dritt nazzjonali għal-likwidazzjoni tal-istituzzjoni bankarja) hija l-att finali effettiv tal-proċedura. Jekk il-Kummissjoni jew il-Kunsill jintervjenu, id-deċiżjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet ikollhom din l-istess natura ( 34 ).

90.

Billi, għaldaqstant, l-att definittiv tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni huwa d-deċiżjoni tas-SRB, l-evalwazzjoni tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ li l-BĊE għandu jwettaq għandha n-natura ta’ att preparatorju fil-qafas ta’ din il-proċedura, kif qieset korrettament fid-digrieti tagħha l-Qorti Ġenerali ( 35 ).

91.

Wieħed jista’ jistaqsi, madankollu, jekk, minkejja l-kwalità tagħha ta’ att preparatorju, l-evalwazzjoni tal-BĊE jistax ikollha effetti legali speċifiċi (bidla fis-sitwazzjoni legali tagħhom) għall-banek affettwati, bil-konsegwenza li dawn, jew l-azzjonisti tagħhom, jistgħu jikkontestawha, b’mod dirett, f’rikors għal annullament.

92.

It-tweġiba għal din il-mistoqsija għandha tkun fin-negattiv. L-impatt fuq is-sitwazzjoni legali tal-banek affettwati, li jista’ jiġġustifika, fejn xieraq, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali ( 36 ), eventwalment jikkorrispondi għad-deċiżjonijiet tas-SRB iżda mhux għad-dikjarazzjonijiet tal-BĊE.

93.

Waqt is-seduta, l-appellanti insistew fl-argumenti tagħhom dwar l-assenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja, jekk tiġi segwita t-teżi tad-digrieti appellati. Jiena nemmen, madankollu, li ma hemmx din l-assenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja, peress li l-illegalità (allegata) tal-kontenut tal-evalwazzjonijiet tal-BĊE tista’ tiġi invokata insostenn ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet tas-SRB li jinkludu dan il-kontenut u jtemmu l-proċedura.

94.

Dan ir-rikors kontra d-deċiżjonijiet tas-SRB jiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti għal dawk li jfittxu li jenfasizzaw id-difetti li l-atti preparatorji tal-BĊE setgħu kellhom, li l-evalwazzjonijiet tagħhom jservu bħala bażi għas-SRB sabiex jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu stess.

95.

Jikkorrobora t-tweġiba fin-negattiv il-fatt li l-iskemi ta’ riżoluzzjoni ma għandhomx jiġu kkontestati permezz ta’ rikorsi “superfluwi” kontra atti preparatorji, meta l-illegalità possibbli tagħhom tista’ tiġi kkontestata mingħajr ebda riżerva fil-qafas tal-azzjonijiet għal annullament kontra l-att finali tas-SRB, u għaldaqstant tiġi ggarantita l-protezzjoni ġudizzjarja ta’ dawk li ġew affettwati.

96.

L-ammissjoni tal-possibbiltà ta’ żewġ sensiliet paralleli ta’ rikorsi simultanji (uħud kontra l-evalwazzjonijiet ta’ falliment imwettqa mill-BĊE u oħrajn kontra d-deċiżjonijiet tas-SRB tal-istess data) ma tirriżultax f’amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tidher li ma hijiex tant xierqa mill-perspettiva tal-ekonomija tal-ġudizzju. Intenni li l-legalità tal-evalwazzjonijiet tal-BĊE tista’ tiġi eżaminata fir-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tas-SRB, mingħajr ebda ħtieġa ta’ azzjonijiet (sovraimposti) oħra intiżi speċifikament sabiex jikkontestaw id-dikjarazzjonijiet ta’ falliment iffirmati mill-BĊE.

97.

Barra minn hekk, l-inammissibbiltà tar-rikorsi kontra d-dikjarazzjonijiet ta’ falliment tal-BĊE hija konformi mal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Berlusconi u Fininvest u li huma rripetuti fis-sentenza Iccrea Banca ( 37 ).

98.

