EUR-Lex Rochtain ar dhlí an Aontais Eorpaigh

Fill ar leathanach baile EUR-Lex

Is sliocht ón suíomh gréasáin EUR-Lex atá sa doiciméad seo

Doiciméad 62019CC0526

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fid-9 ta’ Lulju 2020.
Entoma SAS vs Ministre de l’Économie et des Finances u Ministre de l'Agriculture et de l'Alimentation.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà tal-prodotti tal-ikel – Ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda – Regolament (KE) Nru 258/97 – Artikolu 1(2)(e) – Kunċett ta’ ‘ingredjenti tal-ikel iżolati mill-annimali’ – Tqegħid fis-suq – Insetti sħaħ intiżi għall-konsum mill-bniedem.
Kawża C-526/19.

Tuarascálacha cúirte - ginearálta

Aitheantóir ECLI: ECLI:EU:C:2020:552

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fid‑9 ta’ Lulju 2020 ( 1 )

Kawża C‑526/19

Entoma SAS

vs

Ministre de l’Économie et des Finances,

Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà tal-ikel — Ikel u ingredjenti tal-ikel ġodda — Regolament (KE) Nru 258/97 — Artikolu 1(2) — Ingredjenti tal-ikel iżolati mill-annimali — Insetti sħaħ intiżi għall-konsum mill-bniedem — Interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regolament”

I. Introduzzjoni

1.

L-insetti huma ikel ġdid? Matul l-istorja tal-bniedem, ċertament ma humiex. Madankollu, f’għajnejn id-dritt tal-Unjoni, it-tweġiba tidher li hija inqas ċara. Jista’ jiġi preżunt li, sal‑15 ta’ Mejju 1997, id-data rilevanti prevista mir-Regolament (KE) Nru 258/97 ( 2 ), l-insetti “ma ġewx użati għall-konsum mill-bniedem fi grad sinifikanti ġewwa l-Komunità”. Madankollu, huwa possibbli li d-dud tad-dqiq, il-ġurati u l-grilli sħaħ jaqgħu wkoll taħt it-tieni parti tad-definizzjoni ta’ ikel ġdid, li hemm domanda dwarhom f’din il-kawża, jiġifieri li huma “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem”?

2.

Fil-fehma tiegħi ma jistgħux. Madankollu hemm l-istedina espliċita maħruġa mill-Gvern Franċiż u dak Taljan li tħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja timla b’mod ġudizzjarju dak li huma jqisu bħala lakuna li tħalliet mil-leġiżlatur tal-Unjoni lura fl‑1997. Wieħed ma jistax jinjora stedina, a fortiori meta tikkonċerna tali delizzji kulinarji bħal dawk indirizzati minn din il-kawża. Madankollu, wieħed jista’, u f’din il-kawża wieħed għandu, jirrifjuta din l-istedina bil-pulit, billi jindika l-limiti ta’ dik li jista’ jkun għadha tissejjaħ “interpretazzjoni ġudizzjarja” ta’ dispożizzjoni ċara ta’ dritt sekondarju, u dik li ssir il-formulazzjoni mill-ġdid tagħha ex post.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 258/97

3.

Il-premessa 1 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda ta’ l-ikel tiddikjara li: “[…] d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ikel il-ġdid jew l-ingredjenti ġodda ta’ l-ikel jistgħu jfixklu l-moviment ħieles ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel […] [u] joħolqu l-kondizzjonijiet għall-kompetizzjoni inġusta, u b’hekk jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern”.

4.

Il-premessa 2 taqra kif ġej: “[…] sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika, huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda ta’ l-ikel ikunu soġġetti għal valutazzjoni waħda dwar is-sigurtà permezz ta’ proċedura Komunitarja qabel ma jitqiegħdu fis-suq fil-Komunità […]”.

5.

Skont il-verżjoni oriġinali ( 3 ) tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 258/97:

“1.   Dan ir-Regolament jirrigwarda t-tqegħid fis-suq fil-Komunità ta’ ikel ġdid jew l-ingredjenti ġodda ta’ l-ikel.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tqegħid fis-suq fil-Komunità ta’ ikel jew ingredjenti ta’ l-ikel li s’issa ma ġewx użati għall-konsum mill-bniedem fi grad sinifikanti ġewwa l-Komunità u li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin:

(a)

l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jkun fihom jew jikkonsistu f’organiżmi ġenetikament modifikati fit-tifsira tad-Direttiva 90/220/KEE;

(b)

l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel prodotti minn, imma li ma fihomx, organiżmi ġenetikament modifikati;

(ċ)

l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel bi struttura primarja molekulari ġdida jew modifikata intenzjonalment;

(d)

l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jikkonsistu fi, jew iżolati mill-mikro-organiżmi, il-fungi jew l-alka;

(e)

l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jikkonsistu fi, jew iżolati minn pjanti u ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem, għajr l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel miksuba mill-propagazzjoni jew il-prattiki tat-tgħammir tradizzjonali u li għandhom storja ta’ użu ta’ ikel fis-sigurtà;

(f)

l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li lilhom ġie applikat proċess tal-produzzjoni mhux użat korrentement fejn dan il-proċess joħloq bidliet sinifikanti fil-kompożizzjoni jew l-istruttura ta’ l-ikel jew l-ingredjenti ta’ l-ikel li jaffettwaw il-valur nutrizzjonali, il-metaboliżmu jew il-livell tas-sustanzi mhux mixtieqa.

3.   Fejn ikun meħtieġ, jista’ jiġi stabbilit skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 jekk tip ta’ ikel jew ta’ ingredjent ta’ l-ikel jaqax jew le skond fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu”.

6.

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 258/97:

“L-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx:

ikunu ta’ perikolu għall-konsumatur,

iqarrqu bil-konsumatur,

ikunu differenti mill-ikel jew l-ingredjenti ta’ l-ikel li posthom huma maħsuba biex jieħdu safejn u sakemm il-konsum normali tagħhom ikun nutrizzjonalment ta’ żvantaġġ għall-konsumatur”.

7.

Skont l-Artikolu 12 tal-istess regolament:

“1.   Fejn Stat Membru, bħala riżultat ta’ tagħrif ġdid jew ta’ stima mill-ġdid tat-tagħrif li diġà jeżisti, ikollu raġunijiet iddettaljati sabiex iqis illi l-użu ta’ ikel jew ta’ ingredjent ta’ l-ikel li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament jipperikola s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, dak l-Istat Membru jista’ jew jirrestrinġi temporanjament jew jissospendi l-kummerċ fl-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel fil-kwistjoni u l-użu tagħhom fit-territorju tiegħu. Għandu jgħarraf minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2.   Il-Kummissjoni għandha teżamina r-raġunijiet referiti fil-paragrafu 1 mill-aktar fis possibli fil-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel; għandha tieħu l-miżuri xierqa skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13. L-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni riferita fil-paragrafu 1 jista’ jmantniha sakemm il-miżuri jkunu daħlu fis-seħħ”.

2. Ir-Regolament 2015/2283

8.

Ir-Regolament (UE) Nru 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid ħassar ir-Regolament Nru 258/97 mill‑1 ta’ Jannar 2018.

9.

Il-premessa 6 tar-Regolament 2015/2283 taqra kif ġej:

“Id-definizzjoni eżistenti ta’ ikel ġdid fir-Regolament (KE) Nru 258/97 għandha tiġi ċċarata u aġġornata b’referenza għad-definizzjoni ġenerali ta’ ikel ipprovduta fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.”

10.

Il-premessa 8 tar-Regolament 2015/2283 tipprovdi li:

“Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu, fil-prinċipju, jibqa’ l-istess bħall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 258/97. Madankollu, abbażi ta’ żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi li seħħew mill‑1997, huwa xieraq li jiġu riveduti, iċċarati u aġġornati l-kategoriji tal-ikel li jikkostitwixxu ikel ġdid. Dawk il-kategoriji għandhom ikopru l-insetti sħaħ u l-partijiet tagħhom […]”.

11.

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament 2015/2283 jipprovdi li “[d]an ir-Regolament japplika għat-tqegħid ta’ ikel ġdid fis-suq fl-Unjoni”.

