SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
8 ta’ Marzu 2017 ( *1 )
“Appell — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 107(1) TFUE — Artikolu 106(2) TFUE — Miżura tal-awtoritajiet Daniżi favur xandar Daniż ta’ servizz pubbliku TV2/Danmark — Kumpens għall-ispejjeż inerenti għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern”
Fil-Kawża C-660/15 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-8 ta’ Diċembru 2015,
Viasat Broadcasting UK Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Honoré u S. E. Kalsmose-Hjelmborg, avukat,
rikorrenti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Grønfeldt kif ukoll minn L. Flynn u B. Stromsky, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn M. C. Thorning, bħala aġent, assistit minn R. Holdgaard, avukat,
TV2/Danmark A/S, stabbilita f’Odense (id-Danimarka), irrappreżentata minn O. Koktvedgaard, avukat,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, E. Regan, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Novembru 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Viasat Broadcasting UK Ltd (iktar ’il quddiem “Viasat”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Settembru 2015, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni (T-125/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:687) li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE, tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C 2/03) għal TV2/Danmark (ĠU L 340, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li rrikonoxxiet in-natura ta’ għajnuna mill-Istat tad-diversi miżuri adottati mir-Renju tad-Danimarka favur TV2/Danmark (iktar ’il quddiem “TV2”), iddeċidiet li dawn tal-aħħar kellhom jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2 |
Fil-punti 1 sa 17 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreżentat il-fatti li wasslu għall-kawża, kif ġej:
‘Artikolu 1 Il-miżuri li d-Danimarka implimentat favur [TV2] bejn l-1995 u l-2002 fil-forma ta’ fondi mid-drittijiet tal-liċenzja u miżuri oħra identifikati fid-deċiżjoni preżenti huma kompatibbli mas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 106(2) [TFUE]’.” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
3 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Marzu 2012, Viasat talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
4 |
Permezz ta’ żewġ motivi Viasat sostniet li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2 kienu inkompatibbli mas-suq intern. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni li, waqt li evalwat il-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE, ma ħaditx inkunsiderazzjoni it-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark. It-tieni motiv kien ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Kummissjoni li tipprovdi motivazzjoni sa fejn din l-istituzzjoni, mingħajr ma pprovdiet ebda raġuni, iddeċidiet li l-Artikolu 106(2) TFUE kien japplika għal dan il-każ, filwaqt li t-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark ma kinux issodisfatti. |
5 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors, sa fejn dan tal-aħħar kellu bħala l-għan tiegħu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li l-Kummissjoni kienet qieset li d-dħul mir-reklamar tas-snin 1995 u 1996 imħallas lil TV2 permezz tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u ċaħdet il-kumplament ta’ dan ir-rikors. |
6 |
Permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2015, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni (T-674/11, EU:T:2015:684), il-Qorti Ġenerali, fuq rikors ta’ TV2, annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat id-dħul mir-riklami fis-snin 1995 u 1996, mħallas lil TV2. |
It-talbiet tal-partijiet;
7 |
Viasat titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
8 |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
9 |
Ir-Renju tad-Danimarka jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell. |
10 |
TV2 A/S titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
11 |
Wara l-ħruġ tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Jannar 2017, Viasat talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura. Insostenn tat-talba tagħha, Viasat issostni li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jiddifformaw uħud mill-argumenti tagħha u jinvokaw argumenti distinti li ma ġewx diskussi mill-partijiet. |
12 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
13 |
Madankollu, dan l-istatut u dawn ir-regoli ma jipprovdux għall-possibbiltà, tal-partijiet ikkonċernati, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C-162/13, EU:C:2014:2146, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
14 |
F’dan ir-rigward, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE jirriżulta li l-Avukat Ġenerali għandu ir-rwol li jippreżenta pubblikament, bl-imparzjalità u l-indipendenza kollha, konklużjonijiet motivati fuq il-kawżi li jkunu jirrikjedu l-intervent tiegħu, bl-intiż li l-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni tagħhom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-imsemmija konklużjonijiet, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet eżaminati fihom, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi bażi li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario, C-104/16 P, EU:C:2016:973, punti 60 u 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