Din il-ġurisprudenza, għalkemm hija applikabbli, bħala prinċipju, għall-proċeduri amministrattivi komposti ta’ tip vertikali, li jinvolvu awtoritajiet nazzjonali u istituzzjonijiet u korpi jew organi tal-Unjoni (bħall-BĊE u s-SRB), tista’ tiġi estrapolata għal proċedura tal-Unjoni li fiha jipparteċipaw diversi mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tagħha.

99.

F’konformità ma’ dawn is-sentenzi, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jiġi eżerċitat fuq id-deċiżjoni finali tal-proċedura. L-ilmenti eventwali dwar l-illegalità tal-atti preparatorji għandhom jiġu deċiżi mill-qorti adita bir-rikors kontra dawn l-atti finali, sakemm dawn l-atti ma jorbtux lill-istituzzjoni li għandha s-setgħa ta’ deċiżjoni finali.

100.

Fil-proċedura ta’ adozzjoni ta’ skemi ta’ riżoluzzjoni, bħalma spjegajt iktar ’il fuq, id-deċiżjoni finali hija f’idejn is-SRB ( 38 ). L-unika ħaġa li jifdal sabiex tiġi ċċarata hija jekk l-evalwazzjoni ta’ falliment imwettqa mill-BĊE torbotx lis-SRB. Jekk dan ikun il-każ, jista’ jiġi mistoqsi jekk jistax jiġi ppreżentat rikors speċifiku kontra dan l-att tal-BĊE, minħabba li għandu sostantività tiegħu stess u jaffettwa d-drittijiet tal-individwi.

101.

Il-BĊE jista’ jattiva l-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ bank, billi jwettaq l-evalwazzjoni ta’ falliment u jibgħatha lis-SRB. Jekk huwa jqis li l-istituzzjoni bankarja ma tkunx qiegħda tfalli, xejn ma jkollu jintbagħat lis-SRB u l-evalwazzjoni tiegħu ma tkun tipproduċi l-ebda effett fuq din l-entità. F’din l-ipoteżi, billi ma tkunx inbdiet il-proċedura tal-Artikolu 18 tar-Regolament SRM, ma jkun jista’ jiġi ppreżentat l-ebda rikors għal annullament kontra l-BĊE (lanqas rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, għaliex l-evalwazzjoni tkun twettqet, iżda r-riżultat tagħha ma jurix il-perikolu ta’ falliment).

102.

Meta, għall-kuntrarju, il-BĊE jibgħat l-evalwazzjoni tiegħu ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, is-SRB għandu jiddeċiedi jekk tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni jew jekk tiġix illikwidata l-entità skont id-dritt nazzjonali.

103.

Issa, l-effetti legali fuq il-bank ma jseħħux sakemm is-SRB jevalwa l-osservanza tat-tliet kundizzjonijiet tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM esposti iktar ’il fuq. L-evalwazzjoni tal-BĊE weħidha ma tipproduċix effetti legali vinkolanti (bla ħsara għal dak li ser nindika iktar ’il quddiem), peress li, ninsisti, huwa neċessarju li s-SRB jiddeċiedi dwar l-osservanza tat-tliet kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq sabiex japplika skema ta’ riżoluzzjoni.

104.

Quddiem dikjarazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ imwettqa mill-BĊE, is-SRB ma jistax joqgħod lura milli jiddeċiedi: jekk, kontra dak li jqis il-BĊE, huwa jqis li l-entità ma tinsabx f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, l-istess SRB għandu jiċħad l-applikazzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. Din id-deċiżjoni għaldaqstant tkun l-att definittiv li jista’ jiġi kkontestat: l-evalwazzjoni tal-BĊE jkollha n-natura ta’ att preparatorju li l-legalità tiegħu tista’ tiġi diskussa fil-kuntest ta’ dak ir-rikors kontra d-deċiżjoni finali tas-SRB.

105.

F’dan l-istess sens, l-Artikolu 86(1) tar-Regolament SRM jipprovdi biss il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet tas-SRB (jew tal-Bord tal-Appell, jekk ikun il-każ), iżda ma jsemmix l-evalwazzjonijiet ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ imwettqa mill-BĊE.

106.