12.

Fost id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2283, “ikel ġdid” huwa ddefinit, fil-paragrafu (a), kif ġej:

“kwalunkwe ikel, li ma ntużax għall-konsum mill-bniedem fi grad sinifikanti fl-Unjoni qabel il‑15 ta’ Mejju 1997, irrispettivament mid-dati ta’ adeżjoni tal-Istati Membri għall-Unjoni u li jaqa’ mill-inqas taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin:

[…]

(v)

ikel li jikkonsisti minn, annimali jew mill-partijiet tagħhom, jew iżolat minnhom jew prodott minnhom, ħlief għal annimali miksuba bi prattiki tat-trobbija li kienu jintużaw għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il‑15 ta’ Mejju 1997, u l-ikel minn tali annimali ikollu storja ta’ użu sigur tal-ikel fl-Unjoni.

[…]”

13.

L-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2015/2283 li huwa intitolat “miżuri tranżitorji” jipprovdi li:

“Ikel li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 258/97, li jitqiegħdu fis-suq skont il-liġi sal‑1 ta’ Jannar 2018 u li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jista’ jibqa’ jitqiegħed fis-suq sakemm tittieħed deċiżjoni skont l-Artikoli 10 sa 12 jew l-Artikoli 14 sa 19 ta’ dan ir-Regolament wara li applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ ikel ġdid jew notifika ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz tiġi sottomessa sad-data speċifikata fir-regoli ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 13 jew 20 ta’ dan ir-Regolament rispettivament, iżda mhux aktar tard mit‑2 ta’ Jannar 2020”.

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

14.

Entoma (ir-“rikorrenti”) hija impriża li tikkummerċjalizza prodotti li jikkonsistu f’dud tad-dqiq, ġurati u grilli intiżi għall-konsum mill-bniedem fil-forma ta’ insetti sħaħ.

15.

Permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Jannar 2016, il-préfet de police de Paris (il-Prefett tal-Pulizija, Pariġi, Franza) issospenda t-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti u ordna l-irtirar tagħhom sakemm tinkiseb awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tagħhom, wara evalwazzjoni maħsuba li turi li ma jippreżentaw l-ebda perikolu għall-konsumatur.

16.

Ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament kontra dan id-digriet quddiem it-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva, Pariġi, Franza). Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, din tal-aħħar ċaħdet dan ir-rikors. Fit‑22 ta’ Marzu 2018, il-Cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell, Pariġi, Franza) ċaħdet l-appell ippreżentat mir-rikorrenti.

17.

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), adit b’appell fuq punti ta’ liġi, ir-rikorrenti argumentat notevolment li l-qorti tat-tieni istanza żbaljat fil-liġi fejn sostniet li l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha kienet suġġetta għar-Regolament Nru 258/97. Madankollu, l-insetti sħaħ ikkonsmati bħala tali kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar. L-insetti sħaħ jibbenefikaw mill-miżuri tranżitorji previsti skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2015/2283. Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi ddikjara li r-Regolament Nru 258/97, li kellu bħala għan is-saħħa pubblika, kien japplika wkoll għall-insetti sħaħ peress li l-konsum tagħhom huwa riskjuż daqs il-konsum ta’ ingredjenti tal-ikel iżolati mill-annimali.

18.

F’dan il-kuntest fattwali u legali, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“L-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament tas‑27 ta’ Jannar 1997 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jinkludi ikel magħmul minn annimali sħaħ intiż sabiex jiġi kkonsmat bħala tali jew dan japplika biss għal ingredjenti tal-ikel iżolati minn insetti?”

19.

L-osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mir-rikorrenti, mill-Gvern Franċiż u dak Taljan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV. Evalwazzjoni

20.

Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Filwaqt li hemm ftit dubju li l-annimali sħaħ, inklużi l-insetti, issa huma effettivament koperti mir-Regolament 2015/2283 il-ġdid (A), dan ma kienx, skont il-kliem tiegħu, il-każ fir-rigward tar-Regolament Nru 258/97 (B). Barra minn hekk, it-tkabbir bi skop tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ strument tad-dritt sekondarju kontra l-formulazzjoni ċara tiegħu, kif kien essenzjalment issuġġerit mill-Gvern Franċiż u dak Taljan, fil-fehma tiegħi, ftit li xejn għandu x’jaqsam mal-interpretazzjoni ta’ test eżistenti, iżda huwa relatat mal-kitba effettiva ta’ wieħed ġdid (C).

A.   Artikolu 3(2)(a)(v) tar-Regolament 2015/2283

21.

B’mod pjuttost mhux normali, ser nibda b’leġiżlazzjoni li ma hijiex applikabbli f’din il-kawża: ir-Regolament 2015/2283, li skont l-Artikolu 36 tiegħu daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2018, u d-definizzjoni ta’ ikel ġdid li tinsab fih.

22.

Id-definizzjoni ġdida ta’ “ikel ġdid” li tinsab fl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament 2015/2283 tistabbilixxi żewġ kriterji kumulattivi: (i) kwalunkwe ikel li ma ntużax għall-konsum mill-bniedem fi grad sinjifikattiv fl-Unjoni qabel il‑15 ta’ Mejju 1997, u (ii) li jaqa’ mill-inqas taħt waħda mill-għaxar kategoriji elenkati fl-Artikolu 3(2)(a).

23.

Minn din il-lista, in-numru (v) huwa rilevanti għal din il-kawża. Din il-kategorija tinkludi “ikel li jikkonsisti minn, annimali jew mill-partijiet tagħhom, jew iżolat minnhom jew prodott minnhom, ħlief għal annimali miksuba bi prattiki tat-trobbija li kienu jintużaw għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il‑15 ta’ Mejju 1997, u l-ikel minn tali annimali ikollu storja ta’ użu sigur tal-ikel fl-Unjoni” ( 4 ).

24.

L-insetti forsi ma humiex l-għażla ovvja għall-konsum mill-bniedem. Madankollu, dawn huma annimali (invertebrati). Id-dud tad-dqiq, il-ġurati u l-grilli sħaħ għaldaqstant huma ċarament ikel li jikkonsisti minn annimali, jew ikel prodott minnhom. Barra minn hekk, apparti ċ-ċajt dwar il-konsum (mhux) intenzjonat, l-insetti ċertament ma kinux użati għall-konsum mill-bniedem sa grad sinjifikattiv ġewwa l-Unjoni qabel il‑15 ta’ Mejju 1997. Addizzjonalment, il-premessa 8 tiddikjara b’mod espliċitu li “l-kategoriji tal-ikel li jikkostitwixxu ikel ġdid […] għandhom ikopru l-insetti sħaħ u l-partijiet tagħhom […]”.

25.

Għaldaqstant, fil-qafas tar-reġim il-ġdid, l-insetti sħaħ intiżi għall-konsum mill-bniedem huma inklużi taħt ir-Regolament 2015/2283. Ir-raġuni għalfejn dan ir-reġim, li ma kienx applikabbli f’din il-kawża, huwa msemmi l-ewwel, hija doppja.

26.

L-ewwel nett, il-Gvern Franċiż u dak Taljan essenzjalment isostnu li r-reġim il-ġdid u d-definizzjonijiet il-ġodda sempliċement jikkjarifikaw dak li diġà kien il-każ qabel skont ir-Regolament Nru 258/97. Għaldaqstant, huwa meħtieġ tqabbil bejn il-formulazzjoni tat-tnejn li huma.

27.

It-tieni nett, ir-relazzjoni bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni ratione materiae taż-żewġ regolamenti hija wkoll ta’ rilevanza temporali ulterjuri. Mill-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2015/2283 isegwi li l-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regolament il-ġdid, iżda ’l barra minn dak tar-regolament preċedenti, u li kienu legalment fis-suq qabel l-1 ta’ Jannar 2018, jistgħu jibqgħu fis-suq sat‑2 ta’ Jannar 2020, sakemm ma timmaterjalizzax xi ipoteżi oħra minn dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, jekk jiġi stabbilit li l-prodotti inkwistjoni ma kinux koperti b’mod materjali mir-regolament preċedenti iżda kienu madankollu legalment imqiegħda fis-suq f’dak iż-żmien, jirriżulta li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti tista’ tkompli b’mod provviżorju sat‑2 ta’ Jannar 2020.

