Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0445

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2020.
    Viasat Broadcasting UK Ltd vs TV2/Danmark A/S u Ir-Renju tad-Danimarka.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Østre Landsret.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Kumpannija pubblika tax-xandir – Artikolu 106(2) TFUE – Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali – Għajnuna kompatibbli mas-Suq Intern – Artikolu 108(3) TFUE – Notifika – Assenza – Obbligu, għall-benefiċjarja, li tħallas l-interessi marbutin mal-perijodu tal-illegalità ta’ din l-għajnuna – Kalkolu tal-interessi – Ammonti li għandhom jitqiesu.
    Kawża C-445/19.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:644

     KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fit‑3 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

    Kawża C‑445/19

    Viasat Broadcasting UK Ltd

    vs

    TV2/Danmark A/S,

    Ir-Renju tad-Danimarka

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka))

    “Talba għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Xandara tas-servizz pubbliku – Artikolu 106(2) TFUE – Servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Konsegwenzi ġuridiċi – Artikolu 108(3) TFUE – Assenza ta’ notifika – Obbligu li jitħallsu interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità – Vantaġġ kompetittiv permezz ta’ implimentazzjoni illegali ta’ għajnuna – Ammonti li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tal-interessi”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna għal darba oħra l-finanzjament tax-xandir pubbliku fid-Danimarka permezz ta’ sussidji pubbliċi, li diġà kien is-suġġett ta’ diversi deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni. Skont dawn id-deċiżjonijiet, li għandhom l-awtorità ta’ res judicata, il-miżuri ta’ finanzjament tal-Istat favur TV2/Danmark A/S (iktar ’il quddiem “TV 2”) huma għajnuna kompatibbli mas-suq intern ( 2 ).

    2.

    Madankollu, dawn ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni tagħhom. Il-kawża prinċipali issa tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, minħabba dan il-fatt, il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna formalment illegali jeħtieġx li jħallas interessi lid-Danimarka għall-perijodu sal-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni żviluppat il-kunċett ta’ interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità ( 3 ).

    3.

    L-obbligu li jitħallsu interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità huwa, bħala prinċipju, irrikonoxxut ukoll f’każijiet fejn l-għajnuna, peress li hija kompatibbli mas-suq intern, ma jeħtieġx li tiġi mħallsa lura ( 4 ). Madankollu, f’din il-proċedura, TV 2 u d-Danimarka, bl-appoġġ tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Awstrija, isostnu li l-għajnuna inkwistjoni tikkostitwixxi kumpens għal servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, li jkun jeħtieġ ukoll li jkollu effett fuq l-obbligu li jitħallsu interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    4.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ( 5 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2015/1589”) jinkludi fl-Artikolu 16 ( 6 ) tiegħu r-regoli dwar l-irkupru tal-għajnuna. It-tieni paragrafu tiegħu jaqra kif ġej:

    “L-għajnuna li tkun rkuprataskont deċiżjoni għall-irkupru għandha tinkludi l-imgħax b’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax huwa pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna kontra l-liġi kienet disponibbli għall-benefiċjarju sad-data li fiha tiġi rkuprata.”

    III. Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

    5.

    Il-finanzjament tax-xandar pubbliku Daniż TV 2 matul is-snin 1995 sal‑2002 permezz ta’ għajnuna mill-Istat kien is-suġġett ta’ diversi proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.

    6.

    Matul il-perijodu inkwistjoni, TV 2 irċeviet, minbarra l-ħlas tal-liċenzji, dħul mill-bejgħ ta’ ħin għar-reklamar fuq it-televiżjoni. Għal xi żmien dan id-dħul kien ġie ġġenerat mill-kumpannija indipendenti tal-Istat TV 2 Reklame A/S u parti minn dawn il-profitti ġew ittrasferiti lil TV 2 permezz ta’ fond filwaqt li l-parti l-oħra tħallset direttament lil TV 2.

    7.

    Ix-xandar TV 2 huwa kompost minn disa’ impriżi indipendenti: tmien stazzjonijiet reġjonali u impriża attiva nazzjonalment. Matul il-perijodu inkwistjoni, TV 2 kienet legalment obbligata li tipproduċi programmi tat-televiżjoni nazzjonali u reġjonali u xxandarhom fuq l-istazzjonijiet nazzjonali kif ukoll reġjonali.

    8.

    L-istazzjonijiet reġjonali ma kinux jiġġeneraw huma stess id-dħul, iżda kienu ffinanzjati minn TV 2. Dan l-obbligu kien impost ukoll mil-liġi fuq TV 2.

    9.