L-evalwazzjoni ta’ falliment imwettqa mill-BĊE tobbliga lis-SRB jadotta deċiżjoni finali dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, iżda ma tikkundizzjonax il-kontenut tagħha: is-SRB għandu l-kapaċità li jevalwa wkoll il-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, meta huwa jiddeċiedi.

107.

Is-setgħa tal-BĊE hija limitata, essenzjalment, għall-attivazzjoni tal-proċedura. Għalkemm huwa diffiċli li tiġi immaġinata differenza fl-opinjoni bejn l-awtorità superviżorja u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-falliment ta’ bank (l-Artikolu 18 tar-Regolament SRM iħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejniethom), il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom it-tnejn huma differenti ( 39 ).

108.

Il-Qorti Ġenerali tafferma li d-dikjarazzjoni ta’ falliment tal-BĊE hija “biss sempliċi evalwazzjoni, li bl-ebda mod ma torbot lill-Bord”. Tali affermazzjoni, li hija komprensibbli u korretta fil-kuntest tal-punt 34 tad-digrieti appellati, teħtieġ li tiġi ċċarata.

109.

Is-SRB huwa, fil-fatt, il-korp li għandu s-setgħa li jieħu d-deċiżjoni finali fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni u mhux il-BĊE. Dan tal-aħħar, madankollu, għandu l-kapaċità li jattiva din il-proċedura u, b’dan il-mod, “jobbliga” lis-SRB jieħu deċiżjoni, wara li jkun bagħatlu r-riżultat tal-evalwazzjoni ta’ falliment imwettqa minnu. Huwa f’dan is-sens biss li d-dikjarazzjoni tal-BĊE għandha effetti vinkolanti għas-SRB, iżda dawn huma proċedurali u mhux fit-termini tal-mertu tal-evalwazzjoni, li minnha jista’ jitbiegħed s-SRB.

110.

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li d-dikjarazzjoni ta’ falliment tal-BĊE kienet tgawdi minn “awtorità”, li tirriżulta mill-għarfien ikbar li l-BĊE jkollu dwar is-sitwazzjoni tal-banek suġġetti għas-superviżjoni tiegħu, iżda ma waslitx sabiex tipproponi li l-kontenut tagħha jorbot lis-SRB sal-punt li tiġi predeterminata, fl-aspetti kollha tagħha, id-deċiżjoni sussegwenti tiegħu.

111.

Ma għandi l-ebda oġġezzjoni nassumi li l-evalwazzjoni tal-BĊE jista’ jkollha auctoritas, fis-sens klassiku tat-terminu, u li s-SRB ma jkunx jista’ jinjoraha, jew jiċħad il-kontenut tagħha b’mod mhux kritiku. Iżda dan ma jimplikax li din għandha wkoll il-potestas inerenti għad-deċiżjonijiet legali li jiġu imposti fir-relazzjonijiet bejn istituzzjonijiet, fejn waħda minnhom ma tkunx tista’ tiddevja, f’termini tal-mertu, minn dak li l-istituzzjoni l-oħra tkun qablet dwaru jew iddeċidiet ( 40 ). Huwa f’dan, preċiżament, li tikkonsisti r-rabta.

ii) Il-koerenza tar-relazzjonijiet bejn is-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali u dik ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu

112.

L-appellanti jsostnu, f’termini mhux wisq preċiżi, li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, għaliex tmur kontra r-rabta xierqa tar-relazzjonijiet bejn is-SSM u s-SRM.

113.

Fil-fehma tagħhom, l-evalwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għandha tikkorrispondi dejjem, b’mod vinkolanti, għall-awtorità ta’ superviżjoni (f’dan il-każ, il-BĊE) u ma jkunx loġiku li tiġi permessa riżoluzzjoni bankarja adottata mis-SRB kontra l-opinjoni tas-superviżur.

114.

Dan l-argument jinjora l-fatt li s-SRB għandu setgħa sussidjarja sabiex iwettaq direttament l-evalwazzjoni ta’ falliment, meta l-BĊE ma jkunx wettaqha.