B.   L-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97

28.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-annimali sħaħ, b’mod partikolari l-insetti sħaħ intiżi għall-konsum mill-bniedem, kinux diġà inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 258/97 sabiex tiddetermina jekk, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali meta r-Regolament Nru 258/97 kien għadu fis-seħħ, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni kinitx suġġetta għal awtorizzazzjoni skont ir-Regolament Nru 258/97.

29.

Skont ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-ikel magħmul minn annimali sħaħ ma kienx kopert mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97. Għaldaqstant, l-insetti sħaħ ma kinux jaqgħu taħt il-kategorija tal-ingredjenti tal-ikel iżolati mill-annimali (l-Artikolu 1(2)(e) tar-regolament) jew taħt xi kategorija oħra elenkata fl-Artikolu 1(2). Il-Gvern Franċiż u dak Taljan jikkontestaw din il-konklużjoni abbażi tal-iskema u l-iskop ġenerali tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97.

1. It-test

30.

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97 kien jinkludi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għall-ikel jew l-ingredjenti tal-ikel li għandhom jiġu kklassifikati bħala ġodda u jaqgħu taħt ir-reġim regolatorju. L-ewwel nett, il-kundizzjoni temporali: ir-Regolament Nru 258/97 kien japplika għat-tqegħid fis-suq, f’dik li dak iż-żmien kienet il-Komunità, ta’ ikel u ingredjenti tal-ikel li qabel (jiġifieri qabel l-1997) ma kinux jintużaw għall-konsum mill-bniedem sa grad sinjifikattiv fil-Komunità. It-tieni nett, kien hemm il-kundizzjoni sostantiva: l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel kienu jeħtieġu li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 1(2).

31.

L-ewwel kundizzjoni, dik temporali, ma hijiex ikkontestata mill-qorti tar-rinviju. Għalkemm il-kwistjonijiet evidenzjali assoċjati ma’ min għandu jistabbilixxi l-“grad sinjifikattiv ta’ konsum”, u kif għandu jistabbilixxih fil-Komunità, li tinkludi l-Unjoni bħala entità sħiħa, mhux Stat Membru wieħed biss jew parti minnu, mingħajr ebda dubju jkunu interessanti, dawn ma humiex is-suġġett ta’ din ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

32.

Għalhekk, billi nimxu immedjatament għall-kundizzjoni sostantiva, x’għandu jinftiehem b’“ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem”?

33.

La l-kunċett ta’ “ingredjenti” u lanqas dak ta’ “iżolati minn” ma kienu ddefiniti fir-regolament. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha ssir konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwa kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha ( 5 ).

34.

The Oxford English Dictionary jiddefinixxi ingredjenti bħala “kwalunkwe wieħed mill-ikel jew sustanzi li huma mħallta biex jagħmlu platt partikolari” u iżolat bħala “l-identifikazzjoni ta’ xi ħaġa u l-indirizzar tagħha b’mod separat jew, fil-bijoloġija kimika, il-ksib jew l-estrazzjoni (pereżempju ta’ kompost) f’forma pura” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-kunċett ta’ ingredjent kien ġie ddefinit f’miżura tal-Unjoni oħra bħala “kull sustanza jew prodott, inklużi l-aromatizzanti, l-addittivi tal-ikel u l-enżimi tal-ikel, u kull kostitwent ta’ xi ingredjent kompost, użat fil-manifattura jew fit-tħejjija ta’ xi ikel u li jkun għadu hemm fil-prodott lest, anki jekk f’forma mibdula” ( 6 ).

35.

Għaldaqstant, jista’ jiġi nnotat fi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali użati ( 7 ), li ingredjent tal-ikel huwa komponent ta’ prodott finali, ikbar u li huwa kompost. Normalment ma huwiex prodott li jiġi kkonsmat fih innifsu, iżda huwa prodott li għandu jiżdied sabiex jinħoloq ikel ieħor jew platt partikolari. Ċertament, nagħraf li fir-rigward ta’ xi sustanzi, din il-linja tista’ ma tkunx daqstant ċara. Hemm numru ta’ ingredjenti li jistgħu jittieklu bħala tali (pereżempju, l-għasel jew iz-zokkor).

36.

Madankollu, dan ma huwiex il-każ għall-annimali sħaħ. F’dan is-sens, l-annimali sħaħ ma humiex probabbli li jkunu ingredjent. Għall-inqas għall-bniedem karnivoru, dawn huma l-ikel, mhux ingredjent tal-ikel. Peress li l-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97 iddistingwa b’mod ċar bejn l-ikel (prodotti) u l-ingredjenti tal-ikel u kopra lil dawn tal-aħħar biss fir-rigward tal-annimali, għandu jiġi konkluż li l-annimali li jittieklu bħala tali, kollha kemm huma jew partijiet minnhom, ma jistgħux ikunu “ingredjent” tal-ikel skont it-tifsira tar-Regolament Nru 258/97.

37.

Sussegwentement, hemm it-terminu iżolati mill-annimali ( 8 ). Għall-kuntrarju ta’, pereżempju, “jikkonsisti minn” jew “prodott minn” ( 9 ), “iżolati minn” jirreferi għal proċess ta’ estrazzjoni mill-annimali, kemm jekk ikun l-annimal sħiħ jew il-partijiet tiegħu, u għaldaqstant ikompli jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-annimali. “Iżolati minn” jista’ jinqara b’żewġ modi: l-ewwel, bħala proċess kimiku, bijoloġiku jew mekkaniku, fejn l-essenzi, is-sottostrati, it-trab, f’dan is-sens effettivament kwalunkwe tip ta’ ingredjent, jiġu estratti mill-annimali. Dan ċertament ikun l-iktar qari naturali. It-tieni, jista’ jiġi argumentat li huwa possibbli wkoll, f’sens wiesa’ ħafna, li l-proċess ta’ iżolament minn, jinqara sempliċement bħala li jirreferi għall-estrazzjoni mekkanika ta’ ingredjent mill-ġisem ta’ annimal. F’dan is-sens tal-aħħar, “iżolati minn” forsi jista’ jfisser ukoll li jitneħħa minn annimal u għaldaqstant jirreferi effettivament għal parti distinta ta’ annimal jew organu.

38.

Madankollu, l-ebda qari possibbli ta’ “iżolati minn” ma jirreferi għall-annimal sħiħ, sakemm wieħed ma kellux joħloq tawtoloġija, fejn l-annimali sħaħ huma “iżolati minn” annimali sħaħ ( 10 ).

39.

Fl-aħħar nett, billi wieħed jikkombina l-ingredjenti individwali tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97 fi platt wieħed, l-ingredjenti tal-ikel iżolati mill-annimali, fil-qari naturali tagħhom, jirreferu għall-komponenti li ġejjin mill-annimali li huma miżjuda ma’ ikel ieħor. Fi kliem ieħor: (i) l-annimali sħaħ li jittieklu bħala tali għaldaqstant ma ġewx inklużi; (ii) il-partijiet tal-annimali li jittieklu bħala tali ma ġewx inklużi; (iii) l-annimali sħaħ użati bħala ingredjent għall-preparazzjoni ta’ platt, sa fejn dan huwa possibbli, ma ġewx inklużi; (iv) setgħu jiġu inklużi biss partijiet jew elementi speċifiċi ta’ annimali li jintużaw bħala ingredjent.

40.

Billi nimxu lil hinn mill-astratt u minflok nużaw eżempju speċifiku: xi ngħidu dwar il-konsum tar-riġlejn taż-żrinġijiet? Mill-interpretazzjoni tiegħi ta’ x’għandu jinftiehem b’“ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem” ( 11 ), il-konsum mill-bniedem tar-riġlejn taż-żrinġijiet ma jaqax taħt l-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97. Ir-riġlejn taż-żrinġijiet huma partijiet minn annimali li għandhom jittieklu bħala tali, mhux ingredjent iżolat mill-annimali. Għall-kuntrarju, trab tar-riġlejn taż-żrinġijiet ipotetiku, jew dqiq taż-żrinġijiet, kieku dawn effettivament jeżistu bħala ingredjenti iżolati miż-żrinġijiet, jistgħu effettivament ikunu koperti.