    Id-Danimarka ma nnotifikatx il-finanzjament permezz tal-ħlas tal-liċenzji u d-dħul mir-riklami lill-Kummissjoni. Wara li l-Qorti Ġenerali ħassret l-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑2004 ( 7 ), il-Kummissjoni ddeċidiet, wara eżami mill-ġdid fl‑2011 ( 8 ) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni TV 2 II”), li l-miżuri ta’ finanzjament ta’ TV 2 għas-snin 1995 sa 2002 kienu għajnuna li ġiet implimentata illegalment bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, iżda kienet kompatibbli mas-suq intern fl-ammont totali tagħha skont l-Artikolu 106(2) TFUE. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata b’mod definittiv mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 9 ).

    10.

    Bl-użu tal-assenza ta’ notifika tal-għajnuna inkwistjoni bħala l-bażi tal-argument, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Viasat Broadcasting UK Ltd (iktar ’il quddiem “Viasat”), issa titlob li jiġi stabbilit li TV 2 hija obbligata tħallas interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità fl-ammont ta’ 1746300000 krona Daniża (DKK) (madwar EUR 234623606) għall-perijodu ta’ bejn il-ħlas tal-għajnuna u d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni fl‑2011 dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

    11.

    Il-bażi ta’ kalkolu ta’ dawn l-interessi pagabbli hija s-somma tal-miżuri ta’ finanzjament ikklassifikati bħala għajnuna, inklużi għalhekk l-ammonti rċevuti minn TV 2 bħala dħul mir-reklamar u l-ammonti li TV 2 ittrasferixxiet lill-istazzjonijiet reġjonali tagħha.

    12.

    TV 2 tiddefendi ruħha kontra din it-talba. Hija tqis li, f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn għajnuna mhux innotifikata tingħata bħala kumpens għal servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE u għalhekk ma jeħtieġx li tiġi mħallsa lura, ma għandhom jiġu imposti l-ebda interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità. Hija tiġġustifika dan essenzjalment peress li f’tali każijiet, l-Artikolu 106(2) TFUE jipprekludi l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ notifika u ta’ Standstill previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, għalkemm fi kwalunkwe każ, l-obbligu ta’ interessi huwa marbuta mal-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu reali. Iżda dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.

    IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    13.

    Permezz ta’ digriet tad‑29 ta’ Mejju 2019, li wasal il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Ġunju 2019, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari li ġejjin:

    “1.

    L-obbligu ta’ qorti nazzjonali li tikkundanna lil benefiċċjarja ta’ għajnuna għall-ħlas tal-interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità (ara s-sentenza CELF) japplika wkoll f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih l-għajnuna illegali mill-Istat kienet tikkostitwixxi kumpens għal servizz pubbliku li sussegwentement ġiet irrikonoxxuta bħala kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 106(2) TFUE, u l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet ibbażata fuq evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża kollha ta’ servizz pubbliku, inkluża l-kapitalizzazzjoni tagħha?

    2.

    L-obbligu ta’ qorti nazzjonali li tikkundanna lil benefiċċjarja ta’ għajnuna għall-ħlas tal-interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità (ara s-sentenza CELF) japplika wkoll għall-ammonti li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ġew ittrasferiti mill-benefiċċjara tal-għajnuna lil impriżi terzi li huma marbuta miegħu, b’mod konformi ma’ obbligu tad-dritt pubbliku, u li, b’deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li saret definittiva, ġew meqjusa bħala li jiffavorixxu lil din il-benefiċċjarja fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?

    3.

    L-obbligu ta’ qorti nazzjonali li tikkundanna lil benefiċċjarja ta’ għajnuna għall-ħlas tal-interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità (ara s-sentenza CELF) japplika wkoll għal għanuna mill-Istat li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tħallset lill-benefiċċjarja tagħha minn impriża kkontrollata mill-Istat meta parti minn dawn il-mezzji kienu joriġinaw mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi tal-benefiċċjarja?”

    14.

    Matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Viasat, TV 2, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u wieġbu bil-miktub għal mistoqsijiet oħra magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    V. Evalwazzjoni ġuridika

    15.

    Il-qorti tar-rinviju tagħmel tliet domandi fejn tixtieq issir taf dwar jekk, u, jekk fl-affermattiv, sa fejn, TV 2 teħtieġ li tħallas l-interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità fuq l-ammonti rċevuti minħabba l-assenza ta’ notifika tal-għajnuna għall-perijodu mill-implimentazzjoni tal-għajnuna sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni fl‑2011.

    16.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddeterminat fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari, jekk l-obbligu li jitħallsu l-interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità, li l-punt tat-tluq tiegħu huwa l-assenza ta’ notifika tal-għajnuna li tmur kontra t-Trattat (ara punt A.), japplikax ukoll għall-għajnuna mogħtija mingħajr notifika minn qabel, iżda skont l-Artikolu 106(2) TFUE (ara punt B.). It-tieni u t-tielet domanda preliminari, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jirrigwardaw l-ammonti li għandhom, jekk ikun il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità (ara punt C.).