115.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM jindika li s-SRB, f’sessjoni eżekuttiva, jista’ jwettaq din l-evalwazzjoni biss wara li jkun informa lill-BĊE dwar l-intenzjoni tiegħu u biss jekk il-BĊE ma jkunx wettaqha fi żmien tlett ijiem kalendarji mir-riċezzjoni ta’ din l-informazzjoni. Il-BĊE għandu jipprovdi lill-Bord mingħajr dewmien l-informazzjoni kollha rilevanti li dan jitlob sabiex iwettaq l-evalwazzjoni tiegħu.

116.

Għalkemm ma jkunx normali li sseħħ din is-sitwazzjoni (il-BĊE, bħala superviżur, huwa dak li jittratta l-informazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni), ir-Regolament SRM jippermetti lis-SRB jattiva l-proċedura ta’ riżoluzzjoni mingħajr ma jkollu l-evalwazzjoni tal-BĊE.

117.

Ir-raġunament tal-appellanti f’din il-parti tat-tieni aggravju għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

iii) L-ekwivalenza funzjonali possibbli bejn l-evalwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni bankarja

118.

L-appellanti jerġgħu jinvokaw fl-appell l-ekwivalenza bejn l-evalwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni bankarja.

119.

Il-Qorti Ġenerali diġà tathom tweġiba xierqa fid-digrieti appellati. Hija sostniet li, “għalkemm huwa veru li tali evalwazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-fatt li l-kundizzjonijiet għaż-żamma tal-awtorizzazzjoni ma għadhomx issodisfatti skont l-Artikolu 18(4)(a) tar-Regolament [SRM], dawn iż-żewġ atti ma huma bl-ebda mod ekwivalenti. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet tal-irtirar tal-approvazzjoni elenkati fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36/UE [ ( 41 )], huma manifestament differenti mill-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni tal-falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, kif ipprovduti fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament [SRM]” ( 42 ).

120.

L-appellanti jtennu, fuq dan il-punt, l-allegazzjonijiet li għamlu quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jżidu oħrajn rilevanti, b’mod li din il-parti tal-aggravju ma tistax tkun ammissibbli.

121.

Fi kwalunkwe każ, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa korrett: l-evalwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu hija differenti mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha sabiex topera.

122.

Wisq inqas jista’ jiġi dedott, bħalma jagħmlu l-appellanti, li l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rtirar mill-awtorità ta’ superviżjoni timplika li din l-entità għandha tkun dik, b’mod esklużiv, li twettaq l-evalwazzjoni ta’ falliment.

123.

Finalment, din il-parti tat-tieni aggravju wkoll għandha tiġi miċħuda.

b)   It-tieni parti tat-tieni aggravju: il-bidla fis-sitwazzjoni legali ta’ ABLV Bank u ABLV Luxembourg

1) L-allegazzjonijiet tal-partijiet

124.

Apparti l-iżball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament SRM, l-appellanti jikkritikaw dak li jqisu bħala argumenti żbaljati tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-bidla fis-sitwazzjoni legali tagħhom, bħala riżultat tal-evalwazzjoni ta’ falliment imwettqa mill-BĊE.

125.

Fl-ewwel lok, isostnu li s-sitwazzjoni legali tagħhom inbidlet minħabba l-pubblikazzjoni, mill-BĊE, tal-evalwazzjonijiet ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ imwettqa minnu, fatt li jbiddilhom f’atti li jistgħu jiġu kkontestati.

126.

Fit-tieni lok, isostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-punt 47 tad-digrieti tagħha, meta qieset li t-test rilevanti kien dak ikkomunikat internament mill-BĊE lis-SRB, irrispettivament mill-pubblikazzjoni mill-BĊE.

127.

Fit-tielet lok, jaffermaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi ġdid billi bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-ġurisprudenza li hija tiċċita ( 43 ) sabiex issostni li l-evalwazzjoni ta’ falliment imwettqa mill-BĊE ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat.

128.

Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

2) Evalwazzjoni

129.

Fir-rigward tal-allegazzjonijiet ripetuti tal-appellanti, f’din il-parti tat-tieni aggravju, li diġà ġew esposti iktar ’il fuq, jgħodd dak li rriflettejt f’punti oħra f’dawn il-konklużjonijiet.