41.

Sussegwentement, l-istess għandu jkun applikabbli għall-partijiet ta’ insetti. Huwa a fortiori veru fir-rigward tal-insetti sħaħ. Ċertament, ir-Regolament Nru 258/97 seta’ potenzjalment japplika għall-ingredjenti iżolati minn insetti kieku xi darba jintużaw bħala komponenti fi prodotti oħra ( 12 ). Madankollu, fit-test tiegħu, huwa ċar li ma kienx japplika għall-insetti sħaħ li għandhom jittieklu bħala tali, bl-istess mod li ma kellu japplika għall-ebda annimal ieħor sħiħ.

2. Kuntest

42.

Għandhom jiġu nnotati żewġ elementi ta’ kuntest leġiżlattiv: is-sistema u l-loġika interna tar-Regolament Nru 258/97 (1) u, sa fejn jista’ jiġi aċċertat, il-kuntest storiku u l-intenzjoni leġiżlattiva (2). Dawn iż-żewġ punti jagħtu tweġiba għall-argumenti strutturali mressqa mill-Gvern Franċiż u minn dak Taljan, rigward il-loġika interna u l-koerenza tal-għażliet regolatorji magħmula minn dak li qabel kien il-leġiżlatur tal-Komunità (3).

1) Il-loġika interna: bidliet mikro fl-istruttura

43.

Ħarsa lejn il-kategoriji speċifiċi l-oħra tal-Artikolu 1(2) li kellhom jikkomponu l-element sostantiv tad-definizzjoni tal-ikel ġdid tiżvela ħafna. Is-sitt kategoriji oriġinali ( 13 ) kellhom denominatur komuni pjuttost ċar: l-ikel jew l-ingredjenti tal-ikel kienu qegħdin jiġu mmodifikati jew ġenetikament (punti (a) u (b)), jew fil-livell molekulari (c), jew fil-livell mikro(bijoloġiku) (d), jew kienu nħolqu minn proċess ta’ produzzjoni ġdid li ma kienx jintuża dak iż-żmien u li rriżulta f’bidliet sinjifikattivi fil-kompożizzjoni jew l-istruttura tal-ikel (f). Fi ftit kliem sempliċi, kien ċar li kienu l-bidliet mikro fl-organiżmi li kellhom jiġu finalment ikkonsmati mill-bniedem li suppost kellhom jaqgħu taħt dak l-istrument.

44.

Tali kuntest u loġika interni jikkonfermaw biss li l-qari testwali tal-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97 huwa korrett: jekk il-loġika tal-kategoriji tal-Artikolu 1(2) kellha tkopri l-bidliet mikro, ikun pjuttost sorprendenti kieku kategorija f’tali lista tkun f’daqqa waħda applikabbli għal annimali sħaħ mingħajr ma dawk jinbidlu b’xi mod f’dan il-livell mikro. Għaldaqstant, l-istruttura globali tal-Artikolu 1(2) tispjega pjuttost sew dak li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ fittex fil-punt (e), jiġifieri li jinżamm fil-mira preċiżament dak li jiddikjara dan tal-aħħar: ingredjenti tal-ikel iżolati (effettivament, f’dan is-sens, primarjament bijoloġikament jew kimikament, jew bi kwalunkwe mod ieħor li jirriżulta f’bidliet fil-livell mikrobijoloġiku) mill-annimali.

2) Il-kuntest storiku u l-intenzjoni leġiżlattiva

45.

Sa fejn huma kkonċernati l-kuntest storiku u l-intenzjoni leġiżlattiva, il-Kummissjoni ssostni li ma huwiex ċert jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni riedx speċifikament li jkunu fil-mira tiegħu l-insetti. Huwa ħafna inqas ċert jekk kienx konxju dwar ir-riskji li jista’ jinvolvi l-konsum ta’ tali prodotti. Huwa probabbli li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jirregola biss dawk il-prodotti li għalihom antiċipa t-tqegħid fis-suq fl‑1997.

46.

L-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97 tindika li l-Kummissjoni inizjalment issuġġerixxiet approċċ pjuttost komprensiv. Fl-abbozz inizjali ta’ regolament tagħha fl‑1992, il-Kummissjoni effettivament ipproponiet li tinkludi prodotti “prodotti minn, jew li jikkonsistu minn, jew li għandhom organiżmu, jew parti minn organiżmu, mingħajr ebda storja stabbilita ta’ użu fl-ikel” ( 14 ). Din id-definizzjoni tassew wiesgħa għebet mill-proposta emendata tal-Kummissjoni wara l-ewwel qari mill-Parlament Ewropew.

47.

Għaldaqstant, sa fejn tista’ tiġi stabbilita xi intenzjoni emerġenti, din hija pjuttost li d-definizzjoni oriġinali wiesgħa tnaqqset b’mod kunsiderevoli. Ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jinkludi b’mod komprensiv ikel ġdid relatat mal-annimali, ħlief għal dak li baqa’ fl-Artikolu 1(2)(e), fil-forma tas-sottokategorija limitata “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem”. Dan, b’xi mod jista’ jinftiehem, peress li fl‑1997, l-ikel ibbażat fuq l-annimali disponibbli jidher li kellu storja twila ta’ użu fl-ikel dak iż-żmien. Ma kien hemm ebda ikel ġdid ta’ dan it-tip fl-Ewropa sa fejn kien jikkonċerna l-annimali sħaħ, billi dawk tradizzjonali diġà kienu koperti minn partijiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ( 15 ).

48.

Finalment, sa fejn kienu kkonċernati l-insetti bħala ikel, jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellu ebda intenzjoni partikolari fir-rigward tagħhom. Wara kollox, għalfejn kellu jkollu intenzjoni: il-fatt li wieħed jiekol insetti sħaħ jew partijiet minnhom ma kienx effettivament fuq il-menù fl-Ewropa dak iż-żmien.

3) L-interpretazzjoni vs il-ġustifikazzjoni ta’ għażliet leġiżlattivi

49.

Minkejja l-formulazzjoni ċara u l-argumenti strutturali li għadni kif indikajt, il-Gvern Franċiż u dak Taljan jiddefendu l-fehma li l-insetti sħaħ kienu inklużi fir-Regolament Nru 258/97 abbażi tal-iskema u l-iskop ġenerali ta’ dan tal-aħħar. L-argumenti mressqa minn dawn il-gvernijiet, fir-rigward tal-istruttura tar-Regolament Nru 258/97, huma essenzjalment doppji.

50.

L-ewwel nett, fl-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97 kien hemm distinzjoni ċara dwar jekk l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel kinux ġejjin minn pjanti jew minn annimali. L-ikel li ġej mill-pjanti kien kopert b’mod komprensiv mir-Regolament Nru 258/97, b’dan tal-aħħar ikopri “l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jikkonsistu fi, jew iżolati minn pjanti”. Għaldaqstant, l-Artikolu 1(2)(e) fil-fatt inkluda (i) ikel li jikkonsisti fi pjanti, (ii) ikel iżolat minn pjanti, (iii) ingredjenti tal-ikel li jikkonsistu fi pjanti u (iv) ingredjenti tal-ikel iżolati minn pjanti ( 16 ). B’kuntrast, sa fejn kien ikkonċernat l-ikel relatat mal-annimali, l-Artikolu 1(2)(e) kopra biss sottokategorija waħda, jiġifieri ingredjenti tal-ikel li kienu iżolati mill-annimali. F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż isostni li anki jekk l-espressjonijiet użati fir-rigward tal-annimali, minn naħa waħda, u l-pjanti, min-naħa l-oħra, huma fil-fatt differenti mit-test tagħhom, dawn għandhom jinqraw bl-istess mod.

51.