15 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tieħu deċiżjoni u li dawn l-elementi kienu ġew diskussi mill-partijiet. |
16 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq l-appell
Fuq l-ewwel aggravju ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE
L-argumenti tal-partijiet
17 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Viasat tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri kkonċernati fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 106(2) TFUE, b’mod partikolari dawk li skonthom, minn naħa, l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattati għandha tostakola l-missjoni stabbilita u, min-naħa l-oħra, l-implementazzjoni ta’ din il-missjoni ma għandhiex taffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ b’mod li jkun kontra l-interess tal-Unjoni Ewropea, din l-istituzzjoni ma kinitx obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-miżuri ma kinux jissodisfaw it-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark. Skont dawn il-kundizzjonijiet, il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens għat-twettiq ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu stabbilit minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, u dan il-kumpens għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li kien ikollha tagħmel impriża ta’ daqs medju, li tkun immexxija tajjeb sabiex teżegwixxi l-missjoni ta’ servizz pubbliku inkwistjoni. |
18 |
Viasat issostni li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE jirriżulta li r-rekwiżit li skontu l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandha tostakola t-twettiq tal-missjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li din tagħmel riferiment għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat. Għalhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 106(2), dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra għandhom jiġu eżaminati minn qabel. Għaldaqstant, f’dan il-każ, f’dan il-kuntest, kien jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk kull waħda mill-kundizzjonijiet Altmark kinitx tostakola jew le t-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku imposta fuq TV2. Li kieku sar dan l-eżami, il-Kummissjoni kienet tikkonkludi li l-adozzjoni, favur TV2, ta’ miżuri li jissodisfaw it-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark, ma kinitx tostakola t-twettiq ta’ din il-missjoni. |
19 |
Addizzjonalment, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti marbuta mal-ostakolu għat-twettiq tal-missjoni inkwistjoni u l-assenza ta’ preġudizzju għall-iżvilupp tal-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni kellha titlob lir-Renju tad-Danimarka jipprova li l-osservanza tat-tieni u tar-raba’ kundizzjoni Altmark kienet tostakola t-twettiq tal-missjoni ta’ interess ekonomiku ġenerali impost fuq TV2. |
20 |
Il-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka kif ukoll TV2 A/S jikkunsidraw li l-aggravju huwa infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
21 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Viasat issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha skont l-Artikolu 106(2) TFUE, li tieħu inkunsiderazzjoni t-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark bil-għan li tivverifika jekk l-osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet kinitx tostakola t-twettiq minn TV2 tal-missjoni li ġiet imposta fuqha. |
22 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li sabiex miżura nazzjonali tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, qabel kollox, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat; it-tieni, l-intervent għandu jkun tali li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri; it-tielet, għandu jagħti vantaġġ selettiv lil impriża u, ir-raba’, għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C-399/08 P, EU:C:2010:481, punt 39 u l-ġurisprudenza stabbilita). |
23 |
Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, miżura statali ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat jekk waħda minnhom ma tkunx issodisfatta. Għall-kuntrarju, jekk ikun ssodisfatti l-imsemmija kundizzjonijiet kollha, dik il-miżura tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u, għaldaqstant, salv għad-derogi previsti mit-Trattati, tkun inkompatibbli mas-suq intern. |
24 |
Fir-rigward tat-tielet kriterju tal-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, skont ġurisprudenza stabbilita, huma kkunsidrati bħala għajnuna dawk l-interventi li, irrispettivament mill-forma tagħhom, ikunu jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament impriżi jew li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma setgħetx tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-270/15 P, EU:C:2016:489, punt 34). |
25 |