130.

Jidhirli li huwa xieraq li nindika wkoll li l-appellanti jirreferu biss għall-effetti legali tad-dikjarazzjonijiet ta’ falliment adottati mill-BĊE (jiġifieri, għall-effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom). L-impatt eventwali ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-istituzzjonijiet bankarji involuti ma huwiex diskuss.

131.

Issa, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, l-appellanti ma waslux sabiex jidentifikaw xi regola li minnha jista’ jiġi inferit li d-dikjarazzjoni ta’ falliment imwettqa mill-BĊE hija kapaċi, minna nnifisha, tbiddel is-sitwazzjoni legali tagħhom.

i) Pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ falliment

132.

L-evalwazzjonijiet ta’ falliment imwettqa mill-BĊE u d-deċiżjonijiet tas-SRB dwar ABLV Bank u ABLV Luxembourg inħarġu fl-istess jum, fl‑24 ta’ Frar 2018.

133.

Id-deċiżjonijiet tas-SRB huma ppubblikati uffiċjalment billi huma l-att finali tal-proċedura, li jaffettwa b’mod ċar is-sitwazzjoni legali tal-entitajiet li huma kkonċernati minnhom. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-BĊE kienet is-suġġett ta’ sempliċi stqarrija għall-istampa ( 44 ).

134.

Il-bidla eventwali tas-sitwazzjoni legali tal-banek tirriżulta, fejn xieraq, mid-deċiżjoni finali tas-SRB, li kienet ippubblikata uffiċjalment. L-istqarrija għall-istampa tal-BĊE dwar l-evalwazzjoni tal-falliment imwettqa minnu taż-żewġ istituzzjonijiet ta’ kreditu seħħet għaliex is-SRB adotta u ppubblika d-deċiżjoni definittiva tiegħu.

135.

Skont kif indika l-BĊE fil-kontroreplika tiegħu ( 45 ), jekk is-SRB ma jadotta l-ebda deċiżjoni finali fil-proċedura, l-evalwazzjoni ta’ falliment imwettqa mill-BĊE ma tiġix ippubblikata, sabiex ma tħallix riperkussjonijiet ekonomiċi negattivi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu analizzati.

136.

Loġikament, il-BĊE lanqas ma jikkomunika l-evalwazzjonijiet tiegħu qabel ma s-SRB jippubblika d-deċiżjoni finali tiegħu, sabiex jiġu nnewtralizzati dawn ir-riperkussjonijiet ekonomiċi negattivi possibbli. Fil-prattika segwita sa issa, li ġiet osservata f’dan il-każ, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tas-SRB u l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE jinħarġu fl-istess ħin.

137.

Ipotetikament, il-BĊE jista’ jippubblika d-dikjarazzjoni tiegħu dwar il-falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu mingħajr ma s-SRB jkun adotta d-deċiżjoni finali fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament SRM. Billi tali ipoteżi ma seħħitx f’dan il-każ, ma huwiex meħtieġ li jiġu investigati r-riperkussjonijiet ta’ din l-imġiba fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-istituzzjoni bankarja affettwata.

138.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, l-ewwel argument tal-appellanti f’din it-tieni parti tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

ii) Differenzi bejn id-dikjarazzjoni ta’ falliment u l-komunikazzjoni ppubblikata mill-BĊE

139.

It-tieni argument ta’ din il-parti tal-aggravju wkoll għandu jiġi miċħud, billi huwa bbażat fuq fehim żbaljat tal-punt 47 tad-digrieti appellati.

140.

F’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 32 sa 36 preċedenti, iddeduċiet li “mis-sustanza tal-atti kkontestati jirriżulta li ma’ dawn [li dawn] ma jikkostitwixxux deċiżjonijiet, iżda miżuri preparatorji”.

141.

Issa, b’dan ir-raġunament (li diġà analizzajt il-korrettezza tiegħu f’termini ta’ mertu), ġiet eliminata l-kritika, ifformulata mill-appellanti fir-rikors għal annullament, li d-dikjarazzjoni ta’ falliment kienet differenti minn dak li ġie ppubblikat fuq is-sit internet tal-BĊE.