It-tieni nett, hemm il-kwistjoni tal-loġika interna fil-kategorija tal-annimali nnifisha, li ssarraf fil-mistoqsija ta’ għalfejn l-ingredjenti iżolati mill-annimali biss għandhom jiġu koperti u mhux l-annimali sħaħ. F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż isostni li ma jkunx loġiku li wieħed jagħmel distinzjoni bejn l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel, peress li huma kollha eventwalment ser jittieklu mill-konsumaturi. Barra minn hekk, ma jagħmilx sens li jiġu applikati r-regoli dwar l-ikel ġdid għall-ingredjenti tal-ikel li fihom partijiet ta’ insetti, iżda li jiġu esklużi l-insetti sħaħ, skont kif isostni wkoll il-Gvern Taljan.

52.

Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż iqis li jekk wieħed isostni li l-insetti sħaħ u l-partijiet tagħhom ma kinux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 258/97, dan jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn l-impriżi li jikkummerċjalizzaw l-ikel li fih l-insetti u dawk li jikkummerċjalizzaw l-insetti sħaħ għall-konsum mill-bniedem. Peress li t-tnejn li huma jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, it-tnejn li huma għandhom ikunu suġġetti għall-istess leġiżlazzjoni.

53.

Fil-fehma tiegħi, l-argumenti mressqa mill-Gvern Franċiż taħt l-intestatura ta’ “skema ġenerali” jappartjenu għall-kategorija tal-argumenti “għalfejn mhux ukoll”, li fl-iktar livell bażiku, u fid-dinja tal-interpretazzjoni ta’ test legali, jistgħu jitwieġbu sempliċement b’“għaliex ma jgħidx hekk”. Tali argumenti jqiegħdu f’dubju l-għażliet u l-kategoriji stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni billi jissuġġerixxu li forsi kellha tkun inkluża wkoll xi ħaġa oħra. Diġà bdew jagħtu ħjiel ta’ dak li huwa essenzjalment l-argument ewlieni mressaq mill-Gvern Franċiż, li huwa żviluppat bis-sħiħ fir-rigward tal-għan u l-iskop tar-Regolament Nru 258/97: peress li l-iskop tal-miżura huwa li tiġi protetta s-saħħa pubblika, u l-Gvern jemmen li l-insetti sħaħ jistgħu wkoll jippreżentaw problemi f’termini tas-saħħa pubblika, dawn għandhom ikunu inklużi wkoll, jgħid x’jgħid it-test.

54.

Ser nindirizza dawn l-argumenti fit-taqsima li ġejja, rigward l-iskop tar-Regolament Nru 258/97, u x’jista’ jimplika għall-interpretazzjoni tal-kunċetti tiegħu. Madankollu, fil-fehma tiegħi u fi kwalunkwe każ, it-tweġiba strutturali għal dawk il-mistoqsijiet ingħatat diġà taħt il-punti (a) u (b) ta’ din it-taqsima, sal-punt li tali tweġiba fil-fatt teħtieġ li tingħata meta tkun qiegħda tiġi interpretata dispożizzjoni ċara tad-dritt sekondarju (meta l-mistoqsija li għandha tingħata tweġiba għaliha normalment tikkonċerna t-tifsira ta’ dak li jinsab fil-leġiżlazzjoni), bil-kontra ta’ meta wieħed jaffaċċja sfida dwar il-validità tagħha (meta l-leġiżlatur jista’ fil-fatt jiġi mistoqsi x’kienet il-motivazzjoni tal-għażla tiegħu ta’ (nuqqas ta’) inklużjoni ta’ xi kategoriji oħra, u għaldaqstant għandu jispjega u jiġġustifika l-loġika leġiżlattiva sottostanti).

55.

Ir-Regolament Nru 258/97 jidher li kellu fil-mira ingredjenti mill-annimali u mhux annimali sħaħ minħabba li l-intenzjoni globali tar-regolament kienet lejn il-bidliet tal-ikel fil-livell mikro u mhux makro. Inklużjoni usa’ fir-rigward tal-pjanti (sħaħ), meta mqabbla mal-annimali (sħaħ), tidher li hija l-għażla minħabba li, fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament, għalkemm il-pjanti kienu ilhom jiġu mmodifikati għal ħafna deċennji ( 17 ), l-Ewropej, kienu għadhom ma bdewx jibdlu t-tendenzi tal-konsum tagħhom fir-rigward tal-annimali. Għaldaqstant, ma kienx hemm preżumibbilment ħtieġa għal tali inklużjoni ta’ annimali sħaħ, bl-eċċezzjoni ta’ dawk diġà koperti minn punti oħra tal-Artikolu 1(2).

C.   It-test tar-Regolament Nru 258/97 “ġie interpretat mill-ġdid” fid-dawl tal-iskop (jew wieħed mill-iskopijiet) tiegħu?

56.

L-argument ewlieni mressaq mill-Gvern Franċiż, imsaħħaħ mir-riferimenti għal numru ta’ studji u rapporti pprovduti mill-aġenziji nazzjonali tiegħu, jirrelata mal-iskop protettiv tar-Regolament Nru 258/97. Dan huwa ppreżentat bil-mod li ġej. L-għan iddikjarat tar-Regolament Nru 258/97 huwa l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. B’insegwiment ta’ dan l-għan, ir-Regolament Nru 258/97 ikopri l-ingredjenti tal-ikel iżolati mill-annimali. Għaldaqstant, l-ingredjenti iżolati mill-insetti jkunu koperti bl-istess mod. Jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni għaldaqstant irrikonoxxa li partijiet ta’ insetti jistgħu jippreżentaw riskju għas-saħħa u b’hekk għandhom ikunu koperti mir-regolament, l-insetti sħaħ għandhom ikunu koperti a fortiori wkoll mir-regolament, peress li jippreżentaw l-istess riskji, jekk mhux riskji saħansitra ikbar.

57.

Skont ir-rikorrenti, l-iskop tar-regolament preċedenti biex jipproteġi s-saħħa pubblika ma għandux impatt fuq il-fatt li l-insetti sħaħ ma kinux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu. Il-formulazzjoni ta’ dan ir-regolament hija suffiċjentement ċara. Għaldaqstant ma hemm l-ebda ħtieġa li wieħed jirrikorri għal interpretazzjoni bi skop tar-Regolament Nru 258/97.

58.

Skont il-Kummissjoni, l-esklużjoni tal-insetti sħaħ kienet konformi mal-għan l-ieħor tar-Regolament Nru 258/97, jiġifieri li jikkontribwixxi għall-istabbiliment tas-suq intern. Jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jistrieħ fuq l-Artikolu 114 TFUE sabiex jipprevjeni ostakoli futuri għall-kummerċ li jirriżultaw minn diverġenzi bejn id-drittijiet nazzjonali, l-emerġenza ta’ tali ostakoli għandha tkun probabbli u l-miżura inkwistjoni għandha timmira li tevitahom.

59.

Dak li l-Gvern Franċiż, b’appoġġ mill-Gvern Taljan, qiegħed effettivament jipproponi huwa espansjoni teleoloġika tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 258/97. Xi ħaġa li ma kinitx inkluża qabel, issa għandha tkun inkluża peress li tippreżenta l-istess tip ta’ perikolu.

60.

Fil-fatt, fl-arsenal ġudizzjarju, teżisti teknika interpretattiva msejħa tnaqqis teleoloġiku: xi ħaġa, li fl-interpretazzjoni normali tal-kunċetti użati fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, mal-ewwel daqqa ta’ għajn hija inkluża, finalment tkun eskluża b’mod ġudizzjarju peress li, fid-dawl tal-iskop u l-għan tal-leġiżlazzjoni, ma kellhiex tiġi inkluża mill-bidu nett. Din sempliċement ġiet inkluża minħabba li l-leġiżlaturi normalment jużaw kunċetti wiesgħa u miftuħa. Għaldaqstant jista’ jiġri li l-applikazzjoni tagħhom mingħajr tnaqqis teleoloġiku tkun indebitament wiesgħa żżejjed.

61.