    A.   Rimarka preliminari

    17.

    Għajnuna tkun formalment illegali meta tkun ġiet implimentata bi ksur tar-regola proċedurali prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE ( 10 ). L-Artikolu 108(3) TFUE jifforma parti integrali mis-sistema ta’ kontroll stabbilita mit-TFUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-Istati Membri huma obbligati, min-naħa, li jinnotifikaw il-miżuri kollha mal-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tiġi introdotta jew immodifikata għajnuna skont l-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, li ma jimplimentawx tali miżuri, konformement mat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx iddeċidiet b’mod definittiv fir-rigward tagħhom ( 11 ).

    18.

    Dan l-obbligu ta’ notifika u ta’ Standstill huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-effetti ta’ għajnuna ma jidħlux fis-seħħ qabel mal-Kummissjoni tkun setgħet teżamina l-proġett fid-dettall f’terminu raġonevoli u, jekk ikun il-każ, tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ( 12 ). Dan jiżgura li qatt ma tiġi implimentata għajnuna inkompatibbli mas-suq intern ( 13 ).

    19.

    Ċertament, hemm xi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 651/2014 ( 14 ) fl-Artikolu 3 tiegħu jeżenta l-għajnuna, li tissodisfa r-rekwiżiti previsti f’dan ir-regolament, mir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 108(3) TFUE. Fl-istess ħin, il-premessa 7 tar-Regolament tenfasizza n-natura eċċezzjonali ta’ din l-eżenzjoni u tippreċiża li l-għajnuna l-oħra kollha huma suġġetti għall-Artikolu 108(3) TFUE.

    B.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

    20.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant) tistaqsi, essenzjalment, jekk il-qrati nazzjonali humiex obbligati jikkundannaw lill-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali għall-ħlas ta’ interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità, anki jekk il-Kummissjoni tkun iddikjarat l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern a posteriori skont l-Artikolu 106(2) TFUE, għar-raġuni li din kienet tikkostitwixxi kumpens għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali u minħabba f’hekk, hija ma kellhiex tiġi mħallsa lura.

    21.

    B’dan il-mod, l-ewwel domanda preliminari hija marbuta mas-sentenza fil-kawża CELF ( 15 ): f’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità għandhom jinġabru meta għajnuna mill-Istat tkun tħallset bi ksur tal-obbligu ta’ notifika, iżda tkun ġiet iddikjarata, a posteriori, bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE ( 16 ). Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-raġuni li għaliha għajnuna titqies kompatibbli mas-suq intern għandhiex effett fuq l-obbligu li jitħallsu interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità.

    1. Prinċipju: obbligu ta’ interessi fuq l-għajnuna formalment illegali biss

    22.

    L-obbligu ta’ ħlas ta’ interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità jirriżulta fid-dritt sekondarju mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament 2015/1589 u mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999 ( 17 ). Ċertament, din il-leġiżlazzjoni tirreferi espliċitament għas-sitwazzjoni fejn għajnuna ma tkunx kompatibbli mas-suq intern u jeħtieġ, konsegwentement, li tiġi mħallsa lura. Għalhekk, għall-perijodu ta’ illegalità, jiġifieri bejn l-implimentazzjoni u d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, għandhom jitħallsu l-interessi.

    23.

    Iżda fil-kawża CELF, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu li jitħallsu interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità japplika wkoll meta l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE u ma tiġix mitluba lura ( 18 ).

    24.

    Din il-ġurisprudenza jeħtieġ, bħala prinċipju, li tapplika għall-għajnuna kollha kompatibbli mas-suq intern, iżda fl-istess ħin illegali, ikun xi jkun il-kuntest tal-kompatibbiltà tagħha. Dawn l-oġġezzjonijiet ma jistgħux jintlaqgħu sa fejn b’mod partikolari l-Gvern Daniż u l-Gvern Olandiż isostnu li l-ġurisprudenza fil-kawża CELF ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni minħabba l-kompatibbiltà derogatorja fil-qasam tal-għajnuna illegali għas-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali.

    25.

    Fil-fatt, l-obbligu ta’ interessi joriġina mill-ksur tar-regola proċedurali tal-Artikolu 108(3) TFUE. Dan il-ksur proċedurali jeżisti fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ notifika u ta’ Standstill, indipendentement minn jekk l-għajnuna hijiex kompatibbli jew le mas-suq intern. Il-proċedura, li minnha jagħmel parti l-obbligu ta’ notifika u ta’ Standstill, hija intiża preċiżament sabiex tippermetti li jiġi ddeterminat jekk il-miżura tikkostitwixxix għajnuna u, jekk ikun il-każ, jekk din hijiex kompatibbli mas-suq intern. Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 108(3) TFUE huma, minħabba f’hekk, preċedenti għad-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà.

    26.