142.

Fi kwalunkwe każ, dak li kien rilevanti kien li l-att tal-BĊE li kien is-suġġett tar-rikors (id-dikjarazzjoni ta’ falliment) ma kienx suxxettibbli għal kontestazzjoni awtonoma quddiem il-Qorti Ġenerali.

iii) Il-ġurisprudenza ċċitata fid-digrieti appellati

143.

It-tielet u l-aħħar argument ta’ din il-parti tal-aggravju huwa ta’ natura ċirkolari u għandu jiġi miċħud ukoll. L-appellanti jsostnu li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali tikkonċerna każijiet li fihom kien hemm dubji dwar il-possibbiltà li jiġi kkontestat l-att permezz ta’ rikors għal annullament, fatt li, fil-fehma tagħhom, ma jqumx f’dan il-każ.

144.

Bħalma diġà esponejt, it-tilwima kienet tirrigwarda l-possibbiltà li jintalab direttament l-annullament ta’ evalwazzjoni ta’ falliment adottata mill-BĊE, apparti mir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni definittiva tas-SRB fi proċedura ta’

145.

Issa, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali kienet rilevanti sabiex tiġi deċiża l-ammissibbiltà ta’ din l-azzjoni speċifika ppreżentata mill-appellanti. Din il-ġurisprudenza tipprovdi l-linji gwida li permezz tagħhom ikun jista’ jiġi ddeterminat meta jistgħu jiġu kkontestati l-atti sussegwenti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fi proċeduri amministrattivi kumplessi, bħal dik li qiegħda tiġi analizzata bħalissa.

146.

Finalment, it-tieni parti tat-tieni aggravju wkoll għandha tiġi miċħuda, bħall-bqija tar-rikors.

VI. L-ispejjeż

147.

F’konformità mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

148.

F’konformità mal-Artikolu 184(1), moqri flimkien mal-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli, il-Kummissjoni, bħala intervenjenti fil-kawżi, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

VII. Konklużjoni

149.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

1)

tiċħad l-appelli bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

2)

tikkundanna għall-ispejjeż lil ABLV Bank AS fil-Kawża C‑551/19 P u lil Ernests Bernis, Oļegs Fiļs, OF Holding SIA u Cassandra Holding Company SIA fil-Kawża C‑552/19 P.

3)

tiddeċiedi li l-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 255, p. 1; iktar ’il quddiem, ir-“Regolament SRM”).

( 3 ) Iktar ’il quddiem id-“digrieti appellati”.

( 4 ) Digriet tas‑6 ta’ Mejju 2019, ABLV Bank vs BĊE (T‑281/18, EU:T:2019:296).

( 5 ) Digriet tas‑6 ta’ Mejju 2019, Bernis et vs BĊE (T‑283/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:295).

( 6 ) L-istorja tal-fatti tirriżulta mid-digriet tas‑6 ta’ Mejju 2019, ABLV Bank vs BĊE (T‑281/18, EU:T:2019:296), punti 1 sa 9.

( 7 ) Iktar ’il quddiem, ser nirreferi għalihom, sempliċement, bħala l-“azzjonisti diretti u indiretti”.

( 8 ) It-trattament tal-Kawża T‑280/18, ABLV Bank vs SRB, quddiem il-Qorti Ġenerali huwa sospiż, sakemm tingħata d-deċiżjoni f’dawn l-appelli. Ir-rikors fil-Kawża T‑282/18 ġie ddikjarat inammissibbli mill-Qorti Ġenerali fid-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2020, Bernis et vs SRB (T‑282/28, mhux ippubblikat, EU:T:2020:209).

( 9 ) Punt 17 tad-digrieti appellati.

( 10 ) Punt 34 tad-digrieti appellati.

( 11 ) Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara żewġ aspetti tal-punt 34 tad-digrieti appellati: a) l-intervent possibbli tal-Kummissjoni u tal-Kunsill fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni; u b) il-grad ta’ natura vinkolanti għas-SRB tal-evalwazzjoni tal-BĊE. Fir-rigward ta’ dan il-punt tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi meta tanalizza l-appell; għall-kuntrarju, ma huwiex neċessarju li jitqiesu l-interventi possibbli tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, li f’din il-kawża finalment ma seħħewx.