Madankollu, il-fatt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-iskop iddikjarat ta’ miżura leġiżlattiva, jew inkella bħalma l-Kummissjoni tindika b’mod korrett wieħed minnhom biss, u fuq il-bażi tiegħu, fis-silenzju jew anki kontra l-formulazzjoni ċara ta’ dan l-istrument, jibdew jiddaħħlu kategoriji ġodda li ma kinux previsti minn qabel minn din il-leġiżlazzjoni, jista’ fil-fatt jissejjaħ “espansjoni teleoloġika tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae” ta’ strument leġiżlattiv. Minbarra dan l-ewfemiżmu, madankollu, din hija magħrufa iktar komunement b’isem differenti: il-leġiżlar.

62.

Fil-fatt ikun aġir pjuttost ipokrita li issa jingħata tort lill-Gvern Franċiż talli ma osservax dan il-limitu fis-sottomissjonijiet tiegħu. Huwa ġust li wieħed jammetti li r-rekord tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-osservazzjoni ta’ dan il-limitu tal-funzjoni ġudizzjarja fil-passat żgur li ma kienx impekkabbli. F’dak li jsegwi, wara li ġie indirizzat l-argument li r-Regolament 2015/2283 huwa sempliċi kjarifika ta’ dak li kien dejjem inkluż fir-Regolament Nru 258/97 (1), ser nipprova nikkonvinċi lill-Qorti tal-Ġustizzja, għal darba oħra, biex ma tkunx involuta f’tali tipi ta’ aġġustamenti interpretattivi mill-ġdid ex post, jew inkella fir-riformulazzjoni ta’ dik li hija bi kwalunkwe mod ieħor, dispożizzjoni ċara tad-dritt sekondarju (2).

1. Ir-Regolament 2015/2283: emenda jew kodifikazzjoni?

63.

Il-Gvern Franċiż jissuġġerixxi li r-Regolament Nru 258/97 jiġi interpretat fid-dawl tar-Regolament 2015/2283 sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel regolament. Huwa jqis li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/2283 ma kienx intiż li jkun usa’ minn dak tar-Regolament Nru 258/97. Ir-regolament il-ġdid iċċara biss dan il-kamp ta’ applikazzjoni minħabba l-evoluzzjoni xjentifika u teknoloġika wara l-1997. Il-fatt li l-insetti sħaħ u l-partijiet tagħhom issa huma espliċitament inklużi fir-regoli l-ġodda ma jfissirx li dan ma kienx diġà l-każ fir-regoli preċedenti.

64.

Insostenn ta’ din il-linja, il-Gvern Franċiż jistrieħ fuq il-premessi 6 u 8 tar-Regolament 2015/2283. Il-premessa 6 tiddikjara li, “[i]d-definizzjoni eżistenti ta’ ikel ġdid fir-Regolament (KE) Nru 258/97 għandha tiġi ċċarata u aġġornata” ( 18 ). Fil-premessa 8, “[i]l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu, fil-prinċipju, jibqa’ l-istess bħall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 258/97. Madankollu, abbażi ta’ żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi li seħħew mill‑1997, huwa xieraq li jiġu riveduti, iċċarati u aġġornati l-kategoriji tal-ikel li jikkostitwixxu ikel ġdid. Dawk il-kategoriji għandhom ikopru l-insetti sħaħ u l-partijiet tagħhom […]” ( 19 ).

65.

Bil-kontra, dawn iż-żewġ premessi huma interpretati b’mod differenti mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-insetti sħaħ issa jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/2283 mhux neċessarjament jinvolvi l-fatt li kienu wkoll jaqgħu fih skont ir-regoli preċedenti. L-inklużjoni tal-insetti sħaħ ma hijiex sempliċi kjarifika, iżda żieda mad-definizzjoni preċedenti ta’ ikel ġdid.

66.

Fid-dawl tal-formulazzjoni ċara taż-żewġ dispożizzjonijiet, diskussi fid-dettall fit-taqsimiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, insib li l-argument tal-Gvern Franċiż huwa kompletament insostenibbli. L-ewwel nett, huwa biżżejjed li jiġu sempliċement imqabbla l-formulazzjonijiet taż-żewġ kundizzjonijiet fir-regolamenti rispettivi: “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem”, minn naħa waħda, u “ikel li jikkonsisti minn, annimali jew mill-partijiet tagħhom, jew iżolat minnhom jew prodott minnhom”, min-naħa l-oħra. It-tieni nett, fil-livell tal-premessi kkwotati, il-Gvern Franċiż jidher li qiegħed jiffoka biss fuq il-kelma “[ċ]ċarati” filwaqt li jħalli barra l-kliem “aġġornati” u “riveduti” li huma wkoll preżenti u artikolati b’mod ċar.

67.

It-tielet nett, fil-livell strutturali, l-eżistenza nnifisha ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2015/2283 turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien konxju ferm li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regolament huwa ġeneralment ħafna usa’ minn dak tal-predeċessur tiegħu tal‑1997. Dan huwa wkoll għalfejn kien hemm il-ħtieġa li jiġi previst perijodu tranżitorju sabiex jiġu akkomodati dawk il-prodotti li kienu mqiegħda fis-suq legalment fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2015/2283 iżda li ma kinux koperti mir-Regolament Nru 258/97. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2015/2283 kien effettivament intiż għall-insetti sħaħ sabiex jiżgura li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jibqgħu jiċċirkulaw b’mod liberu, għalkemm għal perijodu limitat ta’ żmien, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2015/2283.

68.

Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni li tikkonċerna l-ikel mill-annimali li tinsab fl-Artikolu 3(2)(a)(v) tar-Regolament 2015/2283, meta mqabbel mal-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97, huwa ċarament emenda, li tespandi b’mod kunsiderevoli l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni.

2. Interpretazzjoni (mill-ġdid) dinamika tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 258/97 permezz tal-iskop tiegħu (f’kuntest soċjali mibdul)?

69.

Fl-aħħar nett, jibqa’ l-argument tal-ħtieġa għal “aġġornament ġudizzjarju” ta’ dak li ntqal li huwa parti skaduta tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Anki kieku wieħed kellu jaqbel li dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda lakuna peress li l-insetti ma kinux, fil-verità, à la carte fl‑1997, jidher li kien hemm lakuna fl‑2016, meta l-préfet de police de Paris (il-Prefett tal-Pulizija, Pariġi) ordna lil Entoma biex tirtirahom mis-suq. Għaldaqstant għandu ma jkunx possibbli li wieħed jirrikorri għal “interpretazzjoni dinamika” tal-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97 sabiex jikkonkludi li l-annimali sħaħ waqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-aħħar regolament bħala konsegwenza tal-evoluzzjoni sussegwenti relatata mat-tendenzi tal-ikel u l-iżvilupp ta’ riskji ġodda marbuta magħhom?

70.

Fil-fatt, l-interpretazzjoni ta’ kunċetti legali (indeterminati) qatt ma għandha tkun statika. Għandha tirreaġixxi għall-evoluzzjoni tas-soċjetà, kemm teknika kif ukoll soċjali ( 20 ). Il-kategoriji morali jevolvu maż-żmien ( 21 ). L-istess jgħodd għad-definizzjonijiet tekniċi, bħal dawk tal-“ikel” pereżempju. L-interpretazzjoni ta’ tali kunċetti ma tistax tiġi ffriżata fiż-żmien.

71.

Minkejja dan, hemm limiti għal tali dinamiżmu fil-liġi jekk ikun qiegħed jitwettaq minn qorti. Jistgħu jissemmew tlieta ġenerali, li huma applikabbli b’mod trasversali, kif ukoll wieħed addizzjonali, li huwa ta’ rilevanza partikolari fl-oqsma tekniċi ħafna.

72.

L-ewwel u qabel kollox, it-test innifsu huwa l-limitu. L-interpretazzjoni dinamika proposta għandha tkun kompatibbli mat-tifsira naturali tal-kliem, effettivament interpretat fil-kuntest li jevolvi tiegħu. Għaldaqstant, fil-każ ftit probabbli li test mill‑1850 kellu jirreferi għal “responsabbiltà għall-vetturi”, jekk jiġi interpretat illum, tali responsabbiltà tinkludi karozza (bil-magna), kif ukoll karozza elettrika. Kieku t-test kellu jirreferi għal “responsabbiltà għal kowċis”, li wieħed jipprova jdaħħal karozza (bil-magna) f’dan il-kunċett jista’ xorta waħda jkun possibbli taħt ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, jekk it-test kellu jaqra “responsabbiltà għal vaguni żgħar b’żewġ roti għall-kiri pubbliku misjuqa minn żiemel wieħed”, l-inklużjoni ta’ karozza (bil-magna) f’dan il-kunċett sempliċement ma jkunx iktar possibbli.