    Skont il-ġurisprudenza, deċiżjoni ta’ kompatibbiltà adottata mill-Kummissjoni bħala deċiżjoni finali tal-proċedura ta’ eżami ma ssewwix, b’analoġija, il-ksur tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE ( 19 ) u, konsegwentement, ma għandhiex effett fuq l-illegalità tal-għajnuna. Kull interpretazzjoni oħra twassal għall-ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE u ċċaħħad lil dan ir-rekwiżit mill-effett utli tiegħu ( 20 ). Fil-fatt, jekk, fil-każ ta’ pjan ta’ għajnuna partikolari, kemm jekk ikunx kompatibbli jew le mas-suq intern, in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 108(3) TFUE ma jwassalx għal inkonvenjenzi jew sanzjonijiet ikbar milli kieku dan ir-rekwiżit kien ġie osservat, l-inċentiv tal-Istati Membri li jinnotifikaw l-għajnuna u li jistennew deċiżjoni ta’ kompatibbiltà, kif ukoll allura l-impatt tal-kontroll tal-Kummissjoni, jitnaqqas b’mod sostanzjali ( 21 ).

    27.

    Għandu jingħad ukoll li tali interpretazzjoni tkun timplika diskrepanza ta’ kompetenzi. Fil-fatt, fis-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, huma l-qrati nazzjonali li għandhom iħarsu d-drittijiet tal-individwi kontra ksur potenzjali tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE u, jekk ikun il-każ, jeliminaw l-effetti tal-illegalità ta’ għajnuna ( 22 ). Min-naħa l-oħra, hija l-Kummissjoni li tevalwa jekk miżura ta’ għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern ( 23 ). Li kieku d-deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni kellha l-effett li ssewwi l-ksur proċedurali, il-Kummissjoni kieku tiddeċiedi indirettament fuq il-ksur tad-dritt imwettaq kontra diversi kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna wkoll ( 24 ) u ċċaħħadhom mill-possibbiltajiet tagħhom ta’ rimedju legali quddiem il-qrati nazzjonali.

    28.

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ksur proċedurali jibqa’ jeżisti indipendentement mill-eventwali kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern. Kif enfasizzat b’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża CELF, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qrati nazzjonali jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jeliminaw effettivament l-effetti tal-illegalità ( 25 ).

    29.

    Fil-kawża CELF stess, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-ħlas ta’ interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità bħala mezz leġittimu għal din ir-rimedju ( 26 ). Fil-fatt, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jħarsu, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-individwi minn ksur li jirriżulta mill-illegalità tal-għajnuna ( 27 ).

    30.

    Il-ksur tal-obbligu ta’ Standstill jagħti lok għal vantaġġ kompetittiv għall-benefiċjarju tal-għajnuna illegali, li l-kontroparti tiegħu hija ksur tad-dritt ta’ terzi li joperaw fl-istess suq. Dan il-vantaġġ jista’ jkun ta’ natura finanzjarja, għaliex jista’ jiġi kkunsidrat li l-benefiċjarju tal-għajnuna kellu jikseb dan is-sussidju mod ieħor matul il-proċedura ta’ eżami u tas-sospensjoni tal-miżura li hija timplika. Dan għandu jkun ukoll il-każ għal fornituri ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, b’mod ġenerali, fil-forma ta’ self b’rata aġġornata, b’tali mod li dan ikun suġġett għal interessi pagabbli bir-rata tas-suq ( 28 ). Għaliex avolja f’dawn is-setturi l-impriżi li jappartjenu lill-Istat ikunu ta’ spiss attivi u jistgħu jiġu ffinanzjati mill-Istat permezz ta’ żidiet fil-kapital, huwa biss is-self bir-rata tas-suq li jikkostitwixxi possibbiltà ta’ finanzjament, li ma tinsabx fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat u li għalhekk tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni ad hoc, mingħajr proċedura amministrattiva preċedenti.

    31.

    Barra minn hekk, il-vantaġġ tal-implimentazzjoni bikrija tal-għajnuna jinsab ukoll fil-fatt li l-kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna jkunu esposti għall-effetti ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern iktar kmieni milli kieku tkun ġiet osservata l-proċedura u minħabba f’hekk tittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarju tal-għajnuna meta mqabbel mal-operaturi l-oħra fis-suq matul il-perijodu ta’ illegalità ( 29 ).

    32.