( 12 ) Punti 29 sa 32 tad-digrieti appellati.

( 13 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 9); u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ (C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 44): “huma biss l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti b’mod li jaffettwaw l-interessi tal-appellant direttament u, immedjatament billi jimmodifikaw, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu li jikkawżaw preġudizzju”.

( 14 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u l-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 50).

( 15 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u l-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 53); tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264) punt 12); u tal‑24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni (53/85, EU:C:1986:256, punt 19).

( 16 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 11).

( 17 ) Punt 33 tad-digrieti appellati.

( 18 ) Żnaturament tal-fatti jeżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, jirriżulta evidenti li l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti kienet żbaljata. L-iżnaturament għandu jkun jista’ jiġi dedott b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma tkun meħtieġa evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Meta appellant jallega l-iżnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa obbligat jindika b’mod preċiż l-elementi li, fil-fehma tiegħu, ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal tali żnaturament (sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2019, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑358/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:763, punt 45; u tat‑3 ta’ Diċembru 2015, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑280/14 P, EU:C:2015:792, punt 52).

( 19 ) Huma jaffermaw dan fil-punt 42 tar-replika tagħhom.

( 20 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, “meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma setax jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha.” (sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 42; u tal‑20 ta’ Settembru 2016, Mallis et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) “[I]l-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul l-appell, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, kieku appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq raġunijiet u argumenti li jkunu tressqu diġà quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha” (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑280/14 P, EU:C:2015:792, punt 43; u d-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2019, Iceland Foods vs EUIPO, C‑162/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:686, punt 5).

( 22 ) Punt 45 tad-digrieti appellati.

( 23 ) Punt 48 tad-digrieti appellati.

( 24 ) Immedjatament wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB għandu jittrażmettiha lill-Kummissjoni, li għandha tapprovaha jew toġġezzjonaha fi żmien 24 siegħa, filwaqt li tikkunsidra l-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Jekk il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni tas-SRB ma tissodisfax il-kriterju tal-interess pubbliku jew li din tinvolvi bidla sinjifikattiva tal-ammont tal-Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni, hija tista’ tipproponi l-oġġezzjonar tagħha lill-Kunsill fi żmien 12‑il siegħa, li jiddeċiedi permezz ta’ maġġoranza sempliċi. Id-deċiżjoni tas-SRB tidħol fis-seħħ jekk fi żmien 24 siegħa ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill. Jekk ikun hemm oġġezzjonijiet mill-Kunsill dwar il-kontribuzzjoni tal-Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni, jew mill-Kummissjoni dwar aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB jista’ jemenda l-proposta tiegħu fi żmien tmien sigħat. Jekk il-Kunsill joġġezzjona għas-sottomissjoni ta’ istituzzjoni għal proċedura ta’ riżoluzzjoni minħabba li ma tissodisfax il-kriterju ta’ interess pubbliku, l-entità inkwistjoni għandha tiġi llikwidata b’mod adegwat f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, skont l-Artikolu 18(8) tar-Regolament SRM.

( 25 ) Ara l-premessa 24 tar-Regolament SRM.

( 26 ) L-Artikolu 18 tar-Regolament SRM jirrifletti, fil-biċċa l-kbira, il-kontenut tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).

( 27 ) L-aspetti sostantivi tal-evalwazzjoni ta’ falliment, flimkien ma’ xi elementi proċedurali, ġew żviluppati mil-Linji Gwida EBA/GL/2015/07 tal-Awtorità Bankarja Ewropea tas‑6 ta’ Awwissu 2015, dwar l-interpetazzjoni taċ-ċirkustanzi differenti li fihom jitqies li entità tkun qiegħda tfalli jew x’aktarx tkun ser tfalli f’konformità mal-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2014/59 (iktar ’il quddiem, il-“Linji Gwida EBA 2015 dwar il-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ”).

( 28 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM.

( 29 ) It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM.