73.

Għaldaqstant jgħodd dak li jista’ jiġi akkomodat b’mod plawżibbli f’test partikolari, fi ħdan l-ambigwità semantika konċepibbli b’mod raġonevoli tiegħu, li għandu jifforma l-limitu naturali għal kwalunkwe espansjoni ġudizzjarja. F’dan il-każ, l-annimali sħaħ li għandhom jiġu kkonsmati bħala tali għaldaqstant ma jistgħux sempliċement jaqgħu taħt “ingredjenti tal-ikel iżolati mill-annimali”. Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-inqas fir-rigward tal-limiti tal-interpretazzjoni konformi applikabbli għall-qrati nazzjonali ( 22 ), li din l-interpretazzjoni ma tistax tkun contra legem ( 23 ).

74.

It-tieni nett, hemm l-importanza ta’ ċertezza legali u prevedibbiltà tal-liġi, b’mod partikolari għall-individwi, li għandhom ikunu jistgħu jipprevedu, mill-inqas sa ċertu punt, x’inhu r-reġim legali applikabbli u jadattaw l-aġir tagħhom b’mod xieraq ( 24 ). Permezz tat-tluq mhux mistenni u għaldaqstant mhux prevedibbli mit-tifsira naturali tal-kliem, in-navigazzjoni ta’ kwalunkwe sistema legali tkun daqslikieku wieħed ikun miexi fuq ramel li jinżel bik meta timxi fuqu. In-nuqqas ta’ stabbiltà legali fl-interpretazzjoni trawwem ċiniżmu fir-regoli u nuqqas ta’ osservanza tal-liġi: għalfejn wieħed għandu jimportah mil-liġi jekk xi ħaġa x’aktarx li tkun tfisser xi ħaġa differenti minn jum għall-ieħor?

75.

L-istess limiti huma applikabbli a fortiori meta l-miżura tal-Unjoni inkwistjoni timponi obbligi jew sanzjonijiet ( 25 ). Filwaqt li din il-kawża ma tikkonċernax sanzjonijiet, din tirrigwarda l-istabbiliment ta’ obbligi għall-operaturi tas-suq, li, fi kwalunkwe kostruzzjoni normali tar-regoli preċedentement applikabbli, ma kienx ikollhom.

76.

It-tielet nett, l-argument li jikkonċerna s-separazzjoni tas-setgħat fl-Unjoni fil-livell orizzontali, iktar frekwentement imsejjaħ bħala l-bilanċ istituzzjonali, jista’ forsi jerġa’, fid-dawl tal-prattika ta’ applikazzjoni effettiva tiegħu, ma jkunx l-iktar wieħed b’saħħtu. Madankollu, fil-kuntest legali tal-Unjoni, l-istess limiti għall-interpretazzjoni għandhom ukoll implikazzjonijiet vertikali jew djagonali: it-tkabbir interpretattiv tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura tal-Unjoni normalment ikollu bħala konsegwenza effett fuq id-distribuzzjoni tas-setgħat bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fuq dik il-kwistjoni partikolari.

77.

Fir-rigward ta’ dan l-aspett, din il-kawża hija interessanti. Ir-rwoli tradizzjonali jidhru li huma pjuttost invertiti. Il-Gvern Franċiż u dak Taljan ma humiex, fil-fatt, qegħdin ifittxu li jerġgħu jitolbu lura territorju regolatorju li fuq il-kostruzzjoni xierqa tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura tal-Unjoni kellu jappartjeni lill-Istati Membri. Huma għandhom l-għan li jiksbu l-oppost.

78.

Madankollu, kieku tinżamm l-interpretazzjoni naturali tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 258/97 proposta fit-taqsimiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ifisser li qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2015/2283, l-Istati Membri kienu dejjem liberi li jirregolaw, jekk jixtiequ, it-tqegħid fis-suq tagħhom ta’ insetti sħaħ. Din il-kwistjoni sempliċement ma kinitx koperta mir-Regolament Nru 258/97. Kif indikat ġustament il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ annimali sħaħ, fil-prattika fisser li l-Istati Membri żammew il-kompetenza li jadottaw regoli dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ikel relatat mal-annimali li ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament.

79.

Huwa f’dan il-kuntest li l-argument ġenerali tal-Gvern Franċiż jinsab pjuttost skomdu. Ma jidhirx li Franza kienet tadotta tali regoli nazzjonali taħt il-kompetenza miżmuma tagħha f’dan ir-rigward, jew, kieku kellha dubju, taħt l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 258/97. Barra minn hekk, ma hemm riferiment imkien fil-fajl tal-kawża li dan l-Istat Membru, jekk kien jemmen li l-insetti sħaħ kienu fil-fatt koperti mir-Regolament Nru 258/97, minkejja l-formulazzjoni tiegħu, talab li tiġi ddeterminata l-kwistjoni bħala kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament skont il-mekkaniżmi previsti b’mod espliċitu fir-regolament (Artikolu 1(3) flimkien mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 258/97).

80.

Dan ma jfissirx li, fuq il-merti, l-argumenti sostantivi mressqa mill-Gvern Franċiż dwar il-perikoli assoċjati mal-konsum mill-bniedem ta’ insetti sħaħ jistgħu ma jkunux korretti. Anzi, dan huwa sempliċement biex jiġi indikat li, kieku wieħed xtaq jibdel dawk il-kunsiderazzjonijiet f’regoli vinkolanti li għandhom josservaw l-operaturi tas-suq, mogħdijiet proċedurali oħra setgħu jkunu iktar xierqa milli l-għan li jiġi estiż ex post facto l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura tal-Unjoni għal kwistjonijiet li ċarament ma kinitx applikabbli għalihom.

81.

Ir-raba’ u l-aħħar nett, hemm l-argument li jħeġġeġ attenzjoni ġudizzjarja f’oqsma speċifiċi tal-liġi, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw kwistjonijiet tekniċi ħafna, li l-qrati għandhom ftit kompetenza dwarhom. F’oqsma bħal dawn, it-tielet argument ġenerali dwar is-separazzjoni tas-setgħat u l-leġittimità demokratika segwenti ( 26 ), jilħaq dimensjonijiet addizzjonali f’termini ta’ għarfien u kompetenza.

82.

F’dawn il-proċeduri leġiżlattivi, bħala parti mill-proċess politiku u deliberattiv, kemm l-opinjonijiet pubbliċi kif ukoll dawk esperti jinstemgħu u bit-tama li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fehmiet tagħhom. Bil-kontra, il-qrati, b’mod partikolari dawk li ma jiġbru l-ebda opinjoni esperta jew ma jisimgħux xhieda esperta, huma sempliċement mhux mgħammra biżżejjed għal deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet tekniċi bħal dawn, b’mod partikolari fejn hemm ftit li xejn għarfien jew kunsens xjentifiku ( 27 ). Ir-rwol tagħhom f’tali oqsma għaldaqstant għandu jibqa’ wieħed minimalist, billi jiffoka essenzjalment fuq żewġ elementi: il-verifika tal-eżistenza ta’ flessibbiltà, salvagwardji, u mogħdijiet għall-adattament u l-prekawzjoni kontinwi integrati fl-istrument inkwistjoni, jiġifieri, id-dimensjoni proċedurali tal-immaniġġjar tar-riskju u l-inċertezza, minn naħa waħda, b’intervent sostantiv limitat biss f’każijiet eċċezzjonali ta’ nuqqas ta’ rispons leġiżlattiv għal ċirkustanzi tekniċi u soċjali mibdula b’mod radikali, min-naħa l-oħra ( 28 ).

83.