    Dan il-vantaġġ, li ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ suq li mhux marbut ma’ servizzi pubbliċi, jibbenefika wkoll lil fornituri ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali. Fil-fatt, l-Artikolu 14 TFUE u l-Artikolu 106(2) TFUE jippreċiżaw li, anki f’dan il-qasam, il-kompetizzjoni bħala prinċipju teżisti u hija mixtieqa. B’mod partikolari, il-fatti ta’ dan il-każ juru li din l-evalwazzjoni tikkorrispondi wkoll għar-realtà tas-suq tax-xandir ikkonċernat. Viasat bħala impriża privata tikkompeti ma’ TV 2 li hija impriża pubblika. L-impriża li hija inkarigata bil-forniment tas-servizzi għandha għalhekk pożizzjoni kompetittiva li titjieb peress li hija diġà għandha riżorsi finanzjarji ta’ pprogrammar f’mument meta l-Kummissjoni kienet għadha ma ddeċidietx fuq l-għajnuna. Fil-qasam tat-televiżjoni, tali mezzi għandhom ikunu ta’ interess, b’mod partikolari għall-kompetizzjoni tad-drittijiet esklużivi tat-trażmissjoni.

    33.

    F’dan il-kuntest, għandhom jiġu miċħuda wkoll l-oġġezzjonijiet ta’ TV 2 kif ukoll tal-Gvern Daniż u dak Olandiż li, skonthom f’dan il-każ ta’ TV 2, ma nħoloqx vantaġġ indebitu kawża tal-implimentazzjoni bikrija tal-għajnuna jew, fi kwalunkwe każ, dan il-vantaġġ kellu jiġi stabbilit f’evalwazzjoni individwali. Insostenn tal-argumenti tagħhom, il-partijiet ikkonċernati jsostnu, essenzjalment, li TV 2 ma kinitx is-suġġett ta’ kumpens żejjed kawża tal-għajnuna, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll meta l-effett tal-implimentazzjoni bikrija tal-għajnuna jiġi evalwat.

    34.

    Madankollu, din l-oġġezzjoni, li hija marbuta b’mod tematiku mal-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern u, għaldaqstant, mal-fatti msemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE, ma tistax tostakola l-vantaġġ tal-aċċess bikri, espost fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jirriżulta mill-ksur proċedurali. Fil-fatt, il-vantaġġ materjali għandu jiġi distint mill-vantaġġ li jirriżulta mill-implimentazzjoni illegali. Filwaqt li tal-ewwel huwa rekwiżit materjali għal għajnuna li l-eżistenza tiegħu għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni abbażi ta’ ċerti kriterji, it-tieni vantaġġ ma jeħtieġx evalwazzjoni individwali, peress li l-pożizzjoni iktar favorevoli fil-konfront tal-kompetituri potenzjali tirriżulta diġà mid-disponibbiltà tar-riżorsi tal-Istat u ma tiddependix minn jekk il-Kummissjoni tiddikjarax il-miżura bħala kompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, anki jekk miżura hija ġġustifikata, din tkun biss suġġetta għal proċedura ġusta ( 30 ).

    35.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi adottat il-prinċipju li għajnuna implimentata bi ksur tal-obbligu ta’ notifika u ta’ Standstill li jirriżulta mill-Artikolu 108(3) TFUE, twassal, indipendentement mill-eventwali kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, għal interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità minħabba l-implimentazzjoni bikrija li tagħti vantaġġ indebitu lill-benefiċjarju tal-għajnuna.

    2. L-ebda eċċezzjoni fil-qasam tal-għajnuna għall-forniment ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali

    36.

    Madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk il-privileġġ li jibbenefika minnu l-forniment ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali permezz tat-Trattati Ewropej, b’mod partikolari l-Artikolu 14 u l-Artikolu 106(2) TFUE, jeħtieġx eċċezzjoni ta’ dan il-prinċipju. Huwa f’dan il-qasam li jitqajmu l-oġġezzjonijiet ta’ TV 2 u tal-Gvern Awstrijak li jsostnu li, skont l-Artikolu 106(2) TFUE, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108(3) TFUE jew, fi kwalunkwe każ, l-obbligu tal-ħlas tal-interessi, ma għandhomx jiġu applikati sa fejn l-istandard jew dan l-obbligu jostakolaw il-forniment ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali.

    37.

    Skont l-Artikolu 106(2) TFUE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, b’mod partikolari r-regoli tal-kompetizzjoni, japplikaw għal impriżi inkarigati mill-forniment ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjoni speċifika mogħtija lil dawn l-impriżi.

    38.

    Skont l-Artikolu 14 TFUE, bla ħsara għall-Artikolu 4 TUE kif ukoll għall-Artikoli 93, 106 u 107 TFUE, u fid-dawl tal-post li jokkupaw is-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali fil-valuri komuni tal-Unjoni kif ukoll l-importanza tagħhom fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prinċipji u l-kundizzjonijiet, b’mod partikolari dawk ekonomiċi u finanzjarji, ikunu maħsuba sabiex dawn is-servizzi jiżguraw it-twettiq tal-kompiti tagħhom.

    39.

    Il-Protokolli annessi mat-Trattati Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali ( 31 ) u Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri ( 32 ) jikkonfermaw dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ( 33 ).

    40.