( 30 ) Dawn l-elementi, imsemmija fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament SRM huma:

l-evalwazzjoni tal-osservanza tar-rekwiżiti sabiex tinżamm l-awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju tal-attività bankarja u tal-ġustifikazzjoni tal-irtirar tagħha mill-BĊE, inkluż, iżda mingħajr ma tkun limitata għal dan, minħabba li l-entità tkun ġarrbet, jew x’aktarx ser iġġarrab, telf li ser juża l-fondi proprji kollha tagħha jew ammont sinjifikattiv minnhom.

il-verifika li “l-assi tal-entità huma, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li l-assi tal-entità se jkunu, fil-futur qrib, inqas mill-obbligazzjonijiet tagħha”.

il-konstatazzjoni li “l-entità hija, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li dik l-entità se tkun, fil-futur qrib, f’pożizzjoni li ma tistax tħallas id-dejn tagħha jew obbligazzjonijiet oħrajn malli jsiru dovuti”.

in-neċessità ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja, b’xi eċċezzjonijiet.

( 31 ) L-Artikolu 21(2) tar-Regolament SRM jistabbilixxi modalità oħra ta’ evalwazzjoni tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, sabiex jiġu deċiżi l-amortizzazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti kapitali. Din l-evalwazzjoni tikkoinċidi ma’ dik prevista fl-Artikolu 18.

( 32 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM.

( 33 ) F’konformità mal-Artikolu 18(5) tas-SRM, “azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba ta’ objettiv ta’ riżoluzzjoni wieħed jew aktar u hija proporzjonata magħhom kif speċifikat fl-Artikolu 14 u l-istralċ tal-entità skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jilħaqx dawn l-objettivi ta’ riżoluzzjoni sal-istess punt”.

( 34 ) F’din il-kawża kien hemm biss żewġ deċiżjonijiet tas-SRB, tat‑23 ta’ Frar 2018 (SRB/EES/2018/09 u SRB/EES/2018/10), u l-ebda deċiżjoni tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill. Is-SRB qies li ma kinitx rilevanti l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni u għaldaqstant innotifika dan lill-ARN tal-Latvja u tal-Lussemburgu.

( 35 ) Il-prossimità fiż-żmien ta’ att (l-evalwazzjoni ta’ falliment) u ta’ ieħor (id-deċiżjoni tas-SRB) ma tistax twassal għal konfużjoni dwar in-natura differenti tagħhom. F’din il-kawża, l-evalwazzjonijiet ta’ falliment imwettqa mill-BĊE u d-deċiżjonijiet tas-SRB huma tal-istess ġurnata. Ara l-informazzjoni fuq https://srb.europa.eu/en/node/495.

( 36 ) Bħalma diġà ġie espost, ABLV Bank u l-azzjonisti tagħha diretti u indiretti ppreżentaw it-tnejn li huma rikorsi għall-annullament tal-atti tas-SRB quddiem il-Qorti Ġenerali. Dwar l-eżitu tagħhom, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023); u tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca (C‑414/18, EU:C:2019:1036).

( 38 ) Skont il-premessa 11 tar-Regolament SRM, fil-kuntest tas-SRM hija stabbilita “u fdata lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni stabbilit skont dan ir-Regolament [...] u lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni setgħa ċentralizzata ta’ riżoluzzjoni”.

( 39 ) Il-Linji Gwida EBA/GL/2015/07 dwar il-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fil-punti 32 sa 38 tagħhom jipprevedu konsultazzjonijiet u skambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet.

( 40 ) L-Artikolu 266 TFUE jirrifletti eżempju paradigmatiku ta’ deċiżjonijiet vinkolanti.

( 41 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95).

( 42 ) Punt 46 tad-digrieti kkontestati.

( 43 ) Digrieti appellati, punti 29 sa 32.

( 44 ) L-istqarrija għall-istampa tinsab disponibbli fuq is-sit internet tal-BĊE: https://www.bankingsupervision.europa.eu/press/pr/date/2018/html/ssm.pr180224.en.html.

( 45 ) Kontroreplika tal-BĊE, punt 19.

Top