Madankollu, fiż-żewġ każijiet, jekk leġiżlazzjoni bħal din tinstab li għandha xi nuqqasijiet, l-iktar reazzjoni ġudizzjarja xierqa f’tali kuntest tkun li tiġi annullata l-miżura kkontestata jew il-partijiet li jistgħu jinqatgħu tagħha, u b’hekk il-leġiżlatur (tal-Unjoni) ikun imġiegħel jerġa’ jwettaq riflessjoni. Huwa biss rarament li tkun idea tajba għal qorti, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja, li tibda ddaħħal “b’mod interpretattiv” kategoriji ġodda li jeħtieġu evalwazzjoni teknika jew xjentifika avvanzata u għarfien tas-suġġett.

84.

Finalment, mingħajr ma dawn l-elementi jiġu effettivament imqajma b’mod espliċitu, peress li tali kwistjonijiet fil-fatt ikunu jirrigwardaw il-validità ta’ miżura, huwa biżżejjed li nsemmi li, minn naħa waħda, kif indikat fil-punti preċedenti ta’ din it-taqsima, ir-Regolament Nru 258/97 kellu klawżoli u proċeduri ta’ salvagwardja u ta’ stħarriġ, li apparentament ma ntużawx. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien effettivament risponsiv għall-bidla soċjali u xjentifika, sa fejn huwa kkonċernat l-ikel ġdid li jikkonsisti mill-annimali, bħalma turi pjuttost ċarament l-adozzjoni ta’ regolament ġdid, ir-Regolament 2015/2283. Ir-regolament tal-aħħar madankollu ma għandux jingħata applikazzjoni retroattiva de facto minħabba l-“interpretazzjoni ġudizzjarja” dubjuża tal-predeċessur tiegħu.

V. Konklużjoni

85.

Nirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej id-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza):

L-annimali sħaħ li għandhom jiġu kkonsmati bħala tali, inklużi l-insetti sħaħ, ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda ta’ l-ikel.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 18, p. 244, rettifika fil-ĠU 2012, L 68, p. 42).

( 3 ) Kif adottat fl‑1997 u ppubblikat fil-ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 18, p. 244. Madankollu, b’emendi suċċessivi magħmula lir-regolament, il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 tħallew barra. Il-kontenut tagħhom kien ġie effettivament issostitwit b’miżuri oħra tad-dritt sekondarju.

( 4 ) Enfasi miżjuda minni.

( 5 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2016, Davitas (C‑488/14, EU:C:2016:839, punt 26), u tas‑26 ta’ Ottubru 2017, The English Bridge Union (C‑90/16, EU:C:2017:814, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40 u fil-ĠU 2016, L 266, p. 7). Innota, madankollu, li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 258/97, mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu eskluda b’mod speċifiku l-aromatizzanti, l-addittivi tal-ikel u s-solventi tal-estrazzjoni.

( 7 ) Pereżempju, bil-Franċiż, “ingrédients alimentaires”; bil-Ġermaniż, “Lebensmittelzutaten”; bit-Taljan, “ingredienti alimentari”; bl-Ispanjol, “ingredientes alimentarios”; bil-Pollakk, “składniki żywności”; biċ-Ċek, “složky potravin”; bl-Olandiż, “voedselingrediënten”.

( 8 ) Pereżempju, bil-Franċiż, “isolés à partir d‘animaux”; bil-Ġermaniż, “aus Tieren isolierte”; bit-Taljan, “isolati a partire da animali”; bl-Ispanjol, “obtenidos a partir de animales”; bil-Pollakk, “pochodzące od zwierząt”; biċ-Ċek, “izolované z živočichů”; bl-Olandiż, “uit dieren zijn geïsoleerd”.

( 9 ) Il-kunċetti użati bħalissa fir-Regolament 2015/2283 (ara iktar ’il fuq, punti 12 u 23).

( 10 ) Filwaqt li tittieħed nota dovuta tal-kjarifika fattwali sottomessa mill-Gvern Franċiż li l-insetti kollha mibjugħa fis-suq Franċiż għall-konsum mill-bniedem kienu jkunu ġew ittrattati b’xi mod jew ieħor għall-konservazzjoni u t-trasport tagħhom fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni. Għaldaqstant dawn ma jibqgħux sħaħ f’sens tekniku meta jinbiegħu, bħall-gajdri jew il-bajd, għaliex dawn ikunu nieqsa mill-inqas mill-ilma. Minkejja li dan l-argument teknikament huwa veru, xorta jidhirli li ġurat sħiħ niexef jibqa’ ġurat, anki jekk jinbiegħ bħala ċipps gourmet.

( 11 ) Inħallu barra, għal darba oħra, il-kwistjoni ta’ jekk fl‑1997, ir-riġlejn taż-żrinġijiet kinux jintużaw għall-konsum mill-bniedem fi grad sinjifikattiv fil-Komunità. Il-konsum ċertament ma kienx negliġibbli fi Franza. Fir-rigward tal-Unjoni sħiħa, din tista’ tkun storja oħra.

( 12 ) Filwaqt li nirrikonoxxi li ma hemmx wisq eżempji li wieħed jaħseb fihom mill-ewwel taħt din l-intestatura, jiġifieri jekk wieħed jinjora s-suq tal-pozjonijiet maġiċi (wara Harry Potter, li bla ebda dubju qiegħed jiffjorixxi).

( 13 ) Riprodott iktar ’il fuq fil-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) It-tieni inċiż tal-Anness I tal-abbozz ta’ regolament (COM/92/295FINAL - SYN 426 (ĠU 1992, C 190, p. 3)).

( 15 ) Ikel jew ingredjenti tal-ikel “tradizzjonali” li jikkonsistu minn partijiet ta’ annimali jew li huma iżolati minnhom normalment ikunu huma nfushom irregolati, fost partijiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9, u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5).

( 16 ) Naturalment, għal darba oħra bil-kundizzjoni li ma kinux “l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel miksuba mill-propagazzjoni jew il-prattiki tat-tgħammir tradizzjonali u li għandhom storja ta’ użu ta’ ikel fis-sigurtà”.

( 17 ) Bħalma huwa rrikonoxxut ukoll b’mod espliċitu permezz tal-kontroriferiment magħmul fil-premessa 4 tar-Regolament Nru 258/97 għall-varjetajiet tal-pjanti ġodda u l-varjetajiet ta’ speċijiet tal-pjanti agrikoli.

( 18 ) Enfasi miżjuda minni.

( 19 ) Enfasi miżjuda minni.

( 20 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Confédération paysanne et (C‑528/16, EU:C:2018:20, punt 100 et seq.).

( 21 ) Ara reċentement, pereżempju, għall-kunċett ta’ “moralità pubblika”, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Constantin Film Produktion vs EUIPO (C‑240/18 P, EU:C:2020:118, punt 39).

( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 100), jew tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 39).

( 23 ) Iżda ara, pereżempju, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑220/15, EU:C:2016:815, punti 33 sa 48) b’kuntrast mal-konklużjonijiet tiegħi f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑220/15, EU:C:2016:534, punti 23 sa 50).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenzi tat‑18 ta’ Frar 1982, Zuckerfabrik Franken (77/81, EU:C:1982:70, punt 23); tad‑19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 60); u tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales France (C‑584/15, EU:C:2017:160, punt 55). Ara wkoll, fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Davitas (C‑448/14, EU:C:2016:39, punt 32).

( 25 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punti 8081); tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 51 sa 57) u tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punti 4649).

( 26 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet reċenti tal-Avukat Ġenerali Hogan f’L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:352, punt 42).

( 27 ) Għar-rikonoxximent realist u għaqli tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju f’tali kwistjonijiet, ara d-digriet tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) tat‑23 ta’ Ottubru 2018, fil-Kawża Nru 1 BvR 2523/13 (ECLI:DE:BVerfG:2018:rs20181023.1bvr252313).

( 28 ) Fid-dettall, il-konklużjonijiet tiegħi f’Confédération paysanne et (C‑528/16, EU:C:2018:20, punti 139 sa 141), jew il-konklużjonijiet tiegħi f’Lidl (C‑134/15, EU:C:2016:169, punt 90).

Barr