Madankollu jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, fejn miżura jew intervent statali għandu jitqies bħala kumpens għal servizzi mogħtija mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawk l-impriżi ma jgawdux minn vantaġġ finanzjarju reali u l-miżura b’hekk ma jkollhiex l-effett li tpoġġihom f’pożizzjoni kompetittiva aktar favorevoli minn impriżi oħrajn li qed jikkompetu magħhom, tali intervent ma jaqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, EU:C:2003:415, punt 87). |
26 |
Skont il-punti 88 sa 93 tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, EU:C:2003:415), sabiex tali intervent ma jkunx suġġett għall-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, għandhom jiġu ssodisfatti ċertu numru ta’ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, l-impriża benefiċjarja għandha effettivament tkun inkarigata twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar. Fit-tieni lok il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. Fit-tielet lok, il-kumpens ma għandux jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti, b’mod sħiħ jew parzjali, l-ispejjeż imġarrba fit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Fir-raba’ lok, il-livell ta’ kumpens neċessarju għandu jiġu ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija sew u adegwatament attrezzata sabiex twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku, kienet iġġarrab sabiex twettaq tali obbligi. |
27 |
Fil-każ li ma jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, il-miżura statali inkwistjoni tkun tikkonċedi vantaġġ selettiv lil impriża li tkun il-benefiċjarja tagħha, u jekk, barra minn hekk, il-kriterji l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE ma jkunux ġew sodisfatti, din il-miżura tkun tikkostitwixxi għajnuna li fil-prinċipju hija inkompatibbli mas-suq intern. |
28 |
Fir-rigward tal-Artikolu 106(2) TFUE, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huma suġġetti għar-regoli tat-Trattati u, b’mod partikolari, għar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tfixkilx it-twettiq de jure jew de facto tal-missjoni partikolari li ngħatat lilhom u li l-iżvilupp tal-kummerċ m’għandux isir b’mod kuntrarju għall-interess tal-Unjoni. |
29 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-kliem stess tal-Artikolu 106(2) TFUE juri li d-derogi mir-regoli tat-Trattat huma permessi biss jekk dawn ikunu neċessarji għat-twettiq tal-missjoni partikolari li tkun ġiet fdata lil impriża inkarigata mill-ġestjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-159/94, EU:C:1997:501, punt 54, u tat-28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C-1/12, EU:C:2013:127, punt 106). |
30 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li li ma huwiex neċessarju li l-ekwilibriju finanzjarju jew il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża inkarigata mill-ġestjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jkunu mhedda. Huwa suffiċjenti li, fl-assenza ta’ drittijiet kontenzjużi, li jkun ostakolat it-twettiq tal-missjonijiet partikolari imposti fuq impriża u li ż-żamma ta’ dawn id-drittijiet tkun neċessarja sabiex tippermetti lid-detentur iwettaq il-missjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li jkunu ġew imposti fuqu f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain, C-162/06, EU:C:2007:681, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Filwaqt li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, derogi mir-regoli ġenerali tat-Trattat, l-Artikolu 106 (2) TFUE huwa intiż li jikkonċilja l-interess tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi, b’mod partikolari tas-servizz pubbliku, bħala strument tal-politika ekonomika jew fiskali mal-interess tal-Unjoni fl-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni u fil-preżervazzjoni tal-unità tas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-159/94, EU:C:1997:501, punt 55). |
32 |
Kif ġie espost fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, Viasat ikkunsidrat li l-Kummissjoni kienet obbligata tivverifika, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE, jekk l-osservanza tat-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark ostakolatx it-twettiq minn TV2 tal-missjoni li kienet ġiet imposta fuqha. |
33 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, sabiex twettaq eżami ta’ miżura skont l-Artikolu 106(2) TFUE, il-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma kellhiex teżamina l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza Altmark, b’mod partikolari it-tieni u r-raba’ kundizzjoni tagħha. |
34 |
Eżattament kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 63 tas-sentenza appellata, l-istħarriġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn dik il-ġurisprudenza għandu jsir fi stadju preċedenti, jiġifieri għandu jsir waqt l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-miżuri inkwistjoni għandhomx jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, din il-kwistjoni tiġi qabel dik tal-verifika, fejn applikabbli, dwar jekk l-għajnuna inkompatibbli hijiex madankollu neċessarja għat-twettiq tal-missjoni imposta fuq il-benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni, abbażi tal-Artikolu 106 (2) TFUE. |