    L-obbligu tal-ħlas tal-interessi fir-rigward ta’ għajnuna formalment illegali huwa ta’ natura li jaffettwa dan l-għan ta’ garanzija tas-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali. Fil-fatt, ikun inkompatibbli ma’ dan l-għan, u għalhekk, b’mod definittiv, mal-imsemmija rekwiżiti tad-dritt primarju, jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna jiġi mċaħħad definittivament mill-fondi neċessarji sabiex joffri l-imsemmija servizzi permezz tal-obbligu ta’ ħlas tal-interessi.

    41.

    Madankollu, l-Artikolu 106(2) TFUE jipprevedi żewġ possibbiltajiet sabiex tingħeleb il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-għajnuna finanzjarja ta’ dawn it-tip ta’ servizzi u sabiex tiġi stabbilita relazzjoni raġonevoli bejn l-obbligu tal-ħlas tal-interessi u l-garanzija ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali: L-ewwel, skont il-kriterji tas-sentenza Altmark Trans ( 34 ), ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, it-tieni, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza miżuri ta’ għajnuna li ma jissodisfawx dawn il-kriterji, jiġifieri li jikkostitwixxu għajnuna.

    42.

    Għalhekk, jekk minħabba l-obbligu ta’ ħlas tal-interessi jkun hemm defiċit fil-finanzjament tal-forniment ta’ servizzi, l-Istat Membru jista’ jivverifika, fir-rigward ta’ din l-għajnuna speċifika, jekk dan l-obbligu jiħux post l-ispejjeż tal-interessi skont il-kriterji tas-sentenza Altmark Trans ( 35 ) għall-fornitur tas-servizzi, sabiex xorta waħda jippermetti l-implimentazzjoni tas-servizzi neċessarji. F’dan il-każ, il-forniment tas-servizzi jibqa’ żgurat. Għalhekk, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma jipprekludux il-kumpens tal-ispejjeż tal-interessi.

    43.

    Jekk il-miżura li trodd lura l-interessi lill-fornitur ma tissodisfax il-kriterji Altmark, l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jipprovdi l-mezzi neċessarji bħala għajnuna, iżda din tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni ( 36 ). Din l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE, sa fejn il-piż finanzjarju tal-interessi jimpedixxi, de jure jew de facto, it-twettiq tas-servizzi trażmessi.

    44.

    Ċertament, din is-soluzzjoni tista’ tiġi opposta sempliċement minħabba li, sabiex jissodisfa r-rekwiżiti formali tal-proċedura, il-benefiċjarju ta’ ħlas awtorizzat huwa obbligat irodd lura lill-Istat Membru parti minn dan il-ħlas fil-forma ta’ interessi, bl-uniku għan li sussegwentement jirkupra dan l-ammont permezz ta’ għajnuna mill-ġdid. Huwa f’dan il-kuntest li tqum il-kwistjoni dwar jekk, f’każijiet partikolari, is-sospensjoni tal-obbligu ta’ interessi għal għajnuna illegali iżda awtorizzata għall-forniment ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali hijiex adattata aħjar għall-pożizzjonijiet legali materjali tal-partijiet ikkonċernati.

    45.

    Iżda b’riżultat ta’ dan, tali approċċ għandu jiġi miċħud. Qabel kollox, it-tqassim tal-kompetenzi tal-eżami fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jipprekludi dan. Fil-fatt, is-“sospensjoni” tal-interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità ( 37 ) tikkostitwixxi fir-realtà l-adozzjoni tagħhom u, għaldaqstant, għajnuna f’każ li l-kriterji tas-sentenza Altmark Trans ma jiġux osservati. L-eżami tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE għandu jsir biss mill-Kummissjoni u lanqas ma jista’ jitwettaq, f’każijiet individwali, mill-qrati nazzjonali.

    46.

    Għandu jingħad ukoll li l-obbligu ta’ notifika u ta’ Standstill, li l-obbligu ta’ ħlas tal-interessi jiżgura l-effettività tagħhom, iħares ukoll, minbarra l-għanijiet imfakkra iktar ’il fuq ( 38 ), id-drittijiet tal-kompetituri ta’ benefiċjarju ta’ għajnuna. Dan l-aspett ma jkunx għadu fl-użu jekk l-għajnuna tirriżulta kompatibbli mas-suq intern u jekk l-interessi jingħataw lura lill-benefiċjarju.

    47.

    Barra minn hekk, id-drittijiet proċedurali tal-kompetituri jassumu importanza partikolari fil-qafas tar-regoli Ewropej dwar l-għajnuna. Min-naħa, dawn jistgħu jagħtu kontribut importanti lill-effettività tal-kontroll fuq l-għajnuna. Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni tal-għajnuna hija intiża sabiex tħares kompetizzjoni mingħajr distorsjoni li tista’ tiġi ristretta permezz ta’ għajnuna għal servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali biss sa fejn dan ikun effettivament neċessarju.