35 |
Għall-kuntrarju, ma jkunx għad hemm lok li jiġu applikati l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza Altmark meta l-Kummissjoni, wara li tikkonstata li miżura għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna, b’mod partikolari, peress li l-impriża benefiċjarja ma tkunx f’pożizzjoni li tgħaddi mit-test tal-paragun ma’ impriża ta’ daqs medju, immexxija tajjeb u attrezzata b’mod adegwat sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tas-servizz pubbliku rikjesti, teżamina jekk tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 106(2) TFUE. |
36 |
Din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni, peress li hija speċifikata mill-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali (ĠU C 83, p. 308) kif ukoll, fir-rigward tas-suġġett inkwistjoni f’din il-kawża, mill-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri (ĠU C 83, p. 312), ma tistax tiġi interpretata b’mod iżolat fid-dawl tal-kliem tagħha biss, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifikazzjonijiet mwettqa mill-imsemmija protokolli. |
37 |
Issa, il-konklużjoni li tinsab fil-punt 35 tas-sentenza odjerna hija kkorroborata, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-kliem tal-protokoll Nru 29, li jistabbilixxi li “Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati għandhomhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ xandir sa fejn dan il-finanzjament ikun mogħti lill-organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku kif mogħtija, definita u organizzata minnkull Stat Membru, u sakemm dan il-finanzjament ma jaffettwax il-kondizzjonijiet ta’ kummerċ u l-kompetizzjoni fl-Unjoni sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, waqt li jibqa’ jittieħed kont tat-twettiq tal-missjoni ta’ dak is-servizz pubbliku”. |
38 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat fis-sentenza appellata li l-Artikolu 106(2) TFUE ma jobbligax lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni t-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark sabiex tiddeċiedi jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mas-suq intern skont din id-dispożizzjoni. |
39 |
Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE
L-argumenti tal-partijiet
40 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Viasat tikkritika l-punti 103 u 104 tas-sentenza appellata peress li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet il-motiv għal annullament ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha naxxenti mill-Artikolu 296 TFUE. |
41 |
Viasat tallega wkoll li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti risposta għall-motivi invokati fir-rikors tal-ewwel istanza. |
42 |
Il-Kummissjoni ssostni li dan it-tieni aggravju huwa parzjalment inammissibbli u f’kull każ infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
43 |
Skont ġurisprudenza stabbilita il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, EU:C:2011:620, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali warrbet il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi osservat li “[is-]silenzju tad-deċiżjoni dwar ir-rwol tat-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq interna ma huwiex dovut għal żball ta’ raġunament tal-Kummissjoni jew għal difett ta’ motivazzjoni li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata, iżda għall-fatt li din id-deċiżjoni tapplika qafas ta’ analiżi differenti minn dak li tiffavorixxi [Viasat]”. |
45 |
Kif ammettiet Viasat, id-deċiżjoni kkontestata kienet tkun immotivata b’mod insuffiċjenti biss li kieku l-Kummissjoni kienet obbligata li tapplika l-kuntest tal-analiżi li, skont Viasat, jirriżulta mill-Artikolu 106(2) TFUE. |
46 |
Issa, mill-punt 37 tas-sentenza odjerna jirriżulta li l-Artikolu 106(2) TFUE ma jobbligax lill-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni t-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark sabiex tiddeċiedi jekk għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mas-suq intern skont din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata kienet immotivata b’mod suffiċjenti. |
47 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ risposta għall-motivi invokati fir-rikors fl-ewwel istanza ma huwiex żviluppat biżżejjed sabiex il-partijiet l-oħra fl-appell ikunu jistgħu jwieġbu jew sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwar dan is-suġġett. Għaldaqstant huwa inammissibbli. |
48 |
Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
49 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
50 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma huwiex fondat, din għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ l-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
51 |
Peress li Viasat tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni u TV2 A/S |
52 |
Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li intervjenew fil-vertenza għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. |
53 |
Ir-Renju tad-Danimarka, bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.