    48.

    Il-mezz propost f’dan il-każ għas-soluzzjoni tat-tensjoni bejn l-obbligu tal-ħlas tal-interessi u l-garanzija tas-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, jimplika piż amministrattiv ikbar, iżda fl-istess waqt jipprekludi kull inċentiv sabiex tiġi rtirata n-notifika minn qabel fil-każ ta’ għajnuna għal servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali. Barra minn hekk, dan jissalvagwardja t-tqassim tal-kompetenzi ta’ eżami bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Huwa jiggarantixxi d-drittijiet tal-kompetituri u jiżgura li l-portata ta’ tali għajnuna tkun suġġetta għal kontroll strett, kemm jekk fil-qafas tal-kriterji Altmark, kif ukoll jekk fil-każ tal-approvazzjoni mill-Kummissjoni.

    49.

    Għalhekk, l-obbligu ta’ qorti nazzjonali, li timponi fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna l-ħlas ta’ interessi marbuta ma’ perijodu ta’ illegalità, japplika wkoll meta l-għajnuna illegali mill-Istat tkun ingħatat għat-twettiq ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali u meta l-Kummissjoni tkun iddikjaratha kompatibbli mas-suq intern a posteriori, konformement mal-Artikolu 106(2) TFUE abbażi tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika globali tal-impriża pubblika, inkluża l-kapitalizzazzjoni tagħha.

    C.   It-tieni u t-tielet domanda preliminari

    50.

    Il-bażi li fuqha jiġi kkalkolat l-ammont tal-interessi hija s-suġġett tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari. Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiċċara l-ammont li huwa l-bażi tal-interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità. Hija tistaqsi, essenzjalment, jekk għandhomx jinġabru interessi fuq il-miżuri kollha ta’ finanzjament favur TV 2 matul il-perijodu kkunsidrat f’dan il-każ jew jekk ċerti miżuri humiex eżentati minn dan.

    51.

    Dawn id-domandi jistgħu jingħataw risposta konġunta. Ċertament, huma għandhom diversi punti ta’ konnessjoni, peress li t-tieni domanda tirrigwarda l-parti tal-miżuri ta’ finanzjament favur TV 2, li tirriżulta mid-dħul mir-reklamar, filwaqt li t-tielet domanda għandha bħala suġġett l-ammonti li TV 2 ittrasferixxiet lill-istazzjonijiet reġjonali. Iżda r-risposta għaż-żewġ domandi tirriżulta b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet rilevanti kif ukoll mill-ġurisprudenza relatata magħhom.

    52.

    Skont dawn, l-obbligu ta’ notifika u ta’ Standstill jikkonċerna kull miżura ta’ għajnuna ( 39 ). Il-qrati tal-Unjoni kkonfermaw ukoll li r-rekwiżiti tal-Artikolu 107(1) TFUE kienu ssodisfatti f’dak li jirrigwarda d-dħul mir-reklamar ( 40 ) u l-ammonti li TV 2 kienet ittrasferixxiet lill-istazzjonijiet reġjonali ( 41 ). Għaldaqstant huwa stabbilit li dawn l-elementi tal-miżuri ta’ finanzjament jikkostitwixxu wkoll għajnuna mill-Istat.

    53.

    Peress li l-Istat Daniż ma nnotifikax din l-għajnuna b’mod xieraq u lanqas ma ssospendiha sa ma toħroġ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, din l-għajnuna hija wkoll, fir-rigward tal-ammonti msemmija separatament hawnhekk, formalment illegali, li tagħti lok għal interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità.

    54.

    Kif diġà ġie indikat, lanqas ma huwa determinanti, fir-rigward tal-interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità, li jsir magħruf jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna illegali gawdiex jew għadux igawdi vantaġġ indebitu minn din l-istess għajnuna ( 42 ). Huwa għalhekk irrilevanti li, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, TV 2 ma ħaditx “vantaġġ nett” mid-dħul li hija ttrasferixxiet lill-istazzjonijiet reġjonali. L-obbligu tal-ħlas tal-interessi jirriżulta mill-ksur proċedurali u jikkumpensa l-vantaġġ li jirriżulta mill-implimentazzjoni bikrija tal-għajnuna ( 43 ).

    55.

    Għaldaqstant, it-tweġiba għat-tieni u għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-qrati nazzjonali huma obbligati li jimponu l-ħlas ta’ interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna fir-rigward tal-ammonti kollha li, permezz ta’ deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, ġew ikklassifikati bħala vantaġġ għall-benefiċjarju tal-għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    VI. Konklużjoni

    56.

    Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1)

    L-obbligu ta’ qorti nazzjonali, li timponi l-ħlas ta’ interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna japplika wkoll meta l-għajnuna mill-Istat illegali tkun ingħatat għat-twettiq ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali u meta l-Kummissjoni tkun qisitha kompatibbli mas-suq intern a posteriori, skont l-Artikolu 106(2) TFUE, abbażi tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika globali tal-impriża pubblika, inkluża l-kapitalizzazzjoni tagħha.

    2)

    L-obbligu ta’ qorti nazzjonali, li timponi l-ħlas ta’ interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna japplika għall-ammonti kollha li, permezz ta’ deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, ġew ikklassifikati bħala vantaġġ għall-benefiċjarju tal-għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni (C‑660/15 P, EU:C:2017:178), kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2017, TV2/Danmark vs Il‑Kummissjoni (C‑649/15 P, EU:C:2017:835), Il‑Kummissjoni vs TV2/Danmark (C‑656/15 P, EU:C:2017:836), u Viasat Broadcasting UK vs TV2/Danmark (C‑657/15 P, EU:C:2017:837).

    ( 3 ) Punt 39 et seq. tal-Avviż dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali (ĠU 2009, C 85, p. 1).

    ( 4 ) Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 52 u 55 kif ukoll id-dispożittiv 1).

    ( 5 ) ĠU 2015, L 248, p. 9.

    ( 6 ) Ir-Regolament 2015/1589 ssostitwixxa, bid-dħul fis-seħħ tiegħu fl‑14 ta’ Ottubru 2015, lir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), u adotta l-Artikolu 14(2) fl-Artikolu 16(2) il-ġdid tiegħu.

    ( 7 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il‑Kummissjoni (T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, EU:T:2008:457).

    ( 8 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE tal‑20 ta’ April 2011 (ĠU 2011, L 340, p. 1).

    ( 9 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni (C‑660/15 P, EU:C:2017:178), kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2017, TV2/Danmark vs Il‑Kummissjoni (C‑649/15 P, EU:C:2017:835), Il‑Kummissjoni vs TV2/Danmark (C‑656/15 P, EU:C:2017:836), u Viasat Broadcasting UK vs TV2/Danmark (C‑657/15 P, EU:C:2017:837).

    ( 10 ) Artikolu 1(f) tar-Regolament 2015/1589.

    ( 11 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 12 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑301/87, EU:C:1990:67, punt 17 u tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 36).

    ( 13 ) Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 47).

    ( 14 ) Regolament tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU 2014, L 187, p. 1).

    ( 15 ) Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79).

    ( 16 ) Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 55).

    ( 17 ) Fid-data rilevanti f’dan il-każ, ir-Regolament Nru 659/1999 kien fis-seħħ; dan ġie ssostitwit bir-Regolament 2015/1589, li adotta b’mod identiku s-sistema tal-interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità.

    ( 18 ) Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 52).

    ( 19 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Féderation nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon (C‑354/90, EU:C:1991:440, punt 16), u tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 40).

    ( 20 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Féderation nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon (C‑354/90, EU:C:1991:440, punt 16), u tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 40).

    ( 21 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644, punt 42).

    ( 22 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644, punti 38 u 44), u tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 38, 4146).

    ( 23 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644, punt 38), u tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 38).

    ( 24 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644, punt 41).

    ( 25 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644, punti 4748), u tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 46).

    ( 26 ) Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 52).

    ( 27 ) Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 38 u 39).

    ( 28 ) Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 51).

    ( 29 ) Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 50 u 51).

    ( 30 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 98).

    ( 31 ) ĠU 2010, C 83, p. 308.

    ( 32 ) ĠU 2010, C 83, p. 312.

    ( 33 ) Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni (C‑660/15 P, EU:C:2017:178, punti 3637).

    ( 34 ) Sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans und Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

    ( 35 ) Sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 88 sa 93); ara wkoll is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni (C‑660/15 P, EU:C:2017:178, punt 26).

    ( 36 ) Soluzzjoni simili diġà ġiet adottata darba f’dan il-każ: id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 3632 finali tas‑6 ta’ Ottubru 2004 fil-każ dwar għajnuna mill-Istat N 313/2004 fir-rigward taż-żieda fil-kapital ta’ (TV2 A/S) (ĠU 2005, C 172, p. 3).

    ( 37 ) Punti 22 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 38 ) Punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 39 ) Artikolu 108(3) TFUE, premessi 2 u 5, u Artikoli 2 u 3 tar-Regolament 2015/1589, kif ukoll is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 88).

    ( 40 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs TV2/Danmark (C‑656/15 P, EU:C:2017:836, punti 52 u 53).

    ( 41 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Settembru 2015, TV2/Danmark vs Il‑Kummissjoni (T‑674/11, EU:T:2015:684, punt 167 sa 172), u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Novembru 2017, TV2/Danmark vs Il‑Kummissjoni (C‑649/15 P, EU:C:2017:835, punti 48 sa 57).

    ( 42 ) Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 43 ) Ara l-punti 31 u 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